SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)
30 ta’ April 2009 ( *1 )
“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-consoles tal-logħob vidjo (video games) u tal-cartridges tal-logħob kompatibbli mal-consoles tal-logħob Nintendo — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Limitazzjoni tal-esportazzjoni parallela — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Multi — Trattament differenzjat — Effett dissważiv — Tul tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva”
Fil-Kawża T-12/03,
Itochu Corp., stabbilita f’Tokyo (il-Ġappun), irrappreżentata minn Y. Shibasaki, G. van Gerven u T. Franchoo, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata inizjalment minn P. Hellström u O. Beynet, sussegwentement minn F. Castillo de la Torre u O. Beynet, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tal-Artikoli 1, 3 u 5 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/675/KE, tat-30 ta’ Ottubru 2002, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/35.587 PO Video Games, COMP/35.706 PO Nintendo Distribution u COMP/36.321 Omega — Nintendo) (ĠU 2003, L 255, p. 33), sa fejn jirreferu għar-rikorrenti, jew, b’mod sussidjarju, talba għat-tnaqqis tal-multa imposta fuqha,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tmien Awla),
komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Papasavvas u N. Wahl (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Mejju 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1. L-impriżi inkwistjoni
1
Nintendo Co., Ltd (iktar ’il quddiem “NCL” jew “Nintendo”), kumpannija kkwotata fil-Borża li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Kyoto (il-Ġappun), hija l-kumpannija li tikkontrolla l-grupp ta’ kumpanniji Nintendo, li jispeċjalizzaw fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ consoles tal-logħob vidjo (video games) u ta’ cartridges tal-logħob li jintużaw ma’ dawn il-consoles.
2
L-attivitajiet ta’ Nintendo fiż-Żona Ekonomika Ewropeja (ŻEE) huma mmexxija, f’ċerti territorji, minn sussidjarji miżmuma 100% minnha, filwaqt li s-sussidjarja prinċipali hija Nintendo of Europe GmbH (iktar ’il quddiem “NOE” jew “Nintendo”). Fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni, NOE kienet tikkoordina ċerti attivitajiet kummerċjali ta’ Nintendo fl-Ewropa u kienet id-distributur esklużiv tagħha fil-Ġermanja.
3
F’territorji ta’ bejgħ oħra, Nintendo appuntat distributuri esklużivi indipendenti. B’hekk, f’Awwissu 1995, The Games Ltd, taqsima kummerċjali ta’ John Menzies Distribution Ltd, sussidjarja miżmuma 100% minn John Menzies plc, saret id-distributur esklużiv ta’ Nintendo għar-Renju Unit u l-Irlanda, u baqgħet distributur esklużiv mill-inqas sal-31 ta’ Diċembru 1997.
4
Mill-14 ta’ Mejju 1991 sat-, Itochu Hellas EPE, sussidjarja miżmuma 100%, direttament jew indirettament, mir-rikorrenti, Itochu Corp., kumpannija li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha u li hija stabbilita fil-Ġappun, jew mis-sussidjarji tagħha (fosthom Itochu Europe), kienet, min-naħa tagħha, id-distributur esklużiv indipendenti ta’ Nintendo għall-Greċja.
2. Il-proċedura amministrattiva
Investigazzjoni dwar is-settur tal-logħob vidjo (Każ IV/35.587 PO Video Games)
5
F’Marzu 1995, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni dwar is-settur tal-logħob vidjo (Każ IV/35.587 PO Video Games). Fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni bagħtet, fis-26 ta’ Ġunju u fid-19 ta’ Settembru 1995, talbiet għal informazzjoni lil Nintendo, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-, l-Ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat [KE] (ĠU 1962, 13, p. 204), sabiex tikseb informazzjoni b’mod partikolari dwar id-distributuri u s-sussidjarji tagħha, dwar il-ftehim ta’ distribuzzjoni formalment konklużi ma’ dawn l-impriżi u dwar il-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ. NOE wieġbet għal dawn it-talbiet permezz ta’ ittri tal- u tas-.
Investigazzjoni addizzjonali speċifikament dwar is-sistema ta’ distrubuzzjoni ta’ Nintendo (Każ IV/35.706 PO Nintendo Distribution)
6
B’riżultat tal-konklużjonijiet preliminari tagħha, il-Kummissjoni bdiet, f’Settembru 1995, investigazzjoni addizzjonali speċifikament dwar is-sistema ta’ distribuzzjoni ta’ Nintendo (Każ IV/35.706 PO Nintendo Distribution).
7
Fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni, fid-9 ta’ Ottubru 1995, bagħtet talba għal informazzjoni lil Nintendo. Saru diversi laqgħat dwar il-politika ta’ distribuzzjoni ta’ Nintendo bejn ir-rappreżentanti ta’ Nintendo u l-Kummissjoni. Barra minn hekk, Nintendo pprovdiet diversi verżjonijiet tal-ftehim li hija kkonkludiet ma’ wħud mid-distributuri tagħha.
Investigazzjoni b’riżultat tal-ilment li sar minn Omega Electro BV (Każ IV/36.321 Omega — Nintendo)
8
Fis-26 ta’ Novembru 1996, Omega Electro, kumpannija li topera fis-settur tal-importazzjoni u l-bejgħ tal-logħob elettroniku, għamlet ilment skont l-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament Nru 17, li essenzjalment kien jikkonċerna d-distribuzzjoni tal-cartridges u tal-consoles tal-logħob Nintendo, minħabba li, b’mod partikolari, Nintendo kienet qiegħda tostakola l-kummerċ parallel u kienet tuża sistema ta’ prezz impost għall-bejgħ mill-ġdid fl-Olanda. B’riżultat ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni estendiet l-investigazzjoni tagħha (Każ IV/36.321 Omega — Nintendo). Fis-, hija bagħtet talba għal informazzjoni lil Nintendo u lil John Menzies. Fir-risposta tagħha tas-, Nintendo ammettiet li wħud mill-ftehim ta’ distribuzzjoni tagħha u wħud mill-kundizzjonijiet ġenerali tagħha kellhom restrizzjonijiet għall-kummerċ parallel fiż-ŻEE. F’Ottubru 1997, il-Kummissjoni bagħtet talba ġdida għal informazzjoni lil John Menzies, li għaliha din tal-aħħar wieġbet fl- billi pprovdiet ċerta informazzjoni dwar l-akkordju kontenzjuż.
9
Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Diċembru 1997, Nintendo indikat lill-Kummissjoni li hija kienet saret taf bi “problema serja relatata mal-kummerċ parallel fil-Komunità” u esprimiet ix-xewqa tagħha li tikkoopera mal-Kummissjoni.
10
Fit-13 ta’ Jannar 1998, John Menzies ipprovdiet iktar informazzjoni. Fil-, fl- u fil-, Nintendo bagħtet lill-Kummissjoni mijiet ta’ dokumenti. Fil- saret laqgħa bejn il-Kummissjoni u r-rappreżentanti ta’ Nintendo li fiha tqajmet il-kwistjoni tal-eventwali għoti ta’ kumpens lil terzi ppreġudikati mill-akkordju kontenzjuż.
11
Barra minn hekk, b’riżultat tal-ammissjoni tagħha, Nintendo ħadet miżuri sabiex fil-futur tiġi ggarantita l-osservanza tad-dritt Komunitarju u offriet kumpens finanzjarju lil terzi li kienu ġarrbu preġudizzju finanzjarju minħabba l-aġir tagħha.
12
Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Ġunju 1999, il-Kummissjoni talbet lil Itochu Hellas tindikalha jekk id-dokumenti li kienu jikkonċernawha u li kienu jinsabu fil-fajls tal-Kummissjoni kellhomx informazzjoni kunfidenzjali. F’din l-ittra ġie indikat ukoll li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tibda proċedura formali kontra ċerti kumpanniji, fosthom Itochu Hellas.
13
Fis-26 ta’ April 2000, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil Nintendo u lill-kumpanniji kkonċernati l-oħra, b’mod partikolari lil Itochu b’kopja lil Itochu Hellas, fir-rigward ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”). Nintendo u l-impriżi kkonċernati l-oħra bagħtu, b’risposta għall-oġġezzjonijiet indikati mill-Kummissjoni, noti ta’ osservazzjonijiet li fihom Nintendo u numru minn dawn l-impriżi talbu l-applikazzjoni tal-Avviż tal-Kummissjoni tat- dwar in-non-impożizzjoni ta’ multi u t-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ akkordji bejn l-impriżi (ĠU C 207, p. 4, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni”). Ebda parti ma talbet li tinżamm seduta formali. Nintendo ma kkontestatx il-verità tal-fatti deskritti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.
14
Fit-28 ta’ Lulju 2000 intbagħtet risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-Kummissjoni f’isem Itochu u Itochu Hellas. F’din ir-risposta ġie indikat, b’mod partikolari, li, peress li ma kien sar ebda kontroll fuq l-attivitajiet ta’ Itochu Hellas minn Itochu, din tal-aħħar kellha tiġi injorata għall-finjiet tal-proċedura.
15
Fil-31 ta’ Ottubru 2001, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lil Itochu Europe sabiex, b’mod partikolari, tikseb informazzjoni dwar l-istatuti u t-tħaddim intern ta’ Itochu Hellas u ta’ Itochu Europe. Għal din it-talba ngħatat risposta, f’isem dawn iż-żewġ kumpanniji, permezz ta’ ittra tas-. Permezz ta’ ittra tad-, il-Kummissjoni bagħtet talba lil Itochu dwar, b’mod partikolari, ir-rapport annwali ta’ din tal-aħħar. Għal din it-talba ngħatat risposta permezz ta’ ittra tas-.
3. Id-deċiżjoni kkontestata
16
Fit-30 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/675/KE, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/35.587 PO Video Games, COMP/35.706 PO Nintendo Distribution u COMP/36.321 Omega — Nintendo) (ĠU 2003, L 255, p. 33, iktar ’il quddiem id-“ Deċiżjoni”). Id-Deċiżjoni ġiet innotifikata lil Itochu fil-.
17
Id-deċiżjoni tinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin:
“L-Artikolu 1
L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 81(1) [KE] u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, għall-perijodi indikati, f’numru ta’ ftehim u ta’ prattiki miftehma, fis-swieq tal-consoles tal-logħob speċjalizzati u tal-cartridges tal-logħob kompatibbli mal-consoles tal-logħob speċjalizzati mmanifatturati minn Nintendo, li għandhom bħala għan u effett li jirrestrinġu l-esportazzjoni parallela tal-consoles u tal-cartridges tal-logħob Nintendo:
[…]
—
Itochu […], mis-16 ta’ Diċembru 1991 sat-,
[…]
Artikolu 3
Il-multi li ġejjin huma imposti bħala penali għall-ksur imwettaq mill-impriżi msemmija fl-Artikolu 1:
[…]
—
Itochu […], multa ta’ EUR 4.5 miljuni,
[…]
Artikolu 5
Din id-deċiżjoni hija indirizzata lil:
[…]
—
Itochu […]
[…]”
18
Sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat, fid-Deċiżjoni, il-metodu spjegat fil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”). Għall-kuntrarju, hija ddeċidiet li ma tapplikax l-Avviż dwar il-kooperazzjoni minħabba n-natura vertikali tal-ksur.
19
Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ddeterminat l-ammont bażiku tal-multi skont il-gravità u t-tul tal-ksur.
20
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, ikkunsidrat li l-impriżi kkonċernati kienu wettqu ksur serju ħafna fid-dawl tan-natura tiegħu, tal-effetti konkreti tiegħu fuq is-suq u tad-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat.
21
It-tieni nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li, peress li l-ksur wieħed u kontinwu inkwistjoni kien jikkonċerna diversi impriżi ta’ daqs differenti ħafna, l-impriżi kkonċernati kellhom jingħataw trattament differenzjat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku ta’ kull waħda minnhom u, għalhekk, tal-effetti reali tal-aġir illegali tagħhom fuq il-kompetizzjoni. Għal dan il-għan, l-impriżi inkwistjoni tqassmu fi tliet gruppi, skont l-importanza relattiva ta’ kull waħda minnhom fil-konfront ta’ Nintendo, bħala distributur tal-prodotti kkonċernati fiż-ŻEE. Dan il-paragun sar b’riferiment għas-sehem ta’ kull impriża fil-volum totali tal-consoles u tal-cartridges tal-logħob Nintendo mixtrija sabiex jiġu ddistribwiti fiż-ŻEE fl-1997, l-aħħar sena li fiha kien hemm il-ksur. Abbażi ta’ dan, Nintendo biss tpoġġiet fl-ewwel grupp filwaqt li John Menzies biss tpoġġiet fit-tieni grupp. Għal dawn l-impriżi, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont ta’ tluq preliminari fir-rigward tal-gravità bħala EUR 23 miljun fil-każ ta’ Nintendo u bħala EUR 8 miljuni fil-każ ta’ John Menzies. Fir-rigward ta’ Itochu u tal-impriżi l-oħra kkonċernati, ġie stabbilit ammont ta’ tluq preliminari ta’ EUR 1 miljun.
22
Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett suffiċjentement dissważiv, minn naħa, u sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi totali ta’ Nintendo, ta’ John Menzies u ta’ Itochu, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni żiedet dawn l-ammonti ta’ tluq. B’mod iktar speċifiku, fir-rigward ta’ Nintendo, il-Kummissjoni kkunsidrat li minbarra d-daqs tagħha, li huwa ħafna iżgħar minn dak ta’ Itochu, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li hija kienet tipproduċi l-prodotti li kienu s-suġġett tal-ksur. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ 3 għall-ammonti stabbiliti għal Nintendo u għal Itochu, u ta’ 1.25 għal John Menzies, b’tali mod li l-ammonti ta’ tluq ġew stabbiliti għal EUR 69 miljun fil-każ ta’ Nintendo, għal EUR 10 miljuni fil-każ ta’ John Menzies u għal EUR 3 miljuni fil-każ ta’ Itochu.
23
Fir-rigward tat-tul tal-ksur imwettaq minn kull impriża, l-ammont ta’ tluq ġie miżjud b’10% fis-sena, jiġifieri żieda ta’ 50% għal Itochu.
24
Għalhekk, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Itochu bħala EUR 4.5 miljuni.
25
Fit-tieni lok, fir-rigward taċ-ċirkustanzi aggravanti, l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Nintendo ġie miżjud, minn naħa, b’50% minħabba li din l-impriża kellha rwol ta’ mexxej fil-ksur jew ta’ provokatur tal-ksur u, min-naħa l-oħra, b’25% minħabba li hija kienet kompliet bil-ksur wara l-ewwel atti ta’ investigazzjoni li saru f’Ġunju 1995 fil-kuntest tal-investigazzjoni mill-Kummissjoni. L-ammont bażiku tal-multa imposta fuq John Menzies ġie miżjud b’20%, żieda li tikkorrispondi, l-ewwel nett, għal żieda ta’ 10% sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li hija kienet kompliet bil-ksur wara l-bidu tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni u, it-tieni nett, għal żieda ta’ 10% minħabba li rrifjutat li tikkoopera mal-Kummissjoni.
26
Fit-tielet lok, fil-kuntest tal-eżami taċ-ċirkustanzi attenwanti, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, ikkunsidrat li kien ġustifikat li titnaqqas il-multa imposta fuq waħda mill-impriżi kkonċernati, jiġifieri Concentra — Produtos para crianças, SA (iktar ’il quddiem “Concentra”), distributur esklużiv ta’ Nintendo għall-Portugal, minħabba r-rwol esklużivament passiv tagħha fil-biċċa l-kbira tal-perijodu inkwistjoni. Il-Kummisjoni, it-tieni nett, tat lil Nintendo tnaqqis ta’ EUR 300000, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-kumpens finanzjarju offert minn din l-impriża lil terzi ppreġudikati mill-akkordju kontenzjuż u li kienu ġew identifikati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fl-aħħar nett, ingħata tnaqqis ta’ 40% u ta’ 25% lil John Menzies u lil Nintendo rispettivament fid-dawl tal-kooperazzjoni effettiva tagħhom mal-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-impriżi kkonċernati l-oħra ma ġiet rikonoxxuta ebda ċirkustanza attenwanti.
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
27
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Jannar 2003, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.
28
Abbażi tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.
29
It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tal-20 ta’ Mejju 2008.
30
Ir-rikorrenti talbet li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
—
tannulla l-Artikoli 1, 3 u 5 tad-Deċiżjoni, sa fejn jikkonkludu li hija kienet kisret l-Artikolu 81(1) KE, jimponulha multa u jindirizzawlha din id-deċiżjoni jew, sussidjarjament, tnaqqas sostanzjalment l-ammont ta’ din il-multa;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
31
Il-Kummissjoni talbet li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
—
tiċħad ir-rikors;
—
tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
32
Ir-rikorrenti titlob, prinċipalment, l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni u, sussidjarjament, l-annullament jew it-tnaqqis tal-multa imposta fuqha.
1. Fuq it-talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni
L-argumenti tal-partijiet
33
Insostenn tat-talba għall-annullament tagħha, ir-rikorrenti tqajjem motiv wieħed, ibbażat fuq żball ta’ liġi minħabba li d-Deċiżjoni ġiet indirizzata lilha. Hija ssostni li hija ma tistax tinżamm responsabbli għall-ksur imwettaq f’dan il-każ minn Itochu Hellas u, għalhekk, ma tistax tkun indikata bħala d-destinatarja tad-Deċiżjoni.
34
Hija tenfasizza, b’mod preliminari, li hija hija “kumpannija kummerċjali li topera f’diversi setturi” Ġappuniża (sogo shosha) li l-attivitajiet tagħha huma prinċipalment ikkonċentrati fis-suq Ġappuniż. L-organizzazzjoni deċentralizzata tagħha timplika li s-sussidjarji tagħha joperaw b’mod awtonomu. F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li Itochu Hellas biss ikkonkludiet kuntratt ta’ distribuzzjoni esklużiv u skambjat korrispondenza ma’ NCL. Barra minn hekk, Itochu żżomm b’mod dirett parti żgħira biss mill-ishma ta’ Itochu Hellas. Bl-istess mod, id-dħul mill-bejgħ ta’ Itochu Hellas jirrappreżenta biss 0.004% tad-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat ta’ Itochu fl-1997. Fl-aħħar nett, Itochu ma teżerċita ebda awtorità jew kontroll fuq l-attivitajiet ta’ Itochu Hellas.
35
Issa, skont ir-rikorrenti, sabiex kumpannija parent tinżamm responsabbli għall-azzjonijiet tas-sussidjarja tagħha, il-Kummissjoni għandha tipprova li l-ewwel kumpannija effettivament eżerċitat influwenza deċiżiva fuq it-tieni kumpannija. Fil-fatt, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (C-286/98 P, Ġabra p. I-9925), kif ukoll mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo f’dik il-kawża (Ġabra p. I-9928), jirriżulta li s-sempliċi fatt li sussidjarja hija miżmuma minn kumpannija parent mhuwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-kumpannija parent.
36
B’mod partikolari, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li s-sussidjarja ma taġixxix b’mod awtonomu u li għandha tistabbilixxi li l-kumpannija parent effettivament eżerċitat kontroll fuq is-sussidjarja “fil-kuntest tal-ksur allegat” (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punti 131 et seq.). Peress li s-sempliċi eżistenza ta’ kontroll astratt mill-kumpannija parent mhuwiex suffiċjenti, mill-fatt li Itochu Hellas hija indirettament u totalment miżmuma minn Itochu, il-Kummissjoni ma tistax leġittimament tikkonkludi, mingħajr ma tippreġudika b’mod serju d-drittijiet tad-difiża, li teżisti preżunzjoni ta’ kontroll.
37
F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tagħti indikazzjonijiet, anki jekk limitati, tal-parteċipazzjoni ta’ Itochu fil-ksur. B’mod partikolari, hija lanqas ma kienet f’pożizzjoni li tippreżenta korrispondenza bejn Itochu Hellas u Itochu dwar l-attivitajiet ta’ Nintendo.
38
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta ddikjarat, fil-premessa 360 tad-Deċiżjoni, li r-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet “ingħatat minn Itochu […], f’isem Itochu […] u Itochu Hellas”. Hija ssostni li, sa fejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet indirizzat lilha, hija kellha tirrispondi għaliha speċifikament sabiex tikkjarifika n-natura tar-relazzjonijiet li hija kellha ma’ Itochu Hellas. Fil-fehma tagħha, din ir-risposta tagħmel parti mill-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha.
39
Ir-rikorrenti tispjega li, li kieku hija ddeċidiet li ma tirrispondix għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, dan seta’ jiġi interpretat bħala li kienet qiegħda taċċetta l-għażla tal-Kummissjoni li tindikaha bħala destinatarja. B’hekk, fil-kawża deċiża bis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (T-354/94, Ġabra p. II-2111), il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat preċiżament li n-nuqqas ta’ kummenti dwar ir-responsabbiltà ta’ Stora fir-rigward tas-sussidjarji tagħha fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kellha tiġi kkunsidrata bħala ammissjoni effettiva ta’ din ir-responsabbiltà.
40
It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkunsidratha bħala l-uniku interlokutur tagħha fil-proċedura amministrattiva. Hija ssostni li, fis-sentenza tal-14 ta’ Mejju 1998, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 39 iktar ’il fuq (punti 41 sa 48), ikkonfermata bis-sentenza tas-, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 35 iktar ’il fuq (punti 27 sa 29), il-Qorti tal-Prim’Istanza waslet għall-konklużjoni li r-rikorrenti kienet ippreżentat ruħha bħala l-uniku interlokutur tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-grupp Stora kollu u dan billi essenzjalment ibbażat ruħha fuq żewġ elementi, jiġifieri, minn naħa, il-fatt li kien hemm prokura waħda sabiex jiġu rrappreżentati Stora Kopparbergs Bergslags AB, il-kumpannija parent, u s-sussidjarji tagħha u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-kumpannija parent, fil-proċedura amministrattiva, qatt ma kkontestat li hija kienet id-destinatarja korretta tal-korrispondenza tal-Kummissjoni jew tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.
41
Issa, dawn l-elementi mhumiex manifestament preżenti f’dan il-każ.
42
Fir-rigward tal-ewwel element, ir-rikorrenti tfakkar, l-ewwel nett, li Itochu Hellas u Itochu taw, sa mill-bidu, prokuri separati lill-avukati tagħhom u tawhom struzzjonijiet b’mod indipendenti u f’mumenti differenti. Minn dan jirriżulta b’mod ċar li, kuntrarjament għas-sitwazzjoni li tirreferi għaliha s-sentenza tal-14 ta’ Mejju 1998, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 39 iktar ’il fuq, Itochu qatt ma “ikkoordinat” il-korrispondenza mibgħuta minn Itochu Hellas jew minn Itochu Europe lill-Kummissjoni.
43
Fir-rigward tat-tieni element, ir-rikorrenti ssostni li hija kontinwament ikkontestat l-għażla tal-Kummissjoni li tibgħatliha d-dokumenti dwar il-ksur allegat. B’hekk, fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li kienet l-ewwel okkażjoni tagħha sabiex tikkjarifika n-natura tar-relazzjonijiet tagħha ma’ Itochu Hellas, hija kienet indikat b’mod ċar li hija ma setgħetx tinżamm responsabbli għall-ksur u, għalhekk, ma setgħetx tiġi indikata bħala destinatarja tad-Deċiżjoni. In-natura tar-relazzjonijiet bejn Itochu, Itochu Europe u Itochu Hellas reġgħet ġiet iċċarata f’diversi ittri mibgħuta lill-Kummissjoni fis-26 ta’ Novembru 2001 u fis- rispettivament (ara l-punt 15 iktar ’il fuq).
44
It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li, fl-eventwalità li l-Qorti tal-Prim’Istanza tiċħad l-argument tagħha li hija ma aġixxietx bħala l-uniku interlokutur tal-Kummissjoni fil-proċedura amministrattiva jew fil-każ li l-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonkludi li hija kellha l-obbligu li tressaq il-provi tal-aġir awtonomu ta’ Itochu Hellas, għandu jsir riferiment għall-elementi spjegati iktar ’il quddiem. L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li Itochu, bħala kumpannija li topera f’diversi setturi taġixxi b’mod deċentralizzat u ma tindaħalx fl-attivitajiet ta’ kuljum tas-sussidjarji tagħha, li huma biss huma responsabbli għall-politika kummerċjali tagħhom u li wħud minnhom, fosthom Itochu Hellas, jimpjegaw numru kbir ta’ impjegati. Bl-istess mod, Itochu Europe topera b’mod deċentralizzat u tissorvelja biss l-attivitajiet prinċipali u l-prestazzjonijiet finanzjarji tas-sussidjarji tagħha. It-tieni nett, l-attività ta’ bejgħ u ta’ distribuzzjoni tal-consoles tal-logħob u tal-cartridges tal-logħob b’ebda mod ma hija l-attività prinċipali ta’ Itochu Europe jew ta’ Itochu. Barra minn hekk, huwa importanti li jissemma li kienet Itochu Hellas u mhux Itochu li ffirmat il-ftehim ta’ distribuzzjoni ma’ Nintendo. B’mod iktar ġenerali, Itochu qatt ma kienet involuta, mill-viċin jew mill-bogħod, fin-negozjar, fil-konklużjoni jew fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-ftehim ta’ distribuzzjoni. Issa, id-dispożizzjonijiet restrittivi li jinsabu fl-imsemmi ftehim jikkostitwixxu l-uniċi provi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tikkonkludi li jeżisti ksur imwettaq minn Itochu Hellas.
45
Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, il-provi li ressqet mhumiex ġodda peress li ġew ikkomunikati fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni biddlet l-argumenti esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti ma tistax tiġi kkritikata talli ressqet il-provi kollha neċessarji quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet. Fi kwalunkwe każ, dawn il-provi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sa fejn, kuntrarjament għal dak li ġie aċċettat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżami ta’ għajnuna mill-Istat notifikata, hija l-Kummissjoni li għandha tiġbor il-provi meħtieġa tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur.
46
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha tar-rikorrenti. Hija tindika, essenzjalment, li, f’din il-kawża, ma jistax jiġi kkontestat li Itochu Hellas hija, għalkemm b’mod indirett, miżmuma 100% minn Itochu. Il-Kummissjoni għalhekk setgħet ġustament tippreżumi li l-kumpannija parent, Itochu, kienet fil-fatt teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha Itochu Hellas u, għalhekk, iżżommha responsabbli għall-aġir illegali (premessa 355 tad-Deċiżjoni). Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ressqitx provi suffiċjenti sabiex tirribatti din il-preżunzjoni.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
47
Għandu jiġi mfakkar li d-dritt tal-kompetizzjoni Komunitarju jirrikonoxxi l-fatt li diversi kumpanniji li jkunu jiffurmaw parti mill-istess grupp jikkostitwixxu entità ekonomika, u għaldaqstant impriża fis-sens tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, jekk il-kumpanniji kkonċernati ma jiddeterminawx b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T-203/01, Ġabra p. II-4071, punt 290).
48
Il-fatt li s-sussidjarja għandha personalità ġuridika distinta mhuwiex biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-possibbiltà li l-aġir tagħha jiġi attribwit lill-kumpannija parent, b’mod partikolari meta s-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq iżda tapplika, essenzjalment, l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 36 iktar ’il fuq, punti 132 u 133; tal-14 ta’ Lulju 1972, Geigy vs Il-Kummissjoni, 52/69, Ġabra p. 787, punt 44; Sandoz vs Il-Kummissjoni, 53/69, Ġabra p. 845, punt 13, u tal-, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni, 6/72, Ġabra p. 215, punt 15).
49
Fil-każ partikolari fejn kumpannija parent iżżomm 100% tal-kapital tas-sussidjarja tagħha, li tkun responsabbli għal aġir li jikkostitwixxi ksur, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni (107/82, Ġabra p. 3151, punt 50), li ma kienx hemm bżonn li tivverifika jekk l-imsemmija kumpannija kinitx effettivament influwenzat il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha, sa fejn din tal-aħħar issegwi neċessarjament il-politika mfassla mill-istess korpi statutorji li jistabbilixxu l-politika tal-kumpannija parent. F’tali sitwazzjoni, teżisti preżunzjoni juris tantum li l-imsemmija kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. Għaldaqstant, hija l-kumpannija parent li tkun qiegħda tikkontesta quddiem il-qorti Komunitarja deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponilha multa għal aġir imwettaq mis-sussidjarja tagħha li għandha tirribatti din il-preżunzjoni billi tressaq provi li jistgħu jipprovaw l-awtonomija ta’ din tal-aħħar (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-, Avebe vs Il-Kummissjoni, T-314/01, Ġabra p. II-3085, punt 136; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 35 iktar ’il fuq, punt 29).
50
Għalkemm, kif sostniet ir-rikorrenti, huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 28 u 29 tas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 35 iktar ’il fuq, minbarra ż-żamma 100% tal-kapital tas-sussidjarja, semmiet ċirkustanzi oħra, bħalma huma n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-influwenza eżerċitata mill-kumpannija parent fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha u r-rappreżentanza komuni taż-żewġ kumpanniji matul il-proċedura amministrattiva, jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja semmiet l-imsemmija ċirkustanzi bil-għan biss li tindika l-elementi kollha li fuqhom il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ibbażat ir-raġunament tagħha sabiex tasal għall-konklużjoni li dan ir-raġunament ma kienx ibbażat biss fuq iż-żamma tal-kapital kollu tas-sussidjarja mill-kumpannija parent. Għalhekk, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’dik il-kawża ma jistax ikollu l-konsegwenza li jbiddel il-prinċipju stabbilit fil-punt 50 tas-sentenza AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 49 iktar ’il fuq.
51
F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu tas-sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex jiġi konkluż li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tagħha. Il-Kummissjoni tkun tista’, għalhekk, iżżomm lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, ħlief jekk din il-kumpannija tipprova li s-sussidjarja tagħha ma tapplikax fil-parti essenzjali tagħhom id-direttivi li hija toħroġ u taġixxi, għalhekk, b’mod awtonomu fis-suq.
52
F’din il-kawża, huwa paċifiku li matul il-perijodu rilevanti, jiġifieri mis-16 ta’ Diċembru 1991 sat-, ir-rikorrenti żammet, direttament jew indirettament, 100% tal-kapital ta’ Itochu Hellas.
53
Għalhekk, il-Kummissjoni setgħet ġustament tippreżumi li Itochu eżerċitat effettivament influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ Itochu Hellas. Għalhekk hija r-rikorrenti li, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tressaq il-provi sabiex turi li s-sussidjarja tagħha kienet tiddetermina l-politika kummerċjali tagħha b’mod awtonomu, b’tali mod li ma tikkostitwixxix entità ekonomika waħda magħha, u għalhekk impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE.
54
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti sostniet li r-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ingħatat prinċipalment f’isem Itochu Hellas, li hija ma ppreżentatx ruħha bħala l-uniku interlokutur tal-Kummissjoni, li fil-kwalità tagħha ta’ grupp li jopera f’diversi setturi, hija ma tindaħalx direttament fl-attivitajiet kummerċjali tas-sussidjarji tagħha (u inqas minn hekk tas-sussidjarji indiretti tagħha bħalma hija Itochu Hellas), li l-bejgħ u d-distribuzzjoni tal-prodotti inkwistjoni f’din il-kawża ma kinux l-attività prinċipali tagħha, li hija qatt ma kienet involuta fin-negozjar, fil-konklużjoni jew fl-implementazzjoni tal-ftehim ta’ distribuzzjoni esklużiv konkluż bejn Itochu Hellas u Nintendo u, fl-aħħar nett, li Itochu Hellas kienet timpjega numru kbir ta’ impjegati lokali.
55
Dawn l-argumenti kienu essenzjalment jikkonċernaw, minn naħa, l-attitudni tar-rikorrenti fil-proċedura amministrattiva u, min-naħa l-oħra, l-organizzazzjoni u t-tħaddim tal-grupp Itochu.
56
Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-argumenti dwar l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva, dawn għandhom jiġu ddikjarati irrilevanti. Il-fatt, anki jekk jitqies li huwa veru, li r-rikorrenti ma ppreżentatx ruħha bħala l-uniku interlokutur tal-Kummissjoni matul l-imsemmija proċedura u li hija kkontestat kontinwament l-għażla tal-Kummissjoni li tindirizzalha d-dokumenti inkwistjoni mhuwiex ta’ natura tali li jirribatti l-preżunzjoni msemmija iktar ’il fuq. Fil-fatt, bħall-approċċ segwit fis-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 35 iktar ’il fuq, il-kunsiderazzjonijiet dwar l-attitudni tar-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva, riprodotti fil-premessa 361 tad-Deċiżjoni, saru għall-finijiet ta’ kompletezza u jsaħħu l-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni dwar l-imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur lil Itochu Hellas u, għalhekk, tal-għażla tad-destinatarju tad-Deċiżjoni.
57
Fir-rigward, it-tieni nett, tal-argumenti bbażati fuq l-organizzazzjoni u t-tħaddim tal-grupp Itochu, magħmul mill-kumpannija Ġappuniża li topera f’diversi setturi u li hija allegatament ikkaratterizzata minn organizzazzjoni deċentralizzata u awtonoma tal-attivitajiet tas-sussidjarji tagħha u tal-kumpanniji li huma stess sussidjarji tas-sussidjarji tagħha, dawn l-argumenti lanqas ma jistgħu jiġu aċċettati peress li r-rikorrenti ma ppreżentat ebda prova konkreta insostenn ta’ din l-allegazzjoni ħlief il-fatt, li mhuwiex rilevanti f’dan ir-rigward, li Itochu Hellas timpjega numru kbir ta’ impjegati lokali.
58
Barra minn hekk, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti qatt ma kienet involuta fin-negozjar, fil-konklużjoni jew fl-implementazzjoni tal-ftehim ta’ distribuzzjoni konkluż ma’ Nintendo u lanqas ma jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li Itochu Hellas kienet żviluppat, fir-rigward tal-prodotti Nintendo, attività distinta mill-attività prinċipali tal-grupp Itochu. Fil-fatt, sabiex kumpannija parent tinżamm responsabbli għall-atti mwettqa mis-sussidjarja tagħha, b’ebda mod mhuwa meħtieġ li jiġi pprovat li l-imsemmija kumpannija parent kienet direttament involuta fi, jew kellha għarfien ta’, l-aġir illegali. Mhijiex relazzjoni ta’ instigazzjoni fir-rigward tal-ksur bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha u lanqas ma huwa, iktar u iktar, involviment tal-kumpannija parent fl-imsemmi ksur, iżda l-fatt li dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 CE li jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tindirizza d-deċiżjoni li timponi l-multi lill-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji. F’din il-kawża, ir-rikorrenti sempliċement tiddikjara li hija ma kellhiex għarfien tal-attivitajiet ta’ Itochu Hellas u tiċħad li hija attivament sostniethom mingħajr ma tressaq l-inqas prova li hija ma kinitx teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Itouchu Hellas u mingħajr ma tressaq provi dwar l-awtonomija ta’ din tal-aħħar.
59
Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma ressqitx provi suffiċjenti sabiex tirribatti l-preżunzjoni li hija eżerċitat effettivament influwenza determinati fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha Itochu Hellas.
60
Għalhekk dan il-motiv għandu jiġi miċħud.
2. Fuq it-talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa
61
Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa imposta fuqha, ir-rikorrenti tqajjem sitt motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE kif ukoll tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità sa fejn Itochu kienet suġġetta, minħabba t-trattament differenzjat magħmul mill-Kummissjoni, għal multa proporzjonalment ogħla minn dawk imposti fuq id-destinatarji l-oħra tad-Deċiżjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali sa fejn il-Kummissjoni żiedet l-ammont tal-multa imposta fuq Itochu bħala dissważjoni. Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta żiedet l-ammont tal-multa imposta fuq Itochu b’50% minħabba t-tul tal-ksur. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità sa fejn il-Kummissjoni naqset, mingħajr ġustifikazzjoni adegwata, milli tieħu inkunsiderazzjoni ċerti ċirkustanzi attenwanti. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 sa fejn il-Kummissjoni imponiet multa li taqbeż l-10% tad-dħul mill-bejgħ ta’ Itochu Hellas matul is-sena finanzjarja preċedenti. Fl-aħħar nett, permezz tas-sitt motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża.
62
Qabel ma jiġu eżaminati l-motivi mqajma mir-rikorrenti, għandu jiġi mfakkar li mill-premessi 366 sa 464 tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-multi imposti mill-Kummissjoni minħabba l-ksur ikkonstatat fil-konfront tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE ġew imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u li l-Kummissjoni, kif ikkonfermat espressament, iddeterminat l-ammont tal-multi billi applikat il-metodu ddefinit fil-Linji gwida.
63
Għalkemm il-Linji gwida ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala regoli ta’ dritt li l-amministrazzjoni hija marbuta tosserva f’kull każ, huma madankollu jistabbilixxu regola ta’ kondotta li hija indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita u li l-amministrazzjoni ma tistax tinjora, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C-397/03 P, Ġabra p. I-4429, punt 91, u l-ġurisprudenza ċċitata).
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità fir-rigward tat-trattament differenzjat magħmul mill-Kummissjoni
L-argumenti tal-partijiet
64
L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma indikatx iċ-ċifri eżatti li abbażi tagħhom hija qasmet l-impriżi fi tliet kategoriji. B’mod partikolari, il-Kummissjoni naqset milli ssemmi l-ammonti u l-ishma rispettivi tal-bejgħ tal-prodotti Nintendo fiż-ŻEE fl-1997 ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernata, bl-eċċezzjoni ta’ dawk ta’ Nintendo u ta’ John Menzies. Għalhekk, ir-rikorrenti ma ngħatatx il-possibbiltà li teżerċita effettivament id-drittijiet tad-difiża tagħha u li tivverifika l-fondatezza tat-trattament differenzjat magħmul mill-Kummissjoni. Meta għamlet hekk, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE.
65
Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tispjega li mill-ġurisprudenza jirriżulta li hija l-Kummissjoni li għandha tiġġustifika l-għażla tal-limiti minimi u massimi li jiddistingwu bejn il-kategoriji differenti li hija tkun ħolqot. Hija żżid ukoll li l-indikazzjoni tardiva, fir-risposta, tas-sehem mis-suq attribwit lil Itochu Hellas ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk id-drittijiet tad-difiża ta’ Itochu ġewx irrispettati mill-Kummissjoni.
66
It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, il-ftit figuri li ressqet il-Kummissjoni jindikaw li s-sehem mis-suq miżmum minn Itochu Hellas kien inqas minn 0.5%. Meta kklassifikat lir-rikorrenti fl-istess kategorija bħad-distributuri involuti l-oħra, minkejja li s-sitwazzjonijiet rispettivi tagħhom fis-suq inkwistjoni kienu sostanzjalment differenti, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku tal-impriżi inkwistjoni.
67
Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tosserva li l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-ammont tal-multi mhuwiex illimitat peress li l-Kummissjoni hija obbligata tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt. Għalhekk, meta tiddeċiedi li tapplika trattament differenzjat, il-Kummissjoni hija obbligata tosserva l-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, it-trattament differenzjat għandu għall-inqas jirrifletti l-impatt reali tal-aġir tal-impriża fuq il-kompetizzjoni. Issa, ma jkunx proporzjonat li l-Kummissjoni tikklassifika s-sitt kumpanniji l-oħra taħt kategorija waħda. Il-Kummissjoni kien imissha ħolqot kategorija addizzjonali, ir-raba’ kategorija, għall-iżgħar impriżi u kien imissha applikat ammont ta’ tluq inqas minn EUR 1 miljun għal din il-kategorija. Fil-fatt, id-differenza fid-daqs relattiv meta mqabbel ma’ Nintendo bejn John Menzies u l-ikbar impriża tat-tielet kategorija hija ħafna inqas sinjifikattiva mid-differenza bejn din tal-aħħar u Itochu Hellas.
68
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha mqajma mir-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
69
Skont il-metodu ddefinit fil-Linji gwida, il-Kummissjoni tieħu bħala punt ta’ tluq, għall-kalkolu tal-ammont tal-multi li għandhom jiġu imposti fuq l-impriżi kkonċernati, ammont iddeterminat skont il-gravità tal-ksur. L-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzzjoni n-natura tal-ksur, l-effetti konkreti tiegħu fuq is-suq meta dawn ikunu jistgħu jiġi kkalkulati u d-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat (l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 A). F’dan il-kuntest, il-ksur huwa kklassifikat fi tliet kategoriji, jiġifieri “ksur ftit serju”, li fir-rigward tiegħu l-ammont tal-multi li jistgħu jiġu imposti huwa bejn EUR 1000 u EUR 1 miljun, il-“ksur serju”, li fir-rigward tiegħu l-ammont tal-multi li jistgħu jiġu imposti huwa bejn EUR 1 miljun u EUR 20 miljun, u l-“ksur serju ħafna”, li fir-rigward tiegħu l-ammont tal-multi li jistgħu jiġu imposti jmur lil hinn minn EUR 20 miljun (l-ewwel sat-tielet inċiż tat-tieni subparagrafu tal-punt 1 A). F’kull waħda minn dawn il-kategoriji, l-iskala tal-penalitajiet previsti tippermetti, skont il-Linji gwida, li ssir differenza fit-trattament li għandu jiġi applikat għall-impriżi skont in-natura tal-ksur imwettaq (it-tielet subparagrafu tal-punt 1 A). Barra minn hekk huwa neċessarju, skont il-Linji gwida, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ dawk li wettqu l-ksur sabiex jikkawżaw dannu kbir lill-operaturi l-oħra, u li l-ammont tal-multa jiġi ddeterminat f’livell li jiżgura li l-multa tkun ta’ natura suffiċjentement dissważiva (ir-raba subparagrafu tal-punt 1 A).
70
F’kull waħda mit-tliet kategoriji ta’ ksur iddefiniti b’dan il-mod, jista’ jkun neċessarju, skont il-Linji gwida, li, f’ċerti każijiet jiġu applikati koeffiċjenti korrettivi għall-ammonti ddeterminati sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku, u għalhekk l-impatt reali, tal-aġir illegali ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni, partikolarment meta jkun hemm disparità kunsidereveoli bejn id-daqs tal-impriżi li jkunu wettqu ksur tal-istess tip, u li għalhekk il-punt ta’ tluq tal-ammont bażiku jiġi adattat skont in-natura speċifika ta’ kull impriża (is-sitt subparagrafu tal-punt 1 A).
71
F’din il-kawża, ir-rikorrenti la tikkontesta n-natura serja ħafna tal-ksur inkwistjoni u lanqas l-evalwazzjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tikkonkludi li l-imsemmi ksur kien ta’ natura serja ħafna, evalwazzjonijiet relatati man-natura tiegħu, mal-effett reali tiegħu fuq is-suq u mad-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni (premessi 374 sa 384 tad-Deċiżjoni). Ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta l-prinċipju stess tat-tqassim tal-membri ta’ akkordju f’diversi kategoriji. Għall-kuntrarju, hija tikkritika lill-Kummissjoni li, minn naħa, kisret il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità meta kklassifikatha fl-istess kategorija bħal impriżi oħra ta’ daqs ħafna ikbar u, min-naħa l-oħra, naqset fl-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni fuq dan il-punt.
72
Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità fil-klassifikazzjoni f’kategoriji, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li, meta kklassifikatha fl-istess kategorija bħad-distributuri involuti l-oħra, minkejja li s-sitwazzjonijiet rispettivi tagħhom fis-suq inkwistjoni kienu sinjifikattivament differenti, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku tal-impriżi inkwistjoni. Hija tippreċiża li t-trattament differenzjat kellu għall-inqas jirrifletti l-impatt reali tal-aġir tal-impriża fuq il-kompetizzjoni u li l-Kummissjoni kien imissha ħolqot kategorija addizzjonali, ir-raba’ kategorija, għall-iżgħar impriżi, fosthom ir-rikorrenti, u kien imissha stabbilixxiet ammont ta’ tluq inqas minn EUR 1 miljun għal din il-kategorija.
73
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-metodu li jikkonsisti f’li l-membri li jkunu pparteċipaw f’akkordju jiġu mqassma f’kategoriji sabiex, fl-istadju tal-iffissar tal-ammont ta’ tluq tal-multi, jiġi applikat trattament differenzjat, metodu li l-prinċipju warajh ġie, barra minn hekk, ikkonvalidat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, anki minkejja li jinjora d-differenzi ta’ daqs bejn l-impriżi tal-istess kategorija, iġib miegħu l-adozzjoni ta’ rata fissa tal-ammont ta’ tluq ffissat għall-impriżi li jaqgħu taħt l-istess kategorija (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2006, Daiichi Pharmaceutical vs Il-Kummissjoni, T-26/02, Ġabra p. II-713, punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata).
74
Huwa minnu li tali tqassim f’kategoriji għandu jirrispetta l-prinċipju ta’ trattament ugwali li jipprojbixxi li sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, l-ammont tal-multi għandu, minn tal-inqas, ikun proporzjonali meta mqabbel mal-elementi kkunsidrati sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur. Sabiex tivverifika jekk it-tqassim tal-membri ta’ akkordju f’kategoriji huwiex konformi mal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li l-Kummissjoni għandha f’dan ir-rigward, għandha madankollu tillimita ruħha li tistħarreġ li dan it-tqassim huwa koerenti u oġġettivament iġġustifikat, mingħajr ma tissostitwixxi mill-ewwel l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’dik tagħha (sentenza Daiichi Pharmaceutical vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 73 iktar ’il fuq, punti 84 u 85).
75
F’din il-kawża, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-“l-impriżi kkonċernati [setgħu] fil-prinċipju jitqassmu fi tliet gruppi, skont l-importanza relattiva ta’ kull waħda minnhom meta mqabbla ma’ Nintendo […], bħala distributur tal-prodotti kkonċernati (u dawn biss) fiż-ŻEE, bil-paragun isir abbażi tas-sehem ta’ kull parti fil-volum totali tal-consoles u tal-cartridges tal-logħob Nintendo mixtrija sabiex jiġu ddistribwiti fiż-ŻEE fl-1997, l-aħħar sena li fiha twettaq il-ksur” (premessa 386 tad-Deċiżjoni). Nintendo (li s-sehem tagħha mis-suq ġie stmat bħala [kunfidenzjali] ( 1 )%) u John Menzies (li kellha sehem mis-suq ta’ [kunfidenzjali]%) għalhekk tqiegħdu fl-ewwel u fit-tieni grupp rispettivament. L-impriżi kkonċernati l-oħra (b’ishma mis-suq ta’ bejn [kunfidenzjalil] u [kunfidenzjali]%), li fosthom hemm Itochu, tqiegħdu fit-tielet grupp.
76
L-għażla tal-Kummissjoni li tikklassifika l-impriżi li għandhom sehem mis-suq fid-distribuzzjoni tal-prodotti inkwistjoni inqas minn [kunfidenzjali]% ma tistax tiġi kkunsidrata bħala arbitrarja u ma taqbiżx il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali li hija għandha f’dan ir-rigward.
77
Il-fatt li l-ammonti ta’ tluq marbuta ma’ kull kategorija mhumiex strettament proporzjonati mal-ishma mis-suq rispettivi tal-impriżi kkonċernati ma jistax jiġi kkritikat sa fejn huwa biss ir-riżultat tas-sistema ta’ tqassim f’kategoriji u tal-iffissar konsegwenti tal-ammonti b’rata fissa. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, anki jekk, minħabba t-tqassim f’kategoriji, uħud mill-impriżi jiġu suġġetti għall-applikazzjoni ta’ ammont bażiku identiku minkejja li huma ta’ daqs differenti, għandu jiġi konkluż li d-differenza fit-trattament hija oġġettivament iġġustifikata mill-importanza mogħtija lid-daqs tal-impriża waqt id-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T-213/00, Ġabra p. II-913, punt 411, u l-ġurisprudenza ċċitata).
78
F’din il-kawża, għalkemm huwa minnu li hemm differenzi, f’termini relattivi, bejn l-ishma mis-suq li għandhom l-impriżi kklassifikati fl-istess grupp, dawn id-differenzi mhumiex, f’termini assoluti, ta’ importanza tali li jiġġustifikaw li r-rikorrenti tiġi kklassifikata f’kategorija differenti. B’mod partikolari, il-metodu adottat mill-Kummissjoni ma wassalx għal rappreżentazzjoni nettament distorta tas-swieq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T-15/02, Ġabra p. II-497, punt 159). Fil-fatt, is-suq inkwistjoni, jiġifieri s-suq tad-distribuzzjoni tal-prodotti Nintendo, kien, fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni, iddominat minn Nintendo u s-sussidjarji tagħha. Id-distributuri indipendenti, bl-eċċezzjoni ta’ John Menzies, kellhom biss pożizzjoni relattivament modesta fis-sistema ta’ distrbuzzjoni inkwistjoni (ara l-premessi 388 sa 390 tad-Deċiżjoni).
79
Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrrenti, il-Kummissjoni lanqas ma kienet obbligata tagħmel differenza bejn l-impriżi inkwistjoni skont is-sehem tagħhom mis-suq fid-distribuzzjoni tal-prodotti inkwistjoni. Għalhekk, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, il-metodu magħżul mill-Kummissjoni la huwa inkoerenti u lanqas nieqes minn ġustifikazzjoni oġġettiva, u fid-dawl tal-importanza li għandha tingħata lill-gravità tal-ksur, huwa irrilevanti jekk, kif issostni r-rikorrenti, klassifikazzjoni ta’ membri f’erba’ kategoriji, u mhux fi tlieta, kinitx tirrifletti aħjar il-piż relattiv tal-impriżi kkonċernati.
80
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tallega li l-multa imposta fuqha hija sproporzjonata fid-dawl tal-impatt limitat tal-aġir tagħha fis-suq sa fejn, kif ġie mfakkar fil-punt 70 iktar ’il fuq u kif jirriżulta mill-premessi 385 sa 390 tad-Deċiżjoni, fil-kuntest tat-trattament differenzjat, ittieħed inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku tar-rikorrenti fil-volum totali tal-consoles u tal-catridges tal-logħob Nintendo mixtrija sabiex jiġu ddistribwiti fiż-ŻEE fl-1997 u, għalhekk, ittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti reali tal-aġir illegali tagħha fuq il-kompetizzjoni.
81
Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-eżistenza ta’ differenzi relattivi kbar bejn l-ishma mis-suq tal-impriżi li jaqgħu fl-aħħar kategorija, li hija inerenti għas-sistema ta’ tqassim f’kategoriji u għall-adozzjoni ta’ rata fissa li din is-sistema timplika, hija oġġettivament ġustifikata. Il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tagħmel klassifikazzjoni f’kategoriji tiġi mċaħħda minn parti kbira mill-utilità tagħha jekk kull differenza bejn l-ishma mis-suq, jekk tkun kbira f’termini relattivi, minkejja li tkun differenza żgħira ħafna f’termini ta’ punti perċentwali, tipprekludi l-klassifikazzjoni ta’ impriżi differenti fl-istess kategorija.
82
Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fid-dawl tat-tqassim f’kategoriji, għandu jiġi mfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għal dak li jikkonċerna l-iffissar tal-multi għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta hija tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha li tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur imwettaq, mingħajr ma tkun obbligata li tipprovdi, fid-deċiżjoni, spjegazzjoni iktar dettaljata jew li tindika ċ-ċifri relatati mal-metodu tal-kalkolu tal-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni, C-279/98 P, Ġabra p. I-9693, punti 38 sa 47; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T-191/98, T-212/98 sa T-214/98, Ġabra p. II-3275, punti 1522 u 1523). L-indikazzjoni ta’ ċifri relatati mal-metodu tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, utli kemm hija utli tali informazzjoni, mhijiex indispensabbli sabiex ikun sodisfatt l-obbligu ta’ motivazzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C-182/99 P, Ġabra p. I-10761, punt 75, u l-ġurisprudenza ċċitata.
83
F’din il-kawża, il-Kummissjoni indikat b’mod ċar, fid-Deċiżjoni, l-elementi li ttieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur (ara l-premessi 373 et seq.), u, fosthom, l-elementi ta’ kalkolu dwar il-klassifikazzjoni tagħhom f’kategoriji. Il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tindika separatament l-ishma mis-suq ta’ kull waħda mill-impriżi mqiegħda fit-tielet kategorija ma żammx lir-rikorrenti milli tikkontesta dan l-aspett tad-deċiżjoni kkontestata b’mod dettaljat. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma kisritx l-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni f’kategoriji.
84
Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni kollha li saru iktar ’il fuq, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali fiż-żieda tal-ammont ta’ tluq tal-multa bħala dissważjoni
L-argumenti tal-partijiet
85
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali meta ddeċidiet li għandha timmultiplika bi tlieta l-ammont ta’ tluq tal-multa imposta fuqha sabiex jiġi żgurat l-effett dissważiv tagħha.
86
L-ewwel nett, hija tikkunsidra li, minbarra l-fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx, minħabba l-kwalità tagħha ta’ kumpannija parent, timponilha multa u, għalhekk, tirreferi għad-daqs tagħha u għar-riżorsi globali tagħha, ma kien hemm ebda raġuni sabiex dan l-ammont jiġi miżjud fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ żgħir ħafna ta’ Itochu Hellas. Skont ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-punt 1 A tal-Linji gwida, il-Kummissjoni kien imissha evalwat jekk id-daqs u r-riżorsi globali ta’ Itochu Hellas, u mhux dawk ta’ Itochu, kinux jiġġustifikaw żieda fl-ammont ta’ tluq tal-multa għal raġunijiet ta’ dissważjoni. Issa, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li d-dħul mill-bejgħ ta’ Itochu Hellas, kif riprodott fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kien relattivament ħafna inqas minn dawk tal-impriżi kkonċernati l-oħra u, min-naħa l-oħra, li din iċ-ċifra naqset b’mod sinjifikattiv minn wara l-1997. Il-Kummissjoni għalhekk kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt, imsemmi fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li Itochu Hellas ma kinitx baqgħet id-distributur ta’ Nintendo minn wara l-1997.
87
It-tieni nett, u b’mod sussidjarju, ir-rikorrenti ssostni, fl-eventwalità li l-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni ġustament indirizzat id-Deċiżjoni lil Itochu, li l-multiplikazzjoni bi tlieta tal-ammont ta’ tluq tal-multa imposta fuq din tal-aħħar tikser ukoll il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità. Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni applikat l-istess koeffiċjent multiplikatur għal Nintendo sabiex tieħu inkunsiderazzjoni kemm id-daqs u r-riżorsi globali tagħha u kif ukoll r-rwol tagħha ta’ produttur tal-prodotti inkwistjoni u, għalhekk, ta’ “mexxej naturali” tal-ksur. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tapplika koeffiċjent multiplikatur ta’ 1.25 biss għal John Menzies, minkejja li dan id-distributur, kuntrarjament għal Itochu Hellas, kellu rwol attiv u importanti ħafna fil-ksur. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-istruttura deċentralizzata ta’ Itochu, minkejja li koeffiċjent multiplikatur għal raġunijiet ta’ dissważjoni kellu jiġi applikat biss fil-każ li l-kumpannija parent tkun ipparteċipat fil-ksur b’mod effettiv. Hija tfakkar li, fid-dawl tal-kwalità tagħha ta’ kumpannija li topera f’diversi setturi, id-distribuzzjoni tal-prodotti Nintendo qatt ma kienet tagħmel parti mill-attivitajiet kummerċjali tagħha u li hija qatt ma kienet involuta fil-korrispondenza dwar din l-attività ta’ distribuzzjoni. Dan il-fatt jiddistingwiha ħafna mid-destinatarji l-oħra tad-Deċiżjoni.
88
Il-Kummissjoni titlob li l-ilmenti kollha mqajma mir-rikorrenti jiġu miċħuda
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
89
Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, għandu jiġi kkonstatat li din hija bbażata fuq il-premessa li l-Kummissjoni żbalajt meta indirizzat id-Deċiżjoni lil Itochu. Barra minn hekk, din tal-aħħar impliċitament ammettiet li l-eżami ta’ din il-parti tal-motiv, li hija bbażata fuq il-premessa li l-Kummissjoni kien imissha evalwat jekk id-daqs u r-riżorsi globali ta’ Itochu Hellas, u mhux ta’ Itochu, kinux jiġġustifikaw żieda fl-ammont tal-multa għal raġunijiet ta’ dissważjoni, ma jkunx meħtieġ fl-eventwalità li l-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta indirizzat id-Deċiżjoni lil Itochu.
90
Peress li l-motiv imqajjem insostenn tat-talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni ġie miċħud, m’hemmx għafejn tiġi eżaminata din il-parti, li hija irrilevanti.
91
Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni motiv, il-Kummissjoni qiegħda essenzjalment tiġi kkritikata li kisret il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità meta applikat, sabiex tiżgura li l-multi jkollhom effett dissważiv, minn naħa, l-istess koeffiċjent multiplikatur għal Itochu u għal Nintendo, minkejja li r-rwoli rispettivi tagħhom fil-ksur allegat kienu differenti ferm, u, min-naħa l-oħra, koeffiċjent ta’ żieda ferm iżgħar għal John Menzies, minkejja li din tal-aħħar kellha rwol attiv u importanti fl-imsemmi ksur.
92
F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-poter tal-Kummissjoni li timponi multi fuq l-impriżi li, deliberatament jew b’negliġenza, jwettqu ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE jew tal-Artikolu 82 KE, jikkostitwixxi wieħed mill-mezzi mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ twettaq il-missjoni tagħha ta’ sorveljanza li jagħtiha d-dritt Komunitarju. Din il-missjoni għandha d-dmir li ssegwi politika ġenerali intiża li tapplika fis-suġġett tal-kompetizzjoni l-prinċipji stabbiliti mit-Trattat u li tiggwida l-aġir tal-impriżi f’dan is-sens (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 105, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T-43/02, Ġabra p. II-3435, punt 297).
93
Minn dan isegwi li l-Kummissjoni għandha l-poter li tiddeċiedi l-livell tal-ammont tal-multi sabiex issaħħaħ l-effett dissważiv tagħhom meta l-ksur ta’ tip partikolari jkun għadu relattivament frekwenti, minkejja li l-illegalità tiegħu tkun ilha li ġiet stabbilita sa mill-bidu tal-politika Komunitarja fis-suġġett tal-kompetizzjoni, minħabba l-profitt li xi wħud mill-impriżi interessati jistgħu jagħmlu minn dan il-ksur (sentenzi Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 92 iktar ’il fuq, punt 108, u Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 92 iktar ’il fuq, punt 298). Peress li l-għan ta’ dissważjoni huwa marbut mal-kondotta tal-impriżi fi ħdan il-Komunità jew iż-ŻEE, il-fattur ta’ dissważjoni huwa evalwat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi, u mhux biss is-sitwazzjoni partikolari tal-impriża kkonċernata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il-Kummissjoni, C-289/04 P, Ġabra p. I-5859, punt 23; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 92 iktar ’il fuq, punt 300).
94
Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq id-differenzi li jeżistu fir-rwoli rispettivi tal-impriżi inkwistjoni fil-ksur sabiex tikkontesta n-natura ugwali u proporzjonata taż-żieda tal-ammont tal-multi li saret sabiex jinkiseb effett dissważiv.
95
Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, mid-Deċiżjoni b’ebda mod ma jirriżulta li l-Kummissjoni, sabiex tiddetermina l-fattur ta’ dissważjoni tal-multi, għamlet riferiment biss għar-rwol li effettivament kellu kull wieħed mill-parteċipanti fil-ksur.
96
F’din il-kawża, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien meħtieġ li żżid l-ammont ta’ tluq tal-multa imposta fuq ċerti impriżi, jiġifieri Nintendo, John Menzies u Itochu, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali ta’ dawn l-impriżi. L-ammonti ta’ tluq tal-multi imposti fuq Nintendo u Itochu kienu, għalhekk, immultiplikati bi 3. Min-naħa tiegħu, il-koeffiċjent multiplikatur applikat għall-multa imposta fuq John Menzies ġie stabbilit bħala 1.25.
97
L-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur ta’ 3 għall-ammonti ta’ tluq tal-multi imposti rispettivament fuq Nintendo u fuq Itochu hija mmotivata fil-premessi 393 u 395 tad-Deċiżjoni b’dan il-mod:
“F’dan il-każ, għal Nintendo […], John Menzies […] u Itochu […], huwa meħtieġ li jiġi aġġustat ’il fuq l-ammont ta’ tluq sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali ta’ dawn l-impriżi.
Itochu […] sostniet li, peress li sadanittant hija kienet waqfet milli tiddistribwixxi l-prodotti inkwistjoni, ma kienx hemm bżonn li l-multa tagħha tiżdied għal raġunijiet ta’ dissważjoni […] Issa, għandu jiġi ggarantit effett dissważiv, u dan irrispettivament minn jekk l-impriża żammitx jew le relazzjonijiet bilaterali mal-parteċipanti l-oħra fil-ksur, ladarba dan il-ksur ikun intemm.
B’mod partikolari, għandu jiġi żgurat effett dissważiv f’dak li jikkonċerna lil Nintendo […], peress li, minbarra d-daqs tagħha (li huwa ħafna iżgħar minn dak ta’ Itochu […]), għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li hija l-produttur tal-prodotti li kienu s-suġġett tal-ksur […]”
98
Minn dawn is-siltet jirriżulta li, filwaqt li għamlet riferiment għall-fatt li Nintendo kienet il-produttur tal-prodotti, element li jirreferi għal karatteristika tal-impriża indipendentement mir-rwol tagħha fil-ksur inkwistjoni, il-Kummissjoni tefgħet l-attenzjoni tagħha fuq id-daqs tal-impriżi, b’mod partikolari fuq id-daqs kbir ħafna ta’ Itochu.
99
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fiż-żieda tal-ammont tal-multa minħabba t-tul tal-ksur
L-argumenti tal-partijiet
100
L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx, fir-rigward ta’ Itochu Hellas, tikkunsidra li l-ksur kien beda mid-data effettiva tal-ftehim ta’ distribuzzjoni konkluż ma’ Nintendo, jiġifieri s-16 ta’ Diċembru 1991, u li tkompla sad-data tal-iskadenza tal-imsemmi kuntratt, jiġifieri t-. Il-Kummissjoni kien imissha pjuttost iddeterminat il-perijodu li matulu kienu fil-fatt twettqu l-prattiki allegati li jinvolvu lil Itochu Hellas.
101
Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni bbażat dan il-“metodu formalista” fuq ċerti dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ distribuzzjoni, li, fil-fehma tagħha, minn naħa, jipprovdu li Itochu Hellas setgħet tbigħ il-prodotti inkwistjoni biss lil aġenti stabbiliti fil-Greċja u awtorizzati minn Nintendo u, min-naħa l-oħra, jirrestrinġu wkoll l-esportazzjonijiet paralleli fiż-ŻEE minn klijenti ta’ Itochu Hellas. Issa, fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, tressqu diversi provi għall-attenzjoni tal-Kummissjoni li jindikaw li dawn il-klawżoli ma ġewx implementati mill-partijiet. Itochu Hellas b’mod partikolari sostniet, f’dan ir-rigward, li, l-ewwel nett, Nintendo qatt ma approvat l-aġenti tagħha u qatt ma interveniet fil-ħatra tagħhom, it-tieni nett, Itochu Hellas ma imponiet ebda restrizzjoni għall-esportazzjoni lill-madwar 300 klijent u/jew aġenti tagħha u, fl-aħħar nett, hija stess ipprattikat kummerċ parallel billi pprovat tikseb dawn il-prodotti minn sorsi alternattivi u billi biegħet ċerti prodotti Nintendo lil klijenti li jinsabu barra l-Greċja. Ir-rikorrenti tippreċiża, fir-replika tagħha, li fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija indikat ukoll li l-Kummissjoni ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni biss it-termini tal-ftehim ta’ distribuzzjoni.
102
Ir-rikorrenti ssostni, barra minn hekk, li ma kienx hemm “ftehim” fil-veru sens tal-kelma bejn Itochu Hellas u Nintendo dwar dawn il-klawżoli restrittivi, peress li ma kienx hemm qbil tal-volontà bejn dawn iż-żewġ kumpanniji. Il-Kummissjoni kien imissha eżaminat f’liema mument Itochu Hellas daħlet jew kellha l-intenzjoni li tidħol fi prattiki restrittivi, kif hija għamlet għad-distributur Nortec AE. Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti sostniet li l-kundizzjonijiet tal-ftehim ta’ distribuzzjoni kienu ġew imposti fuqha minn Nintendo. Għalhekk l-aġir ta’ Nintendo kien unilaterali u kienet il-Kummissjoni li kellha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ qbil, espress jew taċitu, min-naħa ta’ Itochu Hellas (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Ottubru 2000, Bayer vs Il-Kummissjoni, T-41/96, Ġabra p. II-3383, punti 71 u 72).
103
Mill-punt 1 B tal-Linji gwida jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni ma tistax iżżid l-ammont ta’ tluq tal-multa minħabba t-tul tal-ksur ħlief sa fejn din iż-żieda tikkonċerna restrizzjonijiet li jkollhom impatt negattiv u fit-tul fuq il-konsumaturi. Għalhekk, jekk, f’ċertu perijodu, il-ksur ma kellux impatt negattiv fuq il-konsumatur, ma tista’ tkun ġustifikata ebda żieda tal-imsemmi ammont minħabba t-tul.
104
F’din il-kawża, il-Kummissjoni ma setgħetx tressaq l-iċken prova tal-parteċipazzjoni ta’ Itochu Hellas fil-“pjan” konkluż minn Nintendo sabiex jiġi miġġieled il-kummerċ parallel, ħlief għal ċerti inċidenti li ġraw fl-1996 u għal każ iżolat fl-1993. Il-perijodu tal-ksur, f’dak li jikkonerna Itochu Hellas, huwa għalhekk ħafna iqsar minn dak stabbilit fid-Deċiżjoni.
105
It-tieni nett, u sussidjarjament, ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni kien imissha, għall-inqas u skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, ħadet inkunsiderazzjoni r-rwol passiv ta’ Itochu Hellas fil-ksur allegat, jew inkella l-fatt li l-perijodu ta’ ksur allegat, minn Diċembru 1991 sa Frar 1997, kien jinkludi perijodi twal li fihom Itochu Hellas ma kinitx involuta u kellha rwol passiv fil-ksur allegat. Ir-rikorrenti tissuġġerixxi, għalhekk, li, la l-Kummissjoni tikkunsidra li l-ksur dam iżjed minn sena, hija kellha żżid l-ammont ta’ tluq tal-multa ta’ Itochu, minħabba t-tul, b’perċentwali inqas minn 10% (pereżempju 5%), minħabba r-rwol passiv li kellha Itochu Hellas. Dan il-metodu huwa konformi mal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni fil-kawżi msejħa “Volkswagen” u “Pajpijiet tal-ħadid mhux magħquda” [rispettivament, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/273/KE, tat-28 ta’ Jannar 1998, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/35.733 — VW) (ĠU L 124, p. 60), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/60/KE, tal-, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/35.691/E-4 — Pajpijiet tal-ħadid mhux magħquda) (ĠU 1999, L 24, p. 1)]. B’mod iktar sussidjarju, il-Kummissjoni kellha, għall-inqas, tapplika perċentwali iżgħar ta’ żieda minħabba t-tul għas-snin li matulhom il-ksur allegat kien sporadiku ħafna, jew anki ineżistenti. Tali perċentwali għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi applikata, għall-inqas, għall-perijodi li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni ma ressqitx l-iċken prova tal-parteċipazzjoni ta’ Itochu Hellas fil-ksur allegat (jiġifieri għall-perijodu sa April-Mejju 1995 u minn Mejju 1996 sa Frar 1997). Ir-rikorrenti tosserva, barra minn hekk, li, matul dan il-perijodu tal-aħħar, l-impjegati ta’ Itochu Hellas involuti fid-distribuzzjoni tal-prodotti Nintendo kienu ħallew l-impriża u li Nintendo kellha diġà l-intenzjoni li ttemm il-ftehim ma’ Itochu Hellas.
106
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha mqajma mir-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
107
Dan il-motiv huwa essenzjalment magħmul minn żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddikjarat li hija kienet ipparteċipat fil-ksur allegat mis-16 ta’ Diċembru 1991 sat- u meta ddeċidiet li l-ammont ta’ tluq kellu jiżdied b’50%, skont l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 B tal-Linji gwida. Fit-tieni parti, invokata b’mod sussidjarju, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kien imissha applikat rata ta’ żieda għal kull sena tal-ksur ta’ inqas minn 10% fid-dawl tar-rwol passiv ta’ Itochu Hellas u tal-perijodi twal li matulhom din tal-aħħar ma kinitx involuta fil-ksur. Meta naqset li tagħmel dan, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità.
— Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur manifest ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tal-perijodu li matulu r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur
108
Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tinvoka l-motiv dwar it-tul tal-ksur b’mod sussidjarju biss, insostenn ta’ talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa imposta fiuqha. Madankollu, mill-atti tar-rikorrenti jirriżulta li din qiegħda essenzjalment tikkontesta l-legalità tad-Deċiżjoni sa fejn tikkonstata, kif indikat fl-Artikolu 1 tad-dispożittiv tagħha, li l-ksur kien mifrux fuq perijodu bejn is-16 ta’ Diċembru 1991 u t-. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, fl-atti tagħha, ir-rikorrenti espressament talbet l-annullament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni. Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti mhijiex qed tindirizza biss l-annullament jew it-tnaqqis tal-multa, iżda wkoll l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni u b’mod partikolari tal-Artikolu 1 tad-dispożittiv tagħha, sa fejn f’dan l-artikolu l-Kummissjoni allegatament tikkonstata b’mod żbaljat li l-ksur kien sar mis- sat- (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T-38/02, Ġabra p. II-4407, punti 210 sa 213).
109
Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-perijodu tal-ksur, għandu jiġi mfakkar li skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar ukoll li l-Artikolu 81(1) KE jipprojbixxi l-ftehim li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni. B’hekk, meta ftehim li jkollu għan antikompetittiv ma jiġix implementat, xorta waħda għandu jittieħed inkunsiderazzjoni ż-żmien li matulu eżista l-ftehim, jiġifieri l-perijodu li jkun iddekorra bejn id-data tal-konklużjoni tiegħu u d-data li fiha jkun intemm (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 77 iktar ’il fuq, punt 280, u tas-27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale et vs Il-Kummissjoni, T-49/02 sa T-51/02, Ġabra p. II-3033, punt 185).
110
F’din il-kawża, mhuwiex ikkontestat li Itochu Hellas u Nintendo kkonkludew ftehim ta’ distribuzzjoni intiż li jillimita l-kummerċ parallel. Peress li l-ksur ġie stabbilit abbażi ta’ dan il-ftehim, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li l-perijodu tal-ksur kien jikkorrispondi għat-tul ta’ dan il-ftehim.
111
B’hekk il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 351 tad-Deċiżjoni, li l-parteċipazzjoni ta’ Itochu Hellas fil-ksur kienet damet mis-16 ta’ Diċembru 1991 (data tal-iffirmar tal-ftehim ta’ distribuzzjoni) sat- (data li fiha l-kuntratt ta’ distribuzzjoni spiċċa), jiġifieri għal tul ta’ ħames snin u xahrejn.
112
F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt, jekk jitqies li huwa minnu, li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim ma ġewx implementati għal perijodi twal ma għandu ebda rilevanza fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-perijodu tal-ksur.
113
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax f’dan ir-rigward tallega li Nortec ibbenefikat minn trattament iktar favorevoli peress li, għalkemm din l-impriża kienet ikkonkludiet ftehim ta’ distribuzzjoni ma’ Nintendo, il-Kummissjoni ddeċidiet li tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodu effettiv li fih hija pparteċipat fil-ksur. Fil-fatt, il-ftehim ta’ distribuzzjoni konkluż bejn Nintendo u Nortec, kuntrarjament għal dak konkluż bejn Nintendo u Itochu Hellas, li kien jirrestrinġi espressament il-possibbiltà li l-prodotti inkwistjoni jkunu esportati paralellament (ara l-premessa 264 tad-Deċiżjoni), ma kien jinkludi ebda klawżola restrittiva tal-kompetizzjoni. Għalhekk, sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ Nortec fil-ksur inkwistjoni, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq it-termini ta’ xi ftehim ta’ distribuzzjoni iżda fuq numru ta’ ittri li hija skambjat ma’ Nintendo.
114
Ir-rikorrenti lanqas ma tista’ tinvoka l-fatt li t-termini tal-ftehim kienu ġew imposti fuq Itochu Hellas peress li din tal-aħħar ma kellha ebda għażla oħra ħlief li taċċettahom. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma spejgatx kif dan il-fatt għandu jkollu effett fuq id-determinazzjoni tal-perijodu li fih hija pparteċipat fil-ksur. Barra minn hekk, ir-rikorrenti, minflok tipparteċipa fl-attivitajiet inkwistjoni, setgħet tirrapporta l-imsemmija pressjonijiet li hija kienet suġġetta għalihom lill-awtoritajiet kompetenti u setgħet tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Marzu 2002, KE KELIT vs Il-Kummissjoni, T-17/99, Ġabra p. II-1647, punt 50, u tad-, Union Pigments vs Il-Kummissjoni, T-62/02, Ġabra p. II-5057, punt 63).
115
Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-eventwali passività tar-rwol li kellha Itochu għandha ssir fl-istadju tal-eżami taċ-ċirkustanzi attenwanti.
116
Fir-rigward tal-argumenti l-oħra ta’ Itochu, ibbażati fuq l-allegat nuqqas ta’ effetti negattivi tal-ksur, dawn jikkonċernaw fir-realtà l-eżami tal-gravità intrinsika tal-ksur u mhux dak tat-tul tiegħu. Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-punt 1 B tal-Linji gwida, li jgħid li “[f]’sens ġenerali, iż-żieda fil-multa għall-ksur ta’ terminu twil tirrapreżenta tisħiħ konsiderevoli tal-prattika ta’ qabel bil-għan li jiġu [i]mposti sanzjonijiet effettivi fuq restrizzjonijiet li kellhom impatt negattiv fuq konsumaturi għal perijodu twil”, ma jissuġġettax żieda minħabba t-tul għall-prova li l-ksur inkwistjoni kellu effett negattiv u fit-tul fuq il-konsumaturi.
117
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-ewwel parti ta’ dan il-motiv ma tistax tiġi aċċettata.
— Dwar it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ propozjonalità fl-iffissar tar-rati ta’ żieda għal kull sena tal-ksur
118
Skont il-punt 1 B tal-Linji gwida, il-Kummissjoni għandha l-possibbiltà, f’dak li jikkonċerna l-ksur għal perijodu twil (ta’ iktar minn ħames snin), li żżid l-ammont adottat minħabba l-gravità tal-ksur b’rata, li tista’ tkun sa 10%, għal kull sena tal-ksur.
119
F’din il-kawża, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 403 tad-Deċiżjoni, li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fil-ksur għal tul ta’ ħames snin u xahrejn, jiġifieri għal żmien twil fis-sens tal-Linji gwida, u hija żiedet il-multa b’50% minħabba t-tul tal-ksur. Meta għamlet hekk, il-Kummissjoni osservat ir-regoli li hija stess imponiet fil-Linji gwida. Barra minn hekk, din iż-żieda ta’ 50% fid-dawl tat-tul tal-ksur mhijiex, f’din il-kawża, manifestament sproporzjonata.
120
Is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni rriżervat lilha nnifisha possibbiltà li żżid il-multa sa 10% għal kull sena tal-ksur b’ebda mod ma jobbligaha tistabbilixxi din ir-rata skont l-intensità tal-ksur jew inkella skont il-livelli differenti ta’ parteċipazzjoni ta’ kull waħda mill-impriżi li wettqu l-ksur.
121
Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-argument li l-Kummissjoni kien imissha applikat rata ta’ żieda inqas fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti kellha biss rwol passiv fil-ksur jew, għall-inqas, fid-dawl tal-fatt li l-aġir li bih hija akkużata huwa sporadiku jekk mhux ukoll rari, ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, skont il-metodoloġija spjegata fil-Linji gwida, l-evalwazzjoni tal-gravità skont il-parteċipazzjoni ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati fil-ksur, fid-dawl b’mod partikolari tal-attività jew tal-passività tagħhom, issir fl-istadju tat-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti skont il-punti 2 u 3 tal-Linji gwida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T-224/00, Ġabra p. II-2597, punt 265).
122
F’din il-kawża, il-Kummissjoni eżaminat preċiżament, u skont il-metodoloġija spjegata fil-Linji gwida, jekk ir-rikorrenti kellhiex rwol passiv fl-istadju tal-eżami taċ-ċirkustanzi attenwanti.
123
Fir-rigward, it-tieni nett, tad-dikjarazzjoni li l-ksur li bih ġiet akkużata r-rikorrenti kien ta’ intensità varjabbli ħafna, il-Kummissjoni kienet obbligata tapplika rata ta’ żieda ħafna inqas, għall-inqas għal parti mill-perijodu kkunsidrat, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li żieda fil-multa skont it-tul mhijiex limitata għas-sitwazzjoni fejn ikun hemm relazzjoni diretta bejn it-tul u dannu serju kkawżat lill-għanijiet Komunitarji previsti mir-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, T-202/98, T-204/98 u T-207/98, Ġabra p. II-2035, punt 106, u s-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 47 iktar ’il fuq, punt 278).
124
Fir-rigward tar-riferiment magħmul mir-rikorrenti għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni meħuda fil-kawżi Volkswagen u Pajpijiet tal-ħadid mhux magħquda rispettivament, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw każijiet oħra għandhom biss natura indikattiva fir-rigward tal-possibbiltà li jkun hemm diskriminazzjoni peress li huwa ftit verosimili li ċ-ċirkustanzi li jkunu partikolari għalihom, bħas-swieq, il-prodotti, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati, ikunu identiċi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C-167/04 P, Ġabra p. I-8935, punti 201 u 205, u tas-, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C-76/06 P, Ġabra p. I-4405, punt 60).
125
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-motiv dwar iż-żieda fl-ammont tal-multa minħabba t-tul għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ prorporzjonalità, minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi attenwanti
L-argumenti tal-partijiet
126
L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li, meta ma naqqsitx l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha minħabba r-rwol passiv ta’ Itochu Hellas fil-ksur allegat, mingħajr ġustifikazzjoni adegwata, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 253 KE. Barra minn hekk, meta kkunsidrat din iċ-ċirkustanza attenwanti fir-rigward ta’ Concentra u mhux fir-rigward ta’ Itochu, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali.
127
Ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li, fl-eventwalità li jiġi deċiż li d-Deċiżjoni ġustament ġiet indirizzata lilha, ikun importanti li jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol esklużivament passiv tagħha fil-ksur kontenzjuż. Ir-rikorrenti tosserva, fit-tieni lok, li Itochu Hellas kienet iddikjarat, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-fajl tal-Kummissjoni kellu biss provi limitati ħafna dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur allegat. F’dan ir-rigward, Itochu Hellas, bħala distributriċi żgħira tal-prodotti Nintendo fiż-ŻEE, kellha biss sehem minuri fil-mekkaniżmu globali maħluq minn Nintendo sabiex tiġi miġġielda l-importazzjoni parallela.
128
Barra minn hekk, ir-rwol li kellha Itochu Hellas kien, skont ir-rikorrenti, għall-inqas passiv daqs dak li kellha Concentra. Issa, il-Kummissjoni naqqset l-ammont bażiku tal-multa ta’ Concentra b’50% minħabba din il-passività (premessi 212, 213 u 421 tad-Deċiżjoni). Skont ir-rikorrenti, Itochu Hellas sempliċement informat lil Nintendo bl-eżistenza tal-kummerċ parallel, l-istess bħalma għamlet Concentra. L-uniku element distintiv invokat mill-Kummissjoni huwa li Itochu Hellas għamlet rapport lil Nintendo “bit-tama li NOE ssolvi din il-problema”. Din it-“tama”, identifikata mill-Kummissjoni, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala prova li Itochu Hellas kellha rwol attiv fil-ksur.
129
F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-ftehim ta’ distribuzzjoni li Itochu Hellas ikkonkludiet ma’ Nintendo kien ftehim standard u li hija ma kellha ebda marġni sabiex tinnegozja t-termini tiegħu. Għalhekk, is-sitwazzjoni tad-distributuri indipendenti ta’ Nintendo, b’mod partikolari dik ta’ Itochu Hellas, li ma kellhom ebda għażla oħra ħlief li jagħtu l-kunsens tagħhom għall-imsemmi kuntratt, għandha tiġi distinta minn dik tal-konċessjonarji msemmija fil-kawża deċiża bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 1979, BMW Belgium et vs Il-Kummissjoni (32/78, 36/78 sa 82/78, Ġabra p. 2435). Ir-rikorrenti tippreċiża li, fid-dawl tal-pożizzjoni ta’ Nintendo fil-Greċja u tar-riskji ta’ telf li hija setgħet iġġarrab, Itochu Hellas ma kellha ebda għażla oħra ħlief li taċċetta t-termini tal-ftehim ta’ distribuzzjoni. B’hekk, l-attivitajiet ta’ Nintendo kienu jirrappreżentaw parti kbira mill-attivitajiet ta’ Itochu Hellas mill-1991 sal-1996 u t-telf tagħhom fl-1997 kien affettwa serjament lil Itochu Hellas. Meta l-ftehim ġie xolt minn Nintendo, fl-1998-1999, id-dħul mill-bejgħ tagħha waqa’ bi 12 jew 13% tad-dħul mill-bejgħ tagħha fl-1997.
130
It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 253 KE meta rrifjutat, mingħajr ġustifikazzjoni adegwata, li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li Itochu Hellas ma kinitx implementat il-prattiki restrittivi inkwistjoni. Hija indikat, fl-ewwel lok, li Itochu Hellas esportat prodotti Nintendo li ġejjin mill-Greċja u li hija wettqet ċertu numru ta’ bejgħ fi ħdan ż-ŻEE, b’mod partikolari fi Spanja. Il-klawżola kontenzjuża tal-ftehim ta’ distribuzzjoni, li tipprovdi li Itochu Hellas ma setgħetx tbigħ lil bejjiegħa stabbiliti fil-Greċja u approvati minn Nintendo, qatt ma ġiet deċiża jew implementata. Fil-prattika, Nintendo stess qatt ma interveniet fl-għażla jew fil-ħatra tal-bejjiegħa ta’ Itochu Hellas u qatt ma għamlet kummenti f’dan ir-rigward. Ir-rikorrenti ssostni, fit-tieni lok, li mill-fajl tal-Kummissjoni jirriżulta li kien hemm volum kontinwu u sinjifikattiv ta’ importazzjoni parallela lejn il-Greċja matul il-perijodu tal-ksur allegat. Dan huwa xhieda tal-fatt li Itochu Hellas qatt ma opponiet il-kummerċ parallel tal-prodotti Nintendo. Fl-aħħar lok, hija tiċħad ukoll li ppruvat tuża l-ksur għall-benefiċċju tagħha, kif jixhed it-telf li hija ġarrbet matul il-perijodu inkwistjoni.
131
Il-Kummissjoni tikkontesta l-ilmenti kollha mqajma mir-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
132
F’din il-kawża għandu jiġi eżaminat jekk kienx ġustament u mingħajr ma kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni l-Kummissjoni rrifjutat, l-ewwel nett, li tirrikonoxxi li r-rikorrenti kellha rwol passiv fil-ksur u, it-tieni nett, li tikkonkludi li hija ma kinitx implementat l-imsemmi ksur.
— Fuq in-natura passiva tar-rwol li kellha r-rikorrenti fil-ksur
133
Preliminarjament, għandu jiġi kkunsidrat li, sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti huma intiżi li jikkontestaw l-involviment personali ta’ Itochu fl-akkordju kontenzjuż, dawn għandhom, wara l-eżami tal-motiv imqajjem insostenn tat-talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni, jiġu miċħuda.
134
Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, meta ksur jitwettaq minn diversi impriżi, għandha tiġi eżaminata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull waħda minnhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 623, u tat-, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 150), sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistux, fir-rigward tagħhom, ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.
135
B’mod partikolari, ir-“rwol esklużivament passiv jew emulattiv” ta’ impriża fit-twettiq tal-ksur jista’, jekk ikun stabbilit, jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti, skont l-ewwel inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida, fid-dawl tal-fatt li dan ir-rwol passiv jimplika l-adozzjoni ta’ approċċ “profil baxx” mill-impriża kkonċernata, jiġifieri nuqqas ta’ parteċipazzjoni attiva fil-ħolqien ta’ ftehim antikompetittiv (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni (T-220/00, Ġabra p. II-2473, punt 167).
136
F’din il-kawża, ir-rikorrenti essenzjalment tallega li Itochu Hellas kellha biss sehem minuri fil-qafas tal-mekkaniżmu globali ta’ limitazzjoni tal-importazzjoni parallela maħluq minn Nintendo u li r-rwol tagħha kien għall-inqas passiv daqs dak li kellha Concentra. Hija ssostni barra minn hekk li, meta tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika tagħha, Itochu Hellas ma kinitx f’pożizzjoni li tirrifjuta t-termini tal-ftehim ta’ distribuzzjoni li ġew imposti fuqha minn Nintendo.
137
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li peress li Itochu Hellas effettivament ikkonkludiet il-ftehim ta’ distribuzzjoni kontenzjuż u, għalhekk, formalment tat l-approvazzjoni tagħha għall-prinċipju ta’ restrizzjoni tal-kummerċ parallel, ir-rikorrenti ma tistax tallega li hija kellha biss rwol passiv fil-ksur.
138
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-allegazzjoni li hija kellha biss sehem żgħir fil-mekkaniżmu ta’ limitazzjoni tal-importazzjoni parallela, għandu jiġi rrilevat li, kif enfasizzat il-Kummissjoni fil-premessi 206 u 429 tad-Deċiżjoni, Itochu Hellas diversi drabi għaddiet spontanjament lil Nintendo informazzjoni dwar l-importazzjoni parallela lejn it-territorju tagħha. Meta għamlet hekk, hija pparteċipat fil-mekkaniżmu stabbilit minn Nintendo u l-aġir tagħha juri, għall-inqas, attitudni favorevoli u attiv fir-rigward tal-kontroll tal-akkordju. Il-fatt li Itochu Hellas ma fixklitx jew ma ppruvatx tifxkel l-importazzjoni parallela tal-prodotti inkwistjoni f’ebda każ ma jikkostitwixxi l-prova ta’ parteċipazzjoni “esklużivament” passiva minn din tal-aħħar fil-ksur inkwistjoni. Fil-fatt, tali aġir, li kieku seħħ, jixhed biss inqas entużjażmu fit-tmexxija tal-akkordju, mingħajr madankollu ma jikkontesta l-involviment sħiħ tar-rikorrenti f’dan l-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Diċembru 2005, Brouwerij Haacht vs Il-Kummissjoni, T-48/02, Ġabra p. II-5259, punt 80). Għalhekk mhuwiex biżżejjed li, f’ċerti perijodi jew fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehim, l-impriża kkonċernata adottat “profil baxx”.
139
Ir-rikorrenti lanqas ma tista’ tinvoka l-fatt li Itochu Hellas kienet imġiegħla tikkonkludi l-ftehim ta’ distribuzzjoni sabiex titlob il-benefiċċju ta’ ċirkustanzi attenwanti. Fil-fatt, anki jekk jitqies bħala stabbilit li Nintendo kienet imponiet it-termini tal-ftehim ta’ distribuzzjoni, fatt dan la ma ġiex ipprovat, xorta jibqa’ l-fatt li, meta kkomunikat l-informazzjoni dwar il-kummerċ parallel, hija kkonformat ruħha mal-imsemmi ftehim, mingħajr ma adottat rwol esklużivament passiv jew emulattiv fit-twettiq tal-ksur.
140
Fi kwalunkwe każ, anki li kieku r-rikorrenti kienet imġiegħla tikkonkludi l-ftehim ta’ distribuzzjoni kontenzjuż, fid-dawl tar-rabtiet ta’ dipendenza ekonomika li jikkaratterizzaw ir-relazzjonijiet tagħha ma’ Nintendo, hija ma tistax tinvoka dan il-fatt peress li hija tista’, minflok ma tipparteċipa fl-attivitajiet inkwistjoni, tirrapporta l-imsemmija pressjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti u tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 114 iktar ’il fuq).
141
Barra minn hekk, lanqas l-ilment ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali meta rrikonoxxiet il-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti marbuta mar-rwol esklużivament passiv fir-rigward ta’ Concentra u mhux tar-rikorrenti, ma jista’ jiġi aċċettat. Fil-fatt, mill-konstatazzjonijiet fattwali tal-Kummissjoni, li mhumiex ikkontestati mir-rikorrenti, jirriżulta li r-rwoli li kellhom dawn iż-żewġ impriżi fil-ksur ma kinux komparabbli. Għalkemm it-tnejn li huma għaddew spontanjament informazzjoni lil Nintendo dwar il-kummerċ parallel tal-prodotti Nintendo u talbu l-għajnuna tagħha f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-korrispondenza bejn Nintendo u Concentra, skambjata erba’ darbiet bejn Jannar 1996 u Novembru 1997, kienet iktar sporadika minn dik skambjata bejn Nintendo u Itochu (ara l-premessi 206, 212 u 213 tad-Deċiżjoni). Barra minn hekk u fuq kollox, mill-fatti msemmija mill-Kummissjoni jirriżulta li Itochu għaddiet lil Nintendo informazzjoni preċiża dwar l-effett u l-oriġini tal-kummerċ parallel u li l-korrispondenza ta’ Itochu ppermettiet, għall-inqas f’okkażjoni waħda, li titwaqqaf l-esportazzjoni parallela mir-Renju Unit (ara l-premessi 206 u 429 tad-Deċiżjoni). Għalhekk il-Kummissjoni setgħet tiddistingwi r-rwol li kellha r-rikorrenti fil-ksur minn dak li kellha Concentra u, konsegwentement, setgħet tagħti tnaqqis fil-multa, minħabba ċ-ċirkustanza attenwanti kkostitwita min-natura passiva tar-rwol fil-ksur, lil din tal-aħħar biss.
142
Fir-rigward, fl-aħħar lok, tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu, l-ewwel nett, isir riferiment għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 82 iktar ’il fuq u, it-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, meta ċaħħdet lir-rikorrenti mill-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti invokata, indikat, fid-Deċiżjoni (ara l-premessi 427 sa 429), l-elementi ta’ evalwazzjoni li wassluha sabiex ma tapplikax ċirkustanza attenwanti minħabba rwol purament passiv jew emulattiv fir-rigward tar-rikorrenti. Għalhekk, fuq dan il-punt, hija ma wettqet ebda ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha.
143
Għandu għalhekk jiġi konkluż li l-Kummissjoni ġustament u b’mod suffiċjentement motivat ikkonkludiet li kellha tiġi miċħuda ċ-ċirkustanza attenwanti invokata. Għalhekk, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.
— Fuq l-applikazzjoni effettiva tal-ksur mir-rikorrenti
144
Skont it-termini tat-tieni inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida, in-“nuqqas ta’ implementazzjoni fil-prattika tal-ftehim jew prattiċi illeċiti” jista’ jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti.
145
Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni hija obbligata tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ ċirkustanza attenwanti minħabba li l-akkordju ma jkunx ġie implementat biss jekk l-impriża li tinvoka din iċ-ċirkustanza tkun tista’ turi li hija b’mod ċar u b’qawwa uriet l-oppożizzjoni tagħha għall-implementazzjoni ta’ dan l-akkordju, sal-punt li tkun fixklet it-tħaddim stess tiegħu u jekk hija ma tkunx aderixxiet mal-ftehim u minħabba dan il-fatt, inċitat l-impriżi l-oħra sabiex jimplementaw l-akkordju inkwistjoni. Fil-fatt, ikun wisq faċli għall-impriżi li jimminimizzaw ir-riskju li jkollhom iħallsu multi ħorox jekk huma jkunu jistgħu jibbenefikaw minn akkordju illegali u jibbenefikaw sussegwentement minn tnaqqis tal-multa minħabba li huma kellhom biss rwol limitat fl-implementazzjoni tal-ksur, meta l-aġir tagħhom ikun inċita lill-impriżi l-oħra sabiex jaġixxu b’mod iktar dannuż għall-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T-44/00, Ġabra p. II-2223, punti 277 u 278).
146
Issa, iċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-parti ma jippermettux li jiġi konkluż li hija tbiegħdet b’mod ċar u b’qawwa mill-ftehim konkluż ma’ Nintendo sal-punt li fixklet it-tħaddim tiegħu.
147
Bl-istess mod, Itochu ma tistax validament tinvoka l-fatt li hija ma ppruvatx tuża l-ksur għall-benefiċċju tagħha peress li, matul il-perijodu tal-ksur, hija ġarrbet telf u ltaqgħet ma’ ċerti diffikultajiet ekonomiċi. Minbarra l-fatt li l-Kummissjoni mhijiex obbligata tieħu inkunsiderazzjoni tali elementi fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti (ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ kartelli, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T-236/01, T-239/01, T-244/01 sa T-246/01, T-251/01 u T-252/01, Ġabra p. II-1181, punt 345), ma ġiex stabbilit li dawn l-allegati diffikultajiet kienu marbuta man-nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva tal-miżuri kontenzjużi. B’mod partikolari, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti stess aċċettat, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-prestazzjoni medjokri rreġistrata minn Itochu Hellas matul il-perijodu tal-ksur kienet dovuta għal numru ta’ fatturi indipendenti mill-applikazzjoni tal-ftehim li hija kienet ikkonkludiet ma’ Nintendo.
148
Barra minn hekk, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu l-ewwel nett isir riferiment għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 82 iktar ’il fuq u, it-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, meta ċaħħdet lir-rikorrenti mill-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti invokata, indikat, fid-Deċiżjoni (ara l-premessi 434 sa 437), l-elementi ta’ evalwazzjoni li wassluha sabiex ma tapplikax favur ir-rikorrenti ċirkustanza attenwanti minħabba n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-ftehim kontenzjuż. Għalhekk, fuq dan il-punt, hija ma wettqet ebda ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha.
149
F’dawn iċ-ċirkustanzi, Itochu lanqas ma tista’ tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba din iċ-ċirkustanza attenwanti tal-aħħar.
150
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, minħabba l-iffissar ta’ multa li taqbeż il-limitu ta’ 10% tad-dħul mill-bejgħ magħmul matul is-sena finanzjarja preċedenti
L-argumenti tal-partijiet
151
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 sa fejn id-Deċiżjoni timponi multa li taqbeż l-10% tad-dħul mill-bejgħ ta’ Itochu Hellas matul is-sena finanzjarja ta’ qabel is-sena tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni. Hija tiddikjara li d-Deċiżjoni kien imissha ġiet indirizzata lil Itochu Hellas u li kwalunkwe multa eventwali kien imissha ġiet imposta fuq din il-kumpannija. Għalhekk, il-limitu massimu ta’ 10% kien imissu ġie evalwat fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ ta’ Itochu Hellas fl-2001, li jammonta għal EUR 423475. Meta imponiet multa ta’ EUR 4.5 miljuni, li tikkorrispondi għal iktar minn 50% tad-dħul mill-bejgħ annwali ta’ Itochu Hellas sa mill-1991, bl-eċċezzjoni tal-1994, il-Kummissjoni ma mxietx ma’ dan il-limitu. Ir-rikorrenti, għalhekk, titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tnaqqas il-multa imposta fuqha mill-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni għal ammont li ma jaqbiżx EUR 42348, jiġifieri somma ekwivalenti għal 10% tad-dħul mill-bejgħ ta’ Itochu Hellas fl-2001.
152
Fir-replika, ir-rikorrenti tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li dan il-motiv jikkontradixxi l-motiv ibbażat fuq l-imputabbiltà żbaljata tal-ksur lir-rikorrenti f’dak li jirrigwarda l-miżuri mitluba. Hija tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li ma tannullax id-Deċiżjoni iżda li tevalwa mill-ġdid l-ammont tal-multa, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni li għandha Itochu Hellas fis-suq. Għalhekk, dan il-motiv huwa invokat ukoll b’mod sussidjarju, fl-eventwalità li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tannullax id-Deċiżjoni kif mitlub mir-rikorrenti fl-ewwel kap tat-talbiet tagħha.
153
Il-Kummissjoni talbet li dan il-motiv jiġi miċħud.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
154
L-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jipprevedi li l-multi imposti mill-Kummissjoni fuq l-impriżi li jkunu kisru l-Artikolu 81 KE jew l-Artikolu 82 KE jistgħu jiżdiedu għal “10% tat-turnover [dħul mill-bejgħ] fis-sena ta’ negozju preċedenti ta’ kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur”.
155
F’din il-kawża, Itochu ssostni li l-Kummissjoni kellha tistabbilixxi l-ammont tal-multa billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ ta’ Itochu Hellas, li hija biss hija responsabbli għall-ksur.
156
Issa, kif jirriżulta mill-eżami tal-motiv imqajjem minn Itochu insostenn tat-talba tagħha għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ġustament indirizzat id-Deċiżjoni lil Itochu sa fejn din għandha tinżamm responsabbli għall-ksur.
157
Għalhekk, dan il-motiv ma jistax jintlaqa’ sa fejn il-Kummissjoni għandha, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10%, tikkunsidra d-dħul mill-bejgħ tal-impriża kkonċernata, jiġifieri l-impriża li lilha ġie attribwit il-ksur u li, għal din ir-raġuni, ġiet iddikjarata responsabbli u ġiet innotifikata bid-deċiżjoni li timponi l-multa (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il-Kummissjoni, T-304/02, Ġabra p. II-1887, punt 116; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T-71/03, T-74/03, T-87/03 u T-91/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 390).
158
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża
L-argumenti tal-partijiet
159
Ir-rikorrenti ssostni li, mill-formulazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Itochu Hellas u Itochu wasslu għall-konklużjoni li l-Kummissjoni kienet allegatament identifikat ksur tal-Artikolu 81(1) KE ta’ natura kemm vertikali kif ukoll ta’ natura orizzontali. Fl-eżami tal-aspett orizzontali tal-ksur allegat, ir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, imressqa f’isem Itochu Hellas u Itochu, inkitbet billi ttieħdet inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li jiġi applikat l-Avviż dwar il-kooperazzjoni, li l-applikazzjoni tiegħu hija limitata għal kooperazzjoni mal-Kummissjoni mill-impriżi involuti f’akkordju orizzontali sigriet.
160
Għalhekk, f’diversi punti, Itochu Hellas u Itochu, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għażlu li ma jikkontestawx l-interpretazzjoni tal-fatti magħmula mill-Kummissjoni. Meta għamlu hekk, huma ma setgħux jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tad-difiża bl-aħjar mod possibbli, jew, għall-inqas, adottaw strateġija ta’ difiża li huma ma kinux jadottaw li kieku ma kinux żgwidati mill-Kummissjoni. B’hekk, peress li Itochu Hellas ma kellha ebda dokument dwar id-distribuzzjoni tal-prodotti Nintendo, l-uniku mod li bih setgħet tikkoopera mal-Kummissjoni kien li ma tikkontestax il-verità tal-fatti.
161
Ir-rikorrenti tikkunsidra li, meta llimitat l-evalwazzjoni legali tal-ksur fid-Deċiżjoni għal ftehim vertikali, il-Kummissjoni ħolqot sitwazzjoni fejn għall-impriżi involuti ma kienx għadu possibbli li jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni. Tali metodu żleali jikser id-drittijiet tad-difiża tal-impriżi involuti peress li huma kienu jkunu jistgħu jiżviluppaw strateġija ta’ difiża differenti minn dik li sempliċement ssirx kontestazzjoni tal-fatti.
162
Skont ir-rikorrenti, dan it-tibdil fil-metodu kellu l-konsegwenza li Itochu ma tistax tibbenefika minn tnaqqis ta’ 10% fl-ammont tal-multa tagħha, imposta minħabba l-aġir ta’ Itochu Hellas fil-kuntest ta’ ksur vertikali, filwaqt li hija kienet tkun tista’ tibbenefika minn tali tnaqqis li kieku kienet involuta f’akkordju orizzontali. Minn dan ir-rikorrenti tikkonkludi li, fl-eventwalità li l-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni ma kisritx id-drittijiet tad-difiża, Itochu xorta waħda għandha tibbenefika minn tnaqqis fl-ammont tal-multa tagħha ta’ mill-inqas 10% minħabba li hija ma kkontestatx il-verità tal-fatti esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni.
163
Ir-rikorrenti ssostni, fir-replika tagħha, li, għalkemm, kif issostni l-Kummissjoni, kull kooperazzjoni effettiva tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti barra mill-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa li jirriżulta minn din iċ-ċirkustanza attenwanti mhuwiex suġġett għall-istess kundizzjonijiet. B’mod partikolari, dan l-avviż ma jirrikjedix li, sabiex tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti inkwistjoni, tali kooperazzjoni trid issir f’sitwazzjoni fejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tkun ibbażata fuq numru kumpless ta’ fatti marbuta bejniethom.
164
Il-Kummissjoni tqajjem l-oġġezzjoni li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti huma vvizzjati kemm fil-fatt kif ukoll fil-liġi. It-tnaqqis tal-ammont tal-multa mitlub mir-rikorrenti minħabba l-allegata kooperazzjoni tagħha f’ebda każ ma jista’ jiġi aċċettat.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
165
L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jidher li qed tissuġġerixxi r-rikorrenti, mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet b’ebda mod ma jirriżulta li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tillimita, fl-istadju tal-proċedura amministrattiva, l-evalwazzjoni legali tagħha għall-aspett orizzontali tal-ksur allegat.
166
F’dan ir-rigward, il-fatt li l-Kummissjoni għamlet riferiment, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għat-terminoloġija u għall-ġurisprudenza dwar il-ftehim orizzontali ma setax, fih innifsu, iwassalha għal żball.
167
Barra minn hekk, ir-risposta mogħtija mir-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet turi b’mod ċar li, fil-fehma tagħha stess, il-ksur allegat kien jikkonċerna relazzjoni ta’ natura vertikali.
168
Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet li tabbanduna l-oġġezzjonijiet dwar l-eventwali aspetti orizzontali tal-ksur f’ebda każ ma seta’ ħadem kontra r-rikorrenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li r-rekwiżit li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tinkludi spjegazzjoni tal-oġġezzjonijiet miktuba b’termini suffiċjentement ċari, anki jekk ikunu fil-forma ta’ sunt, sabiex il-persuni interessati jkunu jistgħu jagħrfu effettivament l-aġir li l-Kummissjoni qed takkużahom bih ikun osservat meta d-deċiżjoni ma tpoġġix fuq il-persuni interessati responsabbiltà għal ksur differenti minn dak ikkontemplat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tikkunsidra biss il-fatti li fuqhom il-persuni interessati kellhom l-okkażjoni jispjegaw ruħhom.
169
Meta d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħti indikazzjoni ċara tan-natura tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni attribwit lill-impriża inkwistjoni u tal-fatti essenzjali invokati f’dan ir-rigward, din l-impriża tkun f’pożizzjoni li twieġeb għal din l-akkuża u li tiddefendi d-drittijiet tagħha. Preżentazzjoni sussegwenti tal-oġġezzjonijiet fid-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni li tikkwalifika akkordju ekonomiku bħala “vertikali” jew “orizzontali” ma tammontax għal bidla materjali tal-oġġezzjonijiet minn kif kienu ppreżentati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 2005, DaimlerChrysler vs Il-Kummissjoni, T-325/01, Ġabra p. II-3319, punti 188, 189 u 192).
170
Għalhekk, id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma nkisrux meta l-Kummissjoni llimitat, fid-deċiżjoni kkontestata, id-deskrizzjoni tal-ksur inkwistjoni għall-aspetti vertikali tiegħu.
171
Fi kwalunkwe każ, il-bidla fil-formulazzjoni adottata mill-Kummissjoni b’ebda mod ma ċaħħdet lir-rikorrenti mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni tagħha sa fejn hija qatt ma talbet il-benefiċċju tal-Avviż tal-kooperazzjoni, skont il-punt E tiegħu, u sa fejn il-kooperazzjoni effettiva tal-impriżi inkwistjoni ttieħdet inkunsiderazzjoni barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-avviż (ara l-premessi 454 sa 464 tad-Deċiżjoni).
172
Fid-dawl ta’ kollu li ntqal iktar ’il fuq, l-aħħar motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud ukoll.
173
Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.
Fuq l-ispejjeż
174
Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1)
Ir-rikors huwa miċħud.
2)
Itochu Corp. hija kkundannata għall-ispejjeż.
Martins Ribeiro
Papasavvas
Wahl
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ April 2009.
Firem
Werrej
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1. L-impriżi inkwistjoni
2. Il-proċedura amministrattiva
Investigazzjoni dwar is-settur tal-logħob vidjo (Każ IV/35.587 PO Video Games)
Investigazzjoni addizzjonali speċifikament dwar is-sistema ta’ distrubuzzjoni ta’ Nintendo (Każ IV/35.706 PO Nintendo Distribution)
Investigazzjoni b’riżultat tal-ilment li sar minn Omega Electro BV (Każ IV/36.321 Omega — Nintendo)
3. Id-deċiżjoni kkontestata
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
Id-dritt
1. Fuq it-talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
2. Fuq it-talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità fir-rigward tat-trattament differenzjat magħmul mill-Kummissjoni
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ prorporzjonalità u ta’ trattament ugwali fiż-żieda tal-ammont ta’ tluq tal-multa bħala dissważjoni
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fiż-żieda tal-ammont tal-multa minħabba t-tul tal-ksur
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
— Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur manifest ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tal-perijodu li matulu r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur
— Dwar it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ propozjonalità fl-iffissar tar-rati ta’ żieda għal kull sena tal-ksur
Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ prorporzjonalità, minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi attenwanti
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
— Fuq in-natura passiva tar-rwol li kellha r-rikorrenti fil-ksur
— Fuq l-applikazzjoni effettiva tal-ksur mir-rikorrenti
Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, minħabba l-iffissar ta’ multa li taqbeż il-limitu ta’ 10% tad-dħul mill-bejgħ magħmul matul is-sena finanzjarja preċedenti
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
Fuq l-ispejjeż
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
( 1 ) Data kunfidenzjali miżmuma.
Top