SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
15 ta' Frar 2005 (*)
“Appell – Kompetizzjoni – Regolament (KEE) Nru 4064/89 – Deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni tat-tip ‘konglomerat' inkumpatibbli mas-suq komuni – Effett ta’ lieva – Portata ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju – Elementi li għandhom jiġu meqjusa – Impenji dwar aġir”
Fil-kawża C-12/03 P,
li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 49 ta’ l-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fit-8 ta' Jannar 2003 ,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Petite, A. Whelan u P. Hellström, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Tetra Laval BV, stabbilita f’Amsterdam (l-Olanda), irrappreżentata minn A. Vandencasteele, D. Waelbroeck u M. Johnsson, Avocats, kif ukoll minn A. Weitbrecht u S. Völcker, Rechtsanwälte,
rikorrenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn P. Jann, President ta’ l-Ewwel Awla, Aġent President, C.W.A. Timmermans u A. Rosas (Relatur), Presidenti ta' Awla, C. Gulmann, J.-P. Puissochet, u J. Cunha Rodrigues, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A . Tizzano,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta' Jannar 2004,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta' Mejju 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta’ dan l-appell, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-25 ta’ Ottubru 2002, Tetra Laval vs Il-Kummissjoni (T-5/02, Ġabra p. II‑4381, iktar ‘il quddiem “is-sentenza appellata”), li annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/124/KE, tat-30 ta’ Ottubru 2001, li tiddikjara konċentrazzjoni inkumpatibbli mas-suq komuni u mal-ftehim ŻEE (Każ COMP/M. 2416 - Tetra Laval/Sidel) (ĠU 2002, L 43, p.13, iktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
Ir-Regolament (KEE) Nru 4064/89
2 L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 395, p. 1, u l-korriġendum ĠU 1990, L 257, p. 13), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97, tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU L 180, p. 1, iktar ‘il quddiem “ir-Regolament”), jgħid:
“1. Konċentrazzjonijiet fl-ambitu ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu [evalwati] skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin bil-ħsieb li jkun stabbilit jekk kinux kompatibbli mas-suq komuni.
Meta tagħmel [din l-evalwazzjoni], il-Kummissjoni għandha tqis:
(a) il-bżonn li tippriżerva u tiżviluppa kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni bil-ħsieb, fost affarijiet oħra, ta' l-istruttura tas-swieq kollha kkonċernati u l-kompetizzjoni attwali jew potenzjali minn impriżi oħra fil-Komunità jew barra mill-Komunità;
(b) il-posizzjoni fis-suq ta' l-impriżi kkonċernati u l-qawwa ekonomika u finanzjarja tagħhom, l-alternattivi disponibbli għall-fornituri u l-utenti tagħhom, l-aċċess tagħhom għal provvisti u swieq, kull ostakli ġuridiċi jew impedimenti oħra għal xejriet ta' dħul, provvista u domanda għall-oġġetti jew servizzi rilevanti, l-interessi tal-konsumaturi intermedjarji u finali, u l-iżvilupp ta' progress tekniku u ekonomiku basta li jkun ta' vantaġġ għall-konsumatur u ma joħloqx tfixkil għall-kompetizzjoni.
2. Konċentrazzjoni li ma toħloqx jew li ma ssaħħaħx posizzjoni dominanti li b'riżultat ta' dan tiġi mfixkla sew il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f'xi parti sostanzjali tiegħu tiġi dikjarata kompatibbli mas-suq komuni.
3. Konċentrazzjoni li toħloq jew issaħħaħ posizzjoni dominanti li b'riżultat tagħha l-kompetizzjoni effettiva tiġi mfixkla sew fis-suq komuni jew f'xi parti kbira minnu għandha tiġi dikjarata mhix kompatibbli mas-suq komuni.
[...]”
Id-deċiżjoni kkontestata
3 Jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li erba’ tipi ta’ ppakkjar jintużaw għall-ikel f’għamla likwida: ippakkjar tal-kartun u plastik (il-materjal użat huwa polyethylene terephthalate, iktar ‘il quddiem ‘PET’, jew polyethylene ta’ densità għolja, iktar ‘il quddiem ‘HDPE’), kaxxi tal-metall u pakketti tal-ħġieġ. Diversi fatturi jiddeterminaw it-tip ta’ ppakkjar użat għal prodott partikolari. Il-karatteristiċi tekniċi tal-prodotti, dawk tal-materjal ta’ l-ippakkjar u dawk marbuta mat-teknika ta’ l-ippakkjar huma elementi importanti f’dan ir-rigward.
4 Il-prodotti milquta l-aktar mid-deċiżjoni kkontestata huma l-hekk imsejħa prodotti “sensittivi”. Dawn jinkludu l-ħalib u l-prodotti tal-ħalib likwidi (iktar ‘il quddiem, il-“PĦL”), meraq u nettari tal-frott, xarbiet mhux bil-gass bit-togħma tal-frott (iktar ‘il quddiem, “XTF”) u xarbiet tat-tè u l-kafè. F’xi każijiet, dawn il-prodotti jridu jiġu protetti kontra d-dawl, bħall-ħalib, jew kontra l-ossiġnu, bħall-meraq tal-frott, u fuq livell inqas, ix-XTF kif ukoll ix-xarbiet tat-tè u l-kafè. Billi l-PET hija raża li minnha jistgħu jgħaddu l-ossiġnu u d-dawl, hija inqas adattata għal dawn il-prodotti mill-kartun. Madankollu, qed isiru riċerki teknoloġiċi dwar proċessi msejħa “barriera”, jiġifieri li jiżguraw protezzjoni kontra l-ossiġnu u d-dawl.
5 It-teknika ta’ l-ippakkjar hija element importanti ieħor għall-għażla ta’ l-ippakkjar. Ċerti prodotti aċidużi, bħall-ħalib u l-meraq tal-frott, fil-fatt jeħtieġu li jiġu ppakkjati f’kundizzjonijiet mhux settiċi jew inkella kkunsinnati mkessħin. Jirriżulta mill-proċess illi l-ippakkjar ta’ dan it-tip ta’ prodott fil-kartun jippermetti li l-kundizzjonijiet mhux settiċi jiġu ppriżervati aħjar meta l-ippakkjar isir fi stadju wieħed mill-impriża li tipproduċi l-ikel f’għamla likwida in kwistjoni. Dawn l-impriżi spiss ikollhom linja ta’ ppakkjar integrata. Huma jixtru l-kartun f’rombli u jaqtgħu, jagħtu forma, jimlew u jagħlqu l-pakketti.
6 L-ippakkjar ta’ prodott likwidu f’PET, min-naħa l-oħra, spiss isir f’diversi stadji, li jagħmilha aktar diffiċli biex jinżammu kundizzjonijiet mhux settiċi. L-ewwel nett jeħtieġ li tinħadem preforma, jiġifieri tubu tal-plastik maħdum mir-raża, u wara tingħata forma lill-flixkun billi l-preforma titpoġġa f’magna msejħa Stretch Blow Moulding (iktar ‘il quddiem, il-“magna SBM”), li jkun fiha l-forma meħtieġa għas-sura mixtieqa, u fl-aħħar stadju biss, il-flixkun jimtela u jingħalaq. Dawn id-diversi stadji jistgħu jsiru minn impriżi differenti. B’hekk jeżistu “konvertituri”, li jimmanifatturaw ippakkjar u jipprovduh lill-produtturi tal-likwidi. Madankollu, bħalissa qed jiġu żviluppati linji ta’ produzzjoni integrati u tekniċi ta’ produzzjoni li jiggarantixxu l-ippakkjar f’kundizzjonijiet mhux settiċi b’mod iżjed faċli.
7 Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat illi l-akkwist minn Tetra Laval BV tal-kumpannija Sidel SA (iktar ‘il quddiem il-“konċentrazzjoni nnotifikata”) m’huwiex kumpatibbi mas-suq komuni u ma’ l-operat tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3). Tetra Laval BV (iktar ‘il quddiem “Tetra”) hija kumpannija holding tal-grupp Tetra, li jinkludi wkoll il-kumpannija Tetra Pak, l-akbar kumpannija fuq livell dinji fil-qasam ta’ l-ippakkjar tal-kartun u li hija meqjusa li għandha pożizzjoni dominanti f‘dan is-suq f’dak li jirrigwarda l-ippakkjar mhux settiku, filwaqt li Sidel SA (iktar ‘il quddiem “Sidel”) hija impriża ewlenija fil-produzzjoni u l-forniment ta’ magni SBM u hija attiva fit-teknika ta’ proċessi “barriera”. Id-deċiżjoni ttieħdet skond l-Artikolu 8(3) tar-Regolament.
8 Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li s-swieq tas-sistemi ta’ l-ippakkjar tal-kartuna u tal-PET huma swieq distinti, iżda relatati mill-qrib u potenzjalment konverġenti, li għandhom klijentela komuni li dejjem qed tiżdied. Hija kkunsidrat ukoll illi, b’mod partikolari, jeżistu swieq distinti għal magni SBM ta’ kapaċità qawwija u baxxa rispettivament u li dawk is-swieq jistgħu jiġu mqassma, min-naħa tagħhom, bejn prodotti sensittivi u prodotti mhux sensittivi. Din id-distinzjoni skond l-użu finali tista’ tiġi spjegata mid-differenzi fl-ispeċifikazzjonijiet għal dawn il-magni, billi l-manifatturi tagħhom jistgħu jimponu prezzijiet differenti skond l-użu finali, li jista’ jiġi ddeteminat meta tinxtara l-magna, u din id-diskriminazzjoni fil-prezzijiet ma tistax tiġi evitata b’arbitraġġ (arbitrage).
9 Skond il-Kummissjoni, il-konċentrazzjoni nnotifikata tista’ tinkoraġġixxi lil Tetra biex tisfrutta, permezz ta’ l-hekk imsejjaħ “effett ta’ lieva”, il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tat-tagħmir u l-prodotti konsumibbli għall-pakketti tal-kartun biex tikkonvinċi lill-klijenti tagħha f‘dak s-suq li qed jaqilbu għall-PET għal-ippakkjar ta’ ċerti prodotti sensittivi, biex jagħżlu l-magni SBM ta’ Sidel, biex b’hekk jiġu esklużi ħafna kompetituri iżgħar, u l-pożizzjoni ewlenija ta’ Sidel fis-suq tal-magni SBM għall-prodotti sensittivi tinbidel f’pożizzjoni dominanti. Tetra tkun megħjuna f’dan ir-rigward mir-relazzjoni mill-qrib u li ilha teżisti mal-klijenti tagħha, is-saħħa finanzjarja tagħha, l-għarfien tagħha kif ukoll ir-reputazzjoni tagħha fis-settur mhux settiku u ta’ ndafa estrema, mis-saħħa, teknoloġija u reputazzjoni ta’ kwalità li bħalissa jikkaratterizzaw lil Sidel, kif ukoll mill-integrazzjoni vertikali li minnhom għandha tgawdi l-entità li titwieled mill-konċentrazzjoni nnotifikata (iktar ‘il quddiem l-“entità ġdida”) għal tliet sistemi ta’ ppakkjar (kartun, PET u HDPE).
10 Il-Kummissjoni waslet ukoll għall-konklużjoni li, fid-dawl tad-dgħjufija tal-kompetizzjoni fis-swieq tat-tagħmir u tal-prodotti konsumibbli għall-ippakkjar tal-kartun, it-tagħqid ta’ Tetra mal-produttur ewlieni fis-suq li qed jikber tat-tagħmir PET, suq li huwa marbut mill-qrib ma’ dak tal-kartun, jelimina sors importanti ta’ kompetizzjoni potenzjali. Dan isaħħaħ il-pożizzjoni dominanti ta’ Tetra fis-swieq ta’ l-ippakkjar tal-kartun u jnaqqas l-inċentiv tagħha biex taġġusta l-prezzijiet tagħha u biex tkompli tagħmel innovazzjoni biex tilqa’ għat-theddida li tippreżenta l-PET għall-pożizzjoni tagħha.
11 Tetra diġà daħlet f’għadd ta’ impenji, inkluż l-impenn li żżomm lil Tetra u Sidel separati għal għaxar snin, li ma tagħmilx offerti li jolqtu kemm il-prodotti tal-kartun kif ukoll il-magni SBM immanifatturati minn Sidel u li tħares l-obbligi tagħha skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/163/KEE ta’ l-24 ta’ Lulju 1991, dwar proċedura skond l-Artikolu 86 tat-Trattat KEE (IV/31.043 – Tetra Pak II) (ĠU 1992, L 72, p. 1). Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li dawn l-impenji ma kinux biżżejjed biex jissolvew il-problemi strutturali ta’ kompetizzjoni li jinħolqu mill-konċentrazzjoni nnotifikata u sostniet li jkun kważi impossibbli li jiġi kkontrollat il-ħarsien tagħhom. Għaldaqstant, permezz ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ddikjarat din il-konċentrazzjoni inkumpatibbli mas-suq komuni u ma’ l-operat tal-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.
Is-sentenza appellata
12 B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-15 ta’ Jannar 2002, Tetra talbet li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata. Fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet iddeċidiet illi l-Kummissjoni kienet għamlet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fil-konklużjonijiet tagħha dwar l-“effett ta’ lieva” u t-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti ta’ Tetra fis-settur tal-kartun u, għaldaqstant, annullat l-imsemmija deċiżjoni.
13 Għal dak li jirrigwarda l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni li l-konċentrazzjoni nnotifikata kien ser ikollha effetti ta’ konglomerat antikompetittivi u, b’mod partikolari, kienet se tagħti lill-entità l-ġdida l-kapaċità u t-tentazzjoni li teżerċita “effett ta’ lieva” billi tisfrutta l-pożizzjoni tagħha fis-settur tal-kartun bil-għan li tilħaq pożizzjoni dominanti fis-suq tal-magni SBM, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat illi, skond il-Kummissjoni stess, din il-pożizzjoni dominanti ma tirriżultax mill-konċentrazzjoni nfisha, iżda mill-aġir prevedibbli ta’ din l-entità. Il-Qorti tal-Prim’Istanza madankollu fakkret illi, jekk il-Kummissjoni tkun tal-fehma li konċentrazzjoni għandha tiġi pprojbita minħabba li toħloq jew issaħħaħ, f’perijodu prevedibbli, pożizzjoni dominanti, hija għandha ġġib provi konvinċenti biex issostni din il-konklużjoni.
14 Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat ukoll illi, sabiex tiġi evalwata l-prevedibbiltà ta’ l-aġir ta’ l-entità l-ġdida, il-Kummissjoni trid teżamina ċ-ċirkustanzi kollha li jistgħu jiddeterminaw dan l-aġir. Billi fil-każ ta’ impriża dominanti bħal Tetra, l-“effett ta’ lieva” allegat jista’ jikkostitwixxi abbuż tal-pożizzjoni dominanti pre-eżistenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet illi l-Kummissjoni kellha teżamina l-probabbiltà li jiġi adottat aġir anti-kompetittiv billi tieħu in kunsiderazzjoni mhux biss l-inċentivi biex jiġi adottat aġir bħal dan, iżda wkoll il-fatturi li jistgħu jnaqqsu, jew saħansitra jeliminaw dawn l-inċentivi, bħall-possibiltà li jittieħdu proċeduri legali kontra tagħha u li tiġi penalizzata għal dan l-aġir. Billi l-Kummissjoni ma eżaminatx dawn il-fatturi, il-konstatazzjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu aċċettati. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħatx xorta waħda tistabbilixxi li t-teżi tagħha kienet waħda fondata fin-nuqqas ta’ dawn il-konstatazzjonijiet.
15 Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat illi bħala regola kien possibbli li l-entità l-ġdida teżerċita l-“effett ta’ lieva”. Madankollu, hija kkonstatat ukoll illi l-Kummissjoni kienet issopravalutat il-livell ta’ tkabbir probabbli tas-settur tal-PET u li, għar-raġunijiet hawn fuq imsemmija, il-metodi użati biex jitwettaq l-“effett ta’ lieva” li kellhom jiġu eżaminati mill-Qorti tal-Prim’Istanza kienu limitati għal dawk li ma jiksrux il-liġi tal-Komunità. Hija kkonkludiet illi, b’mod ġenerali, il-Kummissjoni kienet naqset mid-dmir tagħha li tistabbilixxi li l-eżerċizzju potenzjali ta’ effett ta’ lieva kien ser iwassal għall-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti fis-swieq rilevanti għas-sena 2005. Għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-magni SBM, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat illi d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix biżżejjed provi li jiġġustifikaw id-definizzjoni mill-Kummissjoni ta’ swieq distinti ta’ magni SBM għall-prodotti sensittivi u mhux sensittivi.
16 Għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li “il-pożizzjoni dominanti attwali ta’ [Tetra] fis-settur ta’ l-ippakkjar tal-kartun” kienet ser tiġi msaħħa permezz ta’ l-eliminazzjoni ta’ sors ta’ restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni minn swieq relatati, minħabba l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni ta’ Sidel fis-suq ta’ l-ippakkjar PET, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat illi dan it-tisħiħ kellu jiġi ppruvat mill-Kummissjoni, u ma kienx jirriżulta awtomatikament mill-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti. Hija ddikjarat illi l-Kummissjoni kienet naqset milli ġġib din il-prova.
L-appell
17 Il-Kummissjoni tinvoka ħames aggravji in sostenn ta’ l-appell tagħha. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-liġi fir-rigward tal-grad tal-prova li trid tinġieb min-naħa tagħha, kif ukoll tal-limitu tal-kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li twettaq stħarriġ ġudizzjarju. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur ta’ l-Artikoli 2 u 8 tar-Regolament inkwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza eżiġiet illi l-Kummissjoni, minn naħa waħda, tikkunsidra l-impatt li l-illegalità ta’ ċertu aġir seta’ kellha fuq l-inċentivi għall-entità l-ġdida biex teżerċita effett ta’ lieva, u min-naħa l-oħra, li tevalwa, bħala miżura korrettiva possibbli, l-impenn li ma jiġix adottat aġir abużiv. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ dritt magħmul mill-Qorti tal-Prim’Istanza minħabba l-użu ta’ kriterju ta’ stħarriġ ġuridzzjarju żbaljat u l-ksur ta’ l-Artikolu 2 ta’ l-istess Regolament, u dan billi ma kkonfermatx id-definizzjoni ta’ swieq distinti għall-magni SBM skond l-użu finali tagħhom. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq ksur ta’ l-imsemmi Artikolu 2, interpretazzjoni ħażina tal-fatti u nuqqas li jiġu meqjusa l-argumenti tal-Kummissjoni billi l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tirrikonoxxi l-mertu tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li Tetra kienet ser issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-settur tal-kartun. Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 2(3) tar-Regolament, inkwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza rrespinġiet il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq tal-magni SBM.
18 Fir-risposta tagħha, Tetra talbet illi, bħala miżura istruttorja, tiġi ordnata l-produzzjoni tal-verżjoni Franċiża ta’ l-appell. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet din it-talba b’digriet ta’ l-24 ta’ Lulju 2003.
Fuq l-ewwel aggravju
19 Permezz ta’ l-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza stqarret illi kienet qed tapplika l-kriterju ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni, meta fil-fatt applikat kriterju differenti li jeħtieġ li jinġiebu “provi konvinċenti” (convincing evidence). B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 230 KE billi naqset milli tirrispetta d-diskrezzjoni mogħtija lill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda kwistjonijiet fattwali u ekonomiċi kumplessi. Hija kisret ukoll l-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament, u dan billi applikat preżunzjoni ta’ legalità fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet li joħolqu konglomerat. Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat il-fatti b’mod ħażin, per eżempju fir-rigward ta’ l-isħarriġ tat-tbassir taż-żieda sinjifikattiva fl-użu ta’ ppakkjar PET għall-prodotti sensittivi, ma mmotivatx biżżejjed iċ-ċaħda ta’ l-argumenti tagħha u naqset milli tikkunsidra kunsiderazzjonijiet, argumenti u elementi ta’ prova invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fir-risposta tagħha, u saħansitra naqset milli tirreferi għalihom.
20 Fil-punt 119 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret b’dan il-mod il-kriterji għall-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda konċentrazzjoni:
“Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar illi r-regoli sostantivi tar-Regolament, u b’mod partikolari ta’ l-Artikolu 2, jagħtu lill-Kummissjoni ċerta diskrezzjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika. Għaldaqstant, l-istħarriġ tal-mod kif tiġi eżerċitata din id-diskrezzjoni mill-qorti Komunitarja, li huwa essenzjali sabiex jiġu ddefiniti r-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet, għandu jikkunsidra l-marġni ta’ diskrezzjoni impliċita fid-dispożizzjonijiet ta’ natura ekonomika li jiffurmaw parti mir-regloli dwar il-konċentrazzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, msejħa ‘Kali & Salz’, C-68/94 u C-30/95, Ġabra p. I-1375, punti 223 u 224; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni, T-102/96, Ġabra p. II‑753, punti 164 u 165, u tas-6 ta’ Ġunju 2002, Airtours vs Il-Kummissjoni, T-342/99, Ġabra p. II-2585, punt 64)” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
21 Fil-punt 120 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat b’dan il-mod l-Artikolu 2(3) tar-Regolament:
“Għandu jingħad ukoll illi, skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament, għandhom jiġu ddikjarati inkumpatibbli mas-suq komuni l-konċentrazzjonijiet li joħolqu jew isaħħu pożizzjoni dominanti u li bħala konsegwenza jfixklu b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni hija obbligata tiddikjara kumpatibbli mas-suq komuni kull konċentrazzjoni nnotifikata li taqa’ taħt ir-Regolament, meta ż-żewġ kundizzjonijiet stipulati fl-imsemmija dispożizzjoni ma jkunux sodisfatti (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Mejju 1994, Air France vs Il-Kummissjoni, T-2/93, Ġabra p. II-323, punt 79; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Gencor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 170, u Airtours vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 58 u 82). Fin-nuqqas tal-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, il-konċentrazzjoni għalhekk għandha tiġi awtorizzata mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni effettiva (sentenza Air France vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 79)” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
22 L-ewwel aggravju invokat mill-Kummissjoni jirreferi għal għadd ta’ punti fis-sentenza appellata. Madankollu, huwa rilevanti li jiġu riprodotti s-siltiet relatati man-natura ta’ konglomerat tal-konċentrazzjoni nnotifikata, li hija ddefinita fil-punt 142 ta’ l-imsemmija sentenza bħala “konċentrazzjoni bejn impriżi li essenzjalment m’għandhomx relazzjoni pre-eżistenti ta’ kompetituri, la bħala kompetituri diretti u lanqas bħala fornituri u klijenti”, konċentrazzjoni li ma twassalx biex l-attivitajiet tal-partijiet jirfsu fuq xulxin b’mod orizzonali jew biex tinħoloq relazzjoni vertikali bejn dawn il-partijiet f’sens strett, u li għaldaqstant ma twassalx għall-preżunzjoni, b’mod ġenerali, li hija tipproduċi effetti antikompetittivi.
23 Fil-punt 146 tas-sentenza appellata , il-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat b’dan il-mod ir-Regolament f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tiegħu għall-konglomerati:
“Għandu jiġi osservat, qabel kollox, illi r-Regolament, u b’mod partikolari l-Artikolu 2(2) u (3) tiegħu, ma jagħmel ebda distinzjoni bejn, minn naħa waħda, konċentrazzjonijiet li jkollhom effetti orizzontali u vertikali u, min-naħa l-oħra, dawk li jkollhom effett ta’ konglomerat. Minn dan isegwi li, mingħajr distinzjoni bejn dawn it-tipi ta’ konċentrazzjonijiet, konċentrazzjoni tista’ tiġi pprojbita biss jekk ikunu sodisfatti ż-żewġ kriterji stipulati fl-Artikolu 2(3) (ara l-punt 120 iktar ‘il fuq). Għaldaqstant, konċentrazzjoni b’effett ta’ konglomerat għandha, bħal kull konċentrazzjoni oħra (ara l-punt 120 iktar ‘il fuq), tiġi awtorizzata mill-Kummissjoni jekk ma jkunx jista’ jiġi stabbilit illi din toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali tiegħu u li din ser trażżan il-kompetizzjoni effettiva b’mod sinjifikattiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
24 Rigward l-effetti fuq il-kompetizzjoni ta’ konċentrazzjoni b’effett ta’ konglomerat u l-analiżi tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet:
“148 Għandu jiġi eżaminat qabel kollox jekk konċentrazzjoni li toħloq struttura kompetittiva li ma tagħtix minnufih pożizzjoni dominanti lill-entità amalgamata tistax madankollu tkun ipprojbita taħt l-Artikolu 2(3) tar-Regolament, meta jkun jidher illi tippermetti lil din l-entità, minħabba li l-parti akkwirenti teżerċita effet ta’ lieva minn suq fejn diġà hija dominanti, tikseb fil-futur relattivament qrib pożizzjoni dominanti f’suq ieħor li fih il-parti akkwistata preżentament ikollha pożizzjoni ewlenija, u meta l-akkwist in kwistjoni jkollu effetti antikompetittivi sinjifikattivi fuq is-swieq rilevanti.
[...]
150 Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva, a priori, illi konċentrazzjoni bejn impriżi li jkunu attivi fi swieq distinti normalment ma tkunx tali li tikkawża, sa mill-bidu nett, il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti minħabba l-akkumulazzjoni tas-sehem mis-suq li jkollhom il-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni. Tabilħaqq, il-fatturi li huma sinjifikattivi għall-pożizzjonijiet relattivi tal-kompetituri f’suq partikolari ġeneralent jinsabu fis-suq innifsu, jiġifieri, b’mod partikolari, is-sehem mis-suq li jkollhom il-kompetituri u l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq partikolari. Minn dan ma jsegwix, madankollu, illi l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq qatt ma jistgħu jkunu affettwati minn fatturi esterni għal dak is-suq.
151 Għaldaqstant, per eżempju, f’ċirkustanzi fejn is-swieq in kwistjoni jkunu swieq qrib xulxin u waħda mill-partijiet f’konċentrazzjoni diġà jkollha pożizzjoni dominanti f’wieħed minn dawn is-swieq, jista’ jagħti l-każ illi l-mezzi u l-kapaċitajiet li jingħaqdu flimkien permezz tal-konċentrazzjoni joħolqu minnufih kundizzjonijiet li jippermettu lill-entità l-ġdida, permezz ta’ l-effett ta’ lieva, takkwista fil-futur relattivament qrib pożizzjoni dominanti fis-suq l-ieħor. B’mod partikolari, dan jista’ jkun il-każ meta s-swieq in kwistjoni jkollhom tendenza li jikkonverġu u meta, minbarra l-pożizzjoni dominanti li jkollha waħda mill-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni, il-parti l-oħra, jew waħda mill-partijiet l-oħrajn, ikollha pożizzjoni ewlenija fit-tieni suq.
152 Kull interpretazzjoni oħra ta’ l-Artikolu 2(3) tar-Regolament toħloq il-periklu li l-Kummissjoni tiġi mċaħħda mill-possibiltà li teżerċita kontroll fuq il-konċentrazzjonijiet li jkollhom unikament jew prinċipalment effett ta’ konglomerat.
153 Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ analiżi prospettiva ta’ l-effetti ta’ konċentrazzjoni tat-tip konglomerat, jekk il-Kummissjoni tkun tista’ tikkonkludi, minħabba l-effetti ta’ konglomerat illi hija tikkonstata, illi pożizzjoni dominanti aktarx ser tinħoloq jew tiġi msaħħa fil-futur qrib u ser trażżan b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni fuq is-suq, hija għandha tipprojbixxi din il-konċentrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Kali & Salz, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 221; Gencor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 162; u Airtours vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 63).
154 F’dan il-kuntest, għandha ssir ukoll distinzjoni bejn, min-naħa waħda, sitwazzjoni fejn konċentrazzjoni b’effetti ta’ konglomerat tbiddel minnufih il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fit-tieni suq u twassal għall-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti f’dak is-suq minħabba l-pożizzjoni dominanti li diġà tkun teżisti fl-ewwel suq, u min-naħa l-oħra, sitwazzjoni fejn il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti fit-tieni suq ma tirriżultax immedjatament mill-konċentrazzjoni, iżda sseħħ biss, f’din l-ipoteżi, wara ċertu żmien u tirriżulta mill-aġir ta’ l-entità l-ġdida fl-ewwel suq fejn hija diġà jkollha pożizzjoni dominanti. F’dan l-aħħar każ, m’hijiex l-istruttura li tirriżulta mill-konċentrazzjoni nfisha li toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti, fis-sens ta’ l-Artikolu 2(3) tar-Regolament, iżda l-aġir futur in kwistjoni.
155 L-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ konċentrazzjoni li tipproduċi effett ta’ konglomerat hija kkundizzjonata minn rekwiżiti analogi għal dawk definiti mill-ġurisprudenza f’dak li jirrigwarda l-ħolqien ta’ sitwazzjoni ta’ dominanza kollettiva (sentenzi Kali & Salz, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 222, u Airtours vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 63). B’hekk, l-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ konċentrazzjoni li tkun mistennija li ser ikollha effett ta’ konglomerat anti-kompetittiv teħtieġ eżaminazzjoni partikolarment rigoruża taċ-ċirkustanzi li jirriżultaw li huma rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ dak l-effett fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq in kwistjoni. Kif diġà kkonfermat il-Qorti tal-Prim’Istanza, meta l-Kummissjoni tkun tal-fehma li din il-konċentrazzjoni għandha tiġi pprojbita għax tkun ser toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti fi żmien prevedibbli, hija għandha l-oneru li ġġib provi konvinċenti biex tissostanzja din il-konklużjoni (sentenza Airtours vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 63). Billi l-effetti ta’ konċentrazzjoni tat-tip konglomerat spiss jitqiesu li huma newtrali, jew saħansitra ta’ benefiċċju, fir-rigward tal-kompetizzjoni fis-swieq in kwistjoni, kif huwa kkonfermat f’dan il-każ mit-teoriji ekonomiċi ċċitati fl-analiżi mehmuża man-noti ta’ osservazzjonijiet tal-partijiet, il-prova ta’ effetti ta’ konglomerat antikompetittivi ta’ din il-konċentrazzjoni teħtieġ eżami preċiż, sostnut b’evidenza konvinċenti, taċ-ċirkustanzi li allegatament jipproduċu dawn l-effetti (ara, b’analoġija, is-sentenza Airtours vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 63)” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
L-argumenti tal-partijiet
25 Il-Kummissjoni ssostni li, kemm minħabba n-natura ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll minħabba l-livell ta’ prova mitlub min-naħa tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma mxietx mal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Kali & Salz, iċċitata iktar ‘il fuq. Hija tgħid f’dan ir-rigward illi l-punti rilevanti ta’ din is-sentenza huma dawn:
“220 Kif ġie indikat aktar ‘il fuq, skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament, għandhom jiġu ddikjarati inkumpatibbli mas-suq komuni l-konċentrazzjonijiet li joħolqu jew isaħħu pożizzjoni dominanti u li b’hekk ifixklu b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjal minnu.
221 Fil-każ ta’ allegazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, il-Kummissjoni b’hekk hija obbligata tevalwa, permezz ta’ analiżi prospettiva tas-suq in kwistjoni, jekk il-konċentrazzjoni li tkun ġiet innotifikata biha twassalx għal sitwazzjoni fejn il-kompetizzjoni effettiva fis-suq rilevanti hija mfixkla b’mod sinjifikattiv mill-impriżi involuti fil-konċentrazzjoni u impriża terza jew diversi impriżi terzi li, flimkien, b’mod partikolari minħabba fatturi ta’ korrelazzjoni li jeżistu bejniethom, ikunu kapaċi jadottaw l-istess linja ta’ azzjoni fis-suq u jaġixxu b’mod kunsiderevoli indipendentement mill-kompetituri tagħhom, il-klijenti taghħom, kif ukoll mill-konsumaturi.
222 Dan il-metodu jeħtieġ eżami rigoruż, b’mod partikolari taċ-ċirkustanzi li, skond kull każ individwali, jidhru li jkunu rilevanti biex jiġu evalwati l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kundizzjonijeit tal-kompetizzjoni fis-suq in kwistjoni.
223 F’dan ir-rigward, iżda, għandu jingħad illi regoli bażiċi tar-Regolament, u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu, jagħtu lill-Kummissjoni ċertu poter diskrezzjonali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika
224 Għaldaqstant, l-istħarriġ mill-qorti Komunitarja ta’ l-eżerċizzju ta’ dan il-poter, li huwa essenzjali sabiex jiġu ddefiniti r-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet, għandu jikkunsidra l-marġni ta’ diskrezzjoni impliċitu fid-dispożizzjonijiet ta’ natura ekonomika li jiffurmaw parti mir-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
26 Il-Kummissjoni tikkonkludi li mill-prinċipji stipulati fis-sentenza Kali & Salz, iċċitata iktar ‘il fuq, kif ukoll mill-istħarriġ tal-Qorti f’dak il-każ, jirriżulta li hija għandha teżamina mill-qrib is-suq rilevanti, tikkunsidra l-fatturi pertinenti, u tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq elementi ta’ prova li jkunu fattwalment korretti, li m’humiex manifestament insinjifikattivi u li jkunu tali li jissostanzjaw il-konklużjonijiet milħuqa, u barra minn hekk għandha tasal għal konklużjonijiet fuq il-bażi ta’ raġunar koerenti.
27 F’dan ir-rigward hija tikkunsidra, fl-ewwel lok, illi l-ħtieġa ta’ “provi konvinċenti” (convincing evidence) hija sostanzjalment differenti, fil-grad u fin-natura tagħha, kemm mill-obbligu li tinġieb prova “sinjifikattiva u konsistenti’, kif stabbilit fis-sentenza Kali & Salz, iċċitata iktar ‘il fuq, kif ukoll mill-prinċipju li jistabbilixxi li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi aċċettata ħlief jekk jiġi ppruvat illi din hija manifestament żbaljata. Il-grad ta’ prova huwa differenti billi, għall-kuntrarju tar-rekwiżit ta’ prova konvinċenti (convincing evidence), dak ta’ provi sinjifikattivi u konsistenti ma jeliminax il-possibiltà li korp ieħor jista’ jasal għal konklużjoni differenti kieku kellu l-kompetenza biex jieħu deċiżjoni dwar din il-kwistjoni. In-natura tal-provi meħtieġa ukoll hija differenti billi tittrasforma r-rwol tal-qorti Komunitarja f’dak ta’ korp differenti li huwa kompetenti biex jieħu deċiżjoni dwar il-kwistjoni fil-kumplessità kollha tagħha, u li tkun awtorizzata tissostitwixxi l-ġudizzju tagħha għal dak tal-Kummissjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet inkonsistenti fis-sens illi rreferiet għall-kriterju ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni iżda applikat kriterju differenti.
28 Il-Kummissjoni ssostni wkoll, fit-tieni lok, illi marġni ta’ diskrezzjoni huwa inerenti f’kull analiżi prospettiva. Għandha fil-fatt tiġi ddeterminata l-probabbiltà ta’ ċerti żviluppi fis-suq fuq perijodu ta’ żmien prevedibbli, fuq il-bażi tas-sitwazzjoni preżenti fis-suq, xejriet li jistgħu jiġu osservati u indikaturi xierqa oħrajn. Li jiġi meħtieġ illi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tkun, fil-fatt, ibbażata fuq provi mhux ikkontestati jew kważi inekwivoċi, irrispettivament mill-valur tagħhom, iġib fix-xejn il-funzjoni tal-Kummissjoni li tevalwa l-provi u tagħti, għal raġunijiet ġustifikabbli, aktar importanza lil xi sorsi minn oħrajn.
29 Fl-aħħar lok, il-Kummissjoni ssostni li l-kriterju tal-provi meħtieġa mill-Qorti tal-Prim’Istanza għandu l-konsegwenza li hi tkun obbligata tawtorizza l-konċentrazzjoni f’każijiet fejn il-provi ma jilħqux il-livell meħtieġ, ħaġa li hija ekwivalenti, de facto, għal preżunzjoni ġenerali tal-legalità ta’ ċerti konċentrazzjonijiet jew, għall-inqas, għall-ħolqien ta’ preżunzjoni favurihom. L-Artikolu 2(2) and (3) tar-Regolament jimponi obbligu doppju fuq il-Kummissjoni, jiġifieri jew li tipprojbixxi konċentrazzjoni jekk din toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti, jew bħala obbligu simetriku iżda oppost, li tawtorizzaha jekk la toħloq u lanqas issaħħaħ dik il-pożizzjoni. Dan l-obbligu jirrifletti l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju li jipproteġi b’mod ugwali, minn naħa waħda, l-interessi privati tal-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni, u min-naħa l-oħra, l-interess pubbliku li tinżamm kompetizzjoni effettiva u l-protezzjoni tal-konsumaturi. Dan l-obbligu doppju simetriku jeħtieġ l-applikazzjoni ta’ kriterju simetriku fir-rigward tal-grad ta’ prova meħtieġ mill-Kummissjoni, billi hija trid tipprova l-mertu ta’ l-evalwazzjoni tagħha ugwalment fiż-żewġ każijiet.
30 Bħala eżempju ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata, il-Kummissjoni tirreferi b’mod partikolari għall-evalwazzjoni taż-żieda fl-użu ta’ ppakkjar PET għall-prodotti sensittivi. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet hekk :
“210 Matul is-seduta, il-Kummissjoni spjegat illi r-raġunar tagħha m’huwiex ibbażat fuq l-eżattezza preċiża tat-tbassir tagħha, billi huwa aċċettat illi ser ikun hemm żieda sinjifikattiva fil-futur. Hija ammettiet ukoll illi, fid-dawl ta’ l-inċertezzi li għad hemm dwar l-applikabilità kummerċjali tat-teknoloġija tal-proċess ‘barriera’ meħtieġ, ma setgħatx tassumi żieda sinjifikattiva tal-PET fis-suq tal-ħalib [mingħajr essenza – (UHT)], u li anki ż-żieda dgħajfa mbassra fid-deċiżjoni [kkontestata] tista’ tirriżulta li hija esaġerata. Madankollu, hija enfasizzat illi t-tbassir tagħha tal-probabbiltà ta’ żieda sostanzjali fl-użu ta’ dan il-materjali min issa sas-sena 2005 fis-setturi tal-ħalib frisk, tal-meraq tal-frott, tax-XTF u, b’mod partikolari, f’dawk tax-xarbiet tat-tè u tal-kafè huwa għal kollox plawżibbli.
211 Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li ma jistax jiġi konkluż illi l-użu ta’ PET ser jiżdied b’mod konsiderevoli għall-ħalib UHT, u għaldaqstant, għal madwar nofs is-suq tal-PĦL.
212 Rigward il-kumplament tas-suq tal-PĦL, għandu jingħad illi r-rapport PCI, [intitolat ‘Il-Potenzjal għall-PET fl-Ippakkjar ta’ Prodotti tal-Ħalib Likwidi - 2001’ (‘The Potential for PET in the Packaging of Liquid Dairy Products - 2001’,] li huwa l-uniku studju indipendenti li jikkonċentra fuq is-suq tal-PĦL, ibassar żieda li permezz tagħha l-użu ta’ PET ser jilħaq id-9.2% tas-suq ta’ ħalib frisk mingħajr essenza fl-2005 (PCI, p. 64). Minbarra dan hemm il-fatt illi, għall-ippakkjar mhux settiku, ir-rapport Warrick [intitolat ‘Rapport ta’ Riċerka Warrick dwar Swieq ta’ l-Ippakkjar – Swieq ta’ l-Ippakkjar Mhux Settiku Dinjin u fl-Ewropa tal-Punent – 2000’ (‘Warrick Research Report Packaging Markets – Aseptic Packaging Markets World and Western Europe – 2000)’] jipprevedi biss żieda minima għall-ħalib bl-essenza, jiġifieri ta’ 1%, u tnaqqis żgħir għal xarbiet oħrajn abbażi tal-ħalib, waqt li r-rapport Pictet [intitolat ‘Rapport ta’ l-Analisti Pictet – Makkinarju ta’ l-Ippakkjar fl-Ewropa, Moviment lejn il-PET – Settembru 2000’ (‘Analysts’ Report Pictet – European Packaging Machinery, Move into PET’] ma jagħtix tbassir speċifiku għall-PĦL. Fuq il-bażi ta’ din l-evidenza, għandu jiġi konkluż illi l-Kummissjoni ma ppruvatx, skond kif sostniet fir-risposta tagħha, illi t-tbassir tagħha fir-rigward tal-PĦL huwa bbażat fuq analiżi prudenti ta’ l-istudji indipendenti jew fuq ġabra ta’ provi sodi u koerenti miksuba minnha permezz ta’ l-investigazzjoni tagħha dwar is-suq. L-istimi taż-żieda adottati mill-Kummissjoni (punt 209 iktar ‘il fuq) m’humiex, fil-fatt, konvinċenti ħafna. Min-naħa l-oħra, jirriżulta mir-rapport PCI li huwa biss it-tbassir ta’ sehem mis-suq ta’ 25% għall-PET f’xarbiet oħrajn abbażi tal-ħalib (jiġifieri ħalib bl-essenza u xarbiet abbażi tal-ħalib u l-jogurt) minn issa sas-sena 2005 huwa bbażat fuq prova relattivament soda (PCI, p. 63 u 64). Madankollu, kieku kellha tintlaħaq din iż-żieda, il-volum rilevanti jiżdied biss b’62 000 tunnellata għas-sena 2000, biex b’hekk jilħaq 92 800 tunnellata fis-sena 2005, żieda li m’hijiex wisq sinjifikattiva meta mqabbla mal-madwar 120 miljun tunnellata ħalib li tipproduċi l-Komunità kull sena (PCI, p. 9). B’mod aktar ġenerali, id-deċiżjoni [kkontestata] ma tispjegax b’mod adegwat kif il-PET jista’ jissostitwixxi l-HDPE bħala l-materjal ewlieni li jikkompeti mal-kartun, l-aktar fis-settur importanti ta’ l-ippakkjar ta’ ħalib frisk, minn issa sas-sena 2005. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat illi l-Kummissjoni la tikkontesta ċ-ċifra globali ta’ 17.3% għall-użu ta’ HDPE għall-PĦL mogħtija mill-[kumpannija ta’ riċerka] Canadean għas-sena 2000 (ara t-tabella 3, premessa 66) u lanqas it-tbassir illi din iċ-ċifra tista’ tilħaq 19.5% sas-sena 2005 (ara t-tabella 5, fil-premessa 105).
213 Rigward il-meraq, it-tbassir tal-Kummissjoni huwa saħansitra inqas konvinċenti. Għalkemm hija stess ammettiet illi ż-żieda in kwistjoni ser tirrigwarda prinċipalment bidla minn ħġieġ għall-PET, hija ma wettqet ebda analiżi tas-suq tal-ħġieġ. Fin-nuqqas ta’ din l-analiżi, il-Qorti tal-Prim’Istanza m’hijiex f’pożizzjoni li tikkonferma l-validità tat-tbassir tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-meraq. Analiżi ta’ dan it-tip kienet tkun indispensabbli biex il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ tivverifika l-livell probabbli tal-bidla mill-ħġieġ, b’mod partikolari lejn il-kartun, il-PET u l-HDPE. Din l-analiżi kienet saħansitra aktar indispensabbli minħabba d-differenzi, fir-rigward tal-livell ta’ żieda u l-perjodi ta’ żmien użati fl-analiżi, bejn it-tbassir rilevanti li sar fl-istudji Canadean u Warrick, minn naħa waħda, u l-istudju Pictet, min-naħa l-oħra.
214 Minn dan isegwi li t-tbassir ta’ żieda ddikjarat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni [kkontestata] għal dak li jirrigwarda l-PĦL u l-meraq ma ġiex ipprovat kif teħtieġ il-liġi. Għalkemm m’hemmx dubju li ċerta żieda f’dawn is-setturi hija probabbli, b’mod partikolari għal prodotti ta’ kwalità għolja, ma ngħatatx prova konvinċenti tal-livell ta’ dan it-tkabbir.
215 Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-istudji indipendenti li, min issa sas-sena 2005, aktarx illi ser ikun hemm żieda mhux negliġibbli fl-użu ta’ PET għall-ippakkjar ta’ XTF u x-xarbiet tat-tè u tal-kafè, inklużi xarbiet iżotoniċi. Billi l-livell taż-żieda mbassar fid-deċiżjoni [kkontestata] ma ġiex ikkontestat b’serjetà mir-rikorrenti matul is-seduta u m’huwiex sopravalutat meta mqabbel mat-tbassir fl-istudji, għandu jiġi konkluż illi l-Kummissjoni ma żbaljatx f’dan ir-rigward” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
31 Il-Kummissjoni tilmenta, essenzjalment, illi l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli turi li l-istimi tal-Kummissjoni dwar iż-żieda fl-użu ta’ PET kienu bbażati, fl-ewwel lok, fuq żbalji fattwali, fit-tieni lok, fuq konstatazzjonijiet fattwali li ma ġewx stabbiliti jew fuq konklużjonijiet ibbażati fuq provi manifestament insinjifikattivi, fit-tielet lok, fuq inkonsistenzi jew raġunar żbaljat, jew fir-raba’ lok, fuq il-fatt li tħallew barra kunsiderazzjonijiet rilevanti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza rrifjutat, mingħajr ma tat raġuni, l-evalwazzjoni tal-provi li għamlet il-Kummissjoni, interpretat ħażin il-provi fattwali, per eżempju meta qalet, fil-punt 213 tas-sentenza appellata, illi l-Kummissjoni kienet naqset milli tanalizza s-suq tal-ħġieġ, u imponiet l-evalwazzjonijiet tagħha, li kienu kuntrarji għal dawk tal-Kummissjoni u manifestament żbaljati, per eżempju meta qalet, fil-punt 289 tas-sentenza, illi “il-ħalib frisk m’huwiex prodott li għalih il-vantaġġi kummerċjali offruti mill-PET għandhom xi importanza partikolari” jew, fil-punti 288 u 328 ta’ l-istess sentenza, illi l-PET huwa aktar għali mill-kartun.
32 Tetra ssostni li l-ewwel aggravju invokat mill-Kummissjoni m’hu xejn ħlief diskussjoni semantika dwar it-termini użati fis-sentenza appellata u m’huwiex relatat ma’ l-eżami tal-mertu mwettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza. L-argument tal-Kummissjoni huwa inutli billi m’hemmx terminoloġija konsistenti fir-rigward tal-grad ta’ prova meħtieġ.
33 Tetra tosserva wkoll illi t-terminoloġija użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kali & Salz, li għaliha l-Kummissjoni tirreferi fir-rigward tar-regoli dwar il-provi, ma waqqfitx lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, milli teżamina fid-dettall kemm il-fatti invokati mill-Kummissjoni biex issostni l-argumenti tagħha kif ukoll il-konklużjonijiet li għalihom waslet din ta’ l-aħħar fid-deċiżjoni in kwistjoni.
34 Skond Tetra, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrispettat il-marġni ta’ diskrezjoni tal-Kummissjoni u ma marritx ultra vires il-poteri tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjarju meta ċaħdet ir-raġunijiet għad-deċiżjoni kkontestata, iżda sempliċement ikkonstatat illi l-Kummissjoni ma kinitx ġabet prova ta’ l-eżistenza ta’ effett ta’ lieva.
35 Tetra ssostni li l-Kummissjoni interpretat b’mod ħażin il-punt 153 tas-sentenza appellata meta ddeduċiet minnu li dan jistabbilixxi grad ta’ prova asimetriku u preżunzjoni de facto tal-legalità tal-konċentrazzjonijiet. F’dak il-punt, il-Qorti tal-Prim’Istanza sempliċement stabbilixxiet ir-regoli dwar l-obbligu li jiġu ppruvati l-effetti ta’ dawn il-konċentrazzjonijiet.
36 Rigward l-eżempju invokat mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-analiżi, mill-Qorti tal-Prim’Istanza, taż-żieda fl-użu ta’ PET għall-ippakkjar ta’ prodotti sensittivi, Tetra wettqet analiżi kumparattiva ta’ l-appell u tas-sentenza appellata bil-għan li turi li l-Kummissjoni interpretat din is-sentenza b’mod żbaljat jew fallaċi, u ċċitat ċerti siltiet barra mill-kuntest tagħhom.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-ewwel aggravju
37 Permezz ta’ l-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta s-sentenza appellata fuq il-bażi li l-Qorti tal-Prim’Istanza esiġiet min-naħa tagħha li, meta tadotta deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni inkumpatibbli mas-suq komuni, trid tissodisfa grad ta’ prova u tipprovdi kwalità ta’ evidenza biex issostni l-argumenti tagħha li huma inkumpatibbli mad-diskrezzjoni wiesgħa li hija għandha fl-evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ natura ekonomika. Hija b’hekk tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 230 KE billi marret ultra vires il-poteri ta’ stħarriġ ġudizzjarju tagħha kif stabbiliti mill-ġurisprudenza, u b’konsegwenza, applikat ħażin l-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament billi ħolqot preżunzjoni ta’ legalità fir-rigward ta’ ċerti konċentrazzjonijiet.
38 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat illi, fil-punt 119 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret korrettament il-kriterji li għandhom jiġu applikati meta jsir stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar konċentrazzjoni kif stabbiliti fis-sentenza Kali & Salz, iċċitata iktar ‘il fuq. Fil-punti 223 u 224 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat illi r-regoli sostantivi tar-Regolament, b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu, jagħtu lill-Kummissjoni ċertu setgħa diskrezzjonali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika, u li, għaldaqstant, l-istħarriġ mill-qorti Komunitarja ta’ l-eżerċizzju ta’ dan il-poter, li huwa essenzjali sabiex jiġu ddefiniti r-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet, għandu jikkunsidra l-marġni ta’ diskrezzjoni impliċitu fid-dispożizzjonijiet ta’ natura ekonomika li jiffurmaw parti mir-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet.
39 Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet ekonomiċi, dan ma jfissirx illi l-qorti Komunitarja għandha toqgħod lura milli tistħarreġ l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni ta’ informazzjoni ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-qorti Komunitarja mhux biss għandha tivverifika li l-provi invokati jkunu fattwalment korretti, affidabbli u konsistenti, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tiġi kkunsidrata sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk din hijiex kapaċi tissostanzja l-konklużjonijiet milħuqa. Dan l-istaħrriġ huwa wisq iżjed meħtieġ f’każ ta’ analiżi prospettiva meħtieġa meta jkun qed jiġi eżaminat pjan ta’ konċentrazzjoni b’effett ta’ konglomerat.
40 Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta meta kkonstatat, b’mod partikolari fuq il-bażi tas-sentenza Kali & Salz, fil-punt 155 tas-sentenza appellata, illi l-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ konċentrazzjoni li tipproduċi effett ta’ konglomerat hija soġġetta għal rekwiżiti analogi għal dawk definiti mill-ġurisprudenza fir-rigward tal-ħolqien ta’ sitwazzjoni ta’ dominanza kollettiva u li dan jippresupponi eżami mill-qrib taċ-ċirkustanzi li jirriżultaw li huma rilevanti għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni ta’ dak l-effett fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq in kwistjoni.
41 Għalkemm il-Qorti tal-Prim’Istanza ppreċiżat, fl-istess punt 155, illi prova ta’ l-effetti antikompetittivi ta’ konglomerat ta’ konċentrazzjoni tat-tip innotifikata teħtieġ eżami aktar preċiża, sostnut bi provi konvinċenti (convincing evidence), taċ-ċirkustanzi li allegatament jipproduċu dawk l-effetti, hija b’ebda mod ma żiedet kundizzjoni dwar il-grad ta’ prova meħtieġ, iżda sempliċement ġibdet l-attenzjoni għall-funzjoni essenzjali tal-prova, li hi li tistabbilixxi b’mod konvinċenti l-mertu ta’ argument jew, bħal f’dan il-każ, ta’ deċiżjoni dwar konċentrazzjoni.
42 Analiżi prospettiva, bħal dik meħtieġa fil-kuntest ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, trid issir b’attenzjoni kbira, billi din ma tinvolvix l-eżami ta’ avvenimenti fl-imgħoddi, li dwarhom spiss ikun hemm disponibbli bosta elementi ta’ prova li jippermettu li wieħed jifhem il-kawżi tagħhom, u lanqas ta’ avvenimenti kurrenti, iżda teħtieġ li jiġu mbassra avvenimenti li ser iseħħu fil-ġejjieni, fuq bażi ta’ probabbiltà pjuttost qawwija, jekk ma tiġix adottata deċiżjoni li tipprojbixxi l-konċentrazzjoni ppjanata jew li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għaliha
43 B’hekk, l-analiżi prospettiva tikkonsisti f’eżami ta’ kif konċentrazzjoni tista’ tbiddel il-fatturi li jiddeterminaw l-istat tal-kompetizzjoni f’suq partikolari sabiex jiġi stabbilit jekk din tistax tirriżulta fi tfixkil sinjifikattiv tal-kompetizzjoni effettiva. Din l-analiżi teħtieġ li jiġu mbassra diversi xejriet ta’ kawża u effett bil-għan li jiġi stabbilit liema minnhom huma l-aktar probabbli.
44 L-analiżi ta’ konċentrazzjoni tat-tip “konglomerat’ hija analiżi prospettiva li fiha, kemm it-teħib in kunsiderazzjoni ta’ perijodu ta’ żmien twil fil-ġejjieni, minn naħa waħda, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-effett ta’ lieva meħtieġ biex jingħtata lok għal tfixkil sinjifikattiv tal-kompetizzjoni effettiva, ifissru li x-xejriet ta’ kawża u effett huma inċerti u diffiċli biex jiġu stabbiliti jew identifikati. F’dan il-kuntest, il-kwalità ta’ l-elementi ta’ prova miġjuba mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi li huwa neċessarju li tiġi adottata deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni inkumpatibbli mas-suq komuni hija ta’ importanza partikolari, billi dawn l-elementi ta’ prova jridu jissostanzjaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li, jekk din deċiżjoni ma tiġix adottata, ix-xenarju ta’ l-iżvilupp ekonomiku mbassar minnha huwa plawżibbli.
45 Jirriżulta minn dawn id-diversi elementi li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx żbaljata fid-dritt meta fakkret il-kriterji ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat minnha jew meta speċifikat il-kwalità ta’ l-elementi ta’ prova li l-Kummissjoni hija meħtieġa tipprovdi sabiex turi li l-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2(3) tar-Regolament huma sodisfatti.
46 Fir-rigward ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju konkret eżerċitat mill-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan il-każ, ma jidhirx mill-eżempju mogħti mill-Kummissjoni, relativ għaż-żieda fl-użu ta’ ppakkjar PET għal prodotti sensittivi, illi l-Qorti tal-Prim’Istanza marret ultra vires il-limiti ta’ l-istħarriġ ta’ deċiżjoni amministrattiva mill-qorti Komunitarja. Għall-kuntrarju ta’ dak li qed issostni l-Kummissjoni, il-punt 211 tas-sentenza appellata sempliċement jifformula b’mod aktar konċiż, fil-forma ta’ konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-ammissjoni li għamlet il-Kummissjoni matul is-seduta, li hija sintesizzata fil-punt 210 tas-sentenza, illi t-tbassir tagħha fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward taż-żieda fl-użu ta’ PET għall-ippakkjar ta’ ħalib UHT kien esaġerat. Fil-punt 212 ta’ l-istess sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza tat ir-raġunijiet għall-konstatazzjoni tagħha li l-provi miġjuba mill-Kummissjoni kienu infondati meta ddikjarat illi, mit-tliet rapporti indipendenti ċċitati mill-Kummissjoni, ir-rapport PCI biss kien fih informazzjoni dwar l-użu ta’ PET għall-ippakkjar tal-ħalib. Hija wriet ukoll, f’dak il-punt, illi l-evidenza miġjuba mill-Kummissjoni ma kinitx konvinċenti billi ż-żieda mbassra fir-rapport PCI ma tantx kienet sinjifikatttiva u li t-tbassir tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-użu tal-PET kien inkonsistenti maċ-ċifri mhux ikkontestati dwar l-użu ta’ HDPE li jinsabu fir-rapporti l-oħrajn. Fil-punt 213 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza sempliċement iddkjarat illi l-analiżi tal-Kummissjoni ma kinitx kompluta, u b’hekk ma kienx possibbli li jiġi kkonfermat it-tbassir tagħha, minħabba d-differenzi bejn dak it-tbassir u t-tbassir li sar fir-rapporti l-oħrajn.
47 Fost l-eżempji l-oħrajn invokati minnha, il-Kummissjoni kkontestat l-affermazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 289 tas-sentenza appellata, illi “il-ħalib frisk m’huwiex prodott li għalih il-vantaġġi kummerċjali offruti mill-PET għandhom xi importanza partikolari’ u l-konklużjonijiet tagħha dwar kemm jiswa l-PET meta mqabbel mal-kartun, fil-punti 288 u 328 tas-sentenza appellata. Għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward illi dawn huma konstatazzjonijiet ta’ fatt, li m’humiex soġġetti għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fi proċeduri ta’ appell. Għaldaqtant, m’huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-mertu ta’ dawn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, u għandu jingħad biss illi l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħat tibbaża dawk il-konstatazzjonijiet fuq diversi elementi fid-deċiżjoni kkontestata.
48 Jirriżulta minn dawn l-eżempji li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet l-istħarriġ tagħha kif suppost u kif stipulat fil-punt 39 ta’ din is-sentenza. Hija spjegat u tat ir-raġunijiet għalfejn il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dehru li ma kinux preċiżi minħabba li kienu bbażati fuq evidenza insuffiċjenti, inkompleta, insinjifikattiva u inkonsistenti.
49 B’dan il-mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat il-kriterji ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq mill-qorti Komunitarja u, għaldaqstant, imxiet b’mod konformi ma’ l-Artikolu 230 KE.
50 Konsegwentement, l-analiżi magħmula hawn fuq ma tindikax illi l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 2(2) jew (3) tar-Regolament.
51 Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li l-ewwel aggravju huwa infondat.
It-tieni aggravju
52 Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikoli 2 u 8 tar-Regolament meta eżiġiet illi l-Kummissjoni tikkunsidra l-impatt li l-illegalità ta’ ċertu aġir seta’ kellha fuq l-inċentivi għall-entità l-ġdida biex tuża l-effett ta’ lieva u li tevalwa, bħala miżura korrettiva possibbli, l-impenn li ma jiġix adottat aġir abużiv.
53 L-elementi kkontestati tas-sentenza appellata jinsabu fil-parti li teżamina l-eċċezzjoni bbażata fuq nuqqas ta’ effett prevedibbli ta’ konglomerat, li fiha l-Qorti tal-Prim’Istanza analizzat b’mod partikolari l-probabbiltà li jintuża l-effett ta’ lieva. Skond il-Kummissjoni, l-entità l-ġdida kienet ser tkun kapaċi tisfrutta s-sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tal-kartun mhux settiku u kienet ser tkun inċentivata, permezz ta’ effett ta’ lieva, tittrasforma f’pożizzjoni dominanti l-pożizzjoni ewlenija tagħha fis-suq tat-tagħmir PET, b’mod partikolari dak tal-magni SBM ta’ kapaċità dgħajfa u għolja użati għall-prodotti sensittivi.
54 Il-modi kif jista’ jiġi eżerċitat l-effett ta’ lieva huma deskritti b’dan il-mod fil-premessa 364 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata (riprodotta fil-punt 49 tas-sentenza appellata):
“Billi tuża b’diversi modi [din il-pożizzjoni], ... Tetra/Sidel … ikollha l-possibbiltà li torbot il-bejgħ ta’ tagħmir u prodotti konsumibbli għall-ippakkjar tal-kartun mal-bejgħ ta’ tagħmir għall-ippakkjar tal-PET u possibilment ukoll ta’ preforom (b’mod partikolari preforom ipproċessati bit-teknoloġija ‘barriera’). Tetra/Sidel tkun tista’ wkoll tuża pressjoni jew inċentivi (bħal prezzijiet predatorji jew kompetizzjoni ħarxa fil-prezzijiet u rifużjonijiet għal-lealtà) sabiex il-klijenti tagħha li jixtru l-kartun jibdew jixtru t-tagħmir tal-PET u, possibilment, preforom mingħand Tetra/Sidel u mhux mingħand il-kompetituri jew konvertituri tagħha.”
55 B’risposta għall-kritika tal-Kummissjoni, Tetra pproponiet li tagħti diversi impenji. Madankollu, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li dawn l-impenji ma jistgħux jitqiesu li jeliminaw b’mod effettiv il-problemi dwar il-kompetizzjoni li hija identifikat. Fir-rigward ta’ l-impenji dwar l-aġir, ir-raġunijiet mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata, li jinsabu fil-premessi 429 sa 432 tagħha, taħt l-intestatura “Separazzjoni ta’ Sidel minn Tetra u impenji skond l-Artikolu 82”, huma dawn:
“429 L-impenn dwar is-separazzjoni bejn Sidel u Tetra Pak, flimkien mal-konferma ta’ impenji l-qodma skond l-Artikolu 82, ġew proposti b’mod partikolari biex tiġi evitata l-problema tal-kapaċità ta’ l-entità l-ġdida li tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq ta’ l-ippakkjar tal-kartun biex tikseb pożizzjoni dominanti fis-suq tat-tagħmir ta’ l-ippakkjar tal-PET. Madankollu, dan l-impenn u l-impenji l-qodma skond l-Artikolu 82 huma purament marbuta ma’ l-aġir. Bħala tali, m’humiex adattati biex jerġgħu jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva fuq bażi permanenti, billi ma jindirizzawx il-problema ta’ bidla permanenti fl-istruttura tas-suq maħluqa mill-konċentrazzjoni nnotifikata.
430 Is-“separazzjoni” bejn Sidel u Tetra Pak ma tbiddel xejn mill-fatt illi, kif ġie kkonfermat espressament fl-impenji, il-bord ta’ Sidel “ser ikun direttament responsabbli lejn il-bord amministrattiv tal-grupp Tetra Laval”. Ma jistax jiġi mistenni li din is-separazzjoni ser twaqqaf lil Sidel milli timplementa l-istrateġija kummerċjali tal-grupp Tetra Laval. Minbarra dan, l-istat ġuridiku ta’ Sidel jista’ jinbidel, jiġifieri jista’ jiġri li Sidel ma tibqax ikkwotata fil-Borża u tinqeleb f’kumpannija privata, bħal Tetra Laval, b’mod li kull kontroll ta’ miżuri protettivi jkun prattikament impossibbli.
431 L-impenn li ‘diversi prodotti ma jintrabtux flimkien għall-finijiet ta’ bejgħ’ kif ukoll il-konferma ta’ l-impenji preċedenti skond l-Artikolu 82 jikkostitwixxu biss wegħdiet li ma jiġix adottat ċertu aġir, jiġifieri fir-realtà li ma jinkisirx id-dritt Komunitarju. Dawn il-wegħdiet dwar l-aġir imorru kontra l-politika ddikjarata tal-Kummissjoni dwar miżuri korrettivi u l-iskop tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet innifsu […], u huwa ferm diffiċli, jekk mhux għal kollox impossibbli, li jiġu kkontrollati b’mod effettiv.
432 Kollox ma’ kollox, minbarra li l-implementazzjoni u l-kontroll ta’ dawn l-impenji huwa kkumplikat, ma jistgħux jitqiesu li jeliminaw b’mod effettiv il-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
56 Permezz ta’ l-argumentazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-punti 156 sa 162 tas-sentenza appellata, li jsegwu immedjatament il-punti 148 sa 155 tagħha, li wkoll ġew ikkontestati mill-Kummissjoni u ġew eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ l-ewwel aggravju. F’dawn il-punti, il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet hekk:
“156 F’dan il-każ, l-użu ta’ effett ta’ lieva eżerċitat mis-swieq tal-kartun mhux settiku, kif deskritt fid-deċiżjoni [kkontestata], jimmanifesta ruħu, minbarra l-possibiltà li l-entità l-ġdida tirrikorri għal diversi prattiċi li jikkonsisti f’li l-bejgħ ta’ tagħmir u ta’ prodotti konsumibbli għall-ippakkjar tal-kartun jintrabat mal-bejgħ ta’ tagħmir għall-ippakkjar tal-PET, inkluż b’bejgħ sfurzat (premessi 345 u 365), l-ewwel nett bil-probabbiltà li din l-entità tiffissa prezzijiet predatorji (predatory pricing, premessa 364, iċċitata iktar ‘il fuq fil-punt 49), it-tieni nett, b’kompetizzjoni ħarxa fil-prezzijiet, u t-tielet nett, billi jingħataw rifużjonijiet għal-lealtà. Jekk tirrikorri għal dawn il-prattiċi, l-entità l-ġdida tkun tista’ tiżgura, kemm jista’ jkun possibbli, illi l-klijenti tagħha fis-swieq tal-kartun jiksbu mingħand Sidel kull tagħmir tal-PET li jistgħu jeħtieġu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat illi d-deċiżjoni [kkontestata] tikkonstata li Tetra għandha pożizzjoni dominanti fis-swieq tal-kartun mhux settiku, jiġifieri, is-swieq tas-sistemi ta’ l-ippakkjar tal-kartun mhux settiku u kartuni mhux settiċi (premessa 231, ara l-punt 40 iktar ‘il fuq), konstatazzjoni li m’hijiex ikkontestata mir-rikorrenti.
157 Għandu jiġi mfakkar illi, skond ġurisprudenza kostanti, meta impriża tkun f’pożizzjoni dominanti hija obbligata, jekk ikun il-każ, illi tadatta l-aġir tagħha sabiex ma tfixkilx il-kompetizzjoni effettiva fis-suq, irrispettivament minn jekk il-Kummissjoni tkunx adottat deċiżjoni f’dan is-sens (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 57; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Lulju 1990, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, Ġabra p.II-309, punt 23, u tat-22 ta’ Marzu 2000, Coca-Cola vs Il-Kummissjoni, T-125/97 u T-127/97, Ġabra p. I‑1733, punt 80).
158 Barra minn hekk, għandu jingħad b’risposta għad-domandi li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza matul is-seduta, illi l-Kummissjoni ma ċaħditx illi l-użu ta’ effett ta’ lieva minn Tetra permezz ta’ l-aġir hawn fuq imsemmi jista’ jikkostitwixxi abbuż tal-pożizzjoni dominanti pre-eżistenti ta’ Tetra fis-swieq tal-kartun mhux settiku. Dan jista’ jkun ukoll il-każ, skond it-tħassib li espremiet il-Kummissjoni fir-risposta tagħha, f’sitwazzjoni fejn l-entità l-ġdida tirrifjuta li tipparteċipa fl-installazzjoni u f’kull konverżjoni neċessarja ta’ magni SBM ta’ Sidel, li tipprovdi servizzi ta’ wara l-bejgħ u li tirrispetta l-garanziji għal dawn il-magni meta jinbigħu minn konvertituri. Madankollu, skond il-Kummissjoni, il-fatt illi aġir partikolari jista’ jikkostitwixxi ksur awtonomu ta’ l-Artikolu 82 KE ma jipprekludix dak l-aġir milli jiġi kkunsidrat fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ta’ kwalunkwe mod kif jista’ jiġi eżerċitat effett ta’ lieva minħabba konċentrazzjoni.
159 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat illi, għalkemm ir-Regolament jipprovdi għall-projbizzjoni ta’ konċentrazzjoni li toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti li jkollha effetti antikompetittivi sinjifikattivi, dawn il-kundizzjonijiet ma jeħtiġux li jiġi ppruvat illi, bħala riżultat tal-konċentrazzjoni, l-entità l-ġdida ser tirrikorri għal aġir abużiv u illeċitu. Għalkemm, għalhekk, wieħed ma jistax jippreżumi li d-dritt Komunitarju mhux ser jiġi mħares mill-partijiet f’konċentrazzjoni tat-tip konglomerat, din il-possibiltà ma tistax tiġi eskluża mill-Kummissjoni meta twettaq il-kontroll tagħha ta’ konċentrazzjonijiet. Għaldaqstant, meta l-Kummissjoni, meta tkun qed tanalizza l-effetti ta’ konċentrazzjoni ta’ din ix-xorta, tibbaża ruħha fuq aġir prevedibbli li fih innifsu aktarx li jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti eżistenti, trid tevalwa jekk, minkejja l-projbizzjoni ta’ dan l-aġir, huwiex madankollu probabbli li l-entità maħluqa mill-konċentrazzjoni hijiex ser taġixxi b’dan il-mod jew jekk, għall-kuntrarju, in-natura illeċita ta’ dan l-aġir u/jew ir-riskju li dan l-aġir jiġi skopert irendux din l-istrateġija improbabbli. Filwaqt li għandha tikkunsidra, fl-evalwazzjoni tagħha, l-inċentivi biex jiġu adottati prattiċi antikompetittivi, bħal dawk li jirriżultaw f’dan il-każ fir-rigward ta’ Tetra mill-vantaġġi kummerċjali li jistgħu jiġu mbassra fis-swieq tat-tagħmir PET (premessa 359), il-Kummissjoni trid tikkunsidra wkoll kemm dawn l-inċentivi jistgħu jiġu mnaqqsa, jew saħansitra eliminati, minħabba l-illegalità ta’ l-aġir in kwistjoni, il-probabbiltà li jiġi skopert, l-azzjoni meħuda mill-awtoritajiet kompetenti, kemm fuq livell Komunitarju kif ukoll fuq livell nazzjonali, u l-penalitajiet finanzjarji li jistgħu jiġu imposti.
160 Billi l-Kummissjoni ma wettqitx din l-evalwazzjoni fid-deċiżjoni [kkontestata], isegwi li, billi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq il-possibiltà, jew saħansitra l-probabbiltà, illi Tetra ser tadotta dan l-aġir fis-swieq tal-kartun mhux settiku, il-konstatazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward ma jistgħux jiġu aċċettati.
161 Barra minn hekk, il-fatt illi r-rikorrenti pproponiet, f’dan il-każ, impenji dwar l-aġir futur tagħha huwa wkoll element illi l-Kummissjoni kellha tikkunsidra fl-evalwazzjoni tagħha dwar jekk kienx probabbli li l-entità l-ġdida kienet ser taġixxi b’mod li jirriżulta fil-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti f’suq wieħed jew f’diversi swieq rilevanti tat-tagħmir PET in kwistjoni. M’hemm ebda indikazzjoni fid-deċiżjoni [kkontestata] illi l-Kummissjoni kkunsidrat l-implikazzjonijiet ta’ dawn l-impenji meta evalwat il-ħolqien ta’ din il-pożizzjoni fil-futur permezz ta’ l-eżerċizzju ta’ l-effett ta’ lieva.
162 Isegwi minn dak li ntqal hawn fuq illi jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni bbażatx l-analiżi tagħha tal-probabbiltà ta’ effett ta’ lieva mis-swieq tal-kartun mhux settiku, u tal-konsegwenzi ta’ tali effett mill-entità l-ġdida, fuq provi konvinċenti. Matul dan l-eżami huwa neċessarju, f’dan il-każ, li jiġi kkunsidrat biss dak l-aġir illi, għall-inqas probabbilment, ma jkunx illeċitu. Barra minn hekk, billi l-pożizzjoni dominanti antiċipata għandha tinħoloq biss wara li jgħaddi ċertu żmien, sas-sena 2005 skond il-Kummissjoni, l-analiżi tagħha tal-pożizzjoni futura għandha, filwaqt li tippermetti ċertu marġni ta’ diskrezzjoni, tkun partikolarment plawżibbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
57 Fl-eżami dettaljat tagħha tal-modi kif jista’ jiġi eżerċitat l-effett ta’ lieva, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat hekk:
“217 Il-modi kif jista’ jiġi eżerċitat l-effett ta’ lieva li huma elenkati fil-premessa 364 tad-deċiżjoni [kkontestata] (iċċitata fil-punt 49 iktar ’il fuq) huma bbażati fuq il-pożizzjoni dominanti ta’ Tetra fis-swieq tal-kartun mhux settiku. Meta wieħed iqis b’mod partikolari l-impenn ta’ Tetra li twaqqaf l-attivitajiet tagħha fil-qasam tal-preforom, l-effett ta’ lieva jista’ jsir permezz ta’ żewġ tipi ta’ miżuri: minn naħa, permezz ta’ pressjoni li twassal għal bejgħ marbut jew bejgħ li jorbot tagħmir u konsumibbli għall-ippakkjar tal-kartun flimkien ma’ tagħmir ta’ l-ippakkjar tal-PET. Din il-pressjoni tista’ tiġi eżerċitata fuq il-klijenti ta’ Tetra li jkollhom bżonn ikomplu jużaw l-ippakkjar tal-kartun għal parti mill-produzzjoni tagħhom, u b’mod speċjali fuq dawk il-klijenti li għandhom ftehim fit-tul ma’ Tetra għall-ħtiġijiet tagħhom ta’ ppakkjar tal-kartun (premessa 365, iċċitata fil-punt 50 iktar ‘il fuq). Min-naħa l-oħra, jistgħu jiġu adottati miżuri li joffru inċentivi, bħal prezzijiet predatorji, kompetizzjoni ħarxa fil-prezzijiet u rifużjonijiet għal-lealtà.
218 Madankollu, l-użu ta’ pressjoni, bħal bejgħ imġiegħel, jew ta’ inċentivi, bħal prezzijiet predatorji jew rifużjonijiet għal-lealtà li ma jkunux iġġustifikati oġġettivament, minn impriża li jkollha pożizzjoni dominanti bħal dik ta’ Tetra fis-swieq tal-kartun mhux settiku, normalment jikkostitwixxi abbuż ta’ dik il-pożizzjoni. Kif diġà qalet din il-Qorti, il-possibbiltà li jiġu adottati dawn l-istrateġiji ma tistax tiġi preżunta mill-Kummissjoni, kif għamlet fid-deċiżjoni [kkontestata], sabiex tiġġustifika deċiżjoni li tipprojbixxi konċentrazzjoni li tkun ġiet innotifikata lilha skond ir-Regolament (ara l-punti 154 sa 162 iktar ’il fuq). Isegwi li l-modi kif jista’ jiġi eżerċitat effett ta’ lieva li jistgħu jiġu kkunsidrati mill-Qorti huma limitati għal dawk illi, għall-inqas probabbilment, ma jikkostitwixxux abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fis-swieq tal-kartun mhux settiku.
219 Għaldaqstant, għandhom jiġu kkunsidrati sempliċement l-istrateġiji relattivi għall-bejgħ marbut jew ta’ prodotti miġbura flimkien li m’huwiex fih innifsu mġiegħel, għar-rifużjonijiet ta’ lealtà li huma ġġustifikati oġġettivament fis-swieq tal-kartun, u għall-offerti ta’ prezzijiet imnaqqsa għat-tagħmir ta’ l-ippakkjar tal-kartun jew tal-PET li m’humiex predatorji skond it-tifsira ta’ ġurisprudenza stabbilita (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni, C-62/86, Ġabra p. I-3359, b’mod partikolari l-punti 102, 115, 156 u 157; sentenza ta’ l-14 ta’ Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq [C-333/94 P, Ġabra p. I-5951], punti 41 sa 44, li tikkonferma s-sentenza [tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-] 6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq [T-83/91, Ġabra p. II-755], u l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Fennelly fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, C-395/96 P u C-396/96 P, Ġabra p. I‑1365, I-1371, b’mod partikolari l-punti 123 sa 130). F’dan il-kuntest, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kkunsidratx l-impenn dwar is-separazzjoni bejn il-kumpanniji Sidel u Tetra Pak, li ġie miftiehem fil-prinċipju għal perijodu t’għaxar snin, li jistipula li m’għandha ssir ebda “offerta konġunta ta’ prodotti tal-kartun ta’ Tetra Pak flimken ma’ magni SBM ta’ Sidel” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
220 Barra hekk, huwa ċar mid-deċiżjoni [kkontestata] illi Tetra staqsiet lill-Kummissjoni biex tieħu nota ta’ l-obbligi eżistenti tagħha taħt l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni 92/163 […], li jgħid:
“Tetra Pak m’għandha la tadotta prezzijiet predatorji jew diskriminatorji u lanqas ma tagħti lil ebda klijent kwalunkwe forma ta’ skont fuq il-prodotti tagħha jew termini ta’ ħlas aktar favorevoli li ma jkunux iġġustifikati minn korrispettiv oġġettiv. B’hekk, skontijiet fuq il-kartun għandhom jingħataw biss skond il-kwantità ta’ kull ordni, u ordnijiet għal tipi differenti ta’ kartun ma jistgħux jiġu aggregati għal dak l-iskop.”
221 Minn dan isegwi li Tetra tat indikazzjoni ċara tar-rieda tagħha li tosserva bis-sħiħ l-obbligi speċjali tagħha imposti fuqha mill-Artikolu 82 KE b’riżultat tal-pożizzjoni dominanti li hija għandha fis-swieq tal-kartun mhux settiku. Hija tenniet ukoll l-aċċettazzjoni tagħha ta’ l-obbligi kollha rilevanti imposti fuqha wara l-konstatazzjoni fid-Deċiżjoni 92/163 ta’ ksur ta’ l-Artikolu 82 KE fir-rigward ta’ dawk is-swieq. Hija impenjat ruħha wkoll, fil-kuntest ta’ din il-kawża, li ma tagħmilx offerti konġunti tal-prodotti tal-kartun tagħha flimkien mal-magni SBM ta’ Sidel.
222 Għaldaqstant, l-uniċi metodi ta’ bejgħ marbuta jew ta’ prodotti miġbura flimkien li attwalment ikunu vijabbli għall-entità l-ġdida jikkonsistu f’offerti li jsiru minn Tetra lill-klijenti preżenti tagħha fis-swieq tal-kartun li ma jkunux obbligatorji jew mġiegħla u li jsiru biss fir-rigward ta’ tagħmir ta’ l-ippakkjar tal-kartun u/jew prodotti tal-kartun, minn naħa waħda, u tagħmir ta’ l-ippakkjar PET ħlief għal magni SBM, min-naħa l-oħra. Għandu jiġi osservat ukoll illi, minkejja l-enfasi li saret mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni [kkontestata] (premessi 177 u 369), l-osservazzjonijiet bil-miktub u t-trattazzjoni orali tagħha dwar l-importanza tal-kapaċità ta’ l-entità l-ġdida li toffri kważi t-tagħmir kollu meħtieġ għall-istabbiliment ta’ linja ta’ produzzjoni integrata għall-PET, huma ċar mill-impenji li mhux ser ikun possibbli għal dik l-entità li tagħmel offerta konġunta lil klijent għal tagħmir ta’ l-ippakkjar tal-kartun u linja ta’ produzzjoni integrata tal-PET, għall-inqas sakemm din ta’ l-aħħar ikun fiha magna SBM ta’ Sidel.
223 Barra minn hekk, għalkemm il-konklużjoni fid-deċiżjoni [kkontestata] dwar id-diskriminazzjoni fil-prezzijiet allegatament prattikata fl-imgħoddi minn Sidel m’hijiex, meta jitqiesu l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet u t-trattazzjonijiet orali tal-Kummissjoni dwar l-analiżi ekonometrika bażilari, ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, din ma tistax tikkostitwixxi evidenza konvinċenti biżżejjed illi l-entità ġdida ser tkompli taġixxi bl-istess mod. Din ta’ l-aħħar, għad-differenza ta’ Sidel qabel il-konċentrazzjoni, mhux biss ser tkun marbuta bl-impenji, iżda wkoll bid-diversi obbligi li jillimitaw l-aġir ta’ Tetra.
224 Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat illi l-mezzi miftuħa għall-entità l-ġdida biex teżerċita effett ta’ lieva huma pjuttost limitati. L-eżami tal-konsegwenzi prevedibbli li hija tirrokorri għal dan l-aġir għandu b’hekk jikkunsidra dan il-fatt” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
L-argumenti tal-partijiet
58 Il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, illi l-mod kif il-Qorti tal-Prim’Istanza indirizzat l-effetti ta’ konglomerat u l-aġir illeċitu ta’ Tetra jmur kontra l-Artikolu 2 tar-Regolament u l-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet b’mod ġenerali.
59 Hija targumenta li, qabel kollox, dan il-metodu jmur kontra l-interpretazzjoni raġonevoli ta’ l-Artikolu 2. Fil-fatt, kieku l-Artikolu 82 KE kien biżżejjed biex iwaqqaf l-abbużi, ma kienx ikun neċessarju li jsiru provvedimenti għall-kontroll a priori tal-konċentrazzjonijiet. Il-Kummissjoni tikkontesta b’mod partikolari l-punt 218 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet illi ‘il-possibiltà li jiġu adottati dawn l-istrateġiji [abużivi] ma tistax tiġi preżunta mill-Kummissjoni’, billi ssostni li, għall-kuntrarju, il-preżunzjoni li impriża f’pożizzjoni dominanti tista’ tikkunsidra li huwa razzjonali li teskludi l-kompetituri u/jew tisfrutta l-klijenti u b’hekk, f’xi każijiet, tasal biex tikser l-Artikolu 82 KE, hija kristallizzata fir-Regolament.
60 Il-Kummissjoni tikkunsidra, barra minn hekk, illi l-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Prim’Istanza hija żbaljata billi hija bbażata fuq distinzjonijiet bejn tipi differenti ta’ konċentrazzjonijiet mhux iġġustifikati u li jmorru kontra l-Artikolu 2 tar-Regolament. Hija tikkritika f’dan ir-rigward il-punt 154 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza adottat il-pożizzjoni li m’hijiex l-istruttura li tirriżulta mill- konċentrazzjoni nfisha li toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti fis-sens ta’ l-Artikolu 2(3), iżda l-aġir futur ta’ l-entità l-ġdida. Il-Kummissjoni ssostni li din il-konstatazzjoni hija inkonsistenti mal-punt 94 tas-sentenza Gencor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet illi konċentrazzjoni jkollha effett immedjat meta “seta’ jkollha l-effett dirett u immedjat li toħloq il-kundizzjonijiet li fihom l-abbużi mhux biss ikunu possibbli iżda wkoll ekonomikament razzjonali, minħabba li l-konċentrazzjoni tkun fixklet b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq billi tagħti lok għal bidla dejjiema fl-istruttura tas-swieq in kwistjoni’. Hija ssostni li m’hemm ebda ġustifikazzjoni biex issir distinzjoni, kif għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata, skond jekk il-pożizzjoni dominanti fit-tieni suq tinħoloqx immedjatament jew fuq medda ta’ żmien medju. Jekk mhux hekk, ikun hemm ir-riskju li konċentrazzjonijiet vertikali jew dawk b’effett ta’ konglomerat ma jaqgħux taħt l-iskop tar-Regolament billi dawn it-tipi ta’ konċentrazzjonijiet jagħtu lill-entità l-ġdida l-kapaċità li tuża – u tabbuża minn – il-pożizzjoni dominanti tagħha f’suq u l-inċentivi biex tagħmel hekk sabiex teskludi lill-kompetituri tagħha fit-tieni suq. Il-Kummissjoni tikkonkludi li, f’dan il-każ, kellu jiġi kkunsidrat illi l-konċentrazzjoni kienet ser tbiddel minnufih l-istruttura u l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni.
61 Fl-aħħar, il-Kummissjoni ssostni li hemm ostakli legali u prattiċi insuperabbli biex issir l-analiżi tad-diżinċentivi maħluqa min-natura illeċita ta’ ċerti prattiċi kummerċjali abużivi. Il-Kummissjoni tkun meħtieġa teżamina, mhux l-aspetti strutturali ta’ impriża, iżda l-propensità tagħha li tikkonforma mal-liġi. Din l-analiżi tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza u l-preżunzjoni ta’ l-innoċenza. Ikun impossibbli li jiġi applikat dan l-eżami billi jkun diffiċli li jiġi kkwantifikat ir-riskju, li jista’ jvarja skond kemm tkun stretta l-politika dwar il-kompetizzjoni f’kull Stat Membru. Minħabba l-grad ta’ prova meħtieġ mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni tikkonkludi li jkun impossibbli għaliha biex tikkontrolla konċentrazzjoijiet vertikali u dawk b’effett ta’ konglomerat sew skond ir-Regolament.
62 Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikoli 2 u 8(2) tar-Regolament meta kkonstatat illi kellha tikkunsidra l-impenji li tat Tetra dwar l-aġir tagħha. Hija tqabbel il-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 161 tas-sentenza appellata ma’ dik adottata fil-punti 316 u 317 tas-sentenza Gencor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet illi m’għandhomx jiġu meqjusa l-impenji dwar aġir meta l-konċentrazzjoni tkun tidher li aktarx ser toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti. Il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm impenji mhux strutturali jistgħu jkunu aċċettabbl f’ċerti każijiet, impenji li jammontaw sempliċement għal wegħda li wieħed jaġixxi b’ċertu mod, bħal per eżempju impenn li wieħed ma jabbużax minn pożizzjoni dominanti maħluqa jew imsaħħa mill-konċentrazzjoni proposta, m’humiex per se meqjusa li huma adattati biex jagħmlu l-konċentrazzjoni kumpatibbli mas-suq komuni.
63 Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat ħażin id-deċiżjoni kkontestata meta kkonstatat, fil-punt 161 tas-sentenza appellata, li ma kienx jirriżulta mid-deċiżjoni li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat l-implikazzjonijiet ta’ l-impenji ta’ Tetra fl-evalwazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni tenfasizza li hija evalwat dawk l-impenji iżda rrespinġiethom (premessi 423 sa 451 fid-deċiżjoni kkontestata). Il-Qorti tal-Prim’Istanza m’hijiex iġġustifikata meta tgħid illi d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest fl-evalwazzjoni fir-rigward tal-konklużjoni li l-konċentrazzjoni trid tiġi pprojbita, billi hija ma eżaminatx l-argumenti tal-Kummissjoni li l-impenji m’humiex vijabbli u, fi kwalunkwe każ, mhumiex biżżejjed biex isolvu l-problemi dwar il-kompetizzjoni li jinħolqu mill-konċentrazzjoni nnotifikata.
64 Għall-kuntrarju, Tetra ssostni, fl-ewwel lok, illi l-Qorti tal-Prim’Istanza m’għamlet ebda żball ta’ dritt meta esiġiet illi l-Kummissjoni tikkunsidra l-illegalità ta’ l-aġir abużiv. Il-kriterju applikat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 159 tas-sentenza appellata hu dak ta’ aġir razzjonali u prevedibbli ta’ impriża. Meta jiġi evalwat dan l-aġir, għandhom jiġu kkunsidrati kemm l-inċentivi biex jiġi adottat aġir illegali kif ukoll il-fatturi li jistgħu jnaqqsu, jew saħansitra jeliminaw, dawk l-inċentivi.
65 Tetra ssostni li l-paraguni li saru mas-sentenza Gencor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, huma rrilevanti. Hija ssostni li, f’dak il-każ, il-pożizzjoni dominanti kollettiva inħolqot immedjatament mill-konċentrazzjoni orizzonali, li m’hijiex is-sitwazzjoni fil-każ preżenti, fejn pożizzjoni dominanti tista’ tinħoloq biss wara ċertu perijodu ta’ żmien u teħtieġ aġir abużiv preċedenti.
66 Skond Tetra, l-interpretazzjoni tar-Regolament mill-Kummissjoni hija bbażata fuq il-premessa falza li l-iskop tiegħu hu li jostakola l-abbużi. Madankollu, isegwi mit-termini ta’ l-Artikolu 2(2) illi l-objettiv ta’ dak ir-Regolament hu li jiġi pprojbit il-ħolqien ta’ kull pożizzjoni dominanti li, minnha nfisha u mingħajr ebda abbuż, tirriżulta fil-ħolqien ta’ ostaklu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni.
67 Tetra ma tarax għalfejn għandu jkun hemm ostakli legali u prattiċi insuperabbli biex jiġi evalwat l-impatt tan-natura illegali ta’ ċertu aġir, jew kif din l-evalwazzjoni tippreżenta diffikultajiet differenti minn dawk relativi għall-evalwazzjoni ta’ inċentivi biex jiġi adottat aġir abużiv. Hija tosserva li l-Kummissjoni tikkunsidra lilha nfisha bħala perfettament kapaċi li tikkwantifika l-probabbiltà li tistabbilixxi ksur ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE u tieħu in kunsiderazzjoni din l-evalwazzjoni meta tiffissa l-multi.
68 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kunsiderazzjoni ta’ l-impenji tagħha, Tetra tenfasizza li l-punt 161 tas-sentenza appellata jikkonsisti sempliċement f’konstatazzjoni li l-Kummissjoni kien imissha kkunsidrat l-impenji proposti, meta evalwat l-aġir futur prevedibbli ta’ l-entità l-ġdida. Hija tiddikjara li Qorti tal-Prim’Istanza stess ma evalwatx l-impenji proposti u li f’ebda punt fis-sentenza appellata ma esiġiet, għall-kuntrarju ta’ kif qed tallega l-Kummissjoni, li din ta’ l-aħħar “tikkunsidra impenji dwar aġir li jikkonsistu sempliċement f’wegħdiet biex ma jiġix adottat aġir abużiv”.
69 Tetra ssostni li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tas-sentenza Gencor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, m’hijiex korretta. Għall-kuntrarju ta’ din l-interpretazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 319 ta’ dik is-sentenza, iddeċidiet illi l-kategorizzazzjoni ta’ impenji kienet irrilevanti u li l-impenji tagħhom dwar aġir jistgħu bl-istess mod ikunu kapaċi jwaqqfu l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti.
70 Fl-aħħar, Tetra tasserixxi li, għall-kuntrarju ta’ dak li qed tallega l-Kummissjoni, din ta’ l-aħħar ma wettqitx evalwazzjoni konkreta ta’ l-impatt ta’ l-impenji proposti mill-kumpannija, iżda sempliċement esprimiet oġġezzjoni ta’ prinċipju għat-trattament ta’ impenji dwar aġir bħala miżuri li jistgħu jikkostitwixxu mezz validu biex jiġi rrimedjat il-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens tar-Regolament.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq it-tieni aggravju
71 Għandu jiġi enfasizzat, qabel kollox, illi l-punti 148 sa 162 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni tikkontesta kemm taħt l-ewwel kif ukoll taħt it-tieni aggravju tagħha, jiffurmaw taqsima sħiħa fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeskriviet ċerti aspetti speċifiċi ta’ l-effetti ta’ konglomerat, b’mod partikolari aspetti temporali, u inferixxiet minnhom ċerti regoli ġenerali dwar il-provi li jridu jinġiebu mill-Kummissjoni meta hija tikkunsidra li konċentrazzjoni proposta trid tiġi ddikjarata inkumpatibbli mas-suq komuni.
72 Kien f’dan il-kuntest fejn ġiet imfakkra l-ħtieġa ta’ "evidenza konvinċenti" (convincing evidence) illi l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet referenza għall-obbligu li tiġi eżaminata l-informazzjoni rilevanti kollha.
73 Dan l-eżami għandu jsir fid-dawl ta’ l-iskop tar-Regolament, li hu li jiġi evitat il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti li tkun kapaċi tfixkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew parti sostanzjali minnu.
74 Billi d-deċiżjoni kkontestata tistabilixxi li l-adozzjoni ta’ l-aġir msemmi fil-premessa 364 tagħha huwa pass essenzjali biex jiġi eżerċitat effett ta’ lieva, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta meta kkonstatat illi l-probabbiltà li jiġi adottat dan l-aġir għandha tiġi eżaminata b’mod komplet, jiġifieri, billi jiġu kkunsidrati, kif stipulat fil-punt 159 tas-sentenza appellata, kemm l-inċentivi biex jiġi adottat dak l-aġir kif ukoll il-fatturi li jistgħu jnaqqsu, jew saħansitra jeliminaw, dawn l-inċentivi, inkluża l-possibiltà li dak l-aġir ikun illeċitu.
75 Madankollu, imur kontra l-iskop preventiv tar-Regolament jekk il-Kummissjoni tkun meħtieġa, kif ġie deċiż fl-aħħar sentenza tal-punt 159 tas-sentenza appellata, li teżamina, għal kull konċentrazzjoni proposta, kemm jistgħu jitnaqqsu jew saħansitra jiġu eliminati l-inċentivi biex jiġi adottat aġir anti-kompetittiv, minħabba l-illegalità ta’ l-aġir in kwistjoni, il-possibiltà li jiġi skopert, l-azzjoni meħuda mill-awtoritajiet kompetenti, kemm fuq livell Komunitarju u nazzjonali, kif ukoll il-penalitajiet finanzjarji li jistgħu jiġu imposti.
76 Fil-fatt, analiżi bħal dik mitluba mill-Qorti tal-Prim’Istanza tkun teħtieġ eżami eżawrjenti u ddettaljata tal-leġiżlazzjoni tad-diversi sistemi legali li jistħu jkunu applikabbli u tal-politika ta’ infurzar prattikata fihom. Barra minn hekk, biex tkun rilevanti, din l-analiżi teħtieġ probabbiltà kbira li l-atti previsti jistgħu jagħtu lok għal oġġezzjonijiet għaliex huma parti minn aġir anti-kompetittiv.
77 B’hekk isegwi li, fl-istadju ta’ l-evalwazzjoni ta’ konċentrazzjoni proposta, analiżi bl-iskop li jiġi ddeterminat jekk hemmx probabbiltà ta’ ksur ta’ l-Artikolu 82 KE u biex jiġi stabbilit li din ser tiġi ppenalizzata taħt bosta sistemi legali, tkun wisq spekulattiva u ma tippermettix lill-Kummissjoni tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq il-fatti rilevanti kollha sabiex tistabbilixi jekk dawn jappoġġawx xenarju ta’ żviluppi ekonomiċi bħal effett ta’ lieva.
78 Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ dritt meta rrespinġiet il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-adozzjoni, mill-entità l-ġdida, ta’ aġir antikompetittiv li jista’ jipproduċi effett ta’ lieva fuq l-unika bażi li l-Kummissjoni, meta evalwat il-probabbiltà li jiġi adottat dak l-aġir, naqset milli tikkunsidra l-illegalità ta’ dak l-aġir, u b’hekk, il-probabbiltà li dan jiġi skopert, li tittieħed azzjoni mill-awtoritajiet kompetenti kemm fuq livell Komunitarju kif ukoll nazzjonali, u li jiġu imposti penalitajiet finanzjarji. Madankollu, billi s-sentenza appellata hija bbażata wkoll fuq in-nuqqas li jiġu kkunsidrati l-impenji proposti minn Tetra, jeħtieġ li jiġi ezaminat ukoll it-tieni aggravju.
79 Fir-rigward ta’ l-argument illi l-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet pożizzjoni differenti minn dik fis-sentenza Gencor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jingħad illi, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, mhuwiex veru li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tatx kas il-pożizzjoni li kienet ħadet fil-punt 94 ta’ dik is-sentenza, fejn kienet qalet illi jkun hemm tfixkil sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva jekk ikun hemm bidla dejjiema fl-istruttura tas-swieq rilevanti minħabba li konċentrazzjoni jkollha l-effett dirett u immedjat li toħloq kundizzjonijiet li fihom l-aġir abużiv ikun possibbli u ekonomikament razzjonali.
80 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat illi l-fatti fil-kawża li tat lok għas-sentenza Gencor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kienu għal kollox differenti minn dawk indirizzati fid-deċiżjoni kkontestata. Kif jirriżulta b’mod ċar mill-punt 91 ta’ dik is-sentenza, il-konċentrazzjoni kienet ser twassal għall-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti duopolistika fis-swieq tal-platinu u r-rodju, u minħabba f’hekk il-kompetizzjoni effettiva kienet ser tiġi mfixkla b’mod sinjifikattiv fis-suq komuni.
81 B’hekk, f’dak il-każ, il-konċentrazzjoni kienet ser tagħti lok għal bidla dejjiema fl-istruttura tas-swieq rilevanti, ħaġa li kienet ser tagħmel l-abbużi possibbli u ekonomikament razzjonali.
82 F’dan il-każ, huwa minnu li l-konċentrazzjoni nnotifikata kienet kapaċi tbiddel kemmxejn l-istruttura tas-suq tal-kartun billi l-entità l-ġdida setgħat issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti li Tetra kellha għal żmien twil f‘dak is-suq u li, barra minn hekk, kienet soġġetta għal deċiżjoni tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 82 KE. Madankollu, permezz tal-projbizzjoni tal-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni ma kellhiex l-intenzjoni li tipproteġi l-kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-kartun, iżda l-kompetizzjoni fis-suq ta’ tagħmir tal-PET, b’mod partikolari dak tal-magni SBM ta’ kapaċità dgħajfa u għolja użati għal prodotti sensittivi.
83 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-istruttura ta’ dan l-aħħar imsemmi suq ma kinitx ser tiġi affetwata immedjatament u direttament mill-konċentrazzjoni nnotifikata, iżda setgħat tiġi affetwata b’dan il-mod biss b’riżultat ta’ l-effett ta’ lieva, u b’mod partikolari, ta’ l-aġir abużiv mill-entità l-ġdida fis-suq tal-kartun.
84 Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li s-sitwazzjoni eżaminata fil-kawża li tat lok għas-sentenza Gencor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, m’hijiex paragunabbli biżżejjed ma’ dik li dwarha ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata sabiex il-Qorti tkun tista’ tiddeduċi minnha indikazzjonijiet utli. Fil-każ Gencor vs Il-Kummissjoni, l-istruttura tas-suq li fih il-Kummissjoni riedet tippreżerva l-kompetizzjoni effettiva permezz tad-deċizjoni kkontestata kienet ġiet mibdula direttament mill-konċentrazzjoni, filwaqt li f’dan il-każ, din tista’ tinbidel biss jekk jiġi eżerċitat effett ta’ lieva.
85 Rigward il-kunsiderazzjoni ta’ l-impenji dwar aġir proposti minn Tetra, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet iġġustifikata meta rrilevat, fil-punt 161 tas-sentenza appellata, illi l-fatt illi Tetra kienet, f’dan il-każ, ipproponiet impenji dwar l-aġir futur tagħha kien fattur illi l-Kummissjoni kellha tikkunsidra meta tevalwa l-probabbiltà li l-entità l-ġdida taġixxi b’tali mod li jagħmilha possibbli li tinħoloq pożizzjoni dominanti f’suq wieħed jew f’diversi swieq tat-tagħmir tal-PET ikkonċernati.
86 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għall-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 318 u 319 tas-sentenza Gencor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq. Għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, ma jirriżultax minn dik is-sentenza li l-Qorti tal-Prim’Istanza eskludiet il-kunsiderazzjoni ta’ impenji dwar aġir. Għall-kuntrarju, fil-punt 318, il-Qorti tal-Prim’Istanza stabbilixxiet il-prinċipju li l-impenji proposti mill-impriżi kkonċernati għandhom jippermettu lill-Kummissjoni biex tikkonkludi li l-konċentrazzjoni in kwistjoni mhux ser toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti fis-sens ta’ l-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament. Fil-punt 319, hija inferixxiet minn dak il-prinċipju li l-kategorizzazzjoni ta’ impenn propost bħala ta’ aġir jew strutturali hija irrilevanti u li ma tistax tiġi eliminata awtomatikament il-possibbiltà li impenji li fuq bażi prima facie huma relatati ma’ l-aġir, bħal per eżempju li ma jsirx użu minn trade mark għal ċertu perijodu jew li parti mill-kapaċità produttiva ta’ l-entità li tinħoloq minn konċentrazzjoni titpoġġa għad-dispożizzjoni ta’ kompetituri terzi jew, b’mod aktar ġenerali, li jingħata aċċess għal faċilitajiet essenzjali fuq termini mhux diskriminatorji, jistgħu wkoll ikunu kapaċi jostakolaw il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti.
87 Rigward l-eżami tal-kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni ta’ l-impenji dwar l-aġir, il-Qorti tal-Prim’Istanza sempliċement ikkonstatat, fil-punt 161 tas-sentenza appellata, li m’hemm ebda indikazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni kkunsidrat l-implikazzjonijiet ta’ dawk l-impenji meta evalwat il-possibiltà li pożizzjoni dominanti tista’ tinħoloq fil-futur permezz ta’ l-effett ta’ lieva.
88 Madankollu, ma jirriżultax illi l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat ħażin id-deċiżjoni kkontestata jew naqset milli tagħti raġunijiet sodisfaċenti għas-sentenza appellata f’dan ir-rigward. Fil-fatt, jirriżulta mill-premessi 429 sa 432 tad-deċiżjoni kkontestata li huma l-uniċi premessi li jirrigwardaw l-impenji dwar aġir ta’ Tetra, illi l-Kummissjoni rrifjutat li taċċetta dawn l-impenji, fuq punt ta’ prinċipju, u kkonstatat, fil-premessa 429, illi ‘bħala tali, dawn m’humiex adattati biex jerġgħu jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva fuq bażi permanenti […], billi ma jindirizzawx il-problema ta’ bidla permanenti fl-istruttura tas-suq maħluqa mill-konċentrazzjoni nnotifikata”, u, fil-premessa 431, qalet illi “dawn il-wegħdiet dwar l-aġir imorru kontra l-politika ddikjarata tal-Kummissjoni dwar miżuri korrettivi u l-iskop tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet innifsu […] u huwa ferm diffiċli, jekk mhux għal kollox impossibbli, biex jiġu kkontrollati b’mod effettiv”.
89 Isegwi mill-eżami tat-tieni aggravju fit-totalità tiegħu li, għalkemm il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ dritt meta rrespinġiet il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-adozzjoni, mill-entità l-ġdida, ta’ aġir li aktarx jista’ jwassal għall-effett ta’ lieva, hija madankollu kienet korretta meta kkonstatat, fil-punt 161 tas-sentenza appellata, illi l-Kummissjoni kien imissha kkunsidrat l-impenji proposti minn Tetra fir-rigward ta’ l-aġir futur tagħha. Għaldaqstant, filwaqt li l-aggravju huwa parzjalment fondat, ma jistax iqajjem dubji dwar is-sentenza appellata fil-parti li annullat id-deċiżjoni kkontestata, billi dan l-annullament kien ibbażat b’mod partikolari fuq ir-rifjut tal-Kummissjoni li tikkunsidra dawk l-impenji.
It-tielet aggravju
90 Permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ dritt meta applikat kriterju żbaljat ta’ stħarriġ ġudizzjarju u kisret l-Artikolu 2 tar-Regolament meta kkonstatat, fil-punt 269 tas-sentenza appellata, illi “id-deċiżjoni [kkontestata] ma tipprovdix provi biżżejjed biex jiġġustifikaw id-definizzjoni ta’ swieq sekondarji distinti fost il-magni SBM skond l-użu finali tagħhom” u li, “għaldaqstant, l-uniċi swieq sekondarji li għandhom jiġu kkunsidrati huma dawk għal magni ta’ kapaċità dgħajfa u għolja”.
L-argumenti tal-partijiet
91 Il-Kummissjoni tfakkar illi d-definizzjoni tas-swieq għall-magni SBM hija aspett fondamentali tad-deċiżjoni kkontestata. Hija ssostni li l-proporzjon tas-suq rilevanti irrappreżentat minn klijentela komuni għall-PET u l-kartun, li fir-rigward tiegħu Tetra aktarx li ser tisfrutta l-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq tal-kartun permezz ta’ l-effet ta’ lieva, għandu influwenza deċiżiva fuq il-probabbiltà ta’ eliminazzjoni tal-kompetituri u ta’ dominazzjoni ta’ dak is-suq mill-entità l-ġdida.
92 Il-Kummissjoni tindika li, fil-premessi 176 sa 183 tad-deċiżjoni kkontestata, li huma ssupplimentati mill-premessi 347 sa 358 u 381 sa 383, hija ddefinixxiet is-swieq distinti għall-magni SBM skond jekk jintużawx għall-ippakkjar ta’ prodotti sensittivi jew mhux sensittivi, billi bbażat ruħha fuq fatturi marbuta kemm mal-provvista kif ukoll mad-domanda. Fir-rigward ta’ din ta’ l-aħħar, il-premessa 178 fid-deċiżjoni kkontestata tgħid hekk:
“Fi kwalunkwe każ, grupp distint ta’ klijenti għall-prodott in kwistjoni jista’ jikkostitwixxi suq ta’ prodotti aktar strett u distint meta dan il-grupp ikun soġġett għal diskriminazzjoni fil-prezzijiet. Dan normalment ikun il-każ meta jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet: a) ikun possibbli li jiġi identifikat b’mod ċar il-grupp li għalih jappartjeni klijent individwali fil-mument meta jixtri l-prodotti in kwistjoni u b) il-kummerċ bejn klijenti jew arbitraġġ minn terzi ma jkunx possibbli.”
93 Fil-punt 259 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġabret fil-qosor l-argumentazzjoni żviluppata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, liema ġabra fil-qosor m’hijiex ikkontestata mill-Kummissjoni, b’dan il-mod:
“Fid-deċiżjoni [kkontestata], il-Kummissjoni tistabbilixxi, l-ewwel nett, illi ‘anki għal tagħmir allegatament ‘ġeneriku’ bħal magna SBM, huwa ġġustifikat li jiġi eżaminat is-suq tat-tagħmir skond is-segmenti ta’ użu finali’, li huwa ‘saħansitra aktar rilevanti meta jiġu mqabbla sistemi sħaħ ta’ l-ippakkjar sabiex jiġi evalwat jekk jistgħux jappartjenu jew le lill-istess suq ta’ prodotti’ (premessa 43). Hija tkompli biex tgħid illi kull prodott likwidu intenzjonat għall-ippakkjar għandu ‘il-karatteristiċi partikolari tiegħu li jiddettaw id-disponibbiltà tiegħu biex tintuża forma partikolari ta’ ppakkjar’, qabel ma kkonkludiet illi s-segmentazzjoni skond l-użu finali tikkostitwixxi għodda analitika utli għall-evalwazzjoni tas-suq tat-tagħmir ta’ l-ippakkjar ta’ l-ikel likwidu (premessa 44, iċċitata iktar ‘il fuq fil-punt 30). B’hekk hija tiddistingwi bejn prodotti sensittivi li jappartjenu lil “segmenti ta’ prodotti komuni” u l-prodotti l-oħrajn, fuq il-bażi tal-kapaċità ta’ dawn ta’ l-ewwel li jiġu ppakkjati, għall-inqas minn perspettiva teknika, kemm fil-kartun kif ukoll fil-PET, għall-kuntrarju ta’ prodotti mhux sensittivi bħall-ilma u xarbiet bil-gass, li ma jistgħux jiġu ppakkjati fil-kartun (premessa 58). Filwaqt li taċċetta li ‘l-maġġoranza tal-magni SBM huma ‘ġeneriċi’’ (premessa 177), il-Kummissjoni tistqarr fl-istess premessa li ‘linja ta’ ppakkjar PET, li fi ħdanha magna SBM hija biss komponent wieħed, normalment tiġi adattata speċifikament għall-prodotti speċifiċi li jimtlew mill-klijent”, li huwa speċjalment il-każ għal prodotti sensittivi, argument mtenni fl-evalwazzjoni tagħha tal-konsegwenzi ta’ l-effett ta’ lieva (premessa 369). Hija tirreferi permezz ta’ eżempju għall-‘SRS G Combi’ ta’ Sidel, ‘li huwa ddisinnjat għal xarbiet bil-gass [u li] ma jistax ikun sostitut għal produttur tax-xarbiet li jixtieq jimlihom bil-meraq’ (premessa 177), li teħtieġ magna mhux settika “Combi SRA”. B’referenza għall-Avviż tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-iskopijiet tad-dritt Komunitarju dwar il-kompetizzjoni (ĠU 1997 C 372, p. 5, punt 43), hija mbagħad tikkonstata li ż-żewġ kundizzjonijiet li normalment iridu jiġu sodisfatti biex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ grupp distint ta’ klijenti u b’hekk ta’ suq ta’ prodotti aktar strett, huma sodisfatti f’dan il-każ: jiġifieri l-possibbiltà li jiġi identifikat b’mod preċiż għal liema grupp jappartjeni klijent partikolari fil-mument meta jixtri magna SBM, u l-fatt li l-kummerċ fil-magni bejn klijenti jew arbitraġġ minn terzi relativi għal dawn il-magni m’humiex vijabbli (premessa 178).’
94 Fil-punti 260 sa 269 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet:
“260 Il-Qorti tikkonstata, fl-ewwel lok, illi l-enfasi li saret fid-deċiżjoni kkontestata fuq il-prodotti sensittivi li jappartjenu lil ‘segmenti ta’ prodotti komuni’ hija bbazata fuq kriterju oġġettiv, jiġifieri l-fatt illi dawn il-prodotti jappartjenu għall-kategorija ta’ prodotti ppakkjati fil-kartun u l-possibiltà, għall-inqas minn perspettiva teknika, li jiġu ppakkjati f’PET, kapċità li, fid-dawl taż-żieda mistennija (ara l-punti 201 sa 216 iktar ’il fuq), aktarx li ssir realtà kkummerċjali pjuttost mifruxa minn issa sas-sena 2005, għall-inqas għax-XTF u xarbiet tat-tè jew tal-kafè.
261 Madankollu, id-deċiżjoni [kkontestata] ma tagħtix provi konvinċenti biżżejjed biex turi l-karatteristiċi allegatament speċifiċi tal-magni SBM użati għall-ippakkjar ta’ prodotti sensittivi. Naturalment, magna kkombinata li tkun ddisinnjata speċifikament għall-mili ta’ xarbiet bil-gass ma tistax tintuża għall-meraq. Madankollu, dan żgur m’huwiex prova biżżejjed illi magni SBM ta’ kapaċità dgħajfa u għolja, anki dawk adattati speċifikament qabel il-bejgħ għax-xewqiet speċifiċi tax-xerrejja tagħhom, m’humiex xorta waħda magni ġeneriċi, kif sostniet essenzjalment ir-rikorrenti, jiġifieri, kapaċi li jintużaw għall-ippakkjar ta’ diversi tipi ta’ prodotti
262 Rigward l-ispeċifiċità allegata ta’ forom ta’ l-ippakkjar skond il-prodott intenzjonat għalihom, kif sostniet il-Kummissjoni, filwaqt li r-rikorrenti ma tikkontestax illi n-numru ta’ forom jiddetermina l-kapaċità tal-magna, din l-ispeċifiċità ma tippruvax illi l-magni SBM, li tagħhom il-forom huma biss komponent, ivarjaw b’mod sinjifikattiv minn xulxin. Huwa ċar min-notifika li l-forom jibqgħu tajbin għal madwar tliet snin, filwaqt li magna SBM tibqa’ tajba għal 15-il sena (punt 304). Għalkemm Sidel timmanifattura l-forom tagħha stess, id-deċiżjoni [kkontestata] ma tikkontestax l-informazzjoni fuq is-suq tal-forom ipprovduta fin-notifika, skond liema Sidel m’hijiex attiva f’dak is-suq (jiġifieri, bħala fornitriċi ta’ forom lil terzi) u l-kompetizzjoni fost dawk l-impriżi li huma attivi fih hija ferm qawwija, b’mod speċjali minn SIG, li tiddikjara fuq is-sit ta’ l-internet tagħha li għandha pożizzjoni ewlenija f’dan is-suq partikolari (punt 309).
263 Barra minn hekk, id-deċiżjoni [kkontestata] lanqas ma tqajjem dubji dwar id-dikjarazzjoni fin-notifika li, f’installazzjoni kbira, klijent jista’ juża diversi magni SBM biex jużahom flimkien biex jissodisfa l-ħtiġijiet differenti ta’ produzzjoni. Id-deċiżjoni [kkontestata] ma fiha ebda eżami dwar jekk il-flessibbiltà meħtieġa minn xi klijenti fir-rigward tal-forom tal-magni SBM tistax tiġi spjegata skond il-ħtiġijiet relatati ma’ dan l-użu.
264 Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tirreferi għal għadd ta’ modifiki li jistgħu jsiru f’magna SBM biex tittejjeb il-prestazzjoni tagħha jew sabiex din issir aktar utli f’linja ta’ produzzjoni integrata tal-PET, bħaż-żieda ta’ sistema speċjali ta’ filtrazzjoni ta’ l-arja minfuħa jew trattament ultravjola biex jitnaqqas ir-riskju ta’ kontaminazzjoni qabel ma l-preforom jidħlu fil-magna SBM. Matul is-seduta, il-Kummissjoni spjegat illi dawn il-bidliet huma prova tal-karatteristiċi ferm speċifiċi ta’ magna SBM użata f’linja ta’ l-ippakkjar tal-PET li għaliha tirreferi d-deċiżjoni [kkontestata] (premessa 177). Tetra, waqt li tikkontesta l-metodu tal-Kummissjoni li jattribwixxi karatteristiċi speċifiċi ta’ komponenti oħrajn ta’ linja ta’ produzzjoni tal-PET għal magni SBM, madankollu stqarret illi dawn il-bidliet jirrappreżentaw biss 5% tal-prezz ta’ magna SBM.
265 Għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, illi d-deċiżjoni [kkontestata] ma tagħmel ebda referenza għal din l-informazzjoni. Għalkemm id-deċiżjoni korettament tisħaq dwar l-importanza tal-ħtiġijiet individwali tal-klijenti li jkunu jeħtieġu, b’mod partikolari, linja ta’ ppakkjar mhux settiku tal-PET, jiġifieri garanzija bażika ta’ kundizzjonijiet mhux settiċi, dan ma jistax jiġġustifika d-definizzjoni ta’ suq sekondarju distint għal magni SBM użati fil-linji ta’ ppakkjar għall-prodotti sensittivi in kwistjoni. Is-sempliċi fatt illi kull magna SBM trid tiġi installata f’linja tal-PET sabiex tkun utli għax-xerrej tagħha ma jiġġustifikax il-fatt illi karatteristiċi speċifiċi ta’ tagħmir ieħor PET f’dik il-linja, u b’mod partikolari dak ta’ ppakkjar PET mhux settiku, għandhom jiġu attribwiti lill-magni SBM infushom.
266 Għaldaqstant, aktar hemm lok li wieħed jaċċetta n-natura ġenerika tal-magni SBM, billi matul is-seduta l-Kummissjoni ma kinitx kapaċi tikkonfuta l-affermazzjoni ta’ Tetra dwar il-prezz relattivament baxx, meta mqabbel mal-prezz ta’ l-hekk imsejħa magna SBM “standard”, b’mod speċjali magna SBM ta’ kapaċità qawwija, tal-modifiki meħtieġa, jekk ikun hemm bżonn, sabiex il-magna ssir aktar kumpatibbli għal użu ma’ magni ta’ ppakkjar tal-PET mhux settiku u settiku, jew possibilment ma’ magni ta’ ppakkjar mhux settiku li huma kapaċi jikkonvetu mill-PET għall-HDPE.
267 Barra hekk, il-partijiet jaqblu li l-magni kkumbinati, li għadhom s’issa rarament jintużaw għal ippakkjar mhux settiku (ara l-punti 248 u 249 iktar ‘il fuq), ma jikkostitwixxux suq distint, kif jirriżulta wkoll b’mod ċar mid-deċiżjoni [kkontestata].
268 Rigward il-possibbiltà li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni għal liema grupp jappartjeni klijent partikolari meta jixtri magna SBM u jekk dak il-konsumatur jistax, għall-inqas bħalissa fi ħdan iż-[Żona Ekonomika Ewropea], isib prezz aħjar permezz ta’ arbitraġġ bejn il-fornituri disponibbli, huwa ċar illi dawn il-possibiltajiet, jekk jiġu stabbiliti, japplikaw kemm għall-magni SBM użati għal prodotti mhux sensittivi kif ukoll għal dawk użati għall-ippakkjar ta’ prodotti sensittivi. Il-possibbiltà għall-entità l-ġdida biex tidentifika l-grupp li għalih jappartjeni klijent hija dovuta għall-fatt li bosta klijenti fis-swieq tal-kartun li jeqilbu għall-PET ser ikunu klijenti attwali ta’ Tetra. Madankollu, dan il-benefiċċju possibbli, li jirriżulta mill-vantaġġ ta’ ‘min jasal l-ewwel’ li l-entità l-ġdida aktarx li ser ikollha, ma jeskludix li dawk il-klijenti jistgħu jduru għal fornituri oħrajn ta’ magni SBM jekk ma jibqgħux sodisfatti bil-kundizzjonijiet offruti mill-imsemmija entità.
269 Fuq il-bażi tal-provi mogħtija fid-deċiżjoni [kkontestata], il-Kummissjoni għamlet żball, minn naħa waħda, meta kkonstatat illi l-magni SBM huma ‘fil-biċċa l-kbira tagħhom, ‘ġeneriċi’’ (premessa 177), u min-naħa l-oħra meta għamlet distinzjoni bejniethom skond l-użu finali tagħhom. Fil-fatt, id-deċiżjoni [kkontestata] ma tipprovdix biżżejjed provi biex tiġġustifika d-definizzjoni ta’ swieq sekondarji distinti fost il-magni SBM skond l-użu finali tagħhom. Għaldaqstant, l-uniċi swieq sekondarji li għandhom jiġu kkunsidrati huma dawk għal magni ta’ kapaċità dgħajfa u għolja” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
95 Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ dritt meta esiġiet, fil-punt 265 tas-sentenza appellata, illi hija tippreżenta fid-deċiżjoni kkontestata l-informazzjoni teknika kollha miġbura matul l-investigazzjoni tagħha. Hija tfakkar f’dan ir-rigward illi l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-mod kif inhi miktuba iżda wkoll tal-kuntest tagħha, u, b’mod partikolari, tal-grad ta’ għarfien preċedenti tal-fatti rilevanti u ż-żmien disponibbli biex tittieħed dik id-deċiżjoni.
96 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza marret ultra vires il-poteri tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjarju, interpretat ħażin id-deċiżjoni kkontestata u sostitwiet l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni, mingħajr ma tat spjegazzjoni għar-rifjut ta’ l-analiżi ta’ din ta’ l-aħħar, meta kkunsidrat, fil-punt 265, ill l-ħtieġa għal garanzija ta’ kundizzjonijiet mhux settiċi ma tiġġustifikax id-definizzjoni ta’ suq sekondarju distint għall-magni SBM użati fil-linji ta’ ppakkjar għall-prodotti sensittivi in kwistjoni. Bl-istess mod, fil-punt 266 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrespinġiet l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-importanza ta’ l-adattament tal-magni SBM biex jintużaw għall-ippakkjar mhux settiku fuq l-unika bażi ta’ l-informazzjoni dwar l-ispiża għall-adattament meħtieġ, mingħajr ma eżaminat il-fatturi l-oħrajn li ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni, li jinkludu l-kwistjoni dwar jekk il-fornituri ta’ magni SBM lill-klijenti tradizzjonali fis-setturi ta’ l-ilma u tax-xarbiet mhux alkoħoliċi bil-gass għandhomx il-ħila esperta meħtieġa biex jadattaw il-magni u biex joffru l-garanziji meħtieġa.
97 Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll ir-rifjut ta’ l-argument tagħha li d-diskriminazzjoni fil-prezzijiet tista’ tikkostitwixxi prova ta’ l-eżistenza ta’ swieq sekondarji distinti. Fil-punt 223 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet tal-fehma li din id-diskriminazzjoni, allegatament prattikata minn Sidel fl-imgħoddi, ma tistax tikkostitwixxi prova biżżejjed konvinċenti li l-entità l-ġdida ser tkompli taġixxi bl-istess mod billi dik l-entità, għall-kuntrarju ta’ Sidel qabel il-konċentrazzjoni, tkun marbuta mhux biss mill-impenji, iżda wkoll mid-diversi obbligi li jillimitaw l-aġir ta’ Tetra. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ dritt għal tliet raġunijiet. L-ewwel raġuni hi li, skond il-Kummissjoni, id-diskriminazzjoni fil-prezzijiet minnha nfisha hija prova ta’ l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet distinti ta’ provvista u domanda fir-rigward tal-bejgħ ta’ prodott lil klijenti differenti u b’hekk il-prova ta’ l-eżistenza ta’ swieq distinti. It-tieni raġuni tirriżulta mill-fatt illi l-Qorti tal-Prim’Istanza esiġiet illi l-Kummissjoni ma tikkunsidrax l-aġir illeċitu, minkejja li dan ikun ekonomikament razzjonali. It-tielet raġuni mressqa mill-Kummissjoni hi li, kif isegwi mill-punti 161 u 162 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tikkunsidra l-pożizzjoni dominanti ta’ Tetra fis-suq tal-kartun u ddeċidiet fuq il-bażi li l-entità l-ġdida mhux ser ikollha pożizzjoni dominanti fuq is-suq tal-PET u li, għaldaqstant, kull diskriminzzjoni fil-prezz f‘dak is-suq ma tistax tikkostitwixxi abbuz ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens ta’ l-Artikolu 82 KE.
98 Fl-aħħar, il-Kummissjoni tikkritika l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li ser ikun possibbli li l-klijenti jduru għal fornituri differenti minn Tetra. Hija tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza injorat l-argumenti tagħha dwar l-impossibilità ta’ arbitraġġ fir-rigward ta’ magni ta’ l-istess fornitur (xiri ta’ magni użati u trasferiment, fi ħdan impriża waħda, ta’ magna minn taqsima ta’ ‘prodotti mhux sensittivi’ għal taqsima ta’ ‘prodotti sensittivi’).
99 Tetra ssostni, b’mod ġenerali, illi dan l-aggravju għandu jiġi ddikjarat inammissibbli billi jirrigwarda konstatazzjonijiet ta’ fatt.
100 Hija tfakkar illi, fil-premessa 177 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stess ammettiet illi l-magni SBM huma ‘ġeneriċi’, u li hija l-linja ta’ l-ippakkjar PET li tiġi adattata speċfikament għall-prodotti ppakkjati mill-klijent. Hija ssostni li huwa inutli li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq informazzjoni li ma tinsabx fid-deċiżjoni kkontestata billi, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, deċiżjoni trid tinkludi l-elementi fattwali u legali kollha li fuqhom il-Kummissjoni tkun ibbażat il-konstatazzjonijiet tagħha sabiex tippermetti li jsir stħarriġ ġudizzjarju effettiv ta’ dik id-deċiżjoni. Id-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda referenza għall-ħtieġa li l-magna SBM titqies bħala element ta’ linja ta’ l-ippakkjar ta’ tip partikolari. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza wieġbet l-argumenti kollha mressqa mill-Kummissjoni matul il-proċeduri ġudizzjarji. B’hekk, il-punt 226 tas-sentenza appellata jwieġeb l-argument il-ġdid invokat mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha.
101 Tetra tikkunsidra li l-Kummissjoni ħadet il-punt 223 tas-sentenza appellata barra mill-kuntest tiegħu. F’dak il-punt, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma rreferietx għall-possibbiltà li wieħed jinvoka d-diskriminazzjoni fil-prezzijiet biex iġib prova li hemm swieq distinti, iżda sempliċement eżaminat jekk l-aġir ta’ Sidel fl-imgħoddi kienx jikkostitwixxi prova biżżejjed konvinċenti li l-entità l-ġdida kienet ser tkompli taġixxi bl-istess mod. Kien biss fil-punti 258 sa 269 ta’ dik is-sentenza li l-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat id-definizzjoni tas-suq.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq it-tielet aggravju
102 Fl-ewwel lok, għandu jiġi respint bħala inapplikabbli l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt illi l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punt 265 tas-sentenza appellata, illi ma saret ebda referenza fid-deċiżjoni kkontestata għal ċerti spejgazzjonijiet tekniċi tal-karatteristiċi li allegatament huma ferm partikolari tal-magni SBM użati fil-linji ta’ l-ippakkjar tal-PET, spejgazzjonijiet li l-Kummissjoni pprovdiet biss fir-risposta tagħha u matul is-seduta. Meta fil-fatt wieħed jaqra l-punti 266 u 267 tas-sentenza appellata, jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma bbażatx il-konstatazzjonijiet tagħha biss fuq il-fatt illi ma kienx hemm prova konvinċenti biżżejjed fid-deċiżjoni kkontestata tal-karatteristiċi allegtament partikolari ta’ dawk il-magni, iżda kkunsidrat l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha u matul is-seduta, u wieġbet għalihom.
103 Għandu jiġi respint ukoll bħala rrilevanti l-argument illi l-Qorti tal-Prim’Istanza allegatament ma aċċettatx illi d-diskriminazzjoni fil-prezzijiet hija prova ta’ l-eżistenza ta’ swieq sekondarji distinti. Meta wieħed fil-fatt jaqra l-aħħar sentenza tal-punt 259 u l-punt 268 tas-sentenza appellata, jirriżulta ċar illi, fir-rigward tad-definizzjoni ta’ swieq distinti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ddeċidietx dwar il-prova diretta ta’ diskriminazzjoni fil-prezzijiet iżda ffukat l-analiżi tagħha fuq iċ-ċirkustanzi li fihom il-possibbiltà ta’ diskriminazzjoni fil-prezzijiet tista’ titqies li ġiet ippruvata. Dawk iċ-ċirkustanzi huma ddefiniti fil-premessa 178 tad-deċiżjoni kkontestata bħala l-possibbiltà li jiġi identifikat bi preċiżjoni l-grupp li għalih ikun jappartjeni klijent partikolari, u l-impossibbiltà li jsir kummerċ fost il-klijenti jew arbitraġġ minn terzi.
104 Rigward l-argumenti l-oħrajn sollevati mill-Kummissjoni in sostenn tat-tielet aggravju tagħha, li permezz tagħhom tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar in-natura ġenerika tal-magni SBM, il-possibbiltà li jiġi identifikat il-grupp li għalih jappartjeni klijent u l-impossibilità ta’ kummerċ fost klijenti jew arbitraġġ minn terzi fir-rigward ta’ dawk il-magni, dawn għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli billi jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-provi mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li ma tistax tiġi soġġetta għal stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fi proċeduri ta’ appell.
105 Isegwi minn dawn il-kunsiderazzjonijiet illi t-tielet aggravju huwa, in parti inammissibbli, u in parti, infondat.
Ir-raba’ aggravju
106 Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 2 tar-Regolament, interpretat b’mod ħażin il-fatti u naqset milli tikkunsidra ċerti argumenti minn tagħha billi rrifjutat li tirrokonoxxi l-mertu tal-konstatazzjoni tagħha li Tetra kienet ser issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-settur tal-kartun.
107 Il-premessi 390 sa 401 tad-deċiżjoni kkontestata huma intenzjonati li juru li l-pożizzjoni dominanti li għandha Tetra fis-settur tal-kartun tista’ tissaħħaħ mill-konċentrazzjoni nnotifikata b’riżultat ta’ l-eliminazzjoni, fis-suq ta’ l-ippakkjar tal-prodotti sensittivi, tal-kompetizzjoni potenzjali pprovduta minn Sidel, l-akbar fornitriċi fis-suq tal-PET. F’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni aktar dgħajfa, Tetra ma jkollha ebda inċentiv li tbaxxi l-prezz ta’ l-ippakkjar tal-kartun tagħha u tista’ tkun mħeġġa li twaqqaf l-innovazzjoni.
108 Kif osservat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 311 u 317 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, li ġiet ikkonfermata fl-appell mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq (iktar ‘il quddiem il-“ġurisprudenza Tetra Pak II”), biex issostni l-argument tagħha li jekk tiġi mdgħajfa l-kompetizzjoni potenzjali dan jippermetti li Tetra tħossha inqas mhedda fis-swieq tal-kartun mhux settiku, li għandu jitqies bħala tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti tagħha f‘dawk is-swieq, fis-sens ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament.
109 Fil-punt 312 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat hekk:
“[...] meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-eliminazzjoni jew tnaqqis sinjifikattiv ta’ kompetizzjoni potenzjali, anki ta’ kompetizzjoni li jkollha tendenza li tikber, biex tiġġustifika l-pojbizzjoni ta’ konċentrazzjoni nnotifikata, il-fatturi identifikati minnha biex turi t-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti jridu jkunu bbażati fuq provi konvinċenti. Is-sempliċi fatt illi l-impriża akkwirenti diġà jkollha pożizzjoni dominanti ċara fis-suq rilevanti, għalkemm jista’ jikkostitwixxi fattur importanti, kif huwa stabbilit fid-deċiżjoni [kkontestata], m’huwiex biżżejjed fih innifsu biex jiġġustifika konstatazzjoni li tnaqqis fil-kompetizzjoni potenzjali li dik l-impriża tista’ taffronta jikkostitwixxi tisħiħ tal-pożizzjoni tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
110 Fil-punt 322 ta’ l-istess sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat illi m’hemm xejn, bħala regola, li jwaqqaf l-applikazzjoni, fil-kuntest tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijet, tat-teorija ta’ “rabtiet ta’ konnessjoni”, li kienet ġiet rikonoxxuta fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 KE fil-ġurisprudenza Tetra Pak II. Il-kawża li wasslet għal din il-ġurisprudenza kienet tirrigwarda aġir f’suq partikolari li kien meqjus li jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti f’suq relatat. Il-każ preżenti jirrigwarda swieq ġirien. Madankollu, fil-punt 323 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet illi r-referenza għal din il-ġurisprudenza kienet irrilevanti billi “din il-kawża tirrigwarda sempliċement l-effett ta’ l-eliminazzjoni, jew tat-tnaqqis sinjifikattiv, ta’ kompetizzjoni potenzjali li hija, skond il-Kummissjoni, sostanzjali u qed tikber” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
111 Fl-istess punt 323, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret illi “fost il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament, li l-Kummissjoni hija obbligata tapplika meta teżamina konċentrazzjonijiet innotifikati, hemm ‘l-istruttura tas-swieq kollha kkonċernati u tal-kompetizzjoni [...] potenzjali minn impriżi [...]’” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kompliet biex tgħid hekk:
“Il-Kummissjoni b’hekk ma wettqet ebda żball meta eżaminat is-sinjifikat għas-swieq tal-kartun ta’ tnaqqis ta’ kompetizzjoni potenzjali mis-swieq tat-tagħmir tal-PET. Madankollu, hija għandha turi li dan it-tnaqqis, jekk jeżisti, għandu tendenza li jsaħħaħ il-pożizzjoni dominanti ta’ Tetra fil-konfront tal-kompetituri tagħha fis-swieq tal-kartun mhux settiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
112 Fil-punt 324 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret illi, kif turi l-analiżi tagħha stess, iż-żieda fl-użu ta’ PET għall-ippakkjar ta’ prodotti sensittivi probabbilment tkun ferm inqas ċara minn kemm taħseb il-Kummissjoni. Għaldaqstant, m’għadux possibbli, fuq il-bażi ta’ l-evidenza li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, li jiġi ddeterminat biċ-ċertezza meħtieġa biex tiġi ġġustifikata l-projbizzjoni ta’ konċentrazzjoni, jekk l-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni nnotifikata tistax tpoġġi lil Tetra f’sitwazzjoni fejn tkun aktar indipendenti milli fl-imgħoddi fil-konfront tal-kompetituri tagħha fis-swieq tal-kartun mhux settiku.
113 Fil-punt 325 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat iż-żewġ provi fattwali dwar l-aġir futur ta’ Tetra li fuqhom kienet ibbażat ruħha l-Kummissjoni biex tipprova l-effetti negattivi allegati tal-konċentrazzjoni nnotifikata fuq is-swieq tal-kartun mhux settiku.
114 Fil-punti 326 sa 328 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat il-provi miġjuba mill-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni fil-prezzijiet u stabbiliet, fl-aħħar sentenza tal-punt 328, illi l-konstatazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata li, jekk tiġi awtorizzata takkwista lil Sidel, Tetra tkun esposta għal inqas pressjoni biex tbaxxi l-prezzijiet tagħha tal-kartun, m’hijiex ibbazata fuq provi konvinċenti.
115 Fil-punti 329 sa 331 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat il-provi miġjuba mill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-allegazzjoni tagħha li l-konċentrazzjoni nnotifikata kienet ser tnaqqas l-inċentiv ta’ Tetra biex tagħmel innovazzjoni. Fil-punt 332, hija kkonstatat illi d-deċiżjoni kkontestata ma tagħtix provi sodisfaċenti għall-finijiet tal-liġi li l-entità l-ġdida kien ser ikollha inqas inċentiv minn Tetra fil-preżent biex tkompli tagħmel innovazzjoni fis-settur tal-kartun.
116 Fil-punt 333 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet b’dan il-mod:
“Minn dan isegwi li l-provi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni [kkontestata] ma ma jurux b’mod sodisfaċenti għall-finijiet tal-liġi li l-effetti tal-konċentrazzjoni [nnotifikata] fuq il-pożizzjoni ta’ Tetra, prinċipalment fis-swieq tal-kartun mhux settiku, kienu ser ikunu tali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2(3) tar-Regolament minħabba l-eliminazzjoni ta’ Sidel bħala kompetitur potenzjali. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li ma ġiex ippruvat illi l-pożizzjoni ta’ l-entità l-ġdida ser tissaħħaħ fil-konfront tal-kompetituri tagħha fis-swieq tal-kartun” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
L-argumenti tal-partijiet
117 Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, li jikkonsisti f’diversi partijiet, il-Kummissjoni tikkontesta l-punti 312 u 323 tas-sentenza appellata. Hija tikkunsidra, l-ewwel nett, illi l-mod kif il-Qorti tal-Prim’Istanza ppreżentat il-kwistjoni tar-rilevanza ta’ kompetizzjoni potenzjali rriżulta f’interpretazzjoni ħażina tal-fatti. Skond il-Kummissjoni, il-kompetizzjoni potenzjali m’hijiex relatata mar-relazzjoni kompetittiva bejn l-impriża meqjusa bħala dominanti u impriżi oħrajn attivi fis-suq rilevanti. Id-domanda rilevanti hi jekk l-eliminazzjoni strutturali ta’ sors sinjifikattiv ta’ kompetizzjoni potenzjali tirrendix lill-impriża dominanti iktar ħielsa minn kull restrizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-klijenti u konsumaturi tagħha.
118 Il-Kummissjoni ssostni ulterjorment illi ż-żewġ fatturi msemmija fil-punt 312 tas-sentenza appellata, jiġifieri l-eliminazzjoni jew it-tnaqqis sinjifikattiv tal-kompetizzjoni potenzali u l-fatt illi l-impriża li tibbenefika mill-konċentrazzjoni diġà tokkupa pożizzjoni dominanti fuq is-suq rilevanti, huma biżżejjed biex tiġi ġġustifikata konstatazzjoni li din il-pożizzjoni tista’ tiġi msaħħa.
119 Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ dritt meta rrespinġiet l-evalwazzjoni tagħha taż-żieda probabbli fl-użu tal-PET għall-ippakkjar ta’ prodotti sensittivi u meta bbażat ruħha esklużivament fuq it-tbassir tagħha stess illi “din iż-żieda [...] probabbilment ser tkun ferm inqas ċara minn kemm taħseb il-Kummissjoni.”
120 Fl-aħħar, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ dritt, fil-punti 316 sa 328 tas-sentenza appellata, meta naqset li tikkunsidra l-argumenti tagħha dwar l-effetti fuq il-prezzijiet minħabba l-eliminazzjoni ta’ Sidel u, fil-punti 329 sa 332, meta rrespinġiet il-konklużjoni tagħha li l-entità l-ġdida kien ser ikollha inqas inċentiv biex tkompli tagħmel innovazzjoni fis-settur tal-kartun milli għandha Tetra bħalissa.
121 Tetra tikkunsidra li m’hemm ebda żball fil-punt 312 tas-sentenza appellata. Hija tosserva li, skond ir-Regolament, konċentrazzjoni tista’ tiġi pprojbita jekk twassal għall-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti. Billi, bħala definizzjoni, pożizzjoni dominanti hija relatata mal-pożizzjoni ta’ impriża dominanti f’suq partikolari, jiġifieri, il-pożizzjoni tagħha meta mqabbla mal-kompetituri tagħha, huwa impossibbli li wieħed jifhem kif il-Kummissjoni tista’ ssostni li l-pożizzjoni dominanti ta’ impriża dominanti tista’ tiġi dissoċjata mill-pożizzjoni tal-kompetituri tagħha fl-istess suq.
122 Skond Tetra, l-argument li ż-żewġ fatturi msemmija fil-punt 312 tas-sentenza appellata huma biżżejjed biex tiġi ġġustifikata konstatazzjoni ta’ tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, huwa ekwivalenti għall-ħolqien ta’ regola per se li tistipula li kull tnaqqis ta’ kompetizzjoni potenzjali dejjem ser issaħħaħ pożizzjoni dominanti. L-Artikolu 2(3) tar-Regolament, madankollu, jeħtieġ li mhux biss jiġi ppruvat illi pożizzjoni dominanti ser tiġi msaħħa mill-konċentrazzjoni, iżda wkoll li l-kompetizzjoni effettiva ser tiġi mfixkla b’mod sinjifikattiv b’riżultat ta’ dak it-tisħiħ. Ebda wieħed minn dawn iż-żewġ rekwiżiti ma jista’ jiġi preżunt li huwa sodisfatt, b’mod partikolari f’każ fejn, bħal f’dak preżenti, il-kompetizzjoni potenzjali in kwistjoni hija dik eżerċitata minn suq ewlieni kontra suq sekondarju, li huwa distint iżda ġar.
123 Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq għadd ta’ fatturi fid-deċiżjoni kkontestata u b’hekk, ma tistax tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza analizzat dawk il-fatturi fis-sentenza appellata. Fir-rigward tal-probabbiltà ta’ żieda fl-użu tal-PET, Tetra tirreferi għall-argumentazzjoni li hija diġà żviluppat fuq dan il-punt.
124 Fl-aħħar, fir-rigward ta’ l-argumenti bbażati fuq il-fatt illi l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli taċċetta l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-effett tal-konċentrazzjoni fuq l-inċentivi ta’ Tetra fir-rigward tal-prezzijiet u l-innovazzjoni, din ta’ l-aħħar issostni li l-Kummissjoni qed tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li m’hijiex sindikabbli mill-Qorti fi proċeduri ta’ appell.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq ir-raba’ aggravju
125 Kif jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament, il-Kummissjoni, meta tevalwa l-kumpatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni, għandha tikkunsidra għadd ta’ fatturi, fosthom l-istruttura ts-swieq rilevanti, il-kompetizzjoni attwali jew potenzjali minn impriżi, il-pożizzjoni ta’ l-impriżi kkonċernati u s-saħħa ekonomika u finanzjarja tagħhom, għażliet possibbli disponibbli lill-fornituri u l-utenti, l-eżistenza ta’ ostakli għad-dħul u t-tendenzi fil-provvista u d-domanda.
126 B’hekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet iġġustifikata u ma kisritx l-Artikolu 2 tar-Regolament meta fakkret, fil-punt 312 tas-sentenza appellata, illi s-sempliċi fatt illi l-impriża akkwirenti diġà jkollha pożizzjoni dominanti ferm ċara fis-suq rilevanti, filwaqt li jikkostitwixxi element importanti, kif tikkonstata d-deċiżjoni kkontestata, m’huwiex biżżejjed fih innifsu biex jiġġustifika l-konklużjoni li tnaqqis tal-kompetizzjoni potenzjali li għaliha tkun soġġetta dik l-impriża jikkostitwixxi tisħiħ tal-pożizzjoni tagħha.
127 Fil-fatt, il-kompetizzjoni potenzjali rrappreżentata minn produttur ta’ prodotti sostituti f’parti mis-suq rilevanti, jiġifieri f’dan il-każ il-kompetizzjoni, fir-rigward ta’ l-ippakkjar fil-kartun mhux settiku, minn Sidel, bħala fornitriċi ta’ ppakkjar tal-PET, f’parti mis-suq għal prodotti sensittivi, hija biss wieħed mill-ġabra ta’ fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati meta jiġi evalwat jekk ikunx hemm riskju li konċentrazzjoni tista’ ssaħħaħ pożizzjoni dominanti. F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi eskluż illi tnaqqis f’dik il-kompetizzjoni potenzjali jista’ jiġi kkumpensat minn fatturi oħrajn, bir-riżultat illi l-pożizzjoni kompetittiva ta’ l-impriża diġà dominanti tibqa’ l-istess.
128 Jirriżulta mis-sinteżi li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet ta’ l-argumenti tal-partijiet fil-punti 313 sa 320 tas-sentenza appellata, illi Tetra kkontestat l-argument illi l-pożizzjoni dominanti ta’ l-entità l-ġdida fis-swieq tal-kartun mhux settiku kienet ser tissaħħaħ, billi sostniet, inter alia, li nuqqas ta’ innovazzjoni fis-settur tal-kartun essenzjalment ikun ta’ benefiċċju għall-kompetituri preżenti ta’ Tetra fis-swieq tal-kartun. Il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk kienet korretta meta qalet, fil-punt 323 tas-sentenza appellata, fil-kuntest tad-diskussjoni u l-evalwazzjoni ta’ l-argumenti tal-partijiet f’dan ir-rigward, illi l-Kummissjoni trid turi li, jekk ikun hemm tnaqqis fil-kompetizzjoni potenzjali, dan għandu tendenza li jsaħħaħ il-pożizzjoni dominanti ta’ Tetra fir-rigward tal-kompetituri tagħha fis-swieq tal-kartun mhux settiku.
129 B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fuq ir-reazzjonijiet potenzjali tal-kompetituri ta’ Tetra fis-swieq tal-kartun, li huma wkoll attivi fis-suq tal-PET, biex tirrespinġi, fil-punt 327 tas-sentenza appellata, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li Tetra tista’ tkun imħeġġa, ladarba ssir il-konċentrazzjoni, tgħolli l-prezzijiet tagħha fis-swieq tal-kartun mhux settiku u, fil-punt 330, l-argument illi l-entità l-ġdida tista’ tiddeċiedi li tagħmel inqas innovazzjoni.
130 Għaldaqstant, ma tistax titqies li hija fondata l-parti tar-raba’ agravju fejn il-Kummissjoni ssostni li l-kompetizzjoni potenzjali m’hijiex relatata mar-relazzjoni kompetittiva bejn l-impriża meqjusa bħala dominanti u impriżi oħrajn attivi fis-suq rilevanti.
131 F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-probabbiltà li jiżdied l-użu tal-PET għall-ippakkjar ta’ prodotti sensittivi, għandu jiġi mfakkar illi l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward ġiet eżaminata fil-kuntest ta’ l-ewwel aggravju, fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġi stabbilit jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kisritx l-Artikolu 230 KE billi naqset milli tapplika l-kriterju ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni u naqset milli tirrispetta l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet fattwali u ekonomiċi kumplessi. Billi, permezz ta’ din il-parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni tikkontesta l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat illi din tikkostitwixxi kritika ta’ l-evalwazzjoni tal-provi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li m’hijiex sindikabbli mill-Qorti fi proċeduri ta’ appell.
132 L-istess jgħodd għall-parti ta’ l-aggravju fejn il-Kummissjoni tikkontesta l-punti 316 sa 328 u 329 sa 332 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti tal-Prim’Istanza evalwat il-provi ppreżentati mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-effett ta’ l-eliminazzjoni ta’ Sidel fuq il-prezzijiet u tat-tnaqqis fl-inċentiv għall-entità l-ġdida biex tagħmel innovazzjoni fis-settur tal-kartun.
133 Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti illi r-raba’ aggravju hu, in parti inammissibbli, u in parti infondat.
Il-ħames aggravju
134 Permezz tal-ħames aggravju tagħha, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 2(3) tar-Regolament billi rrespinġiet il-konklużjonijiet tagħha dwar il-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq tal-magni SBM.
L-argumenti tal-partijiet
135 Il-Kummissjoni ssostni li l-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 307 tas-sentenza appellata, illi “id-deċiżjoni [kkontestata] ma tippruvax b’mod sodisfaċenti għall-finijiet tal-liġi li minn issa sas-sena 2005 l-entità l-ġdida tista’ takkwista pożizzjoni dominanti fis-suq għal magni ta’ kapaċità dgħajfa u għolja” hija bbażata fuq żbalji ta’ dritt li huma kkontestati fil-kuntest ta’ l-aggravji preċedenti, jiġifieri l-inklużjoni ta’ magni SBM għal prodotti mhux sensittivi u għall-birra fl-istess suq bħal dak tal-magni SMB użati għal prodotti sensittivi u l-konklużjoni li l-impenji ta’ Tetra li ma torbotx il-bejgħ ta’ dawn il-magni mal-bejgħ ta’ prodott tal-kartun huma biżżejjed. Biex tiżvolġi aħjar din l-argumentazzjoni, il-Kummissjoni jidhrilha li għandha turi l-iżbalji li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq tal-magni SBM.
136 Fir-rigward ta’ magni SBM ta’ kapaċità dgħajfa, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, illi l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tikkunsidra ċerti elementi rilevanti li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, bħat-tkabbir fis-sehem mis-suq ta’ Sidel (premessa 266 fid-deċiżjoni kkontestata) u t-tisħiħ immedjat tal-pożizzjoni tagħha b’riżultat ta’ taħlita ta’ fatturi bħall-pożizzjoni ewlenija tagħha, f’dak li jirrigwarda s-sehemn tagħha mis-suq, flimkien mas-saħħa finanzjarja, il-forza ta’ bejgħ, is-superjorità stabbilita fil-qasam ta’ l-ipkkjar mhux settiku, il-vantaġġ ta’ “min jasal l-ewwel” mal-konsumaturi fis-settur ta’ l-ippakkjar tal-kartun u l- pożizzjoni dominanti li diġà tgawdi Tetra f’dak is-settur (premessi 376 sa 387).
137 Il-Kummissjoni ssostni wkoll illi l-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat il-konklużjonijiet tagħha fuq fatti irrilevanti. B’hekk, l-importanza ta’ magni SBM ta’ kapaċità dgħajfa għall-ippakkjar ta’ prodotti mhux sensittivi hija irrilevanti jekk tiġi aċċettata d-definizzjoni tas-suq proposta mill-Kummissjoni. Bl-istess mod, il-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 279 tas-sentenza appellata, illi “proporzjon sinjifikattiv tal-magni SBM użati għall-ippakkjar ta’ prodotti sensittivi aktarx ser ikun kompost minn magni ta’ kapaċità dgħajfa” hija irrilevanti għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-possibbiltà għal Tetra li tisfrutta l-pożizzjoni dominanti tagħha fis-settur ta’ l-ippakkjar tal-kartun biex takkwista pożizzjoni dominanti fis-settur ta’ magni SBM ta’ kapaċità dgħajfa.
138 Fir-rigward ta’ magni SBM ta’ kapaċità qawwija, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tikkunsidra l-fatturi rilevanti, b’mod partikolari, fil-punt 284 tas-sentenza appellata, iż-żieda fis-sehem mis-suq ta’ Sidel b’riżultat tal-konċentrazzjoni nnotifikata. Hija tallega wkoll illi l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żbaljata meta kkunsidrat il-possibbiltà li ż-żieda fl-użu ta’ PET għal prodotti sensittivi tista’ tkun aktar baxxa milli mbassar u l-possibbiltà li l-klijenti li jipproduċu prodotti sensittivi jistgħu jaqilbu għall-HDPE minflok ma jużaw il-PET, minkejja li dawn il-fatturi huma irrilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kwistjoni jekk Tetra hux ser tgawdi mill-vantaġġ ta’ “min jasal l-ewwel” fir-relazzjonijiet tagħha ma’ klijenti li jagħżlu l-PET.
139 Bl-istess mod, fir-rigward tal-klijenti li jeqilbu minn ippakkjar tal-ħġieġ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tinjora ċerti elementi u tinterpreta ħażin il-fatti. Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tikkunsidra l-fatt illi konsumatur li juża dak it-tip ta’ ppakkjar rari jippakkja l-prodotti kollha tiegħu esklużivament fil-ħġieġ. Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza tippreżenta b’mod żbaljat il-fatti meta tasserixxi li l-kompetituri ta’ Tetra/Sidel fis-settur ta’ l-ippakkjar tal-ħġieġ ser igawdu mill-vantaġġ ta’ “min jasal l-ewwel”, billi, permezz ta’ din il-konklużjoni, hija tinjora l-fatt illi l-fornituri ta’ tagħmir tal-ħġieġ u laned m’għandhomx relazzjonijiet mill-qrib u permanenti mal-produtturi tax-xorb billi kważi l-manifattura kollha tal-ħġieġ u l-laned issir minn konvertituri.
140 Rigward il-pożizzjoni tal-kompetituri, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat ħażin id-deċiżjoni kkontestata meta kkonkludiet, fil-punt 294 tas-sentenza appellata, illi d-deċiżjoni ma eżaminatx b’mod adegwat il-kompetizzjoni li ser ikollha taffronta Sidel fis-suq għal magni ta’ kapaċità għolja u ssottovalutat il-kompetizzjoni mit-tliet kompetituri ewlenin tagħha. Skond il-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata tagħmel analiżi ddettaljata tal-pożizzjonijiet relattivi ta’ l-entità l-ġdida u l-kompetituri tagħha, b’mod partikolari fil-premessi 232 sa 248, 293 sa 300, 303 sa 310 u 369 sa 387. Barra minn hekk, il-konstatazzjonijiet ta’ fatt tal-Qorti tal-Prim’Istanza m’humiex preċiżi billi hija kkonkludiet, fl-ewwel lok, illi l-kompetitriċi SIG għandha vantaġġ billi hija attiva fis-suq fil-linja ’l isfel tal-preforom, minkejja l-fatt illi skond il-Kummissjoni, m’hijiex attiva fis-suq fil-linja ’l isfel bħala fornitur ta’ preforom lil impriżi li jużaw ibbottiljar tal-PET u, fit-tieni lok, illi SIG tgawdi l-vantaġġ ta’ “min jasal l-ewwel” minħabba l-attivitajiet tagħha fis-settur tal-ħġieġ minkejja li timanifattura magni u m’hijiex attiva fis-suq fil-linja ’l isfel tal-fliexken tal-ħġieġ.
141 Fl-aħħar, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 305 tas-sentenza appellata, illi “il-konklużjoni dwar id-dipendenza tal-konvertituri fuq Sidel m’hijiex konvinċenti”, li hija bbażata unikament fuq “il-livell attwali ta’ kompetizzjoni eżistenti”, m’hijiex issostanzjata b’motivazzjoni ċara jew sodisfaċenti biex tinvalida l-evalwazzjoni kumplessa tal-Kummissjoni dwar dan il-punt fil-premessi 303 sa 310 tad-deċiżjoni kkontestata.
142 Tetra tasserixxi li d-diversi allegazzjonijiet, li jidhru li m’humiex relatati bejniethom, sollevati mill-Kummissjoni fil-ħames aggravju tagħha għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli għal żewġ raġunijiet. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq fatturi li ma ssemmewx fid-deċiżjoni kkontestata u, fit-tieni lok, qed tikkontesta direttament l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti tal-Prim’Istanza.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-ħames aggravju
143 Jirriżulta minn evalwazzjoni ta’ l-argumenti tal-Kummissjoni li l-parti l-kbira tagħhom huma relatati ma’ l-evalwazzjoni ta’ l-elementi ta’ prova mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li m’hijiex soġġetta għal stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fi proċeduri ta’ appell. Dan huwa l-każ fir-rigward ta’ l-ilment tal-Kummissjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tikkunsidra ċerti fatturi li hija tqis li huma rilevanti, jew li ħadet in kunsiderazzjoni fatturi oħrajn li hija tqis li huma irrilevanti, kemm fir-riwgard ta’ magni SBM ta’ kapaċità dgħajfa jew qawwija, kif ukoll fir-rigward tat-teħid in kunsiderazzjoni tal-klijenti li jeqilbu mill-ippakkjar tal-ħġieġ.
144 Permezz ta’ argumenti oħrajn li saru biex jiġi ssostanzjat il-ħames aggravju, il-Kummissjoni tikkontesta espressament il-konstatazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-fatti tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Dan huwa l-każ kemm fir-rigward ta’ l-argument dwar il-kompetituri ta’ Tetra/Sidel fil-qasam ta’ l-ippakkjar tal-ħġieġ kif ukoll ta’ l-evalwazzjoni tal-pożizzjoni tal-kompetitriċi SIG.
145 Rigward l-allegata interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata fil-punt 294 tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ssemmi ebda premessa speċifika tad-deċiżjoni li ġiet interpretata ħażin mill-Qorti tal-Prim’Istanza u li, fir-realtà, dan l-argument huwa mmirata lejn l-evalwazzjoni tal-fatti u l-provi mill-Qorti tal-Prim’Istanza.
146 Fl-aħħar, fir-rigward ta’ l-argument li jallega nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-konklużjoni fil-punt 305 tas-sentenza appellata, illi d-dipendenza tal-konvertituri fuq Sidel ma ġietx stabbilita b’mod konvinċenti, huwa biżżejjed li jingħad illi l-Qorti tal-Prim’Istanza tat raġunijiet konċiżi iżda adegwati għal din il-konklużjoni fl-aħħar sentenza tal-punt 305.
147 Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet illi l-ħames aggravju huwa in parti inammissibbli, u in parti infondat.
Konklużjoni
148 Billi ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-Kummissjoni in sostenn ta’ l-appell tagħha ma jistgħu jiġu milqugħa, l-appell għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
149 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skond l-Artikolu 118 ta’ l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub minn Tetra.
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġsutizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeciedi:
1) L-appell huwa miċħud.
2) Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
Top