Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea
MT
Is-serje L
2025/2445
8.12.2025
REGOLAMENT (UE, Euratom) 2025/2445 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-26 ta’ Novembru 2025
dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej
(riformulazzjoni)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 224 tiegħu,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (3),
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (4),
Billi:
(1)
Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) ġie emendat sostanzjalment diversi drabi (6). Peress li għandhom isiru iżjed emendi, jenħtieġ li dak ir-Regolament jiġi riformulat fl-interess taċ-ċarezza.
(2)
L-Artikolu 10(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jiddikjara li l-partiti politiċi fil-livell Ewropew jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni. L-Artikolu 12(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta) jiddikjara wkoll li tali partiti politiċi jikkontribwixxu għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini tal-Unjoni.
(3)
L-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi li, fl-azzjonijiet kollha tagħha l-Unjoni għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi, u li tinkoraġġixxi ugwaljanza, bejn l-irġiel u n-nisa.
(4)
L-Artikolu 11(1) tal-Karta jiddikjara li kull persuna għandha d-dritt għal-libertà tal-espressjoni, inkluża l-libertà ta’ opinjoni u l-libertà li tirċievi u tagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri. L-Artikolu 12(1) tal-Karta jiddikjara li kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta’ għaqda paċifika u għal-libertà ta’ assoċjazzjoni f’kull livell, b’mod partikolari fil-qasam politiku, tat-trade unions, u ċiviku. Dawk id-drittijiet huma drittijiet fundamentali ta’ kull ċittadin tal-Unjoni.
(5)
L-Artikolu 21 tal-Karta jipprojbixxi fost l-oħrajn kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess jew l-orjentazzjoni sesswali.
(6)
Sabiex iċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħajja demokratika tal-Unjoni, jenħtieġ li jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li huma jkunu jistgħu jużaw dawk id-drittijiet.
(7)
Bis-saħħa tal-mod li bih huma kapaċi jnaqqsu d-distakk bejn il-politika fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni, il-partiti politiċi Ewropej tassew tranżnazzjonali u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fl-artikolazzjoni tal-ilħna taċ-ċittadini fil-livell Ewropew.
(8)
Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom jenħtieġ li jiġu mħeġġa u assistiti fl-isforzi tagħhom li jipprovdu konnessjoni qawwija bejn is-soċjetà ċivili tal-Unjoni u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Parlament Ewropew.
(9)
B’rikonoxximent tar-rwol attribwit lill-partiti politiċi Ewropej fit-TUE u sabiex jiġi ffaċilitat xogħolhom, huwa meħtieġ li jinħoloq status ġuridiku speċifiku Ewropew għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom.
(10)
L-Awtorità għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (“l-Awtorità”) hija korp tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE li l-finijiet tagħha huma li tirreġistra, tikkontrolla u timponi sanzjonijiet fuq il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. Jenħtieġ li r-reġistrazzjoni tkun rikjesta sabiex jinkiseb l-istatus ġuridiku Ewropew, li jinvolvi sensiela ta’ drittijiet u obbligi. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe kunflitt ta’ interess, jenħtieġ li l-Awtorità tkun indipendenti.
(11)
Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom sabiex jinkiseb status ġuridiku Ewropew skont dan ir-Regolament. Bl-istess mod huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri u l-kriterji li jridu jiġu rispettati meta jiġi deċiż jekk jingħatax tali status ġuridiku Ewropew. Huwa wkoll meħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri għall-każijiet meta partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jitilfu bħala piena, jitilfu jew iċedu l-istatus ġuridiku Ewropew tagħhom.
(12)
Sabiex tiġi ffaċilitata s-sorveljanza tal-entitajiet ġuridiċi li jkunu soġġetti kemm għal-liġi tal-Unjoni kif ukoll għal dik nazzjonali, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tal-funzjonament ta’ reġistru tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej li għandu jiġi mmaniġġat mill-Awtorità (ir-“Reġistru”), u, b’mod partikolari, fir-rigward tal-informazzjoni u d-dokumenti ta’ sostenn miżmuma fir-Reġistru. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawn il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (7). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.
(13)
Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet dwar is-sistema tan-numri tar-reġistrazzjoni u estratti standard fir-reġistru li jridu jkunu disponibbli mill-Awtorità lill-partijiet terzi meta jitolbuhom. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).
(14)
Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom li jkunu jixtiequ li jiġu rikonoxxuti bħal tali fuq livell tal-Unjoni, billi jkollhom status ġuridiku Ewropew, u biex jirċievu finanzjament pubbliku mill-baġit ġenerali tal-Unjoni jenħtieġ li jirrispettaw ċerti prinċipji u jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet. B’mod partikolari, huwa meħtieġ li l-partiti politiċi Ewropej, il-fondazzjonijiet politiċi Ewropej assoċjati magħhom u l-membri rispettivi tagħhom josservaw il-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, kif stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE. Jenħtieġ li l-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom jiżguraw ukoll li l-partiti membri u l-organizzazzjonijiet membri tagħhom josservaw dawk il-valuri.
(15)
Is-sħab li magħhom jistgħu jikkooperaw il-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jinkludu universitajiet, NGOs, istituti ta’ taħriġ, sħab fir-riċerka u gruppi ta’ riflessjoni (“sħab ta’ kooperazzjoni”).
(16)
Meta tieħu deċiżjoni dwar jekk tirreġistrax partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea, sabiex taċċerta li dawn ikunu jikkonformaw mal-obbligi tagħhom li josservaw il-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, kif stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, u dwar jekk jiżgurawx li l-membri tagħhom josservaw tali valuri, jenħtieġ li l-Awtorità tistrieħ fuq dikjarazzjoni formali standard li tinħareġ mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea billi jużaw mudell stabbilit f’dan ir-Regolament.
(17)
Jenħtieġ li d-deċiżjonijiet biex partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jinqatgħu mir-reġistru għal raġunijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, kif stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, jittieħdu biss f’każ ta’ ksur manifest u serju ta’ dawk il-valuri. Meta tieħu tali deċiżjoni, jenħtieġ li l-Awtorità tirrispetta l-Karta għalkollox.
(18)
Għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jenħtieġ li d-deċiżjonijiet li partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jinqatgħu mir-reġistru jidħlu fis-seħħ man-notifika.
(19)
Jenħtieġ li l-istatuti ta’ partit politiku Ewropew jew ta’ fondazzjoni politika Ewropea jkun fihom sensiela ta’ dispożizzjonijiet bażiċi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jimponu rekwiżiti addizzjonali għall-istatuti tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej li jkunu stabbilew is-sede tagħhom fit-territorji rispettivi tagħhom, dment li dawk ir-rekwiżiti addizzjonali ma jkunux inkonsistenti ma’ dan ir-Regolament.
(20)
Jenħtieġ li l-Awtorità regolarment tivverifika li l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti relatati mar-reġistrazzjoni tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej ikomplu jiġu ssodisfati. Jenħtieġ li d-deċiżjonijiet relatati mar-rispett għall-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, jittieħdu biss f’konformità ma’ proċedura speċifika, wara konsultazzjoni mal-kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti stabbilit bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.
(21)
Jenħtieġ li l-indipendenza u t-trasparenza tal-kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti jiġu ggarantiti.
(22)
L-użu illegali ta’ data personali jista’ jesponi d-demokraziji u l-proċessi elettorali għal riskji potenzjali. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li l-integrità tal-proċess demokratiku Ewropew tiġi protetta billi jiġu previsti sanzjonijiet finanzjarji f’sitwazzjonijiet meta l-partiti politiċi Ewropej jew l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jieħdu vantaġġ mill-ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali bil-għan li jinfluwenzaw l-eżitu tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
(23)
Għal dak il-għan, jenħtieġ li tiġi stabbilita proċedura ta’ verifika li permezz tagħha l-Awtorità hija meħtieġa, f’ċerti ċirkostanzi, li titlob lill-kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti jivvaluta jekk partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jkunux influwenzaw, jew ippruvaw jinfluwenzaw, deliberatament l-eżitu tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew billi jieħdu vantaġġ minn ksur tar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni ta’ data personali. Meta jinstab li dan ikun il-każ, jenħtieġ li l-Awtorità timponi sanzjonijiet finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi.
(24)
Meta l-Awtorità timponi sanzjoni fuq partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea f’konformità mal-proċedura ta’ verifika, jenħtieġ li tqis b’mod xieraq il-prinċipju ta’ ne bis in idem, li skontu ma jistgħux jiġu imposti sanzjonijiet darbtejn għall-istess reat. Jenħtieġ li l-Awtorità tiżgura wkoll li l-prinċipju taċ-ċertezza legali jiġi rrispettat u li l-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati jkunu ngħataw l-opportunità li jinstemgħu.
(25)
Billi l-proċedura ta’ verifika tiġi attivata permezz ta’ deċiżjoni minn awtorità superviżorja nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, jenħtieġ li jkun possibbli li l-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati jitolbu li s-sanzjoni finanzjarja tiġi rieżaminata jekk id-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja nazzjonali tiġi revokata, jew ikun ingħata rimedju kontra dik id-deċiżjoni, ladarba r-rimedji kollha nazzjonali jkunu ġew eżawriti.
(26)
Jenħtieġ li l-istatus ġuridiku Ewropew mogħti lill-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom jagħtihom il-kapaċità u r-rikonoxximent ġuridiċi fl-Istati Membri kollha. Tali kapaċità u rikonoxximent ġuridiċi ma jagħtuhomx il-jedd li jinnominaw kandidati fl-elezzjonijiet nazzjonali jew elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew jew li jipparteċipaw f’kampanji referendarji. Dawk, u kwalunkwe jedd simili, jibqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri.
(27)
Jenħtieġ li l-attivitajiet tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej ikunu rregolati minn dan ir-Regolament. Għal kwistjonijiet oħra barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li l-istatus ġuridiku ta’ partit politiku Ewropew jew ta’ fondazzjoni politika Ewropea jkun regolat minn dan ir-Regolament u mid-dispożizzjonijiet applikabbli tal-liġi nazzjonali fl-Istat Membru fejn ikollhom is-sede (“l-Istat Membru tas-sede”). Jenħtieġ li l-Istat Membru tas-sede jkun jista’ jiddefinixxi ex ante l-liġi applikabbli jew li jħalli d-dritt tal-għażla għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. Jenħtieġ li l-Istat Membru tas-sede jkun jista’ wkoll jimponi rekwiżiti oħra minflok dawk stipulati f’dan ir-Regolament, jew rekwiżiti addizzjonali għalihom, inklużi dispożizzjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni u l-integrazzjoni tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej bħala tali fis-sistemi nazzjonali ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll u dwar l-organizzazzjoni u l-istatuti tagħhom, inkluż dwar l-obbligu ta’ għoti ta’ rendikont, dment li tali dispożizzjonijiet ma jkunux inkonsistenti ma’ dan ir-Regolament.
(28)
Bħala element ewlieni tas-sjieda tal-istatus ġuridiku Ewropew, jenħtieġ li l-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej ikollhom personalità ġuridika Ewropea. Jenħtieġ li l-akkwist ta’ personalità ġuridika Ewropea jkun soġġett għal rekwiżiti u proċeduri bil-għan li jiġu mħarsa l-interessi tal-Istat Membru tas-sede, tal-applikant għal status ġuridiku Ewropew (“l-applikant”) u ta’ kwalunkwe parti terza kkonċernata. B’mod partikolari, kwalunkwe personalità ġuridika nazzjonali li kienet teżisti minn qabel jenħtieġ li tiġi kkonvertita għal personalità ġuridika Ewropea u kwalunkwe dritt jew obbligu individwali li jkunu dovuti lill-entità ġuridika nazzjonali preċedenti jenħtieġ li jiġu trasferiti lill-entità ġuridika Ewropea l-ġdida. Barra minn hekk, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-kontinwità tal-attività, jenħtieġ li jiddaħħlu fis-seħħ salvagwardji sabiex jiġi evitat li l-Istat Membru kkonċernat japplika kundizzjonijiet projbittivi fuq tali konverżjonijiet. L-Istat Membru tas-sede jenħtieġ li jkun jista’jispeċifika liema tipi ta’ persuni ġuridiċi nazzjonali jistgħu jiġu konvertiti għal persuni ġuridiċi Ewropej, u li jirrifjuta li japprova tali konverżjoni taħt dan ir-Regolament sa meta jkunu ngħataw garanziji adegwati, u, b’mod partikolari, garanziji adegwati dwar il-legalità tal-istatuti tal-applikant skont il-liġijiet ta’ dak l-Istat Membru jew għall-protezzjoni tal-kredituri jew id-detenturi ta’ drittijiet oħra fir-rigward ta’ kwalunkwe personalità ġuridika nazzjonali li kienet teżisti minn qabel.
(29)
It-terminazzjoni ta’ personalità ġuridika Ewropea jenħtieġ li tkun soġġetta għal rekwiżiti u proċeduri bil-għan li jiġu mħarsa l-interessi tal-Unjoni, tal-Istat Membru tas-sede, tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea u ta’ kwalunkwe parti terza kkonċernata. B’mod partikolari, jekk il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea jakkwistaw personalità ġuridika skont il-liġi tal-Istat Membru tas-sede tagħhom, jenħtieġ li dan jitqies li jopera bħala konverżjoni tal-personalità ġuridika Ewropea u kwalunkwe dritt jew obbligu individwali li l-entità ġuridika Ewropea preċedenti tkun rispettivament kisbet jew ġarrbet jenħtieġ li jiġi trasferit lill-entità ġuridika nazzjonali. Barra minn hekk, bil-għan li tiġi aġevolata l-kontinwità tal-attività, jenħtieġ li jiddaħħlu fis-seħħ salvagwardji sabiex jiġi evitat li l-Istat Membru kkonċernat japplika kundizzjonijiet projbittivi fuq tali konverżjonijiet. Jekk il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea ma jakkwistawx personalità ġuridika fl-Istat Membru tas-sede tagħhom, jenħtieġ li jiġu xolti f’konformità mal-liġi ta’ dak l-Istat Membru u f’konformità mal-kundizzjoni li teżiġi li ma jsegwux għan ta’ qligħ. Jenħtieġ li l-Awtorità u l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew ikunu jistgħu jaqblu dwar l-arranġamenti dettaljati mal-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tat-terminazzjoni tal-personalità ġuridika Ewropea, b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat l-irkupru tal-fondi riċevuti mill-baġit ġenerali tal-Unjoni u ta’ kwalunkwe sanzjoni finanzjarja.
(30)
Jekk partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jonqsu serjament milli jikkonformaw mal-liġi nazzjonali rilevanti u jekk il-materja jkollha x’taqsam ma’ elementi li jaffettwaw ir-rispett tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, kif stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, jenħtieġ li l-Awtorità tiddeċiedi, wara talba mingħand l-Istat Membru kkonċernat, li tapplika l-proċeduri stipulati f’dan ir-Regolament. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Awtorità tiddeċiedi, wara talba mingħand l-Istat Membru tas-sede, li taqta’ mir-Reġistru partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea li jkunu naqsu serjament milli jikkonformaw mal-liġi nazzjonali rilevanti dwar kwalunkwe materja oħra.
(31)
Jenħtieġ li l-eliġibbiltà għall-finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni tkun limitata għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom, li jkunu ġew rikonoxxuti bħala tali u li jkunu kisbu status ġuridiku Ewropew. Filwaqt li hu kruċjali li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-formazzjoni ta’ partit politiku Ewropew ma jkunux eċċessivi u jkunu jistgħu jiġu milħuqa minn alleanzi tranżnazzjonali organizzati u serji ta’ partiti politiċi jew ta’ persuni fiżiċi, jew tat-tnejn, huwa wkoll meħtieġ li jiġu stipulati kriterji proporzjonati sabiex jiġu allokati riżorsi limitati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni. Dawk il-kriterji jenħtieġ li jirriflettu b’mod oġġettiv l-ambizzjoni Ewropea u l-appoġġ elettorali ġenwin ta’ partit politiku Ewropew. Tali kriterji huma bbażati l-aħjar fuq l-eżitu tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, li fihom il-partiti politiċi Ewropej jew il-membri tagħhom ikunu obbligati li jikkontestaw fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, li jipprovdu indikazzjoni preċiża tar-rikonoxximent elettorali ta’ partit politiku Ewropew. Jenħtieġ li l-kriterji jirriflettu r-rwol tal-Parlament Ewropew li jirrappreżenta direttament iċ-ċittadini tal-Unjoni, mogħti lilu bl-Artikolu 10(2) TUE, kif ukoll l-objettiv għall-partiti politiċi Ewropej li jipparteċipaw għalkollox fil-ħajja demokratika tal-Unjoni u li jsiru atturi attivi tad-demokrazija rappreżentattiva tal-Ewropa, sabiex jesprimu effettivament il-fehmiet, l-opinjonijiet u r-rieda politika taċ-ċittadini tal-Unjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-eliġibbiltà għall-fondi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni tkun limitata għall-partiti politiċi Ewropej li jkunu rappreżentati fil-Parlament Ewropew b’minn tal-anqas membru wieħed minn tagħhom, u għall-fondazzjonijiet politiċi Ewropej li japplikaw għal tali finanzjament permezz ta’ partit politiku Ewropew li jkun rappreżentat fil-Parlament Ewropew b’minn tal-anqas membru wieħed minn tiegħu.
(32)
Għal raġunijiet ta’ trasparenza u sabiex jissaħħu l-iskrutinju u r-responsabbiltà demokratika tal-partiti politiċi Ewropej, jenħtieġ li l-aċċess għall-finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni jsir bil-kundizzjoni li tingħata ċerta informazzjoni. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-partiti politiċi Ewropej jiżguraw li l-partiti membri tagħhom jippubblikaw, b’mod ċarament viżibbli u faċli għall-utent, il-programm politiku u juru l-logo tal-partit politiku Ewropew ikkonċernat. Jenħtieġ li l-logo jkun jinsab fil-parti ta’ fuq tal-paġna ewlenija tas-sit web tal-partit membru.
(33)
Jenħtieġ li l-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej imexxu bl-eżempju billi jnaqqsu l-inugwaljanza bejn il-ġeneri fid-dominju politiku. Jenħtieġ li l-korpi ta’ tmexxija għalhekk ikollhom bilanċ bejn il-ġeneri. Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jenħtieġ li jkollhom fis-seħħ regoli interni li jippromwovu l-bilanċ bejn il-ġeneri, jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fl-attivitajiet kollha tagħhom, u jenħtieġ li jistiednu lill-partiti membri tagħhom biex jagħmlu l-istess. Barra minn hekk, il-partiti politiċi Ewropej jenħtieġ li jkunu trasparenti dwar ir-rappreżentanza tal-ġeneri tal-partiti membri tagħhom u jenħtieġ li jipprovdu evidenza dwar ir-rappreżentanza tal-ġeneri fil-partiti membri tagħhom fir-rigward tal-kandidati għall-Parlament Ewropew u l-Membri tiegħu. Il-partiti politiċi Ewropej huma mħeġġa biex jipprovdu informazzjoni dwar il-partiti membri tagħhom rigward l-inklużività u r-r-rappreżentanza tal-minoritajiet.
(34)
Jenħtieġ li l-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jippromwovu ambjent tax-xogħol intern bi trattament ġust u opportunitajiet indaqs. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jistabbilixxu protokoll fir-regoli interni tagħhom sabiex jipprevjenu, jidentifikaw u jaħdmu kontinwament kontra l-fastidju sesswali, kif ukoll id-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru.
(35)
Sabiex tiżdied it-trasparenza tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej, u sabiex jiġi evitat abbuż potenzjali tar-regoli tal-finanzjament, jenħtieġ li Membru tal-Parlament Ewropew, għall-finijiet ta’ finanzjament biss, jitqies bħala membru ta’ partit politiku Ewropew wieħed biss. Jenħtieġ li dak il-partit politiku Ewropew, meta rilevanti, ikun dak li miegħu jkun affiljat il-partit politiku nazzjonali jew reġjonali tiegħu fid-data finali għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għall-finanzjament.
(36)
Jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri li jridu jiġu segwiti mill-partiti politiċi Ewropej u mill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom meta dawn japplikaw għal finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, kif ukoll il-proċeduri, il-kriterji u r-regoli li jridu jkunu rispettati meta tittieħed deċiżjoni dwar l-għoti ta’ tali finanzjament. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li l-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jikkonformaw mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja soda.
(37)
Sabiex jindirizzaw id-diffikultajiet li jiffaċċaw il-partiti politiċi Ewropej, b’mod partikolari dawk żgħar, biex jiksbu l-10 % ta’ kofinanzjament li jeżiġi r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, jenħtieġ li r-rata ta’ kofinanzjament għall-partiti politiċi Ewropej tonqos għal 5 %, f’konformità mar-rata għall-fondazzjonijiet politiċi Ewropej.
(38)
Sabiex jiġu msaħħa l-indipendenza, l-obbligu tal-għoti ta’ rendikont u r-responsabbiltà tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, jenħtieġ li ċerti tipi ta’ donazzjonijiet u kontribuzzjonijiet minn sorsi oħra minbarra l-baġit ġenerali tal-Unjoni jkunu pprojbiti jew soġġetti għal limitazzjonijiet. Kwalunkwe restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital li tali limitazzjonijiet jistgħu jġibu magħhom trid tkun iġġustifikata għal raġunijiet ta’ politika pubblika u tkun strettament meħtieġa għall-ilħuq ta’ dawk l-objettivi.
(39)
Jenħtieġ li jiġi introdott mekkaniżmu ta’ diliġenza dovuta biex itejjeb it-trasparenza ta’ donazzjonijiet kbar u jimminimizza r-riskju ta’ indħil barrani minn dan is-sors. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jitolbu lid-donaturi tagħhom jagħtuhom informazzjoni dettaljata ta’ identifikazzjoni. Jenħtieġ li l-Awtorità tkun tista’ titlob informazzjoni addizzjonali mid-donaturi meta jkollha raġunijiet biex temmen li donazzjoni tkun ingħatat bi ksur ta’ dan ir-Regolament.
(40)
Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 jirrikonoxxi żewġ kategoriji biss ta’ dħul għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej apparti l-kontribuzzjonijiet mill-baġit tal-Unjoni, jiġifieri l-kontribuzzjonijiet mill-membri u d-donazzjonijiet. Għadd ta’ sorsi ta’ dħul li jirriżultaw minn attivitajiet ekonomiċi proprji mwettqa fi ħdan il-qafas tal-attivitajiet politiċi tagħhom, bħall-bejgħ ta’ pubblikazzjonijiet jew dħul mit-tariffi tal-konferenzi, jaqgħu barra mill-ambitu ta’ dawk iż-żewġ kategoriji, u joħolqu problemi ta’ kontabbiltà u trasparenza. Għalhekk, jenħtieġ li tinħoloq it-tielet kategorija ta’ dħul (“riżorsi awtoġenerati”). Sabiex jiġi evitat li l-perċentwal tar-riżorsi awtoġenerati fil-baġit totali ta’ partit politiku Ewropew ikun sproporzjonat meta mqabbel mal-baġit globali ta’ dawn l-entitajiet, jenħtieġ li jkun limitat għal 3 %. Fil-każ ta’ fondazzjoni politika Ewropea dak il-perċentwal jenħtieġ li jkun limitat għal 5 %.
(41)
Sabiex ikunu jistgħu jilħqu lill-membri u lill-kostitwenzi tagħhom madwar l-Unjoni, jenħtieġ li l-partiti politiċi Ewropej ikollhom id-dritt li jużaw il-finanzjament tagħhom għal kampanji fil-kuntest tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Il-finanzjament u l-limitazzjoni tal-ispejjeż tal-elezzjoni għall-partiti u l-kandidati f’dawk il-kampanji jenħtieġ li jkunu rregolati bir-regoli applikabbli f’kull Stat Membru.
(42)
Bil-għan li jgħinu biex jiżdied l-għarfien politiku Ewropew taċ-ċittadini u jippromwovu t-trasparenza tal-affiljazzjoni politika, il-partiti politiċi Ewropej jistgħu jinfurmaw liċ-ċittadini dwar ir-rabtiet li hemm bejniethom u bejn il-partiti politiċi nazzjonali affiljati magħhom u l-kandidati tagħhom.
(43)
Jenħtieġ li l-partiti politiċi Ewropej ma jiffinanzjawx, direttament jew indirettament, partiti politiċi oħra u, b’mod partikolari, partiti jew kandidati nazzjonali. Jenħtieġ li l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej ma jiffinanzjawx, direttament jew indirettament, partiti politiċi jew kandidati Ewropej jew nazzjonali jew fondazzjonijiet oħra. Madankollu, jenħtieġ li l-projbizzjoni ta’ finanzjament indirett ma twaqqafx lill-partiti politiċi Ewropej u lill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej milli jappoġġjaw u jinvolvu ruħhom mal-partiti membri u mal-organizzazzjonijiet membri tagħhom, inkluż permezz ta’ attivitajiet politiċi Ewropej konġunti. Barra minn hekk, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom jenħtieġ li ma jiffinanzjawx kampanji referendarji.
(44)
L-attivitajiet politiċi Ewropej konġunti, inklużi l-attivitajiet li fihom il-parteċipazzjoni tkun limitata għall-membri tal-partit politiku Ewropew, u tal-partiti membri tiegħu, u għall-membri tal-fondazzjoni politika Ewropea, u tal-organizzazzjonijiet membri tagħha, bħal sessjonijiet ta’ taħriġ u sessjonijiet ta’ ħidma, jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini tal-Unjoni.
(45)
Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom jenħtieġ li jiġu permessi jħaddnu kooperazzjoni ma’ sħab politiċi f’pajjiżi terzi, partikolarment biex jippromwovu l-valuri tal-Unjoni.
(46)
F’konformità mal-Artikolu 8(1) TUE, l-Unjoni għandha tiżviluppa relazzjoni privileġġjata mal-pajjiżi ġirien tagħha bil-ħsieb li tistabbilixxi żona ta’ prosperità u ta’ relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien, ibbażata fuq il-valuri tal-Unjoni u kkaratterizzata minn relazzjonijiet mill-qrib u paċifiċi li jserrħu fuq il-kooperazzjoni. Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom rwol importanti fit-trawwim ta’ dak l-għan fil-ħidma politika u r-relazzjonijiet tagħhom ma’ partiti f’pajjiżi terzi. L-istatuti ta’ partit politiku Ewropew jew ta’ fondazzjoni politika Ewropea jistgħu jippermettu s-sħubija ta’ partiti u organizzazzjonijiet politiċi minn pajjiżi terzi. Madankollu, dan jenħtieġ li jkun limitat għal pajjiżi li għandhom relazzjoni aktar mill-qrib u privileġġjata mal-Unjoni, jiġifieri membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA), ex Stati Membri, pajjiżi kandidati, pajjiżi intitolati li jużaw l-euro bħala l-munita uffiċjali tagħhom abbażi ta’ ftehim monetarju mal-Unjoni, pajjiżi sħab li għandhom ftehim ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni mal-Unjoni kif ukoll pajjiżi Ewropej li magħhom l-Unjoni kkonkludiet Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni li jistabbilixxu Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva. Tali partiti jew organizzazzjonijiet jistgħu jingħataw il-possibbiltà ta’ kooperazzjoni aktar formalizzata u strutturata mal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej permezz ta’ sħubija assoċjata. Jenħtieġ li l-partiti u l-organizzazzjonijiet membri assoċjati jkunu jistgħu jaqdu rwol attiv, jikkontribwixxu għall-ħajja interna ta’ partit politiku Ewropew u ta’ fondazzjoni politika Ewropea u jipparteċipaw fiha, pereżempju permezz tad-dritt ta’ inizjattiva jew sħubija ta’ korpi ta’ tmexxija u jattendu għal laqgħat u attivitajiet oħra u jipparteċipaw fihom, inklużi l-laqgħat tal-korpi ta’ tmexxija u jwettqu attivitajiet u avvenimenti konġunti ta’ sensibilizzazzjoni. Jenħtieġ li l-organizzazzjonijiet membri assoċjati jkollhom ukoll id-dritt li jipparteċipaw fi proġetti ta’ riċerka. Sabiex jiġi miġġieled ir-riskju ta’ ndħil barrani, il-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej li jippermettu sħubija assoċjata jenħtieġ li jiżguraw li l-istatuti tagħhom jipprovdu salvagwardji adegwati kontra l-indħil barrani. B’mod partikolari, il-partiti politiċi Ewropej li jippermettu sħubija assoċjata jenħtieġ li jiżguraw li l-votazzjonijiet kollha jiksbu l-appoġġ tal-maġġoranza tal-membri li għandhom is-sede tagħhom fl-Unjoni jew li huma ċittadini tal-Unjoni sabiex tinkiseb l-approvazzjoni. Il-voti mitfugħa mill-partiti membri assoċjati jenħtieġ li ma jkunux deċiżivi għall-ilħuq ta’ maġġoranza. Jenħtieġ ukoll li l-partiti membri assoċjati ma jkunux jistgħu jimponu b’mod individwali jew kollettiv kors ta’ azzjoni kontra, jew jimblukkaw, maġġoranza ta’ voti taċ-ċittadini tal-Unjoni. Jenħtieġ li r-rappreżentanti tal-partiti membri assoċjati ma jirċevux setgħa eżekuttiva b’delega fil-korpi ta’ tmexxija.
(47)
Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli u proċeduri speċifiċi għad-distribuzzjoni tal-approprjazzjonijiet disponibbli kull sena mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, b’mod li jitqiesu, minn naħa waħda, in-numru ta’ benefiċjarji u, min-naħa l-oħra, is-sehem ta’ membri eletti fil-Parlament Ewropew ta’ kull partit politiku Ewropew benefiċjarju u, b’estensjoni, tal-fondazzjoni politika Ewropea rispettiva affiljata miegħu. Jenħtieġ li dawk ir-regoli jipprevedu trasparenza stretta, kontabbiltà, awditjar u kontroll finanzjarju tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom, kif ukoll l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet proporzjonati, inkluż fil-każ ta’ ksur minn xi partit politiku Ewropew jew minn xi fondazzjoni politika Ewropea tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, kif stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE.
(48)
Bil-għan li tiġi żgurata l-konformità mal-obbligi stipulati f’dan ir-Regolament rigward il-finanzjament u n-nefqa tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej u rigward materji oħra, jeħtieġ li jiġu previsti mekkaniżmi ta’ kontroll effettivi. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Awtorità, l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew u l-Istati Membri jikkooperaw u jiskambjaw l-informazzjoni meħtieġa kollha. Jenħtieġ li l-kooperazzjoni reċiproka fost l-awtoritajiet tal-Istati Membri tiġi wkoll imħeġġa bil-għan li jiġi żgurat il-kontroll effikaċi u effiċjenti tal-obbligi li jirriżultaw mil-liġi nazzjonali applikabbli.
(49)
Bil-ħsieb li tiżdied iċ-ċertezza legali prevista minn dan ir-Regolament u biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni koerenti tiegħu, jenħtieġ li l-Awtorità u l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew jikkooperaw mill-qrib, inkluż permezz ta’ skambji regolari ta’ fehmiet u ta’ informazzjoni dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni konkreta ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, b’rispett sħiħ għall-indipendenza tal-Awtorità, jenħtieġ li l-kooperazzjoni bejn l-Awtorità, l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew u l-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej tiffaċilita l-implimentazzjoni korretta ta’ dan ir-Regolament mill-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej u tevita t-tilwim legali. Jenħtieġ li l-obbligu tal-Awtorità li tisma’ lill-partiti politiċi Ewropej jew lill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej qabel ma tieħu kwalunkwe deċiżjoni li jkollha effetti negattivi jgħin ukoll biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni korretta ta’ dan ir-Regolament mill-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej u, fl-istess ħin, jgħin biex jiġi evitat it-tilwim legali.
(50)
Jeħtieġ li tiġi prevista sistema ċara, dissważiva u proporzjonata ta’ sanzjonijiet sabiex tiġi żgurata l-konformità effettiva, proporzjonata u uniformi mal-obbligi rigward l-attivitajiet tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. Jenħtieġ li tali sistema tirrispetta wkoll il-prinċipju ta’ ne bis in idem li skontu sanzjonijiet ma jistgħux jiġu imposti darbtejn għall-istess reat. Huwa meħtieġ ukoll li jiġu definiti r-rwoli rispettivi tal-Awtorità u tal-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew fil-kontroll u l-verifika tal-konformità ma’ dan ir-Regolament kif ukoll il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejniethom u l-awtoritajiet tal-Istati Membri.
(51)
Minħabba raġunijiet ta’ trasparenza, u sabiex jissaħħu l-iskrutinju u r-responsabbiltà demokratika tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, jenħtieġ li tiġi ppubblikata informazzjoni li titqies li tkun ta’ interess pubbliku sostanzjali, marbuta b’mod partikolari mal-istatuti, is-sħubija, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji, id-donaturi u d-donazzjonijiet tagħhom, il-kontribuzzjonijiet u l-għotjiet irċevuti mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, kif ukoll l-informazzjoni marbuta ma’ deċiżjonijiet meħuda mill-Awtorità u l-Uffiċċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew dwar ir-reġistrazzjoni, il-finanzjament u s-sanzjonijiet, f’format faċli għall-utent, miftuħ u li jinqara mill-magni. L-aktar mod effettiv għall-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u għall-kompetizzjoni ġusta bejn il-forzi politiċi, u biex jitħarsu l-proċessi miftuħa, trasparenti u demokratiċi leġiżlattivi u elettorali, huwa li jiġi stabbilit qafas regolatorju biex jiġi żgurat li tali informazzjoni tkun disponibbli b’mod pubbliku, biex b’hekk tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini u tal-votanti fid-demokrazija rappreżentattiva Ewropea, u, b’mod aktar wiesa’, jipprevjeni l-korruzzjoni u l-abbużi tal-poter.
(52)
F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, jenħtieġ li l-obbligu li tiġi ppubblikata l-identità tad-donaturi li huma persuni fiżiċi ma japplikax fil-każ ta’ donazzjonijiet li ma jkunux jaqbżu l-EUR 1 500 fis-sena għal kull donatur. Barra minn hekk, jenħtieġ li dak l-obbligu ma japplikax għal donazzjonijiet li l-valur annwali tagħhom jaqbeż l-EUR 1 500 u jkun anqas minn jew ekwivalenti għal EUR 3 000 ħlief jekk id-donatur ikun ta l-kunsens tiegħu bil-miktub minn qabel għall-pubblikazzjoni. Dawk il-livelli limitu jikkostitwixxu bilanċ xieraq bejn, min-naħa l-waħda, id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali u, min-naħa l-oħra l-interess pubbliku leġittimu fit-trasparenza fir-rigward tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, kif rifless fir-rakkomandazzjonijiet internazzjonali biex tiġi evitata l-korruzzjoni fir-rigward tal-finanzjament tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi. Jenħtieġ li l-iżvelar tad-donazzjonijiet li jaqbżu t-EUR 3 000 fis-sena għal kull donatur, jippermetti skrutinju u kontroll pubbliċi fuq ir-relazzjonijiet ta’ bejn id-donaturi u l-partiti politiċi Ewropej. Barra minn hekk, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, jenħtieġ li l-informazzjoni dwar id-donazzjonijiet tiġi ppubblikata kull sena, ħlief matul il-kampanji elettorali għall-Parlament Ewropew jew fil-każ ta’ donazzjonijiet li jkunu jaqbżu t-EUR 12 000, f’liema każ jenħtieġ li l-pubblikazzjoni ssir bla telf ta’ żmien.
(53)
Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji minquxa fil-Karta, b’mod partikolari l-Artikolu 7, li jiddikjara fost l-oħrajn li kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tagħha u l-Artikolu 8, li jiddikjara li kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha. Huwa imperattiv li dan ir-Regolament jiġi implimentat b’rispett sħiħ ta’ dawk id-drittijiet u l-prinċipji.
(54)
Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) japplika għall-ipproċessar tad-data personali li jitwettaq mill-Awtorità, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti b’applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
(55)
Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) japplika għall-ipproċessar tad-data personali mwettaq b’applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
(56)
Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, huwa xieraq li jiġi ċċarat li l-Awtorità, il-Parlament Ewropew, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jeżerċitaw kontroll fuq aspetti relatati mal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, u partijiet terzi oħra rilevanti msemmija jew previsti f’dan ir-Regolament huma l-kontrolluri tad-data fis-sens tar-Regolament (UE) 2018/1725 jew ir-Regolament (UE) 2016/679. Huwa meħtieġ ukoll li jiġi speċifikat il-perjodu massimu li fih huma jistgħu jżommu data personali miġbura għall-finijiet li tiġi żgurata l-legalità, ir-regolarità u t-trasparenza tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej u s-sħubija tal-partiti politiċi Ewropej. Fil-kapaċità tagħhom bħala kontrolluri tad-data, l-Awtorità, il-Parlament Ewropew, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-partijiet terzi rilevanti jeħtiġilhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jikkonformaw mal-obbligi imposti mir-Regolament (UE) 2018/1725 jew mir-Regolament (UE) 2016/679, b’mod partikolari dawk dwar il-legalità tal-ipproċessar, is-sigurtà tal-attivitajiet ta’ pproċessar, l-għoti ta’ informazzjoni u d-drittijiet tas-suġġetti tad-data li jkollhom aċċess għad-data personali tagħhom, u biex jiksbu korrezzjoni u tħassir tad-data personali tagħhom.
(57)
Ir-Regolament (UE) 2016/679 japplika fir-rigward tal-ipproċessar tad-data li jsir b’applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew il-partijiet terzi rilevanti jkunu responsabbli f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli għal kwalunkwe dannu li jistgħu jikkawżaw. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li jiġu imposti sanzjonijiet xierqa fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew fuq il-partijiet terzi rilevanti li jiksru dan ir-Regolament.
(58)
Is-sostenn tekniku mogħti mill-Parlament Ewropew lill-partiti politiċi Ewropej jenħtieġ li jkun iggwidat mill-prinċipju tat-trattament ugwali, jenħtieġ li jingħata b’fattura u bi ħlas u jenħtieġ li jkun soġġett għal rapport pubbliku regolari.
(59)
Jenħtieġ li l-informazzjoni ewlenija dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tkun disponibbli għall-pubbliku f’sit web iddedikat.
(60)
Il-kontroll ġudizzjarju mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea se jgħin biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li ssir ukoll dispożizzjoni biex il-partiti politiċi Ewropej jew il-fondazzjonijiet politiċi Ewropej ikunu jistgħu jinstemgħu u jieħdu l-miżuri korrettivi qabel ma tiġi imposta fuqhom sanzjoni.
(61)
Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ dispożizzjonijiet nazzjonali li jwasslu għall-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament.
(62)
Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jenħtieġ li jingħataw żmien biżżejjed biex jadottaw dispożizzjonijiet bil-għan li jiżguraw l-applikazzjoni effettiva u bla xkiel ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li jkun previst perjodu ta’ tranżizzjoni bejn id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u l-applikazzjoni ta’ xi wħud mill-Artikoli tiegħu,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-istatut u l-finanzjament ta’ partiti politiċi fil-livell Ewropew (“partiti politiċi Ewropej”) u ta’ fondazzjonijiet politiċi fil-livell Ewropew (“fondazzjonijiet politiċi Ewropej”).
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)
“partit politiku” tfisser assoċjazzjoni ta’ ċittadini li tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)
issegwi objettivi politiċi;
(b)
tkun rikonoxxuta mill-ordinament ġuridiku ta’ mill-anqas wieħed mill-Istati Membri jew stabbilita f’konformità miegħu;
(2)
“partit membru assoċjat” tfisser partit li għandu s-sede tiegħu f’pajjiż tal-EFTA, f’ex Stat Membru, f’pajjiż kandidat, f’pajjiż intitolat li juża l-euro bħala l-munita uffiċjali tiegħu abbażi ta’ ftehim monetarju mal-Unjoni, f’pajjiż sieħeb li għandu ftehim ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni mal-Unjoni (11) jew f’pajjiż Ewropew li miegħu l-Unjoni kkonkludiet Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li jistabbilixxi Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva;
(3)
“alleanza politika” tfisser kooperazzjoni strutturata, irrispettivament mill-forma tagħha, bejn il-membri, kemm jekk partiti politiċi (“partiti membri mill-Unjoni”), ċittadini tal-Unjoni, u, meta applikabbli, partiti membri assoċjati; il-partiti membri mill-Unjoni u l-partiti membri assoċjati flimkien għandhom jissejħu “partiti membri”;
(4)
“partit politiku Ewropew” tfisser alleanza politika li ssegwi għanijiet politiċi, ikollha l-għan li ssegwi dawk l-għanijiet madwar l-Unjoni, u tkun irreġistrata mal-Awtorità għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej imsemmija fl-Artikolu 8, f’konformità ma’ dan ir-Regolament;
(5)
“organizzazzjoni membru assoċjat” tfisser organizzazzjoni li għandha s-sede tagħha f’pajjiż tal-EFTA, f’ex Stat Membru, f’pajjiż kandidat, f’pajjiż intitolat li juża l-euro bħala l-munita uffiċjali tiegħu abbażi ta’ ftehim monetarju mal-Unjoni, f’pajjiż sieħeb li għandu ftehim ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni mal-Unjoni (12) jew f’pajjiż Ewropew li miegħu l-Unjoni kkonkludiet Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li jistabbilixxi Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva; l-organizzazzjonijiet membri li għandhom is-sede tagħhom fl-Unjoni (“organizzazzjonijiet membri mill-Unjoni”) u l-organizzazzjonijiet membri assoċjati flimkien għandhom jissejħu “organizzazzjonijiet membri”;
(6)
“fondazzjoni politika Ewropea” tfisser entità li tkun formalment affiljata ma’ partit politiku Ewropew, tkun irreġistrata mal-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej imsemmija fl-Artikolu 8 f’konformità ma’ dan ir-Regolament, u li permezz tal-attivitajiet tagħha u skont l-għanijiet u l-valuri fundamentali segwiti mill-Unjoni, tirfed u tikkomplementa l-għanijiet ta’ dak il-partit politiku Ewropew billi twettaq wieħed jew aktar mill-kompiti li ġejjin:
(a)
l-osservazzjoni u l-analiżi tad-dibattitu u l-kontribuzzjoni għalih dwar kwistjonijiet ta’ politika pubblika Ewropea u dwar il-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea;
(b)
l-iżvilupp ta’ attivitajiet marbuta ma’ kwistjonijiet ta’ politika pubblika Ewropea, bħall-organizzazzjoni ta’ seminars, taħriġ, konferenzi u studji u l-appoġġ għalihom, dwar tali kwistjonijiet bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili, u sħab ta’ kooperazzjoni, u l-bini tal-kapaċità biex jingħata appoġġ lill-formazzjoni ta’ mexxejja politiċi futuri fl-Unjoni;
(c)
l-iżvilupp tal-kooperazzjoni sabiex tiġi promossa d-demokrazija, inkluż f’pajjiżi terzi;
(d)
isservi ta’ qafas għall-fondazzjonijiet politiċi nazzjonali, għall-akkademiċi u għal atturi rilevanti oħra biex jaħdmu flimkien fil-livell Ewropew;
(7)
“Parlament reġjonali” jew “assemblea reġjonali” tfisser korp li l-membri tiegħu jkollhom mandat elettorali reġjonali jew ikunu politikament responsabbli quddiem assemblea eletta;
(8)
“finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni” tfisser għotja mogħtija f’konformità mat-Titolu VIII jew kontribuzzjoni mogħtija f’konformità mat-Titolu XI tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13);
(9)
“donazzjoni” tfisser kwalunkwe trasferiment finanzjarju, kwalunkwe offerta in natura, il-forniment taħt il-valur tas-suq ta’ kwalunkwe prodott, servizz, inkluż self, jew xogħol, jew kwalunkwe tranżazzjoni oħra li tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku għall-partit politiku Ewropew jew għall-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati, bl-eċċezzjoni ta’ kontribuzzjonijiet, riżorsi awtoġenerati u l-attivitajiet politiċi tas-soltu li jsiru fuq bażi volontarja minn individwi;
(10)
“kontribuzzjoni” tfisser kwalunkwe ħlas fi flus, inklużi ħlasijiet ta’ sħubija, jew kwalunkwe kontribuzzjoni in natura, il-forniment taħt il-valur tas-suq ta’ kwalunkwe prodott, servizz, inkluż self, jew xogħol, jew kwalunkwe tranżazzjoni oħra li tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku għall-partit politiku Ewropew jew għall-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati, meta mogħtija lil dak il-partit politiku Ewropew jew lil dik il-fondazzjoni politika Ewropea minn xi wieħed mill-membri tagħhom, kemm jekk partiti membri mill-Unjoni, organizzazzjonijiet membri mill-Unjoni jew ċittadini tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-attivitajiet politiċi tas-soltu li jsiru fuq bażi volontarja minn membri individwali;
(11)
“riżorsi awtoġenerati” tfisser introjtu ġġenerat minn attivitajiet ekonomiċi proprji mhux orjentati lejn il-qligħ fil-qafas tal-attivitajiet politiċi eżerċitati minn partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea affiljata miegħu, imwettqa individwalment jew b’mod konġunt mal-membri tagħhom bħal tariffi ta’ parteċipazzjoni għal konferenzi u sessjonijiet ta’ ħidma, jew bejgħ ta’ pubblikazzjonijiet;
(12)
“finanzjament indirett” tfisser finanzjament li minnu l-partit membru jew l-organizzazzjoni membru jibbenefikaw minn vantaġġ finanzjarju, anki meta ma jiġux trasferiti fondi direttament; dawn huma każijiet li jippermettu lill-partit membru jew lill-organizzazzjoni membru jevitaw nefqa li altriment kien ikollhom iġarrbu għal attivitajiet li huma organizzati għall-benefiċċju proprju u uniku tagħhom iżda jeskludu attivitajiet politiċi Ewropej konġunti;
(13)
“attivitajiet politiċi Ewropej konġunti” tfisser attivitajiet organizzati mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea b’mod konġunt ma’ partit membru wieħed jew aktar jew ma’ organizzazzjoni membru waħda jew aktar meta dawn jikkonċernaw attivitajiet fi Stat Membru wieħed jew aktar li jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini tal-Unjoni, sakemm l-involviment tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea jkun viżibbli b’mod ċar, il-livell ta’ sjieda tal-attività mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea jkun ċar u l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea tikkorrispondi għal-livell ġenerali tal-involviment tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea meta mqabbel mal-involviment tal-partiti membri jew tal-organizzazzjonijiet membri kkonċernati;
(14)
“baġit annwali” għall-finijiet tal-Artikoli 25 u 32 tfisser l-ammont totali tan-nefqa f’sena partikolari kif rappurtat fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati;
(15)
“Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali” tfisser kwalunkwe persuna speċifikament iddeżinjata mill-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri għall-fini tal-iskambju tal-informazzjoni skont dan ir-Regolament;
(16)
“sede” tfisser, sakemm mhux speċifikat mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-post fejn il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea għandhom l-amministrazzjoni ċentrali tagħhom;
(17)
“ksur konkorrenti” tfisser żewġ okkorrenzi ta’ ksur jew aktar imwettqa bħala parti mill-istess att illegali;
(18)
“ksur ripetut” tfisser ksur imwettaq fi żmien ħames snin minn meta tkun ġiet imposta sanzjoni fuq min ikun wettaq il-ksur u għall-istess tip ta’ ksur.
KAPITOLU II
STATUT GĦALL-PARTITI POLITIĊI EWROPEJ U GĦALL-FONDAZZJONIJIET POLITIĊI EWROPEJ
Artikolu 3
Kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni
1. Alleanza politika tista’ tapplika biex tirreġistra bħala partit politiku Ewropew soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)
għandha s-sede tagħha fi Stat Membru kif indikat fl-istatuti tagħha;
(b)
tapplika mill-anqas wieħed minn dawn li ġejjin:
(i)
il-partiti membri tagħha huma rappreżentati, f’mill-anqas kwart tal-Istati Membri, minn membri tal-Parlament Ewropew, ta’ parlamenti nazzjonali, ta’ parlamenti reġjonali jew ta’ assemblej reġjonali,
(ii)
hi jew il-partiti membri tagħha jkunu kisbu, f’minn tal-anqas kwart tal-Istati Membri, mill-anqas tlieta fil-mija tal-voti mitfugħa f’kull wieħed minn dawk l-Istati Membri fl-aktar elezzjonijiet reċenti għall-Parlament Ewropew;
(c)
il-partiti membri tagħha ma jkunux membri ta’ partit politiku Ewropew ieħor;
(d)
tosserva, b’mod partikolari fil-programm u fl-attivitajiet tagħha, il-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, kif stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, jiġifieri r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, u tipprovdi dikjarazzjoni formali standard għal dak l-għan bl-użu tal-mudell stabbilit fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament;
(e)
tiżgura li l-partiti membri tagħha josservaw, b’mod partikolari fil-programmi u l-attivitajiet tagħhom, il-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, kif stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, u tipprovdi dikjarazzjoni formali standard għal dak l-għan bl-użu tal-mudell stabbilit fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament;
(f)
tiżgura li l-partiti membri tagħha jew il-membri individwali tagħhom ma jkunux soġġetti għal miżuri restrittivi adottati skont l-Artikolu 215(2) TFUE;
(g)
hi jew il-membri tagħha jkunu pparteċipaw f’elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, jew ikunu esprimew pubblikament l-intenzjoni li jieħdu sehem fl-elezzjonijiet li jkun imiss għall-Parlament Ewropew;
(h)
ma ssegwix għanijiet ta’ qligħ.
2. Entità għandha tkun intitolata li tapplika biex tirreġistra bħala fondazzjoni politika Ewropea soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)
hi affiljata ma’ partit politiku Ewropew reġistrat f’konformità ma’ dan ir-Regolament;
(b)
għandha s-sede tagħha fi Stat Membru kif indikat fl-istatuti tagħha;
(c)
tosserva, b’mod partikolari fil-programm u fl-attivitajiet tagħha, il-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, kif stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, jiġifieri r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, u tipprovdi dikjarazzjoni formali standard għal dak l-għan bl-użu tal-mudell stabbilit fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament;
(d)
tiżgura li l-organizzazzjonijiet membri tagħha josservaw il-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, u tipprovdi dikjarazzjoni formali standardgħal dak l-għan bl-użu tal-mudell stabbilit fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament;
(e)
tiżgura li l-organizzazzjonijiet membri tagħha jew il-membri individwali tagħhom, ma jkunux soġġetti għal miżuri restrittivi adottati skont l-Artikolu 215(2) TFUE;
(f)
l-għanijiet tagħha jikkomplementaw l-għanijiet tal-partit politiku Ewropew li miegħu tkun formalment affiljata;
(g)
il-korp tat-tmexxija tagħha hu magħmul minn membri minn mhux anqas minn kwart tal-Istati Membri;
(h)
ma ssegwix għanijiet ta’ qligħ.
3. Partit politiku Ewropew jista’ jkollu fondazzjoni politika Ewropea waħda biss formalment affiljata miegħu. Kull partit politiku Ewropew u l-fondazzjoni politika Ewropea affiljata miegħu għandhom jiżguraw separazzjoni bejn il-ġestjoni ta’ kuljum, l-istrutturi ta’ tmexxija u l-kontijiet finanzjarji rispettivi tagħhom.
Artikolu 4
Governanza tal-partiti politiċi Ewropej
1. L-istatuti ta’ partit politiku Ewropew għandhom ikunu konformi mal-liġi applikabbli tal-Istat Membru li fih ikollu s-sede tiegħu u għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jkopru mill-anqas dan li ġej:
(a)
ismu u l-logo tiegħu, li għandhom ikunu distingwibbli b’mod ċar minn dawk ta’ kwalunkwe partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea eżistenti;
(b)
l-indirizz tas-sede tiegħu;
(c)
programm politiku li jispeċifika l-fini u l-għanijiet tiegħu;
(d)
dikjarazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 3(1), il-punt (h), li ma jsegwix għanijiet ta’ qligħ;
(e)
meta rilevanti, l-isem tal-fondazzjoni politika Ewropea affiljata miegħu u deskrizzjoni tar-relazzjoni formali ta’ bejniethom;
(f)
l-organizzazzjoni u l-proċeduri amministrattivi u finanzjarji tiegħu, fejn jiġu speċifikati b’mod partikolari l-korpi u l-karigi li għandhom setgħat ta’ rappreżentanza amministrattiva, finanzjarja u ġuridika u r-regoli dwar l-istabbiliment, l-approvazzjoni u l-verifika tal-kontijiet annwali;
(g)
il-proċedura interna li għandha tiġi segwita fil-każ tax-xoljiment volontarju tiegħu bħala partit politiku Ewropew;
(h)
ir-regoli interni tiegħu rigward il-bilanċ bejn il-ġeneri.
2. L-istatuti ta’ partit politiku Ewropew għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni interna tal-partit li jkopru mill-anqas dan li ġej:
(a)
l-arranġamenti dettaljati għall-ammissjoni, ir-riżenja u l-esklużjoni tal-membri tiegħu, bil-lista tal-partiti membri tiegħu tkun mehmuża mal-istatuti;
(b)
id-drittijiet u l-obbligi assoċjati mat-tipi kollha ta’ sħubija u d-drittijiet rilevanti tal-vot;
(c)
is-setgħat, ir-responsabbiltajiet u l-għamla tal-korpi ta’ tmexxija tiegħu, fejn jiġu speċifikati għal kull wieħed il-kriterji għall-għażla tal-kandidati u l-arranġamenti dettaljati għall-ħatra u t-tkeċċija tagħhom;
(d)
il-proċessi interni tiegħu tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, b’mod partikolari l-proċeduri ta’ votazzjoni u l-ħtiġiet ta’ kworum;
(e)
il-mod kif iħares lejn it-trasparenza, b’mod partikolari fir-rigward taż-żamma tal-kotba, il-kontijiet u d-donazzjonijiet, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali;
(f)
il-proċedura interna għall-emendar tal-istatuti tiegħu.
3. L-istatuti ta’ partit politiku Ewropew għandhom jiżguraw li:
(a)
il-votazzjonijiet kollha għandhom jiksbu l-appoġġ tal-maġġoranza tal-membri li għandhom is-sede tagħhom fl-Unjoni, jew li huma ċittadini tal-Unjoni sabiex tinkiseb l-approvazzjoni;
(b)
il-voti mitfugħa mill-partiti membri assoċjati ma għandhomx ikunu deċiżivi għall-ilħuq ta’ maġġoranza;
(c)
barra minn hekk, il-partiti membri assoċjati ma jistgħux, individwalment jew kollettivament, jimponu kors ta’ azzjoni kontra, jew jimblukkaw, maġġoranza taċ-ċittadini tal-Unjoni jew tal-membri tal-partit politiku Ewropew ikkonċernat li jivvutaw;
(d)
ir-rappreżentanti tal-partiti membri assoċjati ma jistgħux jirċievu setgħa eżekuttiva b’delega fil-korpi ta’ tmexxija.
4. L-Istat Membru tas-sede jista’ jimponi rekwiżiti addizzjonali għall-istatuti, dment li dawk ir-rekwiżiti addizzjonali ma jkunux inkonsistenti ma’ dan ir-Regolament.
Artikolu 5
Obbligi ta’ trasparenza fir-rigward tal-użu tal-logos, il-pubblikazzjoni tal-programm politiku u l-bilanċ bejn il-ġeneri
1. Kull partit politiku Ewropew għandu jiżgura li l-partiti membri tiegħu jippubblikaw fuq is-sit web tagħhom il-programm politiku tal-partit politiku Ewropew u juru l-logo tal-partit politiku Ewropew fuq is-sit web tagħhom. Il-logo tal-partit politiku Ewropew għandu jintwera fil-parti ta’ fuq tal-paġna ewlenija tas-sit web tal-partit membru, b’mod ċarament viżibbli.
2. Kull partit politiku Ewropew għandu jippubblika fuq is-siti web tiegħu informazzjoni dwar il-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-kandidati fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew li jsiru wara t-28 ta’ Diċembru 2025, flimkien mal-informazzjoni aġġornata dwar ir-rappreżentanza tal-ġeneri fost il-Membri tiegħu tal-Parlament Ewropew.
Kull partit politiku Ewropew għandu jiżgura li l-partiti membri tiegħu mill-Unjoni jippubblikaw fuq is-sit web tagħhom informazzjoni dwar il-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-kandidati rispettivi tagħhom fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u r-rappreżentanza tal-ġeneri fost il-Membri rispettivi tagħhom tal-Parlament Ewropew.
Artikolu 6
Governanza tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej
1. L-istatuti ta’ fondazzjoni politika Ewropea għandhom ikunu konformi mal-liġi applikabbli tal-Istat Membru li fih ikollha s-sede tagħha u għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jkopru mill-anqas dan li ġej:
(a)
isimha u l-logo tagħha, li għandhom ikunu distingwibbli b’mod ċar minn dawk ta’ kwalunkwe partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea eżistenti;
(b)
l-indirizz tas-sede tagħha;
(c)
deskrizzjoni tal-fini u l-għanijiet tagħha, li għandhom ikunu kompatibbli mal-kompiti elenkati fl-Artikolu 2, il-punt (6);
(d)
dikjarazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 3(2), il-punt (h), li ma ssegwix għanijiet ta’ qligħ;
(e)
l-isem tal-partit politiku Ewropew li miegħu tkun affiljata direttament, u deskrizzjoni tar-relazzjoni formali ta’ bejniethom,
(f)
lista tal-korpi tagħha, li tispeċifika għal kull wieħed minnhom is-setgħat, ir-responsabbiltajiet u l-għamla tiegħu, u tinkludi l-arranġamenti dettaljati għall-ħatra u t-tkeċċija tal-membri u tal-amministraturi ta’ tali korpi;
(g)
l-organizzazzjoni u l-proċeduri amministrattivi u finanzjarji tagħha, fejn jiġu speċifikati b’mod partikolari l-korpi u l-karigi li għandhom setgħat ta’ rappreżentanza amministrattiva, finanzjarja u ġuridika u r-regoli dwar l-istabbiliment, l-approvazzjoni u l-verifika tal-kontijiet annwali;
(h)
il-proċedura interna għall-emendar tal-istatuti tagħha;
(i)
il-proċedura interna li għandha tiġi segwita fil-każ tax-xoljiment volontarju tagħha bħala fondazzjoni politika Ewropea;
(j)
ir-regoli interni tagħha rigward il-bilanċ bejn il-ġeneri;
(k)
ir-regoli li jirregolaw id-drittijiet u l-obbligi tal-organizzazzjonijiet membri assoċjati fl-istrutturi ta’ governanza u fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-fondazzjoni politika Ewropea li jiżguraw salvagwardji adegwati kontra l-indħil barrani u jipprevjenu li l-organizzazzjonijiet membri assoċjati jimponu kors ta’ azzjoni jew jimblukkaw maġġoranza tal-membri mill-Unjoni.
2. L-Istat Membru tas-sede jista’ jimponi rekwiżiti addizzjonali għall-istatuti, dment li dawk ir-rekwiżiti addizzjonali ma jkunux inkonsistenti ma’ dan ir-Regolament.
Artikolu 7
Rekwiżiti għar-regola dwar il-bilanċ bejn il-ġeneri
1. Il-korpi ta’ tmexxija tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandu jkollhom bilanċ bejn il-ġeneri.
2. Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandu jkollhom fis-seħħ mekkaniżmi interni li jippromwovu l-bilanċ bejn il-ġeneri u jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fl-attivitajiet kollha tagħhom.
3. Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandu jkollhom protokoll fis-seħħ għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-ġlieda b’mod kontinwu tal-fastidju sesswali u d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru.
Artikolu 8
Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej
1. Hija stabbilita Awtorità għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (“l-Awtorità”) għall-fini ta’ reġistrazzjoni, kontroll u impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fuq il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej f’konformità ma’ dan ir-Regolament.
2. L-Awtorità għandu jkollha personalità ġuridika. Għandha tkun indipendenti u għandha teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’konformità sħiħa ma’ dan ir-Regolament.
L-Awtorità għandha tiddeċiedi dwar ir-reġistrazzjoni u t-tneħħija mir-Reġistru tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej f’konformità mal-proċeduri u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament. Barra minn hekk, l-Awtorità għandha b’mod regolari tivverifika li l-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3 u d-dispożizzjonijiet ta’ governanza stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 4(1), il-punti (a), (b), (d), (e) u (f), l-Artikolu 4(3) u mal-Artikolu 6(1), il-punti (a) sa (e), (g) u (k), ikomplu jiġu rispettati mill-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej reġistrati.
Fid-deċiżjonijiet tagħha, l-Awtorità għandha tikkunsidra bis-sħiħ id-dritt fundamentali tal-libertà ta’ assoċjazzjoni u l-ħtieġa li jiġi żgurat il-pluraliżmu tal-partiti politiċi fl-Ewropa.
L-Awtorità għandha tkun rappreżentata mid-Direttur tagħha li għandu jieħu d-deċiżjonijiet kollha tal-Awtorità f’isimha.
3. Id-Direttur tal-Awtorità għandu jinħatar għal mandat li ma jistax jiġġedded ta’ ħames snin mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (flimkien magħrufa bħala l-“awtorità tal-ħatra”) bi qbil komuni, fuq il-bażi ta’ proposti magħmula minn kumitat tal-għażla magħmul mis-Segretarji Ġenerali ta’ dawk it-tliet istituzzjonijiet wara sejħa miftuħa għall-kandidati.
Id-Direttur tal-Awtorità għandu jintgħażel fuq il-bażi tal-kwalitajiet personali u professjonali tiegħu jew tagħha. Huma ma għandhomx ikunu Membri tal-Parlament Ewropew, ma għandhomx ikollhom kwalunkwe mandat elettorali jew ikunu attwalment jew fl-imgħoddi impjegati ta’ partit politiku Ewropew jew ta’ fondazzjoni politika Ewropea. Id-Direttur magħżul ma għandux ikollu kunflitt ta’ interess bejn id-dmirijiet tiegħu jew tagħha bħala Direttur tal-Awtorità u kwalunkwe dmir uffiċjali ieħor, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.
Pożizzjoni vakanti kawża ta’ riżenja, irtirar, tkeċċija jew mewt għandha timtela f’konformità mal-istess proċedura.
Fil-każ ta’ sostituzzjoni normali jew riżenja volontarja d-Direttur għandu jibqa’ fil-kariga sa meta s-sostitut jibda jaqdi dmirijietu.
Meta d-Direttur tal-Awtorità ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet rekwiżiti għat-twettiq tad-dmirijiet tiegħu jew tagħha, hu jew hi jistgħu jitkeċċew bi qbil komuni minn tal-anqas tnejn mit-tliet istituzzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu u fuq il-bażi ta’ rapport imfassal mill-kumitat tal-għażla msemmi fl-ewwel subparagrafu fuq inizjattiva proprja jew wara talba ta’ kwalunkwe waħda mit-tliet istituzzjonijiet.
Id-Direttur tal-Awtorità għandu jkun indipendenti fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu jew tagħha. Meta jkun qed jaġixxi f’isem l-Awtorità, id-Direttur la għandu jfittex u lanqas ma għandu jieħu struzzjonijiet minn kwalunkwe istituzzjoni jew gvern jew minn kwalunkwe korp, uffiċċju jew aġenzija oħra. Id-Direttur tal-Awtorità għandu jżomm lura minn kwalunkwe att li hu inkompatibbli man-natura tad-dmirijiet tiegħu jew tagħha.
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jeżerċitaw b’mod konġunt, fir-rigward tad-Direttur, is-setgħat mogħtija lill-awtorità tal-ħatra mir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali (u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni) stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (14). Mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet dwar il-ħatra u t-tkeċċija, it-tliet istituzzjonijiet jistgħu jaqblu li jafdaw lil kwalunkwe waħda minn fosthom l-eżerċizzju ta’ xi wħud mis-setgħat li jifdal jew tas-setgħat li jifdal kollha mogħtija lill-awtorità tal-ħatra.
L-awtorità tal-ħatra tista’ tassenja kompiti oħra lid-Direttur dment li tali kompiti ma jkunux inkompatibbli mal-ammont ta’ xogħol li jirriżulta mid-dmirijiet tiegħu jew tagħha bħala Direttur tal-Awtorità u ma għandhomx joħolqu kwalunkwe kunflitt ta’ interess li jipperikola l-indipendenza sħiħa tad-Direttur.
4. L-Awtorità għandha tkun lokalizzata fiżikament fil-Parlament Ewropew, li għandu jagħti lill-Awtorità l-uffiċċji u l-faċilitajiet ta’ appoġġ amministrattiv meħtieġa.
5. Id-Direttur tal-Awtorità għandu jkun assistit minn persunal li fir-rigward tiegħu għandu jeżerċita s-setgħat mogħtija lill-awtorità tal-ħatra mir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u s-setgħat mogħtija lill-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta’ impjieg ta’ ħaddiema oħra mill-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (“is-setgħat tal-awtorità tal-ħatra”). Fi kwalunkwe qasam tax-xogħol tagħha l-Awtorità tista’ tagħmel użu minn esperti nazzjonali sekondati jew minn persunal ieħor mhux impjegat mill-Awtorità.
Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra u r-regoli adottati bi ftehim bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għad-dħul fis-seħħ ta’ dawk ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra għandhom japplikaw għall-persunal tal-Awtorità.
L-għażla tal-persunal ma għandhiex tirriżulta f’kunflitt ta’ interess bejn id-dmirijiet tiegħu fl-Awtorità u kwalunkwe dmir uffiċjali ieħor, u għandu jżomm lura minn kwalunkwe aġir li hu inkompatibbli man-natura ta’ dmirijietu.
6. L-Awtorità għandha tikkonkludi ftehimiet mal-Parlament Ewropew u, jekk ikun xieraq, ma’ istituzzjonijiet oħra dwar kwalunkwe arranġament amministrattiv meħtieġ biex tkun tista’ twettaq il-kompiti tagħha, b’mod partikolari ftehimiet rigward tal-persunal, is-servizzi u l-appoġġ ipprovduti skont il-paragrafi 4, 5 u 8.
7. L-approprjazzjonijiet għan-nefqa tal-Awtorità għandhom ikunu pprovduti taħt Titolu separat fit-Taqsima għall-Parlament Ewropew fil-baġit ġenerali tal-Unjoni. L-approprjazzjonijiet għandhom ikunu biżżejjed biex tiġi żgurata l-operazzjoni sħiħa u indipendenti tal-Awtorità. Għandu jiġi sottomess abbozz ta’ pjan baġitarju għall-Awtorità mid-Direttur lill-Parlament Ewropew, u għandu jsir pubbliku. Il-Parlament Ewropew għandu jiddelega d-dmirijiet tal-Uffiċjal Awtorizzanti fir-rigward ta’ dawk l-approprjazzjonijiet lid-Direttur tal-Awtorità.
8. Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 (15) għandu japplika għall-Awtorità.
Is-servizzi ta’ traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament tal-Awtorità u r-Reġistru għandhom jingħataw miċ-Ċentru ta’ Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea.
9. L-Awtorità u l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandhom jikkondividu l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament
10. Id-Direttur għandu jissottometti rapport annwali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tal-Awtorità. L-Awtorità għandha tippubblika r-rapporti fis-sit web tagħha.
11. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha tirrieżamina l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 263 TFUE u għandu jkollha ġuriżdizzjoni fit-tilwimiet relatati mal-kumpens għal dannu kkawżat mill-Awtorità f’konformità mal-Artikoli 268 u 340 TFUE. Meta l-Awtorità tonqos milli tieħu deċiżjoni meta tkun meħtieġa tagħmel dan minn dan ir-Regolament, jistgħu jinġiebu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea proċeduri għan-nuqqas ta’ aġir f’konformità mal-Artikolu 265 TFUE.
Artikolu 9
Reġistru tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej
1. L-Awtorità għandha tistabbilixxi u timmaniġġja Reġistru tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. L-informazzjoni mir-Reġistru għandha tkun disponibbli online f’konformità mal-Artikolu 39.
2. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tar-Reġistru, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 43 u fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi:
(a)
l-informazzjoni u d-dokumenti ta’ sostenn miżmuma mill-Awtorità li għalihom ir-Reġistru għandu jkun ir-repożitorju kompetenti, li għandhom jinkludu l-istatuti ta’ partit politiku Ewropew jew ta’ fondazzjoni politika Ewropea, kwalunkwe dokument ieħor sottomess bħala parti minn applikazzjoni għar-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 10(2), kwalunkwe dokument li jirċievi l-Istat Membru tas-sede kif imsemmi fl-Artikolu 20(2), u l-informazzjoni dwar l-identità tal-persuni li huma membri tal-korpi jew li jokkupaw karigi li huma mogħtija setgħat ta’ rappreżentanza amministrattiva, finanzjarja u ġuridika, kif imsemmi fl-Artikolu 4(1), il-punt (f), u fl-Artikolu 6(1), il-punt (g);
(b)
il-materjal mir-Reġistru msemmi fil-punt (a) ta’ dan is-subparagrafu li għalihom ir-Reġistru għandu jkollu l-kompetenza għaċ-ċertifikazzjoni tal-legalità kif stabbilit mill-Awtorità skont il-kompetenzi tagħha fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament.
L-Awtorità ma għandhiex tkun kompetenti għall-verifika tal-konformità ta’ partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea ma’ kwalunkwe obbligu jew rekwiżit impost fuq il-partit jew il-fondazzjoni konċernati mill-Istat Membru tas-sede skont l-Artikoli 4 u 6, u l-Artikolu 19(2), li jkun addizzjonali għall-obbligi u r-rekwiżiti stabbiliti minn dan ir-Regolament.
3. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw id-dettalji tas-sistema tan-numri tar-reġistrazzjoni li għandha tiġi applikata għar-Reġistru u l-estratti standard mir-Reġistru li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ partijiet terzi wara talba għal dan, inkluż il-kontenut ta’ ittri u dokumenti. Tali estratti ma għandhomx jinkludu data personali ħlief l-identità tal-persuni li huma membri ta’ korpi jew li jokkupaw karigi li huma mogħtija setgħat ta’ rappreżentanza amministrattiva, finanzjarja u ġuridika, kif imsemmi fl-Artikolu 4(1), il-punt (f), u l-Artikolu 6(1), il-punt (g).
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 44.
Artikolu 10
Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni
1. Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għandha tkun sottomessa lill-Awtorità. Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala fondazzjoni politika Ewropea għandha tkun sottomessa biss permezz tal-partit politiku Ewropew li miegħu l-applikant huwa formalment affiljat.
2. L-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn:
(a)
dokumenti li juru li l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3, inkluża dikjarazzjoni formali standard fil-forma stabbilita fl-Anness I;
(b)
l-istatuti tal-partit jew tal-fondazzjoni, li jkun fihom id-dispożizzjonijiet meħtieġa mill-Artikoli 4 u 6, inklużi l-annessi rilevanti u, meta applikabbli, id-dikjarazzjoni tal-Istat Membru tas-sede msemmija fl-Artikolu 20(2).
3. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 43 u fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament biex:
(a)
tissupplimenta dan ir-Regolament billi tidentifika kwalunkwe informazzjoni supplimentari jew dokument ta’ sostenn fir-rigward tal-paragrafu 2 li huma meħtieġa biex l-Awtorità twettaq bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tagħha fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tat-tħaddim tar-Reġistru;
(b)
temenda dan ir-Regolament billi tadatta, fejn meħtieġ, id-dikjarazzjoni formali standard fl-Anness I fir-rigward tad-dettalji li jridu jimtlew mill-applikant, sabiex jiġi żgurat li tkun qed tinżamm informazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-firmatarju, il-mandat tiegħu jew tagħha u l-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea li hu jew hi għandhom il-mandat li jirrappreżentaw għall-finijiet tad-dikjarazzjoni.
4. Id-dokumentazzjoni sottomessa lill-Awtorità bħala parti mill-applikazzjoni għandha tiġi ppubblikata immedjatament fuq is-sit web imsemmi fl-Artikolu 39.
Artikolu 11
Eżami tal-applikazzjoni u deċiżjoni tal-Awtorità
1. L-applikazzjoni għandha tiġi eżaminata mill-Awtorità sabiex tiddetermina jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3 u jekk l-istatuti fihomx id-dispożizzjonijiet rekwiżiti mill-Artikoli 4 u 6.
2. L-Awtorità għandha tadotta deċiżjoni li tirreġistra lill-applikant, ħlief jekk tistabbilixxi li l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3 jew li l-istatuti ma fihomx id-dispożizzjonijiet rekwiżiti mill-Artikoli 4 u 6.
L-Awtorità għandha tippubblika d-deċiżjoni tagħha li tirreġistra lill-applikant fi żmien xahar wara li tkun irċeviet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew, meta l-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 20(4) huma applikabbli, fi żmien erba’ xhur wara li tkun irċeviet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.
Meta applikazzjoni mhijiex kompluta, l-Awtorità għandha titlob lill-applikant mingħajr dewmien jissottometti kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa. Għall-finijiet tal-iskadenza stabbilita fit-tieni subparagrafu, iż-żmien għandu jibda jgħodd biss mid-data ta’ meta l-Awtorità tkun irċeviet applikazzjoni kompluta.
3. Id-dikjarazzjoni formali standard imsemmija fl-Artikolu 10(2), il-punt (a), għandha titqies li hi biżżejjed biex l-Awtorità taċċerta li l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 3(1), il-punti (d) u (e), jew fl-Artikolu 3(2), il-punti (c) u (d), skont liema wieħed ikun applikabbli.
4. Deċiżjoni tal-Awtorità li tirreġistra applikant għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-istatuti tal-partit jew tal-fondazzjoni kkonċernati. Deċiżjoni biex ma jiġix irreġistrat applikant għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, flimkien mar-raġunijiet taċ-ċaħda mogħtija fid-dettall.
5. Kwalunkwe emenda għad-dokumenti jew l-istatuti li tiġi sottomessa bħala parti mill-applikazzjoni ta’ reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 10(2), għandha tiġi notifikata lill-Awtorità fi żmien xahrejn. L-Awtorità għandha taġġorna r-reġistrazzjoni fid-dawl ta’ tali emendi. Il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 20(2) u (4) għandhom japplikaw, mutatis mutandis.
6. Sat-30 ta’ Settembru ta’ kull sena, il-lista aġġornata tal-partiti membri ta’ partit politiku Ewropew, annessa mal-istatuti tal-partit f’konformità mal-Artikolu 4(2), għandha tintbagħat lill-Awtorità, flimkien mad-dikjarazzjoni formali standard, bl-użu tal-mudell stabbilit fl-Anness I, jekk ikun ingħaqad partit membru ġdid. Kwalunkwe bidla li b’konsegwenza tagħha l-partit politiku Ewropew jista’ ma jibqax jissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1), il-punt (b), għandha tiġi kkomunikata lill-Awtorità fi żmien erba’ ġimgħat minn meta ssir tali bidla.
Artikolu 12
Verifika tal-konformità mal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni u eżami tar-raġunijiet għall-qtugħ mir-Reġistru
1. Mingħajr preġudizzju għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13, l-Awtorità għandha b’mod regolari tivverifika li l-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3, u d-dispożizzjonijiet ta’ governanza stabbiliti fl-Artikolu 4(1), il-punti (a), (b), (d), (e) u (f), fl-Artikolu 4(3) u fl-Artikolu 6(1), il-punti (a) sa (e), (g) u (k), għadhom qed jiġu rispettati mill-partiti politiċi Ewropej u mill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej reġistrati.
2. Jekk l-Awtorità tqis li waħda mir-raġunijiet għat-tneħħija mir-Reġistru skont l-Artikolu 21(1), il-punt (a), jew l-Artikolu 21(2), tista’ tapplika għal partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea, hija għandha tinforma lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati mingħajr dewmien żejjed. Meta partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jiġu infurmati, l-Awtorità għandha tistieden lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom fi żmien xahar minn meta tirċievi l-informazzjoni.
3. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 3(1), il-punt (c), (f), (g) jew (h), l-Artikolu 3(2), il-punt (e), (f), (g) jew (h), jew id-dispożizzjonijiet ta’ governanza stipulati fl-Artikolu 4(1), il-punti (a), (b), (d), (e) u (f), fl-Artikolu 4(3), u fl-Artikolu 6(1), il-punti (a) sa (e), (g) u (k), l-Awtorità għandha tagħti lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati l-opportunità li jintroduċu l-miżuri meħtieġa biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni fil-limitu ta’ żmien previst fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. L-Awtorità tista’, fuq talba motivata tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati, testendi dik l-iskadenza jekk u sa fejn l-Awtorità tqis li tali estensjoni tkun meħtieġa u xierqa fid-dawl tal-miżuri korrettivi ppjanati mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea.
4. Malli tiskadi l-iskadenza msemmija fil-paragrafi 2 jew 3 ta’ dan l-Artikolu, jew malli tirċievi kwalunkwe osservazzjoni u informazzjoni rigward il-miżuri korrettivi mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati qabel ma tiskadi dik l-iskadenza, l-Awtorità għandha, mingħajr dewmien żejjed u fid-dawl ta’ kwalunkwe tali osservazzjoni jew informazzjoni, tivvaluta jekk xi waħda mir-raġunijiet għat-tneħħija mir-Reġistru skont l-Artikolu 21(1), il-punt (a), jew l-Artikolu 21(2), tapplikax għall-partit politiku Ewropew jew għall-fondazzjoni politika Ewropea.
Artikolu 13
Verifika tal-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni relatati mal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni
1. Il-Parlament Ewropew, fuq inizjattiva proprja tiegħu jew wara talba motivata minn grupp ta’ ċittadini, sottomessa f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, jew il-Kunsill jew il-Kummissjoni jistgħu jippreżentaw talba lill-Awtorità biex tivverifika jekk partit politiku Ewropew speċifiku jew fondazzjoni politika Ewropea speċifika humiex konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1), il-punti (d) u (e), u fl-Artikolu 3(2), il-punti (c) u (d). F’tali każijiet, u fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 14(2), l-Awtorità għandha tinforma lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati mingħajr dewmien żejjed, tistedinhom jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom u tagħtihom l-opportunità li jintroduċu miżuri biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni fi żmien xahar minn meta tirċievi l-informazzjoni.
2. L-Awtorità tista’, fuq talba motivata tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati, testendi l-iskadenza msemmija fil-paragrafu 1 jekk u safejn l-Awtorità tikkunsidra li tali estensjoni tkun meħtieġa u xierqa fid-dawl tal-miżuri korrettivi ppjanati mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea.
3. Malli tiskadi l-iskadenza msemmija fil-paragrafu 1 jew 2 ta’ dan l-Artikolu, jew malli tirċievi kwalunkwe osservazzjoni u informazzjoni dwar il-miżuri korrettivi mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati qabel ma tiskadi dik l-iskadenza, l-Awtorità għandha tissottometti l-osservazzjonijiet magħmula mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati u, meta applikabbli, id-deskrizzjoni tal-miżuri korrettivi meħuda minn dak il-partit jew dik il-fondazzjoni lill-kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti msemmi fl-Artikolu 16 u għandha titlob lil dak il-kumitat għal opinjoni dwar is-suġġett. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fi żmien xahrejn mit-talba tal-Awtorità.
4. Meta l-Awtorità ssir taf b’fatti li jistgħu jqajmu dubju dwar il-konformità minn partit politiku Ewropew speċifiku jew fondazzjoni politika Ewropea speċifika mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1), il-punti (d) u (e), u l-Artikolu 3(2), il-punti (c) u (d), l-Awtorità għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bil-għan li kwalunkwe waħda minn dawk l-istituzzjonijiet tkun tista’ tressaq talba għall-verifika kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jressqu talba għal verifika fi żmien xahrejn minn meta jirċievu l-informazzjoni.
5. Il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 1 sa 4 ma għandhiex tinbeda fil-perjodu ta’ xahrejn immedjatament qabel l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.
6. L-Awtorità għandha tiddeċiedi jekk tneħħiex il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati mir-Reġistru, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti msemmi fl-Artikolu 16. Id-deċiżjoni tal-Awtorità għandha tkun debitament motivata.
7. Deċiżjoni tal-Awtorità biex tneħħi l-partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati mir-Reġistru għal raġunijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1), il-punt (d) jew (e), jew l-Artikolu 3(2), il-punt (c) jew (d), tista’ tiġi adottata biss f’każ ta’ ksur manifest u serju ta’ dawk il-kundizzjonijiet. Id-deċiżjoni għandha tkun soġġetta għall-proċedura stabbilita fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu.
8. Deċiżjoni tal-Awtorità biex tneħħi l-partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea mir-Reġistru għar-raġuni ta’ ksur manifest u serju tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1), il-punt (d) jew (e), jew fl-Artikolu 3(2), il-punt (c) jew (d), għandha tiġi kkomunikata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fi żmien tliet xhur minn meta d-deċiżjoni tkun ġiet ikkomunikata lilhom jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Awtorità li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Fil-każ li ssir oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea għandhom jibqgħu reġistrati.
9. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw biss għal deċiżjoni tal-Awtorità biex tneħħi partit politiku Ewropew jew ta’ fondazzjoni politika Ewropea mir-Reġistru minħabba raġunijiet relatati mal-valutazzjoni tal-konformità mal-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3(1), il-punt (d) jew (e), jew l-Artikolu 3(2), il-punt (c) jew (d).
10. Meta tiġi espressa oġġezzjoni għal deċiżjoni tal-Awtorità dwar it-tneħħija ta’ partit politiku Ewropew jew ta’ fondazzjoni politika Ewropea mir-Reġistru, l-Awtorità għandha tinforma lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati dwar l-oġġezzjoni.
11. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw pożizzjoni f’konformità mar-regoli rispettivi tagħhom għat-teħid ta’ deċiżjonijiet adottati f’konformità mat-Trattati. Kwalunkwe oġġezzjoni għal deċiżjoni tal-Awtorità biex tneħħi partit politiku Ewropew jew ta’ fondazzjoni politika Ewropea mir-Reġistru għandha tkun debitament motivata u għandha ssir pubblika.
Artikolu 14
Verifika tal-obbligi fil-liġi nazzjonali
1. Jekk partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jonqsu milli serjament iwettqu l-obbligi rilevanti skont il-liġi nazzjonali applikabbli skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19(2), l-Istat Membru tas-sede tal-partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jista’ jissottometti lill-Awtorità talba għat-tneħħija mir-Reġistru. Dik it-talba għandha tkun debitament motivata. B’mod partikolari, hija għandha tidentifika b’mod preċiż u eżawstiv l-azzjonijiet illegali u r-rekwiżiti nazzjonali speċifiċi li ma ġewx rispettati.
Jekk is-suġġett tat-talba tal-Istat Membru skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jirrigwarda esklużivament jew b’mod predominanti elementi li jaffettwaw ir-rispett tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE, l-Awtorità għandha tibda proċedura ta’ verifika f’konformità mal-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament.
Għal kwalunkwe kwistjoni oħra, li fiha, fit-talba tiegħu skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Istat Membru jikkonferma li jeżisti rimedju effettiv kontra tali talba fil-livell nazzjonali u r-rimedji kollha li jikkonċernaw tali talba jkunu ġew eżawriti, l-Awtorità għandha, wara li tisma’ lir-rappreżentant tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati, tivvaluta jekk ir-raġuni għat-tneħħija mir-Reġistru fis-sens tal-Artikolu 21(1), il-punt (d), tapplikax għall-partit politiku Ewropew jew għall-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati.
2. Meta partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jkunu diġà naqsu b’mod gravi milli jwettqu l-obbligi relevanti tagħhom skont il-liġi nazzjonali applikabbli skont l-Artikolu 19(2), it-tieni subparagrafu ta’ dan ir-Regolament, u jekk il-kwistjoni jkollha rabta b’mod esklużiv jew b’mod predominanti ma’ elementi li jaffettwaw ir-rispett lejn il-valuri li fuqhom hi msejsa l-Unjoni, stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jissottometti talba lill-Awtorità f’konformità mal-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu. L-Awtorità għandha tipproċedi f’konformità mal-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu.
3. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Awtorità għandha fil-każijiet kollha taġixxi mingħajr dewmien żejjed. L-Awtorità għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat u lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati dwar l-azzjonijiet li jittieħdu b’rispons għat-talba motivata għat-tneħħija mir-Reġistru.
Artikolu 15
Proċedura ta’ verifika relatata ma’ ksur ta’ regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali
1. L-ebda partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea ma għandhom jinfluwenzaw, jew jippruvaw jinfluwenzaw, deliberatament l-eżitu tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew billi jieħdu vantaġġ minn ksur tar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data personali min-naħa ta’ persuna fiżika jew ġuridika.
2. Jekk l-Awtorità hija infurmata dwar deċiżjoni ta’ awtorità superviżorja nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 4, il-punt (21), tar-Regolament (UE) 2016/679 li tikkonkludi li persuna fiżika jew ġuridika tkun kisret regoli applikabbli dwar il-protezzjoni ta’ data personali u jekk minn dik id-deċiżjoni jirriżulta, jew inkella fejn altrimenti jkun hemm bażi raġonevoli biex tintlaħaq il-konklużjoni, li l-ksur ikun marbut mal-attivitajiet politiċi ta’ partit politiku Ewropew jew ta’ fondazzjoni politika Ewropea fil-kuntest tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, l-Awtorità għandha tirreferi l-kwistjoni lill-kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti imsemmi fl-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament. L-Awtorità tista’, jekk ikun meħtieġ, tikkoordina mal-awtorità superviżorja nazzjonali kkonċernata.
3. Il-kumitat imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jagħti opinjoni dwar jekk il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea inkwistjoni jkunux influwenzaw, jew ippruvaw jinfluwenzaw, deliberatament l-eżitu tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew billi jieħdu vantaġġ minn dak il-ksur. L-Awtorità għandha titlob l-opinjoni mingħajr telf ta’ żmien, u mhux aktar tard minn xahar wara li tkun infurmata dwar id-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja nazzjonali. L-Awtorità għandha tistabbilixxi skadenza qasira u raġonevoli biex il-kumitat jagħti l-opinjoni tiegħu. Il-kumitat għandu jirrispetta dik l-iskadenza.
4. Fid-dawl tal-opinjoni tal-kumitat, l-Awtorità għandha tiddeċiedi, skont l-Artikolu 32(1), il-punt (a)(ix), jekk għandhiex timponi sanzjonijiet finanzjarji fuq il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea inkwistjoni. Id-deċiżjoni tal-Awtorità għandha tkun debitament motivata, partikolarment fir-rigward tal-opinjoni tal-kumitat, u għandha tiġi ppubblikata malajr kemm jista’ jkun.
5. Il-proċedura stipulata f’dan l-Artikolu hija mingħajr preġudizzju għall-proċedura stipulata fl-Artikoli 12, 13 u 14. Il-projbizzjoni fuq is-sottomissjoni ta’ talba għal verifika skont l-Artikolu 13(1) sa (4) matul il-perjodu ta’ xahrejn immedjatament qabel l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew stabbilita fl-Artikolu 13(5) ma għandhiex tapplika għall-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu.
Artikolu 16
Kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti
1. Il-kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti stabbilit bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 għandu jkun kompost minn sitt membri, fejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaħtru żewġ membri kull wieħed. Il-membri tal-kumitat għandhom jintgħażlu fuq il-bażi tal-kwalitajiet personali u professjonali tagħhom. Huma ma għandhomx ikunu membri tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, u lanqas ma għandu jkollhom xi mandat elettorali, ma għandhomx ikunu uffiċjali jew persunal ieħor tal-Unjoni Ewropea jew ikunu attwalment jew fl-imgħoddi kienu impjegati ta’ xi partit politiku Ewropew jew ta’ xi fondazzjoni politika Ewropea.
Il-membri tal-kumitat għandhom ikunu indipendenti fit-twettiq ta’ dmirijiethom. Huma la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn kwalunkwe istituzzjonijiet jew gvern jew kwalunkwe entità, uffiċċju jew aġenzija, u għandhom iżommu lura minn kwalunkwe aġir li huwa inkompatibbli man-natura tad-dmirijiet tagħhom.
Il-kumitat għandu jiġi mġedded fi żmien sitt xhur wara t-tmiem tal-ewwel sessjoni tal-Parlament Ewropew wara kull elezzjoni għall-Parlament Ewropew. Il-mandat tal-membri ma għandux ikun jista’ jiġġedded.
2. Il-kumitat għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura proprji tiegħu. Il-president tal-kumitat għandu jiġi elett mill-membri tiegħu minn fost wieħed minnhom f’konformità ma’ dawn ir-regoli. Is-segretarjat u l-finanzjament tal-kumitat għandhom jiġu pprovduti mill-Parlament Ewropew. Is-segretarjat tal-kumitat għandu jaġixxi taħt l-awtorità tal-kumitat biss.
3. Meta jiġi mitlub mill-Awtorità, il-kumitat għandu jagħti opinjoni dwar:
(a)
kull ksur manifest u serju possibbli tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea, kif imsemmi fl-Artikolu 3(1), il-punt (d) u (e), u fl-Artikolu 3(2), il-punt (c) u (d), minn partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea;
(b)
meta partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jkunux influwenzaw, jew ippruvaw jinfluwenzaw, deliberatament l-eżitu tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew billi jkunu ħadu vantaġġ minn ksur tar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni ta’ data personali.
Fil-każijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b), ta’ dan il-paragrafu, il-kumitat jista’ jitlob kwalunkwe dokument jew prova rilevanti mingħand l-Awtorità, il-Parlament Ewropew, il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati, partiti politiċi jew fondazzjonijiet politiċi oħrajn jew partijiet ikkonċernati oħrajn, u jista’ jitlob li jisma’ r-rappreżentanti tagħhom. Fil-każ imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b), ta’ dan il-paragrafu, l-awtorità superviżorja nazzjonali msemmija fl-Artikolu 15 għandha tikkoopera mal-kumitat f’konformità mal-liġi applikabbli.
Fl-opinjonijiet tiegħu, il-kumitat għandu jikkunsidra bis-sħiħ id-dritt fundamentali tal-libertà ta’ assoċjazzjoni u l-ħtieġa li jiġi żgurat il-pluraliżmu tal-partiti politiċi fl-Ewropa.
L-opinjonijiet tal-kumitat għandhom isiru aċċessibbli għall-pubbliku mingħajr dewmien.
KAPITOLU III
L-ISTATUS ĠURIDIKU TAL-PARTITI POLITIĊI EWROPEJ U TAL-FONDAZZJONIJIET POLITIĊI EWROPEJ
Artikolu 17
Personalità ġuridika
Partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandu jkollhom personalità ġuridika Ewropea.
Artikolu 18
Għarfien u kapaċità ġuridika
Partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom igawdu għarfien u kapaċità ġuridika fl-Istati Membri kollha.
Artikolu 19
Liġi applikabbli
1. Partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom ikunu rregolati b’dan ir-Regolament.
2. Għal kwistjonijiet mhux regolati minn dan ir-Regolament jew, fejn il-kwistjonijiet ikunu biss parzjalment regolati minnu, għal dawk l-aspetti mhux koperti minnu, partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom ikunu regolati mid-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt nazzjonali fl-Istat Membru fejn ikollhom is-sede rispettiva tagħhom.
L-attivitajiet imwettqa minn partiti politiċi Ewropej u minn fondazzjonijiet politiċi Ewropej fi Stati Membri oħra għandhom jiġu rregolati mil-liġijiet nazzjonali rilevanti ta’ dawk l-Istati Membri.
3. Għall-kwistjonijiet mhux regolati minn dan ir-Regolament jew mid-dispożizzjonijiet applikabbli skont il-paragrafu 2 jew, fejn kwistjonijiet ikunu biss parzjalment regolati minnhom, għal dawk l-aspetti mhux koperti minnhom, partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom ikunu regolati mid-dispożizzjonijiet tal-istatuti rispettivi tagħhom.
Artikolu 20
Ksib ta’ personalità ġuridika Ewropea
1. Partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea għandhom jiksbu personalità ġuridika Ewropea fid-data tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-deċiżjoni adottata mill-Awtorità biex jiġu reġistratiskont l-Artikolu 11.
2. Meta l-Istat Membru li fih applikant għal reġistrazzjoni bħala partit politiku Ewropew jew bħala fondazzjoni politika Ewropea jkollu s-sede tiegħu hekk ikun jirrikjedi, l-applikazzjoni sottomessa skont l-Artikolu 10 għandha tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni maħruġa minn dak l-Istat Membru, li tiċċertifika li l-applikant ikun irrispetta r-rekwiżiti nazzjonali relevanti kollha għall-applikazzjoni, u li l-istatuti tiegħu jkunu konformi mal-liġi applikabbli msemmija fl-Artikolu 19(2), l-ewwel subparagrafu.
3. Meta applikant ikun igawdi personalità ġuridika skont il-liġi ta’ Stat Membru, il-ksib tal-personalità ġuridika Ewropea għandu jitqies minn dak l-Istat Membru bħala konverżjoni tal-personalità ġuridika nazzjonali għal personalità ġuridika Ewropea suċċessura. Din tal-aħħar għandha tibqa’ żżomm bis-sħiħ kull dritt obbligu pre-eżistenti tal-entità ġuridika nazzjonali preċedenti li ma għandhiex tibqa’ teżisti bħala tali. L-Istati Membri kkonċernati ma għandhomx japplikaw kundizzjonijiet projbittivi fil-kuntest ta’ tali konverżjonijiet. L-applikant għandu jżomm is-sede tiegħu fl-Istat Membru kkonċernat sal-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 11.
4. Meta l-Istat Membru li fih l-applikant ikollu s-sede tiegħu hekk jitlob, l-Awtorità għandha tiffissa d-data tal-pubblikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 biss wara konsultazzjoni ma’ dan l-Istat Membru.
Artikolu 21
Terminazzjoni tal-personalità ġuridika Ewropea
1. Partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea għandhom jitilfu l-personalità ġuridika Ewropea tagħhom meta jitneħħew mir-Reġistru b’deċiżjoni tal-Awtorità:
(a)
jekk, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12, l-Awtorità ssib li:
(i)
il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati ma jikkonformawx ma’ waħda mill-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3(1), il-punt (a), (b), (c), (f), (g) jew (h), jew fl-Artikolu 3(2), il-punt (a), (b), (e), (f), (g) jew (h);
(ii)
il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati ma jikkonformawx ma’ waħda mid-dispożizzjonijiet relatati mal-governanza stabbiliti fl-Artikolu 4(1), il-punt (a), (b), (d), (e) u (f), fl-Artikolu 4(3) jew fl-Artikolu 6(1), il-punti (a) sa (e), (g) jew (k);
(iii)
il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati huma f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 138(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509; jew
(iv)
informazzjoni li kienet deċiżiva għad-deċiżjoni li jiġi rreġistrat il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati kienet skorretta jew qarrieqa, jew li dik id-deċiżjoni nkisbet b’qerq;
(b)
jekk, matul il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament, l-Awtorità ssib li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3(1), il-punt (d) jew (e), jew l-Artikolu 3(2), il-punt (c) jew (d), ta’ dan ir-Regolament, li jikkonċernaw ir-rispett għall-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE, ikunu nkisru b’mod manifest u serju mill-partit politiku Ewropew ikkonċernat jew mill-partiti membri tiegħu, jew mill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernata jew mill-organizzazzjonijiet membri tagħha;
(c)
fuq talba ta’ partit politiku Ewropew jew ta’ fondazzjoni politika Ewropea kkonċernata; jew
(d)
fuq talba ta’ Stat Membru li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 14(1) u (3).
2. Jekk l-Awtorità tiddeċiedi li tneħħi partit politiku Ewropew mir-Reġistru, hija għandha tneħħi wkoll fondazzjoni politika Ewropea affiljata miegħu mir-Reġistru.
3. Id-deċiżjoni tal-Awtorità li tneħħi partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea mir-Reġistru għandha tiġi indirizzata, u nnotifikata, lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati. Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
4. Meta l-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati jiksbu personalità ġuridika skont il-liġi tal-Istat Membru tas-sede tagħhom, tali kisba għandha titqies minn dak l-Istat Membru bħala konverżjoni tal-personalità ġuridika Ewropea għal personalità ġuridika nazzjonali li tibqa’ żżomm bis-sħiħ id-drittijiet u l-obbligi preeżistenti tal-entità ġuridika Ewropea preċedenti. L-Istat Membru kkonċernat ma għandux japplika kundizzjonijiet projbittivi fil-kuntest ta’ tali konverżjonijiet.
5. Meta l-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea ma jiksbux personalità ġuridika skont il-liġi tal-Istat Membru tas-sede tagħhom, huma għandhom jiġu xolti f’konformità mal-liġi applikabbli ta’ dak l-Istat Membru. L-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrikjedi li dak it-tali xoljiment ikun preċedut mill-ksib mill-partit jew fondazzjoni kkonċernati ta’ personalità ġuridika nazzjonali f’konformità mal-paragrafu 4.
6. F’kull sitwazzjoni msemmija fil-paragrafi 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li l-kundizzjoni ta’ mingħajr qligħ stipulata fl-Artikolu 3 tkun rispettata għalkollox. L-Awtorità u l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew jistgħu jiftiehmu mal-Istat Membru kkonċernat dwar l-arranġamenti dettaljati tat-terminazzjoni tal-personalità ġuridika Ewropea, b’mod partikolari biex jiżguraw l-irkupru ta’ kwalunkwe fondi rċevuti mill-baġit ġenerali tal-Unjoni u l-ħlas ta’ kwalunkwe sanzjonijiet finanzjarji imposti f’konformità mal-Artikolu 32.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-FINANZJAMENT
Artikolu 22
Kundizzjonijiet ta’ finanzjament
1. Partit politiku Ewropew li jkun irreġistrat skont il-kundizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament, li jkun rappreżentat fil-Parlament Ewropew b’minn tal-inqas wieħed mill-membri tiegħu, u li ma jkunx f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 138(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 jista’ japplika għall-fondi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, f’konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet ippubblikati mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew f’sejħa għal kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.
2. Fondazzjoni politika Ewropea li tkun affiljata ma’ partit politiku Ewropew eliġibbli li japplika għall-fondi skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, li tkun irreġistrata f’konformità mal-kundizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament, u li ma tkunx f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 138(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tista’ tapplika għall-fondi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, f’konformità mat-termini u mal-kundizzjonijiet ippubblikati mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew f’sejħa għal proposti.
3. Għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ eliġibbiltà għal finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 3(1), il-punt (b), u għall-applikazzjoni tal-Artikolu 24(1), membru tal-Parlament Ewropew għandu jitqies bħala membru ta’ partit politiku Ewropew wieħed biss, li għandu, fejn rilevanti, ikun dak li miegħu jkun affiljat il-partit nazzjonali jew reġjonali tiegħu jew tagħha fid-data finali għas-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet għal finanzjament.
Għal dak il-għan, sħubija diretta ta’ membru tal-Parlament Ewropew f’partit politiku Ewropew għandha tiġi aċċettata f’każijiet fejn dak il-membru tal-Parlament Ewropew ma jkunx membru ta’ partit nazzjonali jew reġjonali affiljat ma’ partit politiku Ewropew.
4. Kontribuzzjonijiet finanzjarji jew għotjiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni ma għandhomx jaqbżu 95 % tan-nefqa rimborsabbli annwali indikata fil-baġit ta’ partit politiku Ewropew u 95 % tal-kostijiet eliġibbli mġarrba minn fondazzjoni politika Ewropea. Il-partiti politiċi Ewropej jistgħu jużaw xi parti mhux użata tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni mogħtija biex ikopru nefqa rimborsabbli fis-sena finanzjarja wara l-għoti tagħha. L-ammonti mhux użati wara dik is-sena finanzjarja għandhom jiġu rkuprati f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509.
5. Fil-limiti stipulati fl-Artikoli 26 u 27, in-nefqa rimborsabbli permezz ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għandha tinkludi n-nefqa amministrattiva u n-nefqa marbuta mal-assistenza teknika, laqgħat, riċerka, avvenimenti transfruntieri, studji, informazzjoni u pubblikazzjonijiet, kif ukoll in-nefqa relatata mal-kampanji.
Artikolu 23
Applikazzjoni għall-Fondi
1. Sabiex jirċievi finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea, li jkunu jirrispettaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 22(1) jew (2), għandhom jippreżentaw applikazzjoni lill-Parlament Ewropew wara sejħa għal kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni jew sejħa għal proposti.
2. Il-partit politiku Ewropew u l-fondazzjoni politika Ewropea għandhom, fil-mument tal-applikazzjoni tagħhom, ikunu konformi mal-obbligi elenkati fl-Artikolu 28. Mid-data tal-applikazzjoni tagħhom sa tmiem is-sena finanzjarja jew tal-azzjoni koperti mill-kontribuzzjoni jew l-għotja mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, għandhom jibqgħu reġistrati fir-Reġistru u ma jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ebda waħda mis-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 32(1), il-punti (a)(vii) sa (ix).
3. Fondazzjoni politika Ewropea għandha tinkludi fl-applikazzjoni tagħha l-programm ta’ ħidma annwali jew il-pjan ta’ azzjoni tagħha.
4. L-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu jadotta deċiżjoni fi żmien tliet xhur wara l-għeluq tas-sejħa għal kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni jew tas-sejħa għal proposti, u għandu jawtorizza u jamministra l-approprjazzjonijiet korrispondenti, f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509.
5. Fondazzjoni politika Ewropea tista’ tapplika għall-fondi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni biss permezz tal-partit politiku Ewropew li miegħu tkun affiljata.
Artikolu 24
Kriterji għall-għoti u d-distribuzzjoni ta’ finanzjament
1. L-approprjazzjonijiet rispettivi għad-dispożizzjoni ta’ dawk il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej li jkunu ngħataw kontribuzzjonijiet jew għotjiet f’konformità mal-Artikolu 23 għandhom jiġu distribwiti kull sena fuq il-bażi tal-formula ta’ distribuzzjoni segwenti:
(a)
10 % għandhom jiġu distribwiti fost il-partiti politiċi Ewropej benefiċjarji f’ishma ndaqs;
(b)
90 % għandhom jiġu distribwiti fost il-partiti politiċi Ewropej benefiċjarji fi proporzjon mas-sehem tagħhom ta’ membri eletti tal-Parlament Ewropew.
L-istess formola ta’ distribuzzjoni għandha tintuża biex jingħata finanzjament lil fondazzjonijiet politiċi Ewropej, fuq il-bażi tal-affiljazzjoni tagħhom ma’ partit politiku Ewropew.
2. Id-distribuzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun ibbażata fuq in-numru ta’ membri eletti tal-Parlament Ewropew li jkunu membri tal-partit politiku Ewropew applikanti fid-data finali għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għal finanzjament, filwaqt li jitqies l-Artikolu 22(3).
Wara din id-data, kwalunkwe tibdil fin-numru ma għandux jaffettwa s-sehem rispettiv ta’ finanzjament bejn il-partiti politiċi Ewropej jew il-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. Dan mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit fl-Artikolu 22(1) li l-partiti politiċi Ewropej ikunu rappreżentati fil-Parlament Ewropew minn mill-inqas wieħed mill-Membri tagħhom.
Artikolu 25
Donazzjonijiet, kontribuzzjonijiet u riżorsi awtoġenerati
1. Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jistgħu jaċċettaw donazzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi sa valur ta’ EUR 18 000 kull sena għal kull donatur.
2. Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom, fil-mument tas-sottomissjoni tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali tagħhom f’konformità mal-Artikolu 28, jibagħtu wkoll lista tad-donaturi kollha bid-donazzjonijiet rispettivi tagħhom, u jindikaw kemm in-natura kif ukoll il-valur tad-donazzjonijiet individwali. Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll għal kontribuzzjonijiet magħmula minn partiti membri mill-Unjoni u l-organizzazzjonijiet tal-membri mill-Unjoni, għall-kontribuzzjonijiet li jaqbżu l-EUR 1 500 magħmula minn membri individwali tal-partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej u għal riżorsi awtoġenerati ta’ partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej.
Għal donazzjonijiet u kontribuzzjonijiet minn persuni fiżiċi li l-valur tagħhom jaqbeż l-EUR 1 500 fis-sena u għal kull donatur iżda jkun anqas jew ekwivalenti għal EUR 3 000, il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati għandhom jindikaw jekk il-persuni fiżiċi korrispondenti jkunux taw kunsens bil-miktub minn qabel għall-pubblikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 39(1), il-punt (e).
3. Id-donazzjonijiet riċevuti minn partiti politiċi Ewropej u minn fondazzjonijiet politiċi Ewropej fi żmien sitt xhur qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew għandhom, kull ġimgħa, ikunu rrappurtati bil-miktub lill-Awtorità, u f’konformità mal-paragrafu 2.
4. Donazzjonijiet uniċi li l-valur tagħhom jaqbeż it-EUR 12 000 li jkunu ġew aċċettati minn partiti politiċi Ewropej u minn fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jiġu immedjatament irrappurtati lill-Awtorità bil-miktub u f’konformità mal-paragrafu 2.
5. Għad-donazzjonijiet kollha li l-valur tagħhom jaqbeż it-EUR 3 000 fis-sena u għal kull donatur, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jitolbu li tali donaturi jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati kif xieraq. Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jittrażmettu l-informazzjoni li jirċievu lill-Awtorità meta din titlobha.
L-Awtorità għandha tistabbilixxi formola biex tintuża bl-iskop li jiġu identifikati d-donaturi, kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu.
6. Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej ma għandhom jaċċettaw l-ebda waħda minn dawn li ġejjin:
(a)
donazzjonijiet jew kontribuzzjonijiet anomini,
(b)
donazzjonijiet mill-baġit ta’ gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew;
(c)
donazzjonijiet minn kwalunkwe awtorità pubblika minn Stat Membru jew minn pajjiż terz, jew minn kull impriża li fuqha tali awtorità pubblika tista’ teżerċita direttament jew indirettament influwenza dominanti bis-saħħa tal-fatt li hija l-proprjetarja tagħha, li hija tipparteċipa fiha finanzjarjament, jew bis-saħħa tar-regoli li jirregolawha; jew
(d)
donazzjonijiet minn kwalunkwe entità privata bbażata f’pajjiż terz jew minn individwi minn pajjiż terz li mhumiex intitolati li jivvutaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.
7. Kull donazzjoni li ma tkunx permessa b’dan ir-Regolament għandha, fi żmien 30 jum wara d-data li fiha tkun rċevuta minn partit politiku Ewropew jew minn fondazzjoni politika Ewropea tintbagħat lura lid-donatur jew lil kwalunkwe persuna li taġixxi f’isem id-donatur. Meta ma jkunx possibbli li d-donazzjoni tiġi rritornata, din għandha tiġi rrappurtata lill-Awtorità u lill-Parlament Ewropew.
Meta tiġi rapportata donazzjoni, skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, = l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu jistabbilixxi l-ammont riċevibbli u jawtorizza l-irkupru f’konformità mad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikoli minn 98, 99 u 100 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509. Il-fondi għandhom jiddaħħlu bħala dħul ġenerali fit-taqsima tal-Parlament Ewropew tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.
8. L-Awtorità għandha tagħmel verifiki meta jkollha raġunijiet biex temmen li donazzjoni tkun ġiet aċċettata bi ksur ta’ dan ir-Regolament. Għal dan il-għan tista’ titlob informazzjoni addizzjonali mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea u d-donaturi tagħhom u tikkoopera mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri.
9. Għandhom ikunu permessi kontribuzzjonijiet lil partit politiku Ewropew mill-membri tiegħu, kemm jekk ikunu partiti membri mill-Unjoni kif ukoll ċittadini tal-Unjoni. Il-valur ta’ tali kontribuzzjonijiet ma għandux jeċċedi 40 % tal-baġit annwali ta’ dak il-partit politiku Ewropew.
10. Għandhom ikunu permessi kontribuzzjonijiet lil fondazzjoni politika Ewropea mill-membri tagħha, kemm jekk ikunu organizzazzjonijiet membri mill-Unjoni kif ukoll ċittadini tal-Unjoni, u mill-partit politiku Ewropew li miegħu hi affiljata. Il-valur ta’ tali kontribuzzjonijiet ma għandux jeċċedi l-40 % tal-baġit annwali ta’ dik il-fondazzjoni politika Ewropea, u ma jistgħux jiġu minn fondi rċevuti minn partit politiku Ewropew mill-baġit ġenerali tal-Unjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament.
Il-piż tal-prova għandu jaqa’ fuq il-partit politiku Ewropew konċernat, li għandu jindika b’mod ċar fil-kontijiet tiegħu l-oriġini tal-fondi użati biex jiffinanzja l-fondazzjoni politika Ewropea affiljata miegħu.
11. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 9 u 10, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jistgħu jaċċettaw minn ċittadini li jkunu membri tagħhom kontribuzzjonijiet sal-valur ta’ EUR 18 000 kull sena u għal kull membru, meta dawn il-kontribuzzjonijiet isiru mill-membru kkonċernat jew isiru f’ismu.
Il-limitu massimu stipulat fl-ewwel subparagrafu ma għandux japplika meta l-membru kkonċernat ikun ukoll membru elett tal-Parlament Ewropew, ta’ Parlament nazzjonali jew ta’ Parlament reġjonali jew assemblea reġjonali.
12. Kull kontribuzzjoni li mhijiex permessa skont dan ir-Regolament għandha tintbagħat lura f’konformità mal-paragrafu 7.
13. Il-valur tar-riżorsi awtoġenerati ta’ partit politiku Ewropew jew ta’ fondazzjoni politika Ewropea ma għandux jaqbeż it-3 % tal-baġit annwali ta’ dak il-partit politiku Ewropew u l-5 % tal-baġit annwali ta’ dik il-fondazzjoni politika Ewropea.
Artikolu 26
Finanzjament tal-kampanji fil-kuntest tal elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew
1. Suġġett għat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej mill-baġit ġenerali tal-Unjoni jew minn kwalunkwe sors ieħor jista’ jintuża biex jiffinanzja kampanji mmexxija minn partiti politiċi Ewropej fil-kuntest tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, li fihom huma, jew il-membri tagħhom, jipparteċipaw kif jeżiġi l-Artikolu 3(1), il-punt (g), inklużi l-attivitajiet politiċi Ewropej.
F’konformità mal-Artikolu 8 tal-Att dwar l-elezzjoni ta’ membri tal-Parlament Ewropew b’vot universali dirett (16), il-finanzjament, u l-limitazzjoni possibbli tal-ispejjeż għall-elezzjonijiet għall-partiti politiċi, il-kandidati kollha u t-terzi kollha, l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, flimkien mal-parteċipazzjoni tagħhom fihom, huma regolati f’kull Stat Membru minn dispożizzjonijiet nazzjonali.
2. In-nefqa marbuta mal-kampanji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu identifikati b’mod ċar bħala tali mill-partiti politiċi Ewropej fir-rapporti finanzjarji annwali tagħhom.
Artikolu 27
Projbizzjoni ta’ finanzjament
1. Minkejja l-Artikolu 26(1), il-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej mill-baġit ġenerali tal-Unjoni jew minn xi sors ieħor ma għandux jintuża għall-finanzjament dirett jew indirett ta’ partiti politiċi oħra, u b’mod partikolari l-partiti nazzjonali jew il-kandidati. Dawn il-partiti politiċi nazzjonali u l-kandidati għandhom jibqgħu jiġu regolati minn regoli nazzjonali.
2. Il-finanzjament ta’ fondazzjonijiet politiċi Ewropej mill-baġit ġenerali tal-Unjoni jew minn kwalunkwe sors ieħor ma għandux jintuża għall-ebda skop ieħor ħlief dak tal-finanzjament tal-kompiti tagħhom kif elenkati fl-Artikolu 2, il-punt (6), u biex jitħallas l-infiq marbut direttament mal-objettivi stabbiliti fl-istatuti tagħhom f’konformità mal-Artikolu 6. B’mod partikolari ma għandux jintuża għall-finanzjament dirett jew indirett ta’ elezzjonijiet, ta’ partiti politiċi, jew kandidati jew fondazzjonijiet oħra.
Il-projbizzjoni stabbilita fl-ewwel subparagrafu ma għandhiex twaqqaf lill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej milli jipprovdu bini tal-kapaċità biex jappoġġaw il-formazzjoni ta’ mexxejja politiċi futuri fl-Unjoni jew taħriġ lil persuni sad-data li fiha jsiru kandidati f’konformità mar-regoli nazzjonali jew sad-data li fiha jiġu nnominati fil-partit nazzjonali, skont liem tinzerta l-ewwel.
3. Il-finanzjament ta’ partiti politiċi Ewropej u ta’ fondazzjonijiet politiċi Ewropej mill-baġit ġenerali tal-Unjoni jew minn kwalunkwe sors ieħor ma għandux jintuża biex jiffinanzja kampanji referendarji.
KAPITOLU V
KONTROLL U SANZJONIJIET
Artikolu 28
Obbligi fejn jidħlu l-kontabbiltà, ir-rappurtar u l-awditjar
1. Mhux aktar tard minn sitt xhur wara tmiem is-sena finanzjarja, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jissottomettu lill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew, f’format miftuħ u li jinqara mill-magni, dan li ġej:
(a)
id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali tagħhom flimkien ma’ noti li jakkumpanjawhom, li jkopru d-dħul u l-infiq tagħhom, u l-assi u l-obbligazzjonijiet fil-bidu u fit-tmiem tas-sena finanzjarja, f’konformità mal-liġi applikabbli fl-Istat Membru li fih ikollhom is-sede tagħhom;
(b)
rapport tal-awditjar estern dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, li jkopri kemm l-affidabbiltà ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kif ukoll il-legalità u r-regolarità tad-dħul u l-infiq tagħhom, li jsir minn entità jew espert indipendenti;
(c)
il-lista ta’ donaturi u kontributuri u d-donazzjonijiet jew kontribuzzjonijiet korrispondenti tagħhom irrappurtati f’konformità mal-Artikolu 25(2), (3) u (4).
Mhux aktar tard minn sitt xhur wara tmiem is-sena finanzjarja, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jibagħtu wkoll kopja ta’ kwalunkwe sottomissjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-Awtorità u lill-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru tas-sede tagħhom. Dik il-kopja għandha tkun f’format miftuħ u li jinqara mill-magni.
2. Meta n-nefqa tiġi implimentata mill-partiti politiċi Ewropej konġuntement ma’ partiti politiċi nazzjonali jew minn fondazzjonijiet politiċi Ewropej konġuntement ma’ fondazzjonijiet politiċi nazzjonali, jew ma’ organizzazzjonijiet oħra, għandha tiġi inkluża fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali msemmija fil-paragrafi 1 evidenza tan-nefqa li jkunu għamlu l-partiti politiċi Ewropej jew il-fondazzjonijiet politiċi Ewropej direttament jew permezz ta’ dawn it-terzi.
3. L-entitajiet jew l-esperti esterni indipendenti msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), għandhom jintgħażlu, jingħataw mandat u jitħallsu mill-Parlament Ewropew. Huma għandhom jiġu awtorizzati kif xieraq biex jawditjaw il-kontijiet skont il-liġi applikabbli fl-Istat Membru li fih ikollhom is-sede tagħhom jew fejn ikunu stabbiliti.
4. Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jagħtu kwalunkwe informazzjoni li jitolbu l-entitajiet jew l-esperti indipendenti għar-raġuni tal-awditjar tagħhom.
5. L-entitajiet jew l-esperti indipendenti għandhom jinformaw lill-Awtorità u lill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew dwar kwalunkwe suspett ta’ attività illegali, frodi jew korruzzjoni li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-Awtorità u l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandhom jinformaw lill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali kkonċernati dwar dan.
Artikolu 29
Regoli ġenerali dwar il-kontroll
1. Il-kontroll tal-konformità mill-partiti politiċi Ewropej u mill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej mal-obbligi tagħhom b’dan ir-Regolament għandhu jiġi eżerċitat, f’kooperazzjoni, mill-Awtorità, mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew u mill-Istati Membri kompetenti.
2. L-Awtorità għandha tikkontrolla l-konformità tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej mal-obbligi tagħhom b’dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 3, l-Artikolu 4(1), il-punti (a), (b), (d), (e) u (f), l-Artikolu 4(3), l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(1), il-punti (a) sa (e), (g) u (k), l-Artikolu 11(5) u (6), u l-Artikoli 25, 26 u 27.
L-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu jikkontrolla l-konformità mill-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej mal-obbligi relatati mal-finanzjament mill-Unjoni skont dan ir-Regolament u skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509. Fit-twettiq ta’ dawn il-kontrolli, il-Parlament Ewropew għandu jieħu l-miżuri meħtieġa fl-oqsma tal-prevenzjoni tal-frodi u tal-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
3. Il-kontroll mill-Awtorità u mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandux jestendi għall-konformità tal-Partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej mal-obbligi tagħhom skont il-liġi nazzjonali applikabbli kif jingħad fl-Artikolu 19.
4. Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jagħtu kull informazzjoni mitluba mill-Awtorità, mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew, mill-Qorti tal-Awdituri, mill-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF) jew mill-Istati Membri li tkun meħtieġa għall-iskop li jsiru kontrolli li għalihom ikunu responsabbli skont dan ir-Regolament.
Fuq talba u għal raġunijiet ta’ kontroll ta’ konformità mal-Artikolu 25, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jagħtu lill-Awtorità informazzjoni rigward il-kontribuzzjonijiet magħmula minn membri individwali u l-identità ta’ dawn il-membri. Barra minn hekk, fejn xieraq, l-Awtorità tista’ tirrikjedi lill-partiti politiċi Ewropej li jagħtu dikjarazzjonijiet ta’ konferma ffirmati mill-membri li għandhom mandati eletti għal raġunijiet ta’ kontroll tal-konformità mal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 3(1), il-punt (b)(i).
Artikolu 30
Implimentazzjoni u kontroll fir-rigward tal-finanzjament mill-Unjoni
1. L-approprjazzjonijiet għall-finanzjament ta’ partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom ikunu determinati skont il-proċedura baġitarja annwali u għandhom jiġu implimentati f’konformità ma’ dan ir-Regolament u mar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509.
It-termini u l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjonijiet u għotjiet għandhom ikunu stabbiliti mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew fis-sejħa għal kontribuzzjonijiet u s-sejħa għall-proposti.
2. Il-kontroll tal-finanzjament riċevut mill-baġit ġenerali tal-Unjoni u l-użu tiegħu għandu jkun eżerċitat f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509.
Il-kontroll għandu jiġi eżerċitat ukoll fuq il-bażi ta’ ċertifikazzjoni annwali permezz ta’ awditjar estern u indipendenti, kif stipulat fl-Artikolu 28(1).
3. Il-Qorti tal-Awdituri għandha tħaddem is-setgħat ta’ awditjar tagħha f’konformità mal-Artikolu 287 TFUE.
4. Kull dokument jew informazzjoni meħtieġa mill-Qorti tal-Awdituri sabiex tkun tista’ twettaq il-kompitu tagħha għandu jiġi mgħoddi lilha fuq talba tagħha mill-partiti politiċi Ewropej u mill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej li jirċievu finanzjament f’konformità ma’ dan ir-Regolament.
5. Il-kontribuzzjoni u d-deċiżjoni jew il-ftehim għall-għotja għandhom jipprovdu espressament għall-awditjar mill-Parlament Ewropew u mill-Qorti tal-Awdituri, fuq il-bażi tar-rekords u fuq il-post, tal-partit politiku Ewropew li jkun irċieva kontribuzzjoni jew il-fondazzjoni politika Ewropea li tkun irċeviet għotja mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.
6. Il-Qorti tal-Awdituri u l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew, jew xi korp ieħor estern awtorizzat mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew, jistgħu jwettqu l-kontrolli u l-verifiki meħtieġa fil-post sabiex jivverifikaw il-legalità tan-nefqa u l-implimentazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni jew il-ftehim li bihom isiru l-kontribuzzjoni u l-għotja, u, fil-każ ta’ fondazzjonijiet politiċi Ewropej, l-implimentazzjoni korretta tal-programm ta’ ħidma jew l-azzjoni. Il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati għandhom ifornu kwalunkwe dokument jew informazzjoni meħtieġa biex dan il-kompitu jitwettaq.
7. L-OLAF jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, f’konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (18), bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interess finanzjarju tal-Unjoni b’rabta ma’ kontribuzzjonijiet jew għotjiet taħt dan ir-Regolament. Meta jkun xieraq, ir-riżultati tal-investigazzjonijiet tiegħu jistgħu jagħtu lok għal deċiżjonijiet ta’ rkupru mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew.
Artikolu 31
Sostenn tekniku
Is-sostenn tekniku kollu pprovdut mill-Parlament Ewropew lil partiti politiċi Ewropej għandu jsir skont il-prinċipju ta’ aċċess ugwali. Għandu jingħata fuq kundizzjonijiet xejn inqas favorevoli minn dawk li jgħoddu għal organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet esterni oħrajn li jistgħu jingħataw faċilitajiet simili u għandu jingħata kontra l-fornitura ta’ fattura u bi ħlas.
Artikolu 32
Sanzjonijiet
1. L-Awtorità għandha timponi sanzjonijiet finanzjarji fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
(a)
ksur mhux kwantifikabbli-:
(i)
fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 11(5) jew (6):
(ii)
f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-impenji meħuda u l-informazzjoni mogħtija minn partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea f’konformità mal-Artikolu 4(1), il-punti (a), (b), (d), (e) u (f), l-Artikolu 4(3) u mal-Artikolu 6(1), il-punti (a), (b), (d), (e) u (k);
(iii)
fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligi skont l-Artikolu 5(1);
(iv)
fil-każ ta’ nuqqas ta’konformità mal-obbligi skont l-Artikolu 5(2):
(v)
f’każ li ma tintbagħatx il-lista tad-donaturi flimkien mad-donazzjonijiet korrispondenti tagħhom, f’konformità mal-Artikolu 25(2) jew f’każ li ma jiġux irrappurtati d-donazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 25(3) u (4);
(vi)
meta partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jkunu kisru l-obbligi stipulati fl-Artikolu 28(1) jew fl-Artikolu 29(4);
(vii)
meta partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jkunu instabu f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 138(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509;
(viii)
meta l-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati jkunu fi kwalunkwe ħin bi ħsieb naqsu milli jagħtu informazzjoni jew bi ħsieb taw informazzjoni mhix korretta jew qarrieqa;
(ix)
meta, f’konformità mal-proċedura ta’ verifika prevista fl-Artikolu 15, jiġi stabbilit li partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jkunu influwenzaw, jew ippruvaw jinfluwenzaw, deliberatament l-eżitu tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew billi jkunu ħadu vantaġġ minn ksur tar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni ta’ data personali;
(b)
ksur kwantifikabbli:
(i)
meta partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jkunu aċċettaw donazzjonijiet u kontribuzzjonijiet li ma jkunux permessi skont l-Artikolu 25(1) jew (6), ħlief jekk ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 25(7);
(ii)
f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 26 u 27.
2. L-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew jista’ jeskludi partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea minn finanzjament futur mill-Unjoni sa ħames snin jew sa 10 snin f’każijiet ta’ ksur ripetut f’perjodu ta’ ħames snin, meta jkunu nstabu ħatja tal-ksur elenkat fil-paragrafu 1, il-punti (a)(vii) u (viii) ta’ dan l-Artikolu. Dan hu mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew kif stipulati fl-Artikolu 235 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509.
3. Għall-fini tal-paragrafi 1 u 2, għandhom jiġu imposti s-sanzjonijiet finanzjarji li ġejjin fuq partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea:
(a)
f’każijiet ta’ ksur mhux kwantifikabbli, perċentwali fiss tal-baġit annwali tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati kif ġej:
(i)
sa 5 %;
(ii)
minn 5 % sa 10 % jekk ikun hemm ksur parallel;
(iii)
minn 10 % sa 15 % jekk il-ksur ikkonċernat ikun ksur ripetut;
(iv)
minn 15 % sa 20 % fil-każ ta’ ksur ripetut ulterjuri;
(v)
terz tal-perċentwali stipulati fil-punt minn (i) sa (iv) jekk il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati jkunu volontarjament iddikjaraw il-ksur qabel ma l-Awtorità tkun uffiċjalment fetħet investigazzjoni, ukoll fil-każ ta’ ksur konkorrenti jew ta’ ksur ripetut, u l-partit jew il-fondazzjoni kkonċernati jkunu ħadu l-miżuri korrettivi xierqa;
(vi)
50 % tal-baġit annwali tas-sena preċedenti tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati, jekk il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati jkunu f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 138(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509.
(b)
f’każijiet ta’ ksur kwantifikabbli, perċentwali fiss tal-ammont tas-somom irregolari rċevuti jew mhux rappurtati, jew tas-somom użati għall-finanzjament ipprojbit skont l-Artikolu 27, f’konformità mal-iskala li ġejja, sa massimu ta’ 10 % tal-baġit annwali tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati:
(i)
100 % tas-somom irregolari riċevuti jew mhux irrapportati, jew tas-somom użati għall-finanzjament ipprojbit skont l-Artikolu 27, fejn dawk is-somom ma jaqbżux il-EUR 50 000;
(ii)
150 % tas-somom irregolari rċevuti jew mhux rappurtati jew tas-somom użati għall-finanzjament ipprojbit skont l-Artikolu 27, fejn dawk is-somom jaqbżu l-EUR 50 000 iżda ma jaqbżux il-EUR 100 000;
(iii)
200 % tas-somom irregolari rċevuti jew mhux rappurtati jew tas-somom użati għall-finanzjament ipprojbit skont l-Artikolu 27, fejn dawk is-somom jaqbżu l-EUR 100 000 iżda ma jaqbżux il-EUR 150 000;
(iv)
250 % tas-somom irregolari riċevuti jew mhux irrapportati, jew tas-somom użati għall-finanzjament ipprojbit skont l-Artikolu 27, fejn dawk is-somom jaqbżu l-EUR 150 000 iżda ma jaqbżux il-EUR 200 000;
(v)
300 % tas-somom irregolari riċevuti jew mhux irrapportati, jew tas-somom użati għall-finanzjament ipprojbit skont l-Artikolu 27, fejn dawk is-somom jaqbżu l-EUR 200 000;
(vi)
terz tal-perċentwali indikati fil-punti (i) sa (v) jekk il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati jkunu ddikjaraw il-ksur b’mod volontarju qabel ma l-Awtorità u/jew l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew ikunu uffiċjalment fetħu investigazzjoni u l-partit jew il-fondazzjoni kkonċernati jkunu ħadu l-miżuri korrettivi meħtieġa.
Għall-applikazzjoni tal-perċentwali indikati fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, kull donazzjoni, kontribuzzjoni, jew somma użata għal finanzjament ipprojbit skont l-Artikolu 27 għandhom jitqiesu b’mod separat.
4. Kull meta partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jkunu wettqu ksur li jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ sanzjoni finanzjarja u l-istess imġiba tiġġustifika t-tneħħija mir-Reġistru ta’ dak il-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea, l-Awtorità għandha tipproċedi biss għat-tneħħija mir-Reġistru tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati.
5. L-Awtorità għandha tirkupra l-ammonti korrispondenti mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea li fir-rigward tagħhom tagħhom ikunu ġew imposti sanzjonijiet finanzjarji.
6. Is-sanzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal perjodu ta’ limitazzjoni ta’ 10 snin mid-data meta jitwettaq il-ksur ikkonċernat jew, fil-każ ta’ ksur kontinwu jew ripetut, mid-data li fiha jieqaf dak il-ksur.
7. Meta deċiżjoni ta’ awtorità superviżorja nazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 15 tkun ġiet revokata jew meta jkun ingħata rimedju kontra tali deċiżjoni, u sakemm ir-rimedji nazzjonali kollha jkunu ġew eżawriti, l-Awtorità għandha twettaq rieżami ta’ xi sanzjoni li tkun ġiet imposta skont il-paragrafu 1, il-punt (a)(ix), ta’ dan l-Artikolu, fuq talba tal-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea inkwistjoni.
Artikolu 33
Responsabbiltà ta’ persuni fiżiċi
Meta l-Awtorità timponi sanzjoni finanzjarja fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 32(1), il-punti (a)(vii) jew (viii), hi tista’, għall-fini tal-irkupru skont l-Artikolu 36(2), tistabbilixxi li persuna fiżika li tkun membru tal-korp amministrattiv, tal-ġestjoni jew superviżorju tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea, jew li jkollha s-setgħat ta’ rappreżentanza, deċiżjonali jew ta’ kontroll fir-rigward tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea tkun ukoll responsabbli għall-ksur, fil-każijiet li ġejjin:
(a)
fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 32(1), il-punt (a)(vii), meta, fis-sentenza msemmija f’dik id-dispożizzjoni, il-persuna fiżika tkun instabet ukoll li tkun ukoll responsabbli għall-attivitajiet illegali kkonċernati;
(b)
fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 32(1), il-punt (a)(viii), meta il-persuna fiżika tkun ukoll responsabbli għall-imġiba jew l-ineżattezzi kkonċernati.
Artikolu 34
Kooperazzjoni bejn l-Awtorità, l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew u l-Istati Membri
1. L-Awtorità, l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew u l-Istati Membri permezz tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għandhom jaqsmu l-informazzjoni u jżommu lil xulxin informati regolarment dwar kwistjonijiet relatati mad-dispożizzjonijiet ta’ finanzjament, il-kontrolli u s-sanzjonijiet.
Għandhom jaqblu wkoll dwar arranġamenti prattiċi għal tali skambju ta’ informazzjoni, inklużi r-regoli rigward l-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali jew evidenza u l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri.
2. L-Awtorità u l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandhom regolarment jiskambjaw fehmiet u informazzjoni dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
3. L-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu jinforma lill-Awtorità dwar kwalunkwe sejbien li jista’ jwassal għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet skont l-Artikolu 32(1) sa (3), bil-għan li l-Awtorità titħalla tieħu l-miżuri xierqa. L-Awtorità għandha tieħu deċiżjoni dwar l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fiż żmien sitt xhur.
4. L-Awtorità għandha tinforma lill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew dwar kull deċiżjoni li tkun ħadet fir-rigward ta’ sanzjonijiet, bil-għan li tippermettilu jislet il-konsegwenzi xierqa skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509.
Artikolu 35
Miżuri korrettivi u prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba
1. Bil-għan li jkun hemm konformità sħiħa mal-obbligi msemmijin fl-Artikolu 41, qabel id-deċiżjoni finali tal-Awtorità relatata ma’ xi waħda mis-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 32(1), il-punti (a)(i) sa (vi), l-Awtorità jew l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandhom jagħtu lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati l-opportunità li jdaħħlu dawk il-miżuri meħtieġa biex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni fi żmien raġonevoli, li normalment ma għandux jaqbeż xahar. B’mod partikolari, l-Awtorità jew l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandhom jippermettu l-possibbiltà li jiġu korretti żbalji klerikali u aritmetiċi, li jingħataw dokumenti jew informazzjoni addizzjonali fejn meħtieġ jew li jiġu korreguti l-iżbalji minuri li jista’ jkun hemm.
2. Meta partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jonqsu milli jieħdu miżuri korrettivi fiż-żmien imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandha tittieħed deċiżjoni rigward l-impożizzjoni tas-sanzjonijiet xierqa msemmija fl-Artikolu 32.
Artikolu 36
It-terminazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ finanzjament b’effett futur
1. L-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu jittermina deċiżjoni ta’ finanzjament indirizzata lil partit politiku Ewropew jew lil fondazzjoni politika Ewropea b’effett għall-futur għar-raġunijiet li ġejjin:
(a)
deċiżjoni li tneħħi l-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea mir-Reġistru, dment li din ma tkunx ibbażata fuq ir-raġuni għat-tneħħija mir-Reġistru stabbilita fl-Artikolu 21(1), il-punt (a)(iv); jew
(b)
deċiżjoni ta’ sanzjoni bbażata fuq l-Artikolu 32(1), il-punti (a)(vii) u (viii).
Raġunijiet oħra għat-terminazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ finanzjament b’effett futur jistgħu jiġu previsti fil-ftehim ta’ kontribuzzjoni jew ta’ għotja.
2. Deċiżjoni li tiġi tterminata d-deċiżjoni ta’ finanzjament b’effett futur għandha tidħol fis-seħħ fid-data speċifikata fiha, jew, jekk l-ebda data mhija speċifikata fiha, fid-data li fiha hija tiġi nnotifikata lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea.
3. It-terminazzjoni tad-deċiżjoni ta’ finanzjament b’effett futur għandha jkollha l-konsegwenzi li ġejjin:
(a)
il-ftehim ta’ kontribuzzjoni jew ta’ għotja għandu jiġi tterminat mid-data msemmija fil-paragrafu 2;
(b)
il-pagamenti mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandhom ikunu limitati għan-nefqa rimborżabbli verament imġarrba mill-partit politiku Ewropew jew il-kostijiet eliġibbli verament imġarrba mill-fondazzjoni politika Ewropea sad-data msemmija fil-paragrafu 2;
(c)
in-nefqa jew il-kostijiet imġarrba mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea mid-data msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu kkwalifikati bħala nefqa mhux rimborżabbli jew kostijiet ineliġibbli;
(d)
l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu jirkupra l-fondi kollha tal-Unjoni mħallsa indebitament, inklużi:
(i)
fondi tal-Unjoni li ntefqu għal nefqa mhux rimborżabbli jew kostijiet ineliġibbli; u
(ii)
kwalunkwe prefinanzjament mhux użat tal-Unjoni li ma jkunx intefaq qabel id-data msemmija fil-paragrafu 2, inklużi fondi tal-Unjoni li ma ntefqux minn snin preċedenti; u
(e)
l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu jirkupra kwalunkwe ammonti mħallsa indebitament minn persuna fiżika li fir-rigward tagħha tkun ittieħdet deċiżjoni skont l-Artikolu 33, filwaqt li jqis, fejn applikabbli, ċirkostanzi eċċezzjonali relatati ma’ dik il-persuna fiżika.
Artikolu 37
L-irtirar ta’ deċiżjoni ta’ finanzjament b’effett retroattiv
1. Abbażi ta’ deċiżjoni, meħuda mill-Awtorità li tneħħi partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea mir-Reġistru, ibbażata fuq ir-raġuni għat-tneħħija mir-Reġistru stabbilita fl-Artikolu 21(1), il-punt (a)(iv), l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu jirtira d-deċiżjonijiet ta’ finanzjament indirizzati lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati b’effett retroattiv mid-data tal-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni.
2. L-irtirar tad-deċiżjoni ta’ finanzjament b’effett retroattiv għandu jkollu l-konsegwenzi li ġejjin:
(a)
il-ftehim ta’ kontribuzzjoni jew ta’ għotja għandu jiġi tterminat mid-data tan-notifika ta’ dik it-terminazzjoni lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati;
(b)
in-nefqa jew il-kostijiet kollha mġarrba mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea għandhom jiġu kkwalifikati bħala nefqa mhux rimborżabbli jew kostijiet ineliġibbli; u
(c)
kwalunkwe ammont imħallas fil-qafas tal-ftehim ta’ kontribuzzjoni jew għotja, u kwalunkwe fondi tal-Unjoni mhux minfuqa minn snin preċedenti, għandhom jitqiesu bħala pagamenti mhux dovuti u għandhom jiġu rkuprati skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509.
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 38
Għoti ta’ informazzjoni liċ-ċittadini
Suġġett għall-Artikoli 26 u 27 u għall-istatuti u l-proċessi interni tagħhom stess, il-partiti politiċi Ewropej jistgħu fil-kuntest tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jinfurmaw liċ-ċittadini tal-Unjoni bl-affiljazzjonijiet li jeżistu bejn il-partiti politiċi nazzjonali u l-kandidati u l-partiti politiċi Ewropej kkonċernati.
Artikolu 39
Trasparenza
1. Il-Parlament Ewropew jew l-Awtorità, f’konformità mad-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet tagħhom skont dan ir-Regolament, għandu jippubblika f’format miftuħ, li jinqara mill-magni fuq sit web maħluq apposta għal dan il-għan, dan li ġej:
(a)
l-ismijiet u l-istatuti tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej kollha rreġistrati, flimkien mad-dokumenti sottomessi bħala parti mill-applikazzjonijiet tagħhom għal reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 10, mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat wara li l-Awtorità tkun adottat id-deċiżjoni tagħha u, wara dan, kwalunkwe emendi nnotifikati lill-Awtorità skont l-Artikolu 11(5) u (6);
(b)
lista tal-applikazzjonijiet li ma jkunux ġew approvati, flimkien mad-dokumenti sottomessi bħala parti minnhom, flimkien mal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 10, u r-raġunijiet tar-rifjut, mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat wara li l-Awtorità tkun adottat id-deċiżjoni tagħha;
(c)
rapport annwali b’tabella tal-ammonti mħallsa lil kull partit politiku Ewropew u kull fondazzjoni politika Ewropea, għal kull sena finanzjarja li għaliha jkunu ġew irċevuti kontribuzzjonijiet jew li jkunu tħallsu għotjiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni,
(d)
id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali u r-rapporti ta’ awditjar estern imsemmija fl-Artikolu 28(1), u, fil-każ ta’ fondazzjonijiet politiċi Ewropej, ir-rapporti finali dwar l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ ħidma jew azzjonijiet;
(e)
l-ismijiet ta’ donaturi u d-donazzjonijiet korrispondenti tagħhom irrappurtati minn partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej f’konformità mal-Artikolu 25(2), (3) u (4), bl-eċċezzjoni ta’ donazzjonijiet minn persuni fiżiċi li l-valur tagħhom ma jaqbiżx l-EUR 1 500 fis-sena kull donatur, li għandhom jiġu rrappurtati bħala “donazzjonijiet minuri”; donazzjonijiet minn persuni fiżiċi li l-valur annwali tagħhom jaqbeż l-EUR 1 500 u jkun anqas minn jew ekwivalenti għal EUR 3 000 ma għandhomx jiġu ppubblikati mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel għall-pubblikazzjoni tagħhom tad-donatur; jekk ma jkun ingħata tali kunsens minn qabel, dawn id-donazzjonijiet għandhom jiġu rrappurtati bħala “donazzjonijiet minuri”; għandhom jiġu ppubblikati wkoll l-ammont totali ta’ donazzjonijiet minuri u n-numru ta’ donaturi għal kull sena kalendarja;
(f)
il-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25(9) u (10) u rrappurtati minn partiti politiċi Ewropej u minn fondazzjonijiet politiċi Ewropej f’konformità mal-Artikolu 25(2);
(g)
ir-riżorsi awtoġenerati msemmija fl-Artikolu 25(13) u rrappurtati minn partiti politiċi Ewropej u minn fondazzjonijiet politiċi Ewropej f’konformità mal-Artikolu 25(2);
(h)
matul is-sitt xhur qabel l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, ir-rapporti ta’ kull ġimgħa li jaslu skont l-Artikolu 25(3);
(i)
id-dettalji u r-raġunijiet ta’ kull deċiżjoni finali meħuda mill-Awtorità skont l-Artikolu 32, inkluż, fejn rilevanti, kull opinjoni adottata mill-kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti f’konformità mal-Artikoli 12 u 16, b’kunsiderazzjoni xierqa tar-Regolament (UE) 2018/1725;
(j)
id-dettalji ta’ kwalunkwe deċiżjoni finali meħuda mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 32;
(k)
deskrizzjoni tal-appoġġ tekniku pprovdut lill-partiti politiċi Ewropej;
(l)
ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u dwar l-attivitajiet iffinanzjati, kif jingħad fl-Artikolu 45;
(m)
lista aġġornata tal-membri tal-Parlament Ewropew li jkunu membri ta’ partit politiku Ewropew.
2. L-Awtorità għandha tippubblika l-lista tal-partiti membri li jkunu membri ta’ partit politiku Ewropew, kif annessa mal-istatuti tal-partit f’konformità mal-Artikolu 4(2), u aġġornata f’konformità mal-Artikolu 11(6), kif ukoll in-numru globali ta’ membri individwali.
3. Id-data personali għandha tiġi eskluża mill-pubblikazzjoni fis-sit web imsemmi fil-paragrafu 1 ħlief meta din id-data personali tiġi ppubblikata skont il-paragrafu 1, il-punti (a), (e) jew (g).
4. Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom, permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ privatezza li tkun disponibbli għall-pubbliku, jipprovdu lil membri u donaturi potenzjali l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2016/679, u għandhom jinfurmawhom li d-data personali tagħhom se tiġi pproċessata għal skopijiet ta’ awditjar u ta’ kontroll mill-Parlament Ewropew, mill-Awtorità, mill-OLAF, mill-Qorti tal-Awdituri, mill-Istati Membri, jew minn korpi jew esperti esterni li jkunu awtorizzati minnhom, u li d-data personali tagħhom għandha tiġi ppubblikata fis-sit web imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu bil-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu. L-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2018/1725, għandu jinkludi l-istess informazzjoni f’sejħiet għal kontribuzzjonijiet jew proposti kif jingħad fl-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 40
Il-protezzjoni tad-data personali
1. Fl-ipproċessar tad-data personali skont dan ir-Regolament, l-Awtorità, il-Parlament Ewropew u l-kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti msemmi fl-Artikolu 16 għandhom jikkonformaw mar-Regolament (UE) 2018/1725. Għall-għanijiet tal-ipproċessar tad-data personali, huma għandhom jitqiesu bħala kontrolluri tad-data f’konformità mal-Artikolu 3, il-punt (8), ta’ dan ir-Regolament.
2. Fl-ipproċessar tad-data personali skont dan ir-Regolament, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, l-Istati Membri meta jeżerċitaw kontroll fuq aspetti relatati mal-iffinanzjar tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej f’konformità mal-Artikolu 29, u l-korpi jew esperti indipendenti awtorizzati biex jivverifikaw il-kontijiet skont l-Artikolu 28(1) għandhom ikunu konformi mar-Regolament (UE) 2016/679 u mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont dan. Għall-għanijiet tal-ipproċessar tad-data personali, huma għandhom jitqiesu kontrolluri tad-data f’konformità mal-Artikolu 4, il-punt (7), ta’ dak ir-Regolament.
3. L-Awtorità, il-Parlament Ewropew u l-kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti imsemmijin fl-Artikolu 16 għandhom jiżguraw li d-data personali miġbura minnhom skont dan ir-Regolament ma tintużax għal kwalunkwe għan għajr dak li tiġi assigurata l-legalità, ir-regolarità u t-trasparenza tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej u s-sħubija tal-partiti politiċi Ewropej. Huma għandhom iħassru dik id-data personali kollha miġbura għal dik il-fini sa mhux aktar tard minn 24 xahar wara l-pubblikazzjoni tal-partijiet rilevanti f’konformità mal-Artikolu 39.
4. L-Istati Membri u l-korpi jew l-esperti indipendenti awtorizzati biex jivverifikaw il-kontijiet għandhom jużaw id-data personali li jirċievu biss sabiex jeżerċitaw kontroll fuq l-iffinanzjar tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. Huma għandhom iħassru din id-data personali f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli wara li tkun intbagħtet skont l-Artikolu 34.
5. Id-data personali tista’ tinżamm lil hinn mil-limiti ta’ żmien stipulati fil-paragrafu 3 jew minn dak previst mil-liġi nazzjonali applikabbli kif jingħad fil-paragrafu 4 jekk dan ikun meħtieġ għall-fini ta’ proċedimenti legali jew amministrattivi marbuta mal-finanzjament ta’ partit politiku Ewropew jew ta’ fondazzjoni politika Ewropea jew ta’ sħubija ta’ partit politiku Ewropew. Kull data personali bħal din għandha titħassar sa mhux aktar tard minn ġimgħa wara d-data tal-konklużjoni tat-tali proċedimenti permezz ta’ deċiżjoni finali, jew wara li jkun tlesta l-proċess ta’ kwalunkwe verifika, appell, litigazzjoni jew pretensjoni.
6. Il-kontrolluri tad-data msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jipproteġu d-data personali kontra qerda aċċidentali jew illegali, telf aċċidentali, tibdil jew żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, partikolarment meta l-ipproċessar ta’ tali data jinvolvi t-trażmissjoni tagħha fuq network, u kontra kull forma oħra illegali ta’ pproċessar.
7. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jkun responsabbli li jissorvelja u li jiżgura li l-Awtorità, il-Parlament Ewropew u l-kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti imsemmi fl-Artikolu 16 jirrispettaw u jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ persuni fiżiċi fl-ipproċessar ta’ data personali, f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju ġudizzjarju, kull suġġett tad-data jista’ jippreżenta lment għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jekk hu jew hi tqis li d-dritt tiegħu jew tagħha għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom ikun inkiser bħala riżultat tal-ipproċessar tagħha mill-Awtorità, mill-Parlament Ewropew jew minn dak il-kumitat.
8. Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, l-Istati Membri u l-entitajiet jew l-esperti indipendenti awtorizzati biex jawditjaw il-kontijiet skont dan ir-Regolament għandhom ikunu responsabbli f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli għal kwalunkwe dannu li jikkawżaw fl-ipproċessar tad-data personali skont dan ir-Regolament. L-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679, għandhom jiżguraw li jiġu applikati sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-każ ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 41
Id-dritt li wieħed jinstema’
Qabel ma l-Awtorità jew l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew jieħdu deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod negattiv id-drittijiet ta’ partit politiku Ewropew, ta’ fondazzjoni politika Ewropea, ta’ applikant kif imsemmi fl-Artikolu 10 jew ta’ persuna fiżika kif imsemmi fl-Artikolu 33, għandhom jisimgħu r-rappreżentanti tal-partit politiku Ewropew, tal-fondazzjoni politika Ewropea jew tal-applikant, jew lil-persuna fiżika kkonċernati. L-Awtorità jew il-Parlament Ewropew għandhom jiddikjaraw debitament ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħhom.
Artikolu 42
Id-dritt għal appell
Id-deċiżjonijiet li jittieħdu skont dan ir-Regolament jistgħu jkunu s-suġġett ta’ proċedimenti tal-qorti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-TFUE.
Artikolu 43
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa li jiġu adottati atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 9(2) u fl-Artikolu 10(3) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat mit-28 ta’ Diċembru 2025.
3. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 9(2) u fl-Artikolu 10(3) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’din id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità ta’ ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 9(2) jew l-Artikolu 10(3) għandu jidħol fis-seħħ biss meta ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill f’perjodu ta’ xahrejn min-notifika tal-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dan il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu għarrfu lill-Kummissjoni li huma ma jkunux se joġġezzjonaw. Dan il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn b’inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 44
Proċedura ta’ kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 45
Evalwazzjoni
Il-Parlament Ewropew għandu, wara li jikkonsulta l-Awtorità, jippubblika fi żmien sena mill-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u dwar l-attivitajiet iffinanzjati. Ir-rapport għandu jindika, fejn xieraq, emendi li jistgħu jsiru fl-istatut u fis-sistemi ta’ finanzjament.
Mhux aktar minn sena wara l-pubblikazzjoni tar-rapport mill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta biex temenda dan ir-Regolament. Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jagħti attenzjoni partikolari lill-implikazzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għall-pożizzjoni tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej iż-żgħar u għar-regoli li jmexxu l-finanzjament tal-fondazzjonijet politiċi Ewropej.
Artikolu 46
Applikazzjoni effikaċi
L-Istati Membri għandhom jagħmlu tali dispożizzjoni kif ikun xieraq biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 47
Dispożizzjoni tranżitorja
1. Il-passi proċedurali meħuda taħt ir-Regolamenti (UE, Euratom) Nru 1141/2014 għandu jibqa’ jkollhom effett għall-fini tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
2. B’deroga mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45, fir-rigward tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-2024, il-Parlament Ewropew għandu jippubblika r-rapport imsemmi fih sad-29 ta’ Ġunju 2026.
Artikolu 48
Revoka
Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 huwa mħassar.
Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.
Artikolu 49
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu japplika għall-finanzjament skont dan ir-Regolament għal attivitajiet li jibdew fis-sena baġitarja 2027 jew wara.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Novembru 2025.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
M. BJERRE
(1) ĠU C 275, 18.7.2022, p. 66.
(2) ĠU C 301, 5.8.2022, p. 102.
(3) ĠU C 182, 4.5.2022, p. 14.
(4) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Ottubru 2025 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2025
(5) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/1141/oj).
(6) Ara l-Anness II.
(7) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2016/512/oj.
(8) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).
(9) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
(10) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).
(11) Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
(12) Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
(13) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).
(14) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ Uffiċjali Oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1968/259(1)/oj).
(15) Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1958/1(1)/oj).
(16) ĠU L 278, 8.10.1976, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1976/787(2)/oj.
(17) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/883/oj).
(18) Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fil-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1996/2185/oj).
ANNESS I
Dikjarazzjoni formali standard li għandha timtela minn kull applikant
Il-persuna iffirmata hawn taħt, li ngħatat mandat sħiħ minn … [isem il-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea], b’dan tiċċertifika li:
… [isem tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea] u l-partiti u l-organizzazzjonijiet membri huma impenjati li jirrispettaw il-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni stipulati fl-Artikolu (3)(1), il-punti (d) u (e), jew fl-Artikolu (3)(2), il-punti (c) u (d), tar-Regolament (UE, Euratom) 2025/2445, jiġifieri li fil-programmi tagħhom u fl-attivitajiet tagħhom, jimxu mal-valuri li fuqhom hi msejsa l-Unjoni, stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jiġifieri r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għall-minoranzi.
Firmatarju awtorizzat:
Titolu (Sa, Sur., …), kunjom u isem:
Kariga fl-organizzazzjoni li qed tapplika għal reġistrazzjoni bħala partit politiku Ewropew/fondazzjoni politika Ewropea:
Post/data:
Firma:
ANNESS II
Ir-Regolament imħassar flimkien mal-lista tal-emendi suċċessivi tiegħu
Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1)
Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(ĠU L 114 I, 4.5.2018, p. 1)
Ir-Regolament (UE, Euratom) 2019/493 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(ĠU L 85 I, 27.3.2019, p. 7)
ANNESS III
Tabella ta’ Korrelazzjoni
Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014
Dan ir-Regolament
Artikolu 1
Artikolu 1
Artikolu 2, kliem introduttorju
Artikolu 2, kliem introduttorju
Artikolu 2, punt 1
Artikolu 2, punt 1
—
Artikolu 2, punt 2
Artikolu 2, punt 2
Artikolu 2, punt 3
Artikolu 2, punt 3
Artikolu 2, punt 4
—
Artikolu 2, punt 5
Artikolu 2, punti 4 sa 8
Artikolu 2, punti 6 sa 10
—
Artikolu 2, punt 11
—
Artikolu 2, punt 12
—
Artikolu 2, punt 13
Artikolu 2, punti 9 sa 13
Artikolu 2, punti 14 sa 18
Artikolu 3(1), kliem introduttorju
Artikolu 3(1), kliem introduttorju
Artikolu 3(1), punt (a)
Artikolu 3(1), punt (a)
Artikolu 3(1), punt (b)
Artikolu 3(1), punt (b)
Artikolu 3(1), punt (ba)
Artikolu 3(1), punt (c)
Artikolu 3(1), punt (c)
Artikolu 3(1), punt (d)
—
Artikolu 3(1), punti (e) u (f)
Artikolu 3(1), punt (d)
Artikolu 3(1), punt (g)
Artikolu 3(1), punt (e)
Artikolu 3(1), punt (h)
Artikolu 3(2), kliem introduttorju
Artikolu 3(2), kliem introduttorju
Artikolu 3(2), punt (a)
Artikolu 3(2), punt (a)
Artikolu 3(2), punt (b)
Artikolu 3(2), punt (b)
Artikolu 3(2), punt (c)
Artikolu 3(2), punt (c)
—
Artikolu 3(2), punt (d)
—
Artikolu 3(2), punt (e)
Artikolu 3(2), punt (d)
Artikolu 3(2), punt (f)
Artikolu 3(2), punti (e)
Artikolu 3(2), punt (g)
Artikolu 3(2), punt (f)
Artikolu 3(2), punt (h)
Artikolu 3(3)
Artikolu 3(3)
Artikolu 4(1)
Artikolu 4(1)
Artikolu 4(2)
Artikolu 4(2)
—
Artikolu 4(3)
Artikolu 4(3)
Artikolu 4(4)
—
Artikolu 5
Artikolu 5(1), punti (a) sa (i)
Artikolu 6(1), punti (a) sa (i)
—
Artikolu 6(1), punti (j) u (k)
Artikolu 5(2)
Artikolu 6(2)
—
Artikolu 7
Artikolu 6
Artikolu 8
Artikolu 7
Artikolu 9
Artikolu 8
Artikolu 10
Artikolu 9
Artikolu 11
Artikolu 10(1)
Artikolu 12(1)
Artikolu 10(2)
Artikolu 12(2)
—
Artikolu 12(3) u (4)
Artikolu 10(3)
Artikolu 13(1)
—
Artikolu 13(2) sa (6)
Artikolu 10(3)
Artikolu 13(7)
Artikolu 10(4)
Artikolu 13(8)
Artikolu 10(4)
Artikolu 13(9)
—
Artikolu 13(10)
Artikolu 10(4)
Artikolu 13(11)
Artikolu 10(5)
—
Artikolu 10(6)
—
Artikolu 16(3)
Artikolu 14
Artikolu 10a
Artikolu 15
Artikolu 11
Artikolu 16
Artikolu 12
Artikolu 17
Artikolu 13
Artikolu 18
Artikolu 14
Artikolu 19
Artikolu 15
Artikolu 20
Artikolu 16(1), (2) u (3)
Artikolu 21(1)
—
Artikolu 21(2)
Artikolu 16(1)
Artikolu 16(4)
Artikolu 21(3)
—
Artikolu 16(5)
Artikolu 21(4)
Artikolu 16(6)
Artikolu 21(5)
Artikolu 16(7)
Artikolu 21(6)
Artikolu 17
Artikolu 22
Artikolu 18
Artikolu 23
Artikolu 19
Artikolu 24
Artikolu 20(1)
Artikolu 25(1)
Artikolu 20(2)
Artikolu 25(2)
Artikolu 20(3)
Artikolu 25(3)
Artikolu 20(4)
Artikolu 25(4)
—
Artikolu 25(5)
Artikolu 20(5)
Artikolu 25(6)
Artikolu 20(6)
Artikolu 25(7)
—
Artikolu 25(8)
Artikolu 20(7)
Artikolu 25(9) sa (12)
Artikolu 20(8)
Artikolu 25(10)
Artikolu 20(9)
Artikolu 25(11)
Artikolu 20(10)
Artikolu 25(12)
—
Artikolu 25(13)
Artikolu 21
Artikolu 26
Artikolu 22
Artikolu 27
Artikolu 23
Artikolu 28
Artikolu 24
Artikolu 29
Artikolu 25
Artikolu 30
Artikolu 26
Artikolu 31
Artikolu 27(1)
—
Artikolu 27(2)
Artikolu 32(1)
Artikolu 27(3)
Artikolu 32(2)
Artikolu 27(4)
Artikolu 32(3)
Artikolu 27(5)
Artikolu 32(4)
—
Artikolu 32(5)
Artikolu 27(6)
Artikolu 32(6)
Artikolu 27(7)
Artikolu 32(7)
Artikolu 27a
Artikolu 33
Artikolu 28(1) u (2)
Artikolu 34(1)
—
Artikolu 34(2)
Artikolu 28(3)
Artikolu 34(3)
Artikolu 28(4)
Artikolu 34(4)
Artikolu 29
Artikolu 30
Artikolu 35
—
—
Artikolu 36
—
Artikolu 37
Artikolu 31
Artikolu 38
Artikolu 32(1), kliem introduttorju
Artikolu 39(1), kliem introduttorju
Artikolu 32(1), punti (a) sa (f)
Artikolu 39(1), punti (a) sa (f)
—
Artikolu 39(1), punti (g) u (h)
Artikolu 32(1), punt (g)
Artikolu 39(1), punt (i)
Artikolu 32(1), punt (h)
Artikolu 39(1), punt (j)
Artikolu 32(1), punt (i)
Artikolu 39(1), punt (k)
Artikolu 32(1), punt (j)
Artikolu 32(1), punt (j)
Artikolu 39(1), punt (l)
Artikolu 39(1), punt (m)
Artikolu 32(2)
Artikolu 39(2)
Artikolu 32(3)
Artikolu 39(3)
Artikolu 32(4)
Artikolu 39(4)
Artikolu 33
Artikolu 40
Artikolu 34
Artikolu 41
Artikolu 35
Artikolu 42
Artikolu 36(1)
Artikolu 43(1)
Artikolu 36(2)
Artikolu 43(2)
Artikolu 36(3)
Artikolu 43(3)
—
Artikolu 43(4)
Artikolu 36(4)
Artikolu 43(5)
Artikolu 36(5)
Artikolu 43(6)
Artikolu 37
Artikolu 44
Artikolu 38
Artikolu 45
Artikolu 39
Artikolu 46
Artikolu 40a
Artikolu 47
Artikolu 40
Artikolu 48
Artikolu 41
Artikolu 49
Anness
Anness I
—
Anness II
—
Anness III
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2445/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)
Top