SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
9 ta' Settembru 2004 (*)
"Dazji tas-sisa – Żjut minerali użati għal xogħlijiet agrikoli – Direttiva 92/81/KEE – Artikolu 8a – Immarkar fl-Istat Membru fejn ikunu rilaxxati għall-konsum – Projbizzjoni ta' mmarkar fl-Istat Membru ta' l-użu – Direttiva 95/60/KE"
Fil-kawża C-292/02,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE,
imressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tas-6 ta' Awwissu, li waslet fit-13 ta' Awwissu 2002, fil-proċedura
Meiland Azewijn BV
vs
Hauptzollamt Duisburg,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, S. von Bahr (Relatur) u R. Silva de Lapuerta, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,
Reġistratur: M. Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-20 ta' Novembru 2003,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Meiland Azewijn BV, minn A. M. Crämer, Rechtsanwalt, u F. Kuiper, advocaat,
– għall-Hauptzollamt Duisburg, minn R. Frind, bħala aġent,
– għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn K. Gross, bħala aġent,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta' Jannar 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 8a tad-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE, tad-19 ta' Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni ta' l-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (ĠU L 316, p. 12), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 94/74/KE, tat-22 ta' Diċembru 1994 (ĠU L 365, p. 46, aktar 'il quddiem id-"Direttiva 92/81").
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta' kawża bejn Meiland Azewijn BV u Hauptzollamt Duisburg dwar ħlas ta' sisa fuq żejt minerali li kien jinstab fit-tank tal-karburant ta' makkinarju agrikolu li kien imtela' fl-Olanda filwaqt li l-makkinarju agrikolu kien imbagħad użat fil-Ġermanja.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
Id-Direttiva 92/12
3 Id-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta' Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti suġġetti għad-dazji tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta' dan it-tip ta' prodotti (ĠU L 76, p. 1), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 92/108/KEE, ta' l-14 ta' Diċembru 1992 (ĠU L 390, p. 124, aktar 'il quddiem id-"Direttiva 92/12"), tistabbilixxi, b'mod partikolari, l-arranġamenti ġenerali dwar il-kundizzjonijiet tal-ħlas tad-dazji tas-sisa.
4 Skond l-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 92/12:
"1. Fil-każ ta' prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u ġa rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru wieħed waqt li jkunu miżmuma għal għanijiet kummerċjali fi Stat Membru ieħor, id-dazju tas-sisa għandu jiġi [i]mpost fl-Istat Membru li fih ikunu miżmuma dawk il-prodotti.
2. Għal dak il-għan, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, meta prodotti ġa rilaxxati għall-konsum kif definit fl-Artikolu 6 fi Stat Membru wieħed jitwasslu, jkunu maħsuba biex jitwasslu jew użati fi Stat Membru ieħor għall-għanijiet ta' negozjant fit-twettiq ta' attività ekonomika indipendentement jew għall-għanijiet ta' korp regolat bil-liġi pubblika, id-dazju tas-sisa għandu jsir dovut f'dak l-Istat [M]embru l-ieħor."
Id-Direttiva 92/81
5 Id-Direttiva 92/81 tiddefinixxi r-regoli speċifiċi dwar id-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali.
6 L-Artikolu 8(2) ta' din id-direttiva jipprovdi li:
"Mingħajr ħsara għal dispożizzjonijiet Komunitarji oħra, l-Istati Membri jistgħu japplikaw eżenzjonijiet jew tnaqqis, totali jew parzjali, fir-rata tas-sisa fuq iż-żjut minerali jew fuq prodotti oħra intiżi għall-istess użu li jkunu użati taħt kontroll fiskali:
[….]
f) esklużivament għal xogħlijiet agrikoli jew ta' l-ortikultura u fis-settur tal-foresti u fit-tkabbir tal-ħut ta' l-ilma ħelu". [Traduzzjoni mhux uffiċjali]
7 Skond l-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 92/81:
"L-Istati Membri huma liberi li jagħtu effett għall-eżenzjonijiet jew tnaqqis fir-rata tas-sisa msemmija f'dan l-artikolu permezz ta' ħlas lura tas-sisa mħallsa." [Traduzzjoni mhux uffiċjali]
8 L-Artikolu 8a tad-Direttiva 92/81, miżjud mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 94/74, jipprovdi li:
"1. Żjut minerali rilaxxati għall-konsum f'xi Stat Membru, li jinsabu fit-tankijiet standard tal-vetturi kummerċjali bil-mutur u intenzjonati biex jintużaw bħala karburanti minn dawk l-istess vetturi kif ukoll f'kontenituri speċjali u li jkunu maħsuba biex jintużaw għall-operazzjoni, matul il-vjaġġ, tas-sistemi li jfornu dawk l-istess kontenituri m'għandhomx ikunu soġġetti għat-taxxa tas-sisa f'xi Stat Membru ieħor.
2. Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu:
'tankijiet standard' tfisser:
– it-tankijiet imwaħħla b'mod permanenti mill-manifattur fil-vetturi bil-mutur kollha [ta' l]-istess tip bħall-vettura in kwestjoni u li t-twaħħil permanenti tagħhom jippermetti karburant biex ikun użat direttament, kemm għall-fini ta' propulsjoni u, fejn xieraq, għat-tħaddim, waqt il-vjaġġ, ta' sistemi ta' refri[ġerazzjoni] u sistemi oħra.
Tankijiet tal-gass imwaħħla ma' vetturi bil-mutur speċifikament għall-użu dirett ta' gass bħala karburant u tankijiet imwaħħla mas-sistemi l-oħra li bihom il-vettura tista' tkun fornuta għandhom ukoll ikunu kunsidrati bħala tankijiet standard,
[…]"
Id-Direttiva 94/74
9 Id-dsatax-il premessa tad-Direttiva 94/74 tispjega l-għanijiet ta' l-Artikolu 8a tad-Direttiva 92/81:
"[...] hu meħtieġ li jkun speċifikat li żjut minerali rilaxxati għall-konsum f'xi Stat Membru, li jkunu jinsabu f'tankijiet tal-fuel ta' vetturi bil-mutur u intenzjonati li jkunu użati bħala fuel minn dawk il-vetturi jkunu eżentati mit-taxxa tas-sisa fi Stati Membri oħra sabiex ma jkunx impedit [i]l-moviment liberu ta' individwi u merkanzija u sabiex tkun evitata tassazzjoni doppja."
Id-Direttiva 95/60
10 Id-Direttiva tal-Kunsill 95/60/KE, tas-27 ta' Novembru 1995, dwar l-immarkar fiskali tan-nafta u tal-pitrolju (ĠU L 291, p. 46), ġiet adottata skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/81.
11 L-ewwel u t-tielet premessi tad-Direttiva 95/60 jipprovdu li:
"[...] l-miżuri tal-Komunità kkuntemplati minn din id-Direttiva mhumiex biss neċessarji imma wkoll indispensabbli biex jinkisbu l-oġġettivi tas-suq intern; [...] dawn l-oġġettivi ma jistgħux jiġu miksuba mill-Istati Membri individwalment; [...] [il-kisba ta'] dawn l-oġġetivi fil-livell tal-Komunità h[ij]a [prevista] diġà mid-Direttiva 92/81/KEE, u partikolarment l-Artikolu 9 tagħħa;
[…]
[...] il-funzjon[ament] kif suppost tas-suq intern issa jirrikjed[i] li regoli komuni jiġu stabbiliti għall-immarkar fiskali taż-żjut bil-gas u pitrolju li ma jkunx tħallas dazju għar-rata sħiħa applikabbli għal dawn iż-żjut minerali użati biex imexxu l-magni;"
12 Skond l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 95/60:
"Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq l-immarkar fiskali, l-Istati Membri għandhom japplikaw immarkar fiskali skond id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva biex:
– in-nafta kollha li taqa' taħt il-Kodiċi NM 2710 00 69 li kienet maħruġa għall-konsum skond it-tifsira ta' l-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/12/KEE u li kienet eżenti minn, jew suġġetta għad-dazju [ta'] sisa [b']rata oħra għajr dik imsemmija fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/82/KEE".
13 L-Artikolu 3 tad-Direttiva 95/60 jipprovdi li:
"L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-użu mhux xieraq tal-prodotti mmarkati jiġi evitat u, li ż-żjut minerali [in ]kwis[t]joni ma [jkunux] jistgħu[...] jintużaw [bħala karburant] fil-magna ta' karozza li tintuża fit-triq jew miżmuma fit-tank [tal-]karburant[…] kemm-il darba dan l-użu [ma jkunx] permess f'każi speċifiċi stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri.
L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-użu taż-żjut minerali [in ]kwistjoni fil-każi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi [kku]nsidrat bħala offiża taħt il-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru [k]konċernat. Kull [S]tat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jagħti effett sħiħ lid-dispożizzjonijiet [kollha] ta' din id-Direttiva u għandu, partikolarment, jiffissa l-penali li għandhom jiġu [i]mposti fil-ka[ż] tan-nuqqas ta' konformità ma' dawn il-miżuri; dawn il-penali għandhom [ikunu] proporzjonati ma' l-iskop tagħhom u għandu jkollhom effett adegwat u deterrenti."
Il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali
Il-leġiżlazzjoni Olandiża
14 L-Artikolu 27(3) tal-Wet op de accijns (Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa), tal-31 ta' Ottubru 1991 (Stbl. 1991, p. 561) jipprovdi għal rata ta' sisa mnaqqsa fir-rigward ta' nafta intiża għal skopijiet oħra għajr il-propulsjoni ta' vetturi b'mutur fuq it-toroq pubbliċi bil-kundizzjoni li n-nafta tkun immarkata kif preskritt.
15 L-Artikolu 91(2)(a) ta' l-imsemmija liġi jipprojbixxi l-ħażna ta' nafta mmarkata fit-tank tal-karburant ta' vettura bil-mutur minbarra, skond il-paragrafu (3)(a) ta' dan l-artikolu, fil-każ ta' "vetturi bil-mutur li ma jagħmlux użu mis-sistema tat-toroq". Barra minn hekk, il-paragrafu (3)(b) ta' l-istess artikolu jipprovdi għall-possibbiltà li tkun introdotta deroga, permezz ta' miżura amministrattiva ta' karattru ġenerali, fir-rigward tal-vetturi bil-mutur li mhumiex normalment użati fit-toroq pubbliċi.
16 L-Artikolu 40 ta' l-Uitvoeringsbesluit accijns (Deċiżjoni dwar l-Implementazzjoni tas-Sisa), ta' l-20 ta' Diċembru 1991 (Stbl. 1991, p. 754), meħuda abbażi ta' l-imsemmi Artikolu 91(3)(b), b'hekk tippreċiża l-kategorija ta' vetturi bil-mutur li huma eżenti u li fosthom jinstabu l-vetturi bil-mutur intiżi sabiex jiġu użati barra mis-sistema tat-toroq għall-agrikoltura jew fis-settur tal-foresti u li ma jagħmlux użu mit-toroq pubbliċi ħlief sabiex jiġu ttrasferiti minn post tax-xogħol għall-ieħor.
Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża
17 L-Artikolu 19(2) tal-Mineralölsteuergesetz (Liġi dwar it-taxxa fuq iż-żjut minerali), tal-21 ta' Diċembru 1992 (BGB1. 1992 I, p. 2185, korriġendum fil-BGB1. 1993 I, p. 169), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Gesetz für den Vorrang Erneuerbarer Energien (Liġi dwar l-Enerġija Rinnovabbli), tad-29 ta' Marzu 2000 (BGB1. I, p. 305, aktar 'il quddiem il-"MinöStG"), b'deroga għar-regola ġenerali dwar il-ħolqien tad-dejn fiskali, jipprovdi li, meta fit-territorju fiskali jiġi introdott, għal finijiet kummerċjali, żejt minerali li joriġina minn Stat Membru ieħor, l-ebda taxxa m'hija dovuta fuq il-karburanti li jkunu jinstabu, b'mod partikolari, fit-tankijiet normali tal-mezzi ta' trasport ħlief fid-dgħajjes, f'kontenituri għal użu speċjali u f'vetturi għall-użu fl-agrikoltura u fis-settur tal-foresti.
18 Madankollu, din id-dispożizzjoni ma teskludix li tkun dovuta taxxa fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 26(4) sa (6) tal-MinöStG.
19 L-Artikolu 26(4) tal-MinöStG jipprojbixxi l-użu ta' nafta mmarkata bħala karburant għall-propulsjoni ta' makkinarju agrikolu.
20 It-tieni sentenza ta' l-Artikolu 26(5) tal-MinöStG tistabbilixxi eċċezzjoni għat-tassazzjoni ta' nafta mmarkata bħal din, eċċezzjoni li tapplika biss f'każijiet partikolari li ma jkoprux l-użu regolari ta' dan iż-żejt bħala karburant.
21 Skond l-Artikolu 26(6) tal-MinöStG, in-nafta mmarkata użata bi ksur tal-paragrafu (4) ta' dan l-artikolu hija suġġetta għat-taxxa. It-taxxa hija applikata ta' l-anqas fir-rigward tal-kwantitajiet li jikkorrispondu għall-kapaċità tat-tank tal-karburant jew għal dik tat-tankijiet normali tal-vettura jew tal-makkinarju. It-taxxa hija dovuta immedjatament.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
22 L-impriża Bod Giesen VOF, li f'Mejju 2002 amalgamat ma' Meiland Azewijn BV, (aktar 'il quddiem "Meiland" fir-rigward taż-żewġ impriżi qabel u wara l-amalgamazzjoni), ilha mill-1991 tiġġestixxi, fl-Olanda, impriża ta' provvista ta' servizzi agrikoli li timpjega madwar għaxar persuni. Żewġ terzi mill-klijenti ta' din l-impriża kienu fl-Olanda filwaqt li terz kienu fil-Ġermanja.
23 Il-makkinarju agrikolu kollu użat minn Meiland fil-kuntest ta' l-attività tagħha kien jingħata l-karburant filgħaxija meta, ħafna drabi, id-destinazzjoni tal-makkinarju għall-għada ma kinitx tkun għadha magħrufa. Fil-fatt, il-klijenti setgħu, fl-aħħar mument, jikkanċellaw l-ordni minħabba raġunijiet ta' klima jew ġieli kien ikun meħtieġ li jiġi sostitwit makkinarju li jkun bil-ħsara.
24 Minħabba li l-ippumpjar u l-iskambju tat-tankijiet kien jieħu wisq ħin, kien materjalment impossibli, b'mod partikolari fil-perijodu tal-ħsad meta l-impriża kienet taħdem taħt pressjoni, li jsir skambju tan-nafta mmarkata, li setgħet tintuża legalment bħala karburant fl-Olanda, man-nafta mhix immarkata, li kienet l-unika li setgħet tintuża fil-Ġermanja. Barra minn hekk, fil-każ ta' ppumpjar, kien hemm ir-riskju li jibqgħu xi traċċi ta' mmarkar. Dawn id-diffikultajiet kienu jiżdiedu minħabba li ċerti vetturi ġieli kienu jintużaw, fl-istess jum, l-ewwel f'wieħed miż-żewġ Stati Membri u mbagħad fl-ieħor.
25 Minħabba d-daqs ta' l-impriża, Meiland lanqas ma setgħet talloka l-makkinarju agrikolu tagħha għas-suq Ġermaniż biss.
26 Fid-29 ta' Settembru 2000, fil-lokalità ta' Klein-Netterden (il-Ġermanja), qrib il-fruntiera bejn il-Ġermanja u l-Olanda, uffiċjali tal-Hauptzollamt Duisburg wettqu kontroll ta' żewġ trakters u ta' magna li taħsad u tidres, li Meiland kienet forniet għall-ħsad tal-qamħirrun. Il-makkinarju kien qiegħed jitħaddem b'nafta mmarkata. Il-kapaċità tat-tankijiet tagħhom kienet ta' 135, 165 u 850 litru rispettivament.
27 Fl-istess jum, il-Hauptzollamt Duisburg ħareġ avviż ta' tassazzjoni fejn issuġġetta lil Meiland għal taxxa fuq iż-żjut minerali li kienet tammonta għal DEM 851. Din it-taxxa kienet ġiet ikkalkulata abbażi tal-kapaċità tat-tankijiet u tar-rata applikabbli f'dak iż-żmien, jiġifieri DEM 740 għal 1,000 litru, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 26(6) tal-MinöStG.
28 Meiland ressqet ilment kontra l-avviż ta' tassazzjoni fejn argumentat li dan l-avviż kien imur kontra d-dritt Komunitarju.
29 Permezz ta' deċiżjoni tat-18 ta' Jannar 2001, il-Hauptzollamt Duisburg ċaħad l-ilment bħala infondat minħabba li, taħt id-dispożizzjonijiet tal-MinöStG, fit-territorju fiskali Ġermaniż in-nafta mmarkata setgħet tintuża biss għal sistemi ta' tisħin. Għaldaqstant, fil-prinċipju, kien ipprojbit, taħt l-Artikolu 26(5) ta' din il-liġi, li tiġi użata nafta mmarkata li toriġina minn Stati Membri oħra sabiex jitħaddem makkinarju agrikolu.
30 Meiland ressqet rikors quddiem il-Finanzgericht Düsseldorf fejn sostna li t-tassazzjoni li għaliha kienet ġiet suġġetta fil-Ġermanja kienet tammonta għal tassazzjoni doppja peress li ma ħaditx in kunsiderazzjoni t-taxxa li kienet diġà tħallset fl-Olanda.
31 Skond il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża applikata fil-kawża prinċipali hija konformi mad-dispożizzjonijiet, meħudin flimkien, ta' l-Artikoli 1 u 3 tad-Direttiva 95/60 iżda tista' tmur kontra dispożizzjonijiet oħra ta' leġiżlazzjoni sekondarja jew tat-Trattat KE, b'mod partikolari l-Artikolu 8a(1) tad-Direttiva 92/81.
32 Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Finanzgericht Düsseldorf iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti quddiemu u li jagħmel il-ħames domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"1) L-Artikolu 8a(1) tad-Direttiva 92/81/KEE għandu jinftiehem fis-sens li sempliċement jeżenta mid-dazji tas-sisa ż-żejt minerali użat bħala karburant fi Stat Membru u ttrasportat fit-tank normali ta' vettura kummerċjali wara li dan ikun ġie rilaxxat għall-konsum fi Stat Membru ieħor?
2) Fil-każ ta' risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, u fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 19(2) [tal-MinöStG], l-Artikolu 8a(1) tad-Direttiva 92/81/KEE huwa direttament applikabbli fil-każ tar-rikorrenti?
3) Il-proċeduri ta' amministrazzjoni u ta' kontroll fir-rigward tal-possibbiltà ta' tnaqqis tar-rata tas-sisa msemmija taħt l-Artikolu 8(2)(f) tad-Direttiva 92/81/KEE huma dawk ta' l-Artikolu 8(8) ta' l-istess direttiva, mingħajr l-applikazzjoni ta' mmarkar, jew dawk ta' l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 95/60?
4) Jekk ir-risposta għat-tielet domanda tkun li l-Istati Membri li jagħmlu użu mill-kompetenza msemmija fl-Artikolu 8(2)(f) tad-Direttiva 92/81/KEE għandhom, f'sitwazzjoni analoga għal dik involuta fir-rikors prinċipali, joffru t-tnaqqis anki fil-forma ta' ħlas lura tat-taxxa diġà mħallsa, tnaqqis tar-rata ta' sisa fir-rigward tax-xogħlijiet agrikoli tmur kontra l-moviment liberu tas-servizzi meta dan it-tnaqqis ikun marbut ma' proċedura ta' mmarkar fis-sens ta' l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 95/60/KE, li mhijiex applikata minn Stati Membri oħra li, barra minn hekk, jipprovdu għal penali fiskali fil-każ ta' mmarkar li ma jkunx previst fil-leġiżlazzjoni tagħhom?
5) Fil-każ ta' risposta fl-affermattiv għar-raba' domanda, il-ksur tal-moviment liberu tas-servizzi għandu l-effett li jrendi null u bla effett id-dejn fiskali jew ir-rikorrenti, sabiex tikseb l-eżenzjoni, ikollha, fl-Istat Membru fejn hija takkwista l-karburant, titlob nafta mhix immarkata minflok nafta mmarkata, li tkun intaxxata b'rata mnaqqsa, u titlob il-ħlas lura tas-sisa mħallsa?"
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjoni preliminari
33 L-aħħar tliet domandi ġew magħmula fil-każ li tingħata risposta negattiva għal waħda mill-ewwel żewġ domandi. Dawn it-tliet domandi jikkonċernaw, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ta' dritt sekondarju fil-qasam ta' l-immarkar taż-żejt minerali u huma intiżi sabiex ikun magħruf jekk għandhiex tingħata prijorità lil uħud mid-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 95/60 u 92/81 meta r-regoli ta' transpożizzjoni adottati mill-Istati Membri jwasslu għal sitwazzjonijiet kontradittorji u għal ksur tal-moviment liberu tas-servizzi. Huma jikkonċernaw ukoll il-konsegwenzi għall-persuni kkonċernati fir-rigward tal-ħlas tas-sisa mitluba jew fir-rigward tal-ħlas lura tas-sisa mħallsa.
Fuq l-ewwel domanda
34 Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8a(1) tad-Direttiva 92/81 għandux jinftiehem fis-sens li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jissuġġettaw għas-sisa ż-żejt minerali li jkun jinstab fit-tank normali ta' vettura kummerċjali bil-mutur u użat bħala karburant meta dan iż-żejt minerali kien legalment rilaxxat għall-konsum fi Stat Membru ieħor.
35 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 92/12 jistabbilixxi regola ġenerali li prodott suġġett għas-sisa, rilaxxat għall-konsum fi Stat Membru u miżmum għal skopijiet kummerċjali fi Stat Membru ieħor, huwa intaxxat f'dan l-Istat Membru l-ieħor. Għalhekk, il-post fejn għandha tiġi imposta t-taxxa huwa l-Istat Membru li huwa d-destinazzjoni tal-prodott u mhux dak fejn kien rilaxxat għall-konsum.
36 Madankollu, id-Direttiva 92/81 tipprovdi regola speċifika li tapplika għas-sisa fuq iż-żjut minerali. L-Artikolu 8a(1) ta' din id-direttiva jipprovdi li ż-żjut minerali rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru, li jkunu jinstabu f'tank normali tal-vetturi kummerċjali bil-mutur u destinati għall-użu bħala karburant minn dawn l-istess vetturi mhumiex suġġetti għas-sisa fi Stat Membru ieħor. Minn dan isegwi li, fil-każ ta' ċaqliq lejn u ta' użu ta' vettura bħal din fi Stat Membru ieħor, il-post fejn għandha tiġi imposta s-sisa huwa l-Istat Membru fejn iż-żejt minerali jkun rilaxxat għall-konsum u mhux dak fejn tkun użata l-vettura li fiha jkun jinstab iż-żejt.
37 Madankollu, mir-rimarki magħmula b'mod partikolari mill-qorti tar-rinviju u mill-Hauptzollamt Duisburg, jirriżulta li dawn għandhom xi dubji dwar il-portata eżatta ta' l-Artikolu 8a tad-Direttiva 92/81.
38 Id-dubji tagħhom jikkonċernaw tliet punti. L-ewwel punt jikkonċerna t-tifsira mogħtija lill-kunċett ta' "vettura kummerċjali bil-mutur", it-tieni jikkonċerna l-użu tal-karburant fl-Istat Membru fejn il-vettura tkun ittieħdet u t-tielet jirreferi għal kontradizzjonijiet possibbli marbutin mal-fatt li l-Istati Membri adottaw metodi differenti sabiex jimplementaw ir-regola stabbilita fl-imsemmi Artikolu 8a u regoli oħra ta' dritt sekondarju.
39 Fir-rigward ta' l-ewwel punt, dwar it-tifsira mogħtija lill-kunċett ta' "vetturi kummerċjali bil-mutur", il-kwistjoni hija jekk dan il-kunċett ikoprix ċertu makkinarju agrikolu. Il-Hauptzollamt Duisburg, min-naħa tiegħu, filwaqt li jirreferi għad-definizzjonijiet ta' "vetturi kummerċjali" mogħtija f'testi oħra ta' dritt sekondarju, isostni li huma biss dawk il-vetturi tat-triq li jġorru persuni u merkanzija li huma koperti u li l-makkinarju in kwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri żewġ trakters u magna li taħsad u tidres, għaldaqstant mhumiex koperti. B'mod aktar partikolari, it-testi rilevanti huma d-Direttiva tal-Kunsill 68/297/KEE, tad-19 ta' Lulju 1968, dwar l-istandardizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw id-dħul mingħajr dazju ta' karburant kontenut fit-tankijiet tal-karburant ta' vetturi [kummerċjali] bil-mutur (ĠU L 175, p. 15), u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 918/83, tat-28 ta' Marzu 1983, li jwaqqaf sistema Komunitarja ta' eżenzjonijiet minn dazju doganali (ĠU L 105, p. 1).
40 F'dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li minkejja li l-Artikolu 8a ma jagħtix definizzjoni tal-kunċett ta' "vetturi kummerċjali bil-mutur", dan ma jfissirx li d-definizzjonijiet mogħtija f'testi oħra ta' dritt sekondarju huma rilevanti. Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, iż-żewġ definizzjonijiet invokati mill-Hauptzollamt Duisburg ma jkoprux l-istess affarijiet u t-testi fejn jinstabu dawn id-definizzjonijiet għandhom skopijiet differenti minn dak tad-Direttiva 92/81. F'dawn iċ-ċirkustanzi, m'għandhiex issir referenza għal dawn it-testi sabiex tiġi determinata t-tifsira tal-kunċett "vetturi kummerċjali bil-mutur", iżda pjuttost għandha ssir referenza għall-istruttura u l-iskop tad-dispożizzjoni fejn jinstab.
41 Mill-kliem ta' l-Artikolu 8a tad-Direttiva 92/81, eżaminati fid-dawl ta' l-għanijiet tiegħu kif spjegati fid-dsatax-il premessa tad-Direttiva 94/74, jiġifieri l-protezzjoni tal-moviment liberu tal-persuni u tal-merkanzija u l-ħsieb li tiġi evitata t-tassazzjoni doppja, jirriżulta li din id-dispożizzjoni għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa.
42 Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta' "vettura kummerċjali bil-mutur" proposta mill-Hauptzollamt Duisburg m'għandhiex tintuża. Għall-kuntrarju, għandu jitqies li l-imsemmi artikolu jkopri wkoll il-makkinarju agrikolu li juża żjut minerali bħala karburant.
43 Fir-rigward tat-tieni punt, dwar l-użu tal-karburant fl-Istat Membru fejn il-vettura tkun ittieħdet, dan jikkonċerna b'mod aktar partikolari l-kwistjoni ta' jekk ir-regola stabbilita fl-Artikolu 8a(1) tad-Direttiva 92/81 tapplikax biss fil-każ fejn iż-żejt minerali użat bħala karburant ikun esklużivament użat sabiex titmexxa l-vettura u tittieħed fi Stat Membru ieħor jew jekk din ir-regola tapplikax ukoll meta ż-żejt minerali jintuża, barra minn hekk, għal skopijiet oħra, bħalma huwa t-twettiq ta' xogħlijiet agrikoli f'dan l-Istat Membru l-ieħor.
44 Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 36 u 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-interpretazzjoni sostnuta mill-Hauptzollamt Duisburg li l-karburant ma jistax jintuża ħlief għall-propulsjoni ta' vettura kummerċjali bil-mutur u sabiex din il-vettura tittieħed fi Stat Membru ieħor, bl-esklużjoni ta' kull funzjoni oħra f'dan l-Istat, hija indebitament restrittiva u tmur manifestament kontra l-għanijiet imfakkra fil-punt 41 ta' din is-sentenza.
45 Għaldaqstant, għandu jitqies li r-regola stabbilita fl-Artikolu 8a(1) tad-Direttiva 92/81 mhijiex limitata għall-każijiet fejn il-vettura hija sempliċement meħuda fi Stat Membru ieħor iżda li hija tapplika wkoll meta l-karburant jintuża għal skopijiet oħra bħalma huma x-xogħlijiet agrikoli.
46 Fir-rigward tat-tielet punt, dan jikkonċerna l-kwistjoni ta' jekk interpretazzjoni wiesgħa ta' l-imsemmi Artikolu 8a hijiex possibbli anki meta interpretazzjoni bħal din fil-prattika tmur kontra l-implementazzjoni ta' dispożizzjonijiet oħra ta' din id-direttiva kif ukoll tad-Direttiva 95/60.
47 B'hekk, il-Finanzgericht Düsseldorf isemmi, fid-digriet tar-rinviju tiegħu, li, skond il-leġiżlazzjoni Olandiża, in-nafta użata fil-makkinarju agrikolu tgawdi minn sistema ta' tnaqqis tar-rata ta' sisa u għandha tkun, b'mod obbligatorju, immarkata filwaqt li, skond il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, peress li n-nafta użata għal dawn l-istess skopijiet hija suġġetta għal sistema ta' ħlas lura tas-sisa, l-immarkar tagħha huwa espressament ipprojbit.
48 Għandu jiġi kkonstatat li mill-għażliet distinti magħmulin mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mir-Renju ta' l-Olanda abbażi tad-Direttivi 92/81 u 95/60, jirriżulta li ż-żejt minerali mmarkat huwa mibjugħ legalment fl-Olanda għall-finijiet ta' użu bħala karburant fil-makkinarju agrikolu filwaqt li, fil-Ġermanja, huwa pprojbit li dan il-prodott, jekk ikun immarkat, jintuża għal finijiet bħal dawn u kull użu illegali huwa ppenalizzat bil-ħlas ta' sisa.
49 Din id-differenza tista' tiġi spjegata mill-fatt li r-Renju ta' l-Olanda, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(2)(f) tad-Direttiva 92/81, għażel li jnaqqas ir-rata tas-sisa fuq iż-żjut minerali in kwistjoni u li jikkontrolla l-użu li jsir minnhom permezz ta' mmarkar, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 95/60. Mill-banda l-oħra, minħabba li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja stabbiliet sistema ta' ħlas lura tas-sisa, b'applikazzjoni ta' l-imsemmi Artikolu 8(2)(f) u l-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 92/81, iż-żejt minerali in kwistjoni mhuwiex is-suġġett ta' tnaqqis partikolari fil-mument meta jiġi rrilaxxat għall-konsum u għaldaqstant mhux meħtieġ li l-prodott jiġi mmarkat. Għall-kuntrarju, safejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tapplika sistema ta' ħlas lura, hija jkollha tassigura li ż-żejt minerali ma jkunx inxtara b'rata mnaqqsa. B'dan il-għan hija tipprojbixxi l-użu ta' żejt minerali mmarkat, sinjal li jkun inxtara b'rata ta' sisa mnaqqsa, billi tipprovdi għall-applikazzjoni ta' penali abbażi ta' l-Artikolu 3 tad-Direttiva 95/60.
50 Sabiex tinstab soluzzjoni għall-kontradizzjonijiet li għalihom jistgħu jwasslu l-miżuri ta' transpożizzjoni tad-dritt sekondarju, b'mod partikolari, f'każ bħal dak fil-kawża prinċipali fejn l-impriża in kwistjoni, Meiland, kienet ipprojbita milli tuża, fil-Ġermanja, żejt minerali mmarkat mixtri legalment fl-Olanda bħala karburant fit-tank tal-makkinarju agrikolu tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/60 dwar il-proċeduri ta' mmarkar u l-kontrolli għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta' l-għan ta' din id-direttiva kif ukoll tad-Direttiva 92/81 u ta' l-istruttura tad-dispożizzjonijiet tagħhom.
51 F'dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 95/60, dwar l-immarkar fiskali, ġiet adottata skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/81. L-għan tad-Direttiva 95/60, kif jirriżulta mill-ewwel u mit-tielet premessi tagħha, mhux talli ma jikkontradixxix dak tad-Direttiva 92/81 iżda huwa li jikkompletaha billi jiffavorixxi t-twettiq u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern.
52 Għalhekk, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 95/60 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw li l-użu abbużiv ta' prodotti mmarkati jiġi evitat u, b'mod partikolari, li ż-żjut minerali mmarkati ma jiġux użati bħala karburant fil-mutur ta' vettura intiża għall-użu fuq it-toroq. Madankollu, miżura ta' projbizzjoni eventwalment akkumpanjata minn penali ma tistax tiġi adottata jekk użu bħal dan huwa permess f'każijiet speċifiċi ddeterminati mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri.
53 Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, użu aċċettat minn Stat Membru skond id-dritt Komunitarju, bħalma huwa l-użu taż-żejt minerali mmarkat previst fil-leġiżlazzjoni Olandiża, ma jistax jiġi kkwalifikat bħala abbużiv fis-sens ta' l-Artikolu 3 tad-Direttiva 95/60 minn Stat Membru ieħor.
54 Minn dan isegwi li Stat Membru bħalma hija r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma jistax, billi jibbaża ruħu fuq il-leġiżlazzjoni tiegħu stess, jipprojbixxi l-użu ta' żejt minerali mmarkat bħala karburant fit-tank normali ta' vetturi kummerċjali bil-mutur, liema żejt ikun ġej minn Stat Membru ieħor, bħalma huwa r-Renju ta' l-Olanda, li jawtorizza użu bħal dan.
55 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 8a(1) tad-Direttiva 92/81 għandu jinftiehem fis-sens li huwa jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jissuġġettaw għas-sisa ż-żejt minerali, kemm jekk ikun immarkat u kemm jekk le, li jkun jinstab fit-tank normali ta' vettura kummerċjali bil-mutur, bħalma huwa makkinarju agrikolu, u li jintuża bħala karburant mhux biss sabiex titmexxa din il-vettura iżda wkoll għal skopijiet oħra bħalma huma xogħlijiet agrikoli, meta dan iż-żejt minerali ġie legalment irrilaxxat għall-konsum fi Stat Membru ieħor.
Fuq it-tieni domanda
56 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8a(1) tad-Direttiva 92/51 għandux effett dirett b'mod li jkun jista' jiġi invokat minn individwu, bħalma hija Meiland, quddiem qorti nazzjonali kontra regola nazzjonali kuntrarja.
57 Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi mfakkar li, fil-każijiet kollha fejn dispożizzjonijiet ta' direttiva jidhru li, mill-aspett tal-kontenut tagħhom, mhumiex suġġetti għal kundizzjonijiet u li huma preċiżi biżżejjed, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu invokati, fin-nuqqas ta' miżuri ta' traspożizzjoni adottati fit-termini stabbiliti, kontra kull dispożizzjoni nazzjonali li ma tkunx konformi mad-direttiva, jew ukoll, safejn ikunu ta' natura li jiddefinixxu drittijiet li l-individwi jistgħu jsostnu fir-rigward ta' l-Istat (sentenza ta' l-10 ta' Ġunju 1999, Braathens, C-346/97, Ġabra p. I-3419, punt 29).
58 Fis-sentenza Braathens, iċċitata aktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk l-Artikolu 8(1)(b) tad-Direttiva 92/81 għandux effett dirett. Dan l-artikolu jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jeżentaw mis-sisa armonizzata, skond il-kundizzjonijiet li huma jistabbilixxu sabiex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta' dawn l-eżenzjonijiet u sabiex jimpedixxu l-frodi, l-evażjoni jew l-abbuż, iż-żjut minerali pprovduti sabiex jintużaw bħala karburant għan-navigazzjoni ta' l-ajru minbarra l-avjazzjoni privata għal turiżmu.
59 Fil-punt 30 ta' l-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, minkejja li d-Direttiva 92/81 tagħti lill-Istati Membri marġni ta' diskrezzjoni ftit jew wisq wiesgħa fl-implementazzjoni ta' wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha, wieħed ma jistax, għal din ir-raġuni, iċaħħad lill-individwi mid-dritt li jinvokaw dawk id-dispożizzjonijiet li, fid-dawl ta' l-għan tagħhom stess, jistgħu jitqiesu separatament mill-bqija u jiġu applikati bħala tali.
60 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 8(1)(b) tad-Direttiva 92/81 jammonta għal dispożizzjoni bħal din u li l-obbligu li l-karburant użat għan-navigazzjoni ta' l-ajru, ħlief l-avjazzjoni privata għal turiżmu, jiġi eżentat mis-sisa armonizzata huwa biżżejjed ċar, preċiż u mhux suġġett għal kundizzjonijiet sabiex jagħti lill-individwi d-dritt li jinvokawh quddiem il-qorti nazzjonali sabiex jikkontestaw leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli miegħu (ara s-sentenza Braathens, iċċitata aktar 'il fuq, punti 31 u 32).
61 Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 8a(1) tad-Direttiva 92/81 jimponi wkoll fuq l-Istati Membri obbligu ċar u preċiż u li mhuwiex suġġett għal xi kundizzjoni fil-forma ta' projbizzjoni milli jissuġġettaw għas-sisa ċerti żjut minerali rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru ieħor. Din il-projbizzjoni tikkorrispondi għal dritt ta' l-individwi li ma jkunux suġġetti għall-ħlas ta' sisa fil-każ fejn huma jużaw iż-żejt minerali bħala karburant fit-tank normali tal-vettura kummerċjali bil-mutur tagħhom sabiex iħaddmuha, meta dan iż-żejt ikun ġie rilaxxat għall-konsum fi Stat Membru ieħor.
62 Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-projbizzjoni li tinstab fl-Artikolu 8a(1) tad-Direttiva 92/81 tista' tiġi invokata minn individwi quddiem il-qorti nazzjonali sabiex jikkontestaw leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli ma' din il-projbizzjoni.
63 Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel żewġ domandi, m'hemmx għalfejn jingħataw risposti għat-tliet domandi l-oħra magħmula mill-qorti tar-rinviju.
Fuq l-ispejjeż
64 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla), taqta' u tiddeċiedi li:
1) L-Artikolu 8a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE, tad-19 ta' Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni ta' l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq żjut minerali, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 94/74/KE, tat-22 ta' Diċembru 1994, għandu jinftiehem fis-sens li huwa jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jissuġġettaw għas-sisa ż-żejt minerali, kemm jekk ikun immarkat u kemm jekk le, li jkun jinstab fit-tank normali ta' vettura kummerċjali bil-mutur, bħalma huwa makkinarju agrikolu, u li jintuża bħala karburant mhux biss sabiex titmexxa din il-vettura iżda wkoll għal skopijiet oħra bħalma huma xogħlijiet agrikoli, meta dan iż-żejt minerali ġie legalment irrilaxxat għall-konsum fi Stat Membru ieħor.
2) Il-projbizzjoni li tinstab fl-Artikolu 8a(1) tad-Direttiva 92/81 kif emendata tista' tiġi invokata minn individwi quddiem il-qorti nazzjonali sabiex jikkontestaw leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli ma' din il-projbizzjoni.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Top