SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
2 ta’ Ġunju 2005 (*)
“Nuqqas ta' Stat li jwettaq Obbligu– Direttiva 93/38/KEE – Kuntratti pubbliċi fis-setturi ta' l-ilma, ta' l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjonijiet – Kuntratt li jirrigwarda l-kostruzzjoni ta' ċinga li tittrasporta l-merkanzija (conveyer belt) għaċ-ċentrali termoelettrika ta’ Megalopolis - Nuqqas ta' pubblikazzjoni ta' avviż - Partikolarità teknika - Avveniment imprevedibbli - Urġenza imperattiva.”
Fil-kawża C-394/02,
li għandha bħala suġġett rikors għan-nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-8 ta’ Novembru 2002,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Nolin u M. Konstantinidis, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn P. Mylonopoulos, D. Tsagkaraki u S. Chala, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn M. P. Jann (Relatur), President ta’ l-Awla, K. Lenaerts, J. N. Cunha Rodrigues, M. Ilešič u E. Levits Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. F. G. Jacobs,
Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,
wara li rat il-proċedura miktuba u wara s-seduta tat-8 ta’ Diċembru 2004,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta 24 ta’ Frar 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qed titlob lill-Qorti tikkonstata li, bl-għoti mill-intrapriża pubblika ta' l-elettriku Dimosia Epicheirisi Ilektrismoy (iktar ‘il quddiem “DEI”) ta’ kuntratt li jirrigwarda l-kostruzzjoni ta' ċinga li tittrasporta l-merkanzija għaċ-ċentrali termoelettrika ta’ Megalopolis, permezz ta’ proċedura nnegozjata, mingħajr avviż minn qabel, ir-Repubblika Ellenika kisret l-obbligi li għandha bis-saħħa tad-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1993 dwar il-koordinazzjoni ta' proċeduri għal kuntratt pubbliku fl-oqsma ta' l-ilma, ta' l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 199, p. 84) kif emendata mid-Direttiva 98/4/KE (ĠU L 101, p. 1) u, b’mod partikolari, mill-Artikoli 20 et seq. ta' l-imsemmija Direttiva.
Il-Kuntest Ġuridiku
2 Skond l-Artikolu 15 tad-Direttiva 93/38, “Il-kuntratti ta' […] xogħlijiet […] għandhom jingħataw skond id-dispożizzjonijiet tat-Titoli III, IV u V.”.
3 L-Artikolu 20(1) ta' l-istess Direttiva jistabbilixxi li “[l]-entitajiet kontraenti jistgħu jagħżlu kwalunkwe proċedura deskritta fl-Artikolu 1(7) [jiġifieri proċedura miftuħa, ristretta, jew innegozjata], sakemm, soġġetti għall-paragrafu 2, jkunu għamlu sejħa għall-kompetizzjoni [offerti] skond l-Artikolu 21.”
4 Skond il-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 20:
“2. L-entitajiet kontraenti jistgħu jużaw proċedura mingħajr ma qabel jagħmlu sejħa għall-kompetizzjoni […]:
[…]
c) meta, għal raġunijiet tekniċi […], il-kuntratt jista' jsir biss minn kuntrattur […] partikolari […] ;
d) sakemm dan ikun strettament neċessarju meta għal raġunijiet ta' emerġenza estrema [imperattiva] miġjuba minn avvenimenti li ma setgħux jiġu mbassra mill-entitajiet kontraenti, il-limiti ta' żmien preskritti minn proċeduri miftuħa jew ristretti ma jistgħux jiġu rrispettati;
[…]”
5 L-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 93/38 jistabbilixxi l-mezzi li bihom tista’ titwettaq sejħa għal-offerti, jiġifieri, essenzjalment, pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea ta' avviż li huwa konformi mal-formuli li jidhru fl-Annessi ta' l-istess Direttiva.
Il-fatti u l-proċedura prekontestwali
6 F’Ottubru ta’ l-1997, id-DEI, fid-dawl ta’ proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ l-effetti ambjentali skond id-Direttiva tal-Kunsill tas-27 ta’Ġunju 1985, 85/337/KKE, li tikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ l-effetti ambjentali ta’ proġetti pubbliċi u privati (ĠU L 175, p 40), ressqet quddiem l-Awtorità kompetenti, jiġifieri quddiem il-Ministeru għall-ambjent, l-amministrazzjoni tat-territorju u tax-xogħlijiet pubbliċi, proġett li jirrigwarda l-installazzjoni ta’ sistema ta’ desulferazzjoni, ta’ stabbilizzazzjoni, ta’ trasport u ta’ depożitu ta’ skart solidu taċ-ċentrali termoelettrika ta’ Megalopolis.
7 B’deċiżjonijiet tad-29 ta’Ottubru 1998 u tat-30 ta’ Diċembru 1999, l-imsemmi Ministeru approva dan il-progett, bil-kundizzjoni li d-DEI, minn naħa, tippreżenta fi żmien ta’ disa’ xhur, jiġifieri sa Settembru 2000, talba għall-awtorizzazzjoni definittiva għar-rimi ta’ skart mill-imsemmija ċentrali u, min-naħa l-oħra, tinstalla fi żmien tnax-il xahar, jiġifieri sa Diċembru 2000, sistema ta’ ċineg li jittrasportaw il-merkanzija għall-ġarr ta’ rmied minn din ta’ l-aħħar għall-minjiera ta’ Thoknia, fejn l-irmied jiġi ttrattat.
8 Id-DEI, fid-dawl ta’ dawn it-termini, iddeċidiet fis-27 ta’ Lulju 1999 li twettaq proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt innegozjat mingħajr pubblikazzjoni ta’ avviż u stiednet lill-grupp ta’ intrapriżi Kock/Metka kif ukoll id-ditta Dosco Overseas Engineering Ltd (iktar ‘il quddiem id-“Ditta Dosco”) biex jissottomettu offerta.
9 Fit-18 ta’ Jannar 2000, din ta’ l-aħħar iddikjarat li ma kellha l-ebda intenzjoni li tieħu sehem f’din il-proċedura.
10 Fid-29 ta’ Awwissu 2000, wara diversi xhur ta’ negozjati, id-DEI fdat il-kostruzzjoni ta’ ċinga li tittrasporta l-merkanzija għall-ġarr ta’ rmied miċ-ċentrali termoelettrika ta’ Megalopolis għall-minjiera ta’ Thoknia (iktar ‘il quddiem il-“kuntratt kontenzjuż”) lill-grupp ta’ intrapriżi Koch/Metka.
11 Wara li tat lir-Repubblika Ellenika l-opportunità biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni, fil-21 ta’ Diċembru, 2001, ħarġet opinjoni motivata li tikkonstata li l-kuntratt kontenzjuż kellu jidher bħala avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, skond id-Direttiva 93/38. Il-Kummissjoni, barra minn hekk, stiednet lill-imsemmi Stat Membru jadotta dawk il-miżuri neċessarji sabiex jimxi skond l-opinjoni motivata fi żmien xahrejn li jibdew jiddekorru min-notifika. Peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposta ppreżentata mill-Awtorità Ellenika fl-ittra tagħha tat-3 ta’April 2002, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta r-rikors li ġej.
Ir-rikors
Fuq l-ammissibbiltà
12 Il-Gvern Elleniku jqajjem erba’ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, li jsemmu, rispettivament, in-nuqqas ta’ interess tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni, in-nuqqas ta’ skop tar-rikors, in-natura impreciża ta’ l-opinjoni motivatam, u devjazzjoni ta’ proċedura.
Fuq in-nuqqas ta’ interess tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni
13 Skond il-Gvern Elleniku, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda interess leġittimu li tibda proċedura ta’ nuqqas sa fejn l-allegata vjolazzjoni tad-dritt komunitarju kien, kollu jew għall-inqas il-parti l-kbira tiegħu, diġà konkluż fl-iskadenza tat-terminu mogħti sabiex jikkonforma ruħu ma’ l-opinjoni motivata.
14 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li fil-kuntest tal-kompetenzi li ngħatawlha bis-saħħa ta’ l-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni m’għandhiex għalfejn turi l-interess tagħha biex taġixxi (ara s-sentenza ta’ l-4 ta’April, 1974, Il-Kummissjoni vs Franza, 167/73, Ġabra p. 359, punt 15, u ta’ l-10 ta’ April, 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, kawżi magħquda C-20/01 u C-28/01, Ġabra p. I-3609, punt 29).
15 Il-Kummissjoni, fil-fatt, għandha l-inkarigu li tissorvelja ex officio, fl-interess ġenerali, l-applikazzjoni tad-dritt komunitarju min-naħa ta’ l-Istati Membri, u li tikkonstata l-eżistenza ta’ nuqqasijiet ta’ obbligi li eventwalment jirriżultaw, bl-iskop li twaqqafhom (ara s-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Il-Kummissjoni vs Franza, punt 15, u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 29, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
16 L-Artikolu 226 KE mhux għandaqstant intiż li jipproteġi d-drittijiet ta’ din l-istituzzjoni. Hija biss għandha tiddeċiedi jekk huwiex opportun jew le li tibda proċedura ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u, jekk ikun il-każ, għal-liema komportament jew nuqqas dan il-proċediment għandu jinbeda (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Awwissu, 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-431/92, Ġabra p. I-2189, punt 22; tal-5 ta’ Novembru, 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-476/98, Ġabra p. I-9855, punt 38, kif ukoll dik ta’ l-10 ta’ April, 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 30).
Fuq in-nuqqas ta’ skop tar-rikors
17 Il-Gvern Elleniku jsostni li r-rikors huwa nieqes mill-iskop minħabba li l-kuntratt għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, mogħti mid-DEI lill-grupp ta’ intrapriż Koch/Metka fil-kuntest tal-kuntratt kontenzjuż, sa l-iskadenza tal-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata, kien diġà eżawrixxa l-effetti kollha tiegħu. Sa l-imsemmija data, ix-xogħlijiet in kwistjoni kienu ser ikunu fil-parti l-kbira lesti, jiġifieri daqs 85 fil-mija. Fil-fatt, ma kienx ikun aktar possibli li wieħed jikkonforma ruħu ma’ l-opinjoni motivata.
18 F’dan ir-rigward, huwa minnu li fil-kwistjoni ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-Qorti ddikkjarat li r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa inammissibbli jekk, sa l-iskadenza tal-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata, il-kuntratt in kwistjoni jkun diġà eżawrixxa l-effetti kollha tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-362/90, p. I-2353, punti 11 u 13).
19 Issa, fil-każ preżenti, il-kuntratt mogħti mid-DEI lill-grupp ta’ intrapriżi Koch/Metka fil-kuntest tal-kuntratt kontenzjuż sa l-iskadenza tal-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata, kien fil-proċess ta’ l-eżekuzzjoni minħabba li 85 fil-mija biss tax-xogħlijiet kienu kompluti. Għalhekk l-imsemmi kuntratt kien għadu ma eżawrixxix l-effetti tiegħu kollha.
Fuq in-natura impreċiża ta’ l-opinjoni motivata
20 Il-Gvern Elleniku jsostni li l-opinjoni motivata kienet impreċiża wisq, minħabba li l-Kummissjoni ma speċifikatx il-provvedimenti li wieħed kellu jadotta sabiex jimxi skond l-imsemmija opinjoni.
21 F’dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li, jekk l-opinjoni motivata għandha tinkludi espożizzjoni koerenti u dettaljata tal-motivi li wasslu biex jikkonvinċu lill-Kummissjoni li l-Istat Membru interessat naqas minn wieħed mill-obbligi li ġew imposti fuqu bis-saħħa tat-Trattat KE, il-Kummissjoni mhijiex madankollu marbuta li tindika fl-opinjoni motivata l-miżuri li jippermettu l-eliminazzjoni tan-nuqqas ikkontestat (ara f’dan is-sens is-sentenza tal-11 ta’ Lulju, 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-247/89, p. I-3659, punt 22, u tat-28 ta’ Ottubru, 1999, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-328/96, p. I-7479, punt 39).
22 Fil-fatt l-iskop tal-proċediment prekontestwali huwa li jiddetermina l-iskop tar-rikors sabiex jagħti lill-imsemmi Stat Membru l-opportunità li jikkonforma ruħu ma’ l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt komunitarju jew sabiex jiżviluppa difiża tajba kontra l-argumenti tal-Kummissjoni (f’dan is-sens ara s-sentenzi ċċitati iktar ‘il quddiem Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, punt 34, u 5 ta’ Novembru, 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punti 46 u 47).
23 Għalhekk huwa biss fil-każ meta l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tadotta miżuri li jippermettu rimedju għan-nuqqas li huwa s-suġġett tar-rikors tagħha li hija għandha tindika b’mod speċifiku l-miżuri tagħha fl-opinjoni motivata (ara f’dan is-sens is-sentenza ċċitata iktar ‘il fuq Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, punt 39).
24 Fil-każ preżenti, l-iskop tar-rikors huwa limitat għal konstatazzjoni ta’ nuqqas dovut għall-għoti tal-kuntratt kontenzjuż mingħajr ebda pubblikazzjoni minn qabel preċedenti ta’ avviż. Dan allura ma jinkludix il-konstatazzjoni ta’ nuqqas addizzjonali, ibbażat fuq miżuri li ma ttiħdux u li jippermettu li jirrimedjaw l-ewwel nuqqas.
Fuq id-devjazzjoni ta’ proċedura
25 Il-Gvern Elleniku jsostni li, minflok rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni kellha tintervjeni direttament u tordna s-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tal-kuntratt kontenzjuż bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru, 1989, li tikkoordina d-dispożizzjonijiet leġiżlativi, regolamentari u amministrattivi relatati ma’ l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ appell fi kwistjonijiet ta’ l-għoti tal-kuntratti pubbliċi ta’ servizzi u xogħlijiet (ĠU L 395, p 33).
26 F’dan ir-rigward wieħed irid jikkonstata li għas-settur ta’ l-enerġija, id-Direttiva 89/665 mhijiex applikabbli, iżda hija applikabbli d-Direttiva tal-Kunsill 92/13, tal-25 ta’ Frar 1992, li tikkoordina d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi relatati ma’ l-applikazzjoni ta’ normi komunitarji fil-proċeduri ta’ għoti kuntratt ta’ l-entitajiet distributuri ta’ l-ilma u l-enerġija u ta’ l-entitajiet li jipprovdu servizzi ta’ trasport kif ukoll ta’ entitajiet li joperaw fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 76, paġna 14).
27 Anke jekk il-Gvern Elleniku għamel riferiment għall-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/13, li tipprevedi proċedura sostanzjalment identika għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/665, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti illi, anke meta jkun preferibbli li l-Kummissjoni tagħmel użu minn proċedura ta’ intervent dirett, setgħa mogħtija lilha minn dawn id-Direttivi, din il-proċedura toħloq miżura preventiva li ma tistax la tidderoga u lanqas tissostitwixxi l-kompetenza tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 226 KE (ara fil-kuntest tad-direttiva 89/665, is-sentenzi ta’ l-24 ta’ Jannar 1995, C-359/93, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, p I-157, punt 13; ta’ l-4 ta’ Mejju 1995, C-79/94, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, p I-1071, punt 11; tas-17 ta’ Diċembru 1998, C-353/96, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, p. I-8565, punt 22, kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57). Il-fatt jekk il-Kummissjoni għamlitx jew le użu minn din il-proċedura huwa għaldaqstant irrilevanti fl-evalwazzjoni ta’ l-ammissibbiltà ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.
28 Fil-fatt, il-Kummissjoni hija l-unika awtorità kompetenti biex tiddeċiedi jekk huwiex opportun li tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tal-11 ta’Awwissu, 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 22, u tal-5 ta’ Novembru, 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 38). B’hekk, l-għażla bejn iż-żewġ proċeduri taqa’ fis-setgħa diskrezzjonali tagħha.
29 Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq li l-eċċezzjonijiet għall-inammissibbiltà għandhom jiġu miċħuda.
Fuq il-mertu
30 In sostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssemmi argument wieħed biss, li jsemmi sostanzjalment il-vjolazzjoni ta’ l-Artikolu 15 tad-Direttiva 93/38, moqri flimkien ma’ l-Artikoli 20(1) u 21 tad-Direttiva, għaliex id-DEI tat il-kuntratt kontenzjuż mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviz fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.
31 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Gvern Elleniku mhux qed jikkontesta l-fatt li l-kuntratt kontenzjuż jaqa’ taħt l-Artikolu 15 tad-Direttiva 93/38 u li kellu għaldaqstant, bħala prinċipju, jingħata skond it-Titoli III sa V ta’ din id-Direttiva, li jipprevedu, b’mod partikolari, sejħa għal offerti permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż fl-imemmi Ġurnal Uffiċjali.
32 Dan il-Gvern isostni madankollu li, skond l-Artikolu 20(2) c) u d) tad-Direttiva 93/38, il-kuntratt kontenzjuż seta’, eċċezzjonalment, jingħata mingħajr pubblikazzjoni ta’ avviż. Fl-opinjoni tiegħu, minn naħa, il-grupp ta’ intrapriżi Koch/Metka biss setgħu jwettqu x-xogħlijiet fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-prodott li jrid jiġi ttrasportat u ta’ l-art tas-sit, kif ukoll tan-neċessità li jqabblu ċ-ċineg li jittrasportaw il-merkanzija mas-sistema diġà eżistenti. Min-naħa l-oħra, l-eżekuzzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet kienet urġenti ħafna minħabba t-termini imposti mill-Ministeru ta’ l-Ambjent u ta’ l-Amministrazzjoni tat-territorju u tax-Xogħlijiet pubbliċi.
33 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, f’dak li jirrigwarda d-derogi għan-normi relattivi mal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 20(2) c) u d) tad-Direttiva 93/38 iridu jiġu interpretati b’mod ristrett. Barra minn hekk, l-oneru tal-prova taqa’ fuq min irid jinvokaha (ara, f’dan is-sens, fil-kuntest tad-Direttivi 71/305 u 93/37, is-sentenzi ta’ l-10 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja 199/85, p. 1039, punt 14 ; tat-18 ta’ Mejju 1995, Il-Kummissjoni vs L-Italja C-57/94, p. I-1249 punt 23, kif ukoll ta’ 14 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja C-385/02, p. I-8121, punt 19).
34 Fir-rigward ta’ l-Artikolu 20(2)c) tad-Direttiva 93/38, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, li jkun hemm partikolaritajiet tekniċi tax-xogħlijiet li jkunu s-suġġett tal-kunttratt u, min-naħa l-oħra, li dawn il-partikolaritajiet tekniċi jirrendu assolutament neċessarju li l-imsemmi kuntratt jingħata lil dik l-intrapriża ddeterminata (ara, f’dan is-sens, fil-kuntest tad-Direttivi 71/305 u 93/37, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tat-18 ta’ Mejju 1995, Il-Kummissjoni vs L-Italja punt 24, u ta’ l-14 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja punti 18, 20 u 21).
35 Issa, fil-każ preżenti, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 40 sa 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk ix-xogħlijiet in kwistjoni għandhom partikolarità teknika skond l-artiklu 20(2)(ċ), tad-direttiva 93/38, għandu jiġi kkonstatat li l-gvern Elleniku ma weriex b’mod konvinċenti li l-grupp ta’ fabbriki Koch/Metka biss huma kapaċi jeżegwixxu x-xogħlijiet in kwistjoni u li kien, konsegwentement, assolutament neċessarju li jiġi fdat lilhom il-kuntratt tax-xogħol.
36 Fil-fatt, la l-karatteristiċi partikolari tal-prodott suġġett għat-trasportazzjoni u lanqas in-nuqqas ta’ stabbiltà tal-ħamrija fonda jew il-bżonn li tqabbad is-sistema ta’ ċineg ta’ trasport ta’ merkanzija ma’ dik diġà eżistenti jipprovaw, minnhom infushom, li l-imsemmi grupp ta’ intrapriżi huma l-uniku kuntrattur fil-Komunità li kien dispost jagħti l-perizja tiegħu sabiex jeżegwixxi x-xogħlijiet in kwistjoni.
37 Wara kollox, anki d-DEI nnifisha, billi stiednet lill-intrapriża Dosco biex tissottometti offerta, evidentament qieset li intrapriżi differenti mill-grupp Koch/Metka setgħu, bħala prinċipju, jiżvolġu l-imsemmija xogħlijiet.
38 Jirriżulta, barra minn hekk, mill-inkartament, li d-DEI fil-passat kienet diġà bdiet proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż għal xogħlijiet simili fl-istess sit.
39 Ma jistax għaldaqstant jiġi sostnut li l-eżekuzzjoni tal-kuntratt kontenzjuż setgħet, minħabba l-partikolaritajiet tekniċi tagħha, tiġi fdata biss lill-grupp ta’ intrapriżi Koch/Metka.
40 Fit-tieni lok, fir-rigward tad-deroga prevista fl-artiklu 20(2)(d) tad-Direttiva 93/38, il-ġurisprudenza ssuġġettata għal tliet presupposti li kumulattivi, jiġifieri, l-eżistenza ta’ avveniment imprevedibbli, urġenza imperattiva inkompatibbli mat-termini fil-każ ta’ sejħa għall-offerti, u n-ness kawżali bejn l-avveniment imprevedibbli u l-urġenza imperattiva li tirriżulta (ara, f’dan is-sens, fil-kuntest tad-Direttiva 71/305, is-sentenzi tat-2 ta’ Awwissu 1993, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-107/92, Ġabra p. I-4655, punt 12, u tat-28 ta’ Marzu 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-318/94, Ġabra p. I-1949, punt 14).
41 Issa, il-Gvern Elleniku ma weriex li dawn il-kundizzjonijiet kienu sodisfatti fil-każ in kwistjoni.
42 Fil-fatt, il-bżonn il jiġu eżegwiti x-xogħlijiet in kwistjoni fit-termini imposti mill-awtorità kompetenti għall-evalwazzjoni ta’ l-effetti tal-proġett fuq l-ambjent, ma tistax titqies bħala kawża ta’ urġenza imperattiva b’riżultat ta’ avveniment imprevedibbli.
43 Il-fatt illi l-awtorità li trid tapprova l-proġett ikkonċernat tista’ timponi termini jikkostitwixxi element prevedibbli fil-proċedura ta’ approvazzjoni tal-proġett (ara, f’dan is-sens, fil-kuntest tad-Direttiva 71/305, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt18).
44 Barra minn hekk, id-DEI setgħet, b’referenza għall-kuntratt kontenzjuż, tibda l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt bil-pubblikazzjoni ta’ avviż mill-bidu tal-proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ l-effetti fuq l'ambjent, jiġifieri madwar tliet snin qabel l-iskadenza tat-termini imposti.
45 Ma jistax għaldaqstant jiġi sostnut li urġenza imperattiva b’riżultat ta’ avveniment imprevedibbli fil-konfront tad-DEI ma setgħetx tippermetti, li jiġu rrispettati t-termini mitluba fil-każ ta’ sejħa għal offerti.
46 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet hawn fuq imsemmija, għandu jiġi kkonstatat li, bl-għoti mid-DEI ta’ kuntratt li jirrigwarda l-kostruzzjoni ta' ċinga li tittrasporta l-merkanzija għaċ-ċentrali termoelettrika ta’ Megalopolis, permezz ta’ proċedura nnegozjata, mingħajr il-pubblikazzjoni ta’ avviż minn qabel, ir-Repubblika Ellenika kisret l-obbligi li għandha bis-saħħa tad-Direttiva 93/38 u, b’mod partikolari, mill-Artikoli 20(1) u 21 tagħha.
Fuq l-ispejjeż
47 Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 69(2) tar-Regolamenti tal-Proċedura, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Repubblika Ellenika tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, dina għandha tiġi obbligata tħallas l-ispejjeż.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta’ u tgħid:
1) Bl-għoti, min-naħa tal-kumpannija pubblika għall-elettriku Dimosia Epicheirisi Ilekrismoy (DEI), tal-kuntratt li kellu bħala għan it-twaqqif ta’ sistema ta’ ċineg għat-trasport tal-merkanzija għaż-żona termoelettrika ta’ Megalopolis permezz ta’ proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż, ir-Repubblika Ellenika naqset milli tosserva l-obbligi li ġew imposti fuqha mid-Direttiva tal-Kunsill 93/38 KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993, li tirrigwarda l-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti ta’ l-entitajiet distributuri ta’ l-ilma u l-enerġija u ta’ l-entitajiet li jipprovdu servizzi ta’ trasport kif ukoll ta’ entitajiet li joperaw fis-settur tat-telekomunikazzjoni, kif amendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/4/KE, tas-16 ta’ Frar 1998, u b’mod partikolari, bis-saħħa ta’ l-Artikoli 20(1) u 21 ta’ l-istess Direttiva.
2) Ir-Repubblika Ellenika tbati l-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.
Top