Kawża C-507/04
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi —Direttiva 79/409/KEE — Miżuri ta’ traspożizzjoni”
Sommarju tas-sentenza
1. Ambjent – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Direttiva 79/409 – Traspożizzjoni mingħajr azzjoni leġiżlattiva – Limiti
(Direttiva tal-Kunsill 79/409)
2. Ambjent – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Direttiva 79/409 – Kamp ta’ applikazzjoni
(Direttiva tal-Kunsill 79/409, Artikoli 1 u 11)
3. Ambjent – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Direttiva 79/409 – Eżekuzzjoni mill-Istati Membri
(Direttiva tal-Kunsill 79/409, Artikolu 9(1)(a) u (2))
4. Ambjent – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Direttiva 79/409 – Obbligu li tiġi pprojbita l-kaċċa matul ċerti perijodi meta l-għasafar ikunu partikolarment vulnerabbli
(Direttiva tal-Kunsill 79/409, Artikolu 7(4))
5. Ambjent – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Direttiva 79/409 – Data tal-ftuħ u ta’ l-għeluq ta’ l-istaġun tal-kaċċa
(Direttiva tal-Kunsill 79/409, Artikolu 9(1)(c))
6. Ambjent – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Direttiva 79/409 – Eżekuzzjoni mill-Istati Membri
(Direttiva tal-Kunsill 79/409, Artikolu 8 u Anness IV)
1. It-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ regoli Komunitarji ma tirrikjedix neċessarjament riproduzzjoni formali u testwali tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regoli f’dispożizzjoni espressa u speċifika, u kuntest legali ġenerali jista’ jkun biżżejjed għal dan il-għan sakemm jassigura effettivament l-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva b’mod li huwa suffiċjentement ċar u preċiż.
Madankollu, l-eżattezza tat-traspożizzjoni għandha importanza partikolari fir-rigward tad-Direttiva 79/409, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi, safejn il-ġestjoni tal-patrimonju komuni huwa fdat, għat-territorju rispettiv tagħhom, lill-Istati Membri.
(ara l-punti 89, 92)
2. L-Artikolu 11 tad-Direttiva 79/409, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi, li sempliċement jistabbilixxi obbligu speċifiku li jorbot lill-Istati Membri sabiex jassiguraw li l-introduzzjoni ta’ speċi ta’ għasafar li ma jinsabux fin-natura fi stat selvaġġ fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri ma tippreġudikax il-flora u l-fawna lokali, ma jistax jitqies bħala li jikkostitwixxi bażi legali li tippermetti derogi mill-obbligi ta’ protezzjoni li għandhom l-Istati Membri skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva u li jkopru l-ispeċi ta’ għasafar kollha li jinsabu fin-natura fi stat selvaġġ fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri, jiġifieri, fir-rigward ta’ kull Stat Membru, kemm l-ispeċi indiġeni għal dak l-Istat, kif ukoll dawk li jinsabu biss fi Stati Membri oħra. Fil-fatt, l-importanza ta’ protezzjoni kompleta u effiċjenti ta’ l-għasafar selvaġġi fi ħdan il-Komunità kollha, ikun fejn ikun il-post ta’ fejn jinstabu jew iż-żoni minn fejn jgħaddu, tirrendi inkompatibbli mad-Direttiva kull leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-protezzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi billi tirreferi għall-fawna nazzjonali.
(ara l-punti 101-103)
3. Għalkemm huwa veru li l-prevenzjoni tal-ħsara lid-dwieli tista’, bħala prinċipju, tippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri derogatorji, bis-saħħa tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 79/409, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi, din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar, madankollu, ma tipprovdix bażi legali sabiex speċi, anke jekk matul perijodu limitat, tiġi eskluża kompletament mis-sistema ta’ protezzjoni prevista mid-Direttiva. Fil-fatt, il-fatt li speċi ta’ għasfur tiġi eskluża kompletament mill-imsemmija sistema ta’ protezzjoni, anke jekk matul perijodu limitat, jipperikola l-eżistenza stess ta’ din l-ispeċi. Għalhekk, l-Istati Membri huma awtorizzati li jidderogaw mis-sistema ta’ protezzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi fil-każ biss li dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva.
(ara l-punti 113-115)
4. Is-sistema ta’ protezzjoni kontra l-attivitajiet tal-kaċċa stabbilita mill-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 79/409, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi, hija ddefinita b’mod wiesa’, b’riferiment għall-karatteristiċi bijoloġiċi partikolari ta’ l-ispeċi kkonċernati, peress li tirreferi, minbarra għall-perijodu tat-trobbija, għall-istadji differenti tar-riproduzzjoni u tad-dipendenza. Interpretazzjoni bħal din biss tissodisfa l-għan ta’ l-imsemmi Artikolu 7(4), li huwa intiż sabiex tiġi assigurata sistema kompleta ta’ protezzoni matul il-perijodi li fihom is-sopravivenza ta’ l-għasafar selvaġġi tkun partikolarment mhedda. Fil-fatt, kull intervent matul il-perijodi li jikkoinċidu mar-riproduzzjoni ta’ l-għasafar jista’ jaffettwahom, anke jekk tikkonċerna parti biss mill-popolazzjoni tagħhom. Dan huwa wkoll il-każ fir-rigward tal-perijodu tat-tgħammir, li matulu l-ispeċi kkonċernati jkunu partikolarment esposti u vulnerabbli. Din l-aħħar fażi, għaldaqstant, tagħmel parti mill-perijodu li matulu, bħala prinċipju, hija pprojbita kull forma ta’ kaċċa.
(ara l-punti 192-195)
5. L-Artikolu 9(1)(c), tad-Direttiva 79/409, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi, jippermetti lil Stat Membru jidderoga mid-data tal-ftuħ u ta’ l-għeluq ta’ l-istaġun tal-kaċċa, dati li jkunu stabbiliti abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 7(4) ta’ din l-istess Direttiva. F’dan ir-rigward, il-kaċċa għall-għasafar selvaġġi prattikata bħala passatemp matul il-perijodi indikati fl-imsemmi Artikolu 7(4) tad-Direttiva tista’, jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva, tammonta għal “użi oħra meqjusa” fis-sens ta’ l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva. Madankollu, l-oneru tal-prova fir-rigward tar-rispett ta’ l-imsemmija kundizzjonijiet għal kull deroga jaqa’ fuq l-awtoritajiet nazzjonali li jieħdu deċiżjoni derogatorja.
Barra minn hekk, l-Istati Membri, fil-mument ta’ l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar, għandhom jassiguraw li, fil-każijiet kollha ta’ applikazzjoni tad-deroga prevista fiha u għall-ispeċi protetti kollha, il-kaċċa awtorizzata ma taqbiżx livell massimu konformi mal-limitazzjoni ta’ din il-kaċċa għal numri żgħar, liema livell massimu għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ informazzjoni xjentifika rigoruża. B’mod partikolari, traspożizzjoni tad-Direttiva li tikkonforma mad-dritt Komunitarju timplika li l-awtoritajiet inkarigati biex jawtorizzaw kaċċa taħt deroga ta’ għasafar ta’ speċi partikolari għandhom ikunu f’pożizzjoni li jibbażaw ruħhom fuq indikaturi preċiżi biżżejjed għal dak li għandu x’jaqsam mal-limiti kwantitattivi li għandhom jiġu rrispettati. Minn dan jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat għandhom jiggarantixxu, bi preċiżjoni ġuridika suffiċjenti u abbażi ta’ informazzjoni xjentifika ta’ awtorità, li l-limitu massimu kwantitattiv ma jinqabeż fl-ebda każ u, għalhekk, li tiġi ggarantita protezzjoni kompleta lill-ispeċi msemmija.
(ara l-punti 196-199, 201, 225)
6. L-ineżistenza, fi Stat Membru, ta’ l-użu ta’ ċerti metodi ta’ kaċċa jew ta’ ċerti metodi ta’ qtil ipprojbiti mid-Direttiva 79/409, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi, ma tistax tillibera lill-Istat Membru kkonċernat mill-obbligu tiegħu li jieħu l-miżuri leġiżlattivi u regolamentari neċessarji sabiex jassigura traspożizzjoni adegwata tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Fil-fatt, il-prinċipju taċ-ċertezza legali jeżiġi li l-projbizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva jiġu riprodotti f’dispożizzjonijiet legali vinkolanti.
(ara l-punti 280-281)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
12 ta’ Lulju 2007 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi – Direttiva 79/409/KEE – Miżuri ta’ traspożizzjoni”
Fil-kawża C-507/04,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-8 ta’ Diċembru 2004,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. van Beek u B. Schima, bħala aġenti, assistiti minn M. Lang, Rechtsanwalt, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija, irrappreżentata minn H. Dossi, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President ta’ l-Awla, E. Juhász, R. Silva de Lapuerta (Relatur), G. Arestis u T. von Danwitz, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Jannar 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-Repubblika ta’ l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 1(1) u (2), l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(1) u (4), l-Artikolu 8, l-Artikolu 9(1) u (2), kif ukoll l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU L 103, p.1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2 Skond l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva hija dwar il-konservazzjoni ta’ l-ispeċi kollha ta’ l-għasafar li jinsabu fin-natura fi stat selvaġġ fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri fejn huwa applikat it-Trattat KEE. Din tkopri l-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-kontroll ta’ dawn l-ispeċi u tippreskrivi regoli għall-isfruttar tagħhom. L-Artikolu 1(2) jipprovdi li d-Direttiva tapplika għall-għasafar, kif ukoll għall-bajd, il-bejtiet u l-ħabitats tagħhom.
3 L-Artikolu 5 tad-Direttiva jipprovdi:
“Mingħajr preġudizzju għall-artikoli 7 u 9, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabilixxu sistema ġenerali ta’ protezzjoni għall-ispeċi kollha ta’ l-għasafar imsemmija fl-artikolu 1, li tipprojbixxi partikolarment:
(a) il-qtil u l-qabda intenzjonata bi kwalunkwe metodu;
(b) il-qerda intenzjonata ta’, jew ħsara lill-bejtiet tagħhom u l-bajd jew it-tneħħija tal-bejtiet tagħhom;
(ċ) teħid tal-bajd tagħhom fis-selvaġġ u ż-żamma ta’ dawn il-bajd anke jekk vojta;
(d) it-tfixkil intenzjonat ta’ dawn l-għasafar partikolarment waqt il-perjodu tat-tgħammir u tkabbir, sakemm dan it-tfixkil jista jkun sinifikanti fil-kuntest ta’ l-għanijiet ta’ din id-direttiva;
(e) iż-żamma ta’ għasafar ta’ speċi li l-kaċċa u l-qabda tagħhom hija pprojbita.”
4 L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jipprojbixxi l-kummerċ ta’ speċi ta’ għasafar protetti bit-termini segwenti:
“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu, għall-ispeċi kollha ta’ l-għasafar imsemmija fl-artikolu 1, il-bejgħ, trasport għall-bejgħ, żamma għall-bejgħ u l-offerta tal-bejgħ għal għasafar ħajjin jew mejtin [kif ukoll] ta’ xi partijiet [li] faċilment jintgħarfu jew derivattivi ta’ dawn l-għasafar”.
5 L-ewwel u t-tieni parti ta’ l-Anness III tad-Direttiva fihom lista ta’ speċi li, skond l-Artikolu 6(2) u (3) ta’ din id-Direttiva ma jaqgħux, f’ċertu sitwazzjonijiet, taħt il-projbizzjoni ta’ bejgħ.
6 L-Artikolu 7 tad-Direttiva jirregola l-kaċċa ta’ l-ispeċi ta’ għasafar protetti. L-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 7(1) tipprovdi:
“Minħabba l-livell tal-popolazzjoni tagħhom, d-distribuzzjoni ġeografika u r-rata tar-riproduttività fil-komunitá, l-ispeċi elenkati fl-Anness II jistgħu jkunu soġġetti għall-kaċċa skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali”.
7 L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-prattika tal-kaċċa, inkluż il-falkunerija jekk prattikata, kif prattikata bi qbil mal-miżuri nazzjonali fis-seħħ, tikkonforma mal-prinċipji ta’ l-użu bil-għaqal u l-bilanċ ekoloġiku tal-kontroll ta’ l-ispeċi ta’ l-għasafar kkonċernati u li din il-prattika tkun kompatibbli għal dak li jirrigwarda l-popolazzjoni ta’ dawn l-ispeċi, partikolarment l-ispeċi migratorji, mall-miżuri li jirriżultaw mill-artikolu 2. Dawn [l-Istati Membri] għandhom jaraw partikolarment li l-ispeċi li japplikaw għalihom il-liġijiet tal-kaċċa mhumiex soġġetti għal kaċċa fl-istaġun tat-trobbija u lanqas waqt l-istadji differenti tar-riproduzzjoni. Fil-każ ta’ l-ispeċi migratorji, għandhom jaraw partikolarment [li l-ispeċi li għalihom] japplikaw ir-regolamenti tal-kaċċa mhumiex soġġetti għall-kaċċa waqt il-perjodu tar-riproduzzjoni tagħhom jew waqt il-perjodu tar-ritorn tagħhom għall-postijiet tat-trobbija. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha rilevanti dwar l-applikazzjoni fil-prattika tar-regolamenti tal-kaċċa tagħhom”.
8 L-Artikolu 8 tad-Direttiva jipprovdi:
“1. Dwar il-kaċċa, qabda jew qtil ta’ l-għasafar taħt din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-użu tal-meżżi, arranġamenti u l-metodi kollha użati għall-qabda jew qtil ta’ l-għasafar fuq skala kbira jew mhux selettiva jew li jkunu kapaċi jikkawżaw l-għejbien lokali ta’ speċi, partikolarment l-użu ta’ dawk elenkati fl-Anness IV (a).
2. Aktar minn hekk, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu kull kaċċa mill-modi tat-trasport u taħt il-kundizzonijiet imsemmija fl-Anness IV (b)”.
9 Skond l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva:
“L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonjiet ta’ l-Artikoli 5, 6, 7 u 8, fejn ma hemm ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti għar-raġunijiet li ġejjin:
a) – fl-interess tas-saħħa u s-siġurtá tal-pubbliku,
– fl-interess tas-sigurtá ta’ l-ajru,
– biex ikunu prevenuti l-ħsarat serji tal-uċuħ, tal-bhejjem, tal-foresti, tas-sajd u ta’ l-ilma,
– għall-protezzjoni tal-flora u l-fawna;
b) għall-għanijiet tar-riċerka u t-tagħlim, tar-ripopolazzjoni, l-introduzzjoni mill-ġdid u għat-tgħammir neċessarju għal dawn l-għanijiet;
c) biex jippermetu, taħt kundizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta u fuq bażijiet selettivi, il-qabda, iż-żamma jew l-użi oħra meqjusa ta’ ċerti għasafar f’numri żgħar”.
10 Skond l-Artikolu 9(2) id-derogi għandhom jispeċifikaw:
“– l-ispeċi li huma suġġetti għad-derogi,
– l-mezzi, l-arranġamenti jew il-metodi awtoriżżati għall-qabda jew il-qtil,
– il-kundizzjonjiet tar-riskju u ċ-ċirkustanzi taż-żmien u l-post skond liema derogi bħal dawn jistgħu jingħataw,
– l-awtorità li jkollha s-setgħa li tiddikjara li l-kundizzjonijiet meħtieġa jkunu sodisfatti u li tiddeċidi liema mezzi, arranġamenti jew metodi jistgħu jkunu użati, f’liema limiti u minn min,
– il-kontrolli li se jkunu magħmula.”
11 L-Artikolu 11 tad-Direttiva jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jaraw li kull introduzzjoni ta’ speċi ta’ għasafar li ma jinsabux fin-natura fl-istat selvaġġ fit-territorju Ewropew ta’ l-imsemmija Stati ma jkollhiex impatt negattiv fuq il-flora u l-fawna lokali.
Id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari tad-diversi Länder Awstrijaċi li l-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva hija kkontestata
Il-Land ta’ Niederösterreich
12 Id-dispożizzjonijiet in kwistjoni huma s-segwenti: l-Artikolu 17(5), l-Artikolu 18, kif ukoll l-Artikoli 20(4) u 21 tal-Liġi ta’ Niederösterreich dwar il-protezzjoni tan-natura [Niederösterreichisches Naturschutzgesetz 2000, LGB1. (Niederösterreich) 87/2000, iktar ’il quddiem in “Nö NSchG”], l-Artikolu 95 tal-Liġi ta’ Niederösterreich dwar il-kaċċa [Niderösterreichisches Jagdgesetz 1974, LGB1. (Niederösterreich) 76/74, iktar ’il quddiem in-“Nö JagdG”] u l-Artikolu 22 tar-Regolament ta’ Niederösterreich dwar il-kaċċa [Niederösterreichische Jagdverordnung, LGB1. (Niederösterreich) 28/77, iktar ’il quddiem in-“Nö JagdVO”].
13 L-Artikolu 17 tan-Nö NSchG jipprovdi:
“[…]
5) It-tħawwil u t-tkabbir ta’ ħxejjex li mhumiex awtoktoni u li mhumiex adatti għas-sit in kwistjoni kif ukoll l-introduzzjoni u t-tkabbir, fi spazji mhux magħluqa, ta’ annimali mhux awtoktoni huma soġġetti għall-awtorizzazzjoni tal-Gvern Federali. L-awtorizzazzjoni għandha tiġi miċħuda meta l-popolazzjonijiet awtoktoni adattati, il-karatteristiċi naturali (ġenetiċi) ta’ l-ispeċi ta’ annimali u veġetali awtoktoni jew is-sbuħija u l-karatteristiċi tal-pajsaġġ huma affettwati b’mod dewwiemi”.
14 L-Artikolu 18 tan-Nö NSchG jipprovdi:
“1. Ir-regoli dwar il-protezzjoni ta’ l-ispeċi għandhom l-għan li jipproteġu u jħarsu l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġi fid-diversità naturali u storika tagħhom. Il-protezzjoni ta’ l-ispeċi tinkludi:
1) il-protezzjoni ta’ l-annimali, tal-pjanti u tal-bijoċenosi tagħhom kontra l-ħsara kkaġunata mill-bniedem, b’mod partikolari, l-intervent tal-bniedem,
2) il-protezzjoni, il-manutenzjoni, l-iżvilupp u r-rikostruzzjoni tal-ħabitat ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi kif ukoll il-ħarsien tal-kundizzjonijiet ta’ għajxien tagħhom u
3) l-introduzzjoni ta’ annimali u pjanti selvaġġi spostati, f’bijotopi adatti fl-ispazju naturali tagħhom.
2. Permezz ta’ Regolament, il-Gvern tal-Land jiddikjara bħala speċi kompletament protetti jew meta huwa suffiċjenti li l-ispeċi jiġu kkonservati, bħala parzjalment jew temporanjament protetti, dawk il-pjanti selvaġġi jew l-annimali selvaġġi li ma jistgħux jiġu kkaċċjati u li huwa neċessarju li jiġu protetti jew li tiġi kkonservata l-popolazzjoni tagħhom
1) minħabba n-natura rari tagħhom jew it-theddida għall-popolazzjoni tagħhom,
2) għal raġunijiet xjentifiċi jew li għandhom x’jaqsmu mal-wirt tal-pajjiż,
3) minħabba l-użu tagħhom jew ir-rilevanza tagħhom fl-ekosistema, jew
4) bl-għan li tiġi kkonservata d-diversità jew il-partikolarità tan-natura u tal-pajsaġġi. Ir-Regolament jista’ jirreferi għall-ispeċi ta’ annimali jew pjanti li l-popolazzjoni tagħhom fit-territorju tal-Land hija mhedda.
3. L-ispeċi li mhumiex indiġeni jistgħu, permezz ta’ Regolament maħruġ mil-Land, jingħataw l-istess protezzjoni li jgawdu speċi indiġeni li huma espliċitament protetti meta dan ikun neċessarju sabiex tiġi protetta l-popolazzjoni tagħhom, sabiex jiġu limitati jew esklużi fuq it-territorju fejn tapplika din il-liġi r-raġunijiet li jikkawżaw it-tnaqqis tal-popolazzjoni ta’ dawn l-ispeċi u li jheddu l-eżistenza tagħhom u meta dawn l-ispeċi
1) huma espliċitament protetti f’Land Awstrijaka oħra jew fil-pajjiż minn fejn joriġinaw,
2) huma elenkati u identifikati bħala tali speċi fi ftehim internazzjonali li fih ir-Repubblika ta’ l-Awstrija hija parti kontraenti, jew
3) huma, skond informazzjoni stabbilita, mhedda li jiġu estinti mingħajr ma huma protetti fil-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom.
4. Fir-rigward ta’ l-ispeċi li huma espliċitament protetti bis-saħħa tal-paragrafi 2 u 3, mhuwiex permess li:
[…]
2) tikkaċċja, tfixkel intenzjonalment, taqbad, iżżomm maqbuda, tweġġa’ jew toqtol annimali, takkwistahom, iżżommhom, tagħtihom, titrasportahom jew toffrihom għall-bejgħ, sew jekk ħajjin u sew jekk mejtin;
3) tweġġa, teqred jew tneħħi l-bajd, larva, krisalide jew bejtiet ta’ dawn l-annimali jew is-siti tat-trobbija, tar-riproduzzjoni jew tar-refuġju tagħhom, kif ukoll
4) tfixkel il-bijotipi, is-siti tar-riproduzzjoni u tal-ħabitat ta’ l-ispeċi mhedda b’estinzjoni u elenkati fir-Regolament, b’mod partikolari, bit-teħid ta’ ritratti jew bil-ġbid ta’ filmati.
5. Fin-nuqqas ta’ soluzzjoni oħra sodisfaċenti, huma awtorizzati, mix-xahar ta’ Ottubru sa l-aħħar tax-xahar ta’ Frar, it-teħid, it-tneħħija jew il-qerda tas-siti tar-riproduzzjoni jew tal-bejtiet ta’ l-annimali espliċitament protetti meta dawn ma jkunx fihom żgħar u jkunu jinsabu ġewwa beni immobbli.
6. Skond il-każ, ir-Regolament jista’ jiddefinixxi wkoll miżuri ta’ protezzjoni tal-ħabitat kif ukoll ta’ konservazzjoni u ta’ żieda tal-popolazzjoni ta’ speċi espliċitament protetti kif ukoll jipprojbixxi jew jillimita komportament li jista’ jwassal għal tnaqqis fil-popolazzjonijiet”.
15 L-Artikolu 20 tan-Nö NSchG jipprovdi:
“[...]
4) Il-Gvern tal-Land jista’ jiddeċiedi li jadotta derogi mill-Artikolu 18, b’mod partikolari għal finijiet ta’ xjenza jew ta’ tagħlim, meta ma jkunx hemm għalfejn ikun hemm tħassib li dawn jirriżultaw f’periklu għall-flora u l-fawna selvaġġa protetti. L-awtorizzazzjoni għandha minn ta’ l-inqas tindika:
1. l-ispeċi li huma suġġetti għad-deroga;
2. il-mezzi, arranġamenti u metodi ta’ qbid jew qtil; u
3. il-kontrolli li għandhom isiru”.
16 L-Artikolu 21 tan-Nö NSchG jipprovdi:
“1. Bla ħsara għar-regoli partikolari previsti mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi jew mir-regolamenti u d-deċiżjonijiet amministrattivi adottati skond din il-liġi, miżuri marbuta ma’ l-użu kummerċjali ta’ artijiet mhumiex, bħala prinċipju, milquta [...]. Din id-dispożizzjoni derogatorja ma tapplikax meta pjanti u annimali protetti jew ħabitat protetti jkunu intenzjonalment milquta, jew fil-każ li pjanti u annimali mhedda b’estinzjoni [...] jkunu milquta minn dawn il-miżuri.
2. Bla ħsara għar-regoli partikolari previsti mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi jew mir-regolamenti u d-deċiżjonijiet amministrattivi adottati skond din il-liġi, miżuri marbuta ma’ l-użu agrikolu jew forestali modern u sostenibbli ta’ artijiet fil-kuntest ta’ impriża agrikola jew forestali mhumiex, bħala prinċipju, milquta [...]. Din id-dispożizzjoni derogatorja ma tapplikax meta pjanti u annimali protetti jew ħabitat protetti jkunu intenzjonalment milquta jew f’każ li pjanti u annimali mhedda b’estinzjoni [...] jkunu milquta minn dawn il-miżuri.
3. Użu agrikolu jew forestali huwa kkunsidrat modern u sostenibbli meta, f’impriża agrikola jew forestali, l-attivitajiet iservu sabiex jipproduċu jew sabiex jinkisbu prodotti veġetali jew ta’ annimali u huma organizzati skond proċessi komuni f’reġjun u f’mument partikolari jew skond esperjenzi li ġew trażmessi, u meta dan l-użu, adattat għall-kundizzjonijiet naturali, jiggarantixxi b’mod dewwiemi riżultati f’sistema li tinsab fi Stat tajjeb ta’ funzjonament mingħajr ma jeżawrixxi l-bażi tal-produzzjoni u mingħajr ma jkun ta’ piż indebitu fuq in-natura u l-pajsaġġi”.
17 L-Artikolu 95 tan-Nö JagdG jipprovdi:
“1. Il-metodi ta’ kaċċa kollha li mhumiex selettivi huma pprojbiti; huwa b’mod partikolari pprojbit:
[…]
3) il-kaċċa matul il-lejl […]; ma taqax taħt din il-projbizzjoni il-kaċċa […] għas-serduk selvaġġ u għall-faġan tal-muntajna, għall-għasafar selvaġġi, għall-papri selvaġġi u għall-gallini;
4) li jintużaw, għall-qbid u sabiex tinqatel is-selvaġġina, il-mezzi sabiex idawlu l-miri,
[…]
8) li jintużaw, bħala lixka ħajja, għasafar mgħammda jew b’xi partijiet minnhom maqtugħa kif ukoll lixka bl-anestetika; li jintużaw tejprikorders, apparat elettriku jew elettroniku li kapaċi joqtol jew jixxokkja; li jintużaw mirja jew apparat ieħor li jgħammex, esplożivi jew xbieki li mhumiex selettivi; li jintuża gass jew duħħan.
9) li ssir il-kaċċa ta’ tjur tal-kaċċa permezz ta’ trabokki, kolla, ganċijiet, xbiek jew nases;
10) li ssir kaċċa permezz ta’ inġenji ta’ l-ajru, vetturi mexjin jew dgħajjes bil-magna b’veloċità ta’ aktar minn 5 kilometri fis-siegħa.
[…]”
18 L-Artikolu 22 tan-Nö JagdVO jipprovdi:
“1) It-tajr li jsegwi jista’, bħala prinċipju jiġi kkaċċjat, maqbud jew maqtul matul il-perijodi indikati hawnhekk:
[…]
15. serduk selvaġġ, mill-1 sal-31 ta’ Mejju kull sena biż-żewġ;
16. faġan tal-muntanja, mill-1 sal-31 ta’ Mejju kull sena bil-fard;
[…]
18. serduk ippastardjat bejn serduk selvaġġ u faġan tal-muntanja mill-1 ta’ Jannar sat-31 ta’ Diċembru;
[…]
22. gallina, mill-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Diċembru u mill-1 ta’ Marzu sal-15 ta’ April;
[…]”
Il-Land ta’ Burgenland
19 Id-dispożizzjonijiet in kwistjoni huma s-segwenti: l-Artikoli 16, 16a u 16b tal-Liġi ta’ Burgenland dwar il-protezzjoni tan-natura u l-konservazzjoni tal-pajsaġġi [Burgenländisches Naturschutz- und Landschaftspflegegesetz, LGB1. (Burgenland) 27/1991, iktar ’il quddiem il-“Bgld NSchLPflG”], l-Artikolu 88a(1) u (2) kif ukoll l-Artikolu 88b tal-Liġi ta’ Burgenland dwar il-kaċċa [Burgenländisches Jagdgesetz 1988, LGB1. (Burgenland) 11/1989, iktar ’il quddiem il-“Bgld JagdG”], l-Artikolu 76(1) tar-Regolament ta’ Burgenland dwar il-kaċċa [Burgenländische Jagdverordnung, LGB1. (Burgenland) 24/1989, iktar ’il quddiem il “Bgld JagdVO”] kif ukoll l-Artikoli 2 u 6 tar-Regolament ta’ Burgenland dwar il-protezzjoni ta’ l-ispeċi [Burgenländische Artenschutzverordnung 2001, LGB1. (Burgenland) 36/2001, iktar ’il quddiem il-“Bgld Artenschutz VO”].
20 L-Artikolu 16 tal-Bgld NSchLPflG jipprovdi:
“1. Sakemm mhumiex ikkunsidrati bħala selvaġġina u sakemm mhumiex suġġetti għal-liġijiet dwar is-sajd, huma protetti s-segwenti:
a) l-annimali selvaġġi […] kif ukoll dawk elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 79/409/KEE, fl-Annessi II, IV u V tad-Direttiva 92/43/KEE, fl-Annessi II u II tal-Konvenzjoni ta’ Berne kif ukoll l-ispeċi elenkati fl-Annesi I u II tal-Konvenzjoni ta’ Bonn;
b) mingħajr preġudizzju għall-punt (a), kull speċi oħra ta’ għasafar selvaġġi hija protetta salv l-isturnell (Sturnus vulgaris), skond l-Artikolu 88a [tal-Bgld JagdG], […]
2. Rigward l-ispeċi ta’ annimali protetti jew mhedda, il-Gvern tal-Land, permezz ta’ Regolament, jipprovdi għal:
a) eċċezzjonijiet […];
b) miżuri u metodi ta’ qbid mhux permess għall-finijiet ta’ protezzjoni tal-popolazzjoni ta’ l-ispeċi;
c) miżuri li jistgħu jittieħdu li jiffavorixxu t-tiġdid tal-popolazzjoni ta’ l-ispeċi protetti; […]
d) l-ispeċi, li għall-finijiet ta’ protezzjoni, huma pprojbiti t-tneħħija, id-deterjorazzjoni jew id-distruzzjoni tal-bejtiet u tas-siti tagħhom, tas-siti tat-tgħammir, taż-żoni ta’ riproduzzjoni, taż-żoni ta’ rqad u fejn iqattgħu x-xitwa (is-siġar li jintużaw għall-bejtiet, is-siġar moħwija, l-irdum u l-ħitan użati għall-bejtiet, imqasab, ibraġ u siti simili);
[…]
4. Huwa pprojbit li tikkaċċja, tfixkel, taqbad, titrasporta, iżżomm maqbuda, tweġġa’, toqtol, iżżomm, tneħħi jew anke tagħmel ħsara lil annimali protetti, u dan japplika f’kull stadju ta’ l-iżvilupp tagħhom. Huwa pprojbit li toffri għall-bejgħ, li takkwista jew li titrasferixxi dawn l-annimali jew xi parti minnhom, ikun liema jkun l-istat li fih jinsabu, l-eta’ tagħhom jew l-istadju taż żvilupp li jinsabu fih. Huwa wkoll pprojbit li tħabbar pubblikament li għandek dawn l-annimali għall-bejgħ jew li lest takkwistahom.
5. Kull persuna li huwa l-possessur jew il-proprjetarju ta’ annimali li huma speċi protetti (inklużi partijiet ta’ dawn l-annimali u jkun liema jkun l-istadju ta’ żvilupp tagħhom) għandha, meta mitluba mill-awtoritajiet, tippreżenta prova ta’ l-oriġini tagħhom. Annimali protetti li huma misjuba mejta jew fi Stat li għandhom bżonn fejqan huma l-proprjetà tal-Land u għandhom jittieħdu mingħajr dewmien għand l-awtoritajiet jew għand istituzzjoni xjentifika indikata minnhom.
[…]”
21 L-Artikolu 16a tal-Bgld NSchLPflG jipprovdi:
“1. Il-Gvern tal-Land għandu jassigura jew jistabbilixxi mill-ġdid diversità suffiċjenti u spazju suffiċjenti ta’ ħabitat ta’ l-ispeċi elenkati fid-Direttivi 92/43/KEE u 79/409/KEE […]. Fl-ewwel lok, dan jitlob il-miżuri segwenti:
a) il-ħolqien ta’ żoni ta’ protezzjoni […] jew il-konklużjoni ta’ ftehim kif ukoll l-għoti ta’ għajnuna […];
b) il-manutenzjoni u l-arranġament meħtieġa skond il-protezzjoni tal-ħabitat li jinsab ġewwa u barra miż-żoni li huma espliċitament protetti;
c) ir-ristrutturazzjoni tal-ħabitat meqrud;
d) il-ħolqien ta’ ħabitat;
e) il-manutenzjoni, l-istabbiliment mill-ġdid u t-titjib tal-proċessi ekoloġiċi li jikkundizzjonaw l-iżvilupp naturali tal-ħabitat.
2. Il-Gvern tal-Land għandu jissorvelja u jiddokumenta l-istat ta’ konservazzjoni ta’ l-ispeċi elenkati fid-Direttivi […]
3. Il-Gvern tal-Land għandu jistabbilixxi, permezz ta’ Regolament, miżuri ta’ riċerka, ta’ kontroll jew ta’ konservazzjoni sabiex il-qabda jew il-qtil mhux intenzjonat ma jkollhomx effet negattiv fuq l-ispeċi protetti.
[…]”
22 L-Artikolu 16b tal-Bgld NSchLPflG jipprovdi:
“Fid-dawl tal-bżonnijiet rispettivi tagħhom ta’ protezzjoni, il-Gvern tal-Land għandu jieħu miżuri speċjali ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ speċi migratorji li l-passa tagħhom hija regolari għal dak li għandu x’jaqsam mas-siti tar-riproduzzjoni, tal-ħrif, u taż-żoni ta’ fejn iqattgħu x-xitwa, u fejn dawn regolarment jieqfu waqt il-vjaġġ tal-migrazzjoni kif ukoll ta’ l-ambjent fil-viċinanza. Għal dan il-għan, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-protezzjoni ta’ żoni umdi, b’mod partikolari lil dawk li huma ta’ importanza internazzjonali”.
23 L-Artikolu 88a tal-Bgld JagdG jipprovdi:
“1) Għall-protezzjoni tad-dwieli (paragrafu 2), il-kaċċa ta’ l-isturnell hija awtorizzata matul il-perijodu bejn il-15 ta’ Lulju u t-30 ta’ Novembru.
2) Il-ħtieġa ta’ din il-miżura għandha tiġi kkonstatata permezz ta’ regolament tal-Gvern tal-Land meta tkun antiċipata tpassija ta’ massa ta’ sturnell f’żona fejn ikun hemm id-dwieli […]”
24 L-Artikolu 88b tal-Bgld JagdG jipprovdi:
“[…]
2) il-gallina tista’ tiġi kkaċċjata mill-1 ta’ Marzu sal-15 ta’ April (permezz ta’ kaċċa magħrufa bħala ‘Schnepfenstrichs’)”.
25 Skond l-Artikolu 76 tal-Bgld JagdVO:
“1) L-annimali li jistgħu jiġu kkaċċjati elenkati hawn isfel ma jistgħux jiġu kkaċċjati, maqbuda jew maqtula matul il-perijodi ta’ l-irkupru bijoloġiku kif indikat skond is-segwenti:
[…]
2. Tajr tal-kaċċa:
[…]
e) Ħamiem selvaġġ:
Tuduni u ħamiem tal-kullar, mis-16 ta’ April sat-30 ta’ Ġunju,
Gamiema, mill-1 ta’ Novembru sat-30 ta’ Ġunju;
f) Bekkaċċ
Gallina, mill-1 ta’ Jannar sat-28 ta’ Frar u mis-16 ta’ April sat-30 ta’ Settembru,
[…]”
26 L-Artikolu 2 tal-Bgld ArtenschutzVO jipprovdi:
“1. Huwa pprojbit li jiġu mhedda siti tat-trobbija, tar-riproduzzjoni, tar-refuġju, jew ta’ fejn iqattgħu x-xitwa l-ispeċi segwenti:
qerd in-naħal (merops apiaster)
farruġ (coracias garrulus)
ċawla żgħira ħalliela (corvus monedula)
għasfur ta’ San Martin (alcedo atthis)
[…]
sterna (sterna hirundo)
ħawwiefa tax-xtut (riparia riparia)
tektiek is-siġar b’dahru abjad (dendrocopos leucotos)
ċikonja bajda (cinonia cicoria)
daqquqa tat-toppu (upupa epops)
[…]
2. Huwa pprojbit b’mod partikolari
1) li jitneħħa ġebel, blat jew imsaġar li jservu bħala siti ta’ l-ispeċi elenkati fl-Artikolu 2(1), jew li jsir tixbit f’dawn is-siti matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni ;
[…]”
27 L-Artikolu 6 tal-Bgld ArtenschutzVO jipprovdi:
“L-użu għal finijiet agrikoli jew forestali huwa permess skond l-Artikolu 19 [tal-Bgld NSchLPflG]. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament preżenti ma jaffettwawx il-prattika regolari tal-kaċċa u tas-sajd”
Il-Land ta’ Kärnten
28 Id-dispożizzjonijiet rilevanti huma s-segwenti: l-Artikolu 3, l-Artikolu 51(1) sa (5), l-Artikolu 59(1) u l-Artikolu 68(1) tal-Liġi ta’ Kärnten dwar il-kaċċa [Kärnter Jagdgesetz 2000, LGB1. (Kärnten) 21/2000, iktar ’il quddiem il-“KrntJagdG”] kif ukoll l-Artikolu 9(2) tar-Regolament ta’ Kärnten dwar il-kaċċa [Kärnter Jagdgsetz 2000 - Durchführungsverordnung, LGB1. (Kärnten) 132/1991, iktar ’il quddiem il-“KrntJagdVO”].
29 L-Artikolu 3 tal-KrntJagdG jipprovdi:
“1. Il-kaċċa għandha tiġi pprattikata b’mod xieraq u skond l-użanzi, b’kunsiderazzjoni tal-prinċipji tal-prattika tajba tal-kaċċa.. Huwa pprojbit li l-popolazzjoni ta’ speċi ta’ annimali tal-kaċċa tiġi pperikolata permezz ta’ kaċċa li mhijiex ipprattikata kif xieraq. Barra minn hekk, il-kaċċa għandha tiġi pprattikata b’mod li ma tnaqqasx l-effetti pożittivi ta’ l-interess pubbliku tal-foresta u, b’mod partikolari, li timpedixxi li l-annimali tal-kaċċa jikkawżaw ħsara lill-foresta […]
2. Il-kaċċa hija pprattikata b’mod xieraq meta, l-eżerċizzju tagħha, inkluż il-ħarsien u l-protezzjoni ta’ l-annimali tal-kaċċa, jkollu l-effett li jikseb u jmantni popolazzjoni ta’ annimali tal-kaċċa b’saħħitha, ta’ diversi speċi, li tkun adattata għad-daqs u għall-karatteristiċi taż-żona fejn issir il-kaċċa. F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni ekosistema bbilanċjata, il-bżonnijiet agrikulturali u forestali kif ukoll l-ippjanar konformi mal-prinċipji tal-bżonnijiet ekoloġiċi ta’ l-annimali tal-kaċċa. Il-prattika tajba tal-kaċċa tinkludi wkoll il-protezzjoni ta’ l-annimali tal-kaċċa kif mitlub mil-liġi.
[…]”
30 L-Artikolu 51 tal-KrntJagdG jipprovdi :
“1. Il-kaċċa għal dawn l-ispeċi hija pprojbita matul is-sena kollha […]
2. Fir-rigward ta’ speċi ta’ annimali tal-kaċċa li mhumiex elenkati fil-paragrafu 1, il-Gvern tal-Land għandu jiddetermina, permezz ta’ regolament, filwaqt li jieħu in kunsiderazzjoni l-prinċipji tal-prattika tajba tal-kaċċa (Artikolu 3), il- konservazzjoni ta’ l-ispeċi ta’ annimali tal-kaċċa mhedda, kif ukoll l-età, is-sess u l-karatteristiċi partikolari ta’ l-annimali tal-kaċċa, li fir-rigward tagħhom hija pprojbita l-kaċċa matul is-sena kollha jew matul ċerti perijodi (staġun magħluq). […]
3. Fil-każ ta’ theddida gravi għall-popolazzjonijiet ta’ annimali tal-kaċċa li jirrizulta mill-fatt ta’ telf ta’ annimali tal-kaċċa ikkawżat minn kundizzjonijiet ta’ temp eċċezzjonali, ta’ katastrofi naturali, ta’ epidemiji, eċċ, il-Gvern tal-Land jista’, fl-interess tal-prattika tajba tal-kaċċa, itawwal l-istaġun magħluq fit-territorju tal-Land, f’ċerti reġjuni amministrattivi jew f’ċerti żoni tal-kaċċa, jew jiddeċiedi li, għal ċerti speċi ta’ annimali tal-kaċċa, il-kaċċa hija pprojbita s-sena kollha. Dan ir-regolament għandu jiġi abrogat hekk kif ir-raġuni għall-adozzjoni tiegħu ma tibqax teżisti.
4. Il-Gvern tal-Land jista’ jtawwal, għal speċi ta’ annimali tal-kaċċa speċifiċi, il-perijodu ta’ l-istaġun magħluq stabbilit b’applikazzjoni tal-paragrafi 1 jew 2, u dan fir-rigward taż-żoni kollha tal-kaċċa jew ta’ xi wħud minnhom, jew anke – safejn ma jkunux involuti l-ispeċi ta’ annimali tal-kaċċa elenkati fil-paragrafu 4a – iħassarhom jew iqassarhom, meta jidher li dan ikun iġġustifikat fl-interess tal-prattika tajba tal-kaċċa, fid-dawl tal-kundizzjonijiet lokali jew dawk tal-klima. Dawn ir-regolamenti jistgħu jiġu adottati għal terminu massimu ta’ sentejn.
4a) Sabiex jippermetti, fuq bażi selettiva u f’numri żgħar, il-qtil, il-qabda jew id-detenzjoni ta’ l-ispeċi ta’ tajr tal-kaċċa li huwa protett matul is-sena kollha […], il-Gvern tal-Land jista’ – sakemm ma jkun hemm ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti – iħassar jew iqassar il-perijodu ta’ rkupru bijoloġiku previst mill-paragrafu 1 għal dan it-tajr, u dan fl-interess tas-saħħa pubblika, tas-sigurtà pubblika jew fl-interess tas-sigurtà tat-trasport bl-ajru, sabiex jiġu evitati ħsarat serji lill-uċuħ, lill-bhejjem, lill-foresti, liż-żoni tas-sajd u lill-ilma, għall-protezzjoni tal-flora u tal-fawna selvaġġa jew għal finijiet ta’ riċerka u tagħlim, għar-ripopolazzjoni, għall-introduzzjoni mill-ġdid kif ukoll għat-trobbija neċessarja għal dawn l-għanijiet. Barra minn hekk, dan ir-regolament jista jiġi adottat bil-kundizzjoni li l-istat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi elenkati fir-regolament jissussisti minkejja t-tħassir jew t-taqsir tal-perijodu ta’ rkupru bijoloġiku. Sakemm ma jirrigwardax speċi ta’ tajr li hija protetta matul is-sena kollha, regolament bħal dan jista’ jiġi adottat, meta jissussistu l-kundizzjonijiet l-oħra kollha, għal finijiet ta’ protezzjoni tal-proprjetà b’mod ġenerali u tal-konservazzjoni tal-ħabitat naturali. Dawn ir-regolamenti jistgħu jiġu adottati għal terminu massimu ta’ sentejn.
5. Barra minn hekk, il-Gvern tal-Land jista’ jissospendi, għal perijodu adattat, fiż-żoni kollha tal-kaċċa f’reġjun amministrattiv jew f’uħud minnhom, l-applikazzjoni ta’ l-istaġun magħluq li minnu tgawdi speċi ta’ annimali tal-kaċċa speċifika – minbarra l-ispeċi ta’ annimali tal-kaċċa elenkati fil-paragrafu 4a – meta l-interessi tal-prattika tajba tal-kaċċa, ta’ l-agrikultura jew tas-silvikultura hekk jitlbu. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ l-istaġun magħluq tal-kaċċa għall-ispeċi elenkati fis-subparagrafu 4a tista’ tiġi sospiża biss jekk dan ikun neċessarju għall-protezzjoni ta’ wieħed mill-interessi elenkati fis-subparagrafu 4a, jekk ma jkun ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti u sakemm il-kundizzjonijiet imsemmija fit-tieni sentenza tal-paragrafu 4a jkunu ssodisfatti.
[…]”
31 L-Artikolu 59 tal-KrntJagdG jipprovdi:
“1. Il-kaċċaturi liċenzjati għandhom iniżżlu l-annimali tal-kaċċa maqtula, maqbuda jew li mietu b’mod ieħor fiż-żona fejn issir il-kaċċa matul is-sena tal-kaċċa, f’lista li telenka l-annimali tal-kaċċa ikkaċċjati, b’lista separata għal kull żona differenti tal-kaċċa; fejn hemm pjan wieħed ta’ kaċċa għal żoni ta’ kaċċa li jmissu ma’ xulxin, l-iskrizzjoni għandha ssir fl-lista waħda ta’ annimali kkaċċjati […]
2. Sabiex tinżamm il-lista ta’ l-annimali kkaċċjati, għandha tintuża l-formola kif stabbilita minn regolament ta’ l-assoċjazzjoni tal-kaċċaturi tal-Land ta’ Kärnten. Fil-waqt ta’ l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, hemm lok li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-kontenut u l-għan tal-lista ta’ l-annimali kkaċċjati.
[…]”
32 Skond l-Artikolu 68 tal-KrntJagdG:
“1) Huwa pprojbit:
[…]
19.. li jinqerdu l-bejtiet jew it-tqegħid tal-bajd tat-tajr tal-kaċċa jew li jittieħdu l-bejtiet mingħajr awtorizzazzjoni […] kif ukoll li jkun hemm tfixkil tas-siti ta’ riproduzzjoni tat-tajr tal-kaċċa waqt il-perijodu ta’ riproduzzjoni jew tad-dipendenza ;
[…]”
33 L-Artikolu 9 tal-KrntJagdVO huwa fformulat kif ġej:
“[…]
2) L-ispeċi segwenti ma jistgħux jiġu kkaċċjati ħlief matul il-perijodi msemmija (staġun miftuħ) u għandhom jiġu protetti barra minn dan il-perijodu:
– serduk selvaġġ, mill-10 sal-31 ta’ Mejju;
– faġan tal-muntanja, mill-10 sal-31 ta’ Mejju;
[…]
– tiġieġa tal-baħar, mis-16 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Jannar;
– gallina, mill-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Diċembru u mis-16 ta’ Marzu sa’ l-10 ta’ April;
– tuduni u ħamiema tal-kullar, mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Diċembru u mis-16 ta’ Marzu sa l-10 ta’ April;
[…]
– ċawla s-sewda, mill-1 ta’ Lulju sal-15 ta’ Marzu;
– sultan iċ-ċawl, mill-1 ta’ Lulju sal-15 ta’ Marzu;
– ċawla l-bajda, mill-1 ta’ Lulju sal-15 ta’ Marzu”.
Il-Land ta’ Oberösterreich
34 Id-dispożizzjonijiet in kwistjoni huma s-segwenti: l-Artikolu 27(1) u (2) tal-Ligi ta’ Oberösterreich dwar il-protezzjoni tan-natura u tal-pajsaġġi [Oberösterreichisches Natur- und Landschaftschutzgesetz, 2001, LGB1. (Oberösterreich) 129/2001, iktar ’il quddiem l-“Oö NSchG”], l-Artikolu 48(1) sa (4), kif ukoll l-Artikolu 60(3) tal-Liġi ta’ Oberösterreich dwar il-kaċċa [Oberösterreichisches Jagdgesetz, LGB1. (Oberösterreich) 32/1964, iktar ’il quddiem l-“Oö JagdG”], l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Oberösterreich dwar il-protezzjoni ta’ l-ispeċi [Oberösterreichische Artenschutzverordnung, LGB 1. (Oberösterreich) 73/2003, iktar ’il quddiem l-“Oö ArtenschutzVO”] kif ukoll l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Oberösterreich dwar il-perijodi ta’ protezzjoni ta’ annimali li jistgħu jiġu kkaċċjati [Oberösterreichische Schonzeitenverordnung, LGB1. (Oberösterreich) 30/1990, iktar ’il quddiem l-“Oö SchonzeitenVO”].
35 L-Artikolu 27 ta’ l-OöNSchG jipprovdi:
“1) Il-pjanti u l-faqqiegħ selvaġġi kif ukoll l-annimali selvaġġi li mhumiex ikkaċċjati jistgħu jkunu espliċitament protetti permezz ta’ regolament tal-Gvern tal-Land, bil-kundizzjoni li l-ispeċi kkonċernati huma speċi rari fil-pajsaġġ lokali, li l-eżistenza tagħhom hija mhedda jew li l-koservazzjoni tagħhom hija ta’ interess pubbliku minħabba l-bilanc ekoloġiku, sakemm interessi pubbliċi oħra m’għandhomx iktar importanza mill-interessi ta’ protezzjoni. Din id-dispożizzjoni ma tippreġudikax dispożizzjonijiet oħra li jipprovdu kuntrarjament.
2) Kull regolament imsemmi fil-paragrafu 1, b’kunsiderazzjoni ta’ l-Artikoli 5 sa 7 u ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva ta’ l-Għasafar, kif ukoll ta’ l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva tal-Ħabitat għandu jispeċifika:
1. l-ispeċi li huma totalment jew parzjalment protetti;
2. iż-żona u l-perijodu ta’ protezzjoni;
3. il-miżuri intiżi sabiex jipproteġu l-wild, kemm selvaġġ kif ukoll dak imrobbi, ta’ pjanti, faqqiegħ jew annimali protetti;
4. il-miżuri intiżi sabiex jipproteġu l-ħabitats limitati tal-pjanti, tal-faqqiegħ u ta’ l-annimali protetti.”
36 L-Artikolu 48 ta’ l-Oö JagdG jipprovdi:
“1) Għall-finijiet ta’ l-immaniġġjar tal-kaċċa […], il-kaċċa għandha tkun pprojbita safejn dan huwa neċessarju, b’kunsiderazzjoni għall-bżonnijiet marbuta ma’ l-iżvilupp tal-Land. Permezz ta’ regolament, il-Gvern tal-Land, wara li jkun semgħa lill-kummissjoni konsultattiva tal-Land dwar il-kaċċa, għandu jistabbilixxi l-perijodi ta’ l-istaġun magħluq għall-ispeċi differenti ta’ annimali tal-kaċċa jekk ikun il-każ billi jiddistingwihom skond l-età u s-sess, jew iwaqqaf kompletament il-kaċċa ta’ ċertu speċi ta’ annimali tal-kaċċa.
2) Matul l-istaġun magħluq, l-ispeċi ta’ l-annimali kkonċernati ma jistgħux jiġu kkaċċjati, maqbuda jew maqtula.
3) Huwa pprojbit li li jittieħdu, jitfixklu jew jinqerdu t-tqegħid tal-bajd u l-bejtiet tat-tajr tal-kaċċa; il-kaċċaturi liċenzjati jistgħu madankollu jiġbru l-bajd tat-tajr tal-kaċċa bil-għan li jrabbuhom artifiċjalment jew għall-inkubazzjoni.
4) Il-Gvern tal-Land jista’, matul il-perijodu ta’ l-istaġun magħluq, jawtorizza l-qbid ta’ annimali tal-kaċċa għall-finijiet ta’ trobbija kif ukoll il-qtil ta’ dawn l-ispeċi għal finijet xjentifiċi jew biex isiru eżamijiet.
[…]”
37 L-Artikolu 60 ta’ l-Oö JagdG jipprovdi:
“[…]
3) F’bini residenzjali u f’bini kummerċjali, kif ukoll f’ġonna privati magħluqa, il-proprjetarju jista’ jaqbad jew joqtol u jieħu […] isqra żgħar, kuċċard u sparvieri jekk dan ikun neċessarju sabiex tiġi evitata ħsara serja, b’mod partikolari, għall-uċuħ tar-raba’, għat-trobbija ta’ l-annimali u għal forom ta’ proprjetà oħra.”
38 L-Artikolu 5 ta’ l-Oö ArtenschutzVO huwa fformolat kif ġej:
“Huma protetti […]:
2. l-ispeċi ta’ għasafar selvaġġi li mhumiex ikkaċċjati u li jinsabu fin-natura fi stat selvaġġ fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (Artikolu 1 tad-Direttiva 79/409/KEE […] minbarra ċ-ċawla l-bajda (Pica pica), is-sultan iċ-ċawl (Garrulus glandarius), iċ-ċawla s-sewda (Corvus corone corone) u ċ-ċawla ta’ rasha sewda (Corvus corone cornix)”.
39 Skond l-Artikolu 11 ta’ l-OöArtenschutzVO:
“L-awtorizzazzjoni għall-kaċċa selettiva [ta’ kampjuni] ta’ speċi […] għall-wirjiet tradizzjonali ta’ għasafar ta’ l-għana tista’ tingħata biss fir-reġjun amministrattiv ta’ […], barra miż-żoni ta’ protezzjoni għal dawn l-għasafar (ir-raba inċiż ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva ta’ l-Għasafar), u ż-żamma tagħhom tista’ tiġi awtorizzata biss fir-reġjuni ta’ […], u din tista’ tingħata biss skond il-kundizzjonijiet segwenti:
[…]”
40 L-Artikolu 1 ta’ l-Oö SchonzeitenVO jipprovdi:
“1. L-annimali li jistgħu jiġu kkaċċjati segwenti ma jistgħux jiġu kkaċċjati, maqbuda jew maqtula matul il-perijodu ta’ rkupru bijoloġiku indikat hawnhekk:
[…]
Serduk selvaġġ, serduk ippastardjat u faġan tal-muntanja:
– serduk, mill-1 ta’ Ġunju sat-30 ta’ April;
– tiġieġa, is-sena kollha.
[…]
Gallina, mill-1 ta’ Mejju sat-30 ta’ Settembru.
[…]
2. L-ewwel u l-aħħar ġurnata ta’ kull perijodu ta’ rkupru bijoloġiku huma inklużi ma’ dan ta’ l-aħħar”.
Il-Land ta’ Salzburg
41 Id-dispożizzjonijiet in kwistjoni huma s-segwenti: l-Artikolu 3, l-Artikolu 54(1), l-Artikolu 59, l-Artikolu 60(3a) u (4a), l-Artikolu 72(3), kif ukoll l-Artikoli 103 u 104 tal-Liġi ta’ Salzburg dwar il-kaċċa [Salzburger Jagdgesetz 1993, LGB1. (Salzburg) 100/1993, iktar ’il quddiem is-“Sbg NSchG”], l-Artikolu 34 tal-Liġi ta’ Salzburg dwar il-protezzjoni tan-natura [Salzburger Naturschutzgesetz 1999, LGB1. (Salzburg) 73/1999, iktar ’il quddiem is-“Sbg NSchG”] u l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Salzburg dwar il-perijodi ta’ rkupru bijoloġiku [Salzburger Schonzeiten-Verordnung, LGB1. (Salzburg) 53/1996, iltar ’il quddiem is-“Sbg SchonzeitenVO”].
42 L-Artikolu 3 tas-Sbg JagdG jipprovdi:
“Id-dritt tal-kaċċa għandu jiġi pprattikat skond il-prinċipju tal-prattika tajba tal-kaċċa […], b’tali mod li
a) tiġi kkonservata popolazzjoni b’saħħitha ta’ annimali tal-kaċċa ta’ speċi differenti, li hija adattata għall-ħabitat disponibbli;
b) jiġu kkonservati l-bażijiet naturali tal-ħajja ta’ l-annimali tal-kaċċa;
c) ma jiġux ippreġudikati l-effetti pożittivi ta’ interess pubbliku tal-foresta u, b’mod partikolari, li jiġi evitat li l-annimali tal-kaċċa ma jikkawżawx ħsara li tkun ta’ theddida għall-foresta;
d) ma jiġix ippreġudikat l-interess pubbliku fil-protezzjoni tan-natura u tal-pajsaġġi;
e) tiġi ppriservata l-fawna selvaġġa fid-diversità tagħha bħala element importanti tan-natura indiġena u bħala element ta’ l-ekosistema naturali;
f) ssir l-inqas ħsara possibbli għall-użu skond il-liġi ta’ artijiet għal finijiet ta’ l-agrikultura u tal-vitikultura”.
43 L-Artikolu 54 tas-Sbg JagdG jipprovdi:
“1) Għall-ispeċi ta’ annimali tal-kaċċa elenkati aktar ‘l isfel, il-perijodi ta’ rkupru bijoloġiku għandhom jiġu stabbiliti b’regolament tal-Gvern tal-Land: […] serduk selvaġġ, serduk ippastardjat, faġan tal-muntanja, faġan, tuduni, ħamiema tal-kullar, kuluvert, brajmla, brajmla tat-toppu, wiżża tal-ful, wiżża griża, gallina, tiġieġa tal-baħar, ċawla s-sewda, ċawla ta’ rasha sewda, għorab, ċawla l-bajda, sultan iċ-ċawl, gawwija rasha kannella, russett griż, margun. Matul il-perijodi ta’ rkupru bijoloġiku (inkluż l-ewwel u l-aħħar ġurnata), dawn l-ispeċi ta’ annimali tal-kaċċa ma jistgħux jiġu kkaċċjati, maqbuda jew maqtula […]. Meta jiġu stabbiliti l-perijodi ta’ rkupru bijoloġiku, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-karatteristiċi bijoloġiċi ta’ l-imsemmija speċi fid-dawl ta’ konservazzjoni sostenibbli kif ukoll ta’ l-eżiġenzi ta’ l-agrikultura u tas-sivikultura. Il-perijodi ta’ rkupru bijoloġiku jistgħu jiġu stabbiliti separatament skond l-età jew is-sess. Għal dawk l-ispeċi ta’ għasafar li, skond l-Anness II tad-Direttiva ta’ l-Għasafar […], mhumiex meqjusa bħala speċi li jistgħu jiġu kkaċċjati fl-Awstrija, il-perijodi tal-kaċċa għandhom jiġu stabbiliti biss jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 104(4). Għall-ispeċi kollha ta’ għasafar, għandu jiġi assigura li l-perijodu ta’ rkupru bijoloġiku jkopri l-perijodu tat-trobbija, id-diversi stadji tar-riproduzzjoni u tad-dipendenza kif ukoll, fil-każ ta’ għasafar migratorji, il-vjaġġ lura lejn il-postijiet fejn irabbu.
[…]”
44 L-Artikolu 59 tas-Sbg JagdG jipprovdi:
“1. […] Barra minn hekk, [il-kampjuni ta’] l-ispeċi ta’ għasafar selvaġġi li mhumiex elenkati fl-Anness II tad-Direttiva ta’ l-Għasafar bħala speċi li jistgħu jiġu kkaċċjati fl-Awstrija jistgħu jiġu kkaċċjati biss fil-kuntest ta’ pjan ta’ kaċċa. Il-Gvern tal-Land jista’ jiddikjara, permezz ta’ regolament, li ċerti speċi ta’ annimali tal-kaċċa oħra jistgħu jiġu kkaċċjati biss fil-kuntest ta’ pjan ta’ kaċċa meta dan ikun neċessarju sabiex tintlaħaq u tiġi kkonservata popolazzjoni ta’ annimali tal-kaċċa kif prevista fl-Artikolu 3. […]
2. Il-pjan ta’ kaċċa għandu dejjem jieħu in kunsiderazzjoni n-numru ta’ annimali maqtula fis-snin preċedenti, in-numru kkonfermat ta’ annimali li mietu b’mewt naturali jew aċċidentali, l-estensjoni u l-iżvilupp tal-ħsara kkawżata lill-foresta mill-annimali tal-kaċċa kif ukoll l-istat ta’ saħħa u l-istruttura tal-popolazzjoni ta’ l-annimali tal-kaċċa.
3. Il-Gvern tal-Land għandu jadotta dispożizzjonijiet iktar preċiżi li jkunu meħtieġa sabiex jiġi stabbilit u adottat il-pjan ta’ kaċċa […]”
45 L-Artikolu 60 tas-Sbg JagdG huwa fformulat kif ġej:
“[…]
3.a. Fir-rigward ta’ l-ispeċi ta’ għasafar imsemmija fit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 59(1), ma jistax jiġi stabbilit numru minimu ta’ kampjuni li jistgħu jiġu kkaċċjati. Il-Gvern tal-Land għandu jistabbilixxi, permezz ta’ regolament u billi japplika l-Artikolu 104(4) mutatis mutandis, in-numru massimu ta’ kampjuni li jistgħu jiġu kkaċċjati kif ukoll id-distribuzzjoni tagħhom bejn iż-żoni fejn jistgħu jiġu kkaċċjati. Qabel jiġi adottat dan ir-regolament, il-Gvern tal-Land għandu jikkonsulta l-Federazzjoni tal-Kaċċa ta’ Salzburg, il-Federazzjoni tas-Sajd tal-land ta’ Salzburg, il-Kamra ta’ l-Agrikultura u s-Sivikultura tal-Land ta’ Salzburg kif ukoll l-Uffiċju Legali ta’ l-Ambjent tal-Land. In-numru massimu ta’ kampjuni li jistgħu jiġu kkaċċjati għandu jiġi stabbilit b’mod li tintlaħaq u tiġi kkonservata fit-territorju tal-Land popolazzjoni ta’ l-speċi ta’ għasafar ikkonċernati skond il-prinċipji elenkati fl-Artikolu 3, mingħajr ma ssir ħsara inaċċettabbli.
[…]
4.a. Il-pjan ta’ kaċċa annwali għandu jindika, għal kull speċi ta’ annimali tal-kaċċa, diviżi jekk ikun il-każ skond is-sess u l-grupp ta’ età, in-numru massimu ta’ kampjuni li jistgħu jiġu kkaċċjati jew in-numru minimu ta’ kampjuni li jistgħu jiġu kkaċċjati, jew it-tnejn li huma, kif ukoll id-distribuzzjoni ta’ dawn il-kampjuni bejn iż-żoni differenti ta’ kaċċa. […]”
46 L-Artikolu 72 tas-Sbg JagdG jipprovdi:
“[…]
3) Fil-prinċipju, l-użu ta’ nases biex jinqatlu annimali tal-kaċċa huwa pprojbit. Madankollu, il-Gvern tal-Land jista’ jagħti permess lill-proprjetarji taż-żona tal-kaċċa jew lill-għaqdiet ta’ konservazzjoni sabiex jużaw nases meta:
a) il-ħajja jew is-saħħa tal-bniedem hija mhedda mill-annimali selvaġġi u din it-theddida ma tistax tiġi evitata b’mod ieħor, jew
b) interessi pubbliċi ta’ importanza simili ma jistgħux jiġu protetti b’mod ieħor.
[…]”
47 L-Artikolu 103 tas-Sbg JagdG jipprovdi:
“1. L-ispeċi ta’ annimali tal-kaċċa elenkati iktar ’il quddiem huma espliċitament protetti, u dan matul l-istadji kollha tal-ħajja tagħhom :
[…]
b) l-ispeċi kollha ta’ tajr tal-kaċċa.
2. Id-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni segwenti japplikaw fil-każ ta’ speċi ta’ annimali tal-kaċċa elenkati fil-paragrafu 1;
a) kull tip ta’ qbid jew qtil intenzjonat ta’ annimali mrobbija fis-selvaġġ huwa pprojbit;
b) it-tfixkil intenzjonat ta’ dawn l-ispeċi, b’mod partikolari, matul il-perijodi tar-riproduzzjoni, tad-dipendenza, taż-żmien ta’ rqad fix-xitwa u tal-migrazzjoni, huwa pprojbit;
c) il-qerda, id-deterjorament jew it-tneħħija intenzjonata tas-siti ta’ riproduzzjoni, tal-bejtiet jew taż-żoni ta’ mistrieħ huma pprojbiti;
d) it-teħid ta’ bajd mis-selvaġġ u ż-żamma tal-bajd, anke jekk vojta, huma pprobjiti;
e) iż-żamma, it-trasport, il-kummerċ jew il-bdil kif ukoll l-offerta għall-bejgħ ta’ kampjuni ta’ speċi, ħajjin jew mejtin, […] li ttieħdu mis-selvaġġ huma pprojbiti. Din il-projbizzjoni testendi wkoll għal kull prodott miksub minn għasfur kif ukoll għal kull oġġett ieħor fil-każ li minn dokument ġustifikattiv, mill-pakkeġġ, minn tikketta jew minn xi sinjal ieħor jirriżulta li dawn il-prodotti, jew parti minnhom, huma miksuba mill-annimali kkonċernati.
f) il-bejgħ ta’ kampjuni, ħajjin jew mejtin, ta’ speċi […] li ttieħdu mis-selvaġġ huwa pprojbit, kif ukoll it-trasport, iż-żamma intenzjonata għall-bejgħ u l-offerta għall-bejgħ ta’ dawn il-kampjuni; din il-projbizzjoni tapplika wkoll għall-partijiet li jintgħarfu bħala li ġejjin minn dawn l-annimal u għall-prodotti miksuba minnhom.
3. Meta t-tqegħid tal-bajd jiġi mhedded mill-agrikultura jew mis-sivikultura, il-proprjetarju taż-żona tal-kaċċa jista’ jressaqhom jew ineħħihom għal finijiet ta’ trobbija artifiċjali, safejn it-tqegħid tal-bajd ma jkunx jista’ jiġi mħares b’mod ieħor”.
48 L-Artikolu 104 tas-Sbg JagdG jipprovdi:
“[…]
4) L-awtorità tista’ tawtorizza derogi oħra għall-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 103(2) meta dan ma jipperikolax il-popolazzjoni ta’ l-ispeċi selvaġġa kkonċernata u sakemm ma teżistix soluzzjoni sodisfaċenti oħra sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq. Dawn id-derogi għandhom jingħataw biss għall-finijiet segwenti:
a) il-protezzjoni ta’ annimali jew pjanti selvaġġi oħra u l-konservazzjoni tal-ħabitat naturali tagħhom;
b) il-prevenzjoni ta’ ħsara gravi għall-uċuħ tar-raba’, għall-bhejjem, għall-foresti, għall-ilmijiet fejn jikber il-ħut kif ukoll, fil-każ ta’ tajr tal-kaċċa, għal forom oħra ta’ proprjetà;
c) is-saħħa pubblika u s-sigurtà pubblika, jew, fil-każ ta’ tajr tal-kaċċa, raġunijiet imperattivi oħra ta’ interess pubbliku kbir, b’mod partikolari ta’ ordni soċjali jew ekonomiku jew marbutin ma’ konsegwenzi pożittivi għall-ambjent;
d) ir-riċerka u t-tagħlim;
e) iż-żieda tal-popolazzjoni ta’ dawn l-ispeċi jew l-ispostament tagħhom kif ukoll it-trobbija neċessarja għal dan il-għan;
f) il-kummerċjalizzazzjoni ta’ numru żgħir ta’ annimali (jew ta’ partijiet ta’ annimali jew ta’ prodotti miksuba minn dawn l-annimali) ta’ speċi ta’ tjur tal-kaċċa li l-qbid jew il-qtil tagħhom huwa awtorizzat skond il-paragrafu 1”.
49 L-Artikolu 34 tas-Sbg NSchG huwa fformulat kif ġej:
“1) L-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-protezzjoni tan-natura jistgħu, fuq talba, jiddeċiedu li jagħtu derogi għall-projbizzjonijiet previsti […]. Għalhekk, l-awtorizzazzjoni ma tistax […] tingħata ħlief għal miżuri li għandhom wieħed mill-għanijiet segwenti:
[…]
2. il-produzzjoni ta’ xorb;
[…]
3) L-awtorizzazzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 għandhom jingħataw biss jekk l-għan tal-miżura in kwistjoni ma jistax jintlaħaq b’mod sodisfaċenti permezz ta’ mezzi oħra u jekk il-popolazzjonijiet ta’ l-annimali jew il-pjanti l-oħra li hemm fiż-żona ma jbatux minħabba dan l-intervent”.
50 L-Artikolu 1 tas-Sbg SchonzeitenVO jipprovdi:
“Għall-ispeċi ta’ annimali tal-kaċċa elenkati hawn taħt, il-perijodi ta’ rkupru bijoloġiku, li jinkludu l-ewwel u l-aħħar ġurnata, huma stabbiliti kif ġej:
Speċi ta’ annimali tal-kaċċa Perijodu ta’ rkupru bijoloġiku
[…]
Serduk selvaġġ 1.6 – 30.4
Serduk ippastardjat 16.6 – 30.4
Faġan tal-muntanja 16.6 – 30.4
[…]
Gallina 1.1 – 28.2
16.4 – 30.9
[…]”
Il-Land ta’ Tirol
51 Id-dispożizzjonijiet in kwistjoni huma s-segwenti: l-Artikolu 1(1) tar-Regolament li japplika l-Liġi dwar il-kaċċa ta’ Tirol [Zweite Durchführungsverordnung zum Tiroler Jagdgesetz, 1983, LGB1. (Tirol) 16/1995, iktar ’il quddiem id-“DurchfVO Tiroler JagdG”] u l-Artikolu 4(3) tar-Regolament ta’ Tirol dwar il-protezzjoni tan-natura [Tiroler Naturschutzverordnung, 1997, LGB1. (Tirol) 95/1997, iktar ’il quddiem it-“Tiroler NSchVO”].
52 L-Artikolu 1 tad-DurchfVO Tiroler JagdG jipprovdi:
“1) Salv għal dispożizzjonijiet kuntrarji […], l-ispeċi ta’ annimali tal-kaċċa elenkati hawn taħt ma jistgħux jiġu kkaċċjati ħlief matul il-perijodi indikati (perijodi ta’ kaċċa):
[…]
9. Serduk selvaġġ, matul is-snin bil-fard biss, mill-1 ta’ Mejju sal-15 ta’ Mejju ;
10. Faġan tal-muntanja, mill-10 ta’ Mejju sal-31 ta’ Mejju ;
[…]”
53 L-Artikolu 4 tat-Tiroler NSchVO jipprovdi:
“[…]
2) Huwa pprojbit :
a) li jiġu mfixkla, segwiti, maqbuda, mrobbija, miżmuma ħajjin jew mejtin, li jiġu trasportati, offruti, offruti għall-bejgħ, mixtrija jew maqtula b’mod volontarju l-għasafar ta’ speċi protetti;
[…]
3) Il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 2(a) ma tikkonċernax it-tgerrix taċ-ċawl, ta’ l-isturnell u tal-malvizz iswed mill-uċuħ agrikoli u forestali kif ukoll mill-ġonna privati”.
Il-Land ta’ Vorarlberg
54 Id-dispożizzjoni in kwistjoni hija l-Artikolu 27(1) tar-regolament ta’ Vorarlberg dwar il-kaċċa [Vorarlberger Jagdverordnung, LGB1. (Vorarlberg), 24/1995, iktar ’il quddiem il-“Vlbg JagdVO”], li jipprovdi :
“1) Jistgħu jiġu kkaċċjati matul il-perijodi elenkati hawn taħt, inkużi l-ewwel u l-aħħar ġurnata:
[…]
c) is-serduk selvaġġ 11.05 – 31.05
[…]”
Il-Land ta’ Vjenna
55 Id-dispożizzjonijiet in kwistjoni huma s-segwenti : l-Artikolu 69(1) tal-Liġi ta’ Vjenna dwar il-kaċċa [Wiener Jagdgesetz, LGB1. (Vjenna) 6/1948, iktar ’il quddiem il-“Wiener JagdG”] u l-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Vjenna dwar il-perijodi ta’ rkupru bijoloġiku [Wiener Schonzeitenverordnung, LGB1. (Vjenna) 241/2004, iktar ’il quddiem il-“Wiener SchonzeitenVO”].
56 L-Artikolu 69 tal-Wiener JagdG jipprovdi:
“1) Fid-dawl ta’ l-eżiġenzi ta’ l-iżvilupp rurali, il-perijodi ta’ rkupru bijoloġiku għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ regolament, skond il-prinċipji tal-prattika tajba tal-kaċċa, għad-diversi speċi ta’ annimali li jistgħu jiġu kkaċċjati […], possibbilment skond l-eta’ u s-sess. Matul dan il-perijodu ta’ rkupru bijoloġiku, l-annimali tal-kaċċa ma jistgħux jiġu kkaċċjati, segwiti, maqbuda jew maqtula. L-ewwel u l-aħħar ġurnata huma inklużi fil-perijodu ta’ rkupru bijoloġiku.
[…]”
57 L-Artikolu 1 tal-Wiener SchonzeitenVO jipprovdi:
“1) L-annimali li jistgħu jiġu kkaċċjati elenkati hawn taħt ma jistgħux jiġu segwiti, maqbuda jew maqtula matul il-perijodi ta’ rkupru bijoloġiku indikati iktar ’il quddiem :
[…]
12. Gallina, mis-16 ta’ April sal-15 ta’ Ottubru ;
[…]”
Il-proċedura prekontenzjuża
58 Fit-13 ta’ April 2000, il-Kummissjoni ppreżentat ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika ta’ l-Awstrija dwar numru ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari tal-Länder ta’ dan l-Istat Membru li, skondha, ma kinux jissodisfaw l-eżiġenzi ta’ traspożizzjoni sħiħa u korretta tad-Direttiva.
59 Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija rrispondiet permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Lulju 2000, li fiha ħabbret l-emendi ta’ ċertu testijiet, filwaqt li kkontestat il-pożizzjoni tal-Kummissjoni għal dak li għandu x’jaqsam mat-traspożizzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.
60 Fis-17 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata, fejn stiednet lir-Repubblika ta’ l-Awstrija tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tikkonforma ruħha f’terminu ta’ xahrejn. Minn din l-opinjoni jirriżulta li l-Kummissjoni ma żammitx l-ilmenti kollha li kienet ressqet inizjalment.
61 Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Diċembru 2003, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija rrispondiet għal din l-opinjoni motivata billi indikat li kien hemm il-ħsieb li jsiru emendi leġiżlattivi u regolamentari li kienu konformi mal-kunċetti ġuridiċi tal-Kummissjoni, filwaqt li tenniet numru ta’ argumenti in sostenn tal-pożizzjoni tagħha fir-risposta għall-ittra ta’ intimazzjoni.
62 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
63 Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni kienet ifformulat disgħa u tletin motiv dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-konvenuta.
64 Fir-risposta tagħha, din ta’ l-aħħar qablet mal-mertu ta’ tlettax minn dawn. Barra minn hekk, hija parzjalment qablet mal-mertu ta’ żewġ motivi oħra.
65 Matul il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni rtirat totalment jew parzjalment numru ta’ motivi dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, billi ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt li ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva kienu sadanittant ġew trasposti b’mod korrett f’ċerti Länder.
66 Madankollu, is-suġġett tar-rikors kif jinsab f’dan l-istadju tal-proċedimenti jikkonċerna t-traspożizzjoni ta’ l-istess dispożizzjonijiet imsemmija fir-rikors li fetaħ il-kawża.
Fuq ir-rikors
Fuq il-motivi dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li mhumiex ikkontestati
Is-suġġett ta’ l-ilmenti tal-Kummissjoni
– Ksur ta’ l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva fil-Länder ta’ Kärnten, ta’ Niederösterreich u ta’ Steiermark
67 Il-Kummissjoni tesponi li mill-Anness 1 relatat ma’ l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Kärnten dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ annimali (Kärntner Tierartenshutzverordnung, iktar ’il quddiem il-“KrntTaSchVO”) jirriżulta li ċ-ċawla s-sewda, ċ-ċawla ta’ rasha sewda, is-sultan iċ-ċawl, iċ-ċawla żgħira ħalliela, iċ-ċawla l-bajda, l-għasfur tal-bejt u l-ħamiema domestika mhumiex speċi protetti, anke jekk dawn ikunu għasafar selvaġġi. Issa, il-protezzjoni mitluba skond id-Direttiva għandha tingħata lill-ispeċi kollha ta’ għasafar li jinsabu fin-natura fi stat selvaġġ fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri.
68 Il-Kummissjoni tirrileva li, skond l-Artikolu 3(5) tar-Regolament tal-Land ta’ Niederösterreich dwar il-protezzjoni tal-pjanti u ta’ l-annimali selvaġġi (Niederösterreichische Verordnung über den Schutz wildwachsender Pflanzen und freilebener Tiere, iktar ’il quddiem in-“Nö NSchVO”), huma biss l-ispeċi ta’ għasafar “indiġeni” li huma kompletament protetti. Barra minn hekk, ħames speċi li jaqgħu taħt din il-kategorija, jiġifieri ċ-ċawla s-sewda, iċ-ċawla ta’ rasha sewda, ċ-ċawla żħira ħalliela, l-għasfur tal-bejt u l-ħamiema domestika, huma esklużi mis-sistema ta’ protezzjoni prevista mid-Direttiva.
69 Il-Kummissjoni ssostni li, skond l-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Steiermark dwar il-protezzjoni tan-natura (Steiermärkische Naturschutzverordnung, iktar ’il quddiem is-“StmkNSchVO”), l-isturnell, l-għasfur tal-bejt, il-ħamiema domestika u l-għorab, anke meta dawn ikunu speċi indiġeni, huma esklużi mill-protezzjoni mitluba mid-Direttiva bejn l-1 ta’ Lulju u l-31 ta’ Jannar.
– Ksur ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva fil-Länder ta’ Kärnten, ta’ Niederösterreich u ta’ Steiermark
70 Il-Kummissjoni tinnota li mill-Anness 1 tal-KrntTaSchVO jirriżulta li ċ-ċawla s-sewda, iċ-ċawla ta’ rasha sewda, is-sultan iċ-ċawl, iċ-ċawla żħira ħalliela, iċ-ċawla l-bajda, l-għasfur tal-bejt u l-ħamiema domestika mhumiex protetti kif mitlub mid-Direttiva.
71 Il-Kummissjoni tirrileva, li skond l-Artikolu 3(5) tan-Nö NSchVO, huma biss l-ispeċi ta’ għasafar “indiġeni” li huma protetti. Barra minn hekk, ħamsa minn fost dawn l-ispeċi, jiġifieri ċ-ċawla s-sewda, iċ-ċawla ta’ rasha sewda, iċ-ċawla żħira ħalliela, l-għasfur tal-bejt u l-ħamiema domestika huma esklużi mis-sistema ta’ protezzjoni mitluba mid-Direttiva. Barra minn hekk, is-sistema ġenerali ta’ protezzjoni prevista fl-Artikolu 18(4) u (5) tan-Nö NSchVO ma tapplikax għal dawn l-ispeċi.
72 Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 13 tal-Liġi ta’ Steiermark dwar il-protezzjoni tan-natura (Steiermärkisches Naturschutzgesetz) jipprevedi l-adozzjoni ta’ regolamenti għall-protezzjoni ta’ l-għasafar koperti mid-Direttiva. Issa, ebda regolament abbażi ta’ din id-dispożizzjoni ma ġie ppromulgat. Barra minn hekk, l-isturnell, l-għasfur tal-bejt, il-ħamiema domestika u l-għorab, anke meta jkunu speċi indiġeni, huma protetti biss mill-1 ta’ Frar sat-30 ta’ Ġunju.
– Ksur ta’ l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva fil-Land ta’ Niederösterreich
73 Il-Kummissjoni tinnota li mill-Artikolu 3(5), kif ukoll mill-Artikolu 4(1) u (2) tan-Nö NSchVO jirriżulta li ċ-ċawla s-sewda, iċ-ċawla ta’ rasha sewda, iċ-ċawla żgħira ħalliela u l-għasfur tal-bejt huma kompletament esklużi mill-protezzjoni mitluba mid-Direttiva, filwaqt li s-sultan taċ-ċawl u ċ-ċawla l-bajda huma parzjalment esklużi. Issa, dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu ksur ta’ l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva, li jipprovdi li l-ispeċi elenkati fl-Anness II tagħha biss jistgħu jiġu kkaċċjati.
– Ksur ta’ l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva fil-Land ta’ Steiermark
74 Il-Kummissjoni tenfasizza li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 49(1) tal-Liġi ta’ Steiermark dwar il-kaċċa (Steiermärkisches Jagdgesetz, iktar ’il quddiem is-“Stmk JagdG”) u l-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Steiermark dwar il-perijodi tal-kaċċa (Steiermärkische Jagdzeiternverordnung), meħuda flimkien, jistabbilixxu perijodi ta’ kaċċa li huma inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fir-rigward ta’ numru ta’ speċi, jiġifieri s-serduk selvaġġ (mill-1 sal-31 ta’ Marzu, minflok mill-1 ta’ Ottubru sat-28 ta’ Frar), il-faġan tal-muntanja (mill-1 sal-31 ta’ Mejju, minflok mil-21 ta’ Settembru sal-31 ta’ Marzu) u l-gallina (mis-16 ta’ Marzu sal-15 ta’ April u mill-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Diċembru, minflok mill-11 ta’ Settembru sad-19 ta’ Frar).
– Ksur ta’ l-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva fil-Land ta’ Steiermark
75 Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Artikolu 62(3) tas-Stmk JagdG u l-Artikolu 5(1) tas-Stmk NSchVo ma jieħdux in kunsiderazzjoni d-dispżizzjonijiet ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva, minħabba li jipprevedu deroga ġenerali mis-sistema ta’ protezzjoni prevista minn din ta’ l-aħħar għal dak li għandu x’jaqsam mat-tneħħija tal-bejtiet u mat-tgerrix miż-żoni ta’ tgħammir ta’ l-ispeċi protetti li jinsabu fil-ġonna u bini privati.
76 Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tindika li l-emendi neċessarji sabiex jirrendu l-atti legali nazzjonali kollha msemmija iktar ’il fuq konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva qegħdin fl-istadju ta’ preparazzjoni.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
77 Fir-rigward ta’ l-ilment tal-Kummissjoni għal dak li għandu x’jaqsam mal-konformità tas-sistema ta’ protezzjoni tal-ħamiema domestika fil-Land ta’ Kärnten ma’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva, hemm lok li jiġi nnotat li, skond il-punt 44 tar-rikors, din l-ispeċi taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, filwaqt li, skond il-punt 47 ta’ dan ir-rikors, din l-ispeċi mhijiex speċi ta’ għasfur selvaġġ.
78 Għaldaqstant, jidher li dan ir-rikors huwa kontradittorju f’dan is-sens u għalhekk ma jissodisfax l-eżiġenzi ta’ l-Artikolu 38(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura. Għaldaqstant, ir-rikors huwa inammissibbli safejn jirrigwarda s-sistema ta’ protezzjoni tal-ħamiema domestika fil-Land ta’ Kärnten.
79 Għal bqija, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skond is-sitwazzjoni ta’ l-Istat Membru kif tirriżulta meta jiskadi t-terminu preskritt fl-opinjoni motivata u l-bidliet leġiżlattivi jew regolamentari li jkunu saru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-323/01, Ġabra p. 4711, punt 8, u tas-27 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-23/05, Ġabra p. I-9535, punt 9).
80 Fid-dawl tal-fatt li l-opinjoni motivata ġiet innotifikata fis-17 ta’ Ottubru 2003 u fid-dawl tat-terminu preskritt fl-imsemmija opinjoni, id-dispożizzjonijiet rilevanti fid-dritt nazzjonali kellhom ikunu konformi mal-preskrizzjonijiet tad-Direttiva sa mhux iktar tard mis-17 ta’ Diċembru 2003.
81 Issa, mill-osservazzjonijiet tar-Repubblika ta’ l-Awstrija dwar il-motivi ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li ssemmew iktar ’il fuq jirriżulta li dan l-Istat Membru jammetti li l-miżuri neċessarji sabiex ikun hemm traspożizzjoni korretta tad-Direttiva fir-rigward ta’ dawn kollha ma kinux ġew adottati fit-terminu preskritt.
82 Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat għal dak li għandu x’jaqsam mal-motivi dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu msemmija, minbarra l-ilment rigward is-sistema ta’ protezzjoni tal-ħamiema domestika fil-Land ta’ Kärnten, li huwa inammissibbli.
Fuq il-motivi dwar ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li huma kkontestati
Ksur ta’ l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva fil-Länder ta’ Burgenland u ta’ Oberösterreich
– Il-Land ta’ Burgenland
L-argumenti tal-partijiet
83 Il-Kummissjoni tirrileva li, skond l-Artikolu 16(1)(b) tal-Bgld NSchLPflG, l-ispeċi kollha ta’ għasafar selvaġġi huma protetti minbarra l-isturnell, skond il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 88a tal-Bgld JagdG. Issa, l-isturnell huwa speċi li għandha tkun protetta skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva.
84 Il-Kummissjoni hija wkoll tal-fehma li l-miżura regolamentari prevista mill-Artikolu 88a(2) tal-Bgld JagdG mhijiex suġġetta għar-rispett tal-kundizzjonijiet ta’ deroga elenkati fl-Artikolu 9 tad-Direttiva.
85 Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tindika li, fil-prinċipju, l-isturnell mhuwiex speċi li jista’ jiġi kkaċċjat fil-Land ta’ Burgenland. Madankollu, fid-dawl tal-ħsara kunsiderabbli kkawżata lid-dwieli minn din l-ispeċi, il-leġiżlatur tal-Land ikkunsidra neċessarju li jiġu adottati dispożizzjonijiet derogatorji bis-saħħa ta’ l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva. Għalhekk, il-kaċċa għall-isturnell mhijiex permessa ħlief mill-15 ta’ Lulju sat-30 ta’ Novembru.
86 Skond dan l-Istat Membru, il-protezzjoni tad-dwieli, imsemmija fl-Artikolu 88a(2) tal-Bgdl JagdG, hija konformi ma’ l-għan ta’ l-imsemmiija dispożizzjoni tad-Direttiva. Barra minn hekk, il-kundizzjoni li m’għandux ikun hemm soluzzjoni oħra sodisfaċenti hija sodisfatta peress li kolonji ta’ sturnell li jistgħu jlaħħqu l-50,000 individwu jinvadu kull sena d-dwieli tar-reġjun u peress li l-metodi ta’ tgerrix konvenzjonali mhumiex suffiċjenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
87 Primarjament, għandu jiġi mfakkar minn naħa, li mill-Artikolu 1 tad-Direttiva jirriżulta li din għandha l-għan li tikkonserva l-ispeċi kollha ta’ għasafar li jgħixu b’mod naturali fi stat selvaġġ fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri u għandha l-għan li tipproteġi, tamministra u tikkontrolla dawn l-ispeċi, u, min-naħa l-oħra, li l-protezzjoni effiċjenti ta’ l-għasafar hija problema ambjentali tipikament transkonfinali li timplika responsabbiltajiet komuni għall-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 247/85, Ġabra. p. 3029, punt 6).
88 Konsegwentement, l-Artikolu 1 tad-Direttiva jikkostitwixxi dispożizzjoni li ma tipproklamax linji ta’ gwida ġenerali iżda jinkludi regola ta’ dritt vinkolanti li trid tiġi trasposta fis-sistemi legali ta’ l-Istati Membri.
89 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li t-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ regoli Komunitarji ma tirrikjedix neċessarjament riproduzzjoni formali u testwali tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regoli f’dispożizzjoni espressa u speċifika, u li kuntest legali ġenerali jista’ jkun biżżejjed għal dan il-għan sakemm jassigura effettivament l-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva b’mod li huwa suffiċjentement ċar u preċiż (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ April 1988, Il-Kummissjoni vs Franza, 252/85, Ġabra. p. 2243, punt 5).
90 Fir-rigward ta’ l-ilment tal-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-legiżlazzjoni tal-Land ta’ Burgenland teskludi totalment lill-isturnell, speċi li taqa’ taħt l-Artikolu 1 tad-Direttiva, mill-protezzjoni ta’ għasafar selvaġġi matul il-perijodu bejn il-15 ta’ Lulju u t-30 ta’ Novembru.
91 Issa, kif ikkunsidrat l-Avukat Ġenerali fil-punt 10 tal-Konklużjonijiet tagħha, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali kontenzjużi setgħux jiġu adottati validament skond it-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva, l-esklużjoni totali ta’ speċi partikolari mis-sistema ta’ protezzjoni prevista fl-Artikolu 1 tad-Direttiva, anke matul perijodu limitat, li madankollu huwa konsiderevoli, hija inkompatibbli ma’ dan l-Artikolu.
92 F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-eżattezza tat-traspożizzjoni għandha importanza partikolari fir-rigward tad-Direttiva, safejn il-ġestjoni tal-patrimonju komuni huwa fdat, għat-territorju rispettiv tagħhom, lill-Istati Membri (ara s-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 262/85, Ġabra. p. 3073, punt 9, u tas-7 ta’ Diċembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C-38/99, Ġabra. p. I-10941, punt 53).
93 Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tal-Land ta’ Burgenland imsemmija fl-ilment preżenti tal-Kummissjoni huma inkompatibbli ma’ l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva.
94 Għaldaqstant, l-imsemmi lment tal-Kummissjoni huwa fondat.
– Il-Land ta’ Oberösterreich
L-argumenti tal-partijiet
95 Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 27(1) ta’ l-Oö NSchG jissuġġetta il-protezzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi, minn naħa, għall-adozzjoni ta’ regolament ta’ applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, għall-preżenza ta’ ċertu numru ta’ kundizzjonijiet. Issa, l-Artikolu 1 tad-Direttiva jistabbilixxi obbligu għall-protezzjoni ta’ l-ispeċi kollha ta’ għasafar selvaġġi. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 5(2) ta’ l-Oö ArtenschutzVO, iċ-ċawla l-bajda, is-sultan iċ-ċawl, iċ-ċawla s-sewda u ċ-ċawla ta’ rasha sewda huma kompletament esklużi mis-sistema ta’ protezzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni.
96 Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tenfasizza li l-Artikolu 27(2) ta’ l-Oö NschG jipprovdi għal sistema ta’ protezzjoni regolamentari ta’ pjanti u ta’ annimali li tieħu in kunsiderazzjoni l-eżiġenzi stabbiliti mid-Direttiva.
97 Dan l-Istat Membru jżid jgħid li d-Direttiva tagħmel distinzjoni bejn speċi indiġeni u speċi barranin, u tagħti konsegwenzi ġuridiċi marbuta lil din id-distinzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 11 tad-Direttiva jitlob li jkun hemm kontroll ta’ l-introduzzjoni ta’ speċi barranin sabiex jiġu protetti l-flora u l-fawna lokali.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
98 Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fil-punt 22 tas-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata aktar ’il fuq, li l-effett ta’ protezzjoni tad-Direttiva għandu jiġi assigurat għall-ispeċi kollha ta’ għasafar li jinsabu fin-natura fi stat selvaġġ fit-territorju Ewropew ta’ Stat Membru.
99 Konsegwentement, il-miżuri ta’ protezzjoni li l-Istati Membri huma mitluba jieħdu bis-saħħa ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva għandhom japplikaw ukoll għall-għasafar selvaġġi li l-ħabitat naturali tagħhom ma jinsabx fit-territorju tagħhom imma fit-territorju ta’ Stat Membru jew aktar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata aktar ’il fuq, punt 22, kif ukoll tat-8 ta’ Frar 1996, Vergy, C-149/94, Ġabra, p. I-299, punti 17 u 18).
100 Fir-rigward ta’ l-ilment imressaq mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema ta’ protezzjoni stabbilita mill-Artikolu 27(1) u (2) ta’ l-Oö NSchG, b’mod partikolari, id-delega tal-poter ta’ implementazzjoni lill-awtorita’ li għandha l-poter tadotta regolamenti, hija marbuta ma numru ta’ kundizzjonijiet li jikkonċernaw il-karatteristiċi bijoloġiċi ta’ l-ispeċi elenkati. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(2) ta’ l-Oö ArtenschutzVO jeskludi kompletament ċertu numru ta’ speċi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.
101 Fir-rigward ta’ l-argument tar-Repubblika ta’ l-Awstrija bbażat fuq l-Artikolu 11 tad-Direttiva, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni sempliċement tistabbilixxi obbligu speċifiku li jorbot lill-Istati Membri sabiex jassiguraw li l-introduzzjoni ta’ speċi ta’ għasafar li ma jinsabux fin-natura fi stat selvaġġ fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri ma tippreġudikax il-flora u l-fawna lokali.
102 Għaldaqstant, dan l-artikolu ma jistax jitqies bħala li jikkostitwixxi bażi legali li tippermetti derogi mill-obbligi ta’ protezzjoni li għandhom l-Istati Membri skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva u li jkopru l-ispeċi ta’ għasafar kollha li jinsabu fin-natura fi stat selvaġġ fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri, jiġifieri, fir-rigward ta’ kull Stat Membru, kemm l-ispeċi indiġeni għal dak l-Istat, kif ukoll dawk li jinsabu biss fi Stati Membri oħra.
103 Effettivament, kif jirriżulta mill-punt 15 tas-sentenza tas-27 ta’ April 1988, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata aktar ’il fuq, l-importanza ta’ protezzjoni kompleta u effiċjenti ta’ l-għasafar selvaġġi fi ħdan il-Komunità kollha, ikun fejn ikun il-post ta’ fejn jinstabu jew iż-żoni minn fejn jgħaddu, tirrendi inkompatibbli mad-Direttiva kull leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-protezzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi billi tirreferi għall-fawna nazzjonali.
104 Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva ma ġiex traspost b’mod korrett fil-Land ta’ Oberösterreich.
105 Għaldqstant, l-ilment tal-Kummissjoni għandu jintlaqa’.
Ksur ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva fil-Länder ta’ Burgenland, ta’ Kärnten u ta’ Oberösterreich
– Il-Land ta’ Burgenland
L-argumenti tal-partijiet
106 Il-Kummissjoni ssostni li s-sistema li tikkonċerna l-isturnell prevista fl-Artikolu 16(1)(b) tal-Bgld NSchLPflG u fl-Artikolu 88a tal-Bgld JagdG ma tassigurax protezzjoni skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva għal din l-ispeċi, fi kwalunkwe każ mhux matul is-sena kollha.
107 Il-Kummissjoni ssostni wkoll li, skond l-Artikolu 6 tal-Bgld ArtenschutzVO, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ma jaffettwawx is-sajd u l-kaċċa. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tippermetti ħsara intenzjonata lill-bejtiet kif ukoll liż-żoni tar-riproduzzjoni, tal-mistrieħ u ta’ fejn iqattgħu x-xitwa dawn l-ispeċi protetti.
108 Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tispjega li l-leġiżlatur tal-Land adotta dispożizzonijiet derogatorji minħabba l-ħsara kbira kkawżata lid-dwieli mill-ispeċi kkonċernati.
109 Dan l-Istat Membru jsostni li l-protezzjoni ta’ dan l-ispeċi hija assigurata fl-istadji kollha ta’ żvilupp, inkluż l-istadju tal-bajda. Fir-rigward ta’ l-Artikolu 6 tal-Bgld ArtenschutzVO, l-aħħar sentenza tiegħu ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tistabbilixxi deroga ġenerali favur l-attivitajiet tas-sajd u tal-kaċċa.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
110 Preliminarjament, għandu jiġi osservat li s-sistema ta’ protezzjoni ġenerali stabbilita mill-Artikolu 5 tad-Direttiva, kif tipprovdi l-ewwel sentenza tiegħu, testendi għall-ispeċi ta’ għasafar kollha msemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva. L-imsemmija sistema ta’ protezzjoni tinkludi, inter alia, il-projbizzjoni ta’ qtil, ta’ qbid u ta’ tfixkil intenzjonat ta’ l-għasafar protetti.
111 Kif ġie kkonstatat fil-punti 90 u 91 tas-sentenza preżenti, il-fatt li l-isturnell huwa eskluż kompletament mis-sistema ta’ protezzjoni prevista mid-Direttiva bejn il-15 ta’ Lulju u t-30 ta’ Novembru huwa inkompatibbli ma’ l-Artikolu 1 tagħha.
112 Konsegwentement, l-interventi awtorizzati mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 106 ta’ din is-sentenza huma wkoll inkompatibbli mal-projbizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva.
113 Fir-rigward tar-raġuni ta’ deroga invokata mir-Repubblika ta’ l-Awstrija, huwa veru li l-prevenzjoni tal-ħsara lid-dwieli tista’, bħala prinċipju, tippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri derogatorji, bis-saħħa tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva.
114 Madankollu, din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar ma tipprovdix bażi legali sabiex speċi, anke jekk matul perijodu limitat, tiġi eskluża kompletament mis-sistema ta’ protezzjoni prevista mid-Direttiva.
115 Effettivament, il-fatt li speċi ta’ għasfur tiġi eskluża kompletament mis-sistema ta’ protezzjoni prevista mid-Direttiva, anke jekk matul perijodu limitat, jipperikola l-eżistenza stess ta’ din l-ispeċi. Għalhekk, l-Istati Membri huma awtorizzati li jidderogaw mis-sistema ta’ protezzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi fil-każ biss li dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 9(2).
116 Fir-rigward tal-protezzjoni tal-bajd kif ukoll tas-siti tar-riproduzzjoni, tal- mistrieħ u ta’ fejn iqattgħu x-xitwa, għandu jiġi mfakkar li l-oġġetti u l-ispazji kkonċernati jaqgħu taħt is-sistema ta’ protezzjoni stabbilita mill-Artikolu 5 tad-Direttiva, b’mod partikolari, mill-punti (b) sa (d) tiegħu.
117 F’dak li għandu x’jaqsam mal-leġiżlazzjoni kontenzjuża, għandu jiġi osservat li, skond l-Artikolu 16(4) tal-Bgld NSchLPflG, huwa pprojbit li tikkaċċja, tfixkel, taqbad, titrasporta, iżżomm maqbuda, tweġġa’, toqtol, iżżomm jew tneħħi annimali protetti.
118 Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li, skond l-Artikolu 16(2)(d) ta’ l-istess liġi, regolament ta’ applikazzjoni għandu jindika l-ispeċi li fir-rigward tagħhom huma pprojbiti t-tneħħija, il-ħsara jew il-qerda tal-bejtiet, kif ukoll tas-siti tat-tgħammir, tar-riproduzzjoni, tal-mistrieħ u ta’ fejn iqattgħu x-xitwa.
119 Issa, għandu jiġi kkonstatat li, kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 26 tal-Konklużjonijiet tagħha, l-effett ikkumbinat tal-paragrafi 2 u 4 ta’ l-Artikolu 16 tal-Bgld NSchPflG iwassal għal nuqqas ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ numru ta’ speċi, b’tali mod li d-dispożizzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala inkompatibbli ma’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva.
120 Għandu jiġi miżjud li d-dispożizzjonijiet tal-Bgld ArtenschutzVO ma jirrimedjawx dan in-nuqqas ta’ traspożizzjoni. Fil-fatt, il-projbizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jikkonċernaw biss is-siti tat-trobbija, tar-riproduzzjoni, tal-mistrieħ u s-siti fejn iqattgħu x-xitwa ta’ numru żgħir ta’ speċi, u mhux dawk ta’ l-ispeċi kollha protetti.
121 Barra minn hekk, skond l-Artikolu 6 tiegħu, il-miżuri ta’ protezzjoni previsti mill-imsemmi regolament ma japplikawx għas-sajd u l-kaċċa.
122 Issa, dawn l-attivitajiet jistgħu jippreġudikaw l-ispazji u l-oġġetti protetti msemmija fl-Artikolu 5(b) sa (d) tad-Direttiva.
123 Safejn ir-Repubblika ta’ l-Awstrija ma ressqet l-ebda argument li jista’ jiġġustifika s-sistema legali in kwistjoni, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu jitqies bħala fondat.
124 Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva huwa fondat safejn għandu x’jaqsam mad-dispożizzjonijiet kontenzjużi kollha tal-Land ta’ Burgenland.
– Il-Land ta Kärnten
L-argumenti tal-partijiet
125 Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 68(1) tal-KrntJagdG ma jittrasponix il-projbizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 5(a) u (e) tad-Direttiva. Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 68(1) sempliċement jipprovdi għall-projbizzjonijiet dwar il-bejtiet u s-siti ta’ riproduzzjoni. Barra minn hekk, lanqas l-Artikolu 51(4a) tal-KrntJagdG ma jiggarantixxi t-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva msemmija iktar ’il fuq.
126 Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tafferma li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi kollha applikabbli fil-Land ta’ Kärnten jassiguraw il-projbizzjoni ta’ tfixkil tas-siti tar-riproduzzjoni tat-tajr tal-kaċċa. Huwa wkoll ipprojbit li jinqerdu l-bejtiet u t-tqegħid tal-bajd ta’ dawn l-ispeċi jew li jittieħdu l-bajd mingħajr awtorizzazzjoni.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
127 Għandu jiġi osservat li, għalkemm is-sistema prevista mill-Artikolu 68(1) tal-KrntJagdG tipprevedi miżuri ta’ protezzjoni dwar il-bejtiet, it-tqegħid tal-bajd, il-bajd u s-siti ta’ riproduzzjoni tat-tajr tal-kaċċa, din ma tinkludi, madankollu, ebda dispożizzjoni dwar l-obbligu li jiġi assigurat li l-għasafar imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva ma jinqatlux, ma jinqabdux u lanqas ma jinżammu, kif jitlob l-Artikolu 5(a) u (e) tad-Direttiva.
128 Għandu jiġi osservat ukoll li l-Artikolu 51(4a) tal-KrntJagdG lanqas ma jiggarantixxi t-traspożizzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, minħabba li dan jipprovdi biss sensiela ta’ eċċezzjonijiet għas-sistema ta’ protezzjoni ġenerali li tirriżulta mill-projbizzjoni tal-kaċċa skond il-paragrafu 1 ta’ l-imsemmi artikolu.
129 Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(a) u (e) tad-Direttiva, jiġifieri dawk ta’ qtil, qbid jew żamma ta’ għasafar protetti, ma jinsabux elenkati fid-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-punt 125 tas-sentenza preżenti.
130 Għaldaqstant, l-ilment tal-Kummissjoni għandu jitqies bħala fondat fuq dan il-punt.
– Il-Land ta’ Oberösterreich
L-argumenti tal-partijiet
131 Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Artikolu 27(1) ta’ l-Oö NSchG jinkludi miżuri ta’ natura programmatika li huma limitati għall-ispeċi indiġeni. Fil-fatt, id-delega ta’ poter biex jiġi adottat regolament tistabbilixxi b’mod partikolari bħala kundizzjoni għall-protezzjoni li l-ispeċi kkonċernata tkun waħda rari lokalment, li l-popolazzjoni tagħha tkun mhedda jew li l-konservazzjoni tagħha tkun fl-interess pubbliku.
132 Il-Kummissjoni żżid li, skond l-Artikolu 5(2) ta’ l-Oö ArtenschutzVO, iċ-ċawla l-bajda, is-sultan iċ-ċawl, iċ-ċawla s-sewda u ċ-ċawla ta’ rasha sewda huma totalment esklużi mis-sistema ta’ protezzjoni prevista.
133 Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tenfasizza li l-Artikolu 27(2) ta’ l-Oö NSchG jipprevedi l-protezzjoni ta’ pjanti u ta’ annimali permezz ta’ regolament filwaqt li jittieħdu in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-Artikoli 5 sa 7 u l-Artikolu 9 tad-Direttiva. Dan l-għan tal-leġiżlatur bl-ebda mod ma jista jiġi kkwantifikat billi jsir riferiment għall-Artikolu 27(1) ta’ l-Oö NSchG.
134 Dan l-Istat Membru jżid li d-Direttiva tagħmel distinzjoni bejn l-ispeċi indiġeni u l-ispeċi barranin u tagħti kosegwenzi ġuridiċi lil din id-distinzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 11 tad-Direttiva jeżiġi kontroll ta’ l-introduzzjoni ta’ speċi barranin sabiex jiġu protetti l-flora u l-fawna lokali.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
135 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 110 tas-sentenza preżenti, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva jkopri l-ispeċi kollha elenkati fl-Artikolu 1 tagħha. Konsegwentement, l-esklużjoni taċ-ċawla l-bajda, tas-sultan iċ-ċawl, taċ-ċawla s-sewda u taċ-ċawla ta’ rasha sewda mis-sistema ta’ protezzjoni ta’ speċi applikabbli fil-Land ta’ Oberösterreich mhijiex konformi mad-Direttiva.
136 Barra minn hekk, il-fatt li n-numru ta’ speċi protetti huwa limitat skond ċerti kundizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ karatteristiċi bijoloġiċi u ma’ kunsiderazzjonijiet ta’ interess pubbliku huwa wkoll inkompatibbli mad-Direttiva.
137 L-argument tar-Repubblika ta’ l-Awstrija li l-awtorità investita b’poter biex tadotta regolamenti għandha taġixxi b’mod konformi mad-Direttiva ma jistax jibdel din il-konklużjoni. Effettivament, huwa biżżejjed li jingħad li l-eżekuzzjoni b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva mill-awtorità msemmija ma tistax, waħedha, tippreżenta l-kjarezza u l-preċiżjoni meħtieġa sabiex tissodisfa r-rekwiżit ta’ ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 1996, Il-Kumissjoni vs Il-Greċja, C-236/95, Ġabra p. I-4459, punti 12 u 13, kif ukoll ta’ l-10 ta’ Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-144/99, Ġabra p. I-3541, punt 21).
138 Bl-istess mod, lanqas ma jista’ jiġi aċċettat l-argument ta’ dan l-Istat Membru bbażat fuq l-Artikolu 11 tad-Direttiva. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 101 u 102 tas-sentenza preżenti, dan l-artikolu ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi bażi legali li tippermetti li jsiru derogi mill-obbligi ta’ protezzjoni li għandhom l-Istati Membri skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva.
139 Konsegwentement, l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva fil-Land ta’ Oberösterreich għandu jintlaqa’.
Ksur ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva fil-Land ta’ Oberösterreich
– L-argumenti tal-partijiet
140 Il-Kummissjoni ssostni li, skond l-Artikolu 5(2) ta’ l-Oö ArtenschutzVO, iċ-ċawla l-bajda, iċ-ċawla s-sewda u ċ-ċawla ta’ rasha sewda huma esklużi mis-sistema ta’ protezzjoni prevista mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva.
141 Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tindika li l-ispeċi msemmija kienu tħallew barra mil-lista ta’ speċi ta’ għasafar li jistgħu jiġu kkaċċjati fl-Awstrija bis-saħħa ta’ l-Anness II tad-Direttiva, minkejja li l-esperti jaqblu li dawn l-ispeċi għandhom jiġu inklużi f’ dan l-Anness.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
142 Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu, għall-ispeċi kollha msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, il-bejgħ, it-trasport għall-bejgħ, iż-żamma għall-bejgħ kif ukoll ta’ l-offerta għall-bejgħ ta’ għasafar ħajjin u mejtin.
143 Fir-rigward ta’ l-ilment imressaq mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li l-ispeċi msemmija aktar ’il fuq huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5(2) ta’ l-Oö ArtenschutzVO jippermetti attivitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ għasafar li huma pprojbiti skond l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva.
144 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-Repubblika ta’ l-Awstrija dwar ir-rilevanza ta’ l-Anness II tad-Direttiva fir-rigward ta’ l-ilment imressaq mill-Kummissjoni huma irrilevanti.
145 Effettivament, l-imsemmi Anness jirreferi għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikou 7 tad-Direttiva, li għandu bħala suġġett is-sitwazzjoni ta’ speċi li jistgħu jiġu kkaċċjati, u mhux is-sistema ta’ protezzjoni stabbilita mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva.
146 Għalhekk, tkun xi tkun is-sistema ta’ kaċċa applikabbli, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jassiguraw it-traspożizzjoni tal-projbizzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni previsti fl-imsemmija dispożizzjoni.
147 Issa, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-imsemmija projbizzjonijiet ma ġewx implementati fil-Land ta’ Oberösterreich fir-rigward tat-tliet speċi ta’ għasafar imsemmija iktar ’il fuq.
148 Għaldaqstant, ir-rikors għandu jintlaqa’ fuq dan il-punt.
Ksur ta’ l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva fil-Länder ta’ Kärnten u ta’ Oberösterreich
– Il-Land ta’ Kärnten
L-argumenti tal-partijiet
149 Il-Kummissjoni ssostni li, skond l-Artikolu 9(2) tal-KJagdVO, iċ-ċawla s-sewda, is-sultan iċ-ċawl u ċ-ċawla l-bajda jistgħu jiġu kkaċċjati mill-1 ta’ Lulju sal-15 ta’ Marzu. Issa, din is-sistema hija inkompatibbli mal-provvedimenti tad-Direttiva dwar il-kaċċa.
150 Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tenfasizza li l-leġiżlatur Komunitarju naqas milli jinkludi ċ-ċawl fil-parti 2 ta’ l-Anness II tad-Direttiva fil-lista ta’ speċi li jistgħu jiġu kkaċċjati fit-territorju tar-Repubblika ta’ l-Awstrija.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
151 Għand jiġi mfakkar, li skond l-Artikolu 7(1) u (3) tad-Direttiva, l-ispeċi elenkati fil-parti 2 ta’ l-Anness II ta’ din id-direttiva jistgħu jiġu kkaċċjati, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rispettiva, fl-Istati Membri li jissemmew fir-rigward tagħhom.
152 Issa, huwa paċifiku li l-ispeċi msemmija fl-ilment tal-Kummissjoni ma jagħmlux parti mill-ispeċi li jistgħu jiġu kkaċċjati fl-Awstrija bis-saħħa tal-parti 2 ta’ l-imsemmi Anness.
153 Konsegwentement, l-iffissar ta’ staġun ta’ kaċċa rigward l-imsemmija speċi huwa inkompattibbli ma’ l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva.
154 Għandu jiġi miżjud li l-argument tar-Repubblika ta’ l-Awstrija bbażat fuq allegat nuqqas min-naħa tal-leġiżlatur Komunitarju fir-rigward tal-kontenut tal-parti 2 ta’ l-Annes II tad-Direttiva u l-fatt li r-Repubblika ta’ l-Awstrija trid li dawn l-ispeċi jiġu inklużi fil-lista ta’ speċi li jistgħu jiġu kkaċċjati fit-territorju tagħha, huma irrelevanti sabiex issir evalwazzjoni tal-mertu ta’ l-ilment imressaq mill-Kummissjoni.
155 Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva ma ġiex traspost b’mod korrett fil-Land ta’ Kärnten.
156 Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jintlaqa’ fuq dan il-punt.
– Il-Land ta’ Oberösterreich
L-argumenti tal-partijiet
157 Il-Kummissjoni tosserva li, skond l-Artikolu 5(2) ta’ l-Oö ArtenschutzVO, iċ-ċawla l-bajda, is-sultan iċ-ċawl, iċ-ċawla s-sewda u ċ-ċawla ta’ rasha sewda mhumiex elenkati bħala speċi li għandhom ikunu protetti. Issa, din is-sistema tikkostitwixxi deroga mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva li jipprovdi li huma biss l-ispeċi elenkati fil-parti 2 ta’ l-Anness II tagħha li jistgħu jiġu kkaċċjati fl-Awstrija.
158 Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tirreferi għall-argument li hija ressqet fir-rigward ta’ l-ilment imqajjem dwar it-traspożizzjoni ta’ l-istess dispożizzjoni tad-Direttiva fil-Land ta’ Kärnten (ara l-punt 150 tas-sentenza preżenti).
159 Dan l-Istat Membru jsostni wkoll li, fi kwalunkwe każ, l-applikazzjoni ta’ l-imsemmija leġiżlazzjoni tikkonforma mad-Direttiva.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
160 Għal dak li għandu x’jaqsam mal-mertu ta’ l-ilment imressaq mill-Kummissjoni, għandu jsir riferiment għall-punt 151 tas-sentenza preżenti, rigward ir-rilevanza tal-parti 2 ta’ l-Anness II tad-Direttiva għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(1) ta’ din ta’ l-aħħar fl-Awstrija.
161 Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 5(2) ta’ l-Oö ArtenschutzVO għandu jiġi kkunsidrat bħala inkompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni tad-Direttiva.
162 Fir-rigward ta’ l-argument tar-Repubbika ta’ l-Awstrija bbażat fuq l-implementazzjoni konformi mad-Direttiva, għandu jiġi mfakkar li sempliċi prassi amministrattivi, li min-natura tagħhom jistgħu jiġu modifikati skond il-volontà ta’ l-amministrazzjoni u ma jingħatawx pubbliċità adegwata, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu eżekuzzjoni valida ta’ l-obbligi ta’ l-Istati Membri fir-rigward tat-traspożizzjoni ta’ direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 1997, Il-Kummissjoni vs Franza, C-197/96, Ġabra p. I-1489, punt 14; tad-9 ta’ Marzu 2000, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-358/98, Ġabra p. I-1255, punt 17, u ta’ l-10 ta’ Marzu 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-33/03, Ġabra p. I-1865, punt 25).
163 Konsegwentement, l-ilment imressaq mill-Kummissjoni għandu jintlaqa’ fuq dan il-punt.
Ksur ta’ l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva fil-Länder ta’ Burgenland, ta’ Kärnten, ta’ Niederösterreich, ta’ Oberösterreich, ta’ Salzburg, ta’ Tirol, ta’ Vorarlberg u ta’ Vjenna
– Il-Land ta’ Burgenland
L-argumenti tal-partijiet
164 Il-Kummissjoni tindika li, skond l-Artikolu 88b(2) tal-Bgld JagdG, il-gallina tista’ tiġi kkaċċjata mill-1 ta’ Marzu sal-15 ta’ April, skond il-prattika tal-kaċċa magħrufa bħala ‘Schnepfenstrichs’. Barra minn hekk, il-perijodi ta’ protezzjoni stabbiliti fl-Artikolu 76 tal-Bgld JagdVO jidderogaw mir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva fir-rigward tat-tuduni (protetti mis-16 ta’ April sat-30 ta’ Ġunju, meta skond il-Kummissjoni, għandhom ikunu protetti mill-1 ta’ Frar sal-31 ta’ Awwissu), il-ħamiema tal-kullar (protetta mis-16 ta’ April sal-31 ta’ Lulju, minflok mill-1 ta’ Marzu sa l-20 ta’ Ottubru), il-gamiema (protetta mill-1 ta’ Novembru sat-30 ta’ Ġunju, minflok mill-11 ta’ April sal-31 ta’ Awissu) u l-gallina (protetta mill-1 ta’ Jannar sat-28 ta’ Frar u mis-16 ta’ April sat-30 ta’ Settembru, minflok mill-20 ta’ Frar sa’ l-10 ta’ Settembru).
165 Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tosserva li l-perijodi ta’ protezzjoni stabbiliti fl-Artikolu 76 tal-Bgld JagdVO jieħdu in kunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet klimatiċi f’dan ir-reġjun. Barra minn hekk, minħabba li fil-Land ta’ Burgenland hija prattikata kaċċa fuq bażi selettiva, it-tiġieġ, b’mod partikolari ta’ l-ispeċi tal-gallina, mhumiex mfixkla fl-ebda stadju tal-perijodu ta’ riproduzzjoni. Barra minn hekk, il-perijodi ta’ protezzjoni previsti jieħdu in kunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet ta’ deroga elenkati fl-Artikolu 9 tad-Direttiva. Fl-aħħar nett, minħabba li huma biss is-sriedaq ta’ dawn l-ispeċi li jistgħu jiġu kkaċċjati, dan l-intervent huwa konformi ma’ l-imsemmi Artikolu 9.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
166 Għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni, fir-rikors tagħha, ippreżentat kalendarji ta’ kaċċa fir-rigward tal-gallina, tat-tuduni, tal-ħamiema tal-kullar u tal-gamiema li jvarjaw b’mod konsiderevoli mill-kalendarji ta’ kaċċa stabbiliti fid-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-punt 164 tas-sentenza preżenti.
167 Effettivament, l-imsemmija kalendarji ta’ kaċċa jvarjaw mhux biss fir-rigward tad-durata totali tal-perijodi ta’ protezzjoni, imma anke fir-rigward tad-dati tal-bidu u t-tmiem ta’ l-imsemmija perijodi.
168 Sabiex jiġi evalwat il-mertu ta’ l-ilment imressaq mill-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li l-perijodi ta’ protezzjoni li għandhom jiġu osservati skond l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva għandhom jiġu stabbiliti b’kunsiderazzjoni għall-elementi xjentifiċi ta’ awtorità fil-qasam ta’ l-avifawna (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 1991, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-157/89, Ġabra. p. I-57, punti 15, 19 u 24).
169 Issa, ir-rikors ma fih ebda element ta’ dan it-tip li jista’ jsostni r-rilevanza tal-perijodi proposti mill-Kummissjoni b’kunsiderazzjoni għall-parametri ta’ referenza elenkati fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva, bħal prinċipji ta’ l-użu raġonevoli u ta’ l-użu bbilanċjat mill-perspettiva ekoloġika ta’ l-ispeċi ta’ għasafar ikkonċernati.
170 Għandu jiġi miżjud li l-preżentazzjoni ta’ dawn l-elementi xjentifiċi kienet aktar u aktar neċessarja fid-dawl tal-fatt li r-Repubblika ta’ l-Awstrija indikat li l-perijodi tal-kaċċa ġew stabbiliti fil-Land ta’ Burgenland b’kunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet klimatiċi partikolari f’dan ir-reġjun.
171 F’dan il-kuntest, kellha tkun il-Kummissjoni li tressaq indikazzjonijiet xjentifiċi adegwati sabiex tistabilixxi li s-sistemi tal-kaċċa in kwistjoni huma inkompatibbli ma’ l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva.
172 Fid-dawl tan-nuqqas ta’ dawn l-indikazzjonijiet, ir-rikors għandu jiġu miċħud fuq dan il-punt.
– Il-Land ta’ Kärnten
L-argumenti tal-partijiet
173 Il-Kummissjoni tindika, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 9(2) tal-KrntJagdVO jistabbilixxi, għal ċertu numri ta speċi, perijodi ta’ kaċċa li jinsabu fid-diversi stadji tar-riproduzzjoni u tad-dipendenza, mingħajr ma hemm riferiment suffiċjenti għall-kundizzjonijiet ta’ deroga previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva. L-ispeci kkonċernati huma s-serduk selvaġġ (li l-kaċċa għalih hija awtorizzata mill-10 sal-31 ta’ Mejju, meta skond il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata mill-1 ta’ Ottubru sat-28 ta’ Frar), il-faġan tal-muntanja (li l-kaċċa għalih hija awtorizzata mill-10 sal-31 ta’ Mejju, minflok mill-21 ta’ Settembru sal-31 ta’ Marzu), il-gallina (li l-kaċċa għaliha hija awtorizzata mill-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Diċembru u mis-16 ta’ Marzu sa’ l-10 ta’ April, minflok mill-1 ta’ Settembru sad-19 ta’ Frar), it-tiġieġa tal-baħar (li l-kaċċa għaliha hija awtorizzata mis-16 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Jannar, minflok mill-21 ta’ Settembru sa’ l-10 ta’ Marzu), it-tuduni (li l-kaċċa għalihom hija awtorizzata mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Diċembru u mis-16 ta’ Marzu sa l-10 ta’ April, minflok mill-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Jannar) u l-ħamiema tal-kullar (li l-kaċċa għaliha hija awtorizzata mill-1 ta’ Awwisu sal-31 ta’ Diċembru u mis-16 ta’ Marzu sa’ l-10 ta’ April, minflok mill-21 ta’ Ottubru sa’ l-20 ta’ Frar).
174 Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kaċċa fir-rebbiegħa, il-Kummissjoni tirrileva, fit-tieni lok, li l-perijodi ta’ kaċċa stabbiliti b’dan il-mod jinkludu l-fażi tat-tgħammir tas-serduk selvaġġ, tal-faġan tal-muntanja u tal-gallina.
175 Rigward dan il-punt, il-Kummissjoni ssostni li mhuwiex possibbli li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-imsemmija fażi, u min-naħa l-oħra, il-perijodu tat-trobbija, tar-riproduzzjoni u tad-dipendenza. Konsegwentement, id-dispożizzjoni nazzjonali msemmija fil-punt 173 tas-sentenza preżenti tmur kontra l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva.
176 Il-Kummissjoni tenfasizza li l-fażi tat-tgħammir hija parti mill-perijodu tat-trobbija, tar-riproduzzjoni u tad-dipendenza. Il-fatt li din il-fażi tiġi qabel ir-riproduzzjoni per se m’għandhiex l-effett li teskludiha, għall-ispeċi msemmija, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva.
177 Il-Kummissjoni ssostni, fit-tielet lok, li l-Artikolu 3 tal-KrntJagdG, li jelenka l-kriterji ta’ awtorizzazzjoni dwar il-pjanijiet tal-kaċċa, ma jagħmel ebda riferiment għall-kundizzjonijiet u l-kriterji ta’ deroga esposti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva.
178 Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tirrikonoxxi li l-perijodi tal-kaċċa stabbiliti fil-Land ta’ Kärnten mhumiex konformi mad-Direttiva fir-rigward tat-tiġieġa tal-baħar, tat-tuduni u tal-ħamiema tal-kullar.
179 Min-naħa l-oħra, dan l-Istat Membru huwa tal-fehma li l-kaċċa għas-sriedaq ta’ l-ispeċi tas-serduk selvaġġ, tal-faġan tal-muntanja u tal-gallina fis-siti tat-tgħammir ma taffettwax il-perijodu tat-trobbija, tar-riproduzzjoni ta’ l-inkubazzjoni u tad-dipendenza. Fil-fatt, ir-riproduzzjoni ta’ dawn l-ispeċi ssir f’sit differenti minn dak tat-tgħammir. Barra minn hekk, dispożizzjonijiet restrittivi jassiguraw li numru żgħir biss ta’ għasafar irġiel jiġu kkaċċjati u li l-għasafar nisa jkunu protetti matul il-perijodu ta’ inkubazzjoni.
180 L-imsemmi Stat Membru jenfasizza li s-sistema ta’ kaċċa stabbilita fl-Artikolu 51(2) tal-KrntJagdG, tissodisfa l-eżiġenzi ta’ protezzjoni ta’ l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva. Fil-fatt, il-perijodi tal-kaċċa huma stabbiliti b’tali mod li kaċċa fuq bażi selettiva għal tajr tal-kaċċa, f’numri żgħar u taħt kundizzjonijiet ta’ sorveljenza stretti, hija possibbli jekk ma jkun hemm ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti u jekk din il-kaċċa ma taffettwax b’mod negattiv il-konservazzjoni tal-popolazzjonijiet ikkonċernati.
181 Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tippreċiża li s-serduk selvaġġ, il-faġan tal-muntanja u l-gallina jaqgħu taħt pjanijiet tal-kaċċa u jikkonformaw mad-Direttiva. Fil-fatt, il-kaċċa għal dawn l-ispeċi hija awtorizzata abbażi ta’ ċensiment preciż tal-popolazzjoni għal kull żona ta’ kaċċa u li l-kaċċa ta’ kampjuni hija awtorizzata individwalment. Barra minn hekk, dawn l-awtorizzazzjonijiet jingħataw permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva indirizzata lill-kaċċaturi liċenzjati.
182 Dan l-Istat Membru jesponi wkoll li, minħabba dispożizzjonijiet restrittivi dwar is-sorveljanza tal-popolazzjonijiet, in-numru ta’ kampjuni kkaċċjati u l-perijodi tal-kaċċa, huwa numru żgħir biss ta’ sriedaq li jinqatlu.
183 Fl-aħħar nett, l-imsemmi Stat Membru jenfasizza li projbizzjoni ġenerali tal-kaċċa għall-ispeċi msemmija matul il-fażi tat-tgħammir ikollha l-konsegwenza li l-kaċċaturi jitilfu l-interess tagħhom f’dawn l-ispeċi ta’ tajr u jabbandunaw l-isforzi tagħhom għall-ħarsien tal-ħabitats ta’ dawn l-ispeċi. Dan ikollu effett immedjat fuq il-popolazzjoni ta’ l-imsemmija speċi, li għandhom bżonn ta’ ħabitat speċifiku, jiġifieri, l-mergħat bil-foresti, li saru kunsiderevolment rari.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
184 Fid-dawl tal-fatt li l-konvenuta rrikonoxxiet l-inkompatibbiltà tal-perijodi tal-kaċċa stabbiliti fil-Land ta’ Kärnten, fir-rigward tat-tiġieġa tal-baħar, tat-tuduni, u tal-ħamiema tal-kullar, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment huwa fondat fir-rigward ta’ dawn l-ispeċi.
185 Fir-rigward tal-gallina, għandu jiġi osservat li l-kaċċa hija awtorizzata mhux biss mit-tmiem tas-sajf sal-bidu tax-xitwa, jiġifieri mill-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Diċembru, imma wkoll mit-tmiem tax-xitwa sal-bidu tar-rebbiegħa, jiġifieri mis-16 ta’ Marzu sa l-10 ta’ April. Għaldaqstant, il-kaċċa hija permessa matul ħames xhur.
186 Issa, sistema ta’ kaċċa li hija daqstant mifruxa fiż-żmien ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi kkunsidrata bħala li tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva.
187 Effettivament, min-natura u mill-portata tagħha, tali sistema ta’ kaċċa hija inkompatibbli ma’ l-għanijiet ta’ protezzjoni previsti mid-Direttiva.
188 Fid-dawl tal-fatt li l-konvenuta ma ressqet ebda raġuni ta’ deroga minn fost esposti fl-Artikolu 9 li tista’ tiġġustifika s-sistema ta’ kaċċa in kwistjoni, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat anke fuq dan il-punt.
189 Min-naħa l-oħra, għas-serduk selvaġġ u l-faġan tal-muntanja, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni tipprevedi biss perijodu ta’ kaċċa fir-rebbiegħa.
190 Madankollu, dan il-perijodu jikkoinċidi parzjalment mal-fażi tat-tgħammir ta’ l-ispeċi kkonċernati.
191 Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk din il-fażi taqax taħt il-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva.
192 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li s-sistema ta’ protezzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni hija ddefinita b’mod wiesa’, b’riferiment għall-karatteristiċi bijoloġiċi partikolari ta’ l-ispeċi kkonċernati, peress li tirreferi, minbarra għall-perijodu tat-trobbija, għall-istadji differenti tar-riproduzzjoni u tad-dipendenza.
193 Effettivament, interpretazzjoni bħal din biss tissodisfa l-għan ta’ l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva, li, kif diġà esponiet il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa intiż sabiex tiġi assigurata sistema kompleta ta’ protezzoni matul il-perijodi li fihom is-sopravivenza ta’ l-għasafar selvaġġi tkun partikolarment mhedda (ara sentenzi tas-17 ta’ Jannar 1991, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata aktar ’il fuq, punt 14, u tad-19 ta’ Jannar 1994, Association pour la protection des animaux sauvages et, C-435/92, Ġabra. p. I-67, punt 9). Fil-fatt, din il-ġurisprudenza tirrifletti l-kunsiderazzjoni li kull intervent matul il-perijodi li jikkoinċidu mar-riproduzzjoni ta’ l-għasafar jista’ jaffettwahom, anke jekk tikkonċerna parti biss mill-popolazzjoni tagħhom.
194 Dan huwa wkoll il-każ fir-rigward tal-perijodu tat-tgħammir, li matulu l-ispeċi kkonċernati jkunu partikolarment esposti u vulnerabbli.
195 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija fażi tagħmel parti mill-perijodu li matulu l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva jipprojbixxi, fil-prinċipju, kull forma ta’ kaċċa.
196 Fir-rigward tal-kwistjoni jekk id-derogi esposti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva jistgħux japplikaw għal sitwazzjonijet irregolati mill-eżiġenzi ta’ protezzjoni partikolari preskritti fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2003, Ligue pour la protection des oiseaux sauvages et (C-182/02, Ġabra. p. I-12105, punt 9), li l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva jaċċetta l-possibiltà li jiġu awtorizzati, b’konformità mal-kundizzjonijiet l-oħra elenkati fl-imsemmi Artikolu 9, il-qbid, iż-żamma jew kull sfruttament meqjus ieħor ta’ għasafar matul il-perijodi indikati fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva, li matulhom is-sopravivenza ta’ l-għasafar selvaġġi tkun partikolarment mhedda.
197 Konsegwentement, il-kaċċa għall-għasafar selvaġġi prattikata bħala passatemp matul il-perijodi indikati fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva tista’, jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(2) ta’ l-istess direttiva, tammonta għal “użi oħra meqjusa” fis-sens ta’ l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ligue pour la protection des oiseaux sauvages et, iċċitata aktar ’il fuq, punt 11).
198 Madankollu, l-oneru tal-prova fir-rigward tar-rispett ta’ l-imsemmija kundizzjonijiet għal kull deroga jaqa’ fuq l-awtoritajiet nazzjonali li jieħdu deċiżjoni derogatorja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-344/03, Ġabra. p. I-11033, punti 39 u 60, kif ukoll tat-8 ta’ Ġunju 2006, WWF Italia et, C-60/05, Ġabra. p. I-5083, punt 34).
199 Sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sistema ta’ kaċċa stabbilita fl-Artikolu 51(2) tal-KrntJagdG hijiex konformi ma’ l-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva, b’mod partikolari għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-eżiġenza li l-kaċċa derogatorja tkun limitata għal “numri żgħar”, għandu jiġi mfakkar li l-Istati Membri, fil-waqt ta’ l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar, għandhom jassiguraw li, fil-każijiet kollha ta’ applikazzjoni tad-deroga prevista fiha u għall-ispeċi protetti kollha, il-kaċċa awtorizzata ma taqbiżx livell massimu konformi mal-limitazzjoni ta’ din il-kaċċa għal numri żgħar, liema livell massimu għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ informazzjoni xjentifika rigoruża (ara s-sentenza WWF Italia et, iċċitata aktar ’il fuq, punt 29).
200 F’dan ir-rigward, anke jekk huwa veru li, skond kif tafferma l-konvenuta, il-kaċċa għas-serduk selvaġġ u għall-faġan tal-muntanja hija suġġetta għal pjan ġenerali ta’ kaċċa, id-dispożizzjoni nazzjonali msemmija iktar ’il fuq, madankollu, ma tippreċiżax f’hiex jikkonsisti, f’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ “numri żgħar” fis-sens ta’ l-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva.
201 Issa, traspożizzjoni tad-Direttiva li tikkonforma mad-dritt Komunitarju timplika li l-awtoritajiet inkarigati biex jawtorizzaw kaċċa taħt deroga ta’ għasafar ta’ speċi partikolari għandhom ikunu f’pożizzjoni li jibbażaw ruħhom fuq indikaturi preċiżi biżżejjed għal dak li għandu x’jaqsam mal-limiti kwantitattivi li għandhom jiġu rrispettati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza WWF Italia et, iċċitata aktar ’il fuq, punt 36).
202 Konsegwentement, is-sistema ta’ kaċċa stabbilita fl-Artikolu 51(2) tal-KrntJagdG mhijiex konformi ma’ l-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva.
203 Għandu jiġi miżjud li r-Repubblika ta’ l-Awstrija rrikonoxxiet li l-ispeċi in kwistjoni jkunu preżenti fit-territorju kkonċernat anke matul il-ħarifa u x-xitwa, imma fl-istess waqt tippreċiża li l-kaċċa matul dan il-perijodu tas-sena sseħħ f’kundizzjonijiet inqas favorevoli. Issa, din iċ-ċirkustanza mhijiex rilevanti fir-rigward tal-kuntest ġuridiku ta’ protezzjoni stabbilit mid-Direttiva.
204 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 51(2) tal-KrntJagdG lanqas ma huwa konformi ma’ l-ewwel parti ta’ l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva, li tissuġġetta l-għoti ta’ derogi għad-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni ta’ l-għasafar għan-nuqqas ta’ soluzzjoni oħra sodisfaċenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-135/04, Ġabra. p. I-5261, punt 18).
205 Fl-aħħar nett, fid-dawl ta’ l-argumenti mressqa mir-Repubblika ta’ l-Awstrija rigward in-neċessità li tiġi awtorizzata l-kaċċa għas-serduk selvaġġ u għall-faġan tal-muntanja sabiex il-kaċċaturi jkunu jistgħu jħarsu u jikkonservaw il-ħabitat tagħhom, għandu jiġi osservat li, għalkemm huwa veru li l-protezzjoni tal-flora hija waħda mir-raġunijiet għal deroga esposti fir-raba’ inċiż ta’ l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva, għandu jiġi nnotat madankollu li l-protezzjoni ta’ dan il-ħabitat tista’ tiġi assigurata indipendentement mill-kaċċa (ara, f’dan is-sens, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, iċċitata aktar ’il fuq, punti 35 u 40).
206 Barra minn hekk, kif irrelevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-Konklużjonijiet tagħha, l-Istati Membri huma marbuta li jimplementaw din il-protezzjoni skond l-Artikolu 4, u dan kemm ġewwa u kif ukoll barra miż-żoni ta’ protezzjoni speċjali ta’ l-għasafar.
207 Għaldaqstant, l-argumenti tar-Repubblika ta’ l-Awstrija għandhom jiġu miċħuda kompletement.
208 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni dwar il-kaċċa fil-Land ta’ Kärnten għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ispeċi kollha msemmija f’dan l-ilment, mhijiex konformi mad-Direttiva.
209 Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni huwa fondat fuq dan il-punt.
– IL-Land ta’ Niederösterreich
L-argumenti tal-partijiet
210 Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 22 tan-Nö JagdVO jistabbilixxi perijodi tal-kaċċa fir-rigward ta’ ċertu numru ta’ speċi li jinkludu l-perijodu tat-trobbija jew l-istadji tar-riproduzzjoni u tad-dipendenza ta’ l-ispeċi kkonċernati. Dawn huma s-serduk selvaġġ (li l-kaċċa għalih hija awtorizzata mill-1 sal-31 ta’ Mejju, kull sena biż-zewġ, meta skond il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata mill-1 ta’ Ottubru sat-28 ta’ Frar), tal-faġan tal-muntanja (li l-kaċċa għalih hija awtorizzata mill-1 tal-31 ta’ Mejju, kull sena bil-fard, minflok mill-21 ta’ Settembru sal-31 ta’ Marzu), is-serduk ippastardjat (li l-kaċċa għalih hija awtorizzata mill-1 sal-31 ta’ Mejju u mill-1 ta’ Ottubru sat-28 ta’ Marzu, minflok mill-1 ta’ Ottubru sat-28 ta’ Marzu), il-gallina (li l-kaċċa għaliha hija awtorizzata mill-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Diċembru u mill-1 ta’ Marzu sal-15 ta’ April, minflok mill-11 ta’ Settembru sad-19 ta’ Frar) u tat-tuduni (li l-kaċċa għalihom hija awtorizzata mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Jannar, minflok mill-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Jannar).
211 Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tammetti li l-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa għat-tuduni għandu jinfetaħ fl-1 ta’ Settembru, kif tallega l-Kummissjoni.
212 Fir-rigward tas-sistema tal-kaċċa għas-serduk selvaġġ, għall-faġan tal-muntanja u għall-gallina, dan l-Istat Membru jirreferi għall-argumenti tiegħu dwar it-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva fil-Land ta’ Kärnten (ara l-punti 179 sa 183 tas-sentenza preżenti).
213 L-imsemmi Stat Membru jfakkar li, fir-rigward ta’ l-ispeċi kkonċernati, il-perijodu ta’ kaċċa fir-rebbiegħa jinsab fl-istadju tat-tgħammir, jiġifieri qabel il-perijodi tat-trobbija, ta’ l-inkubazzjoni u tad-dipendenza. Konsegwentement, is-sistema ta’ protezzjoni partikolari stabbilita mill-Artikolu 7(4) tad-Direttiva ma tapplikax.
214 Skond il-fehma tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, il-perijodi tal-kaċċa fir-rigward tas-serduk ippastardjat ma jistgħux ikunu s-suġġett tar-rikors preżenti, minħabba li din l-ispeċi ma ssemmietx fi-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża.
215 Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jsostni li s-sriedaq ta’ din l-ispeċi huma ta’ daqs akbar mis-sriedaq ta’ l-ispeċi ta’ sriedaq selvaġġi u għalhekk ifixklu lil dawn ta’ l-aħħar matul il-perijodu tat-tgħammir.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
216 Fid-dawl tar-risposta tal-konvenuta għall-ilment dwar il-perijodu ta’ kaċċa għat-tuduni, għandu jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fuq dan il-punt.
217 Fir-rigward tas-serduk ippastardjat, għandu jiġi rrilevat li dan ta’ l-aħħar huwa riżultat ta’ tlaqqigħ ta’ żewġ speċi u li, indipendentement mill-kwistjoni jekk jistax jiġi kkunsidrat bħala speċi distinta fis-sens bijoloġiku, dan l-għasfur huwa, fi kwalunkwe każ, differenti mis-serduk selvaġġ u mill-faġan tal-muntanja.
218 Għaldaqstant, is-sistema ta’ kaċċa għas-serduk ippastardjat fil-Land tan-Niederösterreich kien imissha ssemmiet fl-ittra ta’ intimazzjoni fid-dawl tal-fatt li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din l-ittra tillimita s-suġġett tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ April 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-441/02, Ġabra. p. I-3449, punti 59 u 60, kif ukoll tat-30 ta’ Jannar 2007, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-150/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 66 u 67).
219 Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jitqies bħala inammissibbli fuq dan il-punt.
220 Fir-rigward ta’ l-ilment ibbażat fuq protezzjoni insuffiċjenti tal-gallina, għandu jiġi osservat li, għal din l-ispeċi, il-kaċċa hija awtorizzata mil-1 ta’ Marzu sal-15 ta’ April u mit-tmiem tas-sajf sal-bidu tax-xitwa.
221 Billi tippermetti l-kaċċa għal din l-ispeċi matul iktar minn ħames xhur, is-sistema stabbilita fl-Artikolu 22 tan-Nö JagdVO tagħmel pressjoni eċċessiva fuq il-popolazzjoni kkonċernata.
222 Issa, kif jirriżulta mill-punti 186 u 187 tas-sentenza preżenti, sistema bħal din fl-ebda ċirkustanza ma tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva.
223 Għal dak li għandu x’jaqsam mas-serduk selvaġġ u mal-faġan tal-muntanja, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 194 u 195 tas-sentenza preżenti, il-kaċċa fir-rebbiegħa tikkoinċidi mal-fażi tat-tgħammir ta’ l-imsemmija speċi li tikkostitwixxi perijodu li għalih l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva jeżiġi miżuri ta’ protezzjoni partikolari.
224 Għalkemm huwa veru li, għal dawn iż-żewġ speċi, mhijiex prevista kaċċa fil-ħarifa, u li l-kaċċa fir-rebbiegħa hija limitata għal sena minn tnejn, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija ma pprovdiet, madankollu, ebda indikazzjoni konkreta fir-rigward tal-kwistjoni ta’ kif hija tassigura li l-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva jiġi rrispettat, b’mod partikolari għal dak li għandu x’jaqsam ma’ kaċċa f’“numri żgħar”.
225 Issa, kif jirriżulta mill-punt 199 u 201 tas-sentenza preżenti, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat għandhom jiggarantixxu, bi preċiżjoni ġuridika suffiċjenti u abbażi ta’ informazzjoni xjentifika ta’ awtorità, li l-limitu massimu kwantitattiv ma jinqabiżx fl-ebda każ u, għalhekk, li tiġi ggarantita protezzjoni kompleta lill-ispeċi msemmija (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-79/03, Ġabra. p. I-11619, punt 41).
226 Madankollu, l-leġiżlazzjoni in kwistjoni ma fihiex dawn id-dettalji preċiżi.
227 Għaldaqstant, l-ilment preżenti tal-Kummissjoni huwa fondat fir-rigward ta’ l-ispeċi kollha msemmija minbarra s-serduk ippastardjat li fir-rigward tiegħu l-ilment huwa inammissibbli.
– Il-Land ta’ Oberösterreich
L-argumenti tal-partijiet
228 Il-Kummissjoni tinnota li, skond l-Artikolu 1(1) ta’ l-Oö SchonzeitenVO, il-kaċċa hija awtorizzata matul il-perijodu tat-trobbija jew matul l-istadji tar-riproduzzjoni u tad-dipendenza għal dak li għandu x’jaqsam, minn naħa, is-sriedak ta’ l-ispeċi tas-serduk selvaġġ (li l-kaċċa għalihom hija awtorizzata mill-1 sal-31 ta’ Mejju, , meta skond il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata mill-1 ta’ Ottubru sat-28 ta’ Frar), tal-faġan tal-muntanja (li l-kaċċa għalihom hija awtorizzata mill-1 sal-31 ta’ Mejju, minflok mill-21 ta’ Settembru sal-31 ta’ Marzu), tas-serduk ippastardjat (li l-kaċċa għalihom hija awtorizzata mill-1 sal-31 ta’ Mejju, minflok mill-1 ta’ Ottubru sat-28 ta’ Marzu), kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-gallina (li l-kaċċa għaliha hija awtorizzata mill-1 ta’ Ottubru sat-30 ta’ April, minflok mill-11 ta’ Settembru sad-19 ta’ Frar).
229 Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tenfasizza li l-kaċċa fir-rebbiegħa għas-serduk selvaġġ, għall-faġan tal-muntanja u għas-serduk ippastardjat tikkoinċidi mal-perijodu tat-tgħammir u għalhekk ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva.
230 L-imsemmi Stat Membru jirreferi, f’dan ir-rigward, għall-argumenti tiegħu riprodotti fil-punti 179 sa 183 tas-sentenza preżenti dwar is-sistema tal-kaċċa fis-seħħ fil-Land ta’ Kärnten.
231 Fir-rigward tal-gallina, huwa josserva li l-perijodi tal-kaċċa previsti jidderogaw mid-Direttiva unikament għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-għasafar irġiel, li fil-prattika huma l-uniċi individwi li jiġu kkaċċjati matul il-perijodu tat-tgħammir. Konsegwentement, in-nisa ma jiġu mfixkla fl-ebda stadju tal-perijodu tar-riproduzzjoni. Barra minn hekk, il-karatteristiċi bijoloġiċi partikolari ta’ dan l-ispeċi jiggarantixxu li din is-sistema ta’ kaċċa hija kompatibbli mal-prinċipji ta’ użu meqjus u ta’ kontroll ibbilanċjat tal-popolazzjonijiet ikkonċernati.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
232 Fir-rigward ta’ l-ilment dwar il-protezzjoni tas-serduk selvaġġ u tal-faġan tal-muntanja, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 194 u 195 tas-sentenza preżenti, il-perijodu ta’ kaċċa kif stabbilit fil-Land ta’ Oberösterreich għal dawn iż-żewġ speċi jikkoinċidi ma’ perijodu li għandu jiġi protett b’mod partikolari bis-saħħa ta’ l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva.
233 Issa, għalkemm huwa veru li hija biss il-kaċċa fir-rebbiegħa li hija awtorizzata għal dawn l-ispeċi, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija ma ressqet l-ebda elementi li jistgħu jistabbilixxu li din is-sistema tissodisfa l-eżiġenzi esposti fl-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva, kif ippreċiżati mill-ġurisprudenza (ara l-punti 199 u 201 tas-sentenza preżenti). B’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni ma tippreċiżax safejn l-imsemmija sistema tiggarantixxi li l-kaċċa sseħħ f’“numri żgħar” biss.
234 Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ilment dwar is-sistema tal-kaċċa għas-serduk ippastardjat, li huwa għasfur imnissel minn tlaqqigħ bejn serduk selvaġġ u faġan tal-muntanja, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva, din għandha bħala għan il-konservazzjoni ta’ l-ispeċi kollha ta’ għasafar li jinsabu fin-natura fi stat selvaġġ fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li għalih japplika t-Trattat.
235 F’dan ir-rigward, kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 93 tal-Konklużjonijiet tagħha, speċi bijoloġika hija definita bħala l-individwi kollha li jikkostitwixxu komunità ta’ riproduzzjoni.
236 Issa, fil-kuntest tar-risposta tagħha, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija kkontestat il-fatt li minn tgħammir li jinvolvi serduk ippastardjat, bħala r-raġel jew il-mara, jista’ jitnissel għasfur fl-istat selvaġġ, u dan mingħajr ma kienet kontradetta mill-Kummissjoni fuq dan il-punt.
237 Għaldaqstant, fir-rigward tas-serduk ippastardjat, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ komunità ta’ riproduzzjoni li abbażi tagħha din l-ispeċi tista’ tiġi kkunsidrata bħala speċi distinta li għalhekk taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.
238 Għaldaqstant, l-ilment dwar is-sistema tal-kaċċa għas-serduk ippastardjat fil-Land ta’ Oberösterreich għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.
239 Fir-rigward ta’ l-ilment dwar is-sistema tal-kaċċa għall-gallina, għandu jiġi kkonstatat li din l-ispeċi tista’ tiġi kkaċċjata mhux biss fir-rebbiegħa, imma wkoll fil-ħarifa u fix-xitwa.
240 Tali sistema, minħabba li tipprevedi perijodi ta’ kaċċa twal, kif jirriżulta mill-punti 186 u 187 tas-sentenza preżenti, hija inkompatibbli ma’ l-eżiġenzi ta’ protezzjoni tad-Direttiva u ma tistax tiġi ġġustifikata abbażi ta’ l-Artikolu 9 tagħha.
241 Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-distinzjoni magħmula mir-Repubblika ta’ l-Awstrija bejn l-irġiel u n-nisa ta’ l-ispeċi kkonċernat, huwa suffiċjenti li jiġi nnotat li din id-distinzjoni m’għandha ebda bażi ġuridika fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-portata ta’ protezzjoni li minnha għandhom igawdu l-għasafar selvaġġi.
242 Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jintlaqa’ għal dak li għandu x’jaqsam mas-sistema tal-kaċċa fis-seħħ fil-Land ta’ Oberösterreich għall-ispeċi kollha msemmija salv fir-rigward tas-serduk ippastardjat.
– Il-Land ta’ Salzburg
L-argumenti tal-partijiet
243 Il-Kummissjoni tirrileva li mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 54(1) tas-Sbg JagdG, ikkunsidrati flimkien ma’ dawk ta’ l-Artikolu 1 tas-Sbg SchonzeitenVO, jirriżulta li, għal ċertu numru ta’ speċi, il-kaċċa hija awtorizzata matul il-perijodu tat-trobbija, tar-riproduzzjoni u tad-dipendenza, jiġifieri l-perijodi li matulhom il-kaċċa hija pprojbita bħala prinċipju, mingħajr ma huma sodisfatti l-kundizzjonijiet u l-kriterji ta’ deroga previsti fl-Artikolu 9. Dan huwa l-każ fir-rigward tas-serduk selvaġġ (li l-kaċċa għalih hija awtorizzata mill-1 sal-31 ta’ Mejju, meta skond il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata mill-1 ta’ Ottubru sat-28 ta’ Frar), tal-faġan tal-muntanja (li l-kaċċa għalih hija awtorizzata mill-1 ta’ Mejju sal-15 ta’ Ġunju, minflok mill-21 ta’ Settembru sal-31 ta’ Marzu), tas-serduk ippastardjat (li l-kaċċa għalih hija awtorizzata mill-1 ta’ Mejju sal-15 ta’ Ġunju, minflok mill-1 ta’ Ottubru sat-28 ta’ Marzu) u tal-gallina (li l-kaċċa għaliha hija awtorizzata mill-1 ta’ Marzu sal-15 ta’ April u mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Diċembru, minflok mill-11 ta’ Settembru sad-19 ta’ Frar).
244 Il-Kummissjoni tinnota li l-Artikolu 60(3a) tas-Sbg JagdG sempliċement jindika numru minimu u, skond il-każ, numru massimu ta’ individwi li jistgħu jinqabdu. Għaldaqstant, ma teżisti ebda possibbiltà, fil-kuntest ta’ l-adozzjoni tal-pjanijiet tal-kaċċa, li jiġu evalwati r-raġunijiet għal deroga fid-dawl ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva.
245 Fir-rigward tal-kaċċa għas-serduk selvaġġ, għall-faġan tal-muntanja u għas-serduk ippastardjat matul il-perijodu tat-tgħammir, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija essenzjalment tirreferi għall-argumenti tagħha dwar is-sistema ta’ protezzjoni ta’ l-imsemmija speċi fil-Land ta’ Kärnten (ara l-punti 179 sa 183 tas-sentenza preżenti).
246 Dan l-Istat Membru jispjega li, fil-waqt ta’ l-adozzjoni tar-regolament dwar l-ippjanar tal-kaċċa, l-awtoritajiet kompetenti jieħdu in kunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet u l-kriterji li skondhom huwa permess li tingħata deroga mill-projbizzjonijiet previsti mid-Direttiva, skond l-Artikolu 9(1) u (2) tagħha.
247 L-imsemmi Stat Membru jippreċiża li, skond l-Artikolu 60(3a) tas-Sbg JagdG, in-numru massimu awtorizzat ta’ individwi li jistgħu jinqabdu għandu jiġi stabbilit b’tali mod li tinkiseb jew tiġi miżmuma popolazzjoni li tissodisfa l-prinċipji stabbiliti mill-Artikolu 3 tas-Sgbg JagdG. Barra minn hekk, ir-regolament dwar l-ippjanar tal-kaċċa għandu jiġi adottat abbażi ta’ dettalji preċiżi dwar il-ħsara kkaġunata kif ukoll ta’ rapporti u stimi rigward il-popolazzjoni ta’ l-ispeċi kkonċernati. Il-figuri indikati fl-imsemmi regolament għandhom jitqiesu bħala numru massimu ta’ individwi li jistgħu jinqabdu.
248 Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija żżid li l-interventi awtorizzati jaffettwaw biss l-ispeċi msemmija fl-Artikolu 59(1) tas-Sbg JagdG, jiġifieri dawk li mhumiex elenkati fl-Anness II tad-Direttiva bħala speċi li jistgħu jiġu kkaċċjati fl-Awstrija. Issa, ebda pjan ta’ kaċċa ma ġie stabbilit f’dan ir-rigward b’tali mod li l-imsemmija speċi ta’ għasafar jaqgħu taħt il-projbizzjoni ġenerali ta’ kaċċa. Il-kaċċa għalihom ma tistax tiġi awtorizzata, f’ċertu każijiet, ħlief abbażi ta’ l-Artikolu 104(4) tas-Sbg JagdG, u dan biss barra mill-perijodi ta’ protezzjoni stabbiliti mid-Direttiva.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
249 Kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet fil-punti 186 sa 187 tas-sentenza preżenti, il-kaċċa fir-rebbiegħa għall-gallina, apparti l-kaċċa fil-ħarifa li hija wkoll awtorizzata għal din l-ispeċi, ma tistax tiġi ġġustifikata abbażi ta’ l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva.
250 Fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-kundizzjonijiet u l-kriterji ta’ deroga humiex sodisfatti fir-rigward tal-kaċċa għas-serduk selvaġġ u għall-faġan tal-muntanja, li għalihom hija awtorizzata biss il-kaċċa fir-rebbiegħa, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 59(1) tas-Sbg JagdG ma japplikax ħlief għall-ispeċi li mhumiex imsemmija fl-Anness II tad-Direttiva bħala speċi li jistgħu jiġu kkaċċjati fl-Awstrija.
251 Issa, is-serduk selvaġġ u l-faġan tal-muntanja huma elenkati fl-imsemmi Anness. Għalhekk, dawn iż-żewġ speċi ma jaqgħux taħt il-pjanijiet tal-kaċċa.
252 Fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-kaċċa għall-imsemmija speċi tistax tiġi ġġustifikata bis-saħħa ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva, għandu jiġi kkonstatat li l-konvenuta ma stabbilixxietx li l-leġiżlazzjoni tal-Land ta’ Salzburg tikkonforma mar-raġuni għal deroga stabbilita fl-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva.
253 Effettivament, l-Artikolu 59(1) tas-SbgJagdG jiddelega l-evalwazzjoni ta’ pjan tal-kaċċa lill-awtorità li għandha l-poter biex tadotta regolamenti mingħajr ma’ l-eżerċizzju ta’ dan il-poter ma huwa limitat b’indikaturi kwantitattivi vinkolanti.
254 Konsegwentement, ir-rikors huwa fondat għal dak li għandu x’jaqsam mas-sistema ta’ kaċċa applikabbli għall-gallina, għas-serduk selvaġġ u għall-faġan tal-muntanja.
255 Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Land ta’ Salzburg dwar il-kaċċa għas-serduk ippastardjat, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 234 sa 237 tas-sentenza preżenti, ma ġiex stabbilit li din l-ispeċi taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.
256 Għaldaqstant, l-ilment dwar il-kaċċa għas-serduk ippastardjat f’Salzburg għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.
257 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan l-ilment huwa fondat fir-rigward tas-sistema ta’ kaċċa fil-Land ta’ Salzburg għall-ispeċi kollha msemmija minbarra s-serduk ippastardjat.
– Il-Land ta’ Tirol
L-argumenti tal-partijiet
258 Il-Kummissjoni tosserva li l-Artikolu 1(1) tad-DurchfVO Tiroler JagdG jistabbilixxi perijodi tal-kaċċa li jikkoinċidu mal-perijodi tat-trobbija, tar-riproduzzjoni u tad-dipendenza għal dak li għandu x’jaqsam mas-serduk selvaġġ (li l-kaċċa għalih hija awtorizzata mill-1 sal-15 ta’ Mejju, fis-snin bil-fard, meta skond il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata mill-1 ta’ Ottubru sat-28 ta’ Frar), mal-faġan tal-muntanja (li l-kaċċa għalih hija awtorizzata mill-10 sal-31 ta’ Mejju, minflok mill-21 ta’ Settembru sal-31 ta’ Marzu), u b’hekk jidderoga mill-Artikolu 7(4) tad-Direttiva.
259 Il-Kummissjoni tenfasizza li, li kieku l-kaċċa għas-serduk selvaġġ u għall-faġan tal-muntanja, li huma speċi partikolarment mhedda fl-Awstrija, kellha ssir biss bħala eċċezzjoni, skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva, ikollu jiġi assigurat li l-kundizzjonijiet u l-kriterji tad-deroga stabbiliti f’din id-dispożizzjoni jkunu rrispettati.
260 Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tirreferi għall-argumentazzjoni tagħha dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa għall-ispeċi msemmija, li tikkoinċidi mal-fażi tat-tgħammir tagħhom, fir-rigward tal-Land ta’ Kärnten (ara l-punti 179 sa 183 tas-sentenza preżenti).
261 Dan l-Istat Membru jenfasizza wkoll li huwa diffiċli li tikkaċċja fil-Land ta’ Tirol lejn it-tmiem tal-ħarifa jew fix-xitwa u li, fi kwalunkwe każ, il-popolazzjonijiet ta’ l-imsemmija speċi mhumiex mhedda f’dan ir-reġjun.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
262 Għal dak li għandu x’jaqsam mal-portata tas-sistema ta’ protezzjoni prevista fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 194 u 195 tas-sentenza preżenti, din is-sistema tkopri l-fażi tat-tgħammir tas-serduk selvaġġ u tal-faġan tal-muntanja.
263 Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-argument tar-Repubblika ta’ l-Awstrija dwar id-diffikultà li ssir il-kaċċa fil-Land ta’ Tirol fil-ħarifa u fix-xitwa, huwa biżżejjed li jiġi osservat li kunsiderazzjoni bħal din ma tistax titqies bħala li taqa’ taħt waħda mir-raġunijiet ta’ deroga previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva.
264 Għaldaqstant, ir-rikors huwa fondat fir-rigward tal-perijodi tal-kaċċa għas-serduk selvaġġ u għall-faġan tal-muntanja kif stabbiliti mill-Artikolu 1(1) tad-DurchfVO Tiroler JagdG.
– Il-Land ta’ Vorarlberg
L-argumenti tal-partijiet
265 Il-Kummissjoni tirrileva li l-perijodu tal-kaċċa stabbilit fl-Artikolu 27(1) tal-Vlbg JagdVO mhuwiex konformi ma’ l-eżiġenzi previsti fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva fir-rigward tal-faġan tal-muntanja. L-imsemmi perijodu ġie stabbilit mill-11 sal-31 ta’ Mejju, meta skond il-Kummissjoni kellu jkun mill-21 ta’ Settembru sal-31 ta’ Marzu. Dan jikkoinċidi għalhekk mal-fażi tat-tgħammir ta’ l-ispeċi kkonċernata.
266 Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tirrileva li, għall-ispeċi ta’ tajr tal-kaċċa – minbarra l-faġan tal-muntanja – il-Vlbg JagdVO tistabbilixxi perijodi tal-kaċċa li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. F’dan ir-rigward hija tirreferi għall-argumenti tagħha dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva fil-Land ta’ Kärnten (ara l-punti 179 sa 183 tas-sentenza preżenti).
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
267 Sabiex jiġi evalwat il-mertu ta’ l-ilment imresssaq mill-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif jirriżulta mill-punti 194 u 195 tas-sentenza preżenti, li r-Repubblika ta’ l-Awstrija ma wrietx li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata minn dan l-ilment tissodisfa l-kundizzjonijiet u l-kriterji ta’ deroga stabbiliti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva fir-rigward ta’ l-eżiġenzi partikolari ta’ protezzjoni msemmija fl-Artikolu 7(4) tagħha.
268 Għaldaqstant, l-ilment tal-Kummissjoni dwar il-perijodu tal-kaċċa għall-faġan tal-muntanja kif stabbilit fl-Artikolu 27(1) tal-Vlbg JagdVO huwa fondat.
– Il-Land ta’ Vjenna
L-argumenti tal-partijiet
269 Il-Kummissjoni tesponi li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 69 tal-Wiener JagdG u ta’ l-Artikolu 1(1) tal-Wiener SchonzeitenVO, ikkunsidrati flimkien, jistabbilixxu perijodu tal-kaċċa għall-gallina li jikkoinċidi mal-perijodi tat-trobbija, tar-riproduzzjoni u tad-dipendenza li, fil-prinċipju, huma s-suġġett ta’ projbizzjoni taħt l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva, mingħajr ma jsir ebda riferiment għall-kundizzjonijiet rilevanti għal deroga previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva.
270 Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija ssostni li s-sistema ta’ kaċċa kkonċernata minn dan l-ilment hija konformi mad-deroga prevista fl-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
271 Fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 198 tas-sentenza preżenti, għandu jiġi osservat li, għal-Land ta’ Vjenna, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija ma ppreżentatx elementi li jistgħu jistabbilixxu li l-kundizzjonijiet u l-kriterji esposti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva huma sodisfatti, b’mod partikolari, għal dak li għandu x’jaqsam mal-limitazzjoni tal-kaċċa ta’ għasafar għal “numri żgħar”, skond l-Artikolu 9(1)(ċ), kif ukoll in-nuqqas ta’ ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti, skond l-ewwel parti ta’ l-imsemmi artikolu.
272 Konsegwentement, ir-rikors għandu jintlaqa’ fir-rigward tal-perijodi tal-kaċċa għall-gallina fil-Land ta’ Vjenna kif stabbiliti mill-Artikolu 69 tal-Wiener JagdG flimkien ma’ l-Artikolu 1(1) tal-Wiener SchonzeitenVO.
Ksur ta’ l-Artkolu 8 tad-Direttiva fil-Land ta’ Niederösterreich
– L-argumenti tal-partijiet
273 Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 20(4) tan-Nö NSchG ma jinkludix dispożizzjonijiet li jiddeterminaw suffiċjentement il-mezzi ta’ kaċċa pprojbiti skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva, moqri flimkien ma’ l-Anness IV(a) tagħha. Għall-kuntrarju, hemm biss riferiment b’mod ġenerali għall-mezzi, arranġamenti jew metodi ta’ qbid jew ta’ qtil awtorizzati.
274 Il-Kummissjoni ssostni li, anke jekk l-awtorità kompetenti jkollha l-obbligu li taġixxi b’mod konformi mad-Direttiva, prassi amministrattiva li tikkonforma ma’ direttiva ma tissodisfax l-eżiġenzi ta’ traspożizzjoni adegwata tad-dritt Komunitarju.
275 Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tikkunsidra li l-Artikolu 20(4) tan-Nö NSchG, li jawtorizza l-qtil ta’ annimali protetti abbażi ta’ awtorizzazzjonijiet speċjali, jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva.
276 Dan l-Istat Membru huwa tal-fehma li, minħabba li t-teknika leġiżlattiva magħżula għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-għan mixtieq ta’ l-Artikolu 20(4) tan-Nö NSchG, il-protezzjoni mixtieqa mid-Direttiva hija assigurata. Effettivament, l-awtoritajiet kompetenti huma tenuti li jistabbilixxu l-mezzi, l-arranġementi u l-metodi ta’ qbid jew ta’ qtil, li l-użu tagħhom huwa permess, fid-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni speċjali. Dawn l-awtoritajiet għandhom jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom b’mod konformi mad-Direttiva u, fid-dawl tal-prinċipju ta’ applikazzjoni koerenti tas-sistema ġuridika nazzjonali, b’osservanza anke tal-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 95 tan-Nö JagdG.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
277 Kif ġie mfakkar fil-punt 92 tas-sentenza preżenti, l-eżattezza tat-transpożizzjoni għandha importanza partikolari fil-każ tad-Direttiva, safejn il-ġestjoni tal-patrimonju komuni hija fdata, għat-territorju rispettiv tagħhom, f’idejn l-Istati Membri rispettivi (ara s-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 1987, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-236/85, Ġabra. p. 3989, punt 5).
278 Konsegwentement, il-fatt li hemm allegazzjoni ta’ prattika konformi mad-Direttiva dwar il-konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi ma tissodisfax l-eżiġenzi ta’ traspożizzjoni korretta ta’ din id-direttiva.
279 B’mod partikolari, fir-rigward tal-mezzi, arranġamenti u metodi ta’ qbid jew ta’ qtil, huwa f’idejn l-Istati Membri li jistabilixxu, permezz ta’ forza ġuridika vinkolanti, il-lista ta’ prattiċi illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ottubru, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata aktar ’il fuq, punti 27 u 28).
280 Għandu jiġi miżjud li l-projbizzjonijiet ipprovduti mid-Direttiva fir-rigward ta’ l-użu ta’ ċerti metodi ta’ qbid waqt il-prattika tal-kaċċa għandhom joħorġu minn dispożizzjonijiet ta’ natura legali. Il-prinċipju taċ-ċertezza legali jeżiġi li l-projbizzjonijiet ikkonċernati jiġu riprodotti f’atti legali vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 1990, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-339/87, Ġabra. p. I-851, punt 22).
281 Fil-fatt, l-ineżistenza ta’ prassi inkompatibbli mad-Direttiva ma tistax tillibera lill-Istat Membru kkonċernat mill-obbligu tiegħu li jieħu l-miżuri neċessarji leġiżlattivi u regolamentari sabiex jassigura traspożizzjoni adegwata tad-dispożizzjonijiet tagħha. Barra minn hekk, il-fatt li, fi Stat Membru, ma jintużax metodu ta’ kaċċa partikolari ma jistax jikkostitwixxi raġuni sabiex ma ssirx traspożizzjoni ta’ din il-projbizzjoni fis-sistema legali nazzjonali (ara s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 1990, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata aktar ’il fuq, punt 32).
282 Għandu jiġi miżjud li r-riferiment għall-Artikolu 95 tan-Nö JagdG ma jistax ikun rilevanti peress li li jaqgħu taħt din il-liġi dawk l-ispeċi ta’ annimali selvaġġi li jistgħu jiġu kkaċċjati biss, u mhux l-ispeċi ta’ għasafar selvaġġi kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.
283 Għaldaqstant, l-Artikolu 8 tad-Direttiva ma ġiex traspost korrettement fil-Land ta’ Niederösterreich.
284 Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni huwa fondat fuq dan il-punt.
Ksur ta’ l-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva fil-Länder ta’ Burgenland, ta’ Niederösterreich, ta’ Oberösterreich, ta’ Salzburg u ta’ Tirol
– Il-Land ta’ Burgenland
L-argumenti tal-partijiet
285 Il-Kummissjoni tesponi li, skond l-Artikolu 88a(1) tal-Bgld JagdG, il-kaċċa għall-isturnell hija awtorizzata mill-15 ta’ Lulju sat-30 ta’ Novembru u li, skond l-Artikolu 88a(2), fil-każ li tkun mistennija tpassija ta’ massa ta’ individwi ta’ din l-ispeċi, in-neċessità ta’ din il-miżura għandha tiġi kkonstatata permezz ta’ regolament ta’ applikazzjoni. Issa, din id-delega ma tesponix b’mod suffiċjenti l-kundizzjonijiet u l-kriterji ta’ deroga elenkati fl-Artikolu 9 tad-Direttiva.
286 Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija hija tal-fehma li, fid-dawl tal-ħsara kunsiderevoli li l-isturnell jikkawża lid-dwieli, il-Land ta’ Burgenland qieset li huwa neċessarju li tirrikorri għad-dispożizzjoni derogatorja ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva u li tadotta l-Artikolu 88a tal-Bgld JagdG. Fid-dawl tal-fatt li l-mezzi konvenzjonali ta’ tgerrix għal din l-ispeċi huma insuffiċjenti, ma teżisti ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
287 Preliminarjament, għandu jiġi osservat li kull miżura ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni tad-Direttiva għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-kundizzjonijiet u tal-kriterji esposti fl-Artikolu 9 tagħha. Konsegwentement, l-Istati Membri ma jistgħux jawtorizzaw lill-awtorità li għandha l-poter biex tadotta regolament sabiex tadotta miżuri li jidderogaw mir-regoli ta’ protezzjoni preskritti mid-Direttiva mingħajr ma jiddefinixxu b’mod preċiż l-eżiġenzi materjali u formali li jirriżultaw mill-imsemmi artikolu u li għalihom għandhom ikunu suġġetti tali derogi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza WWF Italia et, iċċitata aktar ’il fuq, punti 25 u 28).
288 Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 88a tal-Bgld JagdG ma jippreċizax liema huma l-mezzi, l-arranġamenti jew il-metodi ta’ qbid jew qtil awtorizzati, u lanqas ma jimponi b’mod vinkolanti l-arranġamenti konkreti ta’ intervent.
289 Effettivament, skond l-Artikolu 88a(2), huwa biżżejjed li regolament ta’ applikazzjoni jikkonstata l-eżistenza ta’ periklu għad-dwieli minħabba l-preżenza ta’ l-isturnell. Min-naħa l-oħra, mhuwiex neċessarju li r-regolament li għandu jiġi adottat jinkludi indikazzjonijiet preċiżi fir-rigward tal-kriterji stabbiliti mill-Artikolu 9(2) tad-Direttiva.
290 Għalhekk, is-sistema implementata mill-Artikolu 88a tal-Bgld JagdG għal dak li għandu x’jaqsam mal-ġlieda kontra l-isturnell, ma tissodisfax l-arranġamenti ta’ deroga preskritti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva.
291 Għaldaqstant, l-ilment tal-Kummissjoni huwa fondat fuq dan il-punt.
– Il-Land ta’ Niederösterreich
L-argumenti tal-partijiet
292 Il-Kummissjoni ssostni li l-awtorizzazzjoni ġenerali prevista fl-Artikolu 20(4) tan-Nö NSchG għal dak li għandu x’jaqsam ma’ attivitajiet xjentifiċi jew pedagoġiċi ma tinkludix lista eżawrjenti tal-kundizzjonijiet u tal-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati sabiex issir deroga mid-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ta’ għasafar selvaġġi. Barra minn hekk, din l-awtorizzazzjoni hija fformulata f’termini tant vagi li f’ebda ċirkustanza ma tista’ tiġi ġġustifikata bis-saħħa ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva.
293 Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Artikolu 21(2) ta’ l-istess liġi jippermetti wkoll derogi mid-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ta’ għasafar selvaġġi għall-finijiet ta’ użu agrikolu jew forestali mingħajr ma jissuġġetta din l-eċċezzjoni għall-kundizzjonijiet u l-kriterji previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva.
294 Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tafferma li l-protezzjoni li teżiġi d-Direttiva hija assigurata mill-Artikolu 20(4) tan-Nö NSchG. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jaġixxu, minn naħa, b’mod konformi mad-Direttiva u, min-naħa l-oħra, fis-sens ta’ l-applikazzjoni uniformi tas-sistema ġuridika nazzjonali, u għaldaqstant, billi jieħdu in kunsiderazzjoni l-eżiġenzi ta’ protezzjoni stabbiliti mil-liġi tal-kaċċa. Fi kwalunkwe każ, fil-prattika jingħataw biss derogi restrittivi ħafna.
295 Dan l-Istat Membru jsostni li, barra minn hekk, l-implementazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 20(4) tan-Nö NSchG tinkludi wkoll il-possibiltà li jiġu appplikati, skond il-każ, kriterji iktar restrittivi minn dawk previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva. Fir-rigward ta’ l-Artikolu 21(2) tan-Nö NSchG, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi espliċitament li l-miżuri derogatorji mhumiex applikabbli meta dawn intenzjonalment jheddu l-pjanti, l-annimali u l-ħabitat protett.
296 L-imsemmi Stat Membru jżid li, anke jekk id-derogi mis-sistema tal-kaċċa kif ukoll mir-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikoli 5, 6 u 8 tad-Direttiva għandhom ikunu bbażati fuq mill-inqas waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 9(1) tagħha, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-qabda ta’ għasafar f’numri żgħar hija possibbli jekk ikunu sodisfatti l-eżiġenzi l-oħra preskritti minn dan l-artikolu ta’ l-aħħar.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
297 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-possibiltà ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni dwar il-prattika tal-kaċċa kif ukoll mill-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5, 6 u 8 tad-Direttiva hija suġġetta, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 9 tagħha, għal ċertu numru ta’ kundizzjonijiet u kriterji.
298 Għandu jiġi mfakkar ukoll, għal dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet essenzjali dwar il-forma legali tat-traspożizzjoni tad-Direttiva, li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex tiġi assigurata applikazzjoni kompleta ta’ din id-direttiva, fid-dritt u mhux biss fil-fatt, l-Istati Membri għandhom jipprevedu kuntest ġuridiku preċiż fil-qasam ikkonċernat u li l-fatt li attivatijiet li huma inkompatibbli mal-projbizzjonijiet tad-Direttiva ma jeżistux fi Stat Membru ma jistax jiġġustifika n-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet legali (ara s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 1990, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata aktar ’il fuq, punt 25).
299 Għandu jingħad ukoll li l-kundizzjonijiet u l-kriterji li abbażi tagħhom l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-projbizzjonijiet preskritti mid-Direttiva għandhom jiġu adottati f’dispożizzjonijiet nazzjonali preċiżi (ara s-sentenza tas-7 ta’ Marzu 1996, Associazione Italiana per il WWF et, C-118/94, Ġabra. p. I-1223, punt 22).
300 Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari li l-Istati Membri jadottaw f’dan il-qasam għandhom huma stess jelenkaw b’mod eżawrjenti r-raġunijiet li jippermettu, skond il-każ, li ssir deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni previsti mid-Direttiva.
301 Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 162 tas-sentenza preżenti, prassi amministrattivi konformi mad-Direttiva ma tissodisfawx l-eżiġenzi ta’ traspożizzjoni korretta.
302 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 20(4) tan-Nö NSchG ma jikkostitwixxix traspożizzjoni korretta ta’ waħda mir-raġunijiet għal deroga previsti mill-Artikolu 9 tad-Direttiva.
303 Fir-rigward ta’ l-Artikolu 21(2) tan-Nö NSchG, li jissuġġetta l-użu agrikolu u forestali ta’ l-art għall-projbizzjonijiet fil-qasam tal-protezzjoni ta’ l-għasafar, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni ma tapplikax fil-każ ta’ preġudizzju kkawżat deliberatament lill-pjanti u lill-annimali protetti.
304 Issa, id-diversi projbizzonijiet previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva, li jistgħu japplikaw għall-użu agrikolu jew forestali, jirreferu għall-ħsara kkawżata intenzjonalment.
305 Konsegwentement, l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 21(2) tan-Nö NSchG mhumiex suġġetti għall-Artikolu 9 tad-Direttiva.
306 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva mil-leġiżlazzjoni tal-Land ta’ Niederösterreich huwa fondat biss fir-rigward ta’ l-Artikolu 20(4) tan-Nö NSchG.
307 Għall-kuntrarju, safejn jirrigwarda l-Artikolu 21(2), l-ilment mhuwiex fondat.
– Il-Land ta’ Oberösterreich
L-argumenti tal-partijiet
308 Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 60(3) ta’ l-Oö JagdG ma jissodisfax il-kundizzjonijiet u l-kriterji previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva, minħabba li l-leġittimità tal-miżuri ta’ interventi awtorizzati minn din id-dispożizzjoni nazzjonali mhumiex suġġetti għan-nuqqas ta’ soluzzjoni oħra sodisfaċenti.
309 Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tallega li l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali tikkonforma mad-dritt Komunitarju, peress li t-totalità ta’ l-eżiġenzi materjali u formali esposti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva huma sodisfatti. L-għasafar imsemmija fid-dispożizzjoni nazzjonali rilevanti huma fil-fatt protetti matul is-sena kollha u huwa dejjem meħtieġ li tinkiseb awtorizzazzjoni sabiex issir deroga mis-sistema ta’ protezzjoni stabbilita mill-Artikolu 48 ta’ l-Oö JagdG.
310 Dan l-Istat Membru jsostni wkoll li mix-xogħol preparatorju wara l-Artikolu 60(3) ta’ l-Oö JagdG jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Land ta’ Oberösterreich kien eżamina huwa stess il-kundizzjonijiet u l-kriterji esposti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva.
311 Issa, dan il-leġiżlatur ikkunsidra li l-poteri mogħtija lill-proprjetarji sabiex jimpedixxu li ssir ħsara serja lill-uċuħ, lill-bhejjem kif ukoll lill-forom oħra ta’ proprjetà huma ġġustifikati, peress li, b’mod ġenerali, il-proprjetarji ma jkollhomx soluzzjoni sodisfaċenti oħra meta l-annimali msemmija jidħlu f’bini residenzjali jew użat.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
312 Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 60(3) ta’ l-Oö JagdG jippermetti l-qbid, l-qtil u t-teħid ta’ għasafar protetti sabiex tkun evitata ħsara lill-“forom oħra ta’ proprjetà”.
313 Raġuni għal deroga bħal din ma tikkorrispondix għall-interessi li l-protezzjoni tagħhom hija prevista fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva.
314 Barra minn hekk, mir-raba’ inċiż ta’ l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva jirriżulta li l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri li għandhom l-obbligu li japplikaw din ta’ l-aħħar huma tenuti li jidentifikaw awtorità li, għal kull miżura derogatorja prevista, teżamina jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi awtorizzata miżura bħal din humiex sodisfatti, tiddeċiedi fuq il-mezzi, l-arranġamenti jew il-metodi li jistgħu jiġu implementati u tiddetermina l-limiti ta’ din il-miżura kif ukoll il-persuni li jistgħu jibbenefikaw minnha.
315 Issa, l-Artikolu 60(3) ta’ l-Oö JagdG ma jinkludix dawn il-preċiżazzjonijiet.
316 Għandu jiġi kkonstatat ukoll li din id-dispożizzjoni lanqas ma tippreċiża regoli dettaljati dwar il-kontrolli previsti fil-ħames inċiż ta’ l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva.
317 F-aħħar nett, rigward l-argument ibbażat fuq interpretazzjoni konformi mad-Direttiva mill-awtoritajiet kompetenti, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar, kif diġà ġie espost fil-punt 162 tas-sentenza preżenti, li sempliċi prassi amministrattiva, li min-natura tagħha tista’ tinbidel skond il-volontà ta’ l-amministrazzjoni u ma tingħatax pubbliċità adegwata, ma tistax tiġi kkunsidrata li tikkostitwixxi implementazzjoni li tikkonforma mad-dritt Komunitarju ta’ l-obbligu ta’ traspożizzjoni li għandhom l-Istati Membri, destinatarji ta’ direttiva.
318 Għalhekk, l-Artikolu 60(3) ta’ l-Oö JagdG mhuwiex konformi ma’ l-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva.
319 Konsegwentement, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jintlaqa’ fuq dan il-punt.
– Il-Land ta’ Salzburg
L-argumenti tal-partijiet
320 Il-Kummissjoni tirrileva li, skond l-Artikolu 34(1) tas-Sbg NSchG, derogi mid-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-protezzjoni jistgħu jingħataw, b’mod partikolari, fir-rigward tal-produzzjoni tax-xorb. Issa, mhuwiex stabbilit fuq liema raġunijiet ta’ deroga awtorizzati mid-Direttiva hija stabbilita din is-sistema.
321 Il-Kummissjoni ssostni wkoll li, skond l-Artikolu 72(3) tas-Sbg JagdG, deroga mill-projbizzjoni ta’ użu ta’ nases sabiex jinqatlu annimali selvaġġi tista’ tingħata mingħajr ma jittieħdu in kunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet u l-kriterji previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva. Barra minn hekk, interpretazzjoni restrittiva ta’ l-Artikolu 72(3) tas-Sbg JagdG ma tibbastax sabiex jiġu ssodisfatti b’mod vinkolanti legalment l-imsemmija kundizzjonijiet u kriterji.
322 F’dak li għandu x’jaqsam mal-produzzjoni tax-xorb imsemmija fl-Artikolu 34(1) tas-Sbg NSchG, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija ssostni li din id-dispożizzjoni mhijiex applikabbli għall-għasafar. Din hija dispożizzjoni li għandha l-għan li tippermetti l-produzzjoni ta’ xorb alkoħoliku minn ċerti speċi ta’ pjanti. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma tawtorizzax l-għoti ta’ derogi jekk ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet esposti fl-Artikolu 34(3) ta’ l-istess liġi.
323 Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-użu ta’ nases bis-saħħa ta’ l-Artikolu 72(3) tas-Sbg JagdG, dan l-Istat Membru jsostni li l-kundizzjonijiet ta’ deroga jikkonformaw ma’ l-eżiġenzi ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
324 Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 34(1) tas-Sbg NSch jesponi raġuni waħda għal deroga marbuta mal-produzzjoni tax-xorb li mhijiex imsemmija fil-lista eżawrjenti ta’ raġunijiet elenkati fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva.
325 Barra minn hekk, l-Artikolu 34(1) u (3) ta’ l-imsemmija liġi ma jinkludi ebda restrizzjoni dwar ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-deroga prevista.
326 Fit-tieni lok, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-Artikolu 72(3) tas-Sbg JagdG, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni lanqas ma tirrispetta l-karattru eżawrjenti tal-lista tar-raġunijiet għal deroga mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva. Effettivament, l-imsemmi Artikolu 72(3) jippermetti l-użu ta’ nases, inter alia, meta l-interessi pubbliċi ta’ importanza simili għall-prevenzjoni ta’ theddid kontra l-ħajja jew is-saħħa tal-bniedem ma jistgħux jiġu protetti mod ieħor.
327 Issa, tali raġuni għal deroga mhijiex inkluża fl-imsemmija lista.
328 Għaldaqstant, l-ilment preżenti tal-Kummissjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat.
– Il-Land ta’ Tirol
L-argumenti tal-partijiet
329 Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 4(3) tat-Tiroler NSchVo jipprovdi li huwa illegali li ssir il-kaċċa għaċ-ċawla, għall-isturnell u għall-malvizz iswed fl-uċuħ agrikoli jew forestali kif ukoll fil-ġonna privati mingħajr ma jsir riferiment għall-kundizzjonijiet u l-kriterji previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva.
330 Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tikkunsidra li l-Artikolu 4(3) tat-Tiroler NSchVO ma jiksirx l-Artikolu 9 tad-Direttiva, minħabba li ma jikkostitwixxix deroga mill-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ din ta’ l-aħħar. B’mod partikolari, skond l-Artikolu 5(d) tad-Direttiva, huma biss l-interventi li għandhom effett sinjifikattiv fir-rigward ta’ l-għanijiet tad-Direttivi li huma pprojbiti. Issa, it-tgerrix awtorizzat ta’ dawn it-tliet speċi m’għandux dan l-effett.
331 Dan l-Istat Membru jsostni wkoll li s-sistema ta’ protezzjoni stabbilita fl-Artikoli 5, 6 u 7 tad-Direttiva kif ukoll is-sistema derogatorja prevista fl-Artikolu 9 tagħha, jirreferu għall-interventi li għandhom karattru intenzjonat.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
332 Għandu jiġi osservat li l-formulazzjoni ta’ l-Artikolu 4(3) tat-Tiroler NSchVO teskludi, mingħajr ebda limitazzjoni, tliet speċi ta’ għasafar selvaġġi mis-sistema ta’ protezzjoni prevista mid-Direttiva meta l-kampjuni ta’ dawn l-ispeċi jinsabu ġewwa jew viċin l-uċuħ agrikoli jew forestali kif ukoll ġonna privati.
333 Għandu jiġi rrilevat li din id-deroga m’għandha ebda riżervi fir-rigward ta’ l-arranġamenti ta’ l-implementazzjoni tagħha.
334 Għandu jiġi miżjud li, jekk l-ispeċi kkonċernati jkunu effettivament mgerrxa mill-ispazji msemmija, il-ħabitat tagħhom jispiċċa kważi fix-xejn. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika ta’ l-Awstrija, it-tfixkil li jirriżulta minn dan it-tgerrix jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fir-rigward ta’ l-għanijiet ta’ protezzjoni tad-Direttiva.
335 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet u l-kriterji għal deroga esposti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva mhumiex irrispettati mill-Artikolu 4(3) tat-Tirler NSchVO.
336 Għaldaqstant, l-ilment tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni għandu jintlaqa’.
Ksur ta’ l-Artikolu 11 tad-Direttiva fil-Land ta’ Niederösterreich
– L-argumenti tal-partijiet
337 Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Artikolu 17(5) tan-Nö NSchG jissuġġetta l-introduzzjoni ta’ speċi ta’ għasafar li ma jinstabux fin-natura fl-istat selvaġġ fil-Land ta’ Niederösterreich għall-kundizzjoni li dawn l-interventi ma jipprovokawx ħsara dejjiema fl-ambjent naturali awtoktonu. Issa, din il-kundizzjoni tikkostitwixxi kriterju addizzjonali fir-rigward ta’ dawk previsti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva.
338 Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija tosserva li, fil-kuntest ta’ interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 17(5) tan-Nö NSchG li tikkonforma ma’ l-imsemmija dispożizzjoni tad-Direttiva, l-awtrorizzazzjoni biex tiġi introdotta speċi mhux indiġena fin-natura hija dejjem irrifjutata jekk din ikollha impatt negattiv fuq il-fawna u l-flora lokali.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
339 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, kif ġie espost fil-punt 103 tas-sentenza preżenti, l-importanza ta’ protezzjoni kompleta u effiċjenti ta’ l-għasafar selvaġġi ġewwa l-Komunità, ikun fejn ikun il-post fejn jinsabu jew iż-żoni minn fejn jgħaddu, tirrendi inkompatibbli mad-Direttiva kull leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddetermina l-protezzjoni ta’ għasafar selvaġġi skond il-kunċett ta’ patrimonju nazzjonali.
340 Għandu jiġi osservat ukoll li l-Artikolu 11 tad-Direttiva, li skondu l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-introduzzjoni eventwali ta’ speċi ta’ għasafar li ma jinsabux fin-natura fl-istat selvaġġ fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri ma jkollhiex impatt negattiv fuq il-flora u l-fawna lokali, jistabbilixxi kuntest ġuridiku partikolarment vinkolanti fir-rigward tal-possibilita li tingħata awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni ta’ dawn l-ispeċi ta’ għasafar.
341 Issa, l-Artikolu 17(5) tan-Nö NSchG jipprevedi sistema ta’ protezzjoni li tvarja, fir-rigward ta’ ħafna aspetti, minn dik esposta fl-Artikolu 11 tad-Direttiva. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat bħala li ma jikkonformax ma’ din id-dispożizzjoni.
342 Fir-rigward ta’ l-argument li, fi kwalunkwe każ, l-imsemmi Artiolu 17(5) huwa interpretat b’mod konformi mad-Direttiva mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar, kif jirriżulta mill-punt 162 tas-sentenza preżenti, li sitwazzjoni bħal din ma tistax tassigura traspożizzjoni kompleta tad-Direttiva.
343 Konsegwentement, dan l-ilment tal-Kummissjoni għandu jintlaqa’.
344 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-Repubblika ta’ l-Awstrija naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 10 u 249 KE, kif ukoll skond l-Artikolu 18 tad-Direttiva billi ma ttrasponietx korrettament id-dispożizzjonijiet segwenti:
– l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva fil-Länder ta’ Burgenland, ta’ Kärnten, ta’ Niederösterreich, ta’ Oberösterreich, u ta’ Steiermark,
– l-Artikolu 5 tad-Direttiva fil-Länder ta’ Burgenland, ta’ Kärnten, ta’ Niederösterreich, ta’ Oberösterreich, u ta’ Steiermark,
– l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva fil-Land ta’ Oberösterreich,
– l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva fil-Länder ta’ Kärnten, ta’ Niederösterreich u ta’ Oberösterreich,
– l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva fil-Länder u fir-rigward ta’ l-ispeċi segwenti:
– fil-Land ta’ Kärnten għal dak li jikkonċerna s-serduk selvaġġ, il-faġan tal-muntanja, it-tiġieġa tal-baħar, il-gallina, it-tuduni u l-ħamiema tal-kullar,
– fil-Land ta’ Niederösterreich għal dak li jikkonċerna t-tuduni, is-serduk selvaġġ, il-faġan tal-muntanja u l-gallina,
– fil-Land ta’ Oberösterreich għal dak li jikkonċerna s-serduk selvaġġ, il-faġan tal-muntanja u l-gallina,
– fil-Land ta’ Salzburg għal dak li jikkonċerna s-serduk selvaġġ, il-faġan tal-muntanja u l-gallina,
– fil-Land ta’ Steiermark għal dak li jikkonċerna s-serduk selvaġġ, il-faġan tal-muntanja u l-gallina,
– fil-Land ta’ Tirol għal dak li jikkonċerna s-serduk selvaġġ u l-faġan tal-muntanja,
– fil-Land ta’ Vorarlberg għal dak li jikkonċerna l-faġan tal-muntanja, u
– fil-Land ta’ Vjenna għal dak li jikkonċerna l-gallina,
– l-Artikolu 8 tad-Direttiva fil-Land ta’ Niederösterreich,
– l-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva fil-Land ta’ Burgenland, fil-Land ta’ Niederösterreich fir-rigward ta’ l-Artikolu 20(4) tan-Nö NSchG, fil-Länder ta’ Oberösterreich, ta’ Salzburg, ta’ Tirol u ta’ Steiermark,
– l-Artikolu 11 tad-Direttiva fil-Land ta’ Niederösterreich
Fuq l-ispejjeż
345 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika ta’ l-Awstrija tilfet fir-rigward tal-motivi essenzjali tagħha dwar il-motivi ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li għadhom is-suġġett tal-kawża, hemm lok li din tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif miltub mill-Kummissjoni.
346 Għal dak li jikkonċerna l-motivi dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu indikati fir-rikors li beda dawn il-proċeduri li kienu s-suġġett ta’ rinunzja min-naħa tal-Kummissjoni fi stadju ulterjuri tal-proċeduri, għandu jiġi kkonstatat li r-rinunzja ta’ l-ilmenti kkonċernati saret wara l-emendi ta’ l-atti legali nazzjonali in kwistjoni. Għalhekk, din ir-rinunzja hija imputabbli lill-konvenuta peress li d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern kienu ġew adattati għall-eżiġenzi tad-dritt Komunitarju b’dewmien. Skond l-Artikolu 69(5) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż marbuta ma’ l-imsemmija motivi dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Għaldaqstant, il-konvenuta għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż kollha ta’ dawn il-proċeduri.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 10 u 249 KE, kif ukoll skond l-Artikolu 18 tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi, billi ma ttrasponietx korrettament id-dispożizzjonijiet segwenti:
– l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 79/409 fil-Länder ta’ Burgenland, ta’ Kärnten, ta’ Niederösterreich, ta’ Oberösterreich, u ta’ Steiermark,
– l-Artikolu 5 tad-Direttiva 79/409 fil-Länder ta’ Burgenland, ta’ Kärnten, ta’ Niederösterreich, ta’ Oberösterreich, u ta’ Steiermark,
– l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 79/409 fil-Land ta’ Oberösterreich,
– l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 79/409 fil-Länder ta’ Kärnten, ta’ Niederösterreich u ta’ Oberösterreich,
– l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 79/409 fil-Länder u fir-rigward ta’ l-ispeċi segwenti:
– fil-Land ta’ Kärnten għal dak li jikkonċerna s-serduk selvaġġ, il-faġan tal-muntanja, it-tiġieġa tal-baħar, il-gallina, it-tuduni, u l-ħamiema tal-kullar,
– fil-Land ta’ Niederösterreich għal dak li jikkonċerna t-tuduni, is-serduk selvaġġ, il-faġan tal-muntanja u l-gallina,
– fil-Land ta’ Oberösterreich għal dak li jikkonċerna s-serduk selvaġġ, il-faġan tal-muntanja u l-gallina,
– fil-Land ta’ Salzburg għal dak li jikkonċerna s-serduk selvaġġ, il-faġan tal-muntanja u l-gallina,
– fil-Land ta’ Steiermark għal dak li jikkonċerna s-serduk selvaġġ, il-faġan tal-muntanja u l-gallina,
– fil-Land ta’ Tirol għal dak li jikkonċerna s-serduk selvaġġ u l-faġan tal-muntanja,
– fil-Land ta’ Vorarlberg għal dak li jikkonċerna l-faġan tal-muntanja, u
– fil-Land ta’ Vjenna għal dak li jikkonċerna l-gallina,
– l-Artikolu 8 tad-Direttiva 79/409 fil-Land ta’ Niederösterreich,
– l-Artikolu 9(1) u (2) fil-Land ta’ Burgenland, fil-Land ta’ Niederösterreich fir-rigward ta’ l-Artikolu 20(4) tal-liġi ta’ Niederösterreich dwar il-protezzjoni tan-natura (Niederösterreichisches Naturschutzgesetz), fil-Länder ta’ Oberösterreich, ta’ Salzburg, ta’ Tirol u ta’ Steiermark,
– l-Artikolu 11 tad-Direttiva 79/409 fil-Land ta’ Niederösterreich.
2) Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.
3) Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija hija kkundannata tbati l-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Top