SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba' Awla)
2 ta' Diċembru 2004 (*)
"Direttiva 90/642/KEE – Livelli massimi għar-residwi tal-pestiċidi –Weraq tad-dwieli"
Fil-kawża C-398/03,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234KE,
imressqa mill-Helsingin hallinto-oikeus (Il-Finlandja), permezz ta' deċiżjoni tat-22 ta' Settembru 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta' Settembru 2003, fil-kuntest tal-proċedura mibdija minn
E. Gavrielides Oy,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba' Awla),
komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President ta' l-Awla, J. N. Cunha Rodrigues u K. Schiemann, imħallfin,
Avukat Generali: J. Kokott,
Registratur: L. Hewlett, Amministratur Principali,
wara li rat il-proċedura bill-miktub u wara s-seduta tas-16 ta' Settembru 2004,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal E. Gavrielides Oy, minn E. Gavrielides,
– għall-Gvern Grieg, minn, K. Marinou u V. Kontolaimos, bħala aġenti,
– għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Paasivirta, B. Doherty u P. Aalto, bħala aġenti,
wara li semghet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta' Settembru 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 90/642/KEE, tas-27 ta’ Novembru 1990, dwar l-iffissar ta’ livelli massimi għal residwi tal-pestiċidi u fuq ċerti prodotti oriġinarji mill-pjanti, inkluż il-frott u l-ħaxix (ĠU L 350, p. 71), kif emendata mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/42/KE, tat-22 ta' Ġunju 2000 (ĠU L 158, p. 51, aktar 'il quddiem id-"Direttiva 90/642).
2 Din id-domanda ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-kumpannija E. Gavrielides Oy (aktar 'il quddiem "Gavrielides") u l-awtoritajiet doganali Finlandiżi, wara d-deċiżjonijiet li bihom din ta' l-aħħar opponiet l-importazzjoni fil-Finlandja ta' weraq tad-dwieli minn Gavrielides.
Il-kuntest ġuridiku
3 L-ewwel iparagrafu ta' l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 90/642 jipprovdi li:
"Din id-Direttiva għandha tapplika għall-prodotti fil-gruppi speċifikati fil-kolonna 1 ta' l-Anness I, li l-eżempji tagħhom huma mogħtija fil-kolonna 2, sa kemm il-prodotti f'dawk il-gruppi, jew il-partijiet mill-prodott deskritt fil-kolonna 3, jista' jkun fihom ċerti residwi tal-pestiċida."
4 Skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 90/642:
"Il-prodotti fil-gruppi jew, meta applikabbli, il-partijiet tal-prodotti li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 1 m'għandhomx ikun fihom, miż-żmien minn meta jkunu mpoġġija fiċ-ċirkolazzjoni, il-livelli tar-residwi tal-pestiċida għola minn dawk speċifikati fil-lista li hemm referenza dwarha fl-Anness II."
5 L-Anness I tad-Direttiva 90/642 jinkludi lista tal-gruppi ta' prodotti u tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 ta' l-imsemmija Direttiva.
6 Fil-kolonna 1 ta' dan l-Anness, jinsab. b'mod partikolari, il-grupp imsemmi "Il-berries u l-frott żgħir". Fost il-prodotti li jagħmlu parti minn dan il-grupp, jissemmew, fil-kolonna 2, l-għeneb tal-mejda u ta' l-inbid. Skond il-kolonna 3, il-livelli massimi ta' residwi ta' pestiċidi japplikaw għall-"prodott sħieħ wara t-tneħħija tal-biċċa ta' fuq u taz-zkuk".
7 Fil-kolonna 1 ta' l-imsemmi Anness, jinsab ukoll il-grupp imsemmi l-ħaxix bil-weraq u l-ħaxix aromatiku frisk. Fost il-prodotti li jagħmlu parti minn dan il-grupp, jissemma, fil-kolonna 2, il-ħaxix aromatiku frisk. Skond il-kolonna 3, il-livelli massimi ta' residwi ta' pestiċidi japplikaw għall-"prodott sħiħ wara t-tneħħija tal-weraq ta’ barra fi stat ta’ dekompożizzjoni, l-egħruq u l-ħamrija (jekk ikun hemm)"
8 L-Anness II tad-Direttiva 90/642 jistabbilixxi l-livelli massimi ta' residwi ta' pestiċidi għad-diversi prodotti jew partijiet ta' prodotti msemmija fl-Artikolu 1 ta' l-imsemmija Direttiva. Hemm imsemmija, b'mod partikolari, fi ħdan il-grupp tal-"berries u l-frott żgħir", l-għeneb tal-mejda u ta' l-inbid, kif ukoll, fi ħdan il-grupp tal-ħaxix bil-weraq u l-ħaxix aromatiku frisk, il-grupp sussidjarju tal-ħaxix aromatiku frisk. Dan ta' l-aħħar fih elenku ta' prodotti, jiġifieri l-maxxita, kurrat, tursin u l-weraq tal-krafes, kif ukoll l-entrata "oħrajn".
9 F'dan l-Anness II, il-livelli massimi ta' klorpirifu huma stabbiliti, għall-għeneb tal-mejda u ta' l-inbid, għal 0.5 mg/kg u, għall-ħaxix aromatiku frisk, għal 0.05 mg/kg.
10 F'dan l-istess Anness, il-livelli massimi ta' fenarimol huma stabbiliti, għall-għeneb tal-mejda u ta' l-inbid, għal 0.3 mg/kg u, għall-ħaxix aromatiku frisk, għal 0.02 mg/kg.
11 Id-Direttiva 90/642 ġiet trasposta fid-dritt Finlandiż permezz tad-deċiżjoni nru 896/1999 tal-Ministeru tal-Kummerċ u ta' l-Industrija dwar il-livelli massimi ta' pestiċidi fil-frott u l-ħxejjex, iċ-ċereali kif ukoll il-bajd u prodotti abbażi ta' bajd.
12 L-Artikolu 3(1) ta' din id-deċiżjoni jirreferi, sabiex jiġu ddeterminati l-livelli massimi għal residwi ta' pestiċidi, għal-lista tas-sustanzi annessa ma' l-imsemmija deċiżjoni. Din il-lista tirrepeti l-livelli msemmija fil-punti 9 u 10 ta' din is-sentenza f'dak li jirrigwarda l-livelli massimi ta' klorpirifu u ta' fenarimol permessi, rispettivament għall-għeneb u għall-ħaxix aromatiku frisk.
Il-fatti li taw lok għall-kawża u d-domandi preliminari
13 Gavrielides xtaqet timporta fil-Finlandja, f'Marzu ta' l-2002, kunsinna ta' weraq tad-dwieli mimli bir-ross u, f'Lulju 2002, kunsinna ta' weraq tad-dwieli fis-salmura.
14 Il-laboratorju doganali Finlandiż ġabar kampjuni ta' dawn il-prodotti sabiex ikejjel il-livelli ta' residwi ta' pestiċidi tagħhom. Mill-analiżi rriżulta li l-weraq tad-dwieli mimlija kellhom 0.28 mg/kg ta' klorpirifu u li l-weraq tad-dwieli fis-salmura kellhom 0.11 mg/kg ta' klorpirifu u 0.14 mg/kg ta' fenarimol.
15 Fid-dawl tar-riżultati ta' dawn l-analiżi u peress li kkunsidraw li, sabiex tiġi applikata l-leġiżlazzjoni dwar il-livelli massimi għal residwi ta' pestiċidi, il-weraq tad-dwieli kienu jaqgħu taħt il-grupp tal-ħaxix bil-weraq u l-ħaxix aromatiku frisk, fi ħdan ta' liema dawn għandhom jiġu assimilati mal-ħaxix aromatiku frisk, l-awtoritajiet doganali Finlandiża pprojbixxew, permezz ta' deċiżjonijiet tad-29 ta' Lulju u tat-12 ta' Awwissu 2002, l-importazzjoni, l-esportazzjoni, iż-żamma bl-intenzjoni tal-bejgħ mill-ġdid, l-offerta u kull forma oħra ta' ċessjoni ta' dawn il-prodotti, minħabba li l-livelli ta' residwi ta' pestiċidi misjuba f'dawn il-prodotti kienu jaqbżu l-livelli massimi stabbiliti għar-residwi ta' klorpirifu u ta' feronimol f'dak li jirrigwarda l-ħaxix aromatiku frisk.
16 Gavrielides ressqet rikors għall-annullament ta' dawn id-deċiżjonijiet ta' l-awtoritajiet doganali Finlandiżi quddiem il-Helsingin hallinto-oikeus.
17 Billi kkonstatat li, f'dan il-qasam, il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija identika mal-leġiżlazzjoni Komunitarja, il-Helsingin hallinto-oikeus tqis li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi fuq il-kwistjoni li jsir magħruf jekk id-Direttiva 90/642 għandiex tiġi interpretata li tistabbilixxi, b'mod mandatorju, livelli massimi għar-residwi ta' klorpirifu u ta' feronimol f'dak li jirrigwarda l-weraq tad-dwieli.
18 Fin-nuqqas ta' ġurisprudenza fuq din il-kwistjoni, il-Helsingin hallinto-oikeus ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
"1) L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/642/KEE, tas-27 ta’ Novembru 1990, dwar l-iffissar ta’ livelli massimi għal residwi ta' pestiċidi u fuq ċerti prodotti oriġinarji mill-pjanti, inkluż il-frott u l-ħaxix, kif emendata, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-Direttiva tapplika għall-weraq tad-dwieli?
2) Jekk dan huwa l-każ:
a) L-Anness I tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-weraq tad-dwieli għandhom jiġu kklassifikati fil-grupp ta' prodotti "ħaxix bil-weraq u ħaxix aromatiku frisk" u l-Anness II fis-sens li l-weraq tad-dwieli għandhom jiġu klassifikati fost l-"oħrajn [ħwawar]"?
b) F'liema kategorija ta' prodotti u taħt liema entrata għandhom jiġu kklassifikati l-weraq tad-dwieli jekk dawn ma jistgħux jiġu kklassifikati fost l-"oħrajn [ħwawar]"?"
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
19 Huwa stabbilit li l-weraq tad-dwieli ma jissemew la fid-Direttiva 90/642 u lanqas fl-Annessi tagħha.
20 Permezz tad-domandi magħmula, il-qorti ta' rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 90/642 għandhiex tiġi interpretata bħala li xorta waħda tapplika għall-weraq tad-dwieli minkejja li ma ssemihomx u, jekk iva, liema huma l-kategorija ta' prodotti u l-entrata li taħthom għandu jiġi kklassifikat dan il-prodott.
21 F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 90/642, li jiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni ta' l-imsemmija Direttiva, jikkwalifa l-prodotti li jaqgħu fil-gruppi elenkati fl-Anness I ta' din id-Direttiva bħala "eżempji". Barra minn dan, fl-Anness II ta' l-istess Direttiva, l-ewwel kolonna hija intitolata "Gruppi u eżempji ta' prodotti individwali li għalihom japplikaw il-livelli massimi għal residwi" u numru kunsiderevoli ta' gruppi jew ta' gruppi sussidjarji ta' prodotti ċċitati f'dan l-Anness jinkludu, wara elenkazzjoni ta' prodotti, l-entrata "Oħrajn".
22 Minn dan isegwi li, kif isostnu l-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, u, bil-kontra ta' dak li prinċipalment isostnu Gavrielides u l-Gvern Grieg, il-fatt li prodott ma jissemmiex fl-annessi tad-Direttiva 90/642 ma jeskludix, bħala tali, li l-imsemmija Direttiva tapplika għal dan il-prodott. Madankollu għandu jiġi wkoll eżaminat jekk il-prodott in kwistjoni jistax, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni fuq il-livelli massimi għal residwi ta' pestiċidi, jiġi mqabbel ma' prodott jew inkluż ma' grupp ta' prodotti espressament previst mid-Direttiva 90/642.
23 Eżami bħal dan jimplika t-teħid in kunsiderazzjoni ta' l-għan ġenerali ta' din id-Direttiva, li jikkonsisti, skond l-ewwel sitt premessi tagħha, u kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 32 u 33 tal-konklużjonijiet tagħha, li jiġu kkonċiljati, min-naħa, il-ħtieġa li l-veġetali u l-prodotti veġetali jiġu mħarsa effettivament kontra l-organiżmi li jagħmlu ħsara u l-ħaxix ħażin, sabiex jiġu assigurati l-uċuħ tal-produzzjoni veġetali fil-Komunità u l-produttività agrikola Komunitarja, u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li s-saħħa tal-bniedem jew ta' l-annimalli u l-ambjent jiġu mħarsa mill-effetti dannużi tal-pestiċidi.
24 Konsegwentement, l-inklużjoni ta' prodott, li ma jkunx imsemmi fl-annessi tad-Direttiva 90/642, fi grupp jew grupp sussidjarju ta' prodotti previsti minnha, tippresupponi, hekk kif issostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bill-miktub tagħha, li dan il-prodott qabel kien is-suġġett ta' evalwazzjoni xjentifika li twieżen iż-żewġ ħtiġijiet imsemmija fill-punt preċedenti ta' din is-sentenza, u li minnha jirriżulta, fir-rigward ta' din il-ħtieġa doppja, li huwa permissibbli li għall-prodott ikkonċernat jiġu applikati l-livelli massimi għar-residwi ta' pestiċidi stabbiliti għall-grupp jew il-grupp sussidjarju ta' prodotti li dan il-prodott għandu jiġi inkluż fosthom.
25 Din il-ħtieġa ta' evalwazzjoni xjentifika minn qabel hija kkonfermata mit-tlettax-il premessa tad-Direttiva 90/642, li tipprovdi li l-istabbiliment ta' livelli massimi obbligatorji għal residwi ta' pestiċidi "jitlob konsiderazzjoni teknika fit-tul".
26 F'dak li jirrigwarda l-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li, skond l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni, l-effetti favorevoli u sfavorevoli tal-pestiċidi fuq il-weraq tad-dwieli, għadhom ma kinux, sallum, is-suġġett ta' evalwazzjoni xjentifika, b'tali mod li mhuwiex permissibbli li dan il-weraq jiġi kklassifikat taħt l-entrata "oħrajn" tal-grupp sussidjarju tal-ħaxix aromatiku frisk fi ħdan il-grupp tal-ħaxix bill-weraq u l-ħaxix aromatiku frisk, kif jixtieq il-Gvern Finlandiż, jew fil-grupp sussidjarju ta' l-għeneb tal-mejda u ta' l-inbid fi ħdan il-grupp tal-"berries u l-frott żgħir", kif isostnu sussidjarjament Gavrielides u l-Gvern Grieg.
27 F'dak li jirrigwarda l-allegata possibbiltà li l-weraq tad-dwieli jiġu inklużi mal-grupp sussidjarju tal-ħaxix aromatiku frisk, għandu jingħad ukoll li, fir-rispett ta' l-eżempji ta' ħaxix aromatiku frisk imsemmija fl-annessi I u II tad-Direttiva 90/642, jiġifieri l-maxxita, il-kurrat, it-tursin u l-weraq tal-krafes, l-imsemmi weraq għandu differenzi fuq il-livell morfoloġiku, fil-mod kif jiġi kkunsmat u fil-mod ta' kif jiġi kkultivat u espost għall-organiżmi li jagħmlu l-ħsara, b'tali mod li mhuwiex permissibbli, fin-nuqqas attwali ta' bażi xjentifika, li l-livelli massimi għar-residwi ta' pestiċidi stabbiliti għal-ħaxix aromatiku frisk jiġu applikati għal dan il-weraq.
28 Sabiex isostni l-argumenti tiegħu, il-Gvern Finlandiż jirreferi għal dokument intitolat "Klassifikazzjoni ta' l-uċuħ (minuri) li mhumiex elenkati fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 90/642/KEE " [Classification of (minor) crops not listed in the Appendix of Council Directive 90/642/ EEC] li, fil-paġni 107 u 108 tiegħu, jassimila l-weraq tad-dwieli mal-ħaxix aromatiku frisk.
29 Dan id-dokument huwa anness ta' dokument gwida tal-Kummissjoni tat-22 ta' Lulju 1997 intitolat "Linji gwida dwar il-produzzjoni ta' data dwar residwi prevista fis-sezzjoni 6 tal-parti A ta' l-Anness II u fis-sezzjoni 8 tal-parti A ta' l-Anness III tad-Direttiva 91/414/KEEli tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti" [Guidelines for the generation of data concerning residues as provided in Annex II, part A, section 6 and Annex III, part A, section 8 of Directive 91/414/ECC concerning the placing of plant production products on the market]
30 Madankollu, id-dokument invokat mil-Gvern Finlandiz ma jikkontestax l-analiżi magħmula aktar 'il fuq.
31 Fil-fatt, kif jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, dan id-dokument jesprimi biss il-perspettiva tad-dipartimenti tal-Kummissjoni u mhux dik tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti li għadu ma ħax pożizzjoni fuqu. Konsegwentement, l-assimilazzjoni hekk proposta m'hija bbażata fuq l-ebda evalwazzjoni xjentifika.
32 Barra minn dan, kif jirriżulta mit-titolu tad-dokument gwida tat-22 ta' Lulju 1997, li miegħu d-dokument invokat huwa anness, l-imsemmija assimilazzjoni tagħmel parti minn kuntest ġuridiku preċiż, jiġifieri dak tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, p. 1).
33 Din id-Direttiva, fl-Anness I tagħha, fiha lista ta' sustanzi attivi awtorizzati għall-inklużjoni fi prodotti għall-ħarsien tal-pjanti. Madankollu, b'differenza mid-Direttiva 90/642, id-Direttiva 91/414 ma tistabbilixxi l-ebda livell massimu għar-residwi ta' sustanzi attivi li għalihom hija tapplika. Kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, id-Direttiva 91/414, fl-Artikolu 4(1) tagħha, tistabbilixxi l-prinċipju li t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom tali sustanzi għandu jkun suġġett għal awtorizazzjoni minn qabel mill-Istat Membru kkonċernat, li għandu, jekk ikun stabbilixxa provviżorjament livelli massimi għal residwi, jinnotifika tali livelli provviżorji lill-Kummissjoni sabiex tiġi jiġi eżaminat jekk humiex aċċettabbli.
34 F'dan il-kuntest, l-assimilazzjoni tal-weraq tad-dwieli għall-ħaxix aromatiku frisk proposta mid-dokument imsemmi fil-punt 28 ta' din is-sentenza tikkonċerna, kif jirriżulta mill-intestatura tal-"Linji gwida", li magħhom huwa anness l-imsemmi dokument, il-provvista, meta jiġi ppreżentat fajl għall-inklużjoni ta' sustanza attiva ġdida fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 jew fajl għall-awtorizazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodott għall-ħarsien tal-pjanti, ta' informazzjoni, miġbura matul testijiet ikkontrollati, dwar l-imġiba tar-residwi tas-sustanzi jew tal-prodott in kwistjoni fi jew fuq il-prodotti li fuqhom dawn jintużaw, l-ikel u l-għalf, skond il-punt 6 tal-parti A ta' l-Anness II u l-punt 8 tal-parti A ta' l-Anness III tad-Direttiva 91/414.
35 Assimilazzjoni bħal din, prevista unikament għall-finijiet tal-ġbir, fil-kuntest tad-Direttiva 91/414, ta' informazzjoni fuq ir-riżultati ta' testijiet dwar l-imġiba ta' residwi ta' sustanzi attivi jew ta' prodotti għall-ħarsien tal-pjanti fuq l-ikel jew fuq il-prodotti li fuqhom dawn jintużaw, ma tistax, fin-nuqqas ta' bażi xjentifika, tiġi estiża għall-qasam, irregolat mid-Direttiva 90/642, ta' l-istabbiliment ta' livelli massimi għar-residwi ta' pestiċidi.
36 Minn dan isegwi li, fil-kuntest tad-Direttiva 90/642, il-weraq tad-dwieli ma jistgħux jiġu assimilati mal-ħaxix aromatiku frisk.
37 F'dak li jirrigwarda l-allegata possibiltà ta' assimilazzjoni tal-weraq tad-dwieli ma' l-għeneb, għandu jiġi osservat ukoll li, l-ewwel nett, il- grupp sussidjarju ta' "l-għeneb tal-mejda u ta' l-inbid" jinkludi, min-naħa, l-"għeneb tal-mejda" u, minn naħa l-oħra, "l-għeneb ta' l-inbid". Dan il-grupp sussidjarju ma jinkludix l-entrata "oħrajn" u dan jagħti l-wieħed x'jifhem li l-elenku tal-prodotti ta' dan il-grupp sussidjarju huwa wieħed eżawrjenti u għalhekk jipprekludi li jiġu inklużi miegħu prodotti oħra, bħalma huma l-weraq tad-dwieli.
38 It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, f'dak li jirrigwarda l-grupp tal-"berries u l-frott żgħir", li taħtu jaqa' l-grupp sussidjarju ta' l-"għeneb tal-mejda u ta' l-inbid", il-livelli massimi għal residwi ta' pestiċidi japplika għall-"prodott sħiħ", skond il-kolonna 3 ta' l-Anness I tad-Direttiva 90/642. Din il-preċiżazzjoni tipprekludi l-inklużjoni, fil-grupp ta' prodotti msemmi aktar 'il fuq, ta' partijiet ta' pjanta, bħalma huma l-weraq tad-dwieli, li jkunu separati mill-"berries jew mill-frott żgħir" ikkonċernat.
39 It-tielet nett, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mid-differenzi li jeżistu bejn il-weraq tad-dwieli u l-għeneb. Fil-fatt, minbarra l-fatt li l-mod ta' kif jiġu kkunsmati huwa differenti ħafna, dawn iż-żewġ prodotti jiddistingwu rwieħhom, kif issostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, f'dak li jirrigwarda l-morfoloġija u, għalhekk, fil-kapaċità tagħhom li jżommu residwi ta' pestiċidi, kif ukoll f'dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li fihom dawn jinħasdu u, għaldaqstant, fit-tul ta' żmien li għalih idumu esposti għas-sustanzi li jagħmlu ħsara.
40 Minn dan isegwi li, fil-kuntest tad-Direttiva 90/642, il-weraq tad-dwieli ma jistgħux jiġu assimilati ma' l-għeneb tal-mejda jew ta' l-inbid.
41 Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal aktar 'il fuq, għandu jiġi kkunisdrat li d-Direttiva 90/642 mhijiex applikabbli għall-weraq tad-dwieli.
42 Konsegwentement ir-risposta għad-domandi tal-qorti ta' rinviju għandha tkun li d-Direttiva 90/642 mhijiex applikabbli għall-weraq tad-dwieli.
Dwar l-ispejjeż
43 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla), taqta' u tiddeċiedi li:
Id-Direttiva tal-Kunsill 90/642/KEE, tas-27 ta’ Novembru 1990, dwar l-iffissar ta’ livelli massimi għal residwi tal-pestiċidi u fuq ċerti prodotti oriġinarji mill-pjanti, inkluż il-frott u l-ħaxix, kif emendata mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/42/KE, tat-22 ta' Ġunju 2000, mhijiex applikabbli għall-weraq tad-dwieli.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.
Top