SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
15 ta' Novembru 2005 (*)
"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Riżorsi proprji tal-Komunitajiet – Dazji doganali legalment dovuti li ma jkunux ġew irkuprati minħabba żball min-naħa ta' l-awtoritajiet doganali nazzjonali – Responsabbiltà finanzjarja ta' l-Istati Membri"
Fil-kawża C-392/02,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fis-7 ta' Novembru 2002,
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn H.-P. Hartvig u G. Wilms, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn J. Molde, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenut
sostnut:
mir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn A. Snoecx, bħala aġent,
mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn W.-D. Plessing, bħala aġent, assistit minn D. Sellner u U. Karpenstein, Rechtsanwälte,
mir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. de Bellis, avvocato dello Stato, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
mir-Renju ta' l-Olanda, irrappreżentat minn H. G. Sevenster u J. van Bakel, bħala aġenti,
mir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Fernandes, Â. Seiça Neves u J. A. dos Anjos, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
mir-Renju ta' l-Iżvezja, irrappreżentat minn A. Kruse, K. Wistrand u A. Falk, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
partijiet intervenjenti
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C.W.A. Timmermans, A. Rosas u J. Makarczyk, Presidenti ta' l-Awla, C. Gulmann, A. La Pergola, J.-P. Puissochet, S. von Bahr (Relatur), P. Kūris, U. Lõhmus, E. Levits u A. Ó Caoimh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,
Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta' Jannar 2005,
wara li semgħet il-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-10 ta' Marzu 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li peress illi l-awtoritajiet Daniżi ma qegħdux għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammont ta' DKK 140 409.60 bħala riżorsi proprji u l-interessi għad-dewmien korrispondenti kkalkulati mill-20 ta' Diċembru 1999, ir-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond id-dritt Komunitarju u, b'mod partikolari, kiser l-Artikolu 10 KE u l-Artikoli 2 u 8 tad-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom tal-Kunsill tal-31 ta' Ottubru 1994, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 1994 L 293, p. 9)
Il-kuntest ġuridiku
2 Jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 94/728, li ssostitwixxiet id-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom tal-Kunsill, ta' l-24 ta' Ġunju 1988, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom [proprji] tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 185, p. 24) li, jikkostitwixxu riżorsi proprji mdaħħla fil-baġit tal-Komunitajiet, b'mod partikolari:
– ir-riżorsi msejħa "tradizzjonali" [Artikolu 2(1)(a) u (b)], ġejjin minn:
– imposti, primjums, ammonti addizzjonali jew kumpensatorji, ammonti jew fatturi addizzjonali u dazji oħra stabbiliti jew li għandhom jiġu stabbiliti mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet fir-rigward tal-kummerċ ma' pajjiżi li mhumiex Membri fi ħdan il-politika agrikola komuni;
– dazji tat-Tariffa Doganali Komuni u dazji oħra stabbiliti jew li għandhom jiġu stabbiliti mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet fir-rigward tal-kummerċ mal-pajjiżi li mhumiex Membri;
– ir-riżors imsejjaħ "VAT" [Artikolu2(1)(c)], li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' rata uniformi valida għall-Istati Membri kollha għall-bażi ta' stima tal-VAT;
– ir-riżors imsejjaħ "GNP" jew "addizzjonali" [Artikolu 2(1)(d)], li jirriużlta mill-applikazzjoni ta' rata - li għandha tiġi stabbilita skond il-proċedura tal-baġit fid-dawl tat-total tad-dħul l-ieħor kollu –għas-somma tal-GNP ta' l-Istati Membri kollha (prodott gross nazzjonli) ta' l-Istati Membri kollha.
3 Skond l-Artikolu 2(3), "l-Istati Membri għandhom iżommu, bħala spejjeż ta' ġbir, 10% ta' l-ammonti li għandhom jitħallsu skond il-paragrafu (1)(a) u (b)". Skond l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom tal-Kunsill, tad-29 ta' Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi [proprji] tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 253, p. 42), dan il-persentaġġ żdied għal 25% għall-ammonti stabbiliti wara l-31 ta' Diċembru 2000.
4 L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 94/728 jiddisponi li:
1. "Ir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) għandhom jinġabru mill-Istati Membri skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali imposti b'liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva, li għandhom, fejn xieraq, jiġu emendati biex jissodisfaw il-kundizzjonijiet tar-regoli tal-Komunità Il-Kummissjoni għandha, teżamina f'intervalli regolari d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkomunikati lilha mill-Istati Membri, tittrasmetti lill-Istati Membri l-emendi li tikkunsidra li huma meħtieġa biex tassigura li huma jikkonformaw mar-regoli tal-Komunità u tirrapporta lill-awtorità tal-baġit. L-Istati Membri għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-riżorsi pprovduti fl-Artikolu 2(1)(a) sa (d) .
". 2. […] il-Kunsill għandu, waqt li jaġixxi unanimament fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, jadotta d-dispożizzjonijiet meħtieġa biex tiġi applikata din id-Deċiżjoni u sabiex ikun possibbli li jitwettaq il-kontroll ta' l-irkupru, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u l-ħlas tad-dħul imsemmi fl-Artikoli 2 u 5. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
5 Fiż-żmien meta seħħew il-fatti li taw lok għal din il-kawża, id-dispożizzjonijiet li għalihom issir referenza fl-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 94/728 kienu jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1552/89, tad-29 ta' Mejju 1989, li jimplimenta d-Deċiżjoni 88/376 (ĠU L155, p.1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 1355/96, tat-8 ta' Lulju 1996 (ĠU L 175, p. 3), iktar 'il quddiem, "ir-Regolament Nru 1552/89"), li daħal fis-seħħ fl-14 ta' Lulju 1996.
6 It-tieni premessa tar-Regolament Nru 1552/89 tistipula li "l-Komunità għandu jkollha r-riżorsi proprji li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom disponibbli fl-aħjar kundizzjonijiet possibli u għalhekk arranġamenti għandhom jiġu stipulati għall-Istati sabiex jipprovdu lill-Kummissjoni bir-riżorsi proprji allokati lill-Komunitajiet". [traduzzjoni mhux uffiċjali]
7 Skond l-Artikolu 2(1) u (1a) ta' l-imsemmi Regolament:
"1. Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, dritt tal-Komunità għar-riżorsi proprji msemmija fl-Artikolu 2 (1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom għandu jkun stabbilit malli l-kundizzjonijiet stipulati fir-regolamenti doganali fir-rigward tad-dħul ta' l-ammont tad-dazju fil-kontijiet u l-komunikazzjoni ta' dan lid-debitur jkunu twettqu.
1a. Id-data li għandha titqies għall-konstatazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun id-data tad-dħul fil-kontijiet prevista mir-regolamenti doganali. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
[…]"
8 L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 9(1) ta' l-istess Regolament jipprovdi li "skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 10, kull Stat Membru għandu jikkredita ir-riżorsi proprji fil-kont miftuħ f'isem il-Kummissjoni mat-Teżor tiegħu jew mal-korp li jkun ħatar ". [traduzzjoni mhux uffiċjali]
9 Skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1552/89:
"Kull dewmien biex isir id-dħul fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) għandu jagħti lok għall-ħlas ta' imgħax, mill-Istat Membru kkonċernat, bir-rati ta’ imgħax applikabbli fis-suq monetarju ta’ dak l-Istat fid-data meta kellu jsir għal operazzjonijiet ta’ finanzjament pubbliku għal żmien qasir, miżjud b’żewġ punti perċentwali. Din ir-rata għandha tiżdied bi 0,25 ta’ punt perċentwali għal kull xahar ta’ dewmien. Ir-rata kif miżjuda għandha tiġi applikata għall-perijodu kollu tad-dewmien". [traduzzjoni mhux uffiċjali]
10 Skond l-Artikolu 17(1) u (2) ta' l-imsemmi Regolament:
"1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ammonti li jikkorrispondu għad-drittijiet stabbiliti skond l-Artikolu 2 jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni kif speċifikat f’dan ir-Regolament.
2. L-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa mill-obbligu li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għad-drittijiet stabbiliti biss jekk, għal raġunijiet ta’ forza maġġuri, dawn l-ammonti ma setgħux jiġu rkuprati. Minbarra dan, l-Istati Membri jistgħu jinjoraw dan l-obligu li jqiegħdu dawn l-ammonti għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni f’każijiet speċifiċi jekk, wara studju komplet taċ-ċirkustanzi relevanti kollha tal-każ individwali, ikun jidher li l-irkupru jkun impossibli għal żmien fit-tul minħabba raġunijiet li ma jkunux jistgħu jiġu attribwiti lilhom. […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]
11 L-Artikolu 201(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf [jistabbilixxi] Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1, iktar 'il quddiem "il-Kodiċi Dogananli"), jiddisponi, għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar meta jiġi inkors dejn doganali, li:
"1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz ta’:
a) il-ħelsien għal ċirkolazzjoni libera ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, jew
b) it-tqegħid ta’ dawk il-merkanziji taħt proċedura ta’ importazzjoni temporanja b'[eżenzjoni] parzjali mid-dazji fuq l-importazzjoni.
2. Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-ħin ta' l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali kkonċernata."
12 Skond l-Artikolu 204(1) u (2) tal-Kodiċi Doganali:
"1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz ta’:
a) in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ wieħed mill-obbligi li jinqalgħu, fir-rigward ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, mill-ħażna temporanja tagħhom jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha jkunu tqiegħdu,
jew
b) in-nuqqas ta’ konformità ma’ kundizzjoni li tirregola t-tqegħid tal-merkanziji taħt dik il-proċedura jew l-għoti ta’ rata mnaqqsa jew mingħajr iż-żjieda tad-dazju fuq l-importazzjoni [minħabba] l-użu finali tal-merkanziji,
f’każijiet oħra barra dawk li ssir riferenza għalihom fl-Artikolu 203, ħlief meta jiġi stabbilit li dawk in-nuqqasijiet m’għandhom ebda effett sinifikanti fuq l-operazzjoni korretta tal-ħażna temporanja jew [tal-]proċedura doganali kkonċernata.
2. Id-dejn doganali għandu jiġi inkors jew fil-mument meta l-obbligazzjoni li n-nuqqas ta’ l-esekuzzjoni tagħha tagħti lok għad-dejn doganali ma tiġix sodisfatta jew fil-mument meta l-merkanziji jitqiegħdu taħt il-proċedura doganali involuta fejn jiġi stabbilit sussegwentement li kundizzjoni li tirregola t-tqegħid tal-merkanziji taħt l-imsemmija proċedura jew l-għoti ta’ rata mnaqqsa jew mingħajr iż-żjieda tad-dazju fuq l-importazzjoni [minħabba] l-użu finali tal-merkanziji ma ġietx fil-fatt sodisfatta."
13 Għal dak li jikkonċerna d-dħul fil-kontijiet u l-komunikazzjoni ta' l-ammont tad-dazju lid-debitur, l-Artikolu 217 ta' l-imsemmi Kodiċi jistipula li:
"1. Kull ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew dazju fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali, minn hawn ‘l isfel imsejjaħ ‘ammont ta’ dazju’, għandu jiġi kkalkulat mill-awtoritajiet doganali malli jkollhom id-dettalji neċessarji, u għandu jiddaħħal minn dawk l-awtoritajiet fil-kotba tal-kontijiet jew [f']kull mezz ieħor ekwivalenti (dħul fil-kontijiet).
[…]
L-awtoritajiet doganali jistgħu [ma jdaħħlux fil-kontijiet] ammonti ta’ dazju li, taħt l-Artikolu 221 (3), ma [jistgħux] jiġu kkomunikati lid-debitur wara l-għeluq taż-żmien permess.
2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-proċeduri prattiċi għad-dħul fil-kotba tal-kontijiet ta’ l-ammonti tad-dazju. Dawk il-proċeduri jistgħu jvarjaw skond jekk, minħabba ċ-ċirkostanzi li fihom ikun ġie inkors id-dejn doganali, l-awtoritajiet doganali jkunu sodisfatti li l-imsemmija ammonti jkunu ser jitħallsu".
14 Skond l-Artikolu 218 ta' l-istess Kodiċi:
"1. Fejn dejn doganali jiġi inkors bħala riżultat ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-merkanziji għal proċedura doganali oħra barra importazzjoni temporanja [b'eżenzjoni] parzjali mid-dazji fuq l-importazzjoni jew kull att ieħor li jkollu l-istess effett legali bħal dik l-aċċettazzjoni, l-ammont li jikkorrispondi għal dak id-dejn doganali għandu jiddaħħal fil-kotba tal-kontijiet malli jkun ġie kalkulat u, l-aktar tard, fit-tieni jum wara dak li fih il-merkanziji jkunu nħelsu.
[…]
3. Fejn dejn doganali jiġi inkors taħt kundizzjonijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1, l-ammont ta’ dazju relevanti għandu jiddaħħal fil-kotba tal-kontijiet fi żmien jumejn mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali jkunu f’pożizzjoni li:
a) jikkalkulaw l-ammont ta’ dazju kkonċernat,
u
b) jistabilixxu d-debitur".
15 L-Artikolu 220 tal-Kodiċi Doganali jiddisponi li:
"1. Fejn l-ammont ta’ dazju li jirrizulta minn dejn doganali ma jkunx ddaħħal fil-kontijiet skond l-Artikoli 218 u 219 jew iddaħħal fil-kontijiet f’livell anqas mill-ammont legalment dovut, l-ammont ta’ dazju li għandu jiġi rkuprat jew li jibqa’ biex jiġi rkuprat għandu jiddaħħal fil-kontijiet fi żmien jumejn mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali jsiru jafu bis-sitwazzjoni u jkunu f’pożizzjoni li jikkalkulaw l-ammont legalment dovut u jistabbilixxu d-debitur (daħla sussegwenti fil-kontijiet). Dak it-terminu ta’ żmien jista’ jiġi estiż skond l-Artikolu 219.
2. […] daħliet sussegwenti fil-kontijiet m’għandhomx isiru fejn:
[…]
b) l-ammont ta’ dazju legalment dovut ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet bħala riżultat ta’ żball min-naħa ta’ l-awtoritajiet doganali li ma setgħetx raġonevolment tinduna bih il-persuna responsabbli għall-ħlas, waqt li din ta’ l-aħħar tkun aġixxiet bil-bona fidi u ħarset id-disposizzjonijiet kollha stipulati mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-rigward tad-dikjarazzjoni doganali;
[…]"
16 L-Artikolu 221 ta' l-imsemmi Kodiċi jiddisponi li:
"1. Malli jkun iddaħħal fil-kontijiet, l-ammont ta’ dazju għandu jiġi kkomunikat lid-debitur skond il-proċeduri li jkunu xierqa.
[…]
3. Komunikazzjoni lid-debitur m’għandhiex issir wara l-għeluq ta’ perjodu ta’ tliet snin mid-data li fiha d-dejn doganali jkun ġie inkors. Iżda, fejn ikun bħala riżultat ta’ att li jista’ jagħti lok għal proċeduri [quddiem il]-qorti kriminali, li l-awtoritajiet doganali ma setgħux jistabbilixxu l-ammont eżatt legalment dovut, komunikazzjoni bħal dik tista’, sakemm id-disposizzjonijiet fis-seħħ hekk jippermettu, issir wara l-għeluq ta’ dak il-perjodu ta’ tliet snin".
17 L-Artikolu 869 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta' Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 Komunitarju (ĠU L 253, p. 1) jiddisponi li:
"L-awtoritajiet doganali għandhom huma stess jiddeċiedu li ma jagħtux kas a posteriori [jdaħħlux sussegwentement fil-kontijiet] dazji li ma jkunux inġabru:
[…]
b) f’każijiet li jikkunsidraw li fihom il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi jkunu sodisfatti, sakemm l-ammont mhux miġbur mill-operatur ikkonċernat f’dak li għandu x’jaqsam ma' operazzjoni waħda jew aktar ta' importazzjoni jew ta' esportazzjoni imma b’konsegwenza ta’ żball wieħed, ikun anqas minn 2 000 [EUR];
[…]"
18 Permezz tal-punt 5 ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1677/98, tad-29 ta' Lulju 1998, li jemenda r-Regolament Nru 2454/93 (ĠU L 212, p. 18), il-kliem "2 000 [EUR]" li jinsab fl-imsemmi Artikolu 869(b), ġie sostitwit bil-kliem "50 000 [EUR]".
19 L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 871 tar-Regolament Nru 2454/93 jiddisponi li:
"F’każijiet apparti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 869, meta l-awtoritajiet doganali jew jikkunsidraw li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi jkunu mwettqa jew ikollhom dubju dwar il-kamp ta' l-applikazzjoni preċiża tal-kriterji ta’ dik id-disposizzjoni f’dak li għandu x’jaqsam ma' każ partikolari, dawk l-awtoritajiet għandhom jissottomettu l-każ lill-Kummissjoni, sabiex deċiżjoni tkun tista' tittieħed bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 872 sa 876 […]".
20 Skond l-ewwel paragrafuta' l-Artikolu 873 ta' dan l-istess Regolament:
"Wara li [t]ikkonsulta ma' grupp ta’ esperti li jkun kompost minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri kollha, li jiltaqgħu fi [ħdan] il-Kumitat biex jikkunsidraw dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk iċ-ċirkostanzi li jkunu qegħdin jiġu kkunsidrati jkunu jew ma jkunux tali li d-dazji f’dak il-każ ma jkunx hemm bżonn li jiddaħlu fil-kontijiet a posteriori [sussegwentement] […]".
Il-fatti li wasslu għall-kawża
21 Impriża Daniża (iktar 'il quddiem "l-impriża importatriċi") importat miċ-Ċina għad-Danimarka piżelli mange-tout iffriżati. Sa l-aħħar tas-sena 1995, din il-merkanzija kienet tinbiegħ, qabel l-iżdoganar tagħha, lil grossista Daniż li kien jieħu ħsieb id-dikjarazzjoni doganali. Dan il-grossista kellu permess għall-użu finali li kien jippermettilu jibbenefika minn rata mingħajr iż-żieda tad-dazju fuq l-importazzjoni minħabba l-użu finali partikolari ta' din il-merkanzija.
22 Mill-1 ta' Jannar 1996, l-impriża importatriċi bdiet tieħu ħsieb tal-proċeduri għall-iżdoganar hija stess. L-awtoritajiet doganali ta' Ballerup (id-Danimarka) aċċettaw id-dikjarazzjonijiet doganali ta' din l-impriża mingħajr ma vverifikaw jekk din ta' l-aħħar kellhiex permess għall-użu finali tal-merkanzija in kwistjoni u baqgħu japplikaw rata mingħajr iż-żieda tad-dazju fuq l-importazzjoni.
23 Fit-12 ta' Mejju 1997, l-awtoritajiet doganali ta' Vejle (id-Danimarka) sabu li l-impriża importatriċi ma kellhiex l-imsemmi permess u rrettifikaw żewġ dikjarazzjonijiet doganali billi applikaw rata ta' 16.8%. Dakinhar stess, l-impriża importatriċi appellat lill-awtoritajiet doganali ta' Ballerup li kkoreġew l-imsemmija rettifiki u reġgħu applikaw ir-rata mingħajr iż-żieda tad-dazju mingħajr ma talbu l-preżentazzjoni tal-permess għall-użu finali tal-merkanzija.
24 Waqt kontroll sussegwenti tal-ħamsa u għoxrin dikjarazzjoni ppreżentanti bejn id-9 ta' Frar 1996 u l-24 ta' Ottubru 1997, l-awtoritajiet doganali kompetenti sabu li l-impriża importatriċi ma kellhiex il-permess meħtieġ sabiex tibbenefika mill-iskema ta' l-użu finali. Huma ordnaw lil din l-impriża tħallas l-ammont ta' DKK 509 707.30 (bejn wieħed u ieħor 69 000 EUR), bħala dazji fuq l-importazzjoni li ma kinux inġabru.
25 L-awtoritajiet doganali Daniżi, wara li kkonstataw li l-korrezzjoni tar-rettifiki li saru fit-12 ta' Mejju 1997 setgħet tagħti lok għall-aspettativa leġittima min-naħa ta' l-impriża li l-proċedura doganali li kienet ġiet segwita kienet korretta, talbu lill-Kummissjoni jekk, skond l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, kienx iġġustifikat li d-dazji fuq l-importazzjoni mitluba mill-impriża għad-dikjarazzjonijiet magħmula wara dik id-data, għal ammont ta' DKK 140 409.60 (bejn wieħed u ieħor 19 000 EUR), sussegwentement ma jiddaħlux fil-kontijiet. Permezz ta' deċiżjoni tad-19 ta' Lulju 1999, il-Kummissjoni wieġbet fl-affermattiv.
26 Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat b'mod partikolari li l-korrezzjoni, mill-awtoritajiet doganali ta' Ballerup fit-12 ta' Mejju 1997, tar-rettifki li kienu saru mill-awtoritajiet doganali ta' Vejle kellha tiġi meqjusa bħala żball ta' l-awtoritajiet Daniżi kompetenti li l-persuna kkonċernata ma setgħetx raġonevolment tinduna bih.
27 Permezz ta' ittra tal-21 ta' Ottubru 1999, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Daniżi biex iqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha l-ammont ta' DKK 140 409.60 ta' riżorsi proprji qabel l-ewwel ġurnata tax-xogħol wara d-19 tat-tieni xahar ta' wara d-data meta ntbagħtet l-imsemmija ittra, jiġifieri fl-20 ta' Diċembru 1999, fin-nuqqas ta' liema jiġu applikati l-interessi għad-dewmien imsemmija fil-leġiżlazzjoni Komunitarja fis-seħħ. Permezz ta' ittra tal-15 ta' Diċembru 1999, il-Gvern Daniż irrifjuta li jqiegħed tali somma għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.
28 Għalhekk, il-Kummissjoni tat bidu għall-proċedimenti għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu previsti fl-Artikolu 226 KE. Wara li tat lir-Renju tad-Danimarka l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu, fis-6 ta' April 2001, hija ħarġet opinjoni motivata, fejn stiednet lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji biex jikkonforma ruħu ma' din l-opinjoni fi żmien xahrejn min-notifika tagħha.
29 Peress illi l-Kummissjoni ma kinitx sodisfatta bit-tweġiba għall-opinjoni motivata tagħha, hija ppreżentat dan ir-rikors.
Fuq l-ammissibbiltà
30 Il-Gvern Ġermaniż, filwaqt illi jippreċiża li, skond l-Artikolu 92(2) tar-Regoli tal-Proċedura, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina, ex officio l-ammissibbiltà tar-rikors, huwa jsostni li l-Qorti mhijiex kompetenti biex tieħu konjizzjoni ta' din il-kawża.
31 Dan ir-rikors huwa rikors għad-danni bbażat fuq ksur tal-Kodiċi Doganali. Peress illi tali rikors mhuwiex previst fit-Trattat KE, huma l-qrati Daniżi li huma kompetenti biex jieħdu konjizzjoni tiegħu, skond l-Artikolu 240 KE.
32 F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni takkuża lir-Renju tad-Danimarka li ma qegħidx għad-dispożizzjoni tagħha ċertu ammont ta' riżorsi proprji u l-interessi għad-dewmien korrispondenti, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 94/728 u tar-Regolament Nru 1552/89.
33 Permezz ta' dan ir-rikors, il-Kummissjoni għalhekk qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq obbligu li huwa għandu skond id-dritt Komunitarju u mhux li tikkundanna lil dan l-Istat iħallas id-danni u l-interessi.
34 Minn dan isegwi li r-rikors hu ammissibbli.
Fuq il-mertu
L-argumenti tal-partijiet
35 Il-Kummissjoni ssostni li r-riżorsi proprji tradizzjonali skond l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 94/728, jeżistu minn meta d-dejn doganali jiġi inkors u li, għalhekk, l-ammont ta' DKK 140 409.60 kellu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 8(1) ta' l-imsemmija Deċiżjoni. Għaldaqstant, fin-nuqqas tal-permess meħtieġ sabiex wieħed ikun jista' jibbenefika mill-iskema ta' l-użu finali, jirriżulta mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1552/89 li l-awtoritajiet Daniżi kien imisshom ikkonstataw li l-Komunitajiet kellhom dritt għal dawn ir-riżorsi tagħhom fl-istess ħin li kien imisshom applikaw id-dispożizzjonijiet doganali korrettement billi rkupraw id-dazji doganali.
36 Il-Kummissjoni tippreċiża li l-fatt li impriża tkun eżenti mill-ħlas tad-dazji doganali skond l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali m'għandha ebda rilevanza għall-kwistjoni jekk Stat Membru għandux iħallas hu stess l-ammont ikkonċernat lill-Komunità. Fil-fatt il-Kodiċi Doganali jirregola biss ir-relazzjonijiet bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet doganali responsabbli għall-ġbir tar-riżorsi proprji tradizzjonali f'isem il-Komunità. Ir-relazzjonijiet bejn din ta' l-aħħar u l-Istati Membri huma rregolati mid-dispożizzjonijiet dwar is-sistema ta' l-iffinanzjament tal-Komunità, jiġifieri, b'mod partikolari, id-Deċiżjoni 94/728, id-dispożizzjonijiet li jimplimentaw ir-Regolament Nru 1552/89 u l-obbligi ġenerali li joħorġu mill-Artikolu 10 KE.
37 Għalkemm setgħet ġiet ikkreata konnessjoni purament teknika bejn dawn iż-żewġ gruppi ta' regoli, peress illi r-Regolament Nru 1552/89 jirreferi għall-istadji li, skond il-Kodiċi Doganali, għandhom jiġu segwiti meta dejn doganali jiġi inkors u miġbur, dawn ir-referenzi m'għandhom madankollu ebda rilevanza fuq il-kwistjoni tar-responsabbiltà finanzjarja ta' l-awtoritajiet nazzjonali lejn il-Komunità għall-iżbalji li jagħmlu fil-ġbir tar-riżorsi proprji tradizzjonali. Jekk Stat Membru ma jiġborx l-imsemmija riżorsi, huwa biss bis-saħħa ta' l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1552/89 li jkun jista', taħt ċerti kundizzjonijiet, jiġi ddispensat milli jqiegħed dawn ir-riżorsi għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.
38 Ir-referenza għall-Kodiċi Doganali, b'mod partikolari għall-fażi msejħa "dħul fil-kontijiet" ta' dejn doganali, fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1552/89, għandha neċessarjament tinftiehem bħala referenza għall-kundizzjonijiet oġġettivi meħtieġa mill-imsemmi Kodiċi sabiex ikun jista' jsir id-dħul fil-kontijiet, u mhux għall-kwistjoni jekk l-awtoritajiet nazzjonali effettivament ikunux wettqu jew le d-dħul fil-kontijiet fil-każ in kwistjoni.
39 Il-Gvern Daniż jirrikonoxxi li jirriżulta mill-prinċipju ta' lealtà li jinsab fl-Artikolu 10 KE li l-Istati Membri għandhom id-dmir li jiggarantixxu, permezz ta' organizzazzjoni effettiva ta' l-amministrazzjoni tagħhom, li r-riżorsi proprji jiġu rkuprati b'mod korrett u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Komunità fit-termini stabbiliti minn din ta' l-aħħar. Jekk l-Istati Membri ma jirrispettawx dan id-dmir ta' lealtà, il-Kummissjoni tista' tippreżenta rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu kontra l-Istati Membri għal amministrazzjoni ħażina ta' l-irkupru tar-riżorsi proprji.
40 Madankollu, il-kwistjoni li titqajjem f'din il-kawża hija dik ta' min għandu jbati t-telf tar-riżorsi proprji kkawżat minn żbalji amministrattivi li ma setgħux jiġu evitati, indipendentement mill-kwalità u l-effettività li biha jkun ġie organizzat il-mekkaniżmu amminstrattiv
41 F'dan ir-rigward, il-Gvern Daniż isostni li jirriżulta mill-prinċipju ta' ekwità li t-telf tar-riżorsi proprji kkawżat minn żbalji amministrattivi għandu jiġi mġarrab mill-Komunità.
42 Dan il-Gvern isostni li jirriżulta mill-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali li ma jista' jkun hemm ebda dħul fil-kontijiet u għalhekk ebda rkupru sussegwenti tad-dazji meta l-kundizzjonijiet imsemmija f'dan l-Artikolu jkunu sodisfatti. Jekk ma jkunx hemm dħul fil-kontijiet, ma jkun hemm ebda ammont li għandu jiddaħħal fil-kontijiet skond l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1552/89 u lanqas, konsegwentement, ma jkun hemm dritt tal-Komunità għar-riżorsi proprji.
43 L-indikazzjoni li l-iktar turi l-eżistenza ta' relazzjoni bejn il-Kodiċi Doganali u d-dispożizzjonijiet dwar ir-riżorsi proprji tinsab fil-fatt li hija l-Kummissjoni li, b'applikazzjoni ta' l-Artikoli 871 u 873 tar-Regolament Nru 2454/93, hija kompetenti biex tiddetermina jekk l-Istati Membri jistgħux jirrinunzjaw għad-dazji fuq l-importazzjoni li għandhom jitħallsu minn impriżi skond l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali. Huwa normali li wieħed jassumi li, jekk id-deċiżjoni dwar jekk l-Istati Membri jistgħux jirrinunzjaw għad-dazji fuq l-importazzjoni li għandhom jitħallsu minn impriża tħalliet f'idejn il-Kummissjoni, dan sar għax in-nuqqas ta' ġbir tat-taxxi fuq l-importazzjoni għandhom bħala -konsegwenza t-telf ta' riżors proprju għall-Kummissjoni.
44 Il-Gvern Belġjan isostni li, għall-kuntrarju ta' dak li tafferma l-Kummissjoni, l-Artikolu 2(1) u (1a) tar-Regolament Nru 1552/89 għandu jinqara flimkien mal-Kodiċi Doganali; inkella dan l-Artikolu ma jkun jiswa xejn.
45 L-imsemmi Gvern ifakkar ukoll li jirriżulta mill-Artikoli 869 u 871 tar-Regolament Nru 2454/93 li l-Istati Membri li jkollhom dubju dwar il-portata preċiża tal-kriterji ta' l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali għandhom il-fakoltà li jissottomettu l-każ lill-Kummissjoni, jekk id-dejn doganali ma jaqbiżx 50 000 EUR, u l-obbligu li jirreferu l-kwistjoni lill-Kummissjoni, jekk l-imsemmi dejn jaqbeż din is-somma.
46 Ikun kontra r-regoli bbażati fuq l-oġġettività u l-imparzjalità jekk l-awtorità li tiddeċiedi fuq l-iżball magħmul mill-awtoritajiet ta' Stat Membru tiddeċiedi wkoll fuq il-kwistjoni tar-responsabbiltà finanzjarja ta' dan l-Istat minħabba f'dan l-istess aġir li l-imsemmija awtorità tkun ikkwalifikat bħala żball. Tali konċentrazzjoni ta' setgħat tqajjem dubji dwar l-oġġettività ta' dawn id-deċiżjonijiet, peress illi r-riżorsi proprji jispiċċaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni indipendentement mid-deċiżjoni tagħha.
47 Il-Gvern Ġermaniż jirrileva, għal dak li jikkonċerna l-Kodiċi Doganali u d-dispożizzjonijiet dwar ir-riżorsi proprji, li l-Artikoli 217 sa 219 ta' l-imsemmi Kodiċi jirregolaw b'mod dettaljat il-kontabbiltà tad-dazji fuq l-importazzjoni u fuq l-esportazzjoni. Din l-attività purament interna ta' l-amministrazzjoni doganali isservi essenzjalment biex tħaffef l-irkupru tad-dazji favur il--Kummissjoni. Huwa għal din ir-raġuni li l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1552/89 jieħu r-reġistrazzjoni fil-kontabbiltà, jew id-dħul fil-kontijiet, bħala punt ta' tluq. Għall-operaturi ekonomiċi, min-naħa l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom biss importanza indiretta peress illi huma ma jistgħux jitolbu li l-ammont tad-dazju li jkun ġie inkors jiġi rreġistrat fil-kontabbiltà.
48 Il-Gvern Taljan isostni li ma jistax jiġi dedott minn formulazzjoni daqstant wiesgħa u ġenerika bħal dik ta' l-Artikolu 10 KE li jeżisti obbligu fuq l-Istati Membri fis-sens intiż mill-Kummissjoni.
49 Għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1552/89, dan jassumi li l-kreditu kkonċernat ikun iddaħħal fil-kontijiet u, għalhekk, li r-responsabbiltà ta' l-Istat Membru tkun limitata għal lakuni li jistgħu jsiru fil-ġbir ta' dazji diġà stabbiliti. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tkoprix l-ipoteżi in kwistjoni f'din il-kawża, li d-dazji ma ddaħħlux fil-kontijiet minħabba fi żball ta' l-awtoritajiet nazzjonali, żball li wassal għal deċiżjoni tal-Kummissjoni li jiġi eżentat il-ħlas tad-dazji minħabba f'aspettattivi leġittimi skond l-Artikolu 220(2) tal-Kodiċi Doganali.
50 Il-Gvern Olandiż isostni li kwalunkwe responsabbiltà ta' Stat Membru li tobbligah, f'sitwazzjoni bħal dik f'dan il-każ, iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni ammonti li ma setgħux jiġu rkuprati sussegwentement, mhijiex prevista mid-Deċiżjoni 94/728 u ma tistax tirriżulta minnha. Responsabbiltà bħal din teħtieġ dispożizzjoni pprovduta espressament mil-leġiżlazzjoni applikabbli.
51 L-iskema tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien mar-Regolament Nru 1552/89 u d-Deċiżjoni 94/728, ma tipprovdix għall-każ fejn ma jkunx sar dħul fil-kontijiet fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 220(2)(b) ta' l-imsemmi Kodiċi.
52 Il-Gvern Portugiż isostni li d-dritt tal-Komunitajiet għar-riżorsi proprji ma jiġix ikkreat meta d-dejn doganali jiġi inkors, iżda fil-mument meta l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni doganali u li jirrigwardaw id-dħul ta' l-ammont tad-dazju fil-kontijiet u l-komunikazzjoni ta' dan lid-debitur jiġu sodisfatti u meta d-dritt jista' jiġi kkunsidrat bħala stabbilit skond l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1552/89. Jekk dan id-dritt ma jkunx ġie stabbilit jew jekk l-istabbiliment tad-dritt jkun ġie annullat, il-ħlas lill-Kummissjoni ta' l-ammonti li ma jkunux inġabru minħabba żbalji li għalihom tkun responsabbli l-amministrazzjoni kkonċernata ma jistax isir fil-kuntest tar-Regolament Nru 1552/89, iżda bħala ħlas ta' danni u interessi, safejn id-dritt Komunitarju jipprovdi għalihom.
53 Il-Gvern Żvediż isostni li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2(1)(b) u (3) tad-Deċiżjoni 94/728 jagħtu x'jifhem b'mod ċar li huma l-Komunitajiet li jistgħu jippretendu dritt fuq id-dazji doganali. Huwa b'dan il-mod li jiġi kkreat kreditu fuq id-dazji doganali bejn il-Komunitajiet u kull debitur ta' dawn id-dazji. L-Istat Membru kkonċernat bl-ebda mod mhuwa involut f'din ir-relazzjoni bejn il-kreditur u d-debitur. Ir-rwol ta' l-Istati Membri jillimita ruħu biex jiżgura li l-krediti tal-Komunità jiġu rkuprati f'isimhom. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li l-Kummissjoni, u mhux l-Istat Membru, għandha s-setgħa tiddeċiedi li ma tistabbilixxix kreditu doganali f'sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
54 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 7 tal-Konklużjonijiet tiegħu, li mit-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 268 KE, li jgħid li d-dħul u l-infiq murija fil-baġit għandhom jaqblu, jirriżulta li dħul insuffiċjenti ta' riżors proprju għandu jiġi kkumpensat jew permezz ta' riżors proprju ieħor, jew permezz ta' rettifika ta' l-infiq.
55 Għandu jiġi mfakkar ukoll li, kif jirriżulta mill-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni 94/728, ir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) ta' din id-Deċiżjoni għandhom jinġabru mill-Istati Membri u li dawn għandhom l-obbligu li jqiegħdu r-riżorsi proprji tal-Komunitajiet għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. Skond l-Artikolu 2(3) ta' l-istess Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom iżommu bħala spejjeż ta' ġbir, 10% ta' l-ammonti li għandhom jitħallsu skond il-paragrafu 1(a) u (b), ta' dan l-istess Artikolu, persentaġġ li żdied għal 25% għall-ammonti stabbiliti wara l-31 ta' Diċembru 2000, skond l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni 2000/597.
56 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, f'dan il-każ, la l-eżistenza ta' dejn doganali u lanqas l-ammont tas-somma in kwistjoni mhuma kkontestati.
57 L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1552/89 jippreċiża li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu dritt tal-Komunità għar-riżorsi proprji "malli l-kundizzjonijiet stipulati fir-regolamenti doganali fir-rigward tad-dħul ta' l-ammont tad-dazju fil-kontijiet u l-komunikazzjoni ta' dan lid-debitur jkunu twettqu".
58 Jirriżulta mill-kliem użat f'din id-dispożizzjoni li l-obbligu ta' l-Istati Membri li jistabbilixxu dritt tal-Komunitajiet għar-riżorsi proprji jiġi kkreat malli l-imsemmija kundizzjonijiet ipprovduti fil-leġiżlazzjoni doganali jiġu sodisfatti u li għalhekk mhuwiex meħtieġ li d-dħul fil-kontijiet ikun, effettivament, sar.
59 Kif jirriżulta mill-Artikoli 217, 218 u 221 tal-Kodiċi Doganali, dawn il-kundizzjonijiet jiġu sodisfatti meta l-awtoritajiet doganali jkollhom id-dettalji neċessarji u, b'hekk, ikunu f'pożizzjoni li jikkalkulaw l-ammont ta' dazju li jirriżulta minn dejn doganali u li jistabbilixxu d-debitur (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ta' l-14 ta' April 2005, il-Kummissjoni vs l-Olanda, C-460/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 71, u l-Kummissjoni vs il-Ġermanja, C-104/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 80).
60 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jistabbilixxu r-riżorsi proprji tal-Komunitajiet (ara s-sentenzi tas-16 ta' Mejju 1991, il-Kummissjoni vs l-Olanda, C-96/89, Ġabra p. I-2461, punt 38, u l-Kummissjoni vs il-Ġermanja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 45). Fil-fatt, l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1552/89 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri ma jistgħux jiddespensaw ruħhom mill-obbligu li jistabbilixxu l-krediti, anki jekk jikkontestawhom, inkella jkollu jiġi ammess li l-ekwilibriju finanzjarju tal-Komunitajiet jista' jiġi sfrattat bl-aġir ta' Stat Membru (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta' Mejju 1991, il-Kummissjoni vs l-Olanda, iċċitata iktar 'il fuq, punt 37, u tal-15 ta' Ġunju 2000, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, C-348/97, Ġabra p. I-4429, punt 64).
61 Minn dan isegwi li l-Istati Membri huma obbligati jistabbilixxu dritt tal-Komunitajiet għar-riżorsi proprji malli l-awtoritajiet doganali tagħhom ikunu f'pożizzjoni li jakkalkulaw l-ammont tad-dazju li jirriżulta minn dejn doganali u li jistabbilixxu d-debitur.
62 Din il-konklużjoni mhijiex affettwata mill-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali. Din id-dispożizzjoni għandha bħala għan li tipproteġi l-aspettattivi leġittimi tad-debitur fir-rigward tal-fondatezza ta' l-elementi kollha involuti fid-deċiżjoni li d-dazji doganali jiddaħħlu jew ma jiddaħħlux fil-kontijiet [ara, għal dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta' Artikolu 5(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1697/79 tal-Kunsill, ta' l-24 ta' Lulju 1979, dwar l-irkupru sussegwenti tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li ma jkunux ġew mitluba mid-debitur fir-rigward ta' merkanzija ddikjarata għal skema doganali li tinvolvi l-obbligu li tali dazji jitħallsu (ĠU L 197, p. 1), ripetuti fl-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, is-sentenzi tas-27 ta' Ġunju 1991, Mecanarte, C-348/89, Ġabra p. I-3277, punt 19 u ta' l-14 ta' Novembru 2002, Ilumitrónica, C-251/00, Ġabra p. I-10433, punt 39]. Din id-dispożizzjoni tirregola l-każijiet li fihom l-awtoritajiet doganali ta' l-Istati Membri ma jistgħux idaħħlu sussegwentement fil-kontijiet id-dazji kkonċernati, u għalhekk lanqas ma jistgħu jirkuprawhom sussegwentement, iżda hija ma teżentax lill-Istati Membri mill-obbligu tagħhom li jistabbilixxu d-dritt tal-Komunitajiet għar-riżorsi proprji.
63 L-eżistenza ta' din id-distinzjoni bejn ir-regoli dwar l-obbligu li jiġi stabbilit id-dritt tal-Komunitajiet għar-riżorsi proprji u dawk dwar il-possibbiltà għall-Istati Membri li jirkupraw id-dazji diġà ġiet aċċettata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-7 ta' Settembru 1999, De Haan (C-61/98, Ġabra p. I-5003). F'dan ir-rigward, jekk in-nuqqas ta' osservazzjoni, min-naħa ta' l-awtoritajiet doganali nazzjonali, tat-termini imposti mil-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja jista' jagħti lok għall-ħlas ta' interessi għad-dewmien mill-Istat Membru kkonċernat lill-Komunitajiet, fil-kuntest tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji, dan ma jaffettwax il-fatt li d-dejn doganali għandu jitħallas jew li dawn l-awtoritajiet għandhom id-dritt li jipproċedu bl-irkupru sussegwenti qabel ma jagħlaq it-terminu ta' tliet snin ipprovdut fl-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali, kif jirriżulta mill-punt 34 tas-sentenza De Haan, iċċitata iktar 'il fuq. Bl-istess mod, jekk żball ta' l-awtoritajiet doganali ta' Stat Membru jkollu l-effett li d-debitur ma jkunx meħtieġ iħallas l-ammont tad-dazji kkonċernati, dan ma jaffettwax l-obbligu ta' l-Istat Membru in kwistjoni li jħallas l-interessi għad-dewmien u d-dazji li jmisshom ġew stabbiliti, fil-kuntest tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji.
64 Fir-rigward ta' l-argument tal-Gvern Daniż u dak tal-Belġju bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet, fil-kuntest tal-proċedura pprovduta fl-Artikolu 871 u 873 tar-Regolament Nru 2454/93, tat il-kunsens tagħha għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija proċedura ma tirrigwardax l-obbligu ta' l-Istati Membri li jistabblixxu d-dritt tal-Komunitajiet għar-riżorsi proprji. Fil-fatt, l-għan ta' l-Artikoli 871 u 873 tar-Regolament Nru 2454/93 huwa li tiġi garantita l-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitaju (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Mecanarte, iċċitata iktar 'il fuq, punt 33) u, flimkien ma' l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, li jiġu garantiti l-aspettattivi leġittimi tad-debitur (ara l-punt 62 ta' din is-sentenza).
65 Barra minn hekk, il-fatt li l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet mhumiex f'riskju fil-kuntest tal-proċedura pprovduta fl-Artikoli 871 u 873 tar-Regolament Nru 2454/93, peress illi d-dritt tagħhom għar-riżorsi proprji kkonċernati għandu jiġi stabbilit fi kwalunkwe każ, jiggarantixxi li l-Kummissjoni tista' taġixxi mingħajr interess u b'mod imparzjali fil-kuntest ta' l-imsemmija proċedura.
66 Minbarra dan, skond l-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament Nru 1552/89, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ammonti li jikkorrispondu għad-drittijiet stabbiliti skond l-Artikolu 2 ta' l-istess Regolament jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. L-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa minn dan l-obbligu biss jekk, għal raġunijiet ta’ forza maġġuri, dawn l-ammonti ma setgħux jiġu rkuprati jew jekk ikun jidher li l-irkupru jkun definittivament impossibbli minħabba raġunijiet li ma jkunux jistgħu jiġu attribwiti lilhom.
67 Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li teżisti konnessjoni inseparabbli bejn l-obbligu li jiġu stabbiliti r-riżorsi proprji Komunitarji, dak li jiġi kkreditat il-kont tal-Kummissjoni fit-termini stipulati u dak li jitħallsu l-interessi għad-dewmien; barra minn hekk, dawn ta' l-aħħar jistgħu jintalbu indipendentement mir-raġuni għad-dewmien li bih ir-riżorsi proprji ddaħħlu fil-kont tal-Kummissjoni. Minn dan jirriżulta li m'għandhiex issir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni fejn Stat Membru jkun stabbilixxa r-riżorsi proprji mingħajr ma jkun ħallashom u dik fejn Stat Membru, inġustament, ma jkunx stabbilihom, anki fin-nuqqas ta' terminu mandatorju (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta' Mejju 1991, il-Kummissjoni vs l-Olanda, iċċitata iktar 'il fuq, punt 38).
68 Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jistabbilixxu d-dritt tal-Komunitajiet għar-riżorsi proprji malli l-awtoritajiet doganali tagħhom ikollhom id-dettalji neċessarji u, b'hekk, ikunu f'pożizzjoni li jikkalkulaw l-ammont ta' dazju li jirriżulta minn dejn doganali u li jistabbilixxu d-debitur, indipendentement mill-kwistjoni jekk il-kriterji għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali humiex sodisfatti u għaldaqstant jekk jistgħux jiġu effettwati d-dħul fil-kontijiet u l-irkupru sussegwenti tad-dazji doganali kkonċernati. F'dawn iċ-ċirkustanzi, Stat Membru li ma jistabbilixxix id-dritt tal-Komunitajiet għar-riżorsi proprji u ma jqegħidx l-ammont korrispondenti għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, mingħajr ma jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1552/89, jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond id-dritt Komunitarju u b'mod partikolari skond l-Artikoli 2 u 8 tad-Deċiżjoni 94/728.
69 Għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 10 KE, li wkoll ġie invokat mill-Kummissjoni, mhemmx lok li jiġi kkonstatat nuqqas ta' twettiq ta' l-obbligi ġenerali inklużi fid-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, differenti min-nuqqas ikkonstatat ta' twettiq ta' l-obbligi Komunitarji iktar speċifiċi li r-Renju tad-Danimarka kien marbut li jwettaq skond, b'mod partikolari, l-Artikoli 2 u 8 tad-Deċiżjoni 94/728.
70 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, peress illi l-awtoritajiet Daniżi ma qegħdux għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammont ta' DKK 140 409.60 bħala riżorsi proprji u l-interessi għad-dewmien korrispondenti kkalkulati mill-20 ta' Diċembru 1999, ir-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond id-dritt Komunitarju u, b'mod partikolari, kiser l-Artikoli 2 u 8 tad-Deċiżjoni 94/728.
Fuq l-ispejjeż
71 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli ta' Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-Renju tad-Danimarka tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 69(4) ta' l-istess Regoli, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeciedi li:
1) Peress illi l-awtoritajiet Daniżi ma qegħdux għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej l-ammont ta' DKK 140 409.60 bħala riżorsi proprji u l-interessi għad-dewmien korrispondenti kkalkulati mill-20 ta' Diċembru 1999, ir-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond id-dritt Komunitarju u, b'mod partikolari, kiser l-Artikoli 2 u 8 tad-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom tal-Kunsill, tal-31 ta' Ottubru 1994, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej .
2) Ir-Renju tad-Danimarka għandu jbati l-ispejjeż.
3) Ir-Renju tal-Bejġu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju ta' l-Olanda, ir-Repubblika Portugiża u r-Renju ta' l-Iżvezja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
Firem
* Lingwa tal-kawża: id-Daniż.
Top