Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea
MT
Is-serje L
2026/1047
12.5.2026
REGOLAMENT (UE) 2026/1047 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tad-29 ta’ April 2026
li jistabbilixxi Riżerva ta’ Talenti tal-UE
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 79(2), il-punt (a), tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1)
L-Unjoni u l-Istati Membri individwali qed jiffaċċjaw nuqqasijiet ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet f’firxa wiesgħa ta’ setturi u impjiegi, inkluż f’dawk rilevanti għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Jistgħu jkunu meħtieġa ħaddiema tas-sengħa fil-livelli kollha sabiex jiġu indirizzati dawk in-nuqqasijiet. Hemm nuqqasijiet estensivi li ilhom jeżistu fil-kostruzzjoni, fil-kura tas-saħħa, fl-ospitalità, fit-trasport, fit-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, fit-teknoloġija tax-xjenza, fl-inġinerija u fil-matematika. Dawk in-nuqqasijiet ġew aggravati mill-pandemija tal-COVID-19 u l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. In-nuqqasijiet ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet huma mistennija li jippersistu u jistgħu jmorru għall-agħar fid-dawl tal-isfidi demografiċi.
(2)
L-indirizzar tan-nuqqasijiet ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet jeħtieġ approċċ ambizzjuż u komprensiv fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, li, bħala prijorità, jippermetti lil dawk sottorappreżentati fis-suq tax-xogħol biex ikunu jistgħu jilħqu aħjar il-potenzjal sħiħ tagħhom. Dak l-approċċ jista’ jinkludi t-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol eżistenti f’konformità mal-objettivi tas-sena Ewropea tal-Ħiliet, stabbiliti bid-Deċiżjoni (UE) 2023/936 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-faċilitazzjoni tal-mobbiltà tal-ħaddiema fi ħdan l-UE, inkluż billi jsir użu aħjar mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE (4) u mid-Direttiva (UE) 2021/1883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u billi jiġi promoss in-network EURES, kif ukoll it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-attraenza ta’ ċerti okkupazzjonijiet. Madankollu, minħabba l-iskala tan-nuqqasijiet attwali fis-suq tax-xogħol u tax-xejriet demografiċi, il-miżuri mmirati lejn il-forza tax-xogħol domestika u tal-Unjoni weħidhom x’aktarx ma jkunux biżżejjed biex jindirizzaw in-nuqqasijiet eżistenti u futuri ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet. Skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-popolazzjoni tal-Unjoni hija pprojettata li tonqos b’mod sinifikanti. Barra minn hekk, l-għadd ta’ persuni fl-età tax-xogħol huwa pprojettat li jonqos saħansitra aktar. Għalhekk, il-migrazzjoni legali u ordnata hija essenzjali biex tikkomplementa dawk il-miżuri u trid tkun parti mis-soluzzjoni biex jiġu żgurati l-kwalità tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali, il-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku sostnut fl-Unjoni u biex jiġu appoġġati b’mod sħiħ it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali.
(3)
Sabiex tissaħħaħ l-attraenza tal-Unjoni għat-talent minn pajjiżi terzi, jiġi ffaċilitat ir-reklutaġġ internazzjonali ġust, jingħelbu n-nuqqasijiet ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet u jiġu pprovduti opportunitajiet biex iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jaħdmu f’okkupazzjonijiet neqsin mill-ħaddiema fl-Unjoni kollha, jenħtieġ li tiġi stabbilita Riżerva ta’ Talenti tal-UE. Jenħtieġ li r-Riżerva ta’ Talenti tal-UE tieħu l-forma ta’ pjattaforma għall-Unjoni kollha li tiġbor flimkien u tappoġġa t-tqabbil tal-profili ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi li jirrisjedu barra mill-Unjoni ma’ postijiet tax-xogħol vakanti ta’ impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti. Il-Parlament Ewropew appella għall-istabbiliment ta’ Riżerva ta’ Talenti tal-UE fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2021 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-politika u l-liġi dwar il-migrazzjoni legali (6).
(4)
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1364 (7) tħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu u jappoġġaw perkorsi tax-xogħol komplementari għal dawk li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali. Ir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE tista’ tgħin ukoll biex tali perkorsi komplementari jsiru operazzjonali.
(5)
Jenħtieġ li r-Riżerva ta’ Talenti tal-UE jkollha l-għan li tappoġġa lill-Istati Membri parteċipanti biex jindirizzaw in-nuqqasijiet eżistenti u futuri ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet permezz tar-reklutaġġ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, sa fejn l-attivazzjoni tal-forza tax-xogħol domestika u l-mobbiltà fi ħdan l-UE ma jkunux biżżejjed biex jintlaħaq dak l-objettiv. Bħala għodda volontarja biex tiffaċilita r-reklutaġġ internazzjonali, jenħtieġ li r-Riżerva ta’ Talenti tal-UE toffri appoġġ addizzjonali fil-livell tal-Unjoni lill-Istati Membri interessati. Għal dak l-għan, jenħtieġ li jiġu żgurati l-komplementarjetà u l-interoperabbiltà tal-pjattaforma tal-IT tar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE (il-“Pjattaforma tal-IT”) mal-inizjattivi u l-pjattaformi eżistenti tal-Unjoni u nazzjonali. Jenħtieġ li l-ħtiġijiet speċifiċi tal-Istati Membri jitqiesu fl-iżvilupp tar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE sabiex tiġi żgurata l-usa’ parteċipazzjoni possibbli. B’hekk, “talent” huwa terminu komprensiv li jirreferi għall-firxa sħiħa ta’ ħiliet u kompetenzi li jistgħu jkunu meħtieġa fis-swieq tax-xogħol ta’ Stati Membri differenti.
(6)
Minħabba n-natura volontarja tar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE, jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti jkunu jistgħu wkoll joħorġu mir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw lis-Segretarjat tar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE (is-“Segretarjat”) bl-intenzjoni tagħhom li joħorġu mir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE. Sabiex is-Segretarjat u l-Istati Membri jkunu jistgħu jwettqu l-arranġamenti tekniċi u prattiċi kollha meħtieġa għal tali ħruġ kif ukoll biex jiġu żgurati biżżejjed stabbiltà u prevedibbiltà għall-persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi, għall-impjegaturi parteċipanti u għal entitajiet parteċipanti oħra, jenħtieġ li l-ħruġ jidħol fis-seħħ disa’ xhur wara n-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ. Jenħtieġ li ebda post vakanti ġdid ta’ impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra mill-Istat Membru kkonċernat ma jkun disponibbli fuq il-Pjattaforma tal-IT mid-data ta’ dik in-notifika.
(7)
Ir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE għandha l-għan li tipprovdi informazzjoni lill-persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi u lill-impjegaturi parteċipanti u lil entitajiet parteċipanti oħra li huma stabbiliti legalment fl-Istati Membri parteċipanti. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, impjegatur jew entità oħra għandha titqies bħala stabbilita legalment fi Stat Membru fejn twettaq attività ekonomika sostanzjali ġenwina f’konformità mal-liġijiet nazzjonali u r-rekwiżiti amministrattivi ta’ dak l-Istat Membru. Il-kunċett ta’ “entità parteċipanti oħra” jenħtieġ li jirreferi għal aġenzija ta’ xogħol temporanju, aġenzija privata tal-impjieg jew intermedjarju tas-suq tax-xogħol. It-terminu “aġenzija ta’ xogħol temporanju” jenħtieġ li jinftiehem bħala t-terminu definit fl-Artikolu 3(1), il-punt (b), tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). It-terminu “aġenzija privata tal-impjieg” jenħtieġ li jinftiehem bħala t-terminu definit fil-Konvenzjoni dwar l-Aġenziji Privati tal-Impjieg, 1997 (Nru 181) tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO).
(8)
Il-persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi jitqiesu bħala li ġew magħżula għal post tax-xogħol vakanti fir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE meta jkunu ġew offruti impjieg li jippermettilhom jidħlu f’relazzjoni ta’ impjieg fl-Istat Membru li jipparteċipa fir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE fejn l-impjegatur parteċipanti jew l-entità parteċipanti oħra tkun stabbilita legalment u fejn ser tkun qed taħdem abitwalment il-persuna li qed tfittex impjieg.
(9)
Sħubijiet b’saħħithom u kooperazzjoni bilaterali ma’ pajjiżi terzi jikkontribwixxu għal ġestjoni effettiva tal-migrazzjoni. Il-kooperazzjoni tista’ tkun immirata biex iżżid kemm jista’ jkun l-impatt pożittiv tal-migrazzjoni u tnaqqas il-konsegwenzi negattivi għall-pajjiżi ta’ oriġini ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, bħar-riskju ta’ “eżodu ta’ mħuħ”, pereżempju billi tiffaċilita l-migrazzjoni ċirkolari. Jenħtieġ li r-Riżerva ta’ Talenti tal-UE tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ Sħubijiet ta’ Talent, arranġamenti bilaterali u oqfsa nazzjonali dwar l-iżvilupp u l-validazzjoni tal-ħiliet f’pajjiż terz. Is-Sħubijiet ta’ Talent huma wħud mill-aspetti ewlenin tad-dimensjoni esterna tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Settembru 2020 dwar Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil u jiġu operazzjonalizzati f’konformità mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ April 2022 intitolata “Nattiraw il-ħiliet u t-talent lejn l-UE”. Il-parteċipazzjoni ta’ Stat Membru fi Sħubija ta’ Talent, arranġament bilaterali jew qafas nazzjonali dwar l-iżvilupp u l-validazzjoni tal-ħiliet f’pajjiż terz hija mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni tiegħu jekk jipparteċipax fir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE.
(10)
Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jkunu rrappreżentati b’mod adegwat fil-Grupp ta’ Tmexxija tar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE (“il-Grupp ta’ Tmexxija”), jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti jaħtru żewġ rappreżentanti kull wieħed, li minnhom ikun hemm espert fil-qasam tal-impjiegi u espert fil-qasam tal-immigrazzjoni. L-Istati Membri huma nkoraġġuti jiżguraw li dawn ir-rappreżentanti jkunu appoġġati minn żewġ membri supplenti li jkunu jistgħu jirrappreżentawhom fin-nuqqas tagħhom. Jenħtieġ li l-Grupp ta’ Tmexxija jkun jinkludi wkoll żewġ rappreżentanti mill-Kummissjoni u sitt rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali minn industriji differenti fil-livell tal-Unjoni, b’rappreżentanza ugwali ta’ trade unions u organizzazzjonijiet tal-impjegaturi. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li jiġi mistieden espert mill-Parlament Ewropew. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li fil-laqgħat tal-Grupp ta’ Tmexxija jipparteċipaw rappreżentanti addizzjonali mill-Kummissjoni, jekk meħtieġ. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li rappreżentanti tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, organizzazzjonijiet internazzjonali, pajjiżi terzi li jipparteċipaw fi Sħubijiet ta’ Talent, arranġamenti bilaterali jew oqfsa nazzjonali dwar l-iżvilupp u l-validazzjoni tal-ħiliet f’pajjiż terz u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Grupp ta’ Tmexxija biex jippreżentaw il-fehmiet tagħhom. Tali organizzazzjonijiet u partijiet ikkonċernati jistgħu jinkludu, pereżempju, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, l-ILO, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.
(11)
Il-Pjattaform tal-IT jenħtieġ li tiġi żviluppata billi tintuża l-infrastruttura tal-IT eżistenti tal-Kummissjoni sa fejn ikun possibbli. L-infrastruttura tal-IT żviluppata fil-qafas tal-EURES tista’ terġa’ tintuża parzjalment għall-pjattaforma tal-IT, inkluż il-kanal uniku kkoordinat u l-għodda awtomatizzata ta’ tqabbil bl-adattamenti rilevanti. Huwa importanti li l-Pjattaforma tal-IT tiżgura navigazzjoni intuwittiva u tkun faċli għall-utent, kif ukoll faċilment aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà, f’konformità mad-Direttivi (UE) 2016/2102 (9) u (UE) 2019/882 (10) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(12)
Jenħtieġ li jiġu żgurati sinerġiji, fejn xieraq, bejn il-Pjattaforma tal-IT u strumenti u servizzi rilevanti oħrajn fil-livell tal-Unjoni, inkluż fir-rigward tal-aċċess għal materjali ta’ taħriġ bħal dawk ipprovduti mill-Akkademja tal-UE u l-Akkademja Ewropa Interoperabbli. Jenħtieġ li l-Pjattaforma tal-IT tiġi adattata malajr u regolarment għal prattiki ġodda fit-teknoloġija u tipprovdi servizzi tal-IT tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku billi tintroduċi karatteristiċi u għodod innovattivi. Għal dawk il-finijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq studju tal-fattibbiltà li jivvaluta l-possibbiltà li jiġu integrati algoritmi multipli ta’ tqabbil fil-Pjattaforma tal-IT. F’dak l-istudju ta’ fattibbiltà, jenħtieġ li l-Kummissjoni tesplora kif debitu, l-implikazzjonijiet baġitarji, ir-riskji għall-protezzjoni tad-data u r-riskji fir-rigward tal-konformità mar-Regolament (UE) 2024/1689 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Ir-riżultati tal-istudju tal-fattibbiltà jenħtieġ li jiġu ppreżentati lill-Grupp ta’ Tmexxija u jenħtieġ li jnebbħu d-diskussjoni dwar l-iżviluppi futuri tar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE.
(13)
Il-format tal-profili ta’ persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi u tal-postijiet tax-xogħol vakanti jenħtieġ li jiġi stabbilit bl-użu tal-Klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi (ESCO) kif żviluppata mill-Kummissjoni f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), li jipprevedi terminoloġija standardizzata għall-ħiliet, il-kompetenzi, il-kwalifiki u l-impjiegi u jiffaċilita t-trasparenza tagħhom. Jenħtieġ li l-klassifikazzjoni tal-ESCO tappoġġa lill-persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi, lill-impjegaturi parteċipanti u lil entitajiet parteċipanti oħra, u lill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE (il-“Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali”) biex jipprovdu informazzjoni komparabbli dwar l-esperjenza tax-xogħol, l-impjiegi koperti minn post tax-xogħol vakanti, kif ukoll il-ħiliet offruti mill-persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi u meħtieġa mill-impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra, biex b’hekk ikun possibbli proċess ta’ tqabbil ta’ kwalità għolja. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2611 (13) tiddikjara li jenħtieġ li l-proċeduri nazzjonali għar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki jenfasizzaw it-talent u l-potenzjal sħiħ ta’ persuna. Jistgħu jitqiesu t-tipi kollha ta’ kwalifiki u ħiliet, bħall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-lawrji, iċ-ċertifikati speċifiċi (“mikrokredenzjali”) kif ukoll il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba f’ambjenti mhux formali u informali. Fejn applikabbli, jenħtieġ li l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jużaw il-format tal-klassifikazzjoni tal-ESCO għat-trażmissjoni ta’ postijiet tax-xogħol vakanti lill-Pjattaforma tal-IT. Jenħtieġ li l-Istati Membri li ma jadottawx il-klassifikazzjoni tal-ESCO għall-postijiet tax-xogħol vakanti nazzjonali jipproduċu tabelli ta’ korrispondenza li jistabbilixxu l-interoperabbiltà bejn il-klassifikazzjoni użata fis-sistemi nazzjonali u l-klassifikazzjoni tal-ESCO. Jenħtieġ li dawk it-tabelli jsiru disponibbli għall-Kummissjoni u jenħtieġ li jintużaw għat-transkowdjar awtomatiku tal-informazzjoni dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti jew il-profili ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi għall-fini ta’ tqabbil awtomatizzat permezz tal-Pjattaforma tal-IT.
(14)
Jenħtieġ li l-kompiti jiġu assenjati lis-Segretarjat u lill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali biex jiġu żgurati l-funzjonijiet ta’ tiftix u tqabbil tal-Pjattaforma tal-IT. Jenħtieġ li dawk il-kompiti jitqiesu bħala kompiti mwettqa fl-interess pubbliku li għat-twettiq tagħhom huwa meħtieġ li tiġi pproċessata data personali, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1), il-punt (e), tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u fl-Artikolu 5(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), rispettivament. Jenħtieġ li l-ipproċessar ta’ data personali jitwettaq f’konformità mal-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”), u mar-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725.
(15)
Jenħtieġ li l-ipproċessar ta’ data personali għall-fini tal-funzjonijiet ta’ tiftix u tqabbil tal-Pjattaforma tal-IT ikun limitat għad-data personali meħtieġa biex jiġu identifikati persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi, l-impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra, biex ikunu jistgħu jsiru t-tiftix u t-tqabbil fuq il-Pjattaforma tal-IT u għall-ġbir tad-data biex jittejjeb il-funzjonament tar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE, li jenħtieġ li ma tirrikjedi l-ipproċessar ta’ ebda kategorija speċjali ta’ data personali kif imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2018/1725.
(16)
Jenħtieġ li l-persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi jkollhom id-dritt jagħmlu tibdil fi, iħassru jew jirrestrinġu l-aċċess għad-data personali tagħhom, pereżempju, billi jirrestrinġu l-aċċess għad-dettalji ta’ kuntatt tagħhom. Jenħtieġ li l-profili ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi fil-Pjattaforma tal-IT li ma jkunux ġew aċċessati minnhom għal perjodu ta’ sena jitneħħew. Jenħtieġ li tintbagħat notifika xahar qabel it-tneħħija tal-profili tagħhom, li tippermetti lill-persuni li qed ifittxu impjieg żmien raġonevoli biex jirreaġixxu. Meta dawk il-profili jitneħħew, jenħtieġ li jkun possibbli li sett limitat ta’ data anonimizzata jkompli jinħażen fuq il-Pjattaforma tal-IT għal finijiet ta’ riċerka u statistika, inkluż għall-fini tal-produzzjoni u tal-iżgurar tal-kwalità tal-istatistika Ewropea.
(17)
Mingħajr preġudizzju għall-obbligu tagħhom li jinfurmaw lis-suġġetti tad-data dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom u d-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-data f’konformità mal-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament (UE) 2016/679 u mal-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament (UE) 2018/1725, jenħtieġ ukoll li s-Segretarjat u l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jinfurmaw lill-persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi, lill-impjegaturi parteċipanti u lil entitajiet parteċipanti oħra dwar id-drittijiet tagħhom li jirrestrinġu teknikament l-aċċess għad-data personali tagħhom u li jitolbu, fi kwalunkwe ħin, it-tħassir jew il-modifika tad-data personali tagħhom.
(18)
Jenħtieġ li r-Riżerva ta’ Talenti tal-UE tikkontribwixxi għall-objettiv li tiġi skoraġġita l-migrazzjoni irregolari, inkluż billi tiffaċilita l-aċċess għall-perkorsi legali eżistenti. Jenħtieġ li l-persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi li huma soġġetti għal deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva li tirrifjuta d-dħul jew is-soġġorn fi Stat Membru, jew projbizzjoni fuq id-dħul kif imsemmija fid-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), ma jitħallewx jirreġistraw fil-Pjattaforma tal-IT, minħabba li mhux ser jitħallew jidħlu jew jibqgħu fl-Unjoni. Għal dak l-għan, qabel ma jirreġistraw fil-Pjattaforma tal-IT, jenħtieġ li l-persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi jkunu meħtieġa jiddikjaraw li f’dak il-mument ma jkunux soġġetti għal deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva nazzjonali li tirrifjuta d-dħul jew is-soġġorn fi Stat Membru jew għal projbizzjoni fuq id-dħul kif imsemmija fid-Direttiva 2008/115/KE. Jenħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni fuq il-Pjattaforma tal-IT li tinforma lill-persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi li jekk ikunu soġġetti għal tali deċiżjoni jew projbizzjoni fuq id-dħul, l-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri tiġi pprojbita u, għalhekk, jenħtieġ li ma joħolqux profil fuq il-Pjattaforma tal-IT. Jenħtieġ li tiġi pprovduta wkoll informazzjoni dwar il-konsegwenzi ta’ dikjarazzjoni falza f’dak ir-rigward, b’mod partikolari, li l-profili tagħhom ser jitneħħew mill-Pjattaforma tal-IT. Il-fatt li ċerti ċittadini ta’ pajjiżi terzi mhumiex intitolati jidħlu jew jibqgħu fiż-żona Schengen jista’ jiġi żvelat meta jitwettqu l-kontrolli tas-sigurtà meħtieġa fil-bażijiet tad-data rilevanti tal-Unjoni u nazzjonali, bħas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, bħala parti mill-proċeduri tal-immigrazzjoni tal-Istati Membri. F’każijiet li fihom l-awtorità nazzjonali tal-immigrazzjoni toħroġ deċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni għad-dħul minn persuna li qed tfittex impjieg minn pajjiż terz abbażi ta’ deċiżjoni amministrattiva li tirrifjuta d-dħul jew is-soġġorn fi Stat Membru jew abbażi ta’ projbizzjoni fuq id-dħul kif imsemmi fid-Direttiva 2008/115/KE, u meta l-awtorità nazzjonali tal-immigrazzjoni ssir taf li l-persuna inkwistjoni li qed tfittex impjieg tkun intgħażlet għal post tax-xogħol vakanti permezz tar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE, jenħtieġ li l-awtorità nazzjonali tal-immigrazzjoni tibgħat dik l-informazzjoni lill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għall-fini tat-tneħħija tal-profil ta’ dik il-persuna li qed tfittex impjieg mill-Pjattaforma tal-IT. Jenħtieġ li tkun disponibbli informazzjoni fuq il-Pjattaforma tal-IT li tinforma lill-persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi li r-reġistrazzjoni fir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE mhijiex garanzija li jkunu twettqu l-kontrolli tas-sigurtà meħtieġa bħala parti mill-proċeduri nazzjonali tal-immigrazzjoni.
(19)
Sabiex jiġi żgurat li l-impjegaturi parteċipanti kollha u entitajiet parteċipanti oħra jikkonformaw mal-liġi u l-prattika rilevanti tal-Unjoni u nazzjonali fir-rigward tal-protezzjoni kontra reklutaġġ inġust, kundizzjonijiet tax-xogħol inadegwati, diskriminazzjoni, trattament negattiv u traffikar tal-bnedmin, l-Istati Membri jistgħu jiddependu fuq informazzjoni eżistenti dwar impjegaturi u entitajiet oħra mhux konformi. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jżommu reġistru ta’ impjegaturi u entitajiet oħra li kienu ġew esklużi b’mod permanenti mir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE jew li l-aċċess tagħhom għar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE ġie rrifjutat jew sospiż. Jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti jkunu jistgħu jintroduċu wkoll, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, kundizzjonijiet addizzjonali għall-parteċipazzjoni tal-impjegaturi u ta’ entitajiet oħra fir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE f’konformità mal-prattiki nazzjonali rilevanti, il-ftehimiet kollettivi u l-prinċipji u l-linji gwida stipulati mill-ILO. Jenħtieġ li l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jkunu jistgħu jirrifjutaw l-aċċess għar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE. Għall-fini tat-trasparenza, jenħtieġ li l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jikkondividu r-reġistru tal-impjegaturi parteċipanti u ta’ entitajiet parteċipanti oħra mal-Grupp ta’ Tmexxija. Huwa importanti wkoll li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu jistgħu jidentifikaw l-impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra fl-Istati Membri individwali. Sabiex tiġi ffaċilitata tali identifikazzjoni u tiġi żgurata t-trasparenza, jenħtieġ li jkun possibbli li r-reġistru tal-impjegaturi parteċipanti u ta’ entitajiet parteċipanti oħra jiġi kondiviż mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti. Sabiex tkompli tissaħħaħ it-trasparenza, jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li r-reġistru tal-impjegaturi parteċipanti u ta’ entitajiet parteċipanti oħra jsir disponibbli pubblikament għal partijiet ikkonċernati interessati oħra barra mill-Grupp ta’ Tmexxija. It-trade unions, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u partijiet ikkonċernati oħra jistgħu jibbenefikaw ukoll minn tali trasparenza.
(20)
Meta ksur tal-liġi u l-prattika rilevanti minn impjegatur parteċipanti jew entità parteċipanti oħra jiġi nnotifikat lill-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, jenħtieġ li l-aċċess tal-impjegatur parteċipanti jew ta’ entità parteċipanti oħra għar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE jiġi sospiż u jenħtieġ li l-postijiet tax-xogħol vakanti tagħhom jitneħħew mill-Pjattaforma tal-IT. Jenħtieġ li s-sospensjoni titneħħa ladarba l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu nnotifikaw lill-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali li l-ksur tal-liġi jew tal-prattika rilevanti jkun ġie rimedjat.
(21)
Il-persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi li jixtiequ jirreġistraw fil-Pjattaforma tal-IT jenħtieġ li jkunu jistgħu joħolqu profil bl-użu tal-funzjonalità tal-bini tal-profil tal-Europass, stabbilita bid-Deċiżjoni (UE) 2018/646 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), li tippermetti lill-utenti joħolqu profil liberu u jirrapportaw il-ħiliet, il-kwalifiki u esperjenza oħra rilevanti f’post online sigur wieħed. Għodod rilevanti eżistenti oħra fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali jistgħu jinkludu ħolqa diretta għall-modulu tas-CV tal-Pjattaforma tal-IT.
(22)
Fejn meħtieġ, jenħtieġ li r-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-validazzjoni tal-ħiliet, sew jekk minn tagħlim formali, mhux formali jew informali u sew jekk minn esperjenza ta’ xogħol, tal-persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi jitwettqu fl-Istati Membri parteċipanti fuq talba tal-persuna rreġistrata li qed tfittex impjieg minn pajjiż terz, tal-impjegatur parteċipanti jew ta’ entità parteċipanti oħra f’konformità mal-liġi u l-prattiki nazzjonali, u ma’ kwalunkwe ftehim internazzjonali rilevanti, inkluż arranġamenti ta’ rikonoxximent reċiproku għall-kwalifiki professjonali. Jenħtieġ li l-informazzjoni online dwar il-proċeduri eżistenti ta’ rikonoxximent u validazzjoni fil-livell nazzjonali tkun disponibbli fil-Pjattaforma tal-IT u jenħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni speċifika lill-persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi li jkunu ntgħażlu għal post tax-xogħol vakanti fir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE u lill-impjegaturi parteċipanti u lil entitajiet parteċipanti oħra.
(23)
Fil-kuntest tas-Sħubijiet ta’ Talent, ċittadini ta’ pajjiżi terzi magħżula jistgħu jirċievu appoġġ għall-iżvilupp u l-validazzjoni tal-ħiliet. Il-ħiliet żviluppati jew ivvalidati fil-qafas ta’ Sħubija ta’ Talent jistgħu jiġu ċċertifikati f’konformitá mal-kundizzjonijiet determinati mill-Istati Membri fil-qafas tas-Sħubija ta’ Talent li jkunu qed jipparteċipaw fiha.
(24)
Il-persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi jistgħu wkoll jirċievu appoġġ permezz ta’ arranġamenti bilaterali u oqfsa nazzjonali dwar l-iżvilupp u l-validazzjoni tal-ħiliet f’pajjiż terz. Fir-rigward tar-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-validazzjoni tal-ħiliet miksuba f’pajjiż terz fil-kuntest ta’ tali arranġament jew qafas, tapplika l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru rispettiv.
(25)
Jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti li jkunu qed jieħdu sehem fi Sħubija ta’ Talent, jew li jkollhom fis-seħħ arranġamenti bilaterali jew oqfsa nazzjonali dwar l-iżvilupp u l-validazzjoni tal-ħiliet f’pajjiż terz, ikunu jistgħu jiddependu fuq ir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE biex jiffaċilitaw ir-reklutaġġ ta’ persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi li l-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom ġew żviluppati fil-qafas ta’ dik is-Sħubija ta’ Talent, dak l-arranġament jew dak il-qafas. Għal dak l-għan, jenħtieġ li tali ħiliet u kompetenzi jkunu viżibbli fuq il-pjattaforma tal-IT billi l-persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi li bbenefikaw minn appoġġ speċifiku fi ħdan il-qafas ta’ tali Sħubija ta’ Talent, arranġament jew qafas f’pajjiż terz jitħallew jindikaw il-ħiliet u l-kompetenzi żviluppati fih f’“marka” (il-“Marka”) fuq il-profili tagħhom. Il-Marka ser tkun indikatur viżiv għall-impjegatur li l-persuna li qed tfittex impjieg ipparteċipat f’tali Sħubija ta’ Talent, arranġament jew qafas. L-inklużjoni ta’ Marka fil-profili ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi hija mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Unjoni u dawk nazzjonali dwar ir-rikonoxximent ta’ diplomi u kwalifiki professjonali jew dwar l-aċċess għal professjonijiet regolati. Il-Marka hija wkoll mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ dħul u residenza.
(26)
Jenħtieġ li s-Segretarjat jippubblika l-lista ta’ pajjiżi terzi u Stati Membri li jipparteċipaw fi Sħubijiet ta’ Talent fuq il-Pjattaforma tal-IT. Jenħtieġ li s-Segretarjat jippubblika wkoll, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, lista ta’ arranġamenti bilaterali u oqfsa nazzjonali dwar l-iżvilupp u l-validazzjoni tal-ħiliet f’pajjiżi terzi inkluż il-pajjiżi terzi li jipparteċipaw f’dawk l-arranġamenti u l-oqfsa, u informazzjoni dwar l-appoġġ speċifiku pprovdut f’dak il-kuntest.
(27)
Jenħtieġ li l-impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra jkunu jistgħu jiffiltraw il-profili ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi li jkunu pprovdew informazzjoni fil-Marka li tindika li bbenefikaw minn appoġġ speċifiku fil-qafas ta’ Sħubija ta’ Talent, arranġament bilaterali jew qafas nazzjonali dwar l-iżvilupp u l-validazzjoni tal-ħiliet f’pajjiż terz. Dan jista’ jħeġġeġ lill-impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra joffru kollokament f’impjieg fl-Unjoni.
(28)
Jenħtieġ li l-attivitajiet kollha mwettqa fil-kuntest tar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE jirrispettaw id-dritt għal trattament ġust u ugwali fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-pagi minimi, l-aċċess għall-protezzjoni soċjali, it-taħriġ u l-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq il-post tax-xogħol. F’konformità wkoll mal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, jenħtieġ li r-Riżerva ta’ Talenti tal-UE tiżgura impjiegi ta’ kwalità u kompetizzjoni ġusta. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi żgurat li l-persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi jkollhom aċċess għall-korpi tal-ugwaljanza f’konformità mad-Direttiva (UE) 2024/1500 (18) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1499 (19), fejn applikabbli.
(29)
Fil-prinċipji ġenerali u l-linji gwida operazzjonali tagħha għal reklutaġġ ġust, l-ILO tistipula għadd ta’ standards dwar il-protezzjoni adegwata tal-persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi kontra reklutaġġ inġust. Jenħtieġ li l-impjegaturi u entitajiet oħra li jipparteċipaw jew li pparteċipaw fir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE jikkonformaw mal-liġi u l-prattika applikabbli tal-Unjoni. It-trattament ugwali bejn il-persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi u ċ-ċittadini tal-Istati Membri parteċipanti jrid jiġi żgurat ukoll mill-impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra f’konformità mad-Direttivi 2011/98/UE (20), 2014/36/UE (21), (UE) 2016/801 (22), (UE) 2021/1883 (23) u (UE) 2024/1233 (24) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. F’konformità mad-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25), l-impjegaturi għandhom jipprovdu lill-ħaddiema informazzjoni bil-miktub dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ impjieg fil-bidu tal-impjieg. Dik l-informazzjoni trid tinkludi l-aspetti essenzjali tar-relazzjoni ta’ impjieg, bħall-post u t-tip ta’ xogħol, it-tul tal-impjieg, ir-remunerazzjoni, is-sigħat tax-xogħol, l-ammont ta’ kwalunkwe liv imħallas u, fejn applikabbli, kundizzjonijiet tax-xogħol rilevanti oħra. Barra minn hekk, f’konformità mad-Direttiva (UE) 2023/970 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26), l-impjegaturi għandhom jipprovdu lil dawk li qed ifittxu impjieg l-informazzjoni meħtieġa biex jiżguraw negozjati infurmati u trasparenti fir-rigward tal-paga. Jenħtieġ li impjegaturi parteċipanti jew entitajiet parteċipanti oħra la jitolbu ħlasijiet jew kostijiet mhux żvelati għar-reklutaġġ u lanqas jipprojbixxu lil persuna li qed tfittex impjieg minn pajjiż terz milli tibda impjieg ma’ impjegaturi oħrajn barra mill-iskeda tax-xogħol stabbilita ma’ dak l-impjegatur, u lanqas ma jissoġġetta lil tali persuna għal trattament negattiv għax għamel dan. L-impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra għandhom jikkonformaw, fiċ-ċirkostanzi kollha, mad-Direttivi 96/71/KE (27) u (UE) 2020/1057 (28) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill meta jistazzjonaw ħaddiema fil-qafas tal-għoti ta’ servizzi, b’mod partikolari b’rabta mat-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg stabbiliti f’dawk id-Direttivi. L-impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra jridu jikkonformaw ukoll mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza tagħha fil-kawża C-43/93 (29), bħar-rekwiżit li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu jiġu stazzjonati fi Stat Membru biss jekk ikunu impjegati legalment u abitwalment fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-impriża li tkun qed tistazzjonahom. L-impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra jridu jikkonformaw ukoll mal-liġi rilevanti tal-Istat Membru ospitanti.
(30)
L-impjegaturi jew entitajiet oħra li jkunu ġew esklużi b’mod permanenti mill-Pjattaforma tal-IT, jew li l-aċċess tagħhom għall-Pjattaforma tal-IT ġie rrifjutat jew sospiż, jenħtieġ li ma jkunux jistgħu jagħmlu użu mill-Pjattaforma tal-IT, inkluż permezz ta’ entitajiet parteċipanti oħra. Jenħtieġ li l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jiżguraw li l-postijiet tax-xogħol vakanti ta’ tali impjegaturi jew entitajiet oħra ma jsirux disponibbli fuq il-Pjattaforma tal-IT. Qabel ma jagħmlu post tax-xogħol vakanti disponibbli, jenħtieġ li l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jikkontrollaw li l-impjegatur jew entità oħra interessata li tipparteċipa fir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE ma tkunx irreġistrata fir-reġistru tal-impjegaturi jew ta’ entitajiet oħra li jkunu ġew esklużi b’mod permanenti mill-Pjattaforma tal-IT jew li l-aċċess tagħhom għall-Pjattaforma tal-IT jkun ġie rrifjutat jew sospiż, biex jiġi żgurat li tali impjegaturi jew entitajiet oħra ma jużawx il-Pjattaforma tal-IT. Meta jwettqu tali kontrolli, jenħtieġ li l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jkunu jistgħu jistrieħu wkoll fuq informazzjoni eżistenti dwar impjegaturi mhux konformi u entitajiet oħra f’konformità mal-prattika nazzjonali. Tali informazzjoni tista’ tinkludi wkoll listi stabbiliti f’konformità mad-Direttivi 2009/52/KE (30) u 2011/36/UE (31) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Tali kontrolli, imwettqa abbażi ta’ informazzjoni eżistenti dwar impjegaturi mhux konformi u entitajiet oħra fl-Istati Membri, jistgħu jikkontribwixxu għall-effettività tal-mezzi biex jiġi rrifjutat l-aċċess għar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE, mill-ewwel jum tal-parteċipazzjoni ta’ Stat Membru, għal impjegaturi u entitajiet oħra li jkunu kisru l-liġi u l-prattika rilevanti tal-Unjoni jew nazzjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li entitajiet parteċipanti oħra li, f’konformità mal-liġi nazzjonali, ikunu ħarsu l-obbligi tagħhom ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-konformità mill-impjegaturi parteċipanti mal-liġi u l-prattika rilevanti tal-Unjoni u nazzjonali dwar il-protezzjoni minn reklutaġġ inġust, kundizzjonijiet tax-xogħol inadegwati, diskriminazzjoni, trattament ħażin u traffikar tal-bnedmin ma jiġux esklużi mill-Pjattaforma tal-IT u ma jiġix irrifjutat jew sospiż l-aċċess tagħhom għall-Pjattaforma tal-IT f’każ li impjegatur parteċipanti jikser il-liġi jew il-prattika rilevanti tal-Unjoni jew nazzjonali.
(31)
Jenħtieġ li s-Segretarjat ilaqqa’ regolarment in-Network ta’ Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali magħmul mill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali minn kull Stat Membru parteċipanti. Jenħtieġ li n-Network ta’ Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jservi bħala mezz li bih il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jistgħu jaqsmu informazzjoni u l-aħjar prattika dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, bħal dwar il-prattiki tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali meta jittrattaw in-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi jew mal-kundizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament mill-impjegaturi parteċipanti u minn entitajiet parteċipanti oħra.
(32)
Sabiex jiġi żgurat tqabbil ta’ kwalità għolja, jenħtieġ li impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra jkunu jistgħu jaċċessaw lista ta’ profili ssuġġeriti ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi u li persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi jkunu jistgħu jaċċessaw lista ta’ postijiet tax-xogħol vakanti ssuġġeriti. Dawk il-listi, iġġenerati mill-għodda awtomatizzata ta’ tqabbil tal-Pjattaforma tal-IT, jenħtieġ li jkunu bbażati fuq ir-rilevanza, għall-post tax-xogħol vakanti, tal-ħiliet, il-kwalifiki u l-esperjenza tax-xogħol tal-persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi. Persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi jenħtieġ li jkunu jistgħu jindikaw ukoll f’liema Stati Membri jippreferu jaħdmu, kif ukoll id-disponibbiltà tagħhom biex jibdew jaħdmu. Jenħtieġ li l-informazzjoni dwar l-Istati Membri ta’ preferenza ta’ persuna li qed tfittex impjieg ma tintużax għall-fini ta’ tqabbil.
(33)
Huwa importanti li impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra jkollhom l-għan li jiżguraw għażla bir-reqqa tal-kandidati, valutazzjoni inizjali tal-profili tagħhom, inkluż tal-kwalifiki tagħhom, u evalwazzjoni tal-adegwatezza tagħhom, f’konformità mal-prinċipji ta’ reklutaġġ ġust.
(34)
Jenħtieġ li r-Riżerva ta’ Talenti tal-UE tissodisfa l-ħtiġijiet stabbiliti fis-suq tax-xogħol u ma sservix bħala mezz biex tisposta jew tolqot b’mod negattiv il-forza tax-xogħol eżistenti jew inkella ddgħajjef ix-xogħol deċenti jew il-kompetizzjoni ġusta. Biex jiġu appoġġati aħjar l-isforzi tal-Istati Membri fl-indirizzar tan-nuqqasijiet ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet eżistenti u futuri u t-titjib tal-kompetittività, jenħtieġ li r-Riżerva ta’ Talenti tal-UE timmira għal impjiegi speċifiċi fil-livelli rilevanti ta’ ħiliet, abbażi tal-aktar impjiegi komuni b’nuqqas ta’ ħaddiema fl-Unjoni u tal-impjiegi b’kontribuzzjoni diretta għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. Sabiex il-postijiet tax-xogħol vakanti jiġu adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi tas-swieq tax-xogħol nazzjonali kif ukoll għall-politiki nazzjonali dwar il-migrazzjoni u billi l-lista ta’ okkupazzjonijiet neqsin mill-ħaddiema fl-Unjoni kollha tittieħed bħala punt ta’ tluq, jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti jkunu jistgħu jinnotifikaw lis-Segretarjat dwar okkupazzjonijiet speċifiċi neqsin mill-ħaddiema li għandhom jiżdiedu ma’ jew jitneħħew minn dik il-lista. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu dwar aġġustamenti meħtieġa għal-lista ta’ okkupazzjonijiet neqsin mill-ħaddiema fl-Unjoni kollha sabiex il-lista tikkorrispondi għall-ħtiġijiet speċifiċi tas-suq tax-xogħol fil-livell nazzjonali jew reġjonali. Fil-każ ta’ ħtiġijiet reġjonali speċifiċi tas-suq tax-xogħol, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu li l-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali jkun responsabbli milli jagħżel dawk il-postijiet tax-xogħol vakanti, sabiex jikkorrispondu għad-dimensjoni territorjali rilevanti meta jsiru disponibbli fuq il-Pjattaforma tal-IT. Jenħtieġ li tali notifiki jkollhom impatt biss fuq il-konkordanzi għall-postijiet tax-xogħol vakanti sottomessi mill-Istat Membru rispettiv. Hu importanti li la l-lista ta’ okkupazzjonijiet neqsin mill-ħaddiema fl-Unjoni kollha u lanqas in-notifiki tal-Istati Membri ma jaffettwaw il-prinċipju ta’ preferenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni u, fejn applikabbli skont il-liġi nazzjonali, l-eżami tas-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol.
(35)
Sabiex jiġi promoss reklutaġġ ġust u tissaħħaħ it-trasparenza għall-persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi u għall-impjegaturi li jixtiequ jirreklutaw minn pajjiżi terzi, is-Segretarjat, bl-appoġġ tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali u tal-Grupp ta’ Tmexxija, jenħtieġ li jagħmel l-informazzjoni dwar ir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE u l-funzjonament tagħha faċilment aċċessibbli għall-persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi u għall-impjegaturi u entitajiet oħra interessati li jipparteċipaw fir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE, fosthom intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, b’mod partikolari fir-rigward tal-informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri parteċipanti. Jenħtieġ li tali informazzjoni tinkludi l-kundizzjonijiet, l-obbligi u l-proċeduri għar-reġistrazzjoni u għall-parteċipazzjoni fir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE u jenħtieġ li tisħaq li l-użu tagħha huwa mingħajr ħlas. Jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti jipprovdu lis-Segretarjat b’informazzjoni dwar it-tipi ta’ entitajiet li jitħallew jagħmlu postijiet tax-xogħol vakanti disponibbli fuq il-Pjattaforma tal-IT fl-Istat Membru kkonċernat. Jenħtieġ li s-Segretarjat jippubblika dik l-informazzjoni fuq il-Pjattaforma tal-IT.
(36)
Sabiex jiġi promoss reklutaġġ ġust u tissaħħaħ it-trasparenza għal persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi, jenħtieġ li s-Segretarjat, bl-appoġġ tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali, jiżgura li informazzjoni faċilment aċċessibbli tkun disponibbli fuq il-pjattaforma tal-IT. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni tkopri l-impjiegi u l-proċeduri tal-immigrazzjoni, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-validazzjoni tal-ħiliet, id-drittijiet u l-obbligi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol, mekkaniżmi ta’ lmenti u ta’ rimedju eżistenti fil-każ ta’ sfruttament tax-xogħol u prattiki ta’ reklutaġġ inġusti, kif ukoll miżuri ta’ appoġġ disponibbli fil-kuntest ta’ perkorsi tax-xogħol komplementari għall-persuni li qed ifittxu impjieg fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali li jirrisjedu barra mill-Unjoni. Jenħtieġ li l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jipprovdu lis-Segretarjat bl-informazzjoni rilevanti għall-pubblikazzjoni fuq il-Pjattaforma tal-IT. Jenħtieġ li l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jkunu jistgħu jirreferu wkoll għal sorsi eżistenti ta’ informazzjoni fil-livell tal-Unjoni jew nazzjonali. Huwa importanti li s-Segretarjat, f’kooperazzjoni mad-delegazzjonijiet tal-Unjoni, iqajjem kuxjenza pubblika dwar l-eżistenza, l-objettivi u l-funzjonament tar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE permezz ta’ attivitajiet ta’ komunikazzjoni u kampanji ta’ informazzjoni, fejn possibbli u soġġett għar-riżorsi disponibbli. Sabiex jiġi żgurat is-suċċess ta’ tali kampanji ta’ komunikazzjoni, huwa importanti wkoll li l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jipprovdu appoġġ lis-Segretarjat fit-tixrid tal-informazzjoni rilevanti fl-Istati Membri parteċipanti.
(37)
Huwa importanti li l-informazzjoni pprovduta fuq il-Pjattaforma tal-IT tkun disponibbli mill-inqas bil-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri parteċipanti. Il-possibbiltà ta’ integrazzjoni ta’ mekkaniżmi għat-traduzzjoni awtomatika tal-kontenut b’lingwi oħra fil-Pjattaforma tal-IT tista’ tiġi esplorata mis-Segretarjat.
(38)
Huwa importanti li d-delegazzjonijiet tal-Unjoni jappoġġaw l-għoti ta’ informazzjoni lil persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi dwar ir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE u kif taħdem, kif ukoll dwar l-Istati Membri parteċipanti.
(39)
Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jiddeċiedu li s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi tagħhom ikunu parti mill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tagħhom u jkunu responsabbli milli jagħmlu disponibbli postijiet tax-xogħol vakanti fuq il-Pjattaforma tal-IT permezz tal-kanal uniku kkoordinat. Meta post tax-xogħol vakanti jiġi ppubblikat fuq il-Portal tal-EURES, jenħtieġ li jkun possibbli, f’konformità mal-liġi nazzjonali, li l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jagħmlu tali postijiet tax-xogħol vakanti disponibbli għal persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi fuq il-Pjattaforma tal-IT fuq talba ta’ impjegatur jew entità oħra interessata li tipparteċipa fir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE.
(40)
Jenħtieġ li r-Riżerva ta’ Talenti tal-UE ma tintużax għar-reklutaġġ ta’ trainees jew apprendisti. Għalhekk, meta jagħmlu l-postijiet tax-xogħol vakanti disponibbli fuq il-Pjattaforma tal-IT, jenħtieġ li l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali ma jittrażmettux postijiet tax-xogħol vakanti relatati ma’ apprendistati u traineeships.
(41)
Persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi li ntgħażlu għal post tax-xogħol vakanti, impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra jenħtieġ li jiġu pprovduti b’informazzjoni speċifika mill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni speċifika tinkludi informazzjoni dwar viżi u permessi ta’ residenza rilevanti għall-finijiet ta’ xogħol fl-Istat Membru parteċipanti, inkluż fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi bħall-aċċess għall-benefiċċji soċjali, l-assistenza għas-saħħa, l-edukazzjoni, u l-akkomodazzjoni. Jenħtieġ li tiġi pprovduta wkoll informazzjoni speċifika dwar il-proċeduri ta’ riunifikazzjoni tal-familja, id-drittijiet tal-membri tal-familja u l-miżuri eżistenti biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti, bħal korsijiet tal-lingwa u taħriġ vokazzjonali. Jenħtieġ li tali informazzjoni speċifika tinkludi wkoll mekkaniżmi ta’ lmenti u ta’ rimedju eżistenti għal każijiet ta’ sfruttament tax-xogħol jew ta’ prattiki ta’ reklutaġġ inġusti fl-Istati Membri parteċipanti. Dik l-informazzjoni jenħtieġ li tkun disponibbli b’lingwaġġ ċar u sempliċi, u tinkludi, b’mod partikolari, id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-prattika nazzjonali u, fejn disponibbli, tal-organizzazzjonijiet li joffru appoġġ u assistenza wara r-reklutaġġ għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Jenħtieġ li persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi li ntgħażlu għal post tax-xogħol vakanti fir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE u li huma eliġibbli biex jipparteċipaw f’perkors tax-xogħol komplementari għal dawk li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali f’dak l-Istat Membru, jirċievu informazzjoni speċifika mill-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali rilevanti, inkluż fir-rigward tal-kisba ta’ dokument tal-ivvjaġġar u appoġġ għall-integrazzjoni mal-wasla. Jenħtieġ li l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jipprovdu informazzjoni lill-impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom relatati mas-sigurtà soċjali, miżuri attivi tas-suq tax-xogħol, it-tassazzjoni, kwistjonijiet relatati mal-kuntratti tax-xogħol, id-drittijiet tal-pensjoni u l-assigurazzjoni tas-saħħa.
(42)
Ilmenti dwar impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra li jiksru l-liġi u l-prattika rilevanti tal-Unjoni u nazzjonali jenħtieġ li jiġu ttrattati permezz ta’ mekkaniżmi eżistenti ta’ lmenti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali. Persuni qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrappurtaw ukoll ksur lill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali. Jenħtieġ li l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jibagħtu tali rapporti lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti.
(43)
Għall-fini li jiġu żgurati t-trasparenza u l-prevedibbiltà tar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE, is-Segretarjat, bl-appoġġ tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali, jenħtieġ li jagħmel disponibbli fuq il-Pjattaforma tal-IT l-informazzjoni dwar l-Istati Membri li jkunu nnotifikaw l-intenzjoni tagħhom li jirtiraw mir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE. Dik l-informazzjoni jenħtieġ li tkun disponibbli għall-pubbliku fuq il-Pjattaforma tal-IT mingħajr dewmien wara n-notifika tal-irtirar, u raġonevolment minn qabel ma l-postijiet tax-xogħol vakanti kkonċernati jitneħħew mill-Pjattaforma tal-IT. F’konformità mal-prattika nazzjonali, il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jenħtieġ li jinfurmaw ukoll lill-impjegaturi parteċipanti u lil entitajiet parteċipanti oħra stabbiliti fl-Istat Membru tagħhom li l-postijiet tax-xogħol vakanti tagħhom ser jitneħħew mill-Pjattaforma tal-IT.
(44)
Jenħtieġ li l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jipprovdu informazzjoni speċifika lill-persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi li ntgħażlu għal post tax-xogħol vakanti fir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE, inkluż b’referenza għal sorsi eżistenti ta’ informazzjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jkunu jistgħu jagħtu informazzjoni f’format awtomatizzat u standardizzat, inkluż billi jirreferu għas-sorsi xierqa ta’ informazzjoni jew l-awtoritajiet kompetenti. Fejn rilevanti, il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jistgħu jiddependu fuq awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra għall-fini tat-twettiq tal-kompiti stipulati f’dan ir-Regolament.
(45)
Jenħtieġ li l-informazzjoni speċifika pprovduta lill-persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi li ntgħażlu għal post tax-xogħol vakanti u lill-impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra tinkludi informazzjoni ċara, dettaljata u komprensiva dwar il-passi rilevanti tal-proċeduri li għandhom jiġu segwiti biex jinkiseb permess ta’ residenza u tax-xogħol fl-Istat Membru rilevanti. Għal dak l-għan, jenħtieġ li tali informazzjoni tinkludi wkoll informazzjoni dwar ir-rekwiżiti applikabbli u d-dokumentazzjoni rilevanti li għandha tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, inkluż id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti, f’konformità mal-prattika nazzjonali u abbażi ta’ modi eżistenti biex jiġu kkuntattjati l-awtoritajiet kompetenti rilevanti. Jenħtieġ li l-informazzjoni pprovduta tiġi aġġornata regolarment mill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali, filwaqt li jitqies ir-rispons mogħti mill-utenti tal-Pjattaforma tal-IT. L-għażliet differenti biex tiġi pprovduta informazzjoni standardizzata u awtomatizzata speċifika jistgħu jiġu diskussi fi ħdan in-Network tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali.
(46)
L-għan ewlieni tar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE huwa li tappoġġa lill-impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra sabiex jippromwovu u jimlew il-postijiet tax-xogħol vakanti tagħhom. Għalhekk, fuq il-Pjattaforma tal-IT, is-Segretarjat jenħtieġ li jipprovdi informazzjoni ċara li r-reġistrazzjoni fir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE minn persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi u l-għażla għal post tax-xogħol vakanti permezz tal-Pjattaforma tal-IT ma jiggarantux li permess tax-xogħol, viża jew permess ta’ residenza jinħarġu mill-Istat Membru parteċipanti li fih ikun stabbilit l-impjegatur parteċipanti jew entità parteċipanti oħra.
(47)
Dan ir-Regolament ma jaffettwax id-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-volumi ta’ ammissjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’konformità mal-Artikolu 79(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
(48)
Biex ir-reklutaġġ tal-persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi li jirrisjedu barra mill-Unjoni jsir aktar faċli u rapidu għall-impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri parteċipanti jistabbilixxu proċeduri simplifikati jew aċċellerati ta’ immigrazzjoni u rikonoxximent. Jenħtieġ li jkun possibbli li dawk il-proċeduri nazzjonali jkopru, b’mod partikolari, il-ħruġ ta’ viżi u permessi ta’ residenza għal finijiet ta’ xogħol, l-eżenzjoni mill-prinċipju ta’ preferenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni, ir-rekwiżiti għall-verifika tas-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol, u r-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-validazzjoni tal-ħiliet, kif ukoll il-proċedura stipulata fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva (UE) 2021/1883 u l-possibbiltà li ma jiġix estiż il-perjodu għall-valutazzjoni tal-applikazzjoni għal permess uniku kif previst fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva (UE) 2024/1233. Prattiki rigward l-implimentazzjoni ta’ dawk il-proċeduri aċċellerati ta’ immigrazzjoni fost l-Istati Membri jistgħu jiġu skambjati fil-kuntest tal-Grupp ta’ Tmexxija.
(49)
Biex jiġu żgurati regoli ta’ mobilità ġusti, filwaqt li titqies kwalunkwe kwistjoni speċifika marbuta mal-attività ekonomika ta’ entitajiet parteċipanti oħra, l-Istati Membri jistgħu jorganizzaw arranġamenti speċifiċi għall-monitoraġġ tal-attività ta’ entitajiet parteċipanti oħra, fuq talba ta’ Stat Membru wieħed jew aktar, u s-servizzi ta’ spezzjoni jekk meħtieġ, b’rabta mal-monitoraġġ ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi preżenti fit-territorji tagħhom.
(50)
Sabiex jintlaħaq l-objettiv ta’ dan ir-Regolament li jiġi ffaċilitat reklutaġġ internazzjonali ġust, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE fir-rigward tal-emendar ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-Anness li jipprovdi l-lista ta’ okkupazzjonijiet neqsin mill-ħaddiema fl-Unjoni kollha. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xoġhol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (32). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.
(51)
Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33).
(52)
Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta’ pjattaforma għall-Unjoni kollha bil-għan li tindirizza n-nuqqasijiet ta’ ħaddiema fil-livell tal-Unjoni billi tiffaċilita r-reklutaġġ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi biex jaħdmu f’okkupazzjonijiet neqsin mill-ħaddiema fl-Unjoni kollha, ma jistgħax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba n-nuqqas ta’ mezzi effettivi u l-viżibbiltà limitata fil-livell dinji, iżda jistgħa pjuttost, minħabba l-iskala tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.
(53)
Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta, inkluż id-dritt ta’ negozjar u azzjoni kollettivi, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tas-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, id-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa, il-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq il-post tax-xogħol u l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, f’konformità mal-Artikolu 6 TUE.
(54)
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.
(55)
F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u t-TFUE, l-Irlanda nnotifikat, b’ittra tal-5 ta’ Marzu 2024, ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
(56)
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fid-9 ta’ Jannar 2024,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi Riżerva ta’ Talenti tal-UE, disponibbli għall-Istati Membri kollha, sabiex:
(a)
tiffaċilita r-reklutaġġ ta’ persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi li jirrisjedu barra mill-Unjoni u li għandhom il-ħiliet u l-livell ta’ kwalifiki rilevanti biex jimlew l-okkupazzjonijiet neqsin mill-ħaddiema fl-Unjoni;
(b)
tippromwovi standards ta’ reklutaġġ ġust;
(c)
issaħħaħ il-kapaċità tal-Unjoni li tiġbed it-talent minn barra l-Unjoni.
2. Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar:
(a)
l-awtoritajiet responsabbli għall-ġestjoni u l-funzjonament tar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE u l-kooperazzjoni bejn tali awtoritajiet;
(b)
il-funzjonament tal-Pjattaforma tal-IT u l-għoti ta’ informazzjoni;
(c)
il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-parteċipazzjoni fir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE ta’ persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi, u impjegaturi u entitajiet oħra;
(d)
il-faċilitazzjoni tar-reklutaġġ ta’ persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi li jkunu bbenefikaw minn appoġġ speċifiku fil-qafas ta’ Sħubija ta’ Talent, arranġament bilaterali jew qafas nazzjonali dwar l-iżvilupp u l-validazzjoni tal-ħiliet f’pajjiż terz;
(e)
il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ persuni li qed ifittxu impjieg u impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament japplika għal persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi li huma residenti barra mill-Unjoni u għal impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra li huma stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti.
Artikolu 3
Parteċipazzjoni u ħruġ tal-Istati Membri
1. Kwalunkwe Stat Membru jista’ jiddeċiedi, fi kwalunkwe ħin, li jipparteċipa fir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE. Għandu jinnotifika l-intenzjoni tiegħu lis-Segretarjat sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel id-data minn meta jkun beħsiebu jipparteċipa u jindika t-tipi ta’ entitajiet permessi li jagħmlu disponibbli postijiet tax-xogħol vakanti fuq il-Pjattaforma tal-IT.
Mill-ewwel jum tal-parteċipazzjoni, il-postijiet tax-xogħol vakanti ta’ impjegaturi u entitajiet oħra stabbiliti f’dak l-Istat Membru jistgħu jsiru disponibbli fuq il-Pjattaforma tal-IT.
Is-Segretarjat għandu jagħmel l-informazzjoni dwar l-Istati Membri parteċipanti disponibbli fuq il-Pjattaforma tal-IT.
2. Stat Membru parteċipanti jista’ joħroġ mir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE. Stati Membri parteċipanti li beħsiebhom joħorġu mir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE għandhom jinnotifikaw lis-Segretarjat. Notifiki ta’ ħruġ għandhom jiġu ppreżentati f’Ġunju jew f’Diċembru.
Il-ħruġ għandu jidħol fis-seħħ disa’ xhur wara n-notifika.
Mid-data tan-notifika, l-ebda post tax-xogħol vakanti ġdid tal-impjegaturi parteċipanti jew ta’ entitajiet parteċipanti oħra stabbiliti fl-Istat Membru li nnotifika l-intenzjoni tiegħu li jirtira mir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE ma għandu jkun disponibbli fuq il-Pjattaforma tal-IT. Postijiet tax-xogħol vakanti li diġà huma disponibbli fuq il-Pjattaforma tal-IT għandhom jitneħħew mid-data li fiha jidħol fis-seħħ il-ħruġ.
Il-ħruġ ta’ Stat Membru fl-ewwel sentejn ta’ parteċipazzjoni fir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE għandu jirriżulta fil-kanċellazzjoni jew l-irkupru nett tal-finanzjament rilevanti kollu tal-Unjoni pprovdut lill-Istat Membru sad-data li fiha jidħol fis-seħħ il-ħruġ. Il-ħruġ ta’ Stat Membru wara t-tieni sena ta’ parteċipazzjoni għandu jirriżulta fil-kanċellazzjoni jew l-irkupru nett ta’ kwalunkwe finanzjament tal-Unjoni pprovdut lill-Istat Membru li jikkorrispondi għall-perjodu wara li l-ħruġjidħol fis-seħħ.
Is-Segretarjat, bl-appoġġ tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali, għandu jagħmel disponibbli mingħajr dewmien fuq il-Pjattaforma tal-IT l-informazzjoni dwar l-Istati Membri li jkunu nnotifikaw l-intenzjoni tagħhom li joħorġu mir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE.
Artikolu 4
Definizzjonijiet
Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)
“Stat Membru parteċipanti” tfisser Stat Membru li jipparteċipa fir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE;
(2)
“persuna li qed tfittex impjieg minn pajjiż terz” tfisser persuna fiżika li tgħix barra l-Unjoni li, skont il-liġi nazzjonali jew il-prattika tal-Istat Membru parteċipanti rilevanti, tkun laħqet l-età maġġuri u li ma hijiex ċittadin tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 20(1) TFUE u li qed tfittex impjieg fl-Unjoni;
(3)
“persuna rreġistrata li qed tfittex impjieg minn pajjiż terz” tfisser persuna li qed tfittex impjieg minn pajjiż terz li tkun irreġistrat fuq il-Pjattaforma tal-IT f’konformità mal-Artikolu 11;
(4)
“impjegatur parteċipanti” tfisser impjegatur li jkun stabbilit legalment fi Stat Membru parteċipanti u li l-postijiet tax-xogħol vakanti tiegħu huma disponibbli fuq il-Pjattaforma tal-IT kif trażmessi mill-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-impjegatur;
(5)
“entità parteċipanti oħra” tfisser aġenzija ta’ xogħol temporanju, aġenzija privata ta’ impjieg jew intermedjarju tas-suq tax-xogħol li l-postijiet tax-xogħol vakanti tagħha huma disponibbli fuq il-Pjattaforma tal-IT kif trażmessi mill-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita legalment l-entità parteċipanti l-oħra;
(6)
“profil” tfisser l-informazzjoni pprovduta minn persuna li qed tfittex impjieg minn pajjiż terz f’format standard tad-data bl-iskop li tfittex impjieg mill-Pjattaforma tal-IT;
(7)
“mezz ikkoordinat uniku” tfisser is-servizz tal-IT għat-trażmissjoni ta’ postijiet tax-xogħol vakanti mill-Istati Membri parteċipanti għall-Pjattaforma tal-IT f’konformità ma’sistema uniformi u bl-użu tal-infrastruttura teknika meħtieġa;
(8)
“post tax-xogħol vakanti” tfisser kariga mħallsa li tippermetti lill-persuna li qed tfittex impjieg minn pajjiż terz li tkun intgħażlet li tidħol f’relazzjoni ta’ impjieg fl-Istat Membru parteċipanti fejn ikun stabbilit l-impjegatur parteċipanti jew l-entità parteċipanti l-oħra u fejn abitwalment ser taħdem il-persuna li qed tfittex impjieg minn pajjiż terz.
KAPITOLU II
ARKITETTURA TAS-SISTEMA TAL-IT
Artikolu 5
Pjattaforma tal-IT tar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE
1. Il-Pjattaforma tal-IT għall-faċilitazzjoni tar-reklutaġġ ta’ persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi hija stabbilita.
2. Il-Pjattaforma tal-IT għandha tkun magħmula minn:
(a)
il-kanal uniku kkoordinat li jippermetti lill-Istati Membri parteċipanti jibagħtu postijiet tax-xogħol vakanti lill-Pjattaforma tal-IT;
(b)
l-infrastruttura teknika li tippermetti lill-Pjattaforma tal-IT tirċievi postijiet tax-xogħol vakanti mill-Istati Membri parteċipanti;
(c)
l-infrastruttura teknika għall-ġbir u l-ħżin tal-profili ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi;
(d)
l-infrastruttura teknika li tippermetti lill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali, impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra jfittxu persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi u li tippermetti lil tali persuni li qed ifittxu impjieg ifittxu postijiet tax-xogħol vakanti;
(e)
l-għodda awtomatizzata ta’ tqabbil;
(f)
il-mezz ta’ komunikazzjoni sigur li jippermetti lil persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi u impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra jikkomunikaw permezz tal-Pjattaforma tal-IT u jtellgħu dokumenti fiha.
3. Il-funzjonament tal-għodda ta’ tqabbil awtomatiku għandu jkun irregolat mill-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, legalità u ġustizzja, u ma għandux jirriżulta fi preġudizzji jew prattiki inġusti pprojbiti skont id-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali.
4. Is-Segretarjat għandu jwettaq studju tal-fattibbiltà fi żmien sentejn wara t-tnedija tal-Pjattaforma tal-IT, li jivvaluta l-possibbiltà li jiġu integrati algoritmi multipli ta’ tqabbil fil-Pjattaforma tal-IT.
5. Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, l-istandards tekniċi meħtieġa għall-iskambju tad-data, formati ta’ data li jinkludu l-klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi (ESCO), formati għal postijiet tax-xogħol vakanti li jqisu l-Artikoli 13(4), (5) u (6) u formati għall-profili ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi li jqisu l-Artikoli 6, 11 u 12. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(2).
6. L-Istati Membri parteċipanti u s-Segretarjat għandhom jiżguraw l-interoperabbiltà teknika bejn is-sistemi nazzjonali u l-Pjattaforma tal-IT. Is-Segretarjat għandu jiżgura l-interfaċċa ma’ strumenti u servizzi rilevanti oħrajn offruti fil-livell tal-Unjoni, fejn xieraq.
Artikolu 6
Proċessar ta’ data personali
1. Is-Segretarjat jista’ jipproċessa d-data personali ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi u dawk tal-impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra biss sa fejn ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tiegħu skont l-Artikolu 8(2). Meta jipproċessaw id-data personali għal dak il-għan, is-Segretarjat għandu jaġixxi bħala kontrollur kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (8) tar-Regolament (UE) 2018/1725.
2. Il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jistgħu jipproċessaw id-data personali ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi u dawk tal-impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra biss sa fejn ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom skont l-Artikolu 10(2). Meta tiġi pproċessata data personali għal dak il-għan, il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għandhom jaġixxu bħala kontrolluri kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (7), tar-Regolament (UE) 2016/679.
3. Il-profili ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi għandhom jinkludu l-isem, il-kunjom, id-dettalji ta’ kuntatt, id-data tat-twelid u n-nazzjonalità jew nazzjonalitajiet, informazzjoni dwar il-kwalifiki akkademiċi u professjonali, il-volontarjat jew l-esperjenza tax-xogħol, ħiliet oħrajn u għarfien tal-lingwa.
Il-profili ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi jistgħu jinkludu wkoll informazzjoni dwar id-disponibbiltà tal-persuna li qed tfittex impjieg minn pajjiż terz biex tibda taħdem u l-Istati Membri ta’ preferenza.
4. Is-Segretarjat u l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għandhom jinfurmaw lill-persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi u lill-impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom u d-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-data, kif ukoll dwar id-drittijiet tagħhom skont il-paragrafi 5 u 6.
5. Id-data personali rreġistrata fil-Pjattaforma tal-IT jew mibgħuta lilha f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandha tiġi rreġistrata, maħżuna u magħmula disponibbli hemmhekk biss għal finijiet ta’ tiftix u tqabbil. Persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi għandu jkollhom id-dritt li jbiddlu, iħassru jew jirrestrinġu l-aċċess għad-data personali tagħhom.
6. Il-profili ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi li ma jkunux ġew aċċessati mill-persuni kkonċernati li qed ifittxu impjieg għal perjodu ta’ sena għandhom jitneħħew u ma għandha tinħażen l-ebda data personali. F’tali każijiet, il-persuni li qed ifittxu impjieg kkonċernati għandhom jiġu nnotifikati awtomatikament xahar qabel li l-profili tagħhom ikunu ser jitneħħew jekk ma jiġux aċċessati f’dak il-perjodu. Ladarba l-profili jitneħħew, sett limitat ta’ data anonimizzata jista’ jkompli jinħażen għal skopijiet ta’ riċerka u statistika, kif ukoll biex tiġi estratta data biex jittejjeb il-funzjonament tar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE.
7. Is-Segretarjat għandu jagħmel id-data inkluża fil-profili ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi u l-postijiet tax-xogħol vakanti ta’ impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra disponibbli għat-tiftix u t-tqabbil fuq il-Pjattaforma tal-IT.
8. Id-data inkluża fil-profili ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi għandha tkun aċċessibbli biss għall-impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra, u għall-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali. Id-data inkluża fil-postijiet tax-xogħol għandha tkun aċċessibbli għal persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi, u għall-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali.
9. L-ipproċessar ta’ data dwar l-Istati Membri ta’ preferenza tal-persuna li qed tfittex impjieg kif imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għall-fini ta’ tqabbil f’konformità mal-Artikolu 16 għandu jkun ipprojbit.
10. Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, aktar dispożizzjonijiet dwar id-data personali li għandha tiġi pproċessata u inkluża fil-postijiet tax-xogħol vakanti u l-profili ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi, dwar ir-responsabbiltajiet tal-kontrolluri, inkluż regoli li jirregolaw l-użu possibbli ta’ proċessur jew proċessuri, kif ukoll dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għad-data personali u l-għażla disponibbli għal persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi biex jirrestrinġu l-aċċess għad-data personali tagħhom fuq il-Pjattaforma tal-IT. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(2).
KAPITOLU III
GOVERNANZA
Artikolu 7
Struttura
Ir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE għandha tikkonsisti minn:
(a)
is-Segretarjat;
(b)
il-Grupp ta’ Tmexxija;
(c)
il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali;
Artikolu 8
Is-Segretarjat
1. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lis-Segretarjat.
2. Is-Segretarjat għandu jkun responsabbli biex:
(a)
jiżgura l-ġestjoni ġenerali tar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE, inkluż l-ippjanar u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet tar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE, kif ukoll is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwarha permezz ta’ attivitajiet ta’ komunikazzjoni u kampanji ta’ informazzjoni;
(b)
iwaqqaf u jmexxi l-Pjattaforma tal-IT u s-servizzi tal-IT relatati meħtieġa għall-funzjonament tagħha, b’mod partikolari bl-użu ta’ infrastruttura teknika disponibbli fil-livell tal-Unjoni fejn rilevanti;
(c)
jippubblika fuq il-Pjattaforma tal-IT l-informazzjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 3(1), fl-Artikolu 3(2), il-ħames subparagrafu, fl-Artikolu 9(5), fl-Artikolu 10(2), il-punt (i), fl-Artikolu 12(4), fl-Artikolu 14(2), fl-Artikolu 15(2) u fl-Artikolu 17(1), it-tieni subparagrafu;
(d)
isejjaħ u jħejji l-laqgħat tal-Grupp ta’ Tmexxija;
(e)
jiġbor id-data rilevanti għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE skont l-Artikolu 20;
(f)
isejjaħ laqgħat tan-Netwerk tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali msemmija fl-Artikolu 10(3) fuq bażi regolari.
Is-Segretarjat għandu jipprovdi lill-Grupp ta’ Tmexxija, fuq bażi annwali, id-data msemmija fl-Artikolu 20(1) u (4). Meta tali data jkun fiha data personali, din għandha tiġi anonimizzata.
Artikolu 9
Il-Grupp ta’ Tmexxija
1. Il-Grupp ta’ Tmexxija għandu jkun magħmul mill-membri li ġejjin:
(a)
żewġ rappreżentanti minn kull Stat Membru parteċipanti, li minnhom espert wieħed fil-qasam tal-impjiegi u espert wieħed fil-qasam tal-immigrazzjoni;
(b)
żewġ rappreżentanti mill-Kummissjoni;
(c)
sitt rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali transindustrijali fil-livell tal-Unjoni, b’rappreżentanza ugwali ta’ trade unions u organizzazzjonijiet tal-impjegaturi.
Il-membri msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu biss għandu jkollhom id-dritt għal vot.
2. Espert mill-Parlament Ewropew jista’ jiġi mistieden jattendi l-laqgħat tal-Grupp ta’ Tmexxija. Rappreżentanti addizzjonali tal-Kummissjoni jistgħu jieħdu sehem ukoll fil-laqgħa tal-Grupp ta’ Tmexxija jekk meħtieġ.
3. Rappreżentanti tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi li jipparteċipaw fi Sħubijiet ta’ Talent, arranġamenti bilaterali jew oqfsa nazzjonali dwar l-iżvilupp u l-validazzjoni tal-ħiliet f’pajjiż terz u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jistgħu jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Grupp ta’ Tmexxija biex jippreżentaw il-fehmiet tagħhom.
4. Rappreżentanti minn Stati Membri parteċipanti biss għandhom ikunu membri tal-Grupp ta’ Tmexxija. Rappreżentanti mill-Istati Membri li ma jkunux qed jipparteċipaw fir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE jistgħu jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Grupp ta’ Tmexxija bħala osservaturi.
5. Ir-rappreżentanti kollha msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c), għandhom jiffirmaw dikjarazzjoni bil-miktub li tiddikjara li mhumiex f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess. Is-Segretarjat għandu jippubblika dawk id-dikjarazzjonijiet u l-aġġornamenti għal dawk id-dikjarazzjonijiet fuq il-Pjattaforma tal-IT.
6. Il-Grupp ta’ Tmexxija għandu jkun responsabbli li:
(a)
jipprovdi appoġġ lis-Segretarjat fit-tħejjija tal-lista ta’ okkupazzjonijiet neqsin mill-ħaddiema fl-Unjoni kollha msemmja fl-Artikolu 14;
(b)
jiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri parteċipanti rigward l-aġġustamenti nazzjonali jew reġjonali għal-lista ta’ okkupazzjonijiet neqsin mill-ħaddiema fl-Unjoni kollha skont l-Artikolu 15(1);
(c)
jipprovdi appoġġ lis-Segretarjat fl-ippjanar u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet tar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE;
(d)
jiffaċilita l-ġbir tad-data rilevanti għall-attivitajiet ta’ monitoraġġ tar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE msemmija fl-Artikolu 20;
(e)
jiskambja l-aħjar prattiki rigward l-implimentazzjoni ta’ proċeduri tal-immigrazzjoni aċċellerati biex jiġi ffaċilitat ir-reklutaġġ ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi skont l-Artikolu 19.
(f)
jipprovdi appoġġ lis-Segretarjat fir-rigward tas-sensibilizzazzjoni dwar ir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE kif imsemmi fl-Artikolu 8(2), il-punt (a).
7. Il-Grupp ta’ Tmexxija għandu jiltaqa’ darbtejn fis-sena u fuq bażi ad hoc meta meħtieġ. Il-laqgħat għandhom jissejħu u jiġu ppreseduti mis-Segretarjat.
Artikolu 10
Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali
1. Kull Stat Membru parteċipanti għandu jaħtar entità li għandha taġixxi bħala l-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali tiegħu. L-Istati Membri parteċipanti għandhom jiżguraw li l-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali tagħhom ikun magħmul minn esperti fl-oqsma tal-impjiegi u l-immigrazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti. Fejn rilevanti, il-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali jista’ jiddependi fuq awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra għall-fini tat-twettiq tal-kompiti stipulati fil-paragrafu 2.
2. Il-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għandu jkun responsabbli milli:
(a)
jiffaċilita l-funzjonament tal-Pjattaforma tal-IT fil-livell nazzjonali;
(b)
jagħmel il-postijiet tax-xogħol vakanti disponibbli fuq il-Pjattaforma tal-IT permezz tal-kanal uniku kkoordinat, f’konformità mal-Artikolu 13(2);
(c)
ineħħi postijiet tax-xogħol vakanti mill-Pjattaforma tal-IT skont l-Artikolu 13(12) u profili ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi skont l-Artikolu 11(2), it-tieni subparagrafu, wara li tintbagħat l-informazzjoni rilevanti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti;
(d)
fejn applikabbli, jinnotifika lis-Segretarjat bi kwalunkwe aġġustament speċifiku għall-pajjiż fil-lista ta’ okkupazzjonijiet neqsin mill-ħaddiema fl-Unjoni kollha skont l-Artikolu 15(1), it-tieni, it-tielet u r-raba’ subparagrafi;
(e)
iż-żamma ta’ reġistri ta’:
(i)
impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra;
(ii)
impjegaturi u entitajiet oħra li ġew esklużi b’mod permanenti mir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE jew li l-aċċess tagħhom għar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE ġie rrifjutat jew sospiż;
(f)
jiċċekkja r-reġistru msemmi fil-punt (e)(ii) qabel ma jagħmel post tax-xogħol vakanti disponibbli fuq il-Pjattaforma tal-IT u jirrifjuta l-aċċess għall-Pjattaforma tal-IT minn impjegaturi jew entitajiet oħra interessati li jipparteċipaw fir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE jekk ikunu rreġistrati f’dak ir-reġistru jew abbażi ta’ informazzjoni oħra dwar ksur tal-liġi u l-prattika rilevanti tal-Unjoni jew nazzjonali li jkunu ġew stabbiliti;
(g)
jaqsam ir-reġistru msemmi fil-punt (e)(i) mal-Grupp ta’ Tmexxija u, fejn Stat Membru parteċipanti jiddeċiedi hekk, jaqsam dak ir-reġistru mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti;
(h)
meta l-Istat Membru parteċipanti jiddeċiedi hekk, jagħmel ir-reġistru msemmi fil-punt (e)(i) disponibbli għall-pubbliku;
(i)
jeskludi impjegaturi parteċipanti jew entitajiet parteċipanti oħra, jew jissospendilhom l-aċċess għar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE, u jneħħi l-postijiet tax-xogħol vakanti relatati mill-Pjattaforma tal-IT skont l-Artikolu 13(8) u (9);
(j)
jipprovdi informazzjoni lis-Segretarjat kif imsemmi fl-Artikolu 17(1), it-tieni subparagrafu, u data rilevanti għall-monitoraġġ tar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE kif imsemmi fl-Artikolu 20;
(k)
jipprovdi informazzjoni speċifika lil persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi li ntgħażlu għal post tax-xogħol vakanti fir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE u lill-impjegaturi parteċipanti u lill-entitajiet parteċipanti oħra f’konformità mal-Artikolu 17(2).
3. Meta s-Segretarjat isejjaħ laqgħa tan-Netwerk tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali minn kull Stat Membru parteċipanti skont l-Artikolu 8(2), il-punt (f), ir-rappreżentanti mill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għandhom jiltaqgħu biex jaqsmu informazzjoni u l-aħjar prattiki dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
KAPITOLU IV
REĠISTRAZZJONI TA’ PERSUNI LI QED IFITTXU IMPJIEG MINN PAJJIŻI TERZI U L-PARTEĊIPAZZJONI TA’ IMPJEGATURI U ENTITAJIET OĦRA FIR-RIŻERVA TA’ TALENTI TAL-UE
Artikolu 11
Reġistrazzjoni u aċċess ta’ persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi
1. Persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi jistgħu joħolqu l-profili tagħhom permezz tal-bennej tal-profil tal-Europass sabiex jirreġistraw fuq il-Pjattaforma tal-IT. Links diretti għall-Pjattaforma tal-IT jistgħu jiġu ppubblikati fuq is-siti web ta’ għodod rilevanti oħra.
2. Sabiex jirreġistraw fuq il-Pjattaforma tal-IT, persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi għandhom ikunu meħtieġa jiddikjaraw li mhumiex soġġetti għal deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva li tirrifjuta d-dħul jew is-soġġorn fi Stat Membru f’konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu jew għal projbizzjoni fuq id-dħul fit-territorju tal-Unjoni kif imsemmi fid-Direttiva 2008/115/KE.
Profili ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi li jkunu għamlu dikjarazzjoni falza skont l-ewwel subparagrafu għandhom jitneħħew mill-Pjattaforma tal-IT wara li tintbagħat l-informazzjoni rilevanti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi jistgħu joħolqu profil ġdid ladarba d-deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva jew il-projbizzjoni fuq id-dħul ma tibqax tapplika.
3. Il-profili ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi għandhom ikunu viżibbli għall-impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra.
Artikolu 12
Indikazzjoni ta’ parteċipazzjoni fis-Sħubijiet ta’ Talent, arranġamenti bilaterali u oqfsa nazzjonali dwar l-iżvilupp u l-validazzjoni tal-ħiliet f’pajjiż terz
1. Persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi li jkunu bbenefikaw minn appoġġ speċifiku fil-qafas ta’ Sħubija ta’ Talent, arranġament bilaterali jew qafas nazzjonali dwar l-iżvilupp u l-validazzjoni tal-ħiliet f’pajjiż terz , jistgħu jindikaw dan fil-profili tagħhom.
2. Għall-fini tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandha tiġi żviluppata “marka” fi ħdan il-Pjattaforma tal-IT li għandha tiġi integrata fil-profili ta’ persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi f’konformità mal-Artikolu 5(5) (il-“Marka”).
Persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi li jindikaw il-parteċipazzjoni tagħhom f’wieħed mis-Sħubijiet ta’ Talent, arranġamenti jew oqfsa msemmija fil-paragrafu 1, għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja fil-Marka:
(a)
l-isem tas-Sħubija ta’ Talent, tal-arranġament bilaterali jew tal-qafas nazzjonali dwar l-iżvilupp u l-validazzjoni tal-ħiliet f’pajjiż terz; u
(b)
id-dettalji ta’ kwalunkwe taħriġ segwit fil-kuntest tal-punt (a), inkluż is-suġġett tiegħu, it-tul ta’ żmien u t-tip ta’ ħiliet żviluppati, fosthom ħiliet lingwistiċi rilevanti.
Jekk disponibbli, id-dokumentazzjoni li tappoġġa l-informazzjoni pprovduta tista’ tiġi mehmuża mal-profili ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi. Persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi jistgħu jindikaw ukoll kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa rilevanti għall-fini tar-reklutaġġ.
3. Il-Marka għandha tkun viżibbli fuq il-profili ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi fil-Pjattaforma tal-IT, għandha tispeċifika li hija għal finijiet ta’ informazzjoni biss fil-kuntest tar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE u li ma tammontax għar-rikonoxximent jew il-validazzjoni formali tal-ħiliet u l-kwalifiki li l-persuna li qed tfittex impjieg minn pajjiż terz setgħet żviluppat permezz tal-parteċipazzjoni fis-Sħubijiet ta’ Talent, arranġamenti jew oqfsa msemmija fil-paragrafu 1. Il-Marka hija mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ dħul u residenza.
4. Lista ta’ pajjiżi terzi u Stati Membri parteċipanti li jkunu qed jieħdu sehem fi Sħubija ta’ Talent għandha tiġi ppubblikata fuq il-pjattaforma tal-IT mis-Segretarjat. Is-Segretarjat għandu jippubblika wkoll fuq il-Pjattaforma tal-IT lista ta’ arranġamenti bilaterali u oqfsa nazzjonali dwar l-iżvilupp u l-validazzjoni tal-ħiliet f’pajjiżi terzi, inkluż pajjiżi terzi li jkunu qed jieħdu sehem f’dawk l-arranġamenti u l-oqfsa u informazzjoni dwar l-appoġġ speċifiku pprovdut f’dawk l-arranġamenti u l-oqfsa, li l-Istati Membri parteċipanti għażlu li jorbtuhom mar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE.
Artikolu 13
Parteċipazzjoni tal-impjegaturi u entitajiet oħra fir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE
1. L-impjegaturi u entitajiet oħra interessati li jipparteċipaw fir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE għandhom jitolbu lill-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali fl-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti biex jagħmel il-postijiet tax-xogħol vakanti tagħhom disponibbli fuq il-Pjattaforma tal-IT.
2. Il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għandhom jagħmlu disponibbli fuq il-Pjattaforma tal-IT postijiet tax-xogħol vakanti li:
(a)
jaqgħu fil-lista ta’ okkupazzjonijiet neqsin mill-ħaddiema fl-Unjoni kollha msemmija fl-Artikolu 14 u l-aġġustamenti speċifiċi għall-pajjiż għal dik il-lista skont l-Artikolu 15(1) jew li huma rilevanti għal Sħubija ta’ Talent, arranġament bilaterali jew qafas nazzjonali dwar l-iżvilupp u l-validazzjoni tal-ħiliet f’pajjiż terz elenkat fil-Pjattaforma tal-IT;
(b)
huma miftuħa għar-reklutaġġ ta’ persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta’ preferenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni, fejn applikabbli skont il-liġi nazzjonali.
3. Meta jagħmlu l-postijiet tax-xogħol vakanti disponibbli fuq il-Pjattaforma tal-IT, il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali ma għandhomx jittrażmettu postijiet tax-xogħol vakanti:
(a)
relatati ma’ apprendistati u traineeships;
(b)
tal-impjegaturi u entitajiet oħra li huma rreġistrati fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 10(2), il-punt (e)(ii).
4. Postijiet tax-xogħol vakanti disponibbli fuq il-Pjattaforma tal-IT għandhom jinkludu mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:
(a)
l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-impjegatur li miegħu l-persuna li qed tfittex impjieg minn pajjiż terz tinvolvi ruħha f’relazzjoni ta’ impjieg diretta u ta’ kwalunkwe entità parteċipanti oħra;
(b)
id-deskrizzjoni tal-impjieg;
(c)
it-tul tal-kuntratt tal-impjieg; u
(d)
il-post normali tax-xogħol.
5. Postijiet tax-xogħol vakanti disponibbli fuq il-Pjattaforma tal-IT jistgħu jinkludu informazzjoni addizzjonali, bħall-paga inizjali jew il-firxa tal-paga offruta.
6. Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, l-impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra jistgħu jipprovdu informazzjoni addizzjonali għall-fini tal-preżentazzjoni tal-impriża lil persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi, inkluż is-settur li fih hija attiva, deskrizzjoni qasira tal-operazzjonijiet tagħha u, fejn rilevanti, in-numru tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija.
7. Impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra għandhom jikkonformaw mal-liġi u l-prattika rilevanti tal-Unjoni u nazzjonali rigward il-protezzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi minn reklutaġġ inġust, kundizzjonijiet tax-xogħol inadegwati, diskriminazzjoni, trattament negattiv u traffikar ta’ bnedmin, fejn applikabbli. Impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra għandhom jikkonformaw ukoll mal-ftehimiet kollettivi applikabbli li jipproteġu d-dritt taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal-libertà ta’ assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv. L-Istati Membri parteċipanti jistgħu jintroduċu kundizzjonijiet addizzjonali għall-parteċipazzjoni tal-impjegaturi u entitajiet oħra fir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE biex jiżguraw il-konformità ma’ prattiki nazzjonali rilevanti oħrajn, ftehimiet kollettivi u l-prinċipji u l-linji gwidatal-ILO, bħall-prinċipji ġenerali u l-linji gwida operazzjonali tagħha dwar ir-reklutaġġ ġust, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.
8. Meta awtorità nazzjonali kompetenti tistabbilixxi li impjegatur parteċipanti jew entità parteċipanti oħra ma jikkonformawx mal-obbligi u l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 7, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tinnotifika lill-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali rilevanti b’dan.
Malli jirċievu notifika kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għandu jissospendi l-aċċess għall-Pjattaforma tal-IT mill-impjegatur parteċipanti jew entità parteċipanti oħra kkonċernata u jneħħi l-postijiet tax-xogħol vakanti tiegħu mill-Pjattaforma tal-IT. F’każijiet bħal dawn, l-impjegatur parteċipanti jew entità parteċipanti oħra ma għandhomx jitħallew jagħmlu użu mill-Pjattaforma tal-IT, inkluż permezz ta’ entitajiet parteċipanti oħra.
Meta awtorità nazzjonali kompetenti tinnotifika lill-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali li n-nuqqas ta’ konformità tal-impjegatur jew entità oħra kkonċernata mal-obbligi u l-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu jkun ġie rimedjat, il-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali rilevanti għandu jneħħi s-sospensjoni tal-aċċess għall-Pjattaforma tal-IT.
9. B’deroga mill-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jeskludu b’mod permanenti lil impjegaturi parteċipanti u lil entitajiet parteċipanti oħra mir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE, kif ukoll lil impjegaturi u entitajiet oħra interessati li jipparteċipaw fir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE fil-każ tar-reati msemmija fl-Artikoli 2, 3 u 18a tad-Direttiva 2011/36/UE u fil-każ ta’ reati kriminali relatati mal-impjieg ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali kif stipulat fl-Artikolu 9 b’rabta mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/52/KE.
Meta Stat Membru parteċipanti jidderoga mill-paragrafu 8, huwa għandu jinnotifika lill-punt ta’ Kuntatt Nazzjonali rilevanti dwar dan.
Malli jirċievi notifika kif imsemmi fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għandu jeskludi b’mod permanenti lill-impjegatur jew lil entità oħra kkonċernata mir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE u, fejn applikabbli, ineħħi l-postijiet tax-xogħol vakanti tagħhom mill-Pjattaforma tal-IT.
Meta impjegatur jew entità oħra tkun ġiet eskluża b’mod permanenti milli tipparteċipa fir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE, ma għandhiex titħalla tagħmel użu mill-Pjattaforma tal-IT, inkluż permezz ta’ entitajiet parteċipanti oħra.
10. L-użu tar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE għandu jkun b’xejn għal persuni li jkunu qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi. Impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra ma għandhom jitolbu ebda tariffa jew spejjeż mhux żvelati lil persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi għall-fini tar-reklutaġġ, kemm jekk qabel jew wara li jitlesta l-proċess tar-reklutaġġ.
11. Il-postijiet tax-xogħol vakanti tal-impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra għandhom ikunu viżibbli għal persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi fil-Pjattaforma tal-IT.
12. Postijiet tax-xogħol vakanti għandhom jitneħħew minnufih mill-Pjattaforma tal-IT fil-każ ta’:
(a)
talba magħmula mill-impjegatur parteċipanti jew entità parteċipanti oħra lill-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali biex ineħħi l-postijiet tax-xogħol vakanti kollha tagħhom jew kwalunkwe wieħed minnhom;
(b)
notifika magħmula mill-impjegatur parteċipanti jew entità parteċipanti oħra lill-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali f’konformità mal-paragrafu 13;
(c)
in-nuqqas ta’ kwalunkwe tqabbil ma’ persuna rreġistrata li qed tfittex impjieg minn pajjiż terz għal perjodu ta’ sena;
(d)
is-sospensjoni tal-aċċess mill-impjegatur parteċipanti jew l-entità parteċipanti l-oħra jew l-esklużjoni permanenti tagħhom;
(e)
it-tneħħija tal-okkupazzjonijiet rilevanti wara aġġustamenti fil-lista tal-Unjoni kollha ta’ okkupazzjonijiet b’nuqqas ta’ ħaddiema f’konformità mal-Artikolu 15.
13. L-impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra għandhom jindikaw, mingħajr dewmien żejjed, fil-Pjattaforma tal-IT li jkunu rreklutaw b’suċċess persuna rreġistrata li qed tfittex impjieg minn pajjiżi terzi għal post tax-xogħol vakanti partikolari. Il-profili ta’ tali persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi għandhom jitneħħew mill-Pjattaforma tal-IT.
Artikolu 14
Lista ta’ okkupazzjonijiet neqsin mill-ħaddiema fl-Unjoni kollha
1. Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, lista ta’ okkupazzjonijiet neqsin mill-ħaddiema fl-Unjoni kollha fil-Klassifika Internazzjonali Standard tal-Impjiegi 2008 tal-Uffiċċju Internazzjonali tax-Xogħol (ISCO-08) b’livell ta’ erba’ ċifri hija stipulata fl-Anness.
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 21 biex temenda l-Anness, b’kont meħud ta’:
(a)
okkupazzjonijiet neqsin mill-ħaddiema nnotifikati lis-Segretarjat mill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali skont l-Artikolu 15(1), it-tielet u r-raba’ subparagrafi, li huma komuni għal għadd sinifikanti ta’ Stati Membri parteċipanti;
(b)
impjiegi li jikkontribwixxu direttament għall-kompetittività tal-Unjoni u għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u li x’aktarx jikbru fl-importanza.
2. Is-Segretarjat għandu jippubblika l-lista tal-okkupazzjonijiet neqsin mill-ħaddiema fl-Unjoni kollha fuq il-Pjattaforma tal-IT.
Artikolu 15
Aġġustamenti għal-lista ta’ okkupazzjonijiet neqsin mill-ħaddiema fl-Unjoni kollha
1. L-Istati Membri parteċipanti jistgħu jiddeċiedu li jżidu l-okkupazzjonijiet neqsin mill-ħaddiema fil-livell b’erba’ ċifri tal-ISCO-08 sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom tas-suq tax-xogħol u l-objettivi tal-politika tagħhom. Huma jistgħu jiddeċiedu wkoll li jneħħu l-okkupazzjonijiet neqsin mill-ħaddiema mil-lista fl-Unjoni kollha fejn dawk l-okkupazzjonijiet neqsin mill-ħaddiema ma jikkorrispondux għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom tas-suq tax-xogħol fil-livell nazzjonali jew reġjonali jew għall-objettivi tal-politika tagħhom. Tali aġġustamenti speċifiċi għall-pajjiż għandhom jaffettwaw biss it-tqabbil tal-postijiet tax-xogħol vakanti fl-Istat Membru kkonċernat.
Il-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għandu jinnotifika kwalunkwe aġġustament speċifiku għall-pajjiż fil-lista ta’ okkupazzjonijiet neqsin mill-ħaddiema fl-Unjoni kollha sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel id-data li minnha l-Istat Membru rilevanti jkun beħsiebu jipparteċipa fir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE msemmija fl-Artikolu 3(1).
Il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jistgħu jinnotifikaw lis-Segretarjat dwar aġġustamenti speċifiċi għall-pajjiż oħra għal-lista ta’ okkupazzjonijiet neqsin mill-ħaddiema fl-Unjoni kollha kull sitt xhur.
Meta l-Anness jiġi emendat f’konformità mal-Artikolu 14(1), it-tieni subparagrafu, il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għandhom jinnotifikaw lis-Segretarjat bi kwalunkwe aġġustament speċifiku għall-pajjiż fil-lista ta’ okkupazzjonijiet neqsin mill-ħaddiema fl-Unjoni kollha fi żmien tliet xhur.
2. Is-Segretarjat għandu jippubblika l-aġġustamenti speċifiċi għall-pajjiż għal-lista ta’ okkupazzjonijiet neqsin mill-ħaddiema fl-Unjoni kollha nnotifikati mill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali fuq il-Pjattaforma tal-IT.
Artikolu 16
Tiftix u tqabbil
1. Impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra jistgħu jfittxu profili ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi u jqabbluhom ma’ postijiet tax-xogħol vakanti disponibbli fuq il-Pjattaforma tal-IT.
2. Jenħtieġ li l impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra jkunu jistgħu jużaw filtri speċifiċi disponibbli fuq il-Pjattaforma tal-IT biex ifittxu għall-profili ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi li jkunu pprovdew informazzjoni fil-Marka msemmija fl-Artikolu 12(2) li tindika li bbenefikaw minn appoġġ speċifiku fil-qafas ta’ Sħubija ta’ Talent, arranġament bilaterali jew qafas nazzjonali dwar l-iżvilupp u l-validazzjoni tal-ħiliet f’pajjiż terz.
3. Impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra jistgħu jaċċessaw lista ta’ profili ssuġġeriti ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi, iġġenerati mill-għodda awtomatizzata ta’ tqabbil u abbażi tar-rilevanza tal-ħiliet, il-kompetenzi, il-kwalifiki, l-esperjenza tax-xogħol u d-disponibbiltà għall-post tax-xogħol vakanti ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi.
4. Persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi jistgħu jfittxu postijiet tax-xogħol vakanti fuq il-Pjattaforma tal-IT u jaċċessaw lista ta’ postijiet tax-xogħol vakanti rilevanti ssuġġeriti ġġenerati mill-għodda awtomatizzata ta’ tqabbil.
KAPITOLU V
GĦOTI TA’ INFORMAZZJONI, FAĊILITAZZJONI TAL-ILMENTI U PROĊEDURI TAL-IMMIGRAZZJONI AĊĊELLERATI
Artikolu 17
Għoti ta’ informazzjoni
1. L-Istati Membri parteċipanti għandhom jagħmlu l-informazzjoni dwar ir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE u l-funzjonament tagħha faċilment aċċessibbli, inkluż għal persuni b’diżabbiltà.
Is-Segretarjat, bl-appoġġ tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali, għandu jagħmel l-informazzjoni li ġejja disponibbli fuq il-Pjattaforma tal-IT:
(a)
informazzjoni dwar proċeduri ġusti ta’ reklutaġġ u impjieg, inkluż dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki u l-validazzjoni tal-ħiliet, u dwar il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fl-Istati Membri parteċipanti;
(b)
informazzjoni dwar il-proċeduri ta’ immigrazzjoni, fosthom il-proċeduri biex jinkisbu viżi u permessi ta’ residenza għal skop ta’ xogħol;
(c)
informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inkluż fir-rigward tal-aċċess għal mekkaniżmi eżistenti ta’ lment u rimedju sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja;
(d)
spjegazzjoni ċara lill-persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi li jekk ikunu soġġetti għal deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva li tirrifjuta d-dħul jew is-soġġorn fi Stat Membru jew projbizzjoni fuq id-dħul kif imsemmi fid-Direttiva 2008/115/KE, id-dħul u s-soġġorn tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri għandhom ikunu pprojbiti.
(e)
spjegazzjoni ċara li r-reġistrazzjoni fir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE mill-persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi, l-inklużjoni tal-Marka msemmija fl-Artikolu 12(2) fuq il-profili tagħhom jew l-għażla għal post tax-xogħol vakanti permezz tal-Pjattaforma tal-IT ma tagħtix garanzija li ser jitħallew jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri, li ser jinħareġ permess tax-xogħol, viża jew permess ta’ residenza jew li jkunu twettqu kontrolli tas-sigurtà;
(f)
spjegazzjoni ċara li l-użu tar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE għandu jkun b’xejn u li l-impjegaturi ma għandhomx jitolbu tariffi jew spejjeż mhux żvelati lil persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi għall-fini ta’ reklutaġġ.
2. Il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għandhom jipprovdu lil persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi li ntgħażlu għal post tax-xogħol vakanti u impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra b’informazzjoni speċifika, b’mod partikolari fir-rigward ta’:
(a)
proċeduri nazzjonali ta’ immigrazzjoni biex jinkisbu viżi u permessi ta’ residenza għal skopijiet ta’ xogħol, inkluż li ser jitwettqu kontrolli ta’ sigurtà;
(b)
proċeduri ta’ riunifikazzjoni tal-familja u d-drittijiet u l-obbligi tal-membri tal-familja;
(c)
id-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi inkluż fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, it-tassazzjoni, l-aċċess għall-benefiċċji soċjali, l-assistenza tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, ir-rikonoxximent tal-ħiliet u tal-kwalifiki u l-mekkaniżmi eżistenti għall-ilmenti u r-rimedji;
(d)
attivitajiet biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istat Membru ospitanti bħal korsijiet tal-lingwa, edukazzjoni, taħriġ vokazzjonali u edukazzjoni kif ukoll miżuri oħrajn ta’ integrazzjoni;
(e)
id-dettalji ta’ kuntatt, f’konformità mal-prattika nazzjonali, tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-impjiegi u tal-immigrazzjoni u, fejn disponibbli, id-dettalji ta’ kuntatt tal-organizzazzjonijiet nazzjonali kompetenti li joffru assistenza ta’ wara r-reklutaġġ għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, bħat-trade unions, l-assoċjazzjonijiet tal-impjegaturi u l-kmamar tal-kummerċ;
(f)
fejn rilevanti, dwar is-servizzi ta’ appoġġ relatati mad-diżabbiltà u l-għoti ta’ akkomodazzjoni raġonevoli f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE (34);
(g)
jekk applikabbli, id-dettalji ta’ kuntatt ta’ korpi xierqa oħra fil-livell nazzjonali li jappoġġaw l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fis-suq tax-xogħol.
3. Il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għandhom ikunu responsabbli għall-aġġornament tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, fejn meħtieġ.
4. Il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 f’format awtomatizzat u standardizzat, inkluż billi jirreferu għal sorsi eżistenti ta’ informazzjoni, billi jużaw għodod diġitali.
Artikolu 18
Faċilitazzjoni tal-ilmenti
1. Persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi għandu jkollhom aċċess effettiv għall-mekkaniżmi eżistenti tal-ilmenti f’konformità mal-liġi nazzjonali. Fil-każ ta’ kwalunkwe ksur mill-impjegaturi parteċipanti jew entitajiet parteċipanti oħra ta’ kwalunkwe wieħed mill-obbligi stipulati fl-Artikolu 13(7), persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi jew ir-rappreżentanti tagħhom għandu jkollhom id-dritt li jirrappurtaw il-ksur lill-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali jew li jressqu lment f’konformità mal-liġi nazzjonali lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
2. Jekk ksur jiġi rrappurtat lill-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali skont il-paragrafu 1, il-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għandu jirreferih lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
Artikolu 19
Proċeduri tal-immigrazzjoni aċċellerati
L-Istati Membri parteċipanti jistgħu, f’konformità mal-liġi nazzjonali, jiddeċiedu li jistabbilixxu proċeduri tal-immigrazzjoni aċċellerati biex jippermettu reklutaġġ aktar mgħaġġel ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi li jkunu ntgħażlu għal post tax-xogħol vakanti fir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE.
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 20
Attivitajiet ta’ monitoraġġ u rispons
1. Il-prestazzjoni u l-kosteffettività tar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE għandhom jiġu mmonitorjati regolarment mis-Segretarjat. B’mod partikolari, għandha tinġabar data dwar:
(a)
l-għadd u t-tip ta’ profili ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi;
(b)
l-għadd u t-tip ta’ impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra;
(c)
l-għadd u t-tip ta’ postijiet tax-xogħol vakanti li saru disponibbli fuq il-pjattaforma tal-IT;
(d)
l-għadd ta’ żjarat fuq il-Pjattaforma tal-IT;
(e)
l-għadd u t-tip ta’ kollokamenti f’impjiegi ffaċilitati permezz tar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE;
(f)
l-għadd ta’ profili ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi li jinkludu Marka kif imsemmi fl-Artikolu 12(2);
(g)
l-għadd ta’ kollokamenti f’impjieg iffaċilitati permezz tal-Pjattaforma tal-IT fil-kuntest tas-Sħubijiet ta’ Talent, arranġamenti bilaterali jew l-oqfsa nazzjonali dwar l-iżvilupp u l-validazzjoni tal-ħiliet f’pajjiż terz;
(h)
il-livelli ta’ ħiliet u kwalifiki tal-persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi li ġew reklutati mir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE.
2. Is-Segretarjat għandu jistabbilixxi l-ġbir tad-data f’konformità mal-kunċetti u d-definizzjonijiet tal-istatistika stabbiliti u jaqsam informazzjoni u data mal-Kummissjoni biex jiżgura l-kwalità tad-data miġbura skont dan ir-Regolament u biex jipproduċi u jiżgura l-kwalità tal-istatistika Ewropea.
3. Is-Segretarjat għandu jiġbor id-data msemmija fil-paragrafu 1 bl-appoġġ tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali u tal-Grupp ta’ Tmexxija.
4. Il-prestazzjoni tar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE għandha tiġi mmonitorjata regolarment mis-Segretarjat, filwaqt li jitqies ir-rispons miġbur minn persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi u l-impjegaturi parteċipanti u entitajiet parteċipanti oħra kif ukoll organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-esperjenzi tagħhom, b’mod partikolari dawk li jaħdmu ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inkluż persuni b’diżabbiltà.
Artikolu 21
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 14(1) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Ġunju 2026. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.
3. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 14(1) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 14(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 22
Proċedura ta’ kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 23
Rappurtar
Sal-31 ta’ Diċembru 2031 u kull ħames snin wara din id-data, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
Ir-rapport għandu, b’mod partikolari, jivvaluta l-effettività ta’ dan ir-Regolament fl-indirizzar tan-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet fl-Istati Membri parteċipanti u l-effettività tal-proċess ta’ reklutaġġ, inkluż f’termini tal-iżgurar ta’ prattiki ta’ reklutaġġ ġusti, u r-rispett ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa.
Artikolu 24
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Strasburgu, id-29 ta’ April 2026.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
M. RAOUNA
(1) ĠU C, C/2024/4067, 12.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4067/oj.
(2) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Marzu 2026 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2026.
(3) Id-Deċiżjoni (UE) 2023/936 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar Sena Ewropea tal-Ħiliet (ĠU L 125, 11.5.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/936/oj).
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/109/oj).
(5) Id-Direttiva (UE) 2021/1883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2021 dwar il-kondizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-fini ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE (ĠU L 382, 28.10.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2021/1883/oj).
(6) ĠU C 224, 8.6.2022, p. 69.
(7) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1364 tat-23 ta’ Settembru 2020 dwar perkorsi legali għall-protezzjoni fl-UE: il-promozzjoni tar-risistemazzjoni, l-ammissjoni umanitarja u perkorsi komplementari oħra (ĠU L 317, 1.10.2020, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2020/1364/oj).
(8) Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/104/oj).
(9) Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/2102/oj).
(10) Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/882/oj).
(11) Ir-Regolament (UE) 2024/1689 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 300/2008, (UE) Nru 167/2013, (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1139 u (UE) 2019/2144 u d-Direttivi 2014/90/UE, (UE) 2016/797 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali) (ĠU L, 2024/1689, 12.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1689/oj).
(12) Ir-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ April 2016 dwar network Ewropew ta’ servizzi tal-impjiegi (EURES), aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta’ mobilità u integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol u li jemenda Regolamenti (UE) Nru 492/2011 u (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 107, 22.4.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/589/oj).
(13) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2611 tal-15 ta’ Novembru 2023 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi (ĠU L, 2023/2611, 24.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2023/2611/oj).
(14) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).
(15) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
(16) Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/115/oj).
(17) Id-Deċiżjoni (UE) 2018/646 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ April 2018 dwar qafas komuni għall-għoti ta’ servizzi aħjar għall-ħiliet u l-kwalifiki (Europass) u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE (ĠU L 112, 2.5.2018, p. 42, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/646/oj).
(18) Id-Direttiva (UE) 2024/1500 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza fil-qasam tat-trattament ugwali u l-opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel fi kwistjonijiet ta’ impjieg u xogħol, u li temenda d-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE (ĠU L, 2024/1500, 29.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1500/oj).
(19) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1499 tas-7 ta’ Mejju 2024 dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza fil-qasam tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika tagħhom, it-trattament ugwali fi kwistjonijiet ta’ impjieg u xogħol bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, it-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali u fl-aċċess għal prodotti u servizzi u l-provvista tagħhom, u li temenda d-Direttivi 2000/43/KE u 2004/113/KE (ĠU L, 2024/1499, 29.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1499/oj).
(20) Id-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru (ĠU L 343, 23.12.2011, p. 1 , ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/98/oj).
(21) Id-Direttiva 2014/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-fini ta’ impjieg bħala ħaddiema staġonali (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 375, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/36/oj).
(22) Id-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta’ skambju ta’ skulari jew proġetti edukattivi u au pairing (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/801/oj).
(23) Id-Direttiva (UE) 2021/1883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2021 dwar il-kondizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-fini ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE (ĠU L 382, 28.10.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2021/1883/oj).
(24) Id-Direttiva (UE) 2024/1233 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru (ĠU L, 2024/1233, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1233/oj).
(25) Id-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 105, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/1152/oj).
(26) Id-Direttiva (UE) 2023/970 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li ssaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta’ trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi ta’ infurzar (ĠU L 132, 17.5.2023, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/970/oj).
(27) Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1996/71/oj).
(28) Id-Direttiva (UE) 2020/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li tistabbilixxi regoli speċifiċi rigward id-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/UE għall-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq u li temenda d-Direttiva 2006/22/KE fir-rigward ta’ rekwiżiti tal-infurzar u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 249, 31.7.2020, p. 49, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2020/1057/oj).
(29) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Awwissu 1994, Raymond Vander Elst vs Office des Migrations Internationales, C-43/93, ECLI:EU:C:1994:310.
(30) Id-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali (ĠU L 168, 30.6.2009, p. 24, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/52/oj).
(31) Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/36/oj).
(32) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2016/512/oj.
(33) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).
(34) Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2000/78/oj).
ANNESS
LISTA TA’ OKKUPAZZJONIJIET NEQSIN MILL-ĦADDIEMA FL-UNJONI KOLLHA
Kodiċi ISCO-08
Okkupazzjoni
2142
Inġiniera ċivili
2151
Inġiniera elettriċi
2211
Tobba tal-familja
2212
Prattikanti mediċi speċjalisti
2221
Professjonisti tal-infermerija
2411
Kontabilisti
2511
Analisti tas-sistemi
2512
Żviluppaturi ta’ software
2513
Żviluppaturi tal-web u tal-multimedia
2514
Programmaturi tal-applikazzjonijiet
2519
Żviluppaturi ta’ software u ta’ applikazzjonijiet u analisti mhux ikklassifikati banda oħra
3113
Tekniċi tal-inġinerija elettrika
3221
Professjonisti assoċjati tal-infermerija
5120
Kokijiet
5131
Wejters
5321
Assistenti tal-kura tas-saħħa
7112
Bennejja u ħaddiema relatati
7114
Ħaddiema li jqiegħdu u jlestu l-konkrit u ħaddiema relatati
7115
Mastrudaxxa u ħaddiema li jgħaqqdu l-għamara
7121
Bennejja tas-soqfa
7123
Kaħħala
7126
Plumbers u ħaddiema li jwaħħlu l-pajpijiet
7127
Mekkaniċi tal-arja kundizzjonata u tar-refriġerazzjoni
7212
Welders u flame cutters
7213
Ħaddiema tal-folji tal-metall
7214
Preparaturi u installaturi tal-metall strutturali
7223
Setters tal-għodda u operaturi tal-magni li jaħdmu l-metall
7231
Mekkaniċi u ħaddiema tat-tiswija tal-vetturi bil-mutur
7233
Mekkaniċi u ħaddiema tat-tiswija ta’ makkinarju agrikolu u industrijali
7411
Elektrixins ta’ bini u relatati
7412
Mekkaniċi u installaturi tal-elettriku
7511
Bejjiegħa tal-laħam, tal-ħut u preparaturi relatati tal-ikel
8331
Xufiera tal-karozzi tal-linja u tat-tram
8332
Sewwieqa ta’ trakkijiet tqal u ta’ trakkijiet
9112
Sefturi u assistenti f’uffiċċji, f’lukandi u fi stabbilimenti oħra
3119
Tekniċi tax-xjenza fiżika u tal-inġinerija mhux ikklassifikati band’oħra
2143
Inġiniera ambjentali
2133
Professjonisti tal-ħarsien tal-ambjent
2145
Inġiniera kimiċi
2144
Inġiniera mekkaniċi
3115
Tekniċi tal-inġinerija mekkanika
2141
Inġiniera industrijali u tal-produzzjoni
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/1047/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)
Top