SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)
30 ta’ April 2009 ( *1 )
“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-consoles tal-logħob vidjo (video games) u tal-cartridges tal-logħob Nintendo — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Limitazzjoni tal-esportazzjoni parallela — Multi — Effett dissważiv — Tul tal-ksur — Ċirkustanzi aggravanti — Rwol ta’ mexxej jew ta’ istigatur — Ċirkustanzi attenwanti — Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva”
Fil-Kawża T-13/03,
Nintendo Co., Ltd, stabbilita fi Kyoto (il-Ġappun),
Nintendo of Europe GmbH, stabbilita fi Grossostheim (il-Ġermanja),
irrappreżentati minn I. Forrester, QC, J. Pheasant, M. Powell, C. Kennedy-Loest, solicitors, u J. Killick, barrister,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn O. Beynet u A. Whelan, sussegwentement minn X. Lewis u O. Beynet, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti permezz tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/675/KE, tat-30 ta’ Ottubru 2002, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/35.587 PO Video Games, COMP/35.706 PO Nintendo Distribution u COMP/36.321 Omega — Nintendo) (ĠU 2003, L 255, p. 33),
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tmien Awla),
komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Papasavvas u N. Wahl (Relatur),
Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Mejju 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1. L-impriżi inkwistjoni
1
L-ewwel rikorrenti, Nintendo Co., Ltd (iktar ’il quddiem “NCL” jew “Nintendo”), kumpannija kkwotata fil-Borża li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Kyoto (il-Ġappun), hija l-kumpannija li tikkontrolla l-grupp ta’ kumpanniji Nintendo, li jispeċjalizzaw fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ consoles tal-logħob vidjo (video games) u ta’ cartridges tal-logħob li jintużaw ma’ dawn il-consoles.
2
L-attivitajiet ta’ Nintendo fiż-Żona Ekonomika Ewropeja (ŻEE) huma mmexxija, f’ċerti territorji, minn kumpanniji sussidjarji miżmuma 100% minnha, filwaqt li l-kumpannija sussidjarja prinċipali hija Nintendo of Europe GmbH (iktar ’il quddiem “NOE” jew “Nintendo”), it-tieni rikorrenti. Fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni, NOE kienet tikkoordina ċerti attivitajiet kummerċjali ta’ Nintendo fl-Ewropa u kienet id-distributur esklużiv tagħha fil-Ġermanja.
3
F’territorji ta’ bejgħ oħra, Nintendo appuntat distributuri esklużivi indipendenti. B’hekk, f’Awwissu 1995, The Games Ltd, taqsima kummerċjali ta’ John Menzies Distribution Ltd, kumpannija sussidjarja miżmuma 100% minn John Menzies plc, saret id-distributur esklużiv ta’ Nintendo għar-Renju Unit u l-Irlanda, u baqgħet distributur esklużiv mill-inqas sal-31 ta’ Diċembru 1997.
2. Il-proċedura amministrattiva
Investigazzjoni dwar is-settur tal-logħob vidjo (Każ IV/35.587 PO Video Games)
4
F’Marzu 1995, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni dwar is-settur tal-logħob vidjo (Każ IV/35.587 PO Video Games). Fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni bagħtet, fis-26 ta’ Ġunju u fid-, talbiet għal informazzjoni lil Nintendo, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-, l-Ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU 1962, 13, p. 204), sabiex tikseb informazzjoni b’mod partikolari dwar id-distributuri u s-sussidjarji tagħha, dwar il-ftehim ta’ distribuzzjoni formalment konklużi ma’ dawn l-impriżi u dwar il-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ. NOE wieġbet għal dawn it-talbiet permezz ta’ ittri tal-31 ta’ Lulju u tas-.
Investigazzjoni addizzjonali speċifikament dwar is-sistema ta’ distrubuzzjoni ta’ Nintendo (Każ IV/35.706 PO Nintendo Distribution)
5
B’riżultat tal-konklużjonijiet preliminari tagħha, il-Kummissjoni bdiet, f’Settembru 1995, investigazzjoni addizzjonali speċifikament dwar is-sistema ta’ distribuzzjoni ta’ Nintendo (Każ IV/35.706 PO Nintendo Distribution).
6
Fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni, fid-9 ta’ Ottubru 1995, bagħtet talba għal informazzjoni lil Nintendo. Saru diversi laqgħat dwar il-politika ta’ distribuzzjoni ta’ Nintendo bejn ir-rappreżentanti ta’ Nintendo u l-Kummissjoni. Barra minn hekk, Nintendo pprovdiet diversi verżjonijiet tal-ftehim li hija kkonkludiet ma’ wħud mid-distributuri tagħha.
Investigazzjoni b’riżultat tal-ilment li sar minn Omega Electro BV (Każ IV/36.321 Omega — Nintendo)
7
Fis-26 ta’ Novembru 1996, Omega Electro, kumpannija li topera fis-settur tal-importazzjoni u l-bejgħ tal-logħob elettroniku, għamlet ilment skont l-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament Nru 17, li essenzjalment kien jikkonċerna d-distribuzzjoni tal-cartridges u tal-consoles tal-logħob Nintendo, minħabba li, b’mod partikolari, Nintendo kienet qiegħda tostakola l-kummerċ parallel u kienet tuża sistema ta’ prezz impost għall-bejgħ mill-ġdid fl-Olanda. B’riżultat ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni estendiet l-investigazzjoni tagħha (Każ IV/36.321 Omega — Nintendo). Fis-, hija bagħtet talba għal informazzjoni lil Nintendo u lil John Menzies. Fir-risposta tagħha tas-, Nintendo ammettiet li wħud mill-ftehim ta’ distribuzzjoni tagħha u wħud mill-kundizzjonijiet ġenerali tagħha kellhom restrizzjonijiet għall-kummerċ parallel fiż-ŻEE. F’Ottubru 1997, il-Kummissjoni bagħtet talba ġdida għal informazzjoni lil John Menzies, li għaliha din tal-aħħar wieġbet fl- billi pprovdiet ċerta informazzjoni dwar l-akkordju kontenzjuż.
8
Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Diċembru 1997, Nintendo indikat lill-Kummissjoni li hija kienet saret taf bi “problema serja relatata mal-kummerċ parallel fil-Komunità” u esprimiet ix-xewqa tagħha li tikkoopera mal-Kummissjoni.
9
Fit-13 ta’ Jannar 1998, John Menzies ipprovdiet iktar informazzjoni. Fil-, fl- u fil-, Nintendo bagħtet lill-Kummissjoni mijiet ta’ dokumenti. Fil- saret laqgħa bejn il-Kummissjoni u r-rappreżentanti ta’ Nintendo li fiha tqajmet il-kwistjoni tal-eventwali għoti ta’ kumpens lil terzi ppreġudikati mill-akkordju kontenzjuż.
10
Barra minn hekk, b’riżultat tal-ammissjoni tagħha, Nintendo ħadet miżuri sabiex fil-futur tiġi ggarantita l-osservanza tad-dritt Komunitarju u offriet kumpens finanzjarju lil terzi li kienu ġarrbu preġudizzju finanzjarju minħabba l-imġiba tagħha.
11
Fis-26 ta’ April 2000, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil Nintendo u lill-kumpanniji kkonċernati l-oħra, fir-rigward ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”). Nintendo u l-impriżi kkonċernati l-oħra bagħtu, b’risposta għall-oġġezzjonijiet indikati mill-Kummissjoni, noti ta’ osservazzjonijiet li fihom Nintendo u numru minn dawn l-impriżi talbu l-applikazzjoni tal-Avviż tal-Kummissjoni tat- dwar in-nonimpożizzjoni ta’ multi u t-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ akkordji bejn l-impriżi (ĠU C 207, p. 4, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni”). Ebda parti ma talbet li tinżamm seduta formali. Nintendo ma kkontestatx il-verità tal-fatti deskritti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.
12
Fir-rigward b’mod iktar speċifiku tar-rikorrenti, ir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet intbagħtet lill-Kummissjoni fis-7 ta’ Lulju 2000.
3. Id-deċiżjoni kkontestata
13
Fit-30 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/675/KE, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/35.587 PO Video Games, COMP/35.706 PO Nintendo Distribution u COMP/36.321 Omega — Nintendo) (ĠU 2003, L 255, p. 33, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”). Id-Deċiżjoni ġiet innotifikata lil NOE u lil NCL fit-8 u fil- rispettivament.
14
Id-deċiżjoni tinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin:
“L-Artikolu 1
L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 81(1), […] KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, għall-perijodi indikati, f’numru ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma, fis-swieq tal-consoles tal-logħob speċjalizzati u tal-cartridges tal-logħob kompatibbli mal-consoles tal-logħob speċjalizzati mmanifatturati minn Nintendo, li għandhom bħala għan u effett li jirrestrinġu l-esportazzjoni parallela tal-consoles u tal-cartridges tal-logħob Nintendo:
—
[NCL et NOE], minn Jannar 1991 sal-aħħar ta’ Diċembru 1997,
[…]
Artikolu 3
Il-multi li ġejjin huma imposti bħala penali għall-ksur imwettaq mill-impriżi msemmija fl-Artikolu 1:
—
[NCL et NOE], responsabbli in solidum, multa ta’ EUR 149128000,
[…]”
15
Sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat, fid-Deċiżjoni, il-metodu spjegat fil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) [KEFA] (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”). Għall-kuntrarju, hija ddeċidiet li ma tapplikax l-Avviż dwar il-kooperazzjoni minħabba n-natura vertikali tal-ksur.
16
Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ddeterminat l-ammont bażiku tal-multi skont il-gravità u t-tul tal-ksur.
17
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, ikkunsidrat li l-impriżi kkonċernati kienu wettqu ksur serju ħafna fid-dawl tan-natura tiegħu, tal-effetti konkreti tiegħu fuq is-suq u tad-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat.
18
It-tieni nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li, peress li l-ksur uniku u kontinwu inkwistjoni kien jikkonċerna diversi impriżi ta’ daqs differenti ħafna, l-impriżi kkonċernati kellhom jingħataw trattament differenzjat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku ta’ kull waħda minnhom u, għalhekk, tal-effetti reali tal-imġiba illegali tagħhom fuq il-kompetizzjoni. Għal dan il-għan, l-impriżi inkwistjoni tqassmu fi tliet gruppi, skont l-importanza relattiva ta’ kull waħda minnhom fil-konfront ta’ Nintendo, bħala distributur tal-prodotti kkonċernati fiż-ŻEE. Dan il-paragun sar b’riferiment għas-sehem ta’ kull impriża fil-volum totali tal-consoles u tal-cartridges tal-logħob Nintendo mixtrija sabiex jiġu ddistribwiti fiż-ŻEE fl-1997, l-aħħar sena li fiha kien hemm il-ksur. Abbażi ta’ dan, Nintendo biss tpoġġiet fl-ewwel grupp filwaqt li John Menzies biss tpoġġiet fit-tieni grupp. Għal dawn l-impriżi, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont inizjali preliminari skont il-gravità bħala EUR 23 miljun fil-każ ta’ Nintendo u bħala EUR 8 miljun fil-każ ta’ John Menzies. Fir-rigward tal-impriżi kkonċernati l-oħra, ġie stabbilit ammont inizjali preliminari ta’ EUR 1 miljun.
19
Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett suffiċjentement dissważiv, minn naħa, u sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u r riżorsi totali ta’ Nintendo, ta’ John Menzies u ta’ Itochu Corp., min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni żiedet dawn l-ammonti inizjali. B’mod iktar speċifiku, fir-rigward ta’ Nintendo, il-Kummissjoni kkunsidrat li minbarra d-daqs tagħha, li huwa ħafna iżgħar minn dak ta’ Itochu, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li hija kienet timmanifattura l-prodotti li kienu s-suġġett tal-ksur. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ 3 għall-ammonti stabbiliti għal Nintendo u għal Itochu, u ta’ 1.25 għal John Menzies, b’tali mod li l-ammonti inizjali ġew stabbiliti għal EUR 69 miljun fil-każ ta’ Nintendo, għal EUR 10 miljuni fil-każ ta’ John Menzies u għal EUR 3 miljuni fil-każ ta’ Itochu.
20
Fir-rigward tat-tul tal-ksur imwettaq minn kull impriża, l-ammont inizjali ġie miżjud b’10% fis-sena, jiġifieri żieda ta’ 65% għal Nintendo u ta’ 20% għal John Menzies.
21
Għalhekk, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Nintendo bħala EUR 113.85 miljuni.
22
Fit-tieni lok, fir-rigward taċ-ċirkustanzi aggravanti, l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Nintendo ġie miżjud, minn naħa, b’50% minħabba li din l-impriża kellha rwol ta’ mexxej fil-ksur jew ta’ istigatur tal-ksur u, min-naħa l-oħra, b’25% minħabba li hija kienet kompliet bil-ksur wara l-ewwel atti ta’ investigazzjoni li saru f’Ġunju 1995 fil-kuntest tal-investigazzjoni mill-Kummissjoni. L-ammont bażiku tal-multa imposta fuq John Menzies ġie miżjud b’20%, żieda li tikkorrispondi, l-ewwel nett, għal żieda ta’ 10% sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li hija kienet kompliet bil-ksur wara l-bidu tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni u, it-tieni nett, għal żieda ta’ 10% minħabba li rrifjutat li tikkoopera mal-Kummissjoni.
23
Fit-tielet lok, fil-kuntest tal-eżami taċ-ċirkustanzi attenwanti, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, ikkunsidrat li kien ġustifikat li titnaqqas il-multa imposta fuq waħda mill-impriżi kkonċernati, jiġifieri Concentra — Produtos para crianças, SA, distributur esklużiv ta’ Nintendo għall-Portugall, minħabba r-rwol esklużivament passiv tagħha fil-biċċa l-kbira tal-perijodu inkwistjoni. It-tieni nett, il-Kummissjoni tat lil Nintendo tnaqqis ta’ EUR 300000, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-kumpens finanzjarju offrut minn din l-impriża lil terzi ppreġudikati mill-akkordju kkontestat u li kienu ġew identifikati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fl-aħħar nett, ingħata tnaqqis ta’ 40% u ta’ 25% lil John Menzies u lil Nintendo rispettivament fid-dawl tal-kooperazzjoni effettiva tagħhom mal-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-impriżi kkonċernati l-oħra ma ġiet rikonoxxuta ebda ċirkustanza attenwanti.
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
24
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Jannar 2003, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.
25
Abbażi tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.
26
Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Mejju 2008, ir-rikorrenti indikaw li kienu qed jirrinunzjaw għall-motiv dwar żieda żbaljata tal-multa fuq il-bażi tal-ewwel sena ta’ ksur.
27
It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tad-19 ta’ Mejju 2008. F’din l-okkażjoni, il-Kummissjoni indikat li ma kellha ebda osservazzjonijiet x’tagħmel dwar ir-rinunzja msemmija iktar ’il fuq.
28
Matul l-istess seduta, ir-rikorrenti għaddew lill-Membri tal-Qorti tal-Prim’Istanza u lill-konvenuta dokument li jikkonsisti f’verżjoni kkoreġuta ta’ anness tal-kontroreplika. B’dan l-anness, il-Kummissjoni riedet turi l-kooperazzjonijiet rispettivi tal-impriżi involuti fl-investigazzjoni tagħha. Wara li semgħet lill-partijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li ddaħħal dan id-dokument fil-proċess u tat lill-Kummissjoni terminu sabiex tagħmel osservazzjonijiet dwar dan id-dokument. Wara l-preżentata ta’ dawn l-osservazzjonijiet, ingħalqet il-proċedura orali.
29
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
—
tannulla l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni, sa fejn dan jimponilhom multa;
—
fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tannulla jew tnaqqas l-ammont tal-multa għal ammont ikkunsidrat xieraq;
—
tieħu kull miżura oħra xierqa;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
30
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
—
tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;
—
tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
31
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret forom proċedurali sostanzjali, it-Trattat KE u r-regoli ta’ applikazzjoni tiegħu meta imponitilhom multa ta’ kważi EUR 150 miljun, li hija l-iktar multa ħarxa imposta għal ksur vertikali u, fid-data tad-Deċiżjoni, ir-raba’ l-ikbar multa li qatt ġiet imposta fuq impriża individwali għal ksur uniku. Skont ir-rikorrenti, il-multa hija illegali minħabba, l-ewwel nett, l-ammont manifestament sproporzjonat tagħha u, it-tieni nett, vizzji marbuta ma’ kull wieħed mill-istadji differenti tal-kalkolu tagħha.
32
L-argumenti invokati mir-rikorrenti, li huma għalhekk ilkoll marbuta mal-iffissar tal-ammont tal-multa, jikkonċernaw, fl-ewwel lok, il-gravità tal-ksur, fit-tieni lok, l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur bħala dissważjoni, fit-tielet lok, it-tul tal-ksur, fir-raba’ lok, iż-żieda tal-multa minħabba ċirkustanzi aggravanti u, fil-ħames lok, l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti.
33
Qabel ma nibdew l-eżami tal-motivi mressqa mir-rikorrenti, għandu jiġi mfakkar li mill-premessi 366 sa 464 tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-multi imposti mill-Kummissjoni minħabba l-inċidenzi ta’ ksur ikkonstatati tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE ġew imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u li l-Kummissjoni, kif ikkonfermat espressament, iddeterminat l-ammont tal-multi billi applikat il-metodu ddefinit fil-Linji gwida.
34
Għalkemm il-Linji gwida ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala regola ta’ dritt li l-amministrazzjoni hija marbuta tosserva f’kull każ, huma madankollu jistabbilixxu regola ta’ kondotta li hija indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita u li l-amministrazzjoni ma tistax tinjora, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C-397/03 P, Ġabra p. I-4429, punt 91, u l-ġurisprudenza ċċitata).
1. Fuq l-iffissar tal-ammont inizjali preliminari tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti
L-argumenti tal-partijiet
35
Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li ffissat il-punt ta’ tluq tal-multa skont il-gravità għal EUR 23 miljun u jressqu, f’dan ir-rigward, żewġ motivi, ibbażati fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni rispettivament.
36
Prinċipalment, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni ffissat l-ammont tal-multa skont il-gravità billi bbażat ruħha fuq “is-sehem ta’ kull parti fil-volum totali tal-consoles u l-cartridges tal-logħob Nintendo mixtrija sabiex jiġu ddistribwiti fiż-ŻEE”. L-użu ta’ dan l-element, li m’għandux preċedent, huwa arbitrarju u mhuwiex xieraq. Fl-ewwel lok, l-approċċ tal-Kummissjoni jimplika li dan l-ammont kien ikun ogħla li kieku Nintendo għażlet li tiddistribwixxi l-prodotti tagħha permezz tas-sussidjarji miżmuma 100% minnha, u inqas għoli li kieku għażlet li tiddistribwixxi l-prodotti tagħha permezz ta’ distributuri indipendenti, meta ma hemm ebda rabta loġika bejn il-ħtija relattiva u assoluta ta’ impriża li twettaq ksur u l-istruttura li tkun adottat għad-distribuzzjoni tal-prodotti tagħha. Fit-tieni lok, dan l-approċċ ma jieħu ebda kunsiderazzjoni tal-kompetizzjoni bejn id-ditti jew bejn il-prodotti tal-istess ditta. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jirrimarkaw li l-provvista ta’ consoles u cartridges tal-logħob vidjo hija kkaratterizzata minn kompetizzjoni qawwija bejn id-ditti. Fit-tielet u l-aħħar lok, il-pożizzjoni ta’ Nintendo bħala produttur tqieset darbtejn inkwantu din il-pożizzjoni tqieset ukoll fl-istadju taċ-ċirkustanzi aggravanti (premessa 229 tad-Deċiżjoni).
37
Sussidjarjament, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma mmotivatx, jew, tal-inqas, ma mmotivatx suffiċjentement il-metodoloġija użata u l-ammont hekk iffissat. Huma jikkunsidraw li l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha lanqas mhuma sodisfaċjenti inkwantu dawn huma żbaljati jew imorru kontra kemm ir-raġunament segwit fid-Deċiżjoni kif ukoll il-Linji gwida.
38
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fl-ewwel lok iqisu li, meta kkunsidrat, fir-risposta tagħha, li l-ammont inizjali ta’ EUR 23 miljun jirrifletti biss aspett wieħed tal-gravità tal-ksur, jiġifieri r-relazzjonijiet bejn is-sussidjarji ta’ distribuzzjoni ta’ Nintendo u l-klijenti, filwaqt li l-koeffiċjent multiplikatur iqis aspett ieħor, jiġifieri r-rwol tar-rikorrenti bħala l-produtturi u l-fornituri tad-distributuri indipendenti tagħhom, il-Kummissjoni tbiegħdet mir-raġunament segwit fid-Deċiżjoni. Skont din tal-aħħar, il-koeffiċjent multiplikatur jirrifletti biss in-neċessità li l-impriżi jiġu dissważi milli jwettqu ksur, filwaqt li l-ammont ta’ EUR 23 miljun ġie impost skont il-gravità.
39
Fi kwalunkwe każ, l-argument żviluppat mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha huwa żbaljat. Din ir-risposta tinftiehem fis-sens li l-ammont impost għal aspett tal-ksur ġie bbażat fuq l-ammont impost għal aspett ieħor tiegħu, filwaqt li l-ammonti distinti setgħu ġew ikkalkolati skont il-gravità, għal kull wieħed minn dawn l-aspetti, fid-dawl tal-fatti kollha.
40
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tbiegħdet ukoll mil-Linji gwida tagħha meta applikat koeffiċjent bħala dissważjoni sabiex taġġusta l-koeffiċjent applikabbli għall-ammonti inizjali ffissati skont il-gravità, meta l-Linji gwida jistabbilixxu distinzjoni ċara bejn l-applikazzjoni ta’ koeffiċjenti sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt reali tal-imġiba illegali ta’ kull impriża f’każijiet li jinvolvu ħafna partijiet u l-aġġustament tal-ammont iffissat skont il-gravità sabiex jiġi ggarantit effett dissważiv suffiċjenti.
41
Fit-tielet lok, bi tweġiba għall-argument tal-Kummissjoni li r-rikorrenti bbenefikaw minn tnaqqis konsiderevoli fid-dawl tal-multi imposti għall-kartelli, ir-rikorrenti jsostnu li għandha ssir distinzjoni fundamentali bejn il-każijiet li jikkonċernaw restrizzjonijiet orizzontali u dawk li jikkonċernaw restrizzjonijiet vertikali, distinzjoni kkonfermata bl-applikabbiltà tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni għal restrizzjonijiet orizzontali biss.
42
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha mqajma mir-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
43
Kif jirriżulta mid-Deċiżjoni, f’dan il-każ il-Kummissjoni ddeterminat l-ammont tal-multi imposti fuq l-impriżi kkonċernati billi bbażat ruħha fuq diversi elementi, b’mod konformi mal-metodoloġija esposta fil-Linji gwida.
44
Fil-fatt, il-Kummissjoni indikat fl-ewwel lok li, fid-dawl tan-natura tal-pjan komuni, tal-effetti tiegħu fuq is-suq u tal-fatt li rrestrinġa l-kummerċ parallel fiż-ŻEE kollha, l-impriżi kkonċernati wettqu ksur serju ħafna tal-Artikolu 81(1) KE, li minħabba fih jistgħu jeħlu multa b’minimu ta’ EUR 20 miljun, skont it-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 1A tal-Linji gwida (premessi 374 sa 384 tad-Deċiżjoni).
45
Filwaqt li qieset il-fatt li l-każ jinvolvi ksur uniku u kontinwu li jinvolvi ħafna impriżi ta’ daqs differenti ħafna, hija sussegwentement għamlet, skont it-tielet paragrafu tal-punt 1A tal-Linji gwida, trattament differenzjat tagħhom (ara l-premessi 385 sa 391 tad-Deċiżjoni). Sabiex tagħmel dan, hija qieset is-sehem ta’ kull parti fil-volum totali tal-consoles u tal-cartridges tal-logħob Nintendo mixtrija sabiex jiġu ddistribwiti fiż-ŻEE matul l-aħħar sena ta’ ksur, jiġifieri s-sena 1997 (ara l-premessa 386 tad-Deċiżjoni).
46
Fuq din il-bażi, l-“ammont inizjali preliminari” tal-multa stabbilit għal Nintendo ġie iffissat għal EUR 23 miljun (premessa 391 tad-Deċiżjoni). Fl-aħħar nett, sabiex jiġi ggarantit li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti, il-Kummissjoni mmultiplikat dan l-ammont bi tlieta, fid-dawl mhux biss tad-daqs u tar-riżorsi globali ta’ Nintendo, iżda wkoll tal-kwalità tagħha ta’ produttur tal-prodotti. L-ammont inizjali tal-multa imposta fuq Nintendo ġie għalhekk iffissat għal EUR 69 miljun (premessi 392 sa 396 tad-Deċiżjoni).
47
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li, b’mod kuntrarju għal dak li r-rikorrenti jsostnu, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha biss fuq iċ-ċifri li jikkorrispondu għas-sehem ta’ kull parti fil-volum totali tal-bejgħ ta’ consoles u ta’ cartridges Nintendo matul is-sena ta’ referenza.
48
Barra minn hekk, sa fejn l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi interpretat bħala li jfittex li jikkritika l-użu ta’ dawn iċ-ċifri fil-kuntest tat-trattament differenzjat magħmul mill-Kummissjoni fil-premessi 385 sa 391 tad-Deċiżjoni, dan l-argument ma jreġix iktar.
49
Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li t-trattament differenzjat huwa intiż, kif il-Kummissjoni indikat fil-premessa 385 tad-Deċiżjoni, sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku ta’ kull impriża involuta u, konsegwentement, l-effetti reali tal-imġiba illegali tagħha, partikolarment meta l-impriżi li jkunu wettqu ksur tal-istess natura jkunu ta’ daqs differenti.
50
Fir-rigward ta’ assjem ta’ akkordji u ta’ prattiki miftiehma ta’ natura vertikali li għandhom bħala għan u effett ir-restrizzjoni tal-esportazzjonijiet paralleli ta’ consoles u cartridges tal-logħob, l-ishma rispettivi miżmuma mill-partijiet fid-distribuzzjoni tal-prodotti inkwistjoni huma rappreżentattivi tal-piż speċifiku ta’ kull impriża fis-sistema ta’ distribuzzjoni kontenzjuża. Għalhekk il-Kummmissjoni ma għamlet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rreferiet għal dawn l-ishma għall-finijiet tat-trattament differenzjat magħmul fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammonti preliminari tal-multi imposti fuq l-impriżi kkonċernati.
51
B’mod kuntrarju għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, l-approċċ tal-Kummissjoni ma jinjorax il-fatt li l-provvista ta’ consoles u cartridges tal-logħob vidjo hija kkaratterizzata minn kompetizzjoni qawwija bejn id-ditti. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, kif enfasizzat il-Kummissjoni, ir-riferiment għall-ishma tas-suq miżmuma minn kull waħda mill-impriżi involuti fid-distribuzzjoni tal-prodotti Nintendo ntuża biss sabiex tiġi ddefinita r-responsabbiltà relattiva ta’ kull waħda minnhom fil-ksur inkwistjoni. Issa, kif jirriżulta ċar mid-Deċiżjoni (ara, partikolarment, il-premessa 374), l-iskop tal-ksur kien preċiżament dak li jillimita l-kompetizzjoni fil-livell tad-distribuzzjoni tal-prodotti Nintendo. Għalhekk, iċ-ċirkustanza li s-suq tal-consoles u tal-cartridges tal-logħob huwa kkaratterizzat iktar b’kompetizzjoni qawwija bejn id-ditti milli b’kompetizzjoni bejn il-prodotti tal-istess ditta, jekk titqies li hija stabbilita, mhijiex element li l-Kummissjoni għandha tqis sabiex tiddetermina l-ammont inizjali preliminari speċifiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.
52
Il-fatt li l-Kummissjoni kienet għadha qatt ma għamlet użu mid-data kkontestata fil-kuntest tal-klassifikazzjoni tal-impriżi li kienu pparteċipaw fi ksur uniku huwa spjegat bil-fatt li din kienet l-ewwel darba li hija kellha, kif barra minn hekk ikkonfermat fl-atti tagħha, tagħmel klassifikazzjoni bħal din f’deċiżjoni li tirrigwarda mġiba ta’ natura vertikali.
53
Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi mfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, f’dak li jikkonċerna l-iffissar ta’ multi għall-inċidenzi ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni meta tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li jkunu ppermettewlha tevalwa l-gravità u t-tul tal-ksur imwettaq, mingħajr ma hija obbligata li tagħti spjegazzjoni iktar dettaljata jew li tindika ċ-ċifri marbuta mal-metodu ta’ kalkolu tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni, C-279/98 P, Ġabra p. I-9693, punti 38 sa 47, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T-191/98, T-212/98 sa T-214/98, Ġabra p. II-3275, punt 1522).
54
Fil-każ ineżami, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni esponiet suffiċjentement l-istadji differenti ta’ determinazzjoni tal-ammont tal-multi skont il-gravità u għalhekk hija ssodisfat l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.
55
Għalhekk, l-ilmenti kollha fir-rigward tal-iffissar tal-ammont inizjali preliminari tal-multa skont il-gravità għandhom jiġu miċħuda.
2. Fuq iż-żieda tal-ammont inizjali preliminari tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti sabiex jiġi ggarantit effett dissważiv suffiċjenti
56
Ir-rikorrenti ma jikkontestawx biss il-fatt li l-Kummissjoni mmultiplikat bi tlieta l-ammont inizjali preliminari tal-multa għal finijiet ta’ dissważjoni, iżda wkoll l-istess prinċipju ta’ żieda tal-multa fuq din il-bażi. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jressqu żewġ motivi, ibbażati, minn naħa, fuq żball ta’ liġi manifest, ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u tan-ne bis in idem kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża u fuq inkoerenza mal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u applikazzjoni żbaljata tal-metodoloġija pprovduta fil-Linji gwida.
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi manifest, ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u tan-ne bis in idem kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża u fuq inkoerenza mal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni
L-argumenti tal-partijiet
57
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jallegaw li, inkwantu ma kienx meħtieġ li jiġi applikat fattur multiplikatur sabiex jiġi ggarantit li fil-futur huma josservaw id-dritt Komunitarju, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità.
58
Skonthom, qabel tapplika fattur multiplikatur sabiex tassigura l-effett dissważiv tal-multa, il-Kummissjoni għandha teżamina jekk hemmx riskju li, fin-nuqqas ta’ żieda bħal din, l-awtur tal-ksur jikser mill-ġdid ir-regoli tal-kompetizzjoni. Issa, f’dan il-każ, ma hemm xejn fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-Deċiżjoni li jissuġġerixxi li hemm riskju bħal dan fil-każ tar-rikorrenti. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet, kemm fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll fid-Deċiżjoni (premessa 95), li “Nintendo [kienet] ħadet ukoll dak li jidher li jikkostitwixxu miżuri kredibbli sabiex fil-futur tiġi ggarantita l-osservanza tad-dritt Komunitarju”. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jfakkru li huma adottaw ħafna miżuri, jiġifieri l-ammissjoni volontarja u t-twaqqif volontarju tal-ksur f’Diċembru 1997, kooperazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni, il-ħlas ta’ kumpens lil terzi, il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ distribuzzjoni mhux esklużivi mad-distributuri tagħhom u l-implementazzjoni ta’ programm dinji għall-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni.
59
Fir-rigward tad-distinzjoni li l-Kummissjoni għamlet, fir-risposta tagħha, bejn id-dissważjoni ġenerali u d-dissważjoni speċifika u l-argument li l-applikazzjoni tal-koeffiċjent multiplikatur tista’ tiġi ġġustifikata fuq il-bażi tal-ewwel waħda, ir-rikorrenti jirreplikaw li argument bħal dan imur kontra kemm il-Linji gwida kif ukoll il-prassi preċedenti tal-Kummissjoni. B’dan il-mod, fil-każ imsejjaħ “Pajpijiet tal-ħadid mhux magħquda” iċċitat mill-Kummissjoni, l-għan stess tal-koeffiċjent kien li jimpedixxi kull reċidiva min-naħa ta’ ABB Asea Brown Boveri Ltd (iktar ’il quddiem “ABB”) [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/60/KE, tal-21 ta’ Ottubru 1998, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/35.691/E-4 — Pajpijiet tal-ħadid mhux magħquda) (ĠU 1999, L 24, p. 1), premessa 168]. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, dan il-każ ma jikkostitwixxix preċedent rilevanti favur l-impożizzjoni ta’ koeffiċjent fuq impriża li tkun adottat programm għall-konformità mad-dritt tal-kompetizzjoni inkwantu l-Kummissjoni espressament iddubitat mill-effikaċità tal-programm diġà eżistenti ta’ ABB (deċiżjoni Pajpijiet tal-ħadid mhux magħquda, iċċitata iktar ’il fuq, premessa 172).
60
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li bl-applikazzjoni għall-ewwel darba, f’każ li jipprevedi restrizzjonijiet ta’ natura vertikali, ta’ fattur multiplikatur bħala dissważjoni, il-Kummissjoni tbiegħdet mill-prassi preċedenti tagħha.
61
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jfakkru li, sabiex tiġġustifika f’dan il-każ l-applikazzjoni tal-koeffiċjent multiplikatur għall-iżgurar tal-effett dissważiv tal-multa, il-Kummissjoni bbażat ruħha, minn naħa, fuq id-daqs ta’ Nintendo u, min-naħa l-oħra, fuq il-kwalità tagħha ta’ produttur. Issa, fil-każijiet preċedenti li jikkonċernaw inċidenzi ta’ ksur vertikali, ebda fattur ma ġie applikat fuq il-produtturi bħala dissważjoni, minkejja l-fatt li, f’kull wieħed minn dawn il-każijiet, ġiet imposta multa fuq dawn il-produtturi u l-impriżi ssanzjonati kienu, ħlief f’każ wieħed, diversi drabi ikbar mir-rikorrenti. Dan kien il-każ fil-każijiet msejħa “Volkswagen I” u “Volkswagen II”, “Mercedes Benz” u “Opel” [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/273/KE, tat-28 ta’ Jannar 1998, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/35.733 — VW) (JO L 124, p. 60); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/711/KE, tad-, fi proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/F-2/36.693 — Volkswagen) (ĠU L 262, p. 14); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/758/KE, tal-, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/36.264 — Mercedes-Benz) (ĠU 2002, L 257, p. 1), u Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/146/KE, tal-, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/36.653 — Opel) (ĠU 2001, L 59, p. 1) rispettivament]. Barra minn hekk, ebda waħda mill-impriżi involuti f’dawn il-każijiet ma waqqfu volontarjament il-ksur tagħhom jew ikkooperaw b’xi mod mal-Kummissjoni. Xi wħud minn dawn l-impriżi kienu wkoll reċidivi.
62
Bi tweġiba għall-allegazzjoni tal-Kummissjoni li għandu jiġi applikat koeffiċjent multiplikatur għall-finijiet tad-dissważjoni fil-każijiet biss fejn ħafna partijiet ikunu ssanzjonati, ir-rikorrenti josservaw li l-elementi li f’dan il-każ jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent bħal dan, jiġifieri d-daqs u l-kwalità ta’ produttur ta’ Nintendo, huma komuni għall-każijiet li jinvolvu parti waħda jew diversi partijiet. Għalhekk l-approċċ tal-Kummissjoni huwa irrazzjonali u diskriminatorju.
63
Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li l-użu ta’ koeffiċjent multiplikatur bħala dissważjoni huwa ġġustifikat minħabba n-neċessità li jiġi impost ammont preliminari ta’ multa baxx sabiex il-partijiet l-oħra, partikolarment id-distributuri ż-żgħar, ma jiġux ippenalizzati, ir-rikorrenti jirreplikaw li, fid-Deċiżjoni, ma hija stabbilita ebda rabta ġuridika jew matematika diretta bejn l-ammont iddeterminat skont il-gravità għal Nintendo u l-ammont iffissat skont il-gravità għad-distributuri. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata żżid l-ammont iffissat skont il-gravità għad-distributuri ż-żgħar għas-sempliċi u unika raġuni li hija ffissat ammont ogħla għal Nintendo.
64
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jallegaw li meta ħadet inkunsiderazzjoni, fil-premessa 395 tad-Deċiżjoni, il-kwalità ta’ Nintendo bħala produttur tal-prodotti inkwistjoni sabiex tapplika fattur multiplikatur bħala dissważjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq element irrilevanti, u għalhekk wettqet żball ta’ liġi manifest.
65
Fuq dan il-punt, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni (100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 75), ma tikkostitwixxix preċedent rilevanti. Fil-fatt, f’din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja ma tissuġġerixxix li s-sempliċi fatt li impriża tkun produttur jiġġustifika fih innifsu żieda tal-ammont tal-multa. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-element rilevanti li għandu jitqies għall-kalkolu tal-ammont tal-multa huwa r-rwol tal-produttur fil-ksur u mhux il-fatt li ikun il-produttur. Barra minn hekk, il-punt 75 ta’ din is-sentenza, imsemmi mill-Kummissjoni, ma jikkonċernax il-kalkolu tal-ammont tal-multa, iżda l-kwistjoni ta’ jekk il-produttur ikunx ipparteċipa fi ksur vertikali mad-distributuri tiegħu.
66
Fi kwalunkwe każ, skont ir-rikorrenti, mhuwiex il-każ li minħabba l-fatt li Nintendo hija l-produttur tal-prodotti inkwistjoni hija tista’, iktar minn kull parti oħra, terġa’ tikser id-dritt tal-kompetizzjoni.
67
Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju tan-ne bis in idem meta ħadet inkunsiderazzjoni l-kwalità ta’ Nintendo bħala produttur mhux biss għaż-żieda bħala dissważjoni, iżda wkoll għaż-żieda fuq il-bażi taċ-ċirkustanza aggravanti marbuta mar-rwol ta’ mexxej u ta’ istigatur tal-ksur ta’ Nintendo. Huma jenfasizzaw li, fil-każ ta’ ksur vertikali, ir-rwoli ta’ produttur u ta’ mexxej, fil-prattika, jidħlu f’xulxin. Il-produttur jokkupa pożizzjoni ċentrali inkwantu jappunta d-distributuri, japprova l-kundizzjonijiet li taħthom issir il-provvista lil dawn tal-aħħar u jżomm relazzjonijiet kummerċjali permanenti ma’ kull wieħed minnhom. Għalhekk kull produttur involut fi ksur vertikali li fih jipparteċipaw ukoll id-distributuri tiegħu jkollu rwol ċentrali.
68
Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom meta fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma semmietx l-intenzjoni tagħha li tapplika fattur multiplikatur bħala dissważjoni. B’mod partikolari, huma josservaw li, fil-każ Pajpijiet tal-ħadid mhux magħquda, il-Kummissjoni informat speċifikament lil ABB li kienet se tieħu inkunsiderazzjoni n-neċessità li jiġi ggarantit li l-multa jkollha effett dissważiv (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, T-31/99, Ġabra p. II-1881, punti 64 u 83).
69
Il-Kummissjoni tikkontesta l-ilmenti kollha mressqa mir-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
70
Għandu jiġi mfakkar li s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi fuq l-impriżi li, b’mod intenzjonat jew b’negliġenza, iwettqu ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE jew tal-Artikolu 82 KE, tikkostitwixxi wieħed mill-mezzi mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ twettaq il-ħidma ta’ sorveljanza li d-dritt Komunitarju jikkonferixxilha. Din il-ħidma tinvolvi l-obbligu li tiġi segwita politika ġenerali intiża sabiex tapplika fil-qasam tal-kompetizzjoni l-prinċipji stabbiliti mit-Trattat u torjenta f’dan is-sens l-imġiba tal-impriżi (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 65 iktar ’il fuq, punt 105, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T-43/02, Ġabra p. II-3435, punt 297).
71
Minn dan isegwi li l-Kummissjoni għandha s-setgħa tiddeċiedi l-livell tal-ammont tal-multi bil-għan li ssaħħaħ l-effett dissważiv tagħhom meta inċidenzi ta’ ksur ta’ tip partikolari jibqgħu relattivament frekwenti, minkejja li l-illegalità tagħhom tkun ilha stabbilita mill-bidu tal-politika Komunitarja fil-qasam tal-kompetizzjoni, minħabba l-profitt li ċerti impriżi involuti jistgħu jagħmlu minnhom (sentenzi Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 65 iktar ’il fuq, punt 108, u Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 70 iktar ’il fuq, punt 298). Sa fejn l-għan ta’ dissważjoni jirrigwarda l-imġiba tal-impriżi fi ħdan il-Komunità jew iż-ŻEE, il-fattur ta’ dissważjoni huwa evalwat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi, u mhux biss is-sitwazzjoni partikolari tal-impriża kkonċernata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il-Kummissjoni, C-289/04 P, Ġabra p. I-5859, punt 23; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 70 iktar ’il fuq, punt 300).
72
Barra minn hekk, fl-evalwazzjoni tagħha tan-neċessità li żżid l-ammont tal-multi sabiex tiżgura li jkollhom effett dissważiv, il-Kummissjoni b’ebda mod ma għażlet li tagħmel evalwazzjoni tal-probabbiltà li l-impriżi inkwistjoni jerġgħu jwettqu ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il-Kummissjoni, T-101/05 u T-111/05, Ġabra p. II-4949, punt 47).
73
Għalhekk, fil-każ ineżami, ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità inkwantu kellha d-dritt li żżid l-ammont ta’ multa, sabiex tiżgura li din tal-aħħar ikollha effett dissważiv, fil-każ biss fejn ikun hemm riskju li l-impriżi kkonċernati jiksru mill-ġdid ir-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni. Kif enfasizzat il-Kummissjoni, it-tfittxija tal-effett dissważiv mhijiex intiża biss għall-impriżi speċifikament previsti fid-deċiżjoni li timponi l-multi. Għandhom jiġu inċitati wkoll l-impriżi ta’ daqs simili u li jkollhom riżorsi ekwivalenti sabiex ma jipparteċipawx f’inċidenzi simili ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.
74
Il-miżuri preventivi meħuda mir-rikorrenti, li jikkonsistu b’mod partikolari fi programm għall-konformità mad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, il-kooperazzjoni tagħhom matul il-proċedura amministrattiva kif ukoll il-kumpens li huma ħallsu lil terzi ma jaffettwawx ir-realtà tal-ksur imwettaq u m’għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur. Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu, fejn applikabbli, jitqiesu fil-kuntest tal-eżami tal-preżenza ta’ ċirkustanzi attenwanti.
75
Fir-rigward tal-ilment li l-Kummissjoni tbiegħdet mill-politika preċedenti tagħha inkwantu ebda żieda għal dissważjoni ma kienet ġiet applikata sa dak iż-żmien għall-multi imposti fuq il-parteċipanti ta’ ksur vertikali, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u deċiżjonijiet li jikkonċernaw każijiet oħra għandhom biss karattru indikattiv f’dak li jikkonċerna l-eżistenza eventwali ta’ diskriminazzjoni, ladarba huwa ftit verosimili li ċ-ċirkustanzi partikolari għalihom, bħas-swieq, il-prodotti, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati, ikunu identiċi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C-167/04 P, Ġabra p. I-8935, punti 201 u 205, u tas-, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C-76/06 P, Ġabra p. I-4405, punt 60).
76
Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-imsemmija impriżi għandhom b’mod partikolari jieħdu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li, fi kwalunkwe żmien, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tgħolli l-livell tal-ammont tal-multi meta mqabbel ma’ dak applikat fil-passat (sentenza Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 75 iktar ’il fuq, punt 61).
77
Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ koerenza mal-prassi preċedenti tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.
78
Lanqas ma tista’ tintlaqa’ l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta, fil-kuntest taż-żieda għal finijiet dissważivi, hija bbażat ruħha fuq il-fatt li Nintendo kienet il-produttur tal-prodotti inkwistjoni.
79
Fil-fatt, għalkemm huwa veru li d-daqs tal-impriżi huwa ġeneralment element li għandu jitqies fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa, xorta waħda ma jistax jiġi eskluż li jistgħu jitqiesu elementi oħra sabiex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti. F’dan ir-rigward, fil-każ ta’ inċidenzi ta’ ksur ta’ natura vertikali, il-kwalità ta’ produttur tal-prodotti tista’ titqies, l-istess bħad-daqs tal-impriża, li hija element rappreżentattiv tal-kapaċità effettiva tagħha li tikkawża ħsara kbira lill-kompetizzjoni. Fil-fatt, f’każ bħal dan, il-produttur tal-prodotti inkwistjoni, li jokkupa post ċentrali fis-sistema ta’ distribuzzjoni ta’ dawn il-prodotti, għandu jagħmel prova ta’ viġilanza partikolari ħafna u jiżgura li josserva r-regoli tal-kompetizzjoni fil-konklużjoni tal-ftehim ta’ distribuzzjoni.
80
Għalhekk, fl-iffissar tal-ammont tal-multa għal livell li jiżguralha effett dissważiv suffiċjenti, il-Kummissjoni setgħet mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li Nintendo kienet tokkupa post uniku fis-sistema ta’ distribuzzjoni kontenzjuża minħabba l-kwalità tagħha ta’ produttur.
81
Ir-rikorrenti ma jistgħux, sabiex jinvalidaw din l-evalwazzjoni, jasserixxu li l-produttur tal-prodotti inkwistjoni m’għandux tendenza iktar milli għandhom impriżi oħra sabiex jerġa’ jikser id-dritt tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, kif imfakkar fil-punt 72 iktar ’il fuq, iż-żieda tal-multa għal finijiet dissważivi m’għandhiex rabta mal-probabbiltà li l-impriżi inkwistjoni jerġgħu jwettqu ksur.
82
Fir-rigward tal-asserzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju tan-ne bis in idem meta ħadet inkunsiderazzjoni l-kwalità ta’ produttur tagħhom mhux biss fil-kuntest taż-żieda għall-finijiet ta’ dissważjoni, iżda wkoll fil-kuntest taċ-ċirkustanzi aggravanti, għandu fl-ewwel lok jiġi kkonstatat li dan il-prinċipju ma jistax jiġi applikat għal dan il-każ. Fil-fatt, dan il-prinċipju jipprekludi li l-istess persuna tiġi ssanzjonata iktar minn darba waħda għall-istess imġiba illegali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 338). Issa, ir-rikorrenti b’ebda mod ma ġew issanzjonati darbtejn għall-istess imġiba.
83
Fi kwalunkwe każ, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi aggravanti, iċ-ċirkustanza li Nintendo kienet il-produttur tal-prodotti inkwistjoni, element ta’ natura oġġettiva, iżda kkunsidrat il-fatt li din kienet il-mexxej u l-istigatur tal-ksur, fatt dan li għandu n-natura ta’ element suġġettiv li jiddeskrivi r-rwol tagħha fil-ksur inkwistjoni. Kontra din il-konklużjoni, ma jistax jingħad li, fil-kuntest ta’ ksur ta’ natura vertikali, ir-rwol ta’ mexxej huwa neċessarjament eżerċitat mill-produttur tal-prodotti inkwistjoni. Fil-fatt, ma hemm xejn li jista’ jeskludi li ksur ta’ natura vertikali jkun immexxi minn impriża li jkollha biss il-kwalità ta’ distributur u mhux ta’ produttur tal-prodotti inkwistjoni.
84
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża inkwantu l-Kummissjoni ma semmietx fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet l-intenzjoni tagħha li żżid il-multi imposti fuq ir-rikorrenti sabiex tiżgura li jkollhom effett dissważiv suffiċjenti, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-Kummissjoni tindika espressament, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, li hija tkun se teżamina jekk għandhomx jiġu imposti multi fuq l-impriżi involuti u meta tindika l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ dritt li jistgħu jwasslu għal multa, bħall-gravità u t-tul tal-allegat ksur u l-fatt li dan ikun sar bil-ħsieb jew b’negliġenza, hija tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt għal smigħ tal-impriżi. B’dan il-mod, hija tagħtihom l-elementi neċessarji sabiex jiddefendu ruħhom mhux biss kontra konstatazzjoni tal-ksur, iżda wkoll kontra l-fatt li tiġi imposta fuqhom multa (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T-23/99, Ġabra p. II-1705, punt 199; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 65 iktar ’il fuq, punt 21).
85
Minn dan isegwi li, f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, id-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati huma ggarantiti quddiem il-Kummissjoni permezz tal-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet dwar it-tul, il-gravità u n-natura antikompetittiva tal-fatti kkontestati. Barra minn hekk, l-impriżi jibbenefikaw minn garanzija addizzjonali, f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, inkwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi b’ġurisdizzjoni sħiħa u tista’ b’mod partikolari tħassar jew tnaqqas il-multa, fuq il-bażi tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 (sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 84 iktar ’il fuq, punt 200).
86
F’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat b’mod ċar, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-elementi prinċipali li hija kellha l-ħsieb tieħu inkunsiderazzjoni għall-iffissar tal-ammont tal-multi, elementi li ma jikkonċernawx biss it-tul u l-gravità tal-ksur (punti 353 sa 360 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet), iżda wkoll parametri oħra (punt 361 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet).
87
Il-fatt li l-Kummissjoni ma semmietx il-possibbiltà ta’ applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur sabiex tiggarantixxi l-effett dissważiv tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti ma jistax jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ dawn tal-aħħar. Fil-fatt, b’mod konformi mal-Linji gwida, il-portata dissważiva tal-multi tikkostitwixxi wieħed mill-elementi li fuq il-bażi tagħhom għandha tiġi stabbilita l-gravità tal-ksur (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C-219/95 P, Ġabra p. I-4411, punt 33, u s-sentenza BASF u UCB vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 72 iktar ’il fuq, punt 45). Il-Kummissjoni ma tistax tkun mistennija tindika b’mod iktar dettaljat kull element li hija jkollha l-ħsieb tieħu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.
88
Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi miċħud ukoll.
89
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, il-motiv ineżami ma jistax jirnexxi.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll fuq applikazzjoni żbaljata tal-metodoloġija esposta fil-Linji gwida
L-argumenti tal-partijiet
90
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jallegaw li bl-applikazzjoni ta’ fattur multiplikatur ta’ 3 fuq l-ammont preliminari tal-multa sabiex jiġi żgurat li jkollha effett dissważiv, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali. Fil-fatt, il-fattur multiplikatur applikat fuq l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti bħala dissważjoni kellu jkun identiku jew viċin tal-fattur ta’ 1.25 applikat għal John Menzies, peress li Nintendo hija, f’termini ta’ dħul mill-bjegħ, iktar minn għoxrin darba iżgħar minn Itochu, iżda biss darbtejn ikbar minn John Menzies. F’dan il-każ, iż-żieda tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti bħala dissważjoni hija proporzjonalment l-istess bħal dik imposta fuq Itochu u tmien darbiet ogħla minn dik applikata għal John Menzies. F’termini assoluti, din iż-żieda hija 57 darba ikbar miż-żieda imposta fuq John Menzies.
91
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-applikazzjoni ta’ fattur multiplikatur għal effett dissważiv wassal għal żieda tal-ammont totali tal-multa imposta fuqhom ta’ EUR 99.6 miljuni. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li meta naqset milli tispjega għal liema raġunijiet kellu jiġi applikat għalihom koeffiċjent multiplikatur ta’ 3 u għalxiex żieda bħal din kienet meħtieġa, meta żieda ta’ EUR 1.73 miljuni tqieset suffiċjenti fil-każ ta’ John Menzies, il-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.
92
Bi tweġiba għall-argument tal-Kummissjoni li d-differenza bejn iż-żieda tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti bħala dissważjoni u dik imposta fuq John Menzies hija spjegata bil-fatt li Nintendo kienet il-produttur tal-prodotti inkwistjoni, ir-rikorrenti jippreċiżaw li ż-żieda tal-multi bħala dissważjoni m’għandhiex tkun ibbażata fuq il-post tal-impriżi fil-katina ekonomika, iżda fuq in-neċessità li fil-futur tiġi ggarantita l-osservanza tad-dritt tal-kompetizzjoni.
93
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-Kummissjoni injorat il-Linji gwida meta applikat fattur multiplikatur fuq il-bażi tad-dissważjoni fit-tieni fażi tal-kalkolu tal-multa. Skonthom, huwa biss fid-dawl tal-ammont finali tal-multa, jiġifieri wara ż-żieda skont it-tul u ċ-ċirkustanzi aggravanti, li l-Kummissjoni għandha tivverifika li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti.
94
Il-Kummissjoni titlob li l-ilmenti kollha mressqa mir-rikorrenti jiġu miċħuda.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
95
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-affermazzjoni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali inkwantu l-fattur multiplikatur applikat għar-rikorrenti kellu jkun identiku għal dak applikat għal John Menzies, jiġifieri fattur ta’ 1.25 u mhux 3, għandu jiġi mfakkar li, skont il-prinċipju ta’ trattament ugwali, il-Kummissjoni ma tistax tittratta sitwazzjonijiet komparabbli b’mod differenti jew sitwazzjonijiet differenti b’mod identiku, sakemm trattament bħal dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T-38/02, Ġabra p. II-4407, punt 453, u l-ġurisprudenza ċċitata).
96
Issa, għandu jiġi kkonstatat li Nintendo u John Menzies huma ’l bogħod milli jkunu f’pożizzjonijiet komparabbli: mhux biss l-ishma tagħhom mill-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni (ta’[kunfidenzjali] ( 1 )% u ta’ [kunfidenzjali]% rispettivament) huma differenti ħafna, iżda l-pożizzjonijiet tagħhom fis-sistema ta’ distribuzzjoni (produttur u distributur esklużiv ta’ dimensjoni kbira rispettivament) mhumiex komparabbli. Għalhekk, sabiex tiżgura l-effett dissważiv tal-multi, il-Kummissjoni ma injoratx il-prinċipju ta’ trattament ugwali.
97
Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, fid-dawl tar-rekwiżiti fil-kuntest tal-motivazzjoni ta’ deċiżjonijiet mogħtija fil-qasam tal-multi (ara l-punt 53 iktar ’il fuq) u fid-dawl tal-premessi 392 sa 396 tagħha, id-Deċiżjoni mhija vvizzjata minn ebda nuqqas ta’ motivazzjoni li jirrigwarda l-effett dissważiv tal-multa imposta.
98
Fl-aħħar nett, lanqas l-allegazzjoni li l-Kummissjoni injorat il-Linji gwida inkwantu ż-żieda għall-finijiet ta’ dissważjoni kellha tiġi applikata fl-istadju finali tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi ma tista’ tintlaqa’.
99
Dan l-ilment huwa riżultat ta’ interpretazzjoni żbaljata tal-Linji gwida. Fil-fatt, il-Linji gwida jinvokaw l-iskop tad-dissważjoni fil-punt 1A tagħhom li jipprovdi li “jkun […] neċessarju […] li tiġi stabbilita l-multa f’livell li jiggarantixxi effett suffiċjentement dissważiv”. Kif il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża, in-neċessità li jiġi żgurat dan l-effett tikkostitwixxi rekwiżit ġenerali li għandu jiggwida lill-Kummissjoni matul il-kalkolu tal-ammont tal-multa u ma titlobx neċessarjament li dan il-kalkolu jkun ikkaratterizzat b’fażi speċifika intiża għal evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha sabiex jintlaħaq dan l-iskop (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BASF u UCB vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 72 iktar ’il fuq, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
100
Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li l-motivi mressqa kontra d-determinazzjoni tal-ammont inizjali skont il-gravità għandhom jiġu miċħuda.
3. Fuq iż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa skont it-tul tal-ksur
101
Fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti ressqu, fil-konfront taż-żieda tal-multa skont it-tul, żewġ motivi, ibbażati, minn naħa, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, żball ta’ liġi u nuqqas ta’ motivazzjoni, inkwantu l-Kummissjoni żiedet il-multa b’10% għal kull sena ta’ parteċipazzjoni fil-ksur, u, min-naħa l-oħra, fuq żball ta’ liġi minħabba ż-żieda tal-multa għall-ewwel sena ta’ parteċipazzjoni fil-ksur.
102
Peress li r-rikorrenti ddikjaraw li kienu qed jirrinunzjaw għat-tieni motiv (ara l-punt 26 iktar ’il fuq), minn issa ’l quddiem ser jiġi eżaminat biss l-ewwel motiv.
L-argumenti tal-partijiet
103
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi meta applikat iż-żieda massima ta’ 10% għal kull sena sħiħa ta’ parteċipazzjoni fil-ksur, jiġifieri żieda totali ta’ 65%.
104
Skont ir-rikorrenti, approċċ bħal dan kien ikun xieraq biss kieku l-gravità tal-ksur kienet l-istess f’kull sena. Issa, fil-każ ineżami, dan ma kienx il-każ. Fil-fatt, skont id-Deċiżjoni, l-intensità, l-effett u l-portata ġeografika tal-ksur evolvew matul iż-żmien. B’dan il-mod, il-ksur kien inqas gravi matul il-perijodu ta’ erba’ snin u tliet xhur bejn Jannar 1991 u Marzu 1995 milli kien matul il-perijodu ta’ sentejn u tmien xhur bejn April 1995 u Diċembru 1997. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kkunsidratx it-talba fformulata f’dan is-sens mir-rikorrenti fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.
105
Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li bl-applikazzjoni taż-żieda massima ta’ 10% għal kull sena sħiħa ta’ parteċipazzjoni fil-ksur il-Kummissjoni tbiegħdet mill-prassi li hija kienet issegwi sa dak iż-żmien fir-rigward tad-determinazzjoni tal-multi għall-inċidenzi ta’ ksur vertikali ta’ żmien twil, prassi li minnha jirriżulta li tali żieda kienet tiġi applikata biss matul is-snin meta l-ksur kien l-iktar gravi. Bħala eżempju, fil-każ Volkswagen I, il-Kummissjoni applikat iż-żieda massima ta’ 10% unikament għall-erba’ snin li matulhom il-ksur kien l-iktar intensiv, anki jekk il-ksur, ta’ tul globali ta’ għaxar snin, affettwa l-kummerċ parallel matul dan il-perijodu kollu.
106
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ma mmotivatx, jew ma mmotivatx suffiċjentement skont il-liġi, it-tbegħid tagħha mill-politika u l-prassi preċedenti tagħha.
107
Fit-tielet lok, bi tweġiba għall-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni li ż-żieda massima ta’ 10% kienet iġġustifikata minħabba n-natura serja ħafna tal-ksur fl-istadji kollha tal-implementazzjoni tiegħu, ir-rikorrenti jenfasizzaw li skont il-Linji gwida n-natura serja ħafna ta’ ksur għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss fil-mument tal-iffissar tal-ammont inizjali skont il-gravità (punt 1A tal-Linji gwida).
108
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li żieda massima skont it-tul kienet neċessarja sabiex tikkumpensa għall-ammont relattivament dgħajjef iffissat skont il-gravità, ir-rikorrenti jirreplikaw li tali raġunament huwa kuntrarju għal-Linji gwida u jimplikaw li l-gravità ttieħdet inkunsiderazzjoni tliet darbiet minħabba, l-ewwel nett, l-iffissar tal-ammont inizjali bħala EUR 23 miljun skont il-gravità, it-tieni nett, l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur bħala dissważjoni, li iżda, skont il-Kummissjoni, kienet tikkonċerna wkoll il-gravità, u t-tielet nett, l-applikazzjoni ta’ din iż-żieda massima ta’ 10% skont it-tul sabiex tikkumpensa għall-ammont baxx ħafna ffissat inizjalment.
109
Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti kollha.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
110
Skont il-punt 1B tal-Linji gwida, il-Kummissjoni tista’, fir-rigward tal-inċidenzi ta’ ksur ta’ żmien twil (iktar minn ħames snin), iżżid l-ammont iffissat skont il-gravità tal-ksur b’rata li tista’ tilħaq 10% għal kull sena ta’ ksur.
111
Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 397 tad-Deċiżjoni, li r-rikorrenti pparteċipaw fil-ksur matul perijodu ta’ sitt snin u ħdax-il xahar, jiġifieri perijodu twil fis-sens tal-Linji gwida, u żiedet il-multa minħabba t-tul tiegħu b’65%. B’dan il-mod, il-Kummissjoni osservat ir-regoli li hija imponiet fuqha stess fil-Linji gwida. Barra minn hekk, fid-dawl tat-tul ta’ dan il-ksur, din iż-żieda ta’ 65% mhijiex, f’dan il-każ, inadegwata.
112
Is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni rriżervat għaliha nfisha possibbiltà ta’ żieda għal kull sena ta’ ksur li tista’ tilħaq l-10%, bl-ebda mod ma jobbligaha tiffissa din ir-rata skont l-intensità tal-ksur jew inkella skont il-livelli differenti ta’ involviment ta’ kull waħda mill-impiżi involuti fil-ksur.
113
Għalhekk, ma tistax treġi l-allegazzjoni li peress li l-ksur ikkonstatat kellu intensità jew gravità varjabbli ħafna, il-Kummissjoni kellha tiffissa rata ta’ żieda iktar baxxa, tal-inqas għal parti mill-perijodu stabbilit. Fil-fatt, iż-żieda tal-multa skont it-tul tal-ksur mhijiex limitata għall-ipoteżi fejn ikun hemm relazzjoni diretta bejn it-tul u l-ħsara li ssir lill-għanijiet Komunitarji previsti mir-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, T-202/98, T-204/98 u T-207/98, Ġabra p. II-2035, punt 106, u tat-, Michelin vs Il-Kummissjoni, T-203/01, Ġabra p. II-4071, punt 278).
114
B’mod kuntrarju għal dak li jissottomettu r-rikorrenti, il-Kummissjoni b’ebda mod ma indikat fir-risposta tagħha li żieda massima tal-multa skont it-tul kienet neċessarja sabiex tikkumpensa għall-ammont relattivament dgħajjef iffissat skont il-gravità, iżda indikat biss li hija ħadet inkunsiderazzjoni l-varjazzjonijiet fl-intensità tal-ksur fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa skont il-gravità.
115
Fir-rigward tar-riferiment li r-rikorrenti jagħmlu għad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, partikolarment fil-każ Volkswagen I, għandu jiġi mfakkar li prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 75 iktar ’il fuq).
116
F’ċirkustanzi bħal dawn, mhuwiex il-kompitu tal-Kummissjoni li tispjega għaliex ir-rata ta’ żieda skont it-tul tal-ksur applikata fil-każ ineżami kienet differenti minn dik deċiża fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma naqsitx mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha skont l-Artikolu 253 KE.
117
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-motiv li jirrigwarda ż-żieda tal-ammont tal-multa skont it-tul għandu jiġi miċħud bħala infondat.
4. Fuq iż-żieda, skont iċ-ċirkustanzi aggravanti, tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti
Fuq il-kunsiderazzjoni tar-rwol ta’ mexxej u istigatur tal-akkordju
118
Ir-rikorrenti jikkontestaw ir-rwol ta’ mexxej u ta’ istigatur tal-ksur li l-Kummissjoni tattribwixxilhom. Huma jressqu, f’dan ir-rigward, żewġ motivi, ibbażati, fl-ewwel lok, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi u, fit-tieni lok, fuq inkoerenza mal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni kif ukoll ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u tal-obbligu ta’ motivazzjoni.
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi fl-attribuzzjoni ta’ rwol ta’ mexxej u istigatur tal-ksur lir-rikorrenti
— L-argumenti tal-partijiet
119
Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll żball ta’ liġi meta kkonkludiet li r-rwol li huma kellhom fil-ksur kien jikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti u meta konsegwentement żiedet l-ammont tal-multa.
120
F’dan ir-rigward, huma jfakkru, l-ewwel nett, li fil-prattika, fil-kuntest ta’ ksur vertikali, ir-rwoli ta’ produttur u ta’ mexxej jidħlu f’xulxin. It-tieni nett, ir-rikorrenti jippreċiżaw li, sabiex ir-rwol ta’ impriża jikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti, huwa meħtieġ li dan ir-rwol jirrendi l-ksur, jew il-parteċipazzjoni tal-impriża f’dan il-ksur, iktar gravi milli kien ikun mingħajr l-intervent tagħha bħala mexxej.
121
F’dan il-każ, m’hemm xejn fid-Deċiżjoni li jindika li r-rwol ta’ Nintendo, minn naħa, mar lil hinn mir-rwol li hija għandha bħala produttur u, min-naħa l-oħra, aggrava l-ksur.
122
B’mod iktar speċifiku, il-fatti li jaffermaw ir-rwol ta’ Nintendo bħala mexxej u istigatur tal-akkordju, kif esposti fil-premessi 228 sa 238 tad-Deċiżjoni, jirreferu għal tliet tipi ta’ mġiba, jiġifieri il-“kontroll”, l-“implementazzjoni” u l-“osservanza” tal-ksur. Il-“kontroll” kien jikkonċerna l-kontroll tal-kummerċ parallel, filwaqt li l-“osservanza” kienet tipprevedi l-fatt li NOE fittxet, meta kien opportun, l-appoġġ ta’ kumpanniji oħra tal-grupp Nintendo. Issa, ebda waħda minn dawn il-kategoriji ta’ mġiba ma taggrava l-ksur jew ir-rwol ta’ Nintendo f’dan il-ksur. Fir-rigward tal-“implementazzjoni” tal-ksur, il-fatti msemmija fil-premessa 237 tad-Deċiżjoni, relattivi għal dan il-kuntest, juru li Nintendo kienet influwenzata ħafna mid-distributuri indipendenti tagħha. Għalhekk dawn il-fatti huma spjegabbli bħala reazzjoni, tal-inqas parzjalment, għat-talbiet għal azzjoni tad-distributuri u mhux bħala “każ estrem ta’ organizzazzjoni u implementazzjoni ta’ ksur”, kif tallega l-Kummissjoni fir-risposta tagħha.
123
Fl-aħħar nett, fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-Kummissjoni rreferiet għall-prassi deċiżjonali tagħha fil-każijiet ta’ akkordji vertikali. B’dan il-mod, il-Kummissjoni tammetti li r-rikorrenti għandhom jiġu ttrattati bħallikieku pparteċipaw f’kartell, anki jekk hija ċaħditilhom il-benefiċċju tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni.
124
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha tar-rikorrenti.
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
125
B’mod preliminari, għandu jiġi enfasizzat li t-teħid inkunsiderazzjoni tar-rwol ta’ mexxej huwa konformi mal-ġurisprudenza u l-Linji gwida.
126
Fir-rigward tal-ġurisprudenza, ġie deċiż li, meta ksur ikun twettaq minn diversi impriżi, hemm lok, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, li tiġi eżaminata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minnhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 623), u dan jimplika, b’mod partikolari, li jiġu stabbiliti r-rwoli rispettivi tagħhom fil-ksur matul il-perijodu tal-parteċipazzjoni tagħhom f’dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 150). Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li r-rwol ta’ “mexxej” ta’ impriża waħda jew ta’ diversi impriżi fil-kuntest ta’ akkordju għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, inkwantu l-impriżi li kellhom tali rwol għandhom, minħabba dan il-fatt, jassumu responsabbiltà partikolari meta mqabbla mal-impriżi l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-, IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punti 57 u 58, u tas-, Finnboard vs Il-Kummissjoni, C-298/98 P, Ġabra p. I-10157, punt 45; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-, Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, T-347/94, Ġabra p. II-1751, punt 291).
127
Fir-rigward tal-Linji gwida, dawn jipprovdu, fil-punt 2 tagħhom, bħala ċirkustanzi aggravanti, lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkustanzi li jistgħu jwasslu għal żieda tal-ammont bażiku tal-multa li tinkludi, b’mod partikolari, ir-“rwol ta’ mexxej fil-, jew istigatur tal-ksur”.
128
Fil-każ ineżami, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni rreferiet għal ċertu numru ta’ elementi sabiex tikkonkludi li Nintendo kienet il-mexxej u l-istigatur tal-ksur inkwistjoni (ara l-premessi 228 sa 238 u 406 tad-Deċiżjoni). Fil-fatt il-Kummissjoni esponiet li Nintendo kienet tikkontrolla, timplementa u tiżgura l-osservanza ta’ ċertu numru ta’ miżuri intiżi sabiex jillimitaw il-kummerċ parallel.
129
Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żbalji meta kkunsidrat li dawn l-elementi ta’ fatt, li l-eżistenza tagħhom ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti, kienu jindikaw li Nintendo kienet il-mexxej u l-istigatur tal-ksur.
130
B’mod kuntrarju għal dak li jsostnu r-rikorrenti, mhuwiex meħtieġ, sabiex impriża titqies bħala “mexxej” u sabiex jiżdied l-ammont tal-multa imposta fuqha, li ssir prova li fin-nuqqas tar-rwol tal-imsemmija impriża l-ksur imwettaq kien ikun inqas gravi. Fil-fatt, argument bħal dan joħloq konfużjoni bejn l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur fl-assolut u l-eżami tal-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati fuq il-bażi tal-eżami taċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti.
131
Bl-istess mod, ir-rikorrenti lanqas ma jistgħu jallegaw li rwol bħal dan ta’ mexxej jew ta’ istigatur tal-ksur jista’ jiġi kkonstatat biss fil-kuntest ta’ akkordji orizzontali u mhux fil-kuntest ta’ akkordji vertikali bħal dak previst fil-każ ineżami. Fil-fatt, il-fatt li, fir-rigward ta’ dawn ir-restrizzjonijiet, dan ir-rwol huwa ġeneralment konfuż ma’ dak tal-produttur ma jeskludix li ċirkustanza aggravanti bħal din tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa.
132
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-inkompatibbiltà tal-konklużjoni li Nintendo kienet il-mexxej tal-akkordju mar-rifjut tal-Kummissjoni li tapplika l-Avviż dwar il-kooperazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma indikawx kif, fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, teżisti rabta bejn l-applikazzjoni ta’ dan l-avviż u l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti fir-rigward tal-impriżi.
133
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq inkoerenza mal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni u ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni
— L-argumenti tal-partijiet
134
Ir-rikorrenti jsostnu li bl-applikazzjoni ta’ żieda ta’ 50% tal-multa fid-dawl tar-rwol ta’ Nintendo bħala mexxej u istigatur tal-ksur, il-Kummissjoni tbiegħdet mill-prassi preċedenti tagħha fil-qasam tal-ksur vertikali. Dan it-tbegħid huwa tant sostanzjali li jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Fil-fatt, ir-rwol ta’ Nintendo ma kienx ikbar mir-rwol tal-produtturi inkwistjoni fil-każijiet preċedenti fil-qasam ta’ ftehim vertikali, każijiet li fihom ġew imposti żidiet li kienu ferm inqas għolja għal ċirkustanzi aggravanti, bħaż-żieda ta’ 20% applikata fil-każijiet Volkswagen I u II.
135
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ġġustifikatx, jew ma ġġustifikatx suffiċjentement skont il-liġi, tali tbegħid mill-politika u l-prassi preċedenti tagħha.
136
Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti kollha mqajma mir-rikorrenti.
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
137
Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni tbiegħdet mill-prassi preċedenti tagħha fil-qasam tal-ksur vertikali, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 75 iktar ’il fuq). Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, ibbażat fuq id-differenza bejn iż-żieda applikata f’dan il-każ u dawk applikati f’każijiet oħra, għandu jiġi miċħud ukoll.
138
Bl-istess mod, f’dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex il-kompitu tal-Kummissjoni li tispjega għaliex l-ammont taż-żieda applikat f’dan il-każ kien differrenti minn dak applikat fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha. Fi kwalunkwe każ, id-Deċiżjoni (ara l-punt 53 iktar ’il fuq) tindika b’mod ċar l-elementi li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni u tissodisfa wkoll ir-rekwiżiti li jirrigwardaw il-motivazzjoni kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza (ara l-premessi 228 sa 238 u 406). B’dan il-mod, il-Kummissjoni ma naqsitx mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha taħt l-Artikolu 253 KE.
139
Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud
Fuq iż-żieda tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti minħabba tkomplija tal-ksur
140
Sussidjarjament, ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni qatt ma imponiet perċentwali daqstant għolja (25%) u lanqas ma imponiet sanzjoni finanzjarja daqshekk kbira (EUR 28.5 miljuni) fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi aggravanti minħabba tkomplija tal-ksur. Żieda bħal din hija manifestament eċċessiva, meta mqabbla partikolarment mal-ammont inizjali ta’ EUR 23 miljun iffissat skont il-gravità tal-ksur.
141
Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-allegazzjonijiet kollha.
142
Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-Kummissjoni għandha dritt tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li impriża tkun kompliet twettaq ksur wara l-bidu tal-investigazzjoni bħala ċirkustanza aggravanti, ladarba mġiba bħal din tindika d-determinazzjoni partikolari tal-parteċipanti fl-akkordju li jkomplu bil-ksur tagħhom minkejja r-riskju li jiġu ssanzjonati (sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 84 iktar ’il fuq, punt 369).
143
Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-prinċipju stess ta’ żieda bħal din, iżda r-rata ta’ din iż-żieda.
144
Iż-żieda tal-multa imposta fuq Nintendo ta’ 25% minħabba t-tkomplija tal-ksur tidher ġustifikata minħabba ċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami. Fil-fatt, mill-fatti esposti mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni, li l-eżistenza tagħhom b’ebda mod ma ġiet ikkontestata, jirriżulta li NOE u NCL komplew bl-imġiba illeċita tagħhom wara li saru jafu bl-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-fatti msemmija fill-premessa 410 tad-Deċiżjoni juru d-determinazzjoni partikolari ħafna ta’ NOE u NCL li jkomplu bil-ksur matul is-snin 1996 u 1997, jiġifieri matul perijodu ta’ madwar sentejn wara li saru jafu bl-investigazzjoni, li biha kien ilhom jafu sa mhux iktar tard minn Ġunju 1995.
145
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha dritt takkuża lir-rikorrenti b’din it-tkomplija tal-ksur, inkwantu hija ċirkustanza aggravanti, u konsegwentement, iżżid b’25% l-ammont tal-multa imposta fuqhom.
146
Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.
5. Fuq it-tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħti lir-rikorrenti fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi attenwanti
147
Ir-rikorrenti jsostnu li l-kooperazzjoni tagħhom u ċ-ċirkustanzi attenwanti kollha kienu jimmeritaw tnaqqis tal-multa kunsiderevolment ogħla mit-tnaqqis ta’ 25% mogħti lilhom. Fil-fatt, jeżistu diversi elementi li fuq il-bażi tagħhom seta’ ngħata tnaqqis iktar sostanzjali, jiġifieri l-applikazzjoni, fil-każ ineżami, tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni, trattament ugwali għal dak mogħti lil John Menzies, kunsiderazzjoni ġusta tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti u t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kumpens imħallas lil terzi u tal-programm għall-konformità mad-dritt tal-kompetizzjoni adottat mir-rikorrenti.
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba li l-Kummissjoni rrifjutat li tapplika l-Avviż dwar il-kooperazzjoni
L-argumenti tal-partijiet
148
Ir-rikorrenti jsostnu li, meta rrifjutat milli tapplika l-Avviż dwar il-kooperazzjoni u, minħabba f’hekk, ċaħdithom mill-possibbiltà li jibbenefikaw mit-tnaqqis massimu ta’ 50% previst fil-punt D ta’ dan l-avviż, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni.
149
Ir-rikorrenti jsostnu li, mit-23 ta’ Diċembru 1997, huma rrikonoxxew volontarjament il-ksur u kkooperaw b’mod sħiħ mal-Kummissjoni. B’dan il-mod Nintendo kienet l-ewwel impriża li għamlet ammissjoni volontarja u, għaldaqstant, l-ewwel waħda li kkooperat mal-Kummissjoni. Sa fejn jafu r-rikorrenti, ma jeżistix każ ieħor ta’ kooperazzjoni daqshekk sostanzjali u spontanja bħal dik tagħhom fil-każ ineżami.
150
F’dak li jikkonċerna, b’mod iktar speċifiku, ir-rifjut tal-Kummissjoni li tapplika l-Avviż dwar il-kooperazzjoni minħabba li l-każ ineżami jipprevedi ksur vertikali u mhux akkordju sigriet, ir-rikorrenti jsostnu li rifjut bħal dan huwa inkompatibbli mal-fatt li l-ksur inkwistjoni ġie ttrattat bħala tali akkordju sigriet fir-rigward tas-sanzjoni. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma setgħetx tqis li l-kobor tal-multa kien iġġustifikat minħabba li l-ksur kien komparabbli ma’ akkordju orizzontali u fl-istess ħin tonqos milli tqis il-każ bħala wieħed li jinvolvi tali akkordju fil-kuntest tal-eżami taċ-ċirkustanzi attenwanti. Barra minn hekk, kull imġiba li tagħti dritt għal tnaqqis tal-multa, skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni, għandha tiġi kkunsidrata bħala “ċirkustanza attenwanti” fis-sens tal-Linji gwida. Konsegwentement, meta tkun qed tikkunsidra li timponi multa, il-Kummissjoni hija marbuta tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi attenwanti kollha u, b’mod partikolari, dawk imsemmija fl-imsemmi avviż.
151
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jallegaw li huma jaqgħu, tal-inqas, taħt id-dispożizzjonijiet tal-ewwel u t-tieni inċiżi tal-punt D2 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni li jipprovdu għal tnaqqis ta’ 10 sa 50% tal-multa jekk, minn naħa, qabel ma tintbagħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, impriża tipprovdi lill-Kummissjoni b’informazzjoni, dokumenti u provi oħra li jikkontribwixxu sabiex jiġi kkonfermat li sar ksur u jekk, min-naħa l-oħra, wara li tkun irċeviet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, impriża tinforma lill-Kummissjoni li hija ma tikkontestax l-eżistenza tal-fatti li fuqhom ikunu bbażati l-akkużi tagħha.
152
Fil-fatt, id-dokumentazzjoni pprovduta volontarjament mir-rikorrenti qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tirrapreżenta 74% tad-dokumenti li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u 84% tad-dokumenti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha fid-Deċiżjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrikonoxxiet dan fil-punt 216 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Iktar minn hekk, ir-rikorrenti aċċettaw mhux biss il-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iżda wkoll il-konklużjonijiet li hija siltet minnhom.
153
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, ir-rikorrenti jqisu li huma kellhom jibbenefikaw mit-tnaqqis massimu ta’ 50% previst fil-punt D tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni. Dan huwa wkoll konformi mal-prassi tal-Kummissjoni li jingħata tnaqqis sostanzjali ta’ multi, inkluż tnaqqis bejn 30 u 50%, lil impriżi li l-kooperazzjoni tagħhom kienet manifestament inqas kompleta u inqas estensiva minn dik tar-rikorrenti.
154
B’mod partikolari, huma jirreferu għal każ “Nathan Bricolux” [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/135/KE, tal-5 ta’ Lulju 2000, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP.F.1. 36.516 — Nathan-Bricolux) (ĠU 2001, L 54, p. 1), premessa 134], li fih il-Kummissjoni tat tnaqqis ta’ 40% fuq il-bażi ta’ kooperazzjoni li ma kinitx tinkludi l-produzzjoni volontarja ta’ provi dokumentali. Huma jsemmu wkoll il-każ Pajpijiet tal-ħadid, li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tat lil ABB tnaqqis ta’ 30% peress li din ipprovdiet lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-oriġini tal-akkordju, li għenitha tistabbilixxi l-fatti marbuta mal-ksur, u tnaqqis distint minħabba li ma kkontestatx il-fatti wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.
155
Fl-aħħar nett, skont ir-rikorrenti, ma jistax jintlaqa’ l-argument tal-Kummissjoni li fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni immedjata l-provi jkollhom inqas valur. Fil-fatt, ir-rikorrenti kienu diġà ġew issanzjonati b’żieda ta’ 25% fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi aggravanti peress li komplew bil-ksur, u għalhekk tnaqqis dgħajjef tal-multa minħabba kooperazzjoni tardiva jwassal għal kunsiderazzjoni doppja tal-istess fatt bi ksur tal-prinċipju tan-ne bis in idem. Fi kwalunkwe każ, it-tnaqqis fuq il-bażi tal-kooperazzjoni ma jiddependix mill-ordni kronoloġiku li fih il-provi jiġu ppreżentati [ara, f’dan is-sens, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/418/KE, tas-7 ta’ Ġunju 2000, dwar proċedura taħt l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/36.545/F3 — Aċidi aminiċi) (ĠU 2001, L 152, p. 24), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/742/KE, tal-, dwar proċedura taħt l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/36.604 — Aċidu ċitriku) (ĠU 2002, L 239, p. 18)].
156
Il-Kummissjoni tikkontesta l-ilmenti kollha mqajma mir-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
157
Fl-ewwel lok, l-Avviż dwar il-kooperazzjoni m’għandux jiġi applikat fil-każ ineżami. Fil-fatt minn dan l-avviż, li l-għan tiegħu huwa dak li jinkoraġġixxi l-impriżi jirrevelaw l-eżistenza ta’ akkordji li jkunu partikolarment diffiċli li jinstabu, jirriżulta ċar li dan huwa applikabbli biss fil-każijiet fejn ikun hemm ksur ta’ natura orizzontali, bħall-kartelli. Dan l-avviż jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tal-punt A1 tiegħu, il-każ ta’ “akkordji sigrieti għall-iffissar ta’ prezzijiet u ta’ kwoti ta’ produzzjoni jew ta’ bejgħ, għall-qsim tas-swieq jew għall-projbizzjoni ta’ importazzjonijiet jew esportazzjonijiet”.
158
L-argumenti tar-rikorrenti, inkwantu għandhom jinftiehmu bħala talba sabiex l-imsemmi avviż jiġi applikat b’analoġija sa fejn il-ksur previst fil-każ ineżami ġie ttrattat bħala kartell mill-perspettiva tas-sanzjoni, ma jistgħux jirnexxu lanqas f’dan is-sens. Fil-fatt, kif tenfasizza l-Kummissjoni, m’hemmx rabta bejn id-deskrizzjoni tal-ksur inkwistjoni bħala serju ħafna u l-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni li ngħatat matul il-proċedura amministrattiva. Bl-istess mod, ma jistax jiġi sostnut li l-Kummissjoni kellha l-obbligu tagħti tnaqqis ikbar tal-multa sa fejn hija kkonkludiet li hemm ċirkustanza aggravanti minħabba t-tkomplija tal-ksur.
159
Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux jibbażaw ruħhom la fuq l-Avviż dwar il-kooperazzjoni u lanqas fuq ir-regoli stabbiliti minn dan l-avviż għall-ksib ta’ dritt li jingħata tnaqqis ikbar tal-multa minħabba l-kooperazzjoni tagħhom.
160
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-estent tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, tnaqqis tal-multa fuq il-bażi ta’ kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjoni li kooperazzjoni bħal din tiffaċilita d-dmir tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T-311/94, Ġabra p. II-1129, punt 325, u Finnboard vs Il-Kummissjoni, T-338/94, Ġabra p. II-1617, punt 363). Għalhekk, sabiex it-tnaqqis tal-ammont ta’ multa fuq il-bażi tal-kooperazzjoni jkun iġġustifikat, l-imġiba ta’ impriża għandha tiffaċilita d-dmir tal-Kummissjoni li tikkonstata u trażżan il-ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T-67/00, T-68/00, T-71/00 u T-78/00, Ġabra p. II-2501, punt 499, u l-ġurisprudenza ċċitata).
161
Minkejja li l-Kummissjoni ma tistax, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kooperazzjoni tal-membri ta’ akkordju, tinjora l-prinċipju ta’ trattament ugwali, kwistjoni li ser tiġi eżaminata sussegwentement, hija tibbenefika minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija mid-diversi membri ta’ akkordju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C-328/05 P, Ġabra p. I-3921, punt 88). Għaldaqstant, huwa biss żball manifest ta’ evalwazzjoni li jista’ jiġi ċċensurat.
162
Fil-każ ineżami, m’hemm xejn li jwassal għall-konklużjoni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta tat lir-rikorrenti tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba kooperazzjoni ta’ 25%. B’mod partikolari, u dan bħall-każijiet li għalihom japplika l-Avviż dwar il-kooperazzjoni, il-fatt li kooperazzjoni tmur lil hinn min-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-eżistenza tal-fatti mhuwiex determinanti, inkwantu l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ għall-evalwazzjoni tal-livell tat-tnaqqis tal-multa li hija tipprevedi li tagħti fuq din il-bażi.
163
Madankollu għandu jiġi eżaminat ukoll jekk il-Kummissjoni injoratx il-prinċipju ta’ trattament ugwali meta tat lil John Menzies tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha li huwa ferm ikbar mit-tnaqqis mogħti lir-rikorrenti.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tal-obbligu ta’ motivazzjoni
L-argumenti tal-partijiet
164
Qabelxejn, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali meta tathom tnaqqis ta’ 25% fuq il-bażi tal-kooperazzjoni filwaqt li tat tnaqqis ta’ 40% lil John Menzies, u dan minkejja li l-kooperazzjoni volontarja tagħhom kienet ingħatat qabel dik ta’ John Menzies u kienet ferm iktar estiża minn dik ta’ din tal-aħħar.
165
Bi tweġiba għall-argument tal-Kummissjoni li l-ittra tat-23 ta’ Diċembru 1997 hija biss offerta għal kooperazzjoni, ir-rikorrenti jippreċiżaw li, kemm fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (punt 217) kif ukoll fid-Deċiżjoni (premessa 458), il-Kummissjoni tikkonferma li Nintendo rrikonoxxiet il-ksur f’Diċembru 1997. F’kull każ, mhuwiex meħtieġ li parti tkun l-ewwel waħda li tipprovdi provi sabiex ikollha dritt għal tnaqqis ta’ 50% skont it-tieni inċiż tal-punt D2 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni. Fir-realtà, il-perċentwali ta’ tnaqqis tiddependi fuq il-valur tal-provi pprovduti. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jannettu mar-replika tagħhom il-provi pprovduti lill-Kummissjoni, provi li, fihom infishom, jiġġustifikaw tnaqqis ta’ mill-inqas 50%.
166
Barra minn hekk, ir-rikorrenti jqisu li d-differenza fit-trattament tagħhom meta mqabbel mat-trattament ta’ John Menzies ma ġietx immotivata b’mod korrett fid-Deċiżjoni.
167
Il-Kummissjoni tosserva li, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-kontribuzzjoni tagħhom ingħatat qabel dik ta’ John Menzies, dan huwa bbażat biss fuq l-ittra tat-23 ta’ Diċembru 1997 li huma bagħtu lill-Kummissjoni. Issa, din l-ittra tikkostitwixxi biss offerta ta’ kooperazzjoni, liema kooperazzjoni ngħatat iktar tard, b’mod iktar preċiż, fil-, jiġifieri, wara dik ta’ John Menzies, li ngħatat fit-. Fil-fatt, din l-ittra la tinkludi ċaħda ta’ dikjarazzjonijiet bil-miktub preċedenti u lanqas ma tinkludi rikonoxximent tal-ksur. Ċertament ir-rikorrenti jagħmlu rikonoxximent ta’ xi ħaġa, iżda dan mingħajr ma jindikaw x’qegħdin jirrikonoxxu u mingħajr ma jippermettu lill-Kummissjoni li tibbaża ruħha fuq din l-ittra biss bħala prova tal-involviment tar-rikorrenti fil-ksur.
168
Fir-rigward tal-ilment dwar nuqqas ta’ motivazzjoni, dan huwa infondat inkwantu d-Deċiżjoni tispeċifika r-raġunijiet li minħabba fihom ingħata tnaqqis iżgħar lir-rikorrenti, jiġifieri l-kontribuzzjoni iktar immedjata ta’ John Menzies u l-valur inqas probatorju tal-komunikazzjonijiet tar-rikorrenti tal-21 ta’ Jannar 1998 (premessi 455 sa 460 tad-Deċiżjoni).
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
169
Mis-sitt inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida, dispożizzjoni applikabbli f’dan il-każ, jirriżulta li l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq impriża jista’ jitnaqqas meta din tkun effettivament ikkollaborat mal-proċedura lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni.
170
Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni tal-impriżi matul il-proċedura amministrattiva adoperata għal akkordju pprojbit, tinjora l-prinċipju ta’ trattament ugwali, prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, li, skont ġurisprudenza stabbilita, jinkiser meta sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm trattament bħal dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 95 iktar ’il fuq).
171
L-evalwazzjoni tal-grad tal-kooperazzjoni tal-impriżi ma tistax tiddependi minn fatturi purament fortuwiti. Għalhekk differenza fit-trattament tal-impriżi inkwistjoni għandha tkun imputabbli fi gradi ta’ kooperazzjoni mhux komparabbli, partikolarment sa fejn dawn ikkonsistew fit-tressiq ta’ informazzjoni differenti jew fit-tressiq ta’ din l-inforamzzjoni fi stadji differenti tal-proċedura amministrattiva, jew f’ċirkustanzi mhux analogi (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 95 iktar ’il fuq, punt 454, u l-ġurisprudenza ċċitata).
172
Barra minn hekk, sa fejn impriżi jipprovdu lill-Kummissjoni, fl-istess stadju tal-proċedura amministrattiva u f’ċirkustanzi analogi, informazzjoni simili li tikkonċerna l-fatti li bihom huma ġew akkużati, il-gradi tal-kooperazzjoni tagħhom għandhom jiġu kkunsidrati bħala komparabbli, bil-konsegwenza li dawn l-impriżi għandhom jiġu ttrattati b’mod ugwali fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta fuqhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 160 iktar ’il fuq, punti 501 u 573, u l-ġurisprudenza ċċitata).
173
Fil-każ ineżami, fir-rigward tal-estent tal-kooperazzjoni ta’ John Menzies, il-Kummissjoni indikat dan li ġej fl-investigazzjoni:
—
id-dikjarazzjoni ta’ John Menzies tat-13 ta’ Jannar 1998 saret b’mod spontanju (premessa 455 tad-Deċiżjoni);
—
din id-dikjarazzjoni kkontribwixxiet ħafna għall-istabbiliment tal-prova ta’ kooperazzjoni estiża bejn John Menzies u Nintendo bil-għan li jeliminaw l-esportazzjonijiet paralleli (l-ewwel sentenza tal-premessa 456 tad-Deċiżjoni);
—
din id-dikjarazzjoni tinkludi informazzjoni dwar is-solleċitazzjonijiet għal bejgħ passiv għall-esportazzjoni li għalihom kienet suġġetta John Menzies (it-tieni sentenza tal-premessa 456 tad-Deċiżjoni).
174
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kooperazzjoni ta’ Nintendo, il-Kummissjoni rrilevat li:
—
Nintendo rrikonoxxiet il-fatti fit-23 ta’ Diċembru 1997 (premessa 94 u l-ewwel sentenza tal-premessa 458 tad-Deċiżjoni);
—
Nintendo għaddiet b’mod spontanju lill-Kummissjoni, wara John Menzies, numru kbir ta’ dokumenti, fil-21 ta’ Jannar, fl- u fil-, li “kkontribwixxew” sabiex tiġi stabbilita l-prova tal-ksur u sabiex itejbu l-għarfien li l-Kummissjoni kellha tal-fatti li rriżultawlha mill-investigazzjoni tagħha u mid-dokumenti pprovduti minn John Menzies (l-ewwel u t-tieni sentenzi tal-premessa 458 tad-Deċiżjoni);
—
dawn id-dokumenti “servew” ukoll sabiex jistabbilixxu l-parteċipazzjoni ta’ diversi impriżi kif ukoll il-portata ġeografika tal-ksur (it-tielet sentenza tal-premessa 458 tad-Deċiżjoni).
175
Minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni esponiet b’mod ċar l-elementi li hija ħadet inkunsiderazzjoni għat-tnaqqis tal-multi fuq il-bażi tal-kooperazzjoni tal-impriżi u li l-obbligu ta’ motivazzjoni ġie osservat fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ din iċ-ċirkustanza attenwanti.
176
Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, sabiex tiġi stabbilita differenza sinjifikattiva bejn il-gradi ta’ kooperazzjoni rispettivi tal-impriżi, għandu jsir tqabbil tal-kooperazzjoni kemm mill-perspettiva kronoloġika, li jimplika fl-ewwel lok eżami tal-istadju li fih ingħatat il-kooperazzjoni, kif ukoll mill-perspettiva kwalitattiva, li jwassal fit-tieni lok għat-tqabbil tal-kundizzjonijiet li taħthom l-impriżi kkooperaw u l-valur intrinsiku tal-informazzjoni kkomunikata minn kull waħda minnhom fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni (ara l-punt 172 iktar ’il fuq).
177
Issa, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-istadji tal-proċedura amministrattiva li fihom l-impriżi inkwistjoni kkooperaw, mhuwiex ikkontestat, fil-każ ineżami, li l-kooperazzjoni effettiva ta’ John Menzies ingħatat ftit qabel dik tar-rikorrenti. Fil-fatt, il-kooperazzjoni spontanja ta’ John Menzies ingħatat permezz tad-dikjarazzjoni tagħha tat-13 ta’ Jannar 1998 filwaqt li dik tar-rikorrenti bdiet fil-. Madankollu, il-fatt li r-rikorrenti effettivament bdew jikkooperaw mal-Kummissjoni tmint ijiem wara John Menzies ma jiġġustifikax fih innifsu li t-tnaqqis tal-multa fuq il-bażi tal-kooperazzjoni mogħti lil John Menzies ikun ikbar minn dak li minnu bbenefikat Nintendo.
178
F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, sabiex jiġu kkunsidrati komparabbli, l-interventi ta’ kooperazzjoni tal-impriżi m’għandhomx neċessarjament isiru fl-istess jum, iżda jistgħu jsiru fl-istess stadju tal-proċedura.
179
Issa, la mid-Deċiżjoni u lanqas mill-proċess ma jirriżulta li d-data ta’ meta John Menzies ikkooperat u dik ta’ meta l-Kummissjoni rċeviet l-informazzjoni mingħand Nintendo jikkorrispondu għal stadji differenti tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ikkonfermat fis-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-informazzjoni li tirrigwarda l-eżistenza tal-akkordju pprovduta minn Nintendo kienet ġiet ikkomunikata fl-istess stadju tal-proċedura amministrattiva bħal dik ipprovduta minn John Menzies.
180
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argument tal-Kummissjoni li l-informazzjoni u d-dokumenti mibgħuta minn Nintendo kellhom inqas valur minn dawk mibgħuta minn John Menzies sa fejn dawn ġew ikkomunikati iktar tard ma jistax ireġi. Konsegwentement, ebda element ta’ natura kronoloġika ma seta’ jiġi kkunsidrat bħala li kien determinanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni komparattiva tal-valur tal-kooperazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Groupe Danone, iċċitata fil-punt 95 iktar ’il fuq, punt 467).
181
Fir-rigward, it-tieni nett, tal-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi inkwistjoni kkooperaw mal-Kummissjoni, mid-Deċiżjoni jirriżulta ċar li kemm Nintendo u kif ukoll John Menzies għaddew b’mod spontanju d-dokumenti li servew sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza u l-portata ġeografika tal-ksur.
182
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kontenut tal-informazzjoni mibgħuta rispettivament minn John Menzies u minn Nintendo, għandu jiġi rrilevat li, skont il-Kummissjoni, l-ittra tal-4 ta’ April 1996 mibgħuta minn NOE lil John Menzies kif ukoll it-tweġiba ta’ din tal-aħħar tal- “ikkontribwixxew ħafna għall-istabbiliment tal-prova ta’ kooperazzjoni estiża […] bil-għan li jiġu eliminati l-esportazzjonijiet paralleli” (ara l-premessa 456 tad-Deċiżjoni). Issa, mill-proċess, b’mod partikolari mid-dokument ippreżentat mir-rikorrenti fis-seduta, li dwaru l-Kummissjoni kellha l-okkażjoni tagħmel osservazzjonijiet (ara l-punt 28 iktar ’il fuq), jirriżulta li dawn iż-żewġ ittri, invokati fil-premessi 127 sa 131 tad-Deċiżjoni, ġew ipprovduti b’mod spontanju mhux biss minn John Menzies, iżda wkoll minn Nintendo.
183
Għalhekk il-kooperazzjoni ta’ Nintendo fil-proċedura adoperata mill-Kummissjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala li kienet komparabbli għal dik ta’ John Menzies. Għaldaqstant, fuq din il-bażi, Nintendo kellha tibbenefika mill-istess livell ta’ tnaqqis tal-multa bħal dak mogħti lil John Menzies, jiġifieri 40%, peress li dawn iż-żewġ impriżi pproduċew id-dokumenti rilevanti fl-istess stadju tal-proċedura.
184
Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk ir-rikorrenti kellhomx, kif huma jsostnu, jibbenefikaw minn rata ta’ tnaqqis ta’ multa ikbar minn 40%, għandu jiġi kkonstatat, kif il-Kummissjoni indikat fil-premessa 458 tad-Deċiżjoni, li d-dokumenti l-oħra pprovduti b’mod spontanju mir-rikorrenti fil-21 ta’ Jannar, fl- u fil- mhux biss ikkontribwixxew sabiex itejbu l-għarfien li hija kellha tal-fatti li jirriżultaw mill-investigazzjoni tagħha, iżda “servew ukoll sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni ta’ diversi partijiet kif ukoll il-portata ġeografika tal-ksur”.
185
B’mod partikolari, mid-dokument ippreżentat mir-rikorrenti fis-seduta, li dwaru l-Kummissjoni kellha l-okkażjoni tagħmel osservazzjonijiet, jirriżulta li numru ta’ konstatazzjonijiet magħmula fid-Deċiżjoni, fil-premessi 103 sa 108, 110, 116 sa 119, 122 sa 125, 127 sa 130, 132, 133, 136, 138 sa 150, 152 sa 157, 160, 164 u 167 (dwar ġrajjiet ikkonstatati fir-Renju Unit u fl-Irlanda); fil-premessi 170 sa 181 (dwar ġrajjiet ikkonstatati fi Spanja); fil-premessi 182, 184 u 185 (dwar ġrajjiet fl-Olanda); fil-premessi 187 sa 189 (dwar ġrajjiet fi Franza); fil-premessi 190 sa 197 (dwar ġrajjiet fil-Belġju u fil-Lussemburgu); fil-premessi 199 sa 201 (dwar ġrajjiet fil-Ġermanja); fil-premessi 204 u 206 sa 209 (dwar ġrajjiet fil-Greċja); fil-premessi 210, 211 u 213 (dwar ġrajjiet fil-Portugall); fil-premessi 214 sa 215 u 217 sa 219 (dwar ġrajjiet fl-Italja) u fil-premessi 223, 224, 226 u 227 (dwar ġrajjiet fid-Danimarka, fin-Norveġja, fl-Iżvezja, fil-Finlandja u fl-Iżlanda), huma bbażati fuq informazzjoni pprovduta minn Nintendo. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat ukoll li Nintendo, fil-kwalità tagħha ta’ parti fil-ftehim kollha ta’ distribuzzjoni kkontestati, kienet f’pożizzjoni li tipprovdi informazzjoni speċifika dwar it-termini u l-implementazzjoni tagħhom.
186
Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li, minkejja l-volum kbir ta’ informazzjoni pprovduta, dawn id-dokumenti ma kinux indispensabbli sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-eżistenza tal-ftehim u tal-prattiki miftiehma inkwistjoni u, għaldaqstant, l-eżistenza tal-ksur ikkontestat. Fil-fatt, l-indikazzjonijiet ipprovduti minn Nintendo ma setgħux, b’mod kuntrarju għall-ittri tal-4 u tal- (ara l-punt 182 iktar ’il fuq), jintużaw bħala bażi probatorja prinċipali tad-deċiżjoni ta’ konstatazzjoni ta’ ksur fis-suq tal-consoles tal-logħob vidjo speċjalizzati mmanifatturati minn Nintendo u tal-cartridges tal-logħob kompatibbli ma’ dawn il-consoles tal-logħob. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-informazzjoni li fuqha huma bbażati l-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-premessi 103 sa 108, 110, 116 sa 119, 122 sa 125, 127 sa 130, 132, 133, 136, 138 sa 150, 152 sa 157, 160, 164, 167, 170 sa 182, 184, 185, 187 sa 197, 199 sa 201, 204, 206 sa 211, 213 sa 215, 217 sa 219, 223, 224, 226 sa 227 ippermettiet biss li tiġi speċifikata l-identità tad-distributuri involuti fil-ksur u l-portata ġeografika ta’ dan tal-aħħar.
187
Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li xi partijiet minn din l-informazzjoni, jiġifieri dawk li fid-Deċiżjoni jifformaw il-bażi tal-premessi 103 (eżistenza, tul u termini tal-ftehim ta’ distribuzzjoni konkluż bejn Nintendo UK Ltd u Nintendo), 108, 110, 123, 167 (fatti dwar il-ftehim ta’ distribuzzjoni konklużi bejn Nintendo u The Games), 170, 171, 176 (eżistenza, tul u termini tal-ftehim ta’ distribuzzjoni konkluż bejn Nintendo España, SA u Nintendo), 182 (termini tal-ftehim formali konklużi bejn Nintendo Netherlands BV u l-klijenti tagħha), 189 (ittra mibgħuta minn Nintendo France SARL dwar ir-riskji tal-esportazzjonijiet mit-territorju Franċiż), 190, 191, 194, 196 (eżistenza u termini tal-ftehim ta’ distribuzzjoni fil-Belġju u fil-Lussemburgu), 199 (esportazzjonijiet paralleli mill-Ġermanja), 204 (termini tal-ftehim konkluż bejn Itochu Hellas EPE u Nintendo), 210, 211 (termini u tul tal-ftehim ta’ distribuzzjoni konklużi bejn Nintendo u d-distributuri tagħha fil-Portugall), 214, 215 (termini u tul tal-ftehim ta’ distribuzzjoni konklużi bejn Nintendo u d-distributur tagħha fl-Italja), inkisbu mill-Kummissjoni meta twieġbu t-talbiet għal informazzjoni li hija għamlet lir-rikorrenti (ara, b’mod partikolari, il-premessi 86 sa 93 tad-Deċiżjoni u, partikolarment, il-premessi 86 u 87, li jirreferu għall-istedina tal-Kummissjoni sabiex tiġi pprovduta b’informazzjoni dwar partikolarment id-distributuri u s-sussidjarji u dwar il-kontenut tal-ftehim ta’ distribuzzjoni formali konklużi bejn Nintendo u d-distributuri tagħha fi Franza, fil-Ġermanja, fl-Italja, fir-Renju Unit, fil-Greċja u fil-Portugall), tweġibiet li għalihom huwa eskluż li jkun hemm tnaqqis ta’ multa fuq il-bażi tal-kooperazzjoni peress li dawn saru bil-għan li jiġu rrispettati l-obbligi tar-rikorrenti skont l-Artikolu 11(4) u (5) tar-Regolament Nru 17 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 95 iktar ’il fuq, punt 451, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-indikazzjonijiet li jirrigwardaw il-portata ġeografika tal-akkordju kontenzjuż u l-identità tad-distributuri involuti fih ma jiġġustifikawx tnaqqis ta’ multa addizzjonali fuq il-bażi tal-kooperazzjoni effettiva ta’ Nintendo. Fil-fatt il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tistabbilixxi l-portata ġeografika tal-akkordju u l-identità tad-distributuri involuti fih anki fin-nuqqas tal-informazzjoni pprovduta b’mod spontanju mir-rikorrenti.
188
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-kooperazzjoni ta’ Nintendo ma tiġġustifikax tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha ta’ iktar minn 40%.
189
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, dan il-motiv għandu jiġi parzjalment milqugħ u konsegwentement id-Deċiżjoni għandha tiġi rriformata billi r-rikorrenti jingħataw rata ta’ tnaqqis ta’ multa identika għal dik mogħtija lil John Menzies. Il-konsegwenzi konkreti ta’ din ir-riforma se jiġu speċifikati iktar ’il quddiem.
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba l-iżnaturament tal-isforzi ta’ Nintendo
L-argumenti tal-partijiet
190
Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom meta bidlet, bi ħsara għalihom, l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti tal-każ ineżami u/jew il-konklużjonijiet ta’ dritt li siltet minnhom. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti josservaw li, fil-punt 216 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni ddikjarat li ħadet inkunsiderazzjoni “il-kontribuzzjoni tar-rikorrenti għall-istabbiliment tal-eżistenza ta’ ksur”, meta, fid-Deċiżjoni, hija ddikjarat li d-dokumenti pprovduti kkontribwixxew biss sabiex tiġi kkonfermata l-eżistenza tal-ksur.
191
Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
192
Għandu jiġi mfakkar li, permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti qed jitolbu esklużivament il-ksib ta’ annullament jew tnaqqis tal-multa imposta fuqhom.
193
Għalhekk, dan il-motiv għandu jiġi ddikjarat insostenibbli inkwantu r-rikorrenti ma jindikawx kif id-differenza terminoloġika eżistenti bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-Deċiżjoni fir-rigward tal-kontribuzzjoni tagħhom għall-istabbiliment tal-eżistenza tal-ksur seta’ jkollha influwenza fuq l-ammont tal-multa imposta fuqhom.
194
Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2842/98, tat-22 ta’ Diċembru 1998, dwar is-smigħ tal-partijiet f’ċerti proċedimenti taħt l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 354, p. 18), jipprovdu espressament li, meta l-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li timponi multa, l-impriżi inkwistjoni għandu jkollhom l-okkażjoni jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-oġġezzjonijiet imqajma minnha. Għalhekk huwa permezz tal-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-tul, il-gravità u l-prevedibbiltà tan-natura antikompetittiva tal-ksur li d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi inkwistjoni huma ggarantiti quddiem il-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-ammont tal-multa (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, T-83/91, Ġabra p. II-755, punt 235).
195
Konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi minħabba l-importanza insuffiċjenti li ngħatat lill-kumpens mogħti lil terzi u fuq l-allegazzjoni li l-programm għall-konformità ma tteħidx inkunsiderazzjoni
L-argumenti tal-partijiet
196
Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, minn naħa, meta ma naqsitx il-multa b’ammont ekwivalenti għall-ħlas tal-kumpens li huma offrew lit-terzi identifikati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, min-naħa l-oħra, meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-programm għall-konformità mad-dritt tal-kompetizzjoni li huma implementaw.
197
Fir-rigward tal-kumpens imħallas lil terzi, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jfakkru li dan il-kumpens, deskritt bħala “sostanzjali” fid-Deċiżjoni, jilħaq l-ammont ta’ EUR 375000.
198
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tenfasizza li l-ħlas ta’ dan il-kumpens sar biss wara li l-Kummissjoni assigurathom, fil-laqgħa tal-15 ta’ Diċembru 1998, li l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri kienet rilevanti għall-kalkolu tal-ammont tal-multa. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jippreċiżaw li aspettattiva leġittima tinħoloq meta uffiċjal ta’ grad għoli tal-Kummissjoni, li jkun inkarigat minnha b’każ speċifiku, jagħti assigurazzjonijiet preċiżi fil-kuntest ta’ investigazzjoni formali u jkun jaf li l-impriża suġġetta għall-investigazzjoni tkun se tibbaża ruħha fuqhom sabiex tagħmel ħlasijiet kbar.
199
Fit-tielet lok, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-ħlas tal-kumpens lil terzi kkostitwixxa “ċirkustanza attenwanti” fis-sens tal-Linji gwida (premessi 421 sa 464 tad-Deċiżjoni). Madankollu, hija ma tat ebda tnaqqis lir-rikorrenti fis-sens ekonomiku tat-terminu, peress li l-multa tnaqqset biss b’EUR 300000.
200
Fl-aħħar nett, it-trattament li l-Kummissjoni rriżervat għar-rikorrenti ma jinkoraġġixxix lil impriżi oħra sabiex, fil-futur, jagħtu volontarjament kumpens bħal dan.
201
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti kollha.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
202
Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti qed jissuġġerixxu li, b’mod kuntrarju għall-assigurazzjonijiet li l-Kummissjoni għamlitilhom fil-laqgħa tal-15 ta’ Diċembru 1998, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni jew ma kkunsidratx suffiċjentement, minn naħa, il-kumpens li huma taw lil terzi u, min-naħa l-oħra, il-programm għall-osservanza tal-leġiżlazzjoni li huma implementaw mal-impjegati tagħhom.
203
F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li d-dritt li wieħed jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi b’mod partikolari għal min ikun f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni Komunitarja tkun ħalqitlu tamiet fondati. Ksur ta’ dan il-prinċipju ma jistax jiġi invokat fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li l-amministrazzjoni tkun għamlitlu (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T-220/00, Ġabra p. II-2473, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata).
204
Qabelxejn, fir-rigward tal-kumpens li Nintendo ħallset lil terzi ppreġudikati, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni ddeċidiet li tnaqqas il-multa imposta fuq NOE u fuq NCL bi EUR 300000 bil-għan li tieħu inkunsiderazzjoni l-kumpens li huma ħallsu lit-terzi identifikati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bħala li ġew finanzjarjament ippreġudikati minħabba l-imġiba illegali (ara l-premessi 440 u 441 tad-Deċiżjoni).
205
Mill-proċess jirriżulta li l-ammont totali tal-ħlasijiet lil terzi kien ta’ EUR 375000.
206
Issa, b’mod kuntrarju għal dak li jsostnu ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tathom qatt l-assigurazzjoni li dawn il-ħlasijiet kienu ser jitnaqqsu fl-intier tagħhom mill-ammont tal-multa imposta fuqhom.
207
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-minuti tal-laqgħa tal-15 ta’ Diċembru 1998, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni sempliċement indika li l-ħlas tal-kumpens lil terzi “se jkun rilevanti fil-kalkolu tal-multa”. Din id-dikjarazzjoni ma tistax, fl-ebda każ, tiġi kkunsidrata bħala assigurazzjoni preċiża u inkundizzjonata li l-intier ta’ dan il-kumpens kien ser jitnaqqas mill-ammont finali tal-multa.
208
Fi kwalunkwe każ, sabiex ikunu jistgħu joħolqu aspettattiva leġittima, huwa meħtieġ li l-assigurazzjonijiet mogħtija jkunu ġejjin minn sorsi awtorizzati u affidabbli (ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ dikjarazzjoni ta’ direttur ġenerali fil-qasam tal-kompetizzjoni, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T-236/01, T-239/01, T-244/01 sa T-246/01, T-251/01 u T-252/01, Ġabra p. II-1181, punti 152 u 153). Fid-dawl tal-kompetenza esklużiva tal-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni sabiex jadottaw deċiżjoni li timponi multa, uffiċjal tal-Kummissjoni ma seta’ b’ebda mod jagħti lil Nintendo, f’laqgħa informali mar-rappreżentanti tagħha, assigurazzjonijiet preċiżi li jkunu ġejjin minn sors awtorizzat u affidabbli fir-rigward tat-tnaqqis tal-kumpens mogħti lil terzi mill-ammont finali tal-multa.
209
Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-kumpens mogħti lil terzi minn Nintendo fid-determinazzjoni tal-ammont finali tal-multa ma jistax jintlaqa’.
210
Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma validi wkoll fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-programm għall-osservanza tad-dritt tal-kompetizzjoni implementat minn Nintendo.
211
Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma kienet b’ebda mod marbuta tieħu inkunsiderazzjoni l-implementazzjoni tal-programm għall-konformità li, fil-każ li dan jista’ jiġi evalwat bħala forma ta’ kooperazzjoni, saret mill-impriża fuq inizjattiva tagħha stess, u mhux wara assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija mill-Kummissjoni.
212
Konsegwentement, dan il-motiv ma jistax jintlaqa’.
6. Fuq id-determinazzjoni tal-ammont finali tal-multa
213
Kif jirriżulta mill-punti 169 sa 189 iktar ’il fuq, id-Deċiżjoni għandha tiġi rriformata, inkwantu din tapplika biss rata ta’ tnaqqis ta’ 25% fuq il-bażi tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti.
214
Fir-rigward tal-kumplament, il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni esposti fid-Deċiżjoni kif ukoll il-metodu ta’ kalkolu tal-multi applikat f’dan il-każ ma jinbidlux.
215
Għalhekk l-ammont finali tal-multa huwa kkalkulat kif ġej: l-ammont bażiku tal-multa (EUR 113.85 miljun) jiżdied b’75% fuq il-bażi, minn naħa, tar-rwol ta’ mexxej tal-akkordju ta’ Nintendo (50%) u, min-naħa l-oħra, fuq il-bażi tat-tkomplija tal-ksur (25%), jiġifieri ammont ta’ EUR 199237500. Dan l-ammont jitnaqqas b’40% fuq il-bażi tal-kooperazzjoni u b’ammont ta’ EUR 300000 minħabba l-kumpens mħallas mir-rikorrenti lil terzi, u dan iwassal għal ammont totali ta’ EUR 119242500.
Fuq l-ispejjeż
216
Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom. Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1)
L-ammont tal-multa imposta fuq Nintendo Co., Ltd u Nintendo of Europe GmbH huwa stabbilit għal EUR 119242500.
2)
Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
3)
Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Martins Ribeiro
Papasavvas
Wahl
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ April 2009.
Firem
Werrej
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1. L-impriżi inkwistjoni
2. Il-proċedura amministrattiva
Investigazzjoni dwar is-settur tal-logħob vidjo (Każ IV/35.587 PO Video Games)
Investigazzjoni addizzjonali speċifikament dwar is-sistema ta’ distrubuzzjoni ta’ Nintendo (Każ IV/35.706 PO Nintendo Distribution)
Investigazzjoni b’riżultat tal-ilment li sar minn Omega Electro BV (Każ IV/36.321 Omega — Nintendo)
3. Id-deċiżjoni kkontestata
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
Id-dritt
1. Fuq l-iffissar tal-ammont inizjali preliminari tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
2. Fuq iż-żieda tal-ammont inizjali preliminari tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti sabiex jiġi ggarantit effett dissważiv suffiċjenti
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi manifest, ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u tan-ne bis in idem kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża u fuq inkoerenza mal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll fuq applikazzjoni żbaljata tal-metodoloġija esposta fil-Linji gwida
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
3. Fuq iż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa skont it-tul tal-ksur
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
4. Fuq iż-żieda, skont iċ-ċirkustanzi aggravanti, tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti
Fuq il-kunsiderazzjoni tar-rwol ta’ mexxej u istigatur tal-akkordju
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi fl-attribuzzjoni ta’ rwol ta’ mexxej u istigatur tal-ksur lir-rikorrenti
— L-argumenti tal-partijiet
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq inkoerenza mal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni u ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni
— L-argumenti tal-partijiet
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
Fuq iż-żieda tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti minħabba tkomplija tal-ksur
5. Fuq it-tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħti lir-rikorrenti fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi attenwanti
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba li l-Kummissjoni rrifjutat li tapplika l-Avviż dwar il-kooperazzjoni
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tal-obbligu ta’ motivazzjoni
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba l-iżnaturament tal-isforzi ta’ Nintendo
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi minħabba l-importanza insuffiċjenti li ngħatat lill-kumpens mogħti lil terzi u fuq l-allegazzjoni li l-programm għall-konformità ma tteħidx inkunsiderazzjoni
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
6. Fuq id-determinazzjoni tal-ammont finali tal-multa
Fuq l-ispejjeż
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
( 1 ) Data kunfidenzjali miżmuma.
Top