SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
21 ta’ Frar 2008 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Kuntratti pubbliċi għal servizzi, għal provvisti u għal xogħlijiet — Direttivi 92/50/KEE, 93/36/KEE, 93/37/KEE u 93/38/KEE — Trasparenza — Trattament ugwali — Kuntratti esklużi, minħabba l-valur tagħhom, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi”
Fil-Kawża C-412/04,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-24 ta’ Settembru 2004,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn X. Lewis u K. Wiedner, bħala aġenti, assistiti minn G. Bambara, avvocato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn M. Fiorilli, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta,
sostnuta minn:
Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, bħala aġent,
Ir-Renju ta’ l-Olanda, irrappreżentat minn H. G. Sevenster u M. de Grave, bħala aġenti,
Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
intervenenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, L. Bay Larsen, K. Schiemann, J. Makarczyk (Relatur) u J.-C. Bonichot, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Novembru 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi adottat id-dispożizzjonijiet imsemmija:
—
fl-Artikoli 2(1) u (5); 17(12); 27(2); 30(6a); 37b u 37c(1) tal-Liġi Nru 109, Liġi qafas dwar kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi (legge quadro in materia di lavori pubblici), tal-11 ta’ Frar 1994 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 41 tad-19 ta’ Frar 1994), kif emendata bil-Liġi Nru 166 ta’ l-1 ta’ Awwissu 2002 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 181 tat-3 ta’ Awwissu 2002, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 109/1994”),
—
fl-Artikolu 28(4) tal-Liġi Nru 109/94, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 188 tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 554, rigward regolament ta’ applikazzjoni tal-Liġi Qafas dwar kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi tal-11 ta’ Frar 1994, Nru 109, u ta’ l-emendi tagħha suċċessivi (regolamento di attuazione della legge quadro in materia di lavori pubblici 11 febbraio 1994, n. 109, e successive modificazioni), tal-21 ta’ Diċembru 1999 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 98, tat-28 ta’ April 2000, iktar ’il quddiem id-“DPR Nru 554/1999”), u l-Artikolu 3(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 157, rigward l-applikazzjoni tad-Direttiva 92/50 dwar kuntratti għal servizzi pubbliċi (attuazione della direttiva 92/50/CEE in materia di appalti pubblici di servizi), tas-17 ta’ Marzu 1995 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 104, tas-6 ta’ Mejju 1995, aktar ’il quddiem id-“digriet leġiżlattiv Nru 157/1995”),
—
ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1), tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista (ĠU L 199, p. 1), tad-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 199, p. 54), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew 97/52/KEE tat-13 ta’ Ottubru 1997 (ĠU L 328, p.1, aktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/37”), id-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, ta’ l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni (ĠU L 199, p. 84), kif ukoll l-Artikoli 43 KE u 49 KE u l-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ trattament ugwali li huma l-korollarju tagħhom.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2
Id-Direttivi 92/50, 93/36, 93/37 u 93/38 ġew adottati fil-kuntest tat-tqegħid fis-seħħ tas-suq intern, iddefinit bħala qasam mingħajr fruntieri li fih il-moviment liberu ta’ oġġetti, persuni, servizzi u kapital huwa assigurat. Huma intiżi li jeliminaw il-prattiċi li jirrestrinġu l-kompetizzjoni in ġenerali u s-sehem f’kuntratti pubbliċi taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn sabiex jimplementaw, b’mod partikolari, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbiliti, rispettivament, fl-Artikoli 43 KE u 49 KE.
3
Skond is-sitt premessa tad-Direttiva 92/50, il-kuntratti pubbliċi ta’ servizzi jistgħu, f’ċerti każijiet, jinkudu xogħlijiet u jirriżulta mid-Direttiva tal-Kunsill 71/305/KEE, tas-26 ta’ Lulju 1971, dwar il-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 185, p. 5), li kuntratt jista’ jiġi kkunsidrat bħala kuntratt għal xogħlijiet pubbliċi biss jekk l-oġġett tiegħu jikkonsisti fit-twettiq ta’ xogħol. Sakemm dawn ix-xogħlijiet huma anċillari u mhumiex l-oġġett tal-kuntratt, huma ma jistgħux jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni tal-kuntratt bħala kuntratt għal xogħlijiet pubbliċi.
4
Jirriżulta mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/50 li kuntratti li għandhom bħala għan servizzi elenkati fl-Anness I A għandhom jingħataw skond id-dispożizzjonijiet tat-Titoli III sa VI ta’ l-istess direttiva. It-Titolu III jirrigwarda l-għażla tal-proċeduri ta’ għoti ta’ l-imsemmija kuntratti u r-regoli applikabbli għall-kompetizzjonijiet.
5
Huma msemmija b’mod partikolari fil-kategorija 12 ta’ l-Anness I A tad-Direttiva 92/50 is-servizzi arkittettoniċi, servizzi ta’ inġinerija u servizzi integrati ta’ inġinerija; servizzi ta’ ppjanar urban u servizzi arkitettoniċi ta’ landscape; servizzi relatati xjentifiċi u ta’ konsulenza teknika; servizzi ta’ kontroll tekniku u ta’ analiżi.
6
Skond l-Artikolu 15 tad-Direttiva 93/38, il-kuntratti għal provvista u għal xogħlijiet u kuntratti li għandhom bħala għan is-servizzi elenkati fl-Anness XVI_A għandhom jingħataw skond id-dispożizzjonijiet tat-Titoli III sa V ta’ l-istess direttiva. It-Titolu IV ta’ l-imsemmija dire 5–0ttiva jirrigwarda l-proċeduri ta’ għoti tal-kuntratt.
7
Il-kategorija 12 ta’ l-imsemmi Anness XVI_A hija identika għall-kategorija 12 ta’ l-Anness I A tad-Direttiva 92/50.
8
Skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 93/37, “il-‘kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi’ jfissru kuntratti għal interess tal-flus konklużi bil-kitba bejn il-kuntrattur u l-awtorità ta’ kuntrattar [aġġudikatriċi] kif definit f’1(b) [ta’ dan l-istess Artikolu], li għandhom bħala għan tagħhom jew l-attwazzjoni, jew l-attwazzjoni u d-disinn flimkien, ta’ xogħlijiet relatati ma’ waħda mill-attivitajiet msemmija fl-Anness II jew xogħol definit f’(ċ) taħt, jew l-attwazzjoni, b’kull mod, ta’ xogħol li jikkorrispondi mal-kundizzjonijiet speċifikati mill-awtorità ta’ kuntrattar [aġġudikatriċi]”.
9
L-Artikolu 6(1) ta’ l-imsemmija direttiva jippreċiża l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha fir-rigward tal-valur stmat tad-diversi kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi msemmija. Jirriżulta mill-Artikolu 6(3) li, meta xogħol ikun maqsum f’diversi lottijiet, b’kuntratt għal kull wieħed, il-valur ta’ kull lott għandu jittieħed in kunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni ta’ l-ammonti msemmija fl-Artikolu 6(1) imsemmi, u li, meta l-valur globali tal-lottijiet huwa daqs jew ikbar minn l-ammont msemmi, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar paragrafu għandhom japplikaw, fil-prinċipju, għal-lottijiet kollha.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
10
Il-kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi huma rregolati permezz tal-Liġi Nru 109/1994, li daħlet fis-seħħ permezz tad-DPR Nru 554/1999.
11
Skond l-Artikolu 2(1) tal-Liġi Nru 109/1994, ix-xogħlijiet pubbliċi jfissru, jekk jingħataw minn suġġetti msemmija fl-Artikolu 2(2), bini, demolizzjoni, irkupru, ristrutturar, restawr u manteniment ta’ xogħlijiet u ta’ stallazzjonijiet. Din id-dispożizzjoni testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi Nru 40/94 għal kuntratti mħallta ta’ xogħlijiet, ta’ provvisti u ta’ servizzi u għal kuntratti għal provvisti u servizzi li jinkludu xogħlijiet anċillari li l-valur tagħhom huwa ta’ iktar minn 50 % tal-valur totali tal-kuntratt ikkonċernat.
12
L-Artikolu 3(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 157/1995, rigward l-applikazzjoni tad-Direttiva 92/50 dwar kuntratti għal servizzi pubbliċi (attuazione della direttiva 92/50/CEE in materia di appalti pubblici di servizi), tas-17 ta’ Marzu 1995 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 104, tas-6 ta’ Mejju 1995), jipprovdi li, fir-rigward tal-kuntratti mħallta ta’ xogħlijiet u servizzi li jinkludu xogħlijiet anċillari, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 109/1994 japplikaw jekk ix-xogħlijiet jirrappreżentaw iktar minn 50 % tal-valur totali tal-kuntratt ikonċernat.
13
L-Artikolu 2(5) tal-Liġi Nru 109/94 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmija liġi xogħlijiet magħmula direttament minn persuni privati li huma kkumpensati permezz ta’ ħlas pagabbli fir-rigward ta’ permessi ta’ bini, kif ukoll xogħlijiet li jirriżultaw mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 28(5) tal-Liġi Nru 1150, dwar l-iżvilupp urban (legge urbanistica), tas-17 ta’ Awwissu 1942 (GURI Nru 244, tas-16 ta’ Ottubru 1942), kif emendata (aktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 1150/1942”). L-imsemmi Artikolu 2(5) jeskludi wkoll minn dan il-kamp ta’ applikazzjoni xogħlijiet li huma simili għal dawk imsemmija iktar ’il fuq. Din l-aħħar dispożizzjoni tippreċiża li, jekk il-valur tax-xogħlijiet, meqjus individwalment, jaqbeż il-limiti tal-Komunità, il-kuntratt għandu jingħata b’mod konformi mad-Direttiva 93/37.
14
F’dan ir-rigward, mill-Artikoli 1 u 31 tal-Liġi Nru 1150/42 kif ukoll mill-Artikoli 3 u 11 tal-Liġi Nru 10, rigward regoli dwar l-adattabilità ta’ art għal żvilupp (norme in materia di edificabilità dei suoli) tat-28 ta’ Jannar 1977 (GURI Nru 27, tad-29 ta’ Jannar 1977), kif emendata (aktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 10/1977”), jirriżulta li s-sid tal-permess tal-bini jista’ jwettaq huwa nnifsu x-xogħlijiet ta’ żvilupp urban u jnaqqas l-ispejjeż tagħhom, totalment jew parzjalment, mit-taxxi dovuti.
15
Barra l-kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, il-Liġi Nru 109/1994 tirregola ċerti kuntratti għal servizzi pubbliċi.
16
B’dan il-mod, l-Artikolu 17(12) ta’ din il-liġi jawtorizza lill-awtoritajiet aġġudikaturi sabiex jagħtu l-kuntratti għal servizzi pubbliċi ta’ kompiti ta’ disinn u tmexxija ta’ xogħlijiet ta’ ammont ta’ inqas minn EUR 100000, permezz ta’ l-intermedjarju tal-persuna responsabbli għall-proċedura, lill-persuni msemmija fil-paragrafu (1)(d), (e), (f) u (g), wara li jivverifikaw l-esperjenza u l-kapaċità professjonali tal-persuni magħżula u jiddikjaraw r-raġunijiet għal din l-għażla.
17
Skond l-Artikolu 27(2) tal-Liġi Nru 109/94, jekk l-awtoritajiet aġġudikaturi, ma jistgħux jassumu r-responsabbiltà għat-tmexxija tax-xogħlijiet, dawn l-awtoritajiet għandhom jafdaw il-kuntratt għas-servizzi ta’ tmexxija, f’din l-ordni, jew lil awtoritajiet pubbliċi oħra; jew lid-disinjatur tal-proġett, fis-sens ta’ l-Artikolu 17(4); jew lil persuni oħra li kienu magħżula minn qabel skond ir-regoli nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji rilevanti.
18
Skond l-Artikolu 28(4) tal-Liġi Nru 109/94, kuntratti għal servizzi ta’ ittestjar jingħataw lil wieħed, tnejn jew tliet esperti bi kwalifikazzjonijiet għoljin fil-qasam partikolari kkonċernat, skond it-tip, il-kumplessità u l-ammont tax-xogħlijiet; huma jintgħażlu mill-esperti ta’ l-awtorità tal-kuntratti nfisha sakemm ma jiġix stabbilit u ċċertifikat li ebda wieħed minn dawn l-esperti ma jissodisfa dawn ir-rekwiżiti.
19
L-Artikolu 30(6a) ta’ l-imsemmija liġi joffri l-istess possibbiltà fir-rigward ta’ verifika ta’ xogħlijiet li fil-prinċipju taqa’ fuq id-dipartimenti tekniċi ta’ l-awtoritajiet aġġudikaturi jew ta’ l-awtoritajiet ta’ kontroll imsemmija fl-Artikolu 30(6a)(a).
20
Mill-paragrafi 1, 3, 8, 9, 11, 12 u 13 ta’ l-Artikolu 188 tad-DPR Nru 554/1999 jirriżulta barra dan li, fi żmien 30 ġurnata mill-konklużjoni tax-xogħlijiet, l-awtorità aġġudikatriċi għandha tagħti l-kuntratt għal ittestjar tax-xogħlijiet lill-kollaboraturi tagħha, skond it-tip, il-kategorija, il-kumplessità u l-valur tax-xogħlijiet u fuq il-bażi ta’ kriterji stabbiliti minn qabel.
21
Jekk ħadd ma jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti, l-awtorità għandha tuża’ s-servizzi ta’ esperti esterni inklużi fil-listi stabbiliti mill-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u mill-gvernijiet reġjunali u provinċjali.
22
Fin-nuqqas ta’ dawn il-listi, l-awtoritajiet aġġudikaturi għandhom jagħtu, fid-diskrezzjoni tagħhom, ix-xogħlijiet ta’ verika lil persuni li għandhom, f’kull każ, il-kwalitajiet mitluba u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija.
23
L-Artikoli 37a, 37b u 37ċ tal-Liġi Nru 109/94 jirregolaw l-għoti tal-kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi ffinanzjati, totalment jew parzjalment, minn persuni privati.
24
L-Artikolu 37a jippermetti lil dawn il-persuni sabiex jissottomettu quddiem l-awtoritajiet aġġudikaturi proposti għal xogħlijiet pubblici u xogħlijiet fl-interess pubbliku, u li jikkonkludu l-kuntratti rilevanti li jipprovdu għall-iffinanzjar u għall-ġestjoni tax-xogħlijiet.
25
L-Artikolu 37b ta’ l-istess Liġi jistabbilixxi l-proċedura ta’ l-għażla tal-promotur. B’dan il-mod, huwa jipprovdi li l-awtoritajiet aġġudikaturi jevalwaw il-fattibbiltà tal-proposti ppreżentati taħt diversi aspetti: bini, żvilupp urban, l-ambjent, il-kwalità tal-proġett, in-natura funzjonali tiegħu, l-użu tax-xogħol, l-aċċessibilità tiegħu għall-pubbliku, ir-redditu, l-ispejjeż ta’ ġestjoni u manuntenzjoni, iż-żmien tal-konċessjoni, il-limiti ta’ żmien sabiex jitwettqu dawn ix-xogħlijiet, l-ispejjeż applikabbli u s-sistema għar-reviżjoni ta’ l-ispejjeż, il-valur ekonomiku u finanzjarju tal-pjan u l-kontenut ta’ l-abbozz ta’ ftehim. Dawn l-awtoritajiet għandhom jaraw li l-ebda element ma jipprekludi t-tqegħid fis-seħħ ta’ dawn il-proposti u wara li jeżaminaw u jqabblu dawn ta’ l-aħħar u semgħu lill-promoturi li jitolbuhom, huma għandhom jindikaw liema proposta hija fl-interess pubbliku.
26
F’dan il-każ, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 37ċ tal-Liġi Nru 109/1994, tiġi stabbilita proċedura ristretta intiża sabiex tinkiseb il-preżentata ta’ żewġ offerti oħra. Il-konċessjoni mbagħad tingħata fil-kuntest ta’ proċedura nnegozjata li matulha l-proposta tal-promotur magħżul inizjalment u dawn il-proposti l-oħra jiġu eżaminati. Matul din il-proċedura, l-imsemmi promotur jista’ jadatta l-proposta tiegħu ma’ dik li l-awtorità aġġudikatriċi tqis li hija l-iktar konvenjenti. Jekk dan ikun il-każ, huwa jingħata l-kuntratt.
Il-proċedura prekontenzjuża
27
Il-Kummissjoni, wara li rċeviet ilmenti dwar l-effetti tal-Liġi Nru 109/1994 fil-verżjoni tagħha inizjali, segwiet il-proċess ta’ adozzjoni ta’ abbozz ta’ liġi sabiex temenda din il-Liġi.
28
Wara l-adozzjoni ta’ l-emendi skond il-Liġi Nru 166, ta’ l-1 ta’ Awwissu 2002, li emendat il-Liġi Nru 109/1994, il-Kummissjoni, fid-19 ta’ Diċembru 2002, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Taljana, fejn indikat lil din ta’ l-aħħar li, fil-fehma tagħha, ċerti dispożizzjonijiet kienu inkompatibbli mad-dritt Komunitarju.
29
Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Ġunju 2003, ir-Repubblika Taljana qablet mal-biċċa l-kbira ta’ l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni u għarrfet lill-Kummissjoni bil-intenzjoni tagħha li konsegwentement temenda l-leġiżlazzjoni applikabbli.
30
Peress li r-Repubblika Taljana ma għamlitx l-emendi mħabbra, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata fil-15 ta’ Ottubru 2003 lill-imsemmija Repubblika Taljana, u talbitha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha ma’ l-imsemmija opinjoni fi żmien xahrejn min-notifika tagħha.
31
Peress li l-Kummissjoni qieset li l-pożizzjoni meħuda mir-Repubblika fl-ittra tat-22 ta’ April 2005 ma kinitx sodisfaċenti, hija ressqet, skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 226 KE, dan ir-rikors.
32
Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ April 2005, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju ta’ l-Olanda u r-Repubblika tal-Finlandja ġew awtorizzati li jintervjenu f’din il-kawża in sostenn tat-talbiet tar-Repubblika Taljana. Kienu biss ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta’ l-Olanda li ppreżentaw noti ta’ intervent.
Fuq ir-rikors
33
Dan ir-rikors huwa bbażat fuq sitt ilmenti.
Fuq l-ewwel ilment
34
L-ewwel ilment jirrigwarda r-regolamentazzjoni tal-kuntratti mħallta, kif tirriżulta mil-Liġi Nru 109/1994.
35
Mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi, li għandha l-għan li tistabbilixxi l-limiti tal-kunċett ta’ xogħlijiet pubbliċi, jirriżulta li hija tirrigwarda bini, demolizzjoni, irkupru, ristrutturar, restawr u manteniment ta’ xogħlijiet u ta’ stallazzjonijiet, meta jkunu mogħtija mis-suġġetti msemmija fl-Artikolu 2(2). L-imsemmi paragrafu 1 jippreċiża li kuntratti mħallta għal xogħlijiet, provvisti u servizzi u għal kuntratti għal provvisti jew għal servizzi li jinkludu xogħlijiet anċillari jehh l-valur tagħhom ikun ta’ iktar minn 50 % tal-valur totali tal-kuntratt ikkonċernat huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 109/94.
36
Bl-istess mod, l-Artikolu 3(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 157/1995 jipprovdi li, fir-rigward tal-kuntratti mħallta għal xogħlijiet, provvisti u servizzi kif ukoll tal-kuntratti għal servizzi kif ukoll il-kuntratti għal provvisti jew għal servizzi li jinkludu xogħlijiet anċillari, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 109/94 japplikaw jekk ix-xogħlijiet jirrappreżentaw iktar minn 50 % tal-valur totali tal-kuntratt ikonċernat.
L-argumenti tal-partijiet
37
Il-Kummissjoni ssostni li s-sistema legali applikabbli għall-kuntratti mħallta għandha tiddependi fuq l-iskop prinċipali tal-kuntratt kif stabbilit, fost fatturi oħrajn, iżda mhux esklużivament, mill-valur tad-diversi attivitajiet.
38
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, billi tissuġġetta r-regoli dwar il-kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi l-kuntratti fejn l-element li jikkostitwixxi x-xogħlijiet jipprevali mil-lat ekonomiku filwaqt li jkollu, madankollu, natura inċidentali fir-rigward ta’ l-attivitajiet l-oħrajn, il-leġiżlazzjoni Taljana għandha bħala konsegwenza li tneħħi numru ta’ kuntratti għal servizzi u għal provvisti li l-ammont stmat tagħhom huwa ogħla mil-limiti ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 92/50 u 93/36, iżda inqas minn dak tad-Direttiva 93/37, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarju rilevanti.
39
Ir-Repubblika Taljana tirribatti li, sakemm l-emenda tat-testi nazzjonali in kwistjoni, li hija għamlet sabiex twieġeb għall-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni, kienet ġiet adottata ċ-ċirkulari Nru 2316 tal-Ministeru ta’ l-Infrastruttura u t-Trasport, li tirregola l-kuntratti mħallta fil-kuntratti għal xogħlijiet, provvisti u servizzi pubbliċi (disciplina dei contratti misti negli appalti pubblici di lavori, fornitore e servizi), tat-18 ta’ Diċembru 2003 (GURI Nru 79, tat-3 ta’ April 2004, p. 26), li permezz tagħhom l-awtoritajiet aġġudikaturi kienu mitluba josservaw il-prinċipju li, meta jkun hemm kuntratt imħallat, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni, sabiex tiġi stabbilita l-leġiżlazzjoni applikabbli, l-oġġett prinċipali tal-kuntratt, u dan sabiex l-aspett ekonomiku ma jibqax il-kriterju predominati f’dan ir-rigward.
40
Il-Liġi Nru 62, rigward dispożizzjonijiet sabiex jiġu sodisfatti l-obbligi li jirriżultaw mill fatt li l-Italja tagħmel parti mill-Komunitajiet Ewropej — Liġi Komunitarja 2004 (disposizioni per l’adempimento di obblighi derivanti dall’appartenenza dell’Italia alle Communità europee, Legge comunitaria 2004), tat-18 ta’ April 2005, (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 96, tas-27 ta’ April 2005, aktar ’il quddiem il-“Liġi Komunitarja 2004”), ikkonfermat din is-soluzzjoni.
41
Ir-Repubblika tal-Finlandja tqis li l-valur ekonomiku huwa kriterju determinanti fl-evalwazzjoni ta’ l-oġġett prinċipali tal-kuntratt, peress li dan il-metodu għandu jiġi eskluż biss f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, jiġifieri meta l-użu tal-kriterju tal-valur ekonomiku għandu l-għan li jfixkel l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
42
Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ l-Istat Membru hekk kif tippreżenta ruħha fit-tmiem tal-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata (ara b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Franza, C-114/02, Ġabra p. I-3783, punt 9, u ta’ l-14 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-433/03, Ġabra p. I-6985, punt 32).
43
F’dan ir-rigward, ma tistax tittieħed in kunsiderazzjoni l-adozzjoni ta’ miżuri leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi wara d-data ta’ l-iskadenza ta’ l-imsemmi perijodu.
44
Għalhekk, huwa fir-rigward tal-leġiżlazzjoni li kienet fis-seħħ fil-15 ta’ Diċembru 2003, data ta’ l-iskadenza tal-perijodu ta’ xahrejn stabbilit fl-opinjoni motivata tal-15 ta’ Ottubru 2003, li għandha tingħata deċiżjoni fuq l-eżistenza eventwali ta’ l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-kuntest ta’ dan l-ilment, peress li ġie osservat li, f’din id-data, kemm iċ-ċirkulari msemmija fil-punt 39 tal-preżenti sentenza kif ukoll il-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fil-punt 40 tagħha ma kinux ġew adottati.
45
Rigward il-kunċett ta’ “kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi”, fis-sens ta’ l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 93/37, għandu jiġi osservat li din issemmi l-kuntratti għal interess tal-flus konklużi bil-kitba bejn il-kuntrattur u l-[awtorità aġġudikatriċi] kif definit f’(b) ta’ dan l-Artikolu, li għandhom bħala għan tagħhom jew l-attwazzjoni, jew l-attwazzjoni u d-disinn, ta’ xogħlijiet relatati ma’ waħda mill-attivitajiet msemmija fl-Anness II ta’ din id-direttiva jew xogħol definit fl-Artikolu 1(ċ), jew l-attwazzjoni, b’kull mod, ta’ xogħol li jikkorrispondi mal-kundizzjonijiet speċifikati mill-awtorità [aġġudikatriċi].
46
Barra minn hekk, jirriżulta mis-sitt premessa tad-Direttiva 92/50, moqrija flimkien ma’ l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 93/37, kuntratt jista’ jiġi kkunsidrat bħala kuntratt għal xogħlijiet pubbliċi biss meta l-oġġett tiegħu jikkorrispondi għad-definizzjoni mogħtija fil-punt preċedenti u li x-xogħlijiet li huma anċillari u ma jagħmlux parti mill-oġġett tal-kuntratt, ma jistgħux jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni ta’ dan bħala kuntratt għal xogħlijiet pubbliċi.
47
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta kuntratt jinkludi kemm elementi li jirrigwardaw kuntratt għal xogħlijiet pubbliċi kif ukoll elementi li jirrigwardaw tip ieħor ta’ kuntratt pubbliku, huwa l-għan prinċipali tal-kuntratt li jiddetermina liema direttiva Komunitarja dwar kuntratti pubbliċi għandha, bħala prinċipju, tkun applikabbli (ara s-sentenza tad-18 ta’ Jannar 2007, Auroux et, C-220/05, Ġabra p. I-385, punt 37).
48
B’dan il-mod, u b’mod partikolari, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/37 huwa marbut ma’ l-għan prinċipali tal-kuntratt, li għandu jiġi ddeterminat fil-kuntest ta’ eżami oġġettiv tal-kuntratt pubbliku b’mod ġenerali li għalih jirreferi dan il-kuntratt.
49
Dan għandu jiġi stabbilit fid-dawl ta’ l-obbligi essenzjali li jipprevalu u li, bħala tali, jikkaratterizzaw dan il-kuntratt, bil-kontra ta’ dawk li huma biss ta’ natura anċillari jew komplementari u li huma imposti mill-għan stess tal-kuntratt, filwaqt li l-ammont rispettiv tad-diversi servizzi preżenti huwa biss, f’dan ir-rigward, kriterju wieħed fost oħrajn li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex issir l-imsemmija determinazzjoni.
50
Minn dak li ntqal jista’ jiġi dedott, kif l-Avukat Ġenerali indika fil-punti 38 u 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-ammont ta’ xogħlijiet ma jistax jikkostitwixxi, f’kull każ, il-kriterju esklużiv adattat sabiex iwassal għall-applikazzjoni tal-Liġi Nru 109/1994 għal kuntratt imħallat, meta dawn ix-xogħlijiet ikunu biss anċillari, sakemm ma jiġux miksura d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/37.
51
Ir-regola stabbilita fl-Artikolu 2(1) tal-Liġi Nru 109/1994 għandha wkoll l-effett li tikser id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 92/50 u 93/36, safejn l-applikazzjoni tagħhom tista’ twassal sabiex ċerti kuntratti mħallta joħorġu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċeduri previsti minn dawn id-direttivi, jiġifieri dawk il-kuntratti fejn l-ammont tax-xogħlijiet, għalkemm inċidentali, jirrapreżenta iktar minn 50 % tal-prezz totali, u dan jibqa’ inqas mil-limitu stabbilit mid-Direttiva 93/37, għalkemm jilħaq il-limiti stabbiliti permezz tad-Direttivi 92/50 u 93/36.
52
Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, meta adottat l-Artikolu 2(1) tal-Liġi Nru 109/1994, ir-Repubblika Taljna naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond id-Direttivi 92/50, 93/36 u 93/37.
Fuq it-tieni lment
53
It-tieni lment jirrigwarda l-għoti dirett ta’ xogħlijiet lill-propjetarju ta’ permess ta’ bini jew ta’ pjan ta’ żvilupp approvat jekk dawn ix-xogħlijiet għandhom valur li huwa inqas mil-limitu ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/37.
54
B’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(5) tal-Liġi Nru 109/1994, xogħlijiet magħmula direttament minn persuni privati li huma kkumpensati permezz ta’ ħlas pagabbli fir-rigward ta’ permessi ta’ bini, peress li dawn ix-xogħlijiet jirriżultaw mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 28(5) tal-Liġi Nru 1150/1942, u xogħlijiet simili għal dawn iż-żewġ kategoriji ta’ xogħlijiet, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi Nru 109/1994. L-imsemmi Artikolu 2(5) jippreċiża madankollu li, jekk l-ammont tax-xogħlijiet, meqjus individwalment, jaqbeż il-limiti stabbiliti mir-regoli Komunitarji applikabbli, il-kuntratt għandu jingħata b’mod konformi mal-proċeduri tad-Direttiva 93/37.
55
Jirriżulta wkoll mill-Artikoli 1 u 31 tal-Liġi Nru 1150/1942 kif ukoll mill-Artikoli 3 u 11 tal-Liġi Nru 10/1977 li l-propjetarju ta’ permess jista’ jwettaq huwa nnifsu x-xogħlijiet ta’ żvilupp urban u jnaqqas l-ispejjeż tagħhom, totalment jew parzjalment, mit-taxxi ta’ żvilupp urban dovuti.
L-argumenti tal-partijiet
56
Il-Kummissjoni ssostni, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 109/1994, moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġijiet Nri 1150/1942 u 10/1977, jippermettu l-għoti dirett ta’ xogħlijiet li jkunu kuntratti pubbliċi fis-sens ta’ l-Artikolu 1 (a) tad-Direttiva 93/37 lil min għandu permess tal-bini jew ta’ pjan ta’ żvilupp awtorizzat, mingħajr ma tingħata garanzija, permezz ta’ dispożizzjonijiet espliċiti, ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ trattament ugwali stabbiliti mit-Trattat KE, prinċipji li għandhom jiġu osservati anki jekk il-valur tal-kuntratt ma jilħaqx il-limiti ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.
57
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li sabiex jiġi stabbilit jekk il-limitu jintlaħaqx, għandu jiġi kkalkolat il-valur totali tax-xogħlijiet koperti mill-ftehim konkluż bejn l-individwu u l-amministrazzjoni, peress li dawn ix-xogħlijiet għandhom jitqiesu li huma lottijiet distinti ta’ kuntratt wieħed. Il-fatt li, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-proċeduri ta’ sejħa għal offerti huma applikabbli biss jekk dan il-ftehim jirrigwarda xogħlijiet li l-ammonti stmati tagħhom, meħuda individwalment, jaqbżu l-livell ta’ applikazzjoni tar-regoli Komunitarji rilevanti jikser id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/37, peress li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni dispożizzjonijiet nazzjonali li kienu ttrasponewhom mill-kuntratti li l-valur globali tagħhom huwa ogħla mill-imsemmi livell, minħabba nuqqas fl-ammonti li jikkorrispondi għal kull attività li dawn il-kunttratti jimplikaw.
58
Skond ir-Repubblika Taljana, f’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, ix-xogħlijiet ta’ żvilupp urban ta’ valur inqas mil-livell ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja u implementati minn min għandu permess ta’ bini jew ta’ pjan ta’ żvilupp approvat, mhuwiex meħtieġ, fl-istadju ta’ traspożizzjoni, li jiġu mfakkra speċifikament ir-regoli tat-Trattat dwar ir-reklamar u l-kompetizzjoni kif ukoll l-interpretazzjonijiet ġurisprudenzjali li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja.
59
Fit-tieni lok, ir-Repubblika Taljana tenfasizza l-karatteristiċi partikolari tal-qasam ta’ l-iżvilupp urban, li fih l-iżviluppaturi jieħdu post l-organizzazzjonijiet lokali, u l-karatteristiċi tal-ftehim ta’ żvilupp konkluż bejn dawn l-organizzazzjonijiet u dawn l-iżviluppaturi.
60
Dawn il-ftehim jimplikaw biss l-obbligu, għall-organizzazzjoni lokali kkonċernata, li tagħti l-permess ta’ bini, li l-iżviluppatur ikun responsabbli għat-twettiq tax-xogħlijiet ta’ ppjanar taż-żona in kwistjoni, abbażi ta’ proġetti li l-imsemmija organizzazzjoni tirriżerva li tapprova.
61
Il-fatt li jkun ingħata lill-istess żviluppatur it-twettiq ta’ diversi ħidmiet, min-natura tagħhom eteroġenji, ma jistax jimplika, għar-raġunu biss li l-imsemmi żviluppatur huwa l-proprjetarju ta’ l-artijiet ikkonċernati, l-obbligu li tgħodd flimkien dawn il-ħidmiet għall-għanjiet ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/37. Ir-Repubblika Taljana tenfasizza, f’dan ir-rigward, li, fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Ordine degli Architetti et (C-399/98, Ġabra p. I-5409), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq sitwazzjoni differenti minn dik li hemm f’din il-kawża, safejn kienet tikkonċerna t-twettiq ta’ xogħol ta’ natura manifestament unitarja.
62
Skond ir-Renju ta’ l-Olanda, il-kuntratti pubbliċi li l-valur tagħhom huwa anqas mil-livelli ta’ applikazzjoni previsti mid-direttivi fil-qasam ma jaqgħux taħt il-prinċipju ta’ trasparenza. Huwa jżid li dawn id-direttivi jipprevdu espressament huma stess ċerti derogi, peress li l-leġiżlatur Komunitarju kien għalhekk għażel, f’dawn l-ipoteżijiet, li jagħti priorità lil interessi oħrajn barra t-trasparenza.
63
Ir-Repubblika tal-Finlandja ssostni li l-kuntratti li l-valur tagħhom huwa anqas mil-livelli stabbili mill-imsemmija direttivi, għalkemm huma, minn dan il-fatt, esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-istess direttivi, huma suġġetti fid-dritt għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu ta’ oġġetti u servizzi u għal-libertà ta’ stabbiliment.
64
Għalhekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhiex, f’dak li jikkonċerna l-imsemmija kuntratti, iddaħħal l-obbligu speċifiku ta’ pubbliċità jew ta’ tqegħid fil-kompetizzjoni.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
65
Għandu, fl-ewwel lok, jiġi rrilevat li l-leġiżlatur Komuntarju għamel l-għażla espliċita u ta’ prinċipju li jħalli kuntratti ta’ inqas minn ċertu livell barra mis-sistema ta’ pubbliċità li huwa stabbilixxa, u għalhekk ma impona fuqhom ebda obbligu speċifiku f’dan ir-rigward.
66
Barra minn hekk, meta jiġi stabbilit li dan il-kuntratt ikollu interess ċert lil hinn mill-fruntiera, l-għoti, fin-nuqqas ta’ kull trasparenza, ta’ dan il-kuntratt lil impriża li tinsab fl-Istat Membru ta’ l-awtorità aġġudikatriċi ta’ dan il-kuntratt jikkostitwixxi differenza ta’ trattament bi ħsara għall-impriżi li jistgħu jkunu interessati fl-imsemmi kuntratt li jinsabu fi Stat Membru ieħor. Sakemm ma tkunx iġġustifikata permezz ta’ ċirkustanzi oġġettivi, tali differenza ta’ trattament, li, billi teskludi l-impriżi kollha li jinsabu fi Stat Membru ieħor, taħdem prinċipalment bi ħsara għal dawn ta’ l-aħħar, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità, li hija pprojbita skond l-Artikoli 43 KE u 49 KE (ara f’dan is-sens, rigward id-Direttiva 92/50, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-507/03, Ġabra p. I-9777, punti 30 u 31, u l-ġurisprudenza ċċitata).
67
Sa fejn, minn naħa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 249 KE, id-direttivi jorbtu lil kull Stat Membru destinatarju dwar ir-riżultat li għandu jinkiseb u fejn, min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur eskluda, b’mod partikolari peress li ffissa limiti, ċerti kuntratti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/37, l-Istati Membri mhumiex marbuta li jadottaw, fil-leġiżlazzjoni tagħhom li tittrasponi din id-Direttiva, dispożizzjonijiet li jikkonfermaw l-obbligu ta’ ħarsien ta’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE, li japplikaw biss fil-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.
68
In-nuqqas, f’dan ir-rigward, tal-leġiżlatur Taljan, f’dak li jirrigwarda l-kuntratti pubbliċi għal ħidmiet ta’ żvilupp urban ta’ valur inqas mil-livell ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/37 eżegwit minn min għandu permess ta’ bini jew ta’ pjan ta’ żvilupp approvat, fl-ipoteżi fejn tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ interess ċert lil hinn mill-fruntiera, ma tpoġġix għalhekk in kwistjoni l-applikabbiltà għall-imsemmija kuntratti ta’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE.
69
Għalhekk, it-tieni lment, in kwantu huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tar-regoli tat-Trattat, għandu jiġi miċħud.
70
Rigward, fit-tieni lok, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(5) tal-Liġi Nru 109/1994, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/37, għandu jiġi mfakkar mill-ewwel li, skond il-ġurispudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċ-ċirkustanza li dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi t-twettiq dirett ta’ ħidma ta’ żvilupp urban minn min għandu permess ta’ bini jew ta’ pjan ta’ żvilupp approvat, permezz ta’ tnaqqis totali jew parzjali mill-kontribuzzjoni dovuta fir-rigward ta’ l-għoti tal-permess, jagħmel parti min numru ta’ regoli dwar l-iżvilupp urban li għandhom il-karatteristiċi tagħhom u jsegwu għan speċifiku, distint mid-Direttiva 93/37, mhuwiex biżżejjed sabiex jeskludi t-twettiq dirett mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva meta r-rekwiżiti kollha meħtieġa sabiex huwa taqa’ taħtha jkunu kollha preżenti (ara s-sentenza Ordine degli Architetti et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66).
71
Dan it-twettiq għandu għalhekk jiġi suġġett għall-proċeduri previsti mid-Direttiva 93/37 meta huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti minnha sakemm ikun karatterizzat bħala kuntratt ta’ xogħlijiet pubbliċi u, b’mod partikolari, meta l-element kuntratwali mitlub fl-Artikolu 1(a) ta’ din id-direttiva jkun preżenti u l-valur tal-xogħol ma jkunx inqas mil-livell stabbilit fl-Artikolu 6(1) tagħha.
72
Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 93/37 li, meta xogħol ikun maqsum f’diversi lottijiet li jkunu kollha f’kuntratt wieħed, il-valur ta’ kull lott għandu jittieħed in kunsiderazzjoni għall-kalkolu ta’ l-ammonti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ l-istess Artikolu, li għandu jiddetermina jekk din id-direttiva tistax tapplika jew ma tapplikax għal-lottijiet kollha. Barra minn hekk, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(4) ta’ l-istess direttiva, ebda xogħol jew kuntratt ma jista’ jinqasam bl-intenzjoni li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.
73
Għalhekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 88 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta l-ftehim konkluż bejn individwu, proprjetarju ta’ arktijiet li ser jiġu żviluppati, u l-amministrazzjoni komunali jissodisfa l-kriterji tad-definizzjoni ta’ “kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi” fis-sens ta’ l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 93/37, mfakkra fil-punt 45 tal-preżenti sentenza, il-valur stmat li fil-prinċipju għandu jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex jiġi vverifikat jekk il-limitu stabbilit permezz ta’ din id-direttiva jintlaħaqx u jekk, għalhekk, l-għoti tal-kuntratt għandux iħares ir-regoli ta’ pubbliċità li hija tistabbilixxi jista’ jinfitiehem biss bħala li jirrigwarda l-valur globali ta’ xogħlijiet differenti, billi tgħodd flimkien il-valuri tal-lottijiet differenti.
74
Billi pprovdiet għal proċedura ta’ għoti skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/37 fl-ipoteżi biss fejn l-ammont stmat ta’ kull waħda mil-lottijiet, meħuda individwalment, jaqbeż il-livell ta’ applikazzjoni ta’ l-stess, il-leġiżlazzjoni Taljana tmur kontra din id-direttiva.
75
Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li l-Artikolu 2(5) tal-Liġi Nru 109/1994 jikser ir-rekwiżiti tad-Direttiva 93/37 meta rrestrinġa b’mod illegali l-użu tal-proċeduri li hija stabbilixxiet.
Fuq it-tielet ilment
76
It-tielet ilment jirrigwarda l-għoti ta’ kuntratti għad-disinn, tmexxija u verifika tax-xogħlijiet fil-kuntest ta’ kuntratti pubbliċi ta’ servizzi li l-valur tagħhom ma jilħaqx il-limiti ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-qasam.
77
Skond l-Artikoli 17(12) u 30(6a) tal-Liġi Nru 109/1994, il-kuntratti pubbliċi ta’ servizzi li għandhom bħala għan id-disinn, tmexxija u spezzjoni tax-xogħlijiet u l-implementazzjoni tagħhom, li l-valur tagħhom ma jilħaqx il-limitu ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50, jistgħu jingħataw lil persuni li jgawdu l-fiduċja ta’ l-organizzazzjoni aġġudikatriċi.
L-argumenti tal-partijiet
78
Il-Kummissjoni tikkritika dawn id-dispożizzjonijiet, li bihom jista’ jiġi awtorizzat metodu ta’ għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi kkonċernati li jeskludi kull forma ta’ pubbliċità, għall-motiv li, jekk dawn il-kuntratti ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50, huma jibqgħu suġġetti għar-regoli tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ l-istabbiliment kif ukoll għall-prinċipji ta’ non-diskriminazzjoni, ta’ trattament ugwali, ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza.
79
Ir-Repubblika Taljana ssostni li kull regola ta’ dritt sekondarju għandha tiġi interpretata abbażi tal-prinċipji ġenerali tat-Trattat u li għaldaqstant kull interpretazzjoni li titbiegħed minnha hija illegali. L-illegalità eventwali tista’, f’kull ipoteżi, tirriżulta biss f'applikazzjoni żbaljata tar-regola għal każ in kwistjoni. Ma jistax għalhekk ikun hemm, fl-istadju tat-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, obbligu ta’ riferiment speċifiku għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.
80
Hija żżid li ċirkulari ministerjali kienet ġibdet l-attenzjoni ta’ l-awtoritajiet aġġudikaturi fuq il-bżonn li jitħarsu l-prinċipji ġenerali ta’ non-diskriminazzjoni, ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza, u li, f’kull każ, l-għoti dirett tal-kuntratti kkonċernati lil persuni ta’ fiduċja tista’ ssir biss wara verifika ta’ l-esperjenza u tal-kapaċità professjonali tagħhom.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
81
Huwa kostanti li, kif ġie indikat fil-punt 66 tal-preżenti sentenza, l-kuntratti għal servizzi pubbliċi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50 u li huwa stabbilit li għandhom interess ċert lil hinn mill-fruntiera jibqgħu suġġetti għal-libertajiet fundamentali previsti mit-Trattat fil-kundizzjonijiet ippreċiżati mill-ġurisprudenza mfakkra fl-imsemmi punt.
82
Meta l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt primarju dwar it-trattament ugwali u t-trasparenza jkunu hawn applikabbli bid-dritt kollu għal dawn il-kuntratti li jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmija direttiva fid-dawl ta’ l-ammont tagħhom, sakemm ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din il-ġurispdirudenza, mhuwiex mitlub li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ l-imsemmija direttiva tfakkar dan espressament.
83
Għalhekk, hemm lok li t-tielet motiv jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
Fuq ir-raba’ u l-ħames ilment
84
Ir-raba’ lment jirrigwarda d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 27(2) tal-Liġi Nru 109/1994, li bihom, jekk l-awtoritajiet aġġudikaturi, ma jistgħux jeżerċitaw ir-responsabbiltà għat-tmexxija tax-xogħlijiet, li fil-prinċipju għandha tingħata lill-uffiċċji tekniċi tagħhom, dawn l-awtoritajiet għandhom jafdaw il-kuntratt għas-servizzi ta’ tmexxija, lid-disinjatur tal-proġett, fis-sens ta’ l-Artikolu 17(4) ta’ l-imsemmija Liġi.
85
Il-ħames ilment huwa dwar l-għoti ta’ kuntratti għal servizzi ta’ ittestjar u xogħlijiet ta’ verifika kif irregolati mill-Artikoli 28(4) tal-Liġi Nru 109/1994 u 188 tad-DPR Nru 554/1999. Jirriżulta mill-qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li, għalkemm dawn l-inkarigi jingħataw lill-uffiċċji tekniċi ta’ l-awtoritajiet aġġudikaturi esperti, meta jiġi stabbilit u ċċertifikat minn dak responsabbli li l-persunal ikun nieqes, l-amministrazzjoni tista’ tagħti l-imsemmija inkarigi lil terzi li jidhru fil-listi stabbiliti għal dan il-għan mill-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi, mingħajr ma jkun meħtieġ li jintużaw proċeduri ta’ tqegħid fil-kompetizzjoni.
L-argumenti tal-partijiet
86
Il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 27(2) u 28(4) tal-Liġi Nru 109/1994, safejn huma jippermettu li jagħtu direttament, mingħajr ma jitqegħdu fil-kompetizzjoni, il-kuntratti għas-servizz pubbliku in kwistjoni, jiksru, skond il-valuri ta’ l-imsemmija kuntratti, kemm id-Direttivi 92/50 u 93/38, kif ukoll l-Artikoli 43 KE u 49 KE.
87
Ir-Repubblika Taljana twieġeb li hija kkunsidrat il-kritika li saret mill-Kummissjoni u li hija, għalhekk, emendat il-leġiżlazzjoni tagħha meta adottat il-liġi Komunitarja 2004.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
88
Għandu jiġi enfasizzat, preliminarjament, li, skond il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 42 tal-preżenti sentenza, hija biss il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ fil-15 ta’ Diċembru 2003 li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-ilmenti magħmula mill-Kummissjoni.
89
Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-uniċi eċċezzjonijiet permessi mill-applikazzjoni tad-Direttiva 92/50 u 93/36 huma dawk li huma msemmija espressament u b’mod eżawrjenti fiha (ara b’analoġija, is-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal, C-107/98, Ġabra p. I-8121, punt 43, kif ukoll tat-11 ta’ Mejju 2006, Carbotermo u Consorzio Alisei, C-340/04, Ġabra p. I-4137, punt 45).
90
Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 101 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-attivitajiet ta’ tmexxija u l-inkarigi ta’ verifika jaqgħu fil-kategorija 12 kemm ta’ l-Anness I A tad-Direttiva 92/50 kif ukoll ta’ l-Amness XVI A tad-Direttiva 93/38.
91
F’dan ir-rigward, jirriżulta, min-naħa, mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/50 li l-kuntratti li għandhom bħala għan is-servizzi msemmija fl-imsemmi Anness I A jingħataw skond, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu III ta’ din id-direttiva, li jirrigwarda l-għażla ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, u, min-naħa l-oħra, ta’ l-Artikolu 15 tad-Direttiva 93/38 li l-kuntratti għal provvisti u għal xogħlijiet kif ukoll il-kuntratti li għandhom bħal għan is-servizzi li jidhru fl-imsemmi Anness XVI A għandhom jingħataw skond, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV ta’ din l-aħħar direttiva, dwar il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt.
92
Għalhekk, safejn l-għoti ta’ attivitajiet ta’ tmexxija ta’ xogħlijiet għandu jsir skond ir-regoli stabbilit mid-Direttivi 92/50 u 93/38, l-għoti dirett lid-disinjatur kif jirriżulta mill-Artikolu 27(2) tal-Liġi Nru 109/1994 jikser dawn id-direttivi f’dak li jikkonċerna l-kuntratti li jidħlu, fid-dawl tal-valur tagħhom, fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.
93
Bl-istess mod, safejn l-għoti ta’ attivitajiet ta’ verifika ta’ xogħlijiet għandu jsir skond ir-regoli stabbiliti mid-Direttivi 92/50 u 93/38, l-għoti lil terz fil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 28(4) tal-Liġi Nru 109/1994 u 188 tad-DPR Nru 554/1999, jikser l-imsemmija direttivi f’dak li jikkonċerna l-kuntratti inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.
94
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntratti li għalihom il-valur tas-servizzi kkonċernati huwa anqas mil-livell ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 92/50 u 93/38, in-nuqqas, fid-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, ta’ riferiment espress għall-applikazzjoni ta’ obbligi li jirriżultaw mit-Trattat ma jistax ifisser, kif intqal diġà fil-punti 68 u 82 tal-preżenti sentenza, li mhuwiex neċessarju l-ħarsien tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-obbligu ta’ trasparenza waqt l-għoti ta’ dawn il-kuntratti sakemm jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza mfakkara fil-punt 66 tal-preżenti sentenza.
95
Għalhekk, ir-raba’ u l-ħames ilmenti għandhom jiġu miċħuda, safejn isemmu l-ksur ta’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE, iżda huma fondati għall-bqija.
Fuq is-sitt ilment
96
Is-sitt ilment jirigwarda l-Artikoli 37a, 37b u 37c tal-Liġi Nru 109/1994, li b’applikazzjoni tagħhom l-awtoritajiet jistgħu jawtorizzaw l-eżekuzzjoni, minn persuni esterni, ta’ xogħlijiet pubbliċi li jistgħu jiġu sfruttati kummerċjalment skond proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti speċifika. Fl-ewwel stadju tal-proċedura, it-terzi huma mistiedna, in kwantu promoturi, jissottomettu proposti għal għoti ta’ konċessjonijiet, li tagħhom dawn il-promoturi jassumu l-ispejjeż totali jew parzjali. Ladarba l-proposti sottomessi jkunu ġew evalwati, dawk li jitqies ta’ interess pubbliku jintgħażlu għat-tieni stadju fejn, fil-każ ta’ kull proposta magħżula, tinbeda proċedura ta’ sejħa għal offerti ristretta sabiex jintgħażlu żewġ offerti oħra.
97
Wara tinfetaħ proċedura negozjata mill-awtorità aġġudikatriċi mal-promotur u t-terzi l-oħrajn li jkunu ppreżentaw l-aħjar żewġ offerti tagħhom fil-kuntest ta’ l-imsemmija sejħa għal offerti, li fiha l-promotur ikollu l-possibbiltà li jadatta l-proposta tiegħu għal dik li l-awtorità aġġudikatriċi tqis l-iktar konvenjenti.
L-argumenti tal-partijiet
98
Il-Kummissjoni ssostni li din il-leġiżlazzjoni tista’ tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.
99
Hija tqis illi l-metodi ta’ tqegħid fil-kompetizzjoni tal-konċessjoni javvantaġġjaw doppjament lill-promotur imqabbel mal-kompetituri potenzjali.
100
B’hekk, min-naħa l-oħra, il-promotur ikun awtomatikament imsejjaħ jieħu sehem fil-proċedura negozjata sabiex tingħata l-konċessjoni, indipedentement minn kull tqabbil bejn il-proposta tiegħu u l-offerti ppreżentati mill-parteċipanti għas-sejħa għal offerti.
101
Min-naħa l-oħra, il-promotur ikollu l-possibbiltà jemenda l-proposta tiegħu waqt il-proċedura nnegozjata sabiex jadattaha għal dik li l-awtorità aġġudikatriċi tqis l-iktar konvenjenti. Konkretament, dan il-vantaġġ jekwivali għar-rikonoxximent, favur l-imsemmi promotur, ta’ dritt ta’ prijorità fl-għoti tal-konċessjoni.
102
Ir-Repubblika Taljana tippreċiża li l-Liġi Komunitarja 2004, imsemmija fil-punt 40 tal-preżenti sentenza, ħadet in kunsiderazzjoni l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
103
Jirriżulta mill-Artikolu 38(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-ġurisprudenza relatata miegħu jirriżulta li kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi imressqa, u li din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha. Huwa għalhekk neċessarju li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jiġu indikati b’mod koerenti u li jistgħu jiftiehmu fir-rikors innifsu u li t-talbiet ta’ dan ir-rikors għandhom jiġu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi fuq ilment (sentenza tas-26 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-195/04, Ġabra p. I-3351, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
104
F’din il-kawża, ir-rikors tal-Kummissjoni, rigward il-preżenti lment, ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti.
105
Fil-fatt, permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni timmira li tikkonstata li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond id-Direttivi 92/50, 93/36, 93/37 u 93/38 kif ukoll l-Artikoli 43 KE u 49 KE. Issa, fil-kuntest ta’ dan l-ilment, hija ma indikatx liema huma dawn id-direttivi u/jew dispożizzjonijiet tat-Trattat li r-Repubblika Taljana preċiżament kienet kisret u li bihom allegatament ikkomettiet ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.
106
Madankollu, għal dak li jikkonċerna l-Artikoli 43 KE u 49 KE, dawn ma jippreskrivux obbligu ġenerali ta’ trattament ugwali, iżda għandhom, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità. Issa, il-Kummissjoni ma tagħti ebda indikazzjoni dwar l-eżistenza eventwali ta’ tali diskriminazzjoni fil-kuntest ta’ dan l-ilment.
107
Għalhekk, is-sitt ilment għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.
108
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li, meta adottat:
—
l-Artikolu 2(1) tal-Liġi Nru 109/1994, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond id-direttivi 92/50, 93/36 u 93/37;
—
l-Artikolu 2(5) ta’ l-imsemmija Liġi, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond id-Direttiva 93/37, u
—
l-Artikoli 27(2) u 28(4) ta’ l-istess Liġi, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond id-direttivi 92/50 u 93/38.
Fuq l-ispejjeż
109
Skond l-Artikolu 69(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Peress li l-Kummissjoni tilfet parti mit-tieni, raba’ u ħames ilmenti, kif ukoll it-tielet ilment, u s-sitt ilment ġie barra dan iddikjarat inammissibbli, u r-Repubblika Taljana tilfet l-ewwel ilment kif ukoll parti mit-tieni, raba’ u ħames ilmenti hemm lok li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.
110
Skond l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1)
Billi adottat:
—
l-Artikolu 2(1) tal-Liġi Nru 109, Liġi Qafas dwar kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi (legge quadro in materia di lavori pubblici), tal-11 ta’ Frar 1994, kif emendata bil-Liġi Nru 166 ta’ l-1 ta’ Awwissu 2002, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku, tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista, u d-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi, kif emendata bid-Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill 97/52/KE, tat-13 ta’ Ottubru 1997;
—
l-Artikolu 2(5) ta’ l-imsemmija Liġi, kif emendata, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond id-Direttiva 93/37 kif emendata, u
—
l-Artikoli 27(2) u 28(4) ta’ l-istess Liġi, kif emendata, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond id-Direttiva 92/50 u d-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, ta’ l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni.
2)
Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.
3)
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u r-Repubblika Taljana għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
4)
Ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju ta’ l-Olanda u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Top