SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
7 ta’ Lulju 2005 (*)
"Trade marks – Direttiva 89/104/KEE – Trade marks fir-rigward ta' servizzi – Reġistrazzjoni – Servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut – Speċifikar tal-kontenut tas-servizzi – Xebh bejn is-servizzi in kwistjoni u merkanzija jew servizzi oħra"
Fil-kawża C-418/02,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundespatentgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Ottubru 2002, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Novembru 2002, fil-proċedura
Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte AG
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, C. Gulmann (Relatur) u R. Schintgen, N. Colneric u J. N. Cunha Rodrigues, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Léger,
Reġistratur: M. Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-1 ta’ Lulju 2004,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte AG, minn M. Schaeffer, Rechtsanswalt,
– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A. Bodard‑Hermant, bħala aġenti,
– għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn K. Manji, bħala aġent, assistit minn M. Tappin, barrister,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N. B. Rasmussen u S. Fries, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Jannar 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 2, 4(1)(b) u 5(1)(b) ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta' Diċembru, 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-trade marks (89/104/KEE) (ĠU 1989, L 40, p. 1, iktar 'il quddiem id-"Direttiva").
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta' kawża bejn Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte AG (iktar 'il quddiem "Praktiker Märkte") u Deutsches Patent- und Markenamt (Uffiċċju Ġermaniż tal-Privattivi u tat-Trade marks) dwar ir-reġistrazzjoni ta' trade mark fir-rigward ta' servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut.
Il-kuntest ġuridiku
3 L-Artikolu 2 tad-Direttiva jipprovdi:
"Trade mark tista’ tikkonsisti minn xi sinjal li jista’ jiġi magħmul grafikament, b’mod partikolari bi kliem li jinkludu ismijiet personali, disinn[i], ittri, numri, l-għamla ta’ l-merkanzija jew l-imballaġġ tagħhom, basta li tali sinjali jistgħu jiddistingwu l-merkanzija jew is-servizzi ta’ impriża waħda minn dawk ta’ impriżi oħra."
4 L-Artikolu 4(1) ta' din id-Direttiva jipprovdi:
"Trade mark ma tiġix reġistrata jew, jekk reġistrata, għandha tkun suġġetta li tiġi dikjarata invalida:
a) jekk hija identika għat-trade mark preċedenti, u l-merkanzija jew is-servizzi li għalihom t-trade mark hi applikata jew reġistrata huma identiċi għall-merkanzija jew is-servizzi li għalihom t-trade mark preċedenti hi protetta;
b) jekk minħabba l-identità tagħha ma', jew xebħ mat-trade mark preċedenti u l-identità jew ix-xebħ ta’ l-merkanzija jew is-servizzi koperti mit-trade marks, teżisti l-possibilità ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku, li tinkludi l-possibilità ta’ assoċjazzjoni mat-trade mark ta’ qabel."
5 L-Artikolu 5(1) jipprovdi:
"It-trade mark reġistrata għandha tagħti l-propjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-propjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ:
a) kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li t-trade mark hi reġistrata;
b) kwalunkwe sinjal li, minħabba l-identità ma’, jew li jixbaħ it-trade mark u l-identità jew xebħ ta’ l-merkanzija jew is-servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibilità ta’ konfużjoni da parti tal-pubbliku, li tinkludi l-possibilità ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark."
6 It-tnax-il premessa tad-Direttiva tipprovdi li huwa neċessarju li d-dispożizzjonijiet ta' din ta' l-aħħar ikunu għal kollox konsistenti ma' dawk tal-Konvenzjoni għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, iffirmata f'Pariġi fl-20 ta' Marzu 1883, riveduta għall-aħħar darba fi Stockholm fl-14 ta' Lulju 1967 u emendata fit-28 ta' Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 11851, p. 305, iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni ta' Pariġi"), li torbot lill-Istati Membri kollha tal-Komunità.
7 Il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat (iktar 'il quddiem il-"Ftehim ta' Nizza"), ġie konkluż abbażi ta' l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta' Pariġi, li jirriżerva lill-pajjiżi ta' l-Unjoni d-dritt li jagħmlu separatament, bejniethom, arranġamenti speċjali għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali.
8 Fil-klassifikazzjoni stabbilita minnu (iktar 'il quddiem il-"Klassifikazzjoni ta' Nizza"), il-klassi 35, relattiva għas-servizzi, hija intitolata kif ġej:
"Reklamar,
il-ġestjoni ta' negozju,
l-amministrazzjoni ta' negozju;
funzjonijiet ta' uffiċċju."
9 In-nota spjegattiva relattiva għal din il-klassi tispeċifika:
"[...]
Din il-klassi tinkludi b'mod partikolari:
[...]
– Il-ġbir flimkien, għall-benefiċċju ta' terzi, ta' prodotti diversi (b'eċċezzjoni tat-trasport tagħhom), li jippermetti lill-konsumatur li jarahom u li jixtrihom bil-kumdità;
[...]
Din il-klassi ma tinkludix, b'mod partikolari:
– l-attività ta' impriża li l-funzjoni prinċipali tagħha hija l-bejgħ tal-merkanzija, jiġifieri ta' impriża msejħa kummerċjali;
[…]"
10 L-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Nizza jipprovdi:
"(1) Mingħajr preġudizzju għall-obbligi imposti mill-preżenti Ftehim, il-portata tal-Klassifikazzjoni hija dik li ġiet attribwita lilha minn kull pajjiż ta' l-Unjoni Speċjali. B'mod partikolari, il-Klassifikazzjoni la torbot lill-pajjiżi ta' l-Unjoni Speċjali f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-evalwazzjoni tal-portata tal-protezzjoni tat-trade mark, u lanqas f'dak li għandu x'jaqsam mar-rikonoxximent tat-trade marks fir-rigward ta' servizzi.
(2) Kull wieħed mill-pajjiżi ta' l-Unjoni Speċjali jirriżerva l-fakultà li japplika l-Klassifikazzjoni bħala sistema prinċipali jew bħala sistema sussidjarja.
(3) L-amministrazzjonijiet kompetenti tal-pajjiżi ta' l-Unjoni Speċjali għandhom jinkludu fid-dokumenti u fil-pubblikazzjonijiet uffiċjali tar-reġistrazzjonijiet tat-trade marks in-numri tal-klassijiet tal-Klassifikazzjoni li taħthom jaqgħu l-prodotti jew is-servizzi li għalihom hija reġistrata t-trademark.
[...]" [verżjoni mhux uffiċjali]
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
11 Praktiker Märkte issottomettiet lid-Deutsches Patent- und Markenamt, għall-finijiet ta' reġistrazzjoni, it-trade mark Praktiker, b'mod partikolari, għas-servizz ta' "kummerċ bl-imnut ta' oġġetti ta' kostruzzjoni, ta' do-it-yourself u ta' ġardinaġġ u oġġetti oħra tal-konsum għas-settur tad-‘do-it-yourself’".
12 Id-Deutsches Patent- und Markenamt ċaħad din l-applikazzjoni. Huwa deherlu li l-kunċett pretiż ta' "kummerċ bl-imnut" ma jirrigwardax servizzi indipendenti, li għandhom sinjifikat ekonomiku awtonomu. Huwa jirrigwarda biss id-distribuzzjoni ta' merkanzija bħala tali. L-attivitajiet ekonomiċi li jikkostitwixxu l-essenza tad-distribuzzjoni tal-merkanzija, b'mod partikolari x-xiri u l-bejgħ tagħha, mhumiex servizzi li jistgħu jkunu s-suġġett ta' reġistrazzjoni ta' trade mark. F'dan ir-rigward, il-protezzjoni ta' trade marks tista' tinkiseb biss bl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark fir-rigward tad-diversi prodotti kkummerċjalizzati.
13 Praktiker Märkte ressqet appell quddiem il-Bundespatentgericht kontra d-deċiżjoni ta' rifjut. Hija sostniet, b'mod partikolari, li l-evoluzzjoni ekonomika lejn soċjetà ta' servizzi teżiġi evalwazzjoni ġdida tal-kummerċ bl-imnut bħala servizz. Id-deċiżjoni tal-konsumatur li jixtri hija iktar u iktar influwenzata mhux biss mid-disponibbiltà u mill-prezz ta' prodott, imma wkoll minn aspetti oħra bħalma huma x-xelta u l-mod kif il-prodotti jkunu miġburin flimkien, il-mod kif ikunu ppreżentati, is-servizz ipprovdut mill-persunal, ir-reklami, id-dehra tal-ħanut u l-post fejn jinsab, eċċ. Dawn is-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut jippermettu lin-negozjanti li jbigħu bl-imnut li jiddistingwu ruħhom mill-kompetituri tagħhom. Dawn is-servizzi għandhom ikunu jistgħu jgawdu l-protezzjoni ta' trade mark fir-rigward ta' servizzi. F'dan is-sens, il-protezzjoni tat-trade marks għas-servizzi pprovduta minn negozjant li jbigħ bl-imnut issa tinsab rikonoxxuta mhux biss mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (iktar 'il quddiem l-"UASI"), imma ukoll mill-parti l-kbira ta' l-Istati Membri. Huwa meħtieġ li jkun hemm evalwazzjoni uniformi ta' din il-kwistjoni fi ħdan l-Komunità.
14 F'dan il-kuntest, il-Bundespatentgericht ddeċida li jissospendi l-proċeduri u li jressaq is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"1) Il-kummerċ bl-imnut ta' merkanzija jikkostitwixxi servizz fis-sens ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva?
F'każ ta' risposta affermattiva għal din id-domanda:
2) Sa liema punt għandu l-kontenut ta' tali servizzi pprovduti minn negozjant li jbigħ bl-imnut jiġi speċifikat sabiex ikun iggarantit li s-suġġett tal-protezzjoni tat-trade mark ikun iddeterminat, kif jeżiġu:
a) il-funzjoni tat-trade mark, definita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva, li hija li tiddistingwi l-merkanzija jew is-servizzi ta' impriża minn dawk ta' impriżi oħra;
b) il-ħtieġa li jiġi ddefinit l-ambitu ta' protezzjoni ta' tali trade mark f'każ ta' konflitt?
3) Sa liema punt hemm lok li jiġi ddefinit l-ambitu tax-xebh [l-Artikolu 4(1)(b) u l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva] bejn tali servizzi pprovduti minn negozjant li jbigħ bl-imnut u:
a) servizzi oħra pprovduti fil-kuntest tad-distribuzzjoni ta' prodotti
jew
b) il-prodotti distribwiti min-negozjant li jbigħ bl-imnut in kwistjoni?"
15 Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 2 tad-Direttiva ma jinkludix definizzjonijiet tal-kliem "merkanzija" u "servizzi" li jagħmel użu minnhom.
16 Skondha, l-essenza ta' l-attività indipendenti ta' negozjant li jbigħ bl-imnut, li permezz tagħha huwa jidħol f'kompetizzjoni diretta ma' distributuri oħra ta' merkanzija u għaliha tista' tkun neċessarja l-protezzjoni awtonoma ta' trade mark fir-rigward ta' servizzi, hija limitata għall-attivitajiet speċifiċi ta' bejgħ li jippermettu distribuzzjoni ta' merkanzija mingħajr ma jkunu limitati għat-twettiq ta' din ta' l-aħħar. Dan il-każ huwa dwar il-ġbir flimkien ta' merkanzija li ġejja minn impriżi differenti bil-għan li jiġi fformat assortiment u li dan jiġi offert minn entità ta' distribuzzjoni waħda, permezz tal-kummerċ bl-imnut tradizzjonali, tal-bejgħ bil-korrispondenza jew tal-kummerċ elettroniku. Anki jekk ma tinħariġx fattura separata għas-servizzi kkonċernati lill-klijenti individwali, dawn is-servizzi jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jiġu pprovduti bi ħlas, permezz tal-marġni tal-profitt.
17 Madankollu, fl-opinjoni tal-Bundespatentgericht, sabiex l-indikazzjoni ta' oriġini tat-trade mark tiġi ssodisfatta, is-suġġett tal-protezzjoni mogħtija għandu jkun iddeterminat b'mod ċar biżżejjed. Termini ġenerali bħal "servizzi tal-kummerċ bl-imnut" ma jissodisfawx l-eżiġenza tan-natura determinata tad-drittijiet ta' esklużività. Limitazzjonijiet relattivi biss għall-prodotti distribwiti ma jeliminawx in-natura indeterminata tal-frażi "kummerċ bl-imnut" fil-qasam ikkonċernat. Huma jħallu miftuħa l-kwistjoni dwar liema huma is-servizzi koperti apparti s-sempliċi bejgħ ta' dawn il-prodotti. Jistgħu jitqajmu oġġezzjonijiet analogi f'dak li jirrigwarda d-dettalji dwar it-tip ta' post tal-bejgħ, per eżempju, "stabbiliment kbir tal-bejgħ" jew "supermarkit".
18 Il-ħtieġa, meta jiġu rreġistrati t-trade marks, ta' limitazzjoni tal-kontenut tal-kunċett ta' "servizzi pprovduti minn negozjant li jbigħ bl-imnut" tapplika iktar u iktar għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta' "possibbiltà ta' konfużjoni" previst fl-Artikoli 4(1)(b) u 5(1)(b) tad-Direttiva. Fil-fatt, anki preċiżjoni adegwata, waqt il-proċedura ta' reġistrazzjoni, tal-kontenut tal-kunċett ta' "servizzi pprovduti minn negozjant li jbigħ bl-imnut" tkun finalment insuffiċjenti jekk it-trade mark irreġistrata fir-rigward ta' servizzi kellha tingħata ambitu ta' protezzjoni li ma jkunx jista' jiġi mistħarreġ minħabba interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta' "xebh ta' merkanzija jew servizzi".
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel żewġ domandi
19 Permezz ta' l-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom ikunu kkunsidrati flimkien, il-Bundespatentgericht jistaqsi essenzjalment jekk il-kunċett ta' "servizzi" previst fid-Direttiva, b'mod partikolari fl-Artikolu 2 tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jinkludi s-servizzi pprovduta fil-kuntest ta' kummerċ bl-imnut ta' merkanzija u, jekk hu hekk, jekk ir-reġistrazzjoni ta' trade mark fir-rigward ta' servizzi għal tali servizzi hijiex soġġetta għall-ispeċifikar ta' ċerti dettalji.
Osservazzjonijiet imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja
20 Praktiker Märkte tikkunsidra li l-kummerċ bl-imnut ta' merkanzija jikkostitwixxi servizz fis-sens tad-Direttiva. Trade mark li tipproteġih bħala servizz tkun adegwata sabiex tissodisfa l-funzjoni tat-trade mark bħala indikazzjoni ta' oriġini. Mhuwiex meħtieġ li jiġi speċifikat il-kontenut tas-servizzi pprovduti sabiex jiġi ddeterminat is-suġġett tal-protezzjoni.
21 Il-Gvern Franċiż iddikjara waqt il-proċedura orali li issa kien qed jaċċetta li ċerti servizzi speċifiċi anċillari għall-bejgħ bl-imnut, li l-kontenut tagħhom għandu jkun speċifikat, jistgħu jikkostitwixxu servizzi awtonomi mill-bejgħ u jkunu għaldaqstant intitolati li jgawdu mill-protezzjoni ta' trade mark.
22 Il-Gvern Awstrijak jidhirlu li l-qalba ċentrali tal-kummerċ bl-imnut, jiġifieri l-bejgħ ta' merkanzija, ma tikkostitwixxix servizz li jista' jkun is-suġġett, bħala tali, tal-protezzjoni ta' trade mark, kif tikkonferma, skondu, in-nota spjegattiva relattiva għall-klassi 35 tal-Klassifikazzjoni ta' Nizza. Huma biss is-servizzi li jmorru lil hinn minn din il-qalba ċentrali, u li l-kontenut tagħhom għandu jiġi speċifikat, li jistgħu jagħtu lok għar-reġistrazzjoni ta' trade mark fir-rigward ta' servizzi.
23 Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li trade mark tista' tiġi rreġistrata b'mod validu għal servizz jekk il-konsumaturi jiġu pprovduti, taħt din it-trade mark, b'servizz identifikabbli li jmur lil hinn mis-sempliċi distribuzzjoni ta' merkanzija. In-nota spjegattiva relattiva għall-klassi 35 tal-Klassifikazzjoni ta' Nizza tikkonferma li s-sempliċi distribuzzjoni ta' prodotti ma tikkostitwixxix servizz identifikabbli, imma li aspetti ta' l-attività tal-kummerċ bl-imnut relattivi għall-ġbir flimkien, għall-benefiċċju ta' terzi, ta' prodotti diversi, li jippermetti lill-konsumatur li jarahom u li jixtrihom bil-kumdità, jista' jikkostitwixxi servizz li jista' jiġi protett minn trade mark. Għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta' din ta' l-aħħar, l-aspetti ta' l-attività li tikkostitwixxi s-servizz kif ukoll is-settur jew is-setturi ta' l-attività tal-kummerċ bl-imnut koperti għandhom ikunu speċifikament iddikjarati sabiex tiġi assigurata ċ-ċertezza tas-suġġett tal-protezzjoni.
24 Il-Kummissjoni ssostni li l-kummerċ bl-imnut ta' merkanzija jikkostitwixxi servizz fis-sens tad-Direttiva meta jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 50 KE. Il-protezzjoni ta' trade mark fir-rigward ta' servizzi tista' tapplika għall-attivitajiet kollha li mhumiex purament attivitajiet ta' bejgħ. Mhuwiex possibbli li jiġu elenkati b'mod eżawrjenti s-servizzi kollha in kwistjoni. Dawn ta' l-aħħar jistgħu jinkludu l-arranġament tal-prodotti, il-post, il-faċilità ġenerali proposta, ta' l-attitudni u ta' l-impenn tal-persunal, u l-attenzjoni mogħtija lill-konsumaturi.
25 Il-kwistjoni tal-preċiżjoni tal-kontenut ta' servizzi tqum, skond il-Kummissjoni, minn perspettiva ġuridika formali, għar-rigward tar-reġistrazzjoni tat-trade mark. Dik il-kwistjoni hija ta' kompetenza ta' l-Istati Membri, kif jirriżulta mill-ħames premessa tad-Direttiva, li tgħid li huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet ta' proċedura dwar ir-reġistrazzjoni, jiġifieri, per eżempju, il-forma tal-proċedura tar-reġistrazzjoni. F'dan ir-rigward, hija biss il-klassi 35 tal-Klassifikazzjoni ta' Nizza li tista' tkun kontemplata għar-reġistrazzjoni ta' trade mark għall-kummerċ bl-imnut. Min-naħa tiegħu, il-Ftehim ta' Nizza ma jimponix kundizzjonijiet dwar id-deskrizzjoni tas-servizz.
Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
26 Mill-ewwel premessa tad-Direttiva jirriżulta li l-iskop ta' din ta' l-aħħar huwa li jiġu approssimati l-liġijiet ta' l-Istati Membri sabiex jiġu rrimedjati disparitajiet li jistgħu jfixklu l-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u jistgħu jgħawwġu l-kompetizzjoni fis-suq komuni.
27 Skond l-ewwel Artikolu tagħha, id-Direttiva tapplika għat-"trade marks fir-rigward ta' merkanzija" u għat-"trade marks fir-rigward ta' servizzi".
28 Hija ma tikkontjenix definizzjoni tal-kelma "servizzi", li l-Artikolu 50 KE jiddeskrivi bħala li huma "servizzi normalement mogħtija bi ħlas".
29 Hija lanqas ma tispeċifika l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta r-reġistrazzjoni ta' trade mark għal servizz, fejn tali reġistrazzjoni hija prevista mil-legiżlazzjoni nazzjonali.
30 F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-ħames premessa tad-Direttiva tipprovdi li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiffissaw id-dispożizzjonijiet ta' proċedura dwar ir-reġistrazzjoni tat-trade marks, per eżempju sabiex jiddeterminaw il-forma tal-proċeduri ta' reġistrazzjoni. Is-seba' premessa tenfasizza madankollu li t-twettiq ta' l-għanijiet li l-approssimazzjoni ta' liġijiet tfittex li tilħaq jirrikjedi li l-kundizzjonijiet għall-kisba ta' trade mark irreġistrata jkunu ġeneralment identiċi fl-Istati Membri kollha.
31 Issa d-determinazzjoni tan-natura u tal-kontenut tas-servizz li jista' jkun protett minn trade mark irreġistrata ma taqax taħt id-dispożizzjonijiet relattivi għall-proċeduri ta' reġistrazzjoni, iżda taħt il-kundizzjonijiet sostantivi għall-kisba tad-dritt konferit mit-trade mark.
32 Li kieku l-kunċett ta' "servizzi" kien ta' kompetenza ta' l-Istati Membri, jista' jiġri li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-trade marks fir-rigward ta' servizzi jvarjaw skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata. L-għan li l-kisba tad-dritt fuq it-trade mark tkun suġġetta għal "kundizzjonijiet [...] identiċi" fl-Istati Membri kollha ma jintlaħaqx.
33 Għaldaqstant hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti, fl-ordni ġuridiku Komunitarju, interpretazzjoni uniformi tal-kunċett ta' "servizzi" fis-sens tad-Direttiva (ara, b'analoġija, is-sentenza ta' l-20 ta' Novembru 2001, Zino Davidoff u Levi Strauss, C-414/99 sa C-416/99, Ġabra p. I-8691, punti 42 u 43).
34 F'dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat li l-għan tal-kummerċ bl-imnut huwa l-bejgħ ta' merkanzija lill-konsumaturi. Dan il-kummerċ jinkludi, barra l-att ġuridiku tal-bejgħ, kull attività magħmula min-negozjant bl-iskop li jinkoraġġixxi l-konklużjoni ta' tali att. Din l-attività tikkonsisti, b'mod partikolari, fl-għażla ta' taħlita ta' merkanzija mqiegħda għall-bejgħ u fl-offerta ta' diversi servizzi intiżi sabiex iwasslu lill-konsumatur sabiex jikkonkludi l-imsemmija att man-negozjant in kwistjoni iktar milli ma' kompetitur.
35 L-ebda raġuni predominanti bbażata fuq id-Direttiva jew fuq prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju ma tipprekludi lil dawn is-servizzi milli jkunu koperti mill-kunċett ta' "servizzi" fis-sens tad-Direttiva u, konsegwentement, lin-neguzjant milli jkollu d-dritt li jikseb, permezz tar-reġistrazzjoni tat-trade mark tiegħu, il-protezzjoni ta' din ta' l-aħħar bħala indikazzjoni ta' l-oriġini tas-servizzi pprovduti minnu.
36 Din il-kunsiderazzjoni hija mfissra fin-nota spjegattiva relattiva għall-klassi 35 tal-Klassifikazzjoni ta' Nizza, li skondha din il-klassi tinkludi "il-ġbir flimkien, għall-benefiċċju ta' terzi, ta' prodotti diversi […], li jippermetti lill-konsumatur li jarahom u li jixtrihom bil-kumdità" ("the bringing together, for the benefit of others, of a variety of goods […] enabling customers to conveniently view and purchase those goods" fil-verżjoni Ingliża tan-nota).
37 F'dak li jirrigwarda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), għandu jiġi osservat li l-UASI issa taċċetta li s-servizzi pprovduti mill-impriżi tal-kummerċ bl-imnut huma, bħala tali, eliġibbli li jkunu rreġistrati bħala trade marks Komunitarji u li jaqgħu taħt il-klassi 35 tal-Klassifikazzjoni ta' Nizza (ara Komunikazzjoni Nru 3/01 tal-President ta' l-UASI, tat-12 ta' Marzu 2001, dwar ir-reġistrazzjoni tat-trade marks Komunitarji għas-servizzi tal-kummerċ bl-imnut).
38 Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, il-partijiet ikkonċernati kollha li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja aċċettaw li almenu ċerti servizzi pprovduti fl-ambitu tal-kummerċ bl-imnut jistgħu jikkostitwixxu servizzi fis-sens tad-Direttiva, u li, min-naħa l-oħra, skond l-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, din l-analiżi hija l-bażi ta' prassi li llum hija mifruxa ampjament fl-Istati Membri.
39 Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-kunċett ta' "servizzi" fis-sens tad-Direttiva jinkludi s-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut ta' merkanzija.
40 Tqum il-kwistjoni jekk, fil-każ partikolari tal-kummerċ bl-imnut, il-kunċett ta' "servizzi" fis-sens tad-Direttiva għandux bżonn jiġi speċifikat iktar.
41 F'dan ir-rigward, fl-osservazzjonijiet imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja, ġie sostnut li s-servizzi eliġibbli għal protezzjoni bħala servizzi tal-kummerċ bl-imnut għandhom jiġu identifikati b'mod li jiġu distinti mis-servizzi li, billi huma konnessi mill-qrib mal-bejgħ tal-merkanzija, ma jistgħux jagħtu lok għar-reġistrazzjoni ta' trade mark. Barra minn hekk, ġie enfażizzat li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark għandha tispeċifika fid-dettall is-servizz jew servizzi li għalihom l-applikant qed jitlob protezzjoni.
42 Ġie affermat li tali dettalji huma neċessarji, b'mod partikolari, sabiex tiġi ggarantita l-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri l-garanzija ta' l-identità ta' oriġini tal-merkanzija jew tas-servizzi koperti mit-trade mark, u sabiex jiġi evitat li t-trade marks fir-rigward tas-servizzi tal-kummerċ bl-imnut jingħataw protezzjoni wiesgħa wisq u indeterminata.
43 Id-diffikultà tal-kwistjonijiet hekk imqajma tidher mid-diversi risposti proposti mill-persuni kkonċernati li ssottomettew osservazzjonijiet kif ukoll mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja f'dak li jirrigwarda l-prassi attwali ta' l-Istati Membri.
44 Għar-raġunijiet li jissemmew iktar 'il quddiem, ma hemmx bżonn li wieħed jibbaża ruħu fuq kunċett ta' "servizzi tal-kummerċ bl-imnut" fis-sens tad-Direttiva li huwa iktar restrittiv minn dak li joħroġ mid-deskrizzjoni li tinsab fil-paragrafu 34 ta' din is-sentenza.
45 L-ewwelnett għandu jiġi kkonstatat li distinzjoni bejn il-diversi kategoriji ta' servizzi pprovduti mal-bejgħ ta' merkanzija, li tippresupponi definizzjoni iktar restrittiva tal-kunċett ta' "servizzi tal-kummerċ bl-imnut", tkun artifiċjali fid-dawl tar-realtà tas-settur ekonomiku importanti li jirrappreżenta dan il-kummerċ. Tali distinzjoni inevitabilment tqajjem diffikultajiet kemm fir-rigward tad-definizzjoni ġenerali tal-kriterji li għandhom jiġu adottati kif ukoll fir-rigward ta' l-applikazzjoni, fil-prattika, ta' dawn il-kriterji.
46 Ċertament, għandu jiġi ammess li definizzjoni iktar restrittiva tal-kunċett ta' "servizzi tal-kummerċ bl-imnut" tnaqqas mill-protezzjoni mogħtija lill-proprjetarju tat-trade mark u, konsegwentement, tnaqqas in-numru ta' każijiet li fihom iqumu kwistjonijiet dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 4(1) u 5(1) tad-Direttiva.
47 Madankollu, din il-kunsiderazzjoni mhijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika interpretazzjoni restrittiva.
48 Fil-fatt, xejn ma jindika li l-problemi li jistgħu jirriżultaw mir-reġistrazzjoni ta' trade marks għal servizzi ta' kummerċ bl-imnut ma jistgħux jiġu riżolti abbażi taż-żewġ dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-possibbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti għaċ-ċirkustanzi tal-każ (ara s-sentenzi tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 22, u tad-29 ta' Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 16). Fil-kuntest ta' din l-evalwazzjoni globali, huwa possibbli li jittieħdu in kunsiderazzjoni, skond il-bżonn, il-karatteristiċi partikolari tal-kunċett ta' "servizzi tal-kummerċ bl-imnut" li huma marbuta mal-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, filwaqt li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha kkonċernati.
49 F'dawn iċ-ċirkustanzi, għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta' trade mark li tkopri servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut, mhuwiex meħtieġ li jiġu speċifikati fid-dettall is-servizz jew servizzi li għalihom tintalab din ir-reġistrazzjoni. Għall-identifikazzjoni ta' dawn is-servizzi, huwa biżżejjed li jintuża kliem ġenerali bħal "ġbir flimkien ta' prodotti diversi, li jippermetti lill-konsumatur li jarahom u li jixtrihom bil-kumdità".
50 Mill-banda l-oħra, l-applikant għandu jiġi mitlub jispeċifika l-merkanzija jew it-tipi ta' merkanzija li għalihom jirreferu dawn is-servizzi permezz ta', per eżempju, dettalji bħal dawk li jinsabu fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ippreżentata fil-kawża prinċipali (ara punt 11 ta' din is-sentenza).
51 Dawn id-dettalji jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 4(1) u 5(1) tad-Direttiva mingħajr ma jillimitaw b'mod konsiderevoli l-protezzjoni mogħtija lit-trade mark. Huma jiffaċilitaw ukoll l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva li jipprovdi li "[t]rade mark għandha tkun suġġetta għar-revokazzjoni jekk, f’perijodu kontinwu ta’ ħames snin, ma tkunx ġiet użata ġenwinament fl-Istat Membru in konnessjoni ma[s-]servizzi li għalihom hi reġistrata, u ma hemmx raġunijiet validi għan-nuqqas ta’ użu".
52 Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi preliminari għandha tkun li l-kunċett ta' "servizzi" previst fid-Direttiva, b'mod partikolari fl-Artikolu 2 tagħha, jinkludi s-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut ta' merkanzija.
Għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta' trade mark għal tali servizzi, mhuwiex meħtieġ li jiġu speċifikati fid-dettall is-servizz jew is-servizzi in kwistjoni. Mill-banda l-oħra, huwa meħtieġ li jiġu pprovduti dettalji fir-rigward tal-merkanzija jew tat-tipi ta' merkanzija li għalihom jirreferu dawn is-servizzi.
Fuq it-tielet domanda
53 Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk il-kunċett ta' "xebh" previst fl-Artikoli 4(1)(b) u 5(1)(b) tad-Direttiva, li jista' iwassal, jekk ikun il-każ, għal possibbiltà ta' konfużjoni fis-sens ta' dawn id-dispożizzjonijiet, għandux jiġi interpretat skond kriterji restrittivi speċifiċi fir-rigward ta' trade marks fir-rigward ta' servizzi li jipproteġu servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut ta' merkanzija.
54 Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Praktiker għal servizzi tal-kummerċ bl-imnut ġiet miċħuda għar-raġuni li l-kunċett pretiż ta' "kummerċ bl-imnut" ma kienx jindika servizzi eliġibbli għar-reġistrazzjoni ta' trade mark.
55 It-talba għal deċiżjoni preliminari ma tikkontjeni l-ebda element li jindika li l-qorti tar-rinviju jista' jkollha għalfejn tiddeċiedi fuq il-kunċett ta' "xebh" previst fl-Artikoli 4(1)(b) u 5(1)(b) tad-Direttiva, f'konnessjoni ma' possibbiltà ta' konfużjoni fis-sens ta' dawn id-dispożizzjonijiet.
56 Għaldaqstant, għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet huma rilevanti għall-finijiet tar-risposta għall-ewwel żewġ domandi, mhumiex rilevanti fl-ambitu tat-tielet domanda.
57 Għaldaqstant, il-Qorti mhijiex kompetenti sabiex tirrispondi domandi preliminari meta jkun jidher b'mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju m'għandha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta' natura ipotetika, jew meta il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta' fatt u ta' dritt meħtieġa sabiex tirrispondi b'mod utli d-domandi magħmula lilha (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta' Ottubru 2003, Traunfellner, C-421/01, Ġabra p. I-11941, punt 37).
58 F'dawn iċ-ċirkostanzi, it-tielet domanda preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala ipotetika fir-rigward tal-kawża prinċipali, u, konsegwentement, għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.
Fuq l-ispejjeż
59 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
1) Il-kunċett ta' "servizzi" previst fl-Ewwel Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta' Diċembru, 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-trade marks, b'mod partikolari fl-Artikolu 2 tagħha, jinkludi s-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut ta' merkanzija.
2) Għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta' trade mark għal tali servizzi, mhuwiex meħtieġ li jiġu speċifikati fid-dettall is-servizz jew is-servizzi in kwistjoni. Mill-banda l-oħra, huwa meħtieġ li jiġu pprovduti dettalji fir-rigward tal-merkanzija jew tat-tipi ta' merkanzija li għalihom jirreferu dawn is-servizzi.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Top