Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea
MT
Is-serje L
2026/1461
30.6.2026
REGOLAMENT (UE) 2026/1461 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-25 ta’ Ġunju 2026
dwar in-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dazji doganali fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),
Billi:
(1)
L-Unjoni u l-Istati Uniti tal-Amerka (l-“Istati Uniti”) għandhom l-iktar relazzjoni kummerċjali u ta’ investiment bilaterali kbira u profonda fid-dinja u għandhom ekonomiji integrati ħafna. Il-kummerċ bidirezzjonali totali bejniethom kellu valur ta’ aktar minn EUR 1,6 triljun fl-2024. Dik is-sħubija profonda u komprensiva hija mirfuda minn investimenti reċiproċi sinifikanti fis-swieq ta’ xulxin, b’valur ta’ madwar EUR 5,3 triljun.
(2)
Sabiex jiġi evitat it-tfixkil tar-relazzjoni kummerċjali u ta’ investiment tagħhom, u biex tkompli tittejjeb dik ir-relazzjoni, l-Unjoni u l-Istati Uniti qablu dwar id-Dikjarazzjoni Konġunta rigward Ftehim dwar it-Tariffi, imħabbra fil-21 ta’ Awwissu 2020 (id-“Dikarazzjoni Konġunta 2020”), li skontha l-Unjoni impenjat ruħha li telimina t-tariffi fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-awwista ħajjin u ffriżati tal-Istati Uniti u l-Istati Uniti impenjaw ruħhom li jnaqqsu b’50 % ir-rati tariffarji tagħhom fuq ċerti prodotti esportati mill-Unjoni b’valur kummerċjali annwali medju ta’ USD 160 miljun, inkluż ċerti ikliet ippreparati, ċerti oġġetti tal-ħġieġ tal-kristall, preparazzjonijiet tal-wiċċ, trabijiet propellanti, lighters tas-sigaretti u partijiet tal-lighters. Sabiex timplimenta id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-2020, fis-16 ta’ Diċembru 2020, l-Unjoni adottat ir-Regolament (UE) 2020/2131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) dwar l-eliminazzjoni tad-dazji doganali fuq bażi erga omnes, fuq għadd limitat ta’ oġġetti, inkluż prodotti tal-awwista ħajjin u ffriżati li joriġinaw mill-Istati Uniti, għall-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2020 sal-31 ta’ Lulju 2025.
(3)
Fis-27 ta’ Lulju 2025, il-President tal-Kummissjoni u l-President tal-Istati Uniti laħqu ftehim politiku li sussegwentement ġie rifless fid-Dikjarazzjoni Konġunta dwar Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti rigward Ftehim dwar Kummerċ Reċiproku, Ġust u Bilanċjat tal-21 ta’ Awwissu 2025 (id-“Dikjarazzjoni Konġunta”). F’konformità ma’ dak il-ftehim politiku u mad-Dikjarazzjoni Konġunta, u biex jiġi żgurat aċċess kontinwu għall-oġġetti tal-Unjoni fis-suq tal-Istati Uniti, jenħtieġ li l-Unjoni tipprevedi n-nuqqas ta’ applikazzjoni, għal perjodu ulterjuri, tad-dazji doganali fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni tat-tipi ta’ awwista koperti mir-Regolament (UE) 2020/2131. F’konformità ma’ dak il-ftehim politiku u mad-Dikjarazzjoni Konġunta, jenħtieġ li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dazji doganali jinkludi wkoll l-importazzjonijiet tal-awwista pproċessata kklassifikata taħt il-kodiċi 1605 30 90 tan-Nomenklatura Magħquda (NM), kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (3).
(4)
Għalhekk, jenħtieġ li d-dazji doganali applikabbli fuq l-importazzjonijiet tal-oġġetti koperti minn dan ir-Regolament japplikaw f’livell ta’ 0 % sakemm l-Istati Uniti ma jibqgħux jimplimentaw id-Dikjarazzjoni Konġunta b’mod effettiv.
(5)
Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu konferiti setgħat ta’ implimentazzjoni fuq il-Kummissjoni biex tissospendi, kompletament jew parzjalment, in-nuqqas ta’ -applikazzjoni ta’ dazji doganali fuq oġġetti koperti minn dan ir-Regolament f’ċirkostanzi speċifiċi. Jenħtieġ li dawn is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).
(6)
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta valutazzjoni tal-effetti ta’ dan ir-Regolament sal-31 ta’ Jannar 2030. Jenħtieġ li dik il-valutazzjoni tkopri wkoll il-bidliet mill-1 ta’ Awwissu 2025 fil-volumi u l-valuri tal-kummerċ tal-esportazzjonijiet tal-Istati Uniti lejn l-Unjoni tal-oġġetti koperti minn dan ir-Regolament. Fejn xieraq, jenħtieġ li dik il-valutazzjoni tkun akkumpanjata minn proposta leġiżlattiva biex testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
(7)
Fid-dawl tal-importanza li jiġi evitat it-tfixkil tar-relazzjoni kummerċjali u ta’ investiment bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika b’effett retroattiv mill-1 ta’ Awwissu 2025. Jenħtieġ li d-dazji doganali mħallsa li jaqbżu dawk applikabbli skont dan ir-Regolament fil-perjodu bejn l-1 ta’ Awwissu 2025 u d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jiġu rimborżati fuq talba,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dazji doganali
Id-dazji doganali applikabbli tat-Tariffa Doganali Komuni stabbilita bir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-oġġetti kklassifikati taħt il-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda (NM) elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu ta’ 0 %.
Artikolu 2
Sospensjoni
1. Il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jissospendi kompletament jew parzjalment l-applikazzjoni tal-Artikolu 1 fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:
(a)
meta l-Istati Uniti jonqsu milli jimplimentaw id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti dwar Ftehim dwar Kummerċ Reċiproku, Ġust u Bilanċjat, imħabbar fil-21 ta’ Awwissu 2025 (id-“Dikjarazzjoni Konġunta”), jew inkella jimminaw l-objettivi tat-titjib tar-relazzjoni kummerċjali u ta’ investiment bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti u l-objettivi segwiti mid-Dikjarazzjoni Konġunta, jew jimminaw l-aċċess tal-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni għas-suq tal-Istati Uniti, jew b’xi mod ieħor ifixklu r-relazzjoni kummerċjali u ta’ investiment bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti;
(b)
meta jkun hemm biżżejjed indikazzjoni li l-Istati Uniti ser jaġixxu bil-mod imsemmi fil-punt (a) fil-futur; jew
(c)
meta tkun seħħet bidla fiċ-ċirkostanzi oġġettivi fir-rigward ta’ dawk eżistenti fid-data tad-Dikjarazzjoni Konġunta.
Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 3(2).
2. L-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu japplika sakemm jippersistu ċ-ċirkostanzi msemmija f’dak il-paragrafu.
Artikolu 3
Proċedura ta’ kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat dwar l-Ostakli għall-Kummerċ stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2015/1843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fil-każijiet meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 4
Rimborż tad-dazji doganali
Fuq talba mill-operaturi ekonomiċi kkonċernati, l-awtoritajiet doganali nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri għandhom jirrimborżaw kwalunkwe dazju doganali mħallas li jaqbeż dak applikabbli skont dan ir-Regolament fir-rigward ta’ oġġetti kklassifikati taħt il-kodiċijiet NM elenkati fl-Anness importati fl-Unjoni bejn l-1 ta’ Awwissu 2025 u t-30 ta’ Ġunju 2026.
Artikolu 5
Valutazzjoni u rapportar
1. Sal-31 ta’ Jannar 2030, il-Kummissjoni għandha tippreżenta valutazzjoni tal-effetti ta’ dan ir-Regolament. Dik il-valutazzjoni għandha tkopri l-bidliet mill-1 ta’ Awwissu 2025 fil-volumi u l-valuri tal-kummerċ tal-esportazzjonijiet tal-Istati Uniti lejn l-Unjoni tal-oġġetti kklassifikati taħt il-kodiċijiet NM elenkati fl-Anness.
2. Fejn xieraq, il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun akkumpanjata minn proposta leġiżlattiva biex testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
3. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill infurmati regolarment, u fil-ħin, dwar l-iżviluppi rilevanti fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 6
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Awwissu 2025 sal-31 ta’ Lulju 2030.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ġunju 2026.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
M. DAMIANOS
(1) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Ġunju 2026 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2026.
(2) Ir-Regolament (UE) 2020/2131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar l-eliminazzjoni tad-dazji doganali fuq ċerta merkanzija (ĠU L 430, 18.12.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2131/oj).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1987/2658/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).
(5) Ir-Regolament (UE) 2015/1843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2015 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Unjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b’mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU L 272, 16.10.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/1843/oj).
ANNESS
Kodiċi NM 2025 (1)
Deskrizzjoni
0306 11 90
Awwista tal-blat u awwist ieħor tal-baħar (Palinurus spp., Panulirus spp. u Jasus spp.), iffriżati, anki affumikati, kemm jekk fil-qoxra jew le, inkluż dawk fil-qoxra, imsajrin bl-istim jew mgħollijin fl-ilma (minbarra dnub tal-awwist)
0306 12 10
Awwisti (Homarus spp.) iffriżati, sħaħ, anki affumikati jew imsajra bl-istim jew mgħollijin fl-ilma
0306 12 90
Awwisti (Homarus spp.) iffriżati, anki affumikati, kemm jekk fil-qoxra jew le, inkluż awwisti fil-qoxra, imsajrin bl-istim jew mgħollijin fl-ilma (minbarra sħaħ)
0306 32 10
Awwisti (Homarus spp.) ħajjin
1605 30 90
Awwista, ippreparata jew ippreservata (bl-esklużjoni ta’ dik sempliċement affumikata; minbarra l-laħam tal-awwist, imsajjar, għall-manifattura ta’ butir tal-awwist jew ta’ paste, paté, sopop jew zlazi tal-awwist)
(1) Il-kodiċijiet tan-nomenklatura huma meħuda min-Nomenklatura Magħquda kif stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif applikabbli fl-2025, u mutatis mutandis kif emendati minn atti legali sussegwenti.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/1461/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)
Top