SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
15 ta' Lulju 2004 (*)
"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 75/439/KEE – Rimi ta' żejt użat – Prijorità mogħtija lill-ipproċessar ta' żejt użat permezz ta' riġenerazzjoni"
Fil-kawża C-424/02,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn X. Lewis u M. Konstantinidis, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, irrappreżentat minn M. Bethell, bħala aġent, assistit minn M. Demetriou, barrister, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenut,
li għandha bħala għan li jiġi kkonstatat li, billi ma adottax il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma' l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/439/KEE, tas-16 ta' Ġunju 1975, dwar ir-rimi ta' żejt użat (ĠU 1975 L 194, p. 23), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 87/101/KEE, tat-22 ta' Diċembru 1986 (ĠU 1987, L 42, p. 43), li timponi obbligu fuq l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jagħtu prijorità lill-ipproċessar ta' żejt użat permezz ta' riġenerazzjoni, jew, f'kull każ, billi ma nnotifikax lill-Kummissjoni bl-imsemmija dispożizzjonijiet, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann President ta' l-Awla, A. Rosas, S. von Bahr, R. Silva de Lapuerta (Imħallef Relatur) u K. Lenaerts, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat ir-rapport għas-seduta,
wara li semgħet it-trattazzjoni tal-partijiet fis-seduta ta' l-4 ta' Marzu 2004,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta ta' l-1 ta' April 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta' rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta' Novembru 2002, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, bis-saħħa ta' l-Artikolu 226 KE, ressqet kawża sabiex jiġi kkonstatat li, billi ma adottax il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma' l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/439/KEE, tas-16 ta' Ġunju 1975, dwar ir-rimi ta' żejt użat (ĠU 1975 L 194, p. 23), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 87/101/KEE tat-22 ta' Diċembru 1986 (ĠU 1987 L 42, p. 43) (aktar 'il quddiem id-"direttiva") li timponi obbligu fuq l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jagħtu prijorità lill-ipproċessar ta' żejt użat permezz ta' riġenerazzjoni, jew, f'kull każ, billi ma nnotifikahiex bl-imsemmija dispożizzjonijiet, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva.
Il-kuntest ġuridiku
2 L-Artikolu 3 tad-direttiva jipprovdi li:
"1. Sa fejn kostrinġimenti tekniċi, ekonomiċi jew ta’ organizzazzjoni jippermettu, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jagħtu prijorità lill-ipproċessar taż-żejt użat billi jerġgħu jiġġeneraw[h].
2. Fejn żejt użat ma jerġ[ax] jiġ[i] riġenera[t], skond ir-restrizzjonijiet [i]msemmija f[il]-paragrafu 1 aktar ‘il fuq, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw li kull ħruq ta’ żejt użat [i]sir taħt kundizzjonijiet ambjentali li huma aċċettabbli, skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, sakemm dak il-ħruq ikun teknikament, ekonomikament u organizzazzjonalment fattibbli.
3. Fejn żejt użat la jist[a'] jerġ[a'] jiġ[i] ġġenera[t] u lanqas maħru[q], skond ir-restrizzjonijiet imsemm[i]ja f[il]-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw id-distruzzjoni bla periklu tagħhom jew il-ħażna kkontrollata tagħhom jew it-tipping [tagħhom]."
3 Skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva 87/101, l-Istati Membri kellhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma' l-obbligi stabbiliti fiha mill-1 ta' Jannar 1990.
Il-proċedura prekontenzjuża
4 Peress li kkunsidrat li l-Artikolu 3(1) tad-direttiva ma kienx ġie traspost fid-dritt nazzjonali fit-terminu stabbilit, il-Kummissjoni bdiet proċedura għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu kontra r-Renju Unit. Wara li intimat lil dan l-Istat Membru sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, fil-21 ta' Diċembru 2001 hija bagħtitlu opinjoni motivata.
5 B'risposta għan din l-opinjoni motivata, l-awtoritajiet tar-Renju Unit, permezz ta' ittra ta' l-20 ta' Frar 2002, iddikjaraw il-volontà tagħhom li jikkonformaw ruħhom kompletament ma' l-Artikolu 3(1) tad-direttiva. F'tieni ittra tal-15 ta' Mejju 2002, dawn l-awtoritajiet indikaw xi ostakoli għar-riġenerazzjoni ta' żejt użat, jiġifieri, l-importanza tas-suq taż-żejt użat irkuprat u li jintuża bħala kombustibbli, kif ukoll is-suq dgħajjef għaż-żejt irriġenerat.
6 F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
Argumenti tal-partijiet
7 Il-Kummissjoni ssostni li r-Renju Unit jirrikonoxxi li għadu jrid jieħu miżuri għat-traspożizzjoni ta' l-Artikolu 3(1) tad-direttiva, u jassigura li tingħata prijorità lill-ipproċessar ta' żejt użat permezz ta' riġenerazzjoni.
8 Il-Kummissjoni tqis li s-sempliċi impenn li jittieħdu miżuri effettivi sabiex tingħata prijorità lir-riġenerazzjoni ta' żejt użat, fil-kuntest tad-diversi għażliet possibbli filwaqt li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-ostakoli għar-riġenerazzjoni, ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi miżuri intiżi sabiex jippromwovu r-riġenerazzjoni skond l-Artikolu 3(1) ta' l-imsemmija direttiva.
9 Il-Kummissjoni tosserva li l-eżami ta' dawn l-għażliet differenti u l-identifikazzjoni ta' l-ostakoli għar-riġenerazzjoni biss ma jikkostitwixxux l-miżuri meħtieġa mid-direttiva. Dawn huma biss azzjonijiet li għandhom isiru qabel sabiex tiġi ddeterminata l-applikabbiltà ta' din id-dispożizzjoni fil-każ li ssir riġenerazzjoni.
10 Il-Kummissjoni tikkonstata li ebda miżura konkreta intiża sabiex tassigura l-prijorità lill-ipproċessar taż-żejt użat ma ġiet adottata. Ir-Renju Unit fil-fatt illimita ruħu sabiex jeżamina liema miżuri setgħu jiġu adottati fil-futur sabiex jintlaħaq dan il-għan. Għalkemm identifika restrizzjonijiet finanzjarji li jostakolaw il-promozzjoni ta' l-ipproċessar ta' żejt użat, huwa m'għamilx użu mill-possibbiltà pprovduta fl-Artikoli 13 u 14 tad-direttiva sabiex jikkumpensa l-ispejjeż involuti fl-ipproċessar. Barra minn hekk, l-eżenzjoni fiskali fis-seħħ f'dan is-settur fil-fatt tagħti prijorità lill-ħruq, fatt li jmur kontra l-għan tad-direttiva.
11 Il-Gvern tar-Renju Unit iqis li ma naqasx mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3(1) tad-direttiva. Huwa jallega li identifika u eżamina serje ta' ostakoli għall-promozzjoni tar-riġenerazzjoni ta' żejt użat. Huwa qiegħed jeżamina liema miżuri jistgħu jkunu l-aktar xierqa sabiex tingħata prijorità lir-riġenerazzjoni ta' żejt użat fid-dawl ta' dawn l-ostakoli.
12 Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li l-Artikolu 3(1) ta' l-imsemmija direttiva ma jimponi ebda obbligu assolut fuq l-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri li bihom jagħtu l-prijorità lir-riġenerazzjoni ta' żejt użat. L-obbligu li jittieħdu tali miżuri japplika biss "sa fejn kostrinġimenti tekniċi, ekonomiċi jew ta’ organizzazzjoni jippermettu". Għalhekk il-portata ta' l-obbligu msemmi fl-Artikolu 3(1) tad-direttiva tvarja skond iċ-ċirkustanzi partikolari ta' kull Stat Membru. Skond dan il-Gvern, il-miżuri meħuda sabiex jiġu investigati soluzzjonijiet għaż-żieda tar-riġenerazzjoni ta' żejt użat jikkostitwixxu miżuri konkreti u xierqa intiżi sabiex jagħtu l-prijorità lil dan it-tip ta' pproċessar.
13 Il-Gvern tar-Renju Unit jippreċiża li l-Artikolu 3(2) u (3) tad-direttiva juri wkoll il-portata limitata ta' l-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 ta' l-istess artikolu. Dawn id-dispożizzjonijiet jimponu obbligi oħra fuq l-Istati Membri meta jkun hemm kostrinġimenti li jfixkluhom milli jagħtu l-prijorità lir-riġenerazzjoni ta' żejt użat.
14 Il-Gvern tar-Renju Unit jirrileva li l-awtoritajiet kompetenti kkonstataw serje ta' ostakoli li jfixkluhom milli jagħtu prijorità lir-riġenerazzjoni taż-żejt użat. Il-kostrinġimenti prinċipali li ġew identifikati huma ta' natura ekonomika, jiġifieri l-importanza tas-suq taż-żejt użat li huwa użat bħala kombustibbli u s-suq dgħajjef għaż-żejt bażiku rriġenerat kif ukoll l-ispejjeż ta' l-operazzjoni u tat-trasport u l-problemi ta' kummerċjalizzazzjoni ta' dan il-prodott.
15 Il-Gvern tar-Renju Unit jenfasizza wkoll li l-awtoritajiet nazzjonali eżaminaw miżuri differenti sabiex iżidu l-ipproċessar taż-żejt użat permezz ta' riġenerazzjoni. B'mod partikolari, dawn għamlu riċerki sabiex jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet għal impjant għar-riġenerazzjoni ta' żejt użat fir-Renju Unit, sabiex jidentifikaw metodi oħra għar-rimi tal-prodotti rriġenerati u jidentifikaw l-aħjar metodi sabiex jikkummerċjalizzaw iż-żejt irriġenerat.
16 Għalhekk, il-Gvern tar-Renju Unit iqis għaldaqstant li huwa f'pożizzjoni li jimplementa pjan strutturat għall-promozzjoni tar-riġenerazzjoni ta' żejt użat. Programm ta' azzjoni bħal dan jikkostitwixxi ġabra ta' miżuri xierqa u proporzjonati intiżi sabiex jimplementaw l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tad-direttiva.
Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
17 Għandu jiġi mfakkar li, bħalma ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tad-9 ta' Settembru 1999 (Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-102/97, Ġabra p. I-5051, punt 35), wieħed mill-għanijiet prinċipali tad-direttiva kien li tingħata prijorità lill-ipproċessar taż-żejt użat permezz ta' riġenerazzjoni. Dan l-għan, iddikjarat fit-tieni premessa ta' din id-direttiva, huwa ispirat mill-fatt li r-riġenerazzjoni huwa l-aktar mod razzjonali ta' kif jerġa' jintuża ż-żejt użat, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni dan jippermettu li tinħela ħafna inqas enerġija.
18 Fil-punt 36 ta' din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li l-eżistenza, fi Stat Membru, ta' kostrinġimenti ta' natura teknika, ekonomika u organizzazzjonali li ma jħallux li tingħata prijorità lill-ipproċessar permezz ta' riġenerazzjoni ġġib magħha obbligu sussidjarju, stabbilit fl-Artikolu 3(2) tad-direttiva, li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex il-ħruq kollu ta' żejt użat isir taħt kundizzjonijiet ambjentali li huma aċċettabbli, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija direttiva. Dan l-obbligu stess huwa suġġett għall-kundizzjoni li "il-ħruq ikun teknikament, ekonomikament u organizzazzjonalment fattibbli", kif jidher mill-aħħar parti ta' l-Artikolu 3(2) tad-direttiva.
19 Huwa biss meta ż-żejt użat mhuwiex riġenerat jew maħruq minħabba l-kostrinġimenti msemmija fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-direttiva li l-Istati Membri għandhom obbligu ieħor, li huwa aktar sussidjarju, stabbilit fil-paragrafu 3 ta' l-istess artikolu, li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jassiguraw li d-distruzzjoni taż-żejt ssir b'mod li ma jkunx ta' periklu jew li l-ħażna jew it-tipping tiegħu jkunu kkontrollati (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata aktar 'il fuq, punt 37).
20 Fir-rigward tal-metodu li jingħata prijorità, jiġifieri l-ipproċessar ta' żejt użat permezz ta' riġenerazzjoni, għandu jiġi osservat li, bħalma ġie enfasizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 38 u 39 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata aktar 'il fuq, ir-referenza għall-"kostrinġimenti tekniċi, ekonomiċi jew ta' organizzazzjoni" fl-Artikolu 3(1) tad-direttiva tifforma parti minn dispożizzjoni li tesprimi b'mod globali l-obbligu impost fuq l-Istati Membri u li, permezz ta' din l-indikazzjoni, il-leġiżlatur Komunitarju ma kellux l-intenzjoni li jipprovdi għal eċċezzjonijiet limitati għal regola ta' applikazzjoni ġenerali, iżda li jiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni u l-kontenut ta' obbligu pożittiv li tiġi assigurata l-prijorità lill-ipproċessar ta' żejt użat permezz ta' riġenerazzjoni.
21 Minn dan isegwi li, kif osservat ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, id-definizzjoni ta' dawn il-kostrinġimenti ma tistax taqa' esklużivament fid-diskrezzjoni ta' l-Istati Membri. Fil-fatt, apparti li hija kuntrarja għall-prinċipju ta' interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju, interpretazzjoni esklużiva mill-Istati Membri tagħmel il-kompatibbiltà ta' l-ipproċessar permezz ta' riġenerazzjoni mal-kostrinġimenti tekniċi, ekonomiċi u organizzazzjonali kundizzjoni li r-realizzazzjoni tagħha tiddependi kompletament fuq evalwazzjoni ta' politika ta' l-Istat Membru kkonċernat (ara Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata aktar 'il fuq, punt 40).
22 Fir-rigward ta' l-argument imressaq mill-Gvern tar-Renju Unit li l-portata ta' l-obbligu li jinsab fl-Artikolu 3(1) tad-direttiva tvarja skond iċ-ċirkustanzi partikolari ta' kull Stat Membru u li kundizzjonijiet sfavorevoli eżistenti fi Stat Membru jistgħu jikkostitwixxu kostrinġimenti tali li ma jkun jeżisti ebda obbligu li tingħata prijorità lir-riġenerazzjoni ta' żejt użat, għandu jiġi enfasizzat, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 43 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, li, jekk is-sitwazzjoni teknika, ekonomika u organizzazzjonali eżistenti fi Stat Membru neċessarjament tikkostitwixxi kostrinġimenti li jfixklu l-adozzjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 3(1) tad-direttiva, dan iwassal sabiex din id-dispożizzjoni tkun imċaħħda mill-effettività kollha tagħha peress li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri jkun limitat miż-żamma ta' l-istatus quo, b'mod illi ma jkunx hemm obbligu veru sabiex jittieħdu l-miżuri neċessarji favur ipproċessar ta' żejt użat permezz ta' riġenerazzjoni.
23 Barra minn hekk, b'risposta għall-argument tal-Gvern tar-Renju Unit li r-referenza għall-"kostrinġimenti tekniċi, ekonomiċi jew ta' organizzazzjoni" tfisser li l-leġiżlatur Komunitarju jirrikonoxxi li l-Istati Membri għandhom marġni diskrezzjonali, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni li tirrigwarda l-kostrinġimenti għandha tinftiehem bħala espressjoni tal-prinċipju ta' proporzjonalità, li jimplika li l-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri li huma xierqa u proporzjonati għall-għan li l-prijorità tingħata lill-ipproċessar ta' żejt użat permezz ta' riġenerazzjoni, fis-sens li l-limitu ta' dan l-obbligu pożittiv huwa l-eżistenza tal-kostrinġimenti tekniċi, ekonomiċi u organizzazzjonali msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-direttiva (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata aktar 'il fuq, punt 42).
24 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, filwaqt li mhijiex hi li għandha tiddetermina liema miżuri kellhom jittieħdu minn Stat Membru sabiex jimplementa l-Artikolu 3(1) tad-direttiva, min-naħa l-oħra, hija għandha, fil-kuntest tal-verifika ta' l-eżistenza ta' kostrinġimenti fis-sens ta' din id-dispożizzjoni, teżamina jekk huwiex possibbli li jiġu adottati miżuri intiżi sabiex jagħtu prijorità lill-ipproċessar taż-żejt użat permezz ta' riġenerazzjoni li jissodisfaw il-kriterju li jkunu teknikament, ekonomikament u organizzazzjonalment fattibbli (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata aktar 'il fuq, punt 48).
25 Konsegwentement, għalkemm huwa aċċettabbli li, għall-ewwel, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu studji u rapporti sabiex jistabbilixxu l-mod ta' kif għandu jintrema ż-żejt użat, jeħtieġ madankollu li dawn l-istadji preparatorji jiġu segwiti minn miżuri konkreti intiżi sabiex jagħtu prijorità lir-riġenerazzjoni, biex b'hekk jikkonformaw rwieħhom ma' l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 3(1) tad-direttiva.
26 Madankollu, f'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju Unit ma adotta ebda miżura konkreta sabiex jassigura li tingħata prijorità lill-ipproċessar ta' żejt użat permezz ta' riġenerazzjoni u kull ma għamel kien li jidentifika l-kostrinġimenti, jistudja s-suq u jeżamina l-miżuri li eventwalment kellhom jittieħdu.
27 Għandu jingħad ukoll li l-Istati Membri kellhom jikkonformaw ruħhom ma' l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 3(1) tad-direttiva mill-1 ta' Jannar 1990. Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 75/439, fil-verżjoni oriġinali tagħha ta' l-1975, kien diġà jipprovdi li l-Istati Membri kellhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex, safejn ikun possibbli, l-eliminazzjoni taż-żejt użat issir permezz tar-riċiklaġġ (ġenerazzjoni mill-ġdid u/jew ħruq basta mhux id-distruzzjoni). Dawn il-miżuri kellhom jittieħdu mill-1977.
28 Hemm qbil ukoll li, matul perijodu estiż, jiġifieri bejn it-terminu ta' traspożizzjoni (l-1 ta' Jannar 1990) u t-terminu ta' xahrejn stabbilit fl-opinjoni motivata ta' l-20 ta' Diċembru 2001, ma ttieħdet ebda azzjoni mir-Renju Unit sabiex jibda proċess bil-għan li jwassal għall-adozzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex ir-riġenerazzjoni ta' żejt użat ikun il-proċess li jkollu prijorità, skond l-Artikolu 3(1) tad-direttiva.
29 Għal dak li jikkonċerna l-argument tar-Renju Unit intiż sabiex jistabbilixxi li jeżistu ostakoli ta' natura ekonomika, b'mod partikolari, minħabba l-istruttura tas-suq taż-żejt użat, għandu jiġi kkonstatat li kien biss fl-2002 li ġie adottat pjan għall-ġestjoni ta' l-iskart sabiex jitratta din is-sitwazzjoni.
30 Fid-dawl ta' l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri fil-qasam in kwistjoni, għandu jiġi osservat li din l-azzjoni ma tikkostitwixxix implementazzjoni ta' l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 3(1) tad-direttiva.
31 F'kull każ, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta' nuqqas għandha tiġi evalwata skond kif kienet is-sitwazzjoni ta' l-Istat Membru fl-aħħar tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta' Marzu 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-147/00, Ġabra p. I-2387, punt 26; ta' l-4 ta' Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-173/01, Ġabra p. I-6129, punt 7, u ta' l-10 ta' April 2003, Il-Kummissjoni vs Franza, C-114/02, Ġabra p. I-3783, punt 9).
32 F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, peress li ma adottax, skond l-Artikolu 3(1) tad-direttiva, il-miżuri neċessarji sabiex tingħata prijorità lill-ipproċessar ta' żejt użat permezz ta' riġenerazzjoni, ir-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva.
Fuq l-ispejjeż
33 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju Unit tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Peress li ma adottax, skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/439/KEE, tas-16 ta' Ġunju 1975, dwar ir-rimi ta' żejt użat, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 87/101/KEE, tat-22 ta' Diċembru 1986, il-miżuri neċessarji sabiex tingħata prijorità lill-ipproċessar ta' żejt użat permezz ta' riġenerazzjoni, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva.
2) Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq għandu jbati l-ispejjeż.
Jann
Rosas
von Bahr
Silva de Lapuerta
Lenaerts
Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-15 ta' Lulju 2004.
R. Grass
P. Jann
Reġistratur
President
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Top