SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA(l-Ewwel Awla)
18 ta' Novembru 2004 (*)
"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 92/50/KEE – Kuntratti pubbliċi – Servizzi ta' trasport ta' l-iskart – Proċedura mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta' avviż ta' kuntratt – Kuntratt konkluż minn awtorità kontraenti f'kuntest ta' attività ekonomika suġġetta għall-kompetizzjoni – Kuntratt konkluż minn awtorità kontraenti sabiex tkun tista' tippreżenta offerta fi proċedura għall-għoti ta' kuntratt pubbliku – Ġustifikazzjoni tal-kapaċità ta' fornitur – Possibbiltà li jiġu invokati l-kapaċitajiet ta' terz – Subappalt – Konsegwenzi ta' sentenza li tikkonstata nuqqas ta' twettiq ta' obbligu"
Fil-kawża C-126/03,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE,
imressqa fl-20 ta' Marzu 2003,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn K. Wiedner, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn W.-D. Plessing, bħala aġent, assistit minn H.-J. Prieß, Rechtsanwalt,
konvenuta
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),
komposta minn M. P. Jann (Relatur), President ta' l-Awla, M. A. Rosas, R. Silva de Lapuerta, K. Lenaerts u K. Schiemann, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,
Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l- 24 ta' Ġunju 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta’ dan ir-rikors il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qiegħda titlob lill-Qorti tikkonstata li peress li l-kuntratt għat-trasport ta’ l-iskart mill-post fejn isir ir-rimi fir-reġjun ta’ Donauwald (il-Ġermanja) sa ċ-ċentru termiku ta’ Munich-Nord kien ġie attribwit lill-Komun ta’ Munich (il-Ġermanja) bi ksur tar-regoli ta’ proċedura previsti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1), moqri flimkien ma’ l-Artikolu 11(1) ta’ l-istess direttiva, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mit-twettiq ta’ l-obbligi tagħha skond l-imsemmija direttiva.
Il-Qafas Ġuridiku
2 Skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50, il-"kuntratti ta’ servizz pubbliku" tfisser "kuntratti għal interess pekunjarju konklużi bil-miktub bejn min jipprovdi s-servizz u awtorità kontraenti" bl-esklużjoni tal-kuntratti msemmija fil-punti (i) sa (ix) ta’ dan il-provvediment.
3 Skond l-Artikolu 1(b) ta’ l-istess direttiva, "l-awtoritajiet kontraenti" tfisser "l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, korpi rregolati mil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew iktar minn dawn l-awtoritajiet jew korpi regolati mil-liġi pubblika".
4 Skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/50, "[k]untratti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness IA għandhom jingħataw skond id-disposizzjonijiet tat-Titoli III sa VI".
5 L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/50 jistabbilixxi li sabiex l-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jagħtu kuntratti ta’ servizzi pubbliċi huma għandhom japplikaw proċeduri miftuħa, ristretti jew negozjati, kif iddefiniti rispettivament fl-Artikolu 1(d), (e) u (f) ta’ din id-direttiva.
Il-fatti u l-proċedura nazzjonali
6 Fl-1997, il-Komun ta’ Munich, amministratur taċ-ċentru termiku ta’ Munich-Nord, ikkonkluda kuntratt ma’ kumpannija privata, il-kumpannija Rethmann Entsorgungswirtschaft GmbH & Co. KG (iktar 'il quddiem "Rethmann"), li bih intrabat li jafda lil din il-kumpannija bit-trasport ta’ l-iskart mill-post fejn isir ir-rimi sa l-imsemmi ċentru jekk kemm-il darba huwa jikseb kuntratt pubbliku għat-tneħħija ta’ l-iskart mir-reġjun ta’ Donauwald, liema kuntratt kien is-suġġett ta’ sejħa għal offerti maħruġ minn Abfallwirtschaftsgesellschaft Donau-Wald mbH (hawn imsejħa "AWG Donau-Wald"), li għalih il-Komun ta’ Munich kien ippreżenta offerta.
7 Skond il-ftehim li kien għamel ma’ Rethmann, meta l-Komun ta’ Munich kiseb l-imsemmi kuntratt, huwa għadda t-trasport ta’ l-iskart lill-imsemmija kumpannija mingħajr ma ħareġ sejħa għal offerti kif previst fid-Direttiva 92/50.
8 Wara li l-Kummissjoni tat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja l-possibbiltà li tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward, fil-25 ta’ Lulju 2001, hija indirizzat opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru, li fih irrilevat li l-kuntratt għat-trasport ta’ l-iskart mill-post fejn isir ir-rimi fir-reġjun ta’ Donauwald saċ-ċentru termiku ta’ Munich-Nord (iktar 'il quddiem il-"kuntratt ikkontestat") kellu jkun is-suġġett ta’ sejħa għal offerti ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea skond id-Direttiva 92/50. Hija talbet lill-imsemmi Stat Membru josserva l-obbligi tiegħu kif stabbilit fid-dritt komunitarju fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din l-opinjoni. Wara r-risposta ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi tat-30 ta’ Ottubru 2001, li fiha huma kkontestaw in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.
Dwar ir-Rikors
Dwar in-Nuqqas ta’ Twettiq ta’ Obbligu
9 In sostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tressaq ilment wieħed, li joħroġ minn ksur ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/50, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva, peress li l-Komun ta’ Munich ma ssottomettiex il-kuntratt ikkontestat għal sejħa għal offerti.
10 F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jingħad li permezz ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/50, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 11(1) ta’ l-istess direttiva, il-kuntratti pubbliċi, li għandhom bħala s-suġġett tagħhom servizzi li huma msemmija fl-Anness IA, għandhom jiġu assenjati skond id-dispożizzjonijiet tat-Titoli III sa VI ta’ din id-direttiva, billi tiġi applikata proċedura miftuħa, ristretta jew negozjata fis-sens ta’ l-imsemmija direttiva.
11 Il-kunċett ta’ "kuntratt ta’ servizz pubbliku" huwa ddefinit fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50, li jgħid li dawn il-kuntratti pubbliċi huma kuntratti bi ħlas, konklużi bil-miktub bejn min jipprovdi s-servizz u awtorità kontraenti.
12 Il-kunċett ta’ "awtorità kontraenti" huwa ddefinit fl-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50 bħala "l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, korpi rregolati mil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew iktar minn dawn l-awtoritajiet jew korpi rregolati mil-liġi pubblika".
13 Konsegwentement, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/50, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 1(a) u (b) u l-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva, jipprevedi li l-kuntratti bi ħlas, konklużi bil-miktub bejn min jipprovdi s-servizz u awtorità reġjonali jew lokali għandhom ikunu s-suġġett ta’ proċedura miftuħa, ristretta jew negozjata fis-sens ta’ l-imsemmija direttiva, meta dawn għandhom bħala suġġett xi servizzi li huma msemmija fl-Anness IA tad-direttiva.
14 F’dan il-każ huwa tajjeb li jiġi kkunsidrat li l-kuntratt ikkontestat huwa kuntratt pubbliku fis-sens ta’ l-Artikoli 8 u 11 tad-Direttiva 92/50, liema kuntratt għandu jiġi assenjat skond it-Titoli III sa VI ta’ l-imsemmija direttiva.
15 Fil-fatt, il-kuntratt konkluż bejn il-Komun ta’ Munich u Rethmann, li permezz tiegħu din il-kumpannija ġiet inkarigata mit-trasport ta’ l-iskart mill-post fejn isir ir-rimi fir-reġjun ta’ Donauwald saċ-ċentru termiku ta’ Munich-Nord, għandu bħala suġġett servizz li jaqa’ taħt l-Anness IA ta’ l-imsemmija direttiva u li qed isir minn kumpannija għal awtorità reġjonali jew lokali. Għalhekk dan jirrigwarda kuntratt bi ħlas, konkluż bil-miktub bejn min jipprovdi s-servizz u awtorità kontraenti.
16 F’dan ir-rigward, l-argument imressaq mill-gvern Ġermaniż sabiex il-kuntratt ikkontestat ma jikkwalifikax bħala kuntratt pubbliku skond l-Artikoli 8 u 11 tad-Direttiva 92/50 ma jistax jiġi milqugħ.
17 L-ewwel nett, il-gvern Ġermaniż isostni li, fir-rigward tal-kuntratt ikkontestat, il-Komun ta’ Munich mhuwiex "awtorità kontraenti" fis-sens ta’ l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50 u li l-kuntratt mhuwiex "kuntratt pubbliku" fis-sens ta’ l-Artikolu 1(a) ta’ l-istess direttiva. Skond dan il-gvern, l-imsemmi kuntratt ma jaqax taħt il-kategorija ta’ attivitajiet fl-interess ġenerali li jitwettqu mill-Komun ta’ Munich, iżda f’dik ta’ attività ekonomika indipendenti, kjarament distinta u suġġetta għall-kompetizzjoni, jiġifieri t-tmexxija taċ-ċentru termiku ta’ Munich-Nord.
18 F’dan ir-rigward, għandu jintqal li skond l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali huma, skond id-definizzjoni, awtoritajiet kontraenti. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti dwar l-Artikolu 1(a) ta’ l-istess direttiva, jidher li ma ssirx distinzjoni bejn kuntratti pubbliċi mogħtija minn awtorità kontraenti sabiex twettaq ix-xogħol tagħha li tieħu ħsieb bżonnijiet ta’ interess ġenerali u dawk li m’għandhomx x’jaqsmu ma’ dan ix-xogħol [ara, b’analoġija, id-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti ta' xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 199, p. 54), is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 1998, Mannesmann Anlagenbau Austria et, C-44/96, Ġabra p. I-73, punt 32]. Bl-istess mod, mhuwiex rilevanti li l-awtorità kontraenti topera hija stess bħala offerent u li l-kuntratt, f’dan il-każ, kien intiż sabiex parti mill-attivitajiet jingħataw b’subappalt lil terzi. Fil-fatt, mhuwiex eskluż li d-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti dwar din it-terza persuna hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet oħra apparti dawk ekonomiċi. Minn dan jidher li joħorġu n-natura u l-kuntest tal-kuntratt ikkontestat, li huwa jikkostitwixxi "kuntratt pubbliku" fis-sens ta’ l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50.
19 Dwar l-argument li l-attività ta’ trasport ta’ l-iskart ipprovduta minn Rethmann hija, b'mod definittiv, is-suġġett ta’ sejħa għal offerti doppja, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, fil-fatt, din l-attività teħtieġ żewġ kuntratti pubbliċi distinti, jiġifieri dak mogħti mill-Komun ta’ Munich u dak li fil-biċċa l-kbira tiegħu jikkonċerna t-tneħħija ta’ l-iskart mir-reġjun ta’ Donauwald, mogħti minn l-AWG Donau-Wald, li kull wieħed minnhom għandu jkun is-suġġett ta’ sejħa għal offerti, u għalhekk l-applikazzjoni tad-Direttiva 92/50 tissuġġetta s-servizz ipprovdut minn Rethmann għal żewġ sejħiet għal offerti suċċessivi.
20 Dwar l-argument li f’dan il-każ ma ġewx użati fondi pubbliċi mill-Komun ta’ Munich, huwa tajjeb li jiġi kkonstatat li tali użu mhuwiex element essenzjali sabiex juri l-eżistenza jew le ta’ kuntratt pubbliku fis-sens ta’ l-Artikoli 8 u 11 tad-Direttiva 92/50.
21 Fost affarijiet oħra, il-gvern Ġermaniż isostni li, peress li l-kuntratt ġie mogħti bil-għan li jinbiegħ lil terzi, il-kuntratt ikkontestat huwa eskluż mill-applikazzjoni tad-Direttiva 92/50 permezz ta’ l-Artikolu 1(a)(ii) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva Settorjali tal-Kunsill 93/38/KEE, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, ta’ l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni (ĠU L 199, p. 84). F’dan ir-rigward, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa tajjeb li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1(a)(ii) tad-Direttiva 92/50 jeskludi mill-applikazzjoni tiegħu dawk il-kuntratti mogħtija taħt id-Direttiva 93/38, peress li l-leġiżlatur komunitarju ried li l-imsemmija kuntratti jaqgħu taħt din l-aħħar direttiva biss. Għalhekk, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 7 tad-Direttiva Settorali 93/38 mhijiex applikabbli fl-ipoteżi li l-kuntratt ikkontestat jaqa’ taħt l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Madankollu, fil-każ li l-kuntratt ma jinvolvix attivitajiet imniżżla fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva Settorjali 93/38, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 7 ta’ l-istess direttiva ma tistax tiġi applikata.
22 Il-gvern Ġermaniż isostni wkoll li kien prattikament impossibbli li l-kuntratt ikkontestat jingħata skond it-Titoli III sa VI tad-Direttiva 92/50 f’sitwazzjoni fejn, biex ikun jista’ jiġġustifika l-kapaċità teknika tiegħu skond l-Artikolu 32(2)(c) u (h) ta’ din id-direttiva, fi proċedura għal sejħa għal offerti magħmula minn AWG Donau-Wald, il-Komun ta’ Munich, qabel ippreżenta l-offerta tiegħu, kellu jagħti l-isem tal-persuna li kien sejjer jagħtiha s-subappalt. F’dan ir-rigward, huwa minnu li dan l-obbligu jeżisti għal offerent li bi ħsiebu jagħmel użu mill-kapaċitajiet ta’ korpi jew entitajiet li huwa direttament jew indirettament marbut magħhom bil-ħsieb li jkun jista’ jipparteċipa f’sejħa għal offerti, li jista’ effettivament jiddisponi minn mezzi ta’ dawn il-korpi jew entitajiet, neċessarji sabiex jesegwixxi l-kuntratt iżda li huwa stess m’għandux (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 1999, Holst Italia, C-176/98, Ġabra p. I-8607, punt 29; tat-12 ta’ Lulju 2001, Ordine degli Architetti et, C-399/98, Ġabra p. I-5409, punt 92, u tat-18 ta’ Marzu 2004, Siemens u ARGE Telekom, C-314/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 44). Madankollu, f’dan il-każ, kien ikun possibbli għall-Komun ta’ Munich li jwaqqaf proċedura limitata u aċċellerata fis-sens ta’ l-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/50 bejn is-sejħa għal offerti u l-preżentazzjoni ta’ l-offerta tiegħu.
23 Il-gvern Ġermaniż jirrileva li l-kuntratt ikkontestat kien jista’, permezz ta’ l-Artikolu 11(3)(d) tad-Direttiva 92/50, jiġi assenjat bi proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta' l-avviż tal-kuntratt. F’dan ir-rigward, huwa tajjeb li jiġi mfakkar li, filwaqt li d-deroga mir-regoli hija intiża sabiex tiggarantixxi l-effettività tad-drittijiet irrikonoxxuti fit-Trattat KE dwar is-settur tal-kuntratti ta’ servizzi pubbliċi, l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 92/50 għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni stretta u hija r-responsabbiltà ta’ min jixtieq jinvokahom li għandu jressaq prova li ċirkustanzi eċċezzjonali, li jiġġustifikaw id-deroga, effettivament jeżistu (ara s-sentenza ta’ l-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-20/01 u C-28/01, Ġabra p. I-3609, punt 58). L-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 11(3)(d) hija suġġetta għal tliet kundizzjonijiet kumulattivi. Jeħtieġ li jkun hemm sitwazzjoni imprevedibbli, ta’ urġenza estrema inkompatibbli mal-limitu taż-żmien meħtieġ għal proċeduri oħra u għandu jkun hemm kawża u effett bejn is-sitwazzjoni imprevedibbli u l-urġenza estrema li tirriżulta minnha [ara d-Direttiva tal-Kunsill 71/305/KEE, tas-26 ta’ Lulju 1971, dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 185, p. 5), is-sentenzi tat-2 ta’ Awwissu 1993, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-107/92, Ġabra p. I-4655, punt 12, u tat-28 ta’ Marzu 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-318/94, Ġabra p. I-1949, punt 14]. F’dan il-każ, kif jingħad fil-punt 22 tas-sentenza preżenti, kien possibbli għall-Komun ta’ Munich li jwaqqaf proċedura limitata u aċċellerata (ara d-Direttiva 71/305, is-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-24/91, Ġabra p. I-1989, punt 14, u Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 13). Jirriżulta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma wrietx li kienet teżisti sitwazzjoni ta’ urġenza estrema.
24 Abbażi ta’ dak li ntqal preċedentament, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-kuntratt għat-trasport ta’ l-iskart mill-post fejn isir ir-rimi fir-reġjun ta’ Donauwald sa ċ-ċentru termiku ta’ Munich-Nord, ingħata mill-Komun ta’ Munich bi ksur tar-regoli ta' proċedura previsti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/50, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-imsemmija direttiva.
Dwar il-konsegwenzi ta’ sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
25 Il-gvern Ġermaniż isostni li, fl-ipoteżi li l-Qorti ssib li kien hemm nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mhijiex obbligata li xxolji kuntratt li diġà ġie konkluż.
26 F’dan ir-rigward huwa suffiċjenti li t-tweġiba tkun li, jekk, fil-kuntest ta’ proċedura dwar nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, il-Qorti hija meħtieġa biss li tiddikjara li ġiet miksura dispożizzjoni tad-dritt komunitarju, jirriżulta mill-Artikolu 228(1) KE li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu dawk l-miżuri li jassiguraw l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti.
Fuq l-ispejjeż
27 Skond l-Artikolu 69(2) tar-regoli tal-proċedura, il-partijiet kollha għandhom jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż, jekk it-talbiet ikunu f’dan is-sens. Il-Kummissjoni talbet li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż u minħabba l-imġiba ta’ din ta’ l-aħħar, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.
Għal dawn ir-raġunijiet il-Qorti (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddikjara:
1) Peress li l-kuntratt għat-trasport ta’ l-iskart mill-post fejn isir ir-rimi fir-reġjun ta’ Donauwald saċ-ċentru termiku ta’ Munich-Nord kien assenjat mill-Komun ta’ Munich bi ksur tar-regoli ta' proċedura previsti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku, ikkunsidrat flimkien ma’ l-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mit-twettiq ta’ l-obbligi tagħha taħt l-imsemmija direttiva.
2) Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata tbati l-ispejjeż.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Top