SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
14 ta' Settembru 2004 (*)
"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Traspożizzjoni inkorretta – Direttiva 98/10/KE – Telekomunikazzjoni – Kunċetti ta' 'livell bażiku ta' kontijiet dettaljati ħaġa ħaġa' u ta' 'preżentazzjoni aktar dettaljata' "
Fil-kawża C-411/02,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE,
imressaq fit-18 ta' Novembru 2002,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. Schmidt u M. Shotter, bħala aġenti, li għandhom indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika ta' l-Awstrija, irrappreżentata minn E. Riedl u T. Kramler, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, C. Gulmann (Relatur), J.-P. Puissochet, J. N. Cunha Rodrigues, u N. Colneric, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta' Frar 2004,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta' Marzu 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, billi għażlet kontijiet dettaljati li jikkonsistu f'lista ta' ammonti kklassifikati skond it-tip ta' spejjeż biss u li mhumiex dettaljati biżżejjed sabiex jiggarantixxu lill-konsumatur kontroll u verifika effettivi, ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/10/KE, tas-26 ta' Frar 1998, dwar l-applikazzjoni tal-provvista ta' netwerk miftuħ (ONP) għat-telefonija bil-leħen u t-twaqqif ta' servizz universali għat-telekomunikazzjoni f'ambjent kompetittiv (ĠU L 101, p. 24, aktar 'il quddiem id-"direttiva").
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2 Skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 1(1) tagħha, l-għan ta' din id-direttiva huwa li tiggarantixxi li, fil-Komunità kollha, ikun hemm servizzi pubbliċi fissi tat-telefon li jkunu ta' kwalità tajba u, li tiddefinixxi s-servizzi kollha li għandu jkollhom aċċess għalihom l-utenti kollha, inklużi l-konsumaturi, fil-kuntest tas-servizz universali, bi prezz li jista' jintlaħaq, fid-dawl ta' kundizzjonijiet speċifiċi nazzjonali.
3 Għal dan il-għan, l-Artikolu 14 tad-direttiva, intitolat "Kontijiet dettaljati ħaġa ħaġa, iddajljar bit-ton u imblukkar selettiv ta' sejħiet", jipprovdi li:
"1. Sabiex jiġi assigurat li l-utenti jkunu jistgħu, permezz ta' netwerks tat-telefon pubbliċi fissi, ikollhom aċċess mill-aktar fis possibbli:
– […]
– għall-kontijiet dettaljati ħaġa ħaġa u għall-imblukkar selettiv tas-sejħiet, fuq talba għal dan il-għan,
l-Istati Membri jistgħu jaħtru operatur wieħed jew aktar sabiex jipprovdi dawn is-servizzi addizzjonali lill-biċċa l-kbira ta' l-utenti tat-telefon mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 1998 u sabiex jassiguraw li dawn ikunu disponibbli għal kulħadd sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2001.
[…]
2. Bla ħsara għall-ħtiġijiet tal-leġiżlazzjoni applikabbli fir-rigward ta' protezzjoni tad-data personali u tal-ħajja privata, bħad-Direttiva 95/46/KE u d-Direttiva 97/66/KE, il-kontijiet dettaljati ħaġa ħaġa għandhom juru livell ta' dettal li huwa suffiċjenti sabiex jippermetti l-verifika u l-kontroll ta' l-ispejjeż inkorsi fl-użu tan-netwerk tat-telefon pubbliku fiss u/jew tas-servizzi tat-telefon pubbliċi fissi.
Il-kontijiet bażiċi dettaljati ħaġa ħaġa għandhom ikunu disponibbli mingħajr spejjeż addizzjonali għall-utent. Jekk ikun hemm bżonn, tista' tingħata preżentazzjoni aktar dettaljata lill-abbonat għal tariffa raġonevoli jew b'xejn. Il-livell bażiku tal-kontijiet dettaljati jista' jiġi stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.
Is-sejħiet li huma b'xejn għall-abbonat li jkun qed iċempel, inklużi s-sejħiet lil-linji ta' għajnuna, m'għandhomx jiġu indikati fil-kont dettaljat ta' l-abbonat li jkun qed iċempel." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
4 It-Telekommunikationsgesetz (Liġi Federali dwar it-telekomunikazzjoni, BGBl. I, nru 10/1997, aktar 'il quddiem it-"TKG") u erba' digrieti għandhom l-għan li jittrasponu d-direttiva. B'mod partikolari, l-Artikolu 94(1) tat-TKG, li jittrasponi l-Artikolu 14(2) tad-direttiva jipprovdi li:
"1. L-ispejjeż ta' l-abbonati għandhom jiġu ppreżentati taħt forma ta' kont li jikkonsisti f'lista ta' l-ammonti kkassifikati skond it-tipi ta' spejjeż. Fuq talba ta' l-abbonat, il-kont għandu juri l-ammonti kollha jew għandu jkollu livell ieħor ta' dettal, kif iddeterminat taħt il-kundizzjonijiet tal-kuntratt. Il-kontijiet li jippreżentaw livell aktar dettaljat minn kont standard jistgħu jiġu suġġetti għal ħlas taħt il-kundizzjonijiet tal-kuntratt. L-ammont ta' l-imsemmi ħlas għandu jiġi ddeterminat skond l-ispejjeż inkorsi għall-preżentazzjoni aktar dettaljata.
[…]"
Il-proċedura prekontenzjuża
5 Permezz ta' ittra tat-23 ta' Settembru 1998, ir-Repubblika ta' l-Awstrija, bħala parti mill-proċess tat-traspożizzjoni tad-direttiva fid-dritt Awstrijak, innotifikat lill-Kummissjoni bit-test tat-TKG u b'diversi dispożizzjonijiet ta' applikazzjoni.
6 Permezz ta' ittra ta' l-20 ta' April 2001, il-Kummissjoni ddikjarat li għandha ċerti riżervi fir-rigward tat-traspożizzjoni korretta ta' l-Artikolu 14(2) tad-direttiva mir-Repubblika ta' l-Awstrija u, skond l-Artikolu 226 KE, intimatha sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f'terminu ta' xahrejn.
7 Permezz ta' ittra ta' l-20 ta' Ġunju 2001, l-awtoritajiet Awstrijaki informaw lill-Kummissjoni li huma kienu jqisu li l-Artikolu 94 tat-TKG kien jissodisfa l-ħtiġijiet ta' l-Artikolu 14(2) tad-direttiva. Fil-fehma tagħhom, il-kont standard previst fl-Artikolu 94 tat-TKG jippreżenta livell ta' dettal suffiċjenti sabiex jippermetti lill-utent jikkontrolla u jivverifika b'mod effettiv l-ispejjeż tat-telefon tiegħu, fis-sens tad-direttiva.
8 Billi kkunsidrat li l-kontijiet standard dettaljati ħaġa ħaġa Awstrijaki, ma kienu jippermettu fl-ebda każ lill-konsumatur jikkontrolla l-ispejjeż tiegħu tat-telefon b'mod effettiv, fl-20 ta' Diċembru 2001, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata li fiha inkludiet l-istess ilment u stiednet lir-Repubblika ta' l-Awstrija sabiex tieħu d-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-direttiva f'terminu ta' xahrejn min-notifika ta' din l-opinjoni.
9 Peress li, permezz ta' ittra tas-27 ta' Frar 2002, il-Gvern Awstrijak ikkonferma l-opinjoni tiegħu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu tittrasponi l-Artikolu 14(2) tad-direttiva b'mod korrett, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
10 Il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika ta' l-Awstrija li ma ħarsitx id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 14(2) tad-direttiva, li jistabbilixxi li l-kontijiet dettaljati ħaġa ħaġa għandhom juru livell ta' dettal biżżejjed sabiex jippermetti l-verifika u l-kontroll ta' ispejjeż inkorsi fl-użu ta' netwerk tat-telefon pubbliku.
11 Fil-fehma tagħha, il-leġiżlazzjoni Awstrijaka ma tirrispettax din il-kundizzjoni. Fil-fatt, billi jipprovdi li l-fornituri ta' servizzi tat-telefon għandhom joħorġu kont li jinkludi biss "lista ta' ammonti kklassifikati skond it-tip ta' spiża", l-Artikolu 94(1) tat-TKG jippermetti lill-operaturi japplikaw prassi li fil-kont jelenkaw l-ammonti skond il-kategoriji ta' sejħiet, mingħajr ma jippreżentaw kull sejħa b'mod separat.
12 Fuq il-bażi ta' kont bħal dan, l-abbonat jista' jikkonkludi biss li għamel ċertu numru ta' sejħiet għaż-żoni tariffarji differenti, matul perijodu kopert mill-kont u għal ċertu ammont totali. Għalhekk kont bħal dan ma jippermettix li jiġi vverifikat f'liema data tkun saret sejħa jew liema numru ġie mċempel u lanqas ma jiggarantixxi li l-abbonat ikun jista' jivverifika u jikkontrolla l-ispejjeż tiegħu b'mod effettiv.
13 Il-Gvern Awstrijak jikkontesta din l-interpretazzjoni tad-direttiva u l-evalwazzjoni li għamlet il-Kummissjoni. Fil-fehma tiegħu, billi jeħtieġu li fil-kontijiet standard dettaljati ħaġa ħaġa tiġi inkluża lista ta' l-ammonti dovuti kklassifikati skond it-tipi ta' tariffi, ir-regoli previsti fl-Artikolu 94 tat-TKG konformi ma' l-eżiġenzi ta' l-Artikolu 14(2) tad-direttiva.
14 Fil-fatt, la din l-aħħar dispożizzjoni u lanqas l-għan ġenerali tad-direttiva ma jimponu li d-data tas-sejħiet u n-numri mċempla jidhru fuq il-kont sabiex l-abbonati jkunu jistgħu jivverifikaw u jikkontrollaw l-ispejjeż tagħhom b'mod effettiv.
15 Il-Gvern Awstrijak isostni li l-informazzjoni, kif prevista fl-Artikolu 94 tat-TKG, tippermetti li jiġu nnotati mill-ewwel anomaliji jew żbalji billi l-ammonti li jkunu jidhru fuq il-kont u miġbura skond il-kategoriji tas-sejħiet jiġu mqabbla ma' l-ammonti tal-kontijiet preċedenti. Huwa jenfasizza li dan il-paragun jippermetti li jiġu kkontrollati l-ammonti fuq il-kont billi jiġu vverifikati, b'mod partikolari, it-tipi ta' sejħiet li jkunu ta' prezz partikolarment għoli jew billi jiġu identifikati l-komunikazzjonijiet li jkun hemm l-aktar jew li jkunu itwal mill-medja ta' dawk li jkunu saru preċedentement.
16 Għandu jiġi nnotat li, għalkemm l-Artikolu 4(2) tad-direttiva ma jindikax speċifikament liema hija l-informazzjoni li għandha neċessarjament tidher fil-kontijiet standard dettaljati ħaġa ħaġa, id-direttiva timponi livell minimu ta' informazzjoni bbażat fuq dak li hu meħtieġ sabiex l-abbonati jkunu jistgħu jivverifikaw u jikkontrollaw l-ispejjeż inkorsi fl-użu tan-netwerk tat-telefon pubbliku fiss.
17 Kif ġie osservat mill-Kummissjoni, il-kontijiet imposti mill-Artikolu 94(1) tat-TKG, li jippermetti biss lill-abbonat jikkonkludi li għamel ċertu numru ta' sejħiet għaż-żoni tariffarji differenti, matul il-perijodu kopert mill-kont u għal ċertu ammont totali, ma jagħtix lill-abbonati l-possibbiltà li jikkontrollaw u li jivverifikaw l-ispejjeż tagħhom permezz tal-kont.
18 Mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk kont standard dettaljat ħaġa ħaġa għandux jieħu in kunsiderazzjoni kull fattur li jiddetermina l-prezz ta' kull sejħa, għandu jiġi kkonstatat li, fuq il-bażi tal-kontijiet standard dettaljati ħaġa ħaġa Awstrijaki, mhuwiex possibbli li, fiż-żoni tariffarji differenti, tiġi identifikata kull sejħa b'mod individwali u, konsegwentement, li jiġi vverifikat li effettivament saret.
19 Għalhekk, kont li juri biss in-numru ta' sejħiet, it-totali ta' l-unitajiet tariffarji użati u l-prezz globali li jikkorrispondi għalihom ma jippermettix li jsiru l-verifika u l-kontroll ta' l-ispejjeż inkorsi fl-użu tan-netwerk tat-telefon pubbliku fiss meħtieġ mill-Artikolu 14(2) tad-direttiva.
20 La l-argument tal-Gvern Awstrijak li l-iffissar, għall-kontijiet standard dettaljati ħaġa ħaġa, ta' livell ta' dettal ogħla minn dak previst fl-Artikolu 94 tat-TKG huwa eskluż meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni li dan irendi l-possibbiltà, espressament prevista fl-Artikolu 14(2) tad-direttiva, li jsiru kontijiet li jkun fihom livell ogħla ta' dettal, superfluwa u mingħajr sens u lanqas l-argument li l-kontijiet li jkun fihom livell ta' dettal bħal dak meħtieġ mill-Kummissjoni neċessarjament jinkludu informazzjoni kuntrarja għal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-data personali ma jikkontradixxu din il-konstatazzjoni.
21 L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-kontijiet standard dettaljati ħaġa ħaġa għandhom livell ogħla ta' dettal minn dak impost fl-Artikolu 94(1) tat-TKG, bil-għan li jirrispettaw l-Artikolu 14(2) tad-direttiva, m'għandux l-effett li jrendi l-possibbiltà li jiġi magħmul kont li fih livell ogħla ta' dettal, espressament ipprovduta f'dan it-test ta' l-aħħar, superfuwa u mingħajr sens.
22 Fil-fatt, huwa wkoll possibbli li jiġu pprovduti livelli oħra ta' dettal li fuq il-bażi tagħhom l-abbonati jkunu jistgħu, kif juru l-eżempji deskritti mill-Avukat Ġenerali fil-punti 50 u 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, jiksbu, fil-kontijiet tagħhom, livell ta' dettal addizzjonali intiż sabiex jiffaċilitalhom aktar il-kontroll ta' l-ispejjeż jew sabiex jipprovdilhom informazzjoni oħra dwar l-użu tas-servizz tat-telefon. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li s-sejħiet b'xejn li, skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 14(2), mhumiex indikati fuq il-kont dettaljat ta' l-abbonat jistgħu jidhru fi preżentazzjoni aktar dettaljata.
23 Sussegwentement, fir-rigward ta' l-affermazzjoni li l-kontijiet li fihom livell ta' dettal bħal dak meħtieġ mill-Kummissjoni neċessarjament jinkludu informazzjoni kuntrarja għal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-data ta' natura personali, għandu jiġi rrilevat li l-Gvern Awstrijak ma rnexxielux isostni din l-affermazzjoni permezz ta' argumenti dettaljati li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-mertu tagħha.
24 F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi għażlet kontijiet li jikkonsistu f'lista ta' ammonti kklassifikati skond it-tip ta' spejjeż biss u li mhumiex dettaljati biżżejjed sabiex jiggarantixxu lill-konsumatur kontroll u verifika effettivi, ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14(2) tad-direttiva.
Fuq l-ispejjeż
25 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika ta' l-Awstrija tilfet hija għandha tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Billi għażlet kontijiet li jikkonsistu f'lista ta' ammonti kklassifikati skond it-tip ta' spejjeż biss u li mhumiex dettaljati biżżejjed sabiex jiggarantixxu lill-konsumatur kontroll u verifika effettivi, ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/10/KE, tas-26 ta' Frar 1998, dwar l-applikazzjoni tal-provvista ta' netwerk miftuħ (ONP) għat-telefonija bil-leħen u t-twaqqif ta' servizz universali għat-telekomunikazzjoni f'ambjent kompetittiv.
2) Ir-Repubblika ta' l-Awstrija hija kkundannata tħallas l-ispejjeż.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Top