SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
3 ta' Marzu 2005 (*)
"Appell – Tariffa Doganali Komuni – Rkupru sussegwenti ta' dazji fuq l-importazzjoni – Rinunzja għal dazji li għandhom jiġu rkuprati – Kundizzjonijiet – Artikolu 220(2)( b) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Żball ta' l-awtoritajiet tad-dwana - Żball li tista' tinduna bih – Nomenklatura magħquda – Rimarki – Portata"
Fil-kawża C-499/03 P,
li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fil-25 ta' Novembru 2000,
Peter Biegi Nahrungsmittel GmbH, stabbilita fi Frankfurt am Main (Il-Ġermanja),
Commonfood Handelsgesellschaft für Agrar-Produkte mbH, stabbilita f'Langen (Il-Ġermanja),
irrappreżentati minn K. Landry u L. Harings, Rechtsanwälte,
rikorrenti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn X. Lewis u J. Schieferer, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn A. Borg Barthet, President ta' l-Awla, J.-P. Puissochet u J. Malenovský (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L . A. Geelhoed,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta' Settembru 2004,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-14 ta' Ottubru 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Bl-appell tagħhom, Peter Biegi Nahrungsmittel GmbH u Commonfood Handelsgesellschaft für Agrar-Produkte mbH (aktar 'il quddiem "Biegi" u "Common Food", rispettivament, u, meħuda flimkien, ir-"rikorrenti") jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-17 ta' Settembru 2003, Biegi Nahrungsmittel u Commonfood vs Il-Kummissjoni, T-309/01 u T-239/01, li għandha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, (aktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata"), li biha din ċaħdet, minn naħa, ir-rikors ta' Biegi intiż għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2001) 2533, ta' l-14 ta' Awwissu 2001 (Ġabra 4/00), li tikkonstata li huwa ġustifikabbli li jsir id-dħul sussegwenti fil-kontijiet tad-dazji fuq l-importazzjoni mhux mitluba għall-importazzjonijiet ta' laħam tat-tjur li ġej mit-Tajlandja matul il-perijodi mit-13 sat-18 ta' Lulju 1995 u mill-4 sat-22 ta' Settembru 1995 u, min-naħa l-oħra, ir-rikors ta' Commonfood intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2002) 857, tal-5 ta' Marzu 2002 (Ġabra 4/01), li tikkonstata li huwa ġustifikabbli li jsir id-dħul sussegwenti fil-kontijiet tad-dazji fuq l-importazzjoni mhux mitluba għall-importazzjoni ta' laħam tat-tjur li ġej mit-Tajlandja li saret fl-24 ta' Lulju 1995 (aktar 'il quddiem id-"deċiżjonijiet ikkontestati").
Il-kuntest ġuridiku
2 Fil-punt 1 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza speċifikat:
"1 L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 774/94 tad-29 ta' Marzu 1994 li jiftaħ u jipprovdi l-amministrazzjoni ta' ċerti kwoti tat-tariffa Komunitarja għal-laħam taċ-ċanga ta' kwalità għolja u għal-laħam tal-majjal, il-laħam tat-tjur, il-qamħ u l-maħlut, u tipi ta' nuħħala, il-frak iebes u fdalijiet oħra (ĠU L 91, p.1) fetaħ, mill-[1 ta' Jannar 1994], kwota annwali tat-tariffa Komunitarja għall-volum totali ta' [15 500] tunnellata għal-laħam tat-tjur li jidħol fil-kodiċijiet NM 0207 41 10, 0207 41 41 u 0207 41 71. Fil-kuntest ta' dan il-volum tal-kwota, id-dazju tat-Tariffa Doganali Komuni kellu jkun ta' 0 %. Dan l-istess volum tal-kwota Komunitarja annwali b'dazju żero ġie miżmum mill-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2198/95, tat-18 ta' Settembru 1995, li jemenda r-Regolament Nru 774/94 (ĠU L 221, p. 3), li applika, skond l-Artikolu 2 tiegħu, mill-1 ta' Lulju 1995."
3 L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1431/94, tat-22 ta' Ġunju 1994, li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġu applikati, fis-settur tal-laħam tat-tjur, l-arranġamenti tal-importazzjonijiet ipprovduti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 774/94 (ĠU L 156, p. 9), li daħal fis-seħħ, skond l-Artikolu 8 tiegħu, fis-26 ta' Ġunju 1994, jaqra kif ġej:
"L-importazzjoni kollha fil-Komunità skond il-kwoti tat-tariffa kif miftuħa f'Artikoli 3 u 4 tar-Regolament […] Nru 774/94 rigward il-prodotti fil-gruppi riferiti f'Anness I ma’ dan ir-Regolament għandha tkun [suġġetta] għall-preżentazzjoni ta' liċenzja tal-importazzjoni.
Il-kwantitajiet tal-prodotti li għalihom japplikaw dawn l-arranġamenti u r-rata tat-tnaqqis fl-impost għandhom ikunu dawk elenkati għal kull wieħed mill-gruppi f'Anness I."
4 Fl-Anness I tar-Regolament Nru 1431/94, rata ta' imposta ta' 0 % ġiet applikata għal kwantità sa 5 100 tunnellata ta' għal-laħam tat-tiġieġ li jaqa' fil-kodiċijiet NM 0207 41 10, 0207 41 41, 0207 41 71 u li ġej mit-Tajlandja (grupp 2). L-istess rata ta' imposta kienet applikata għal kwantità annwali ta' 7 100 tunnellata ta' laħam tat-tiġieġ, li jaqa' fil-kodiċijiet NM imsemmija iktar 'il fuq, li ġej mill-Brażil (grupp 1) u għal kwantità annwali ta' 3 300 tunnellata ta' l-istess laħam li ġej minn pajjiżi terzi oħrajn (grupp 3).
5 L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta' Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni […] (ĠU L 256, p.1) stabbilixxa nomenklatura ġdida ta' merkanzija (imsejħa "nomenklatura magħquda" jew, fil-qosor, "NM"). In-nomenklatura magħquda tinsab fl-Anness I ta' dan ir-Regolament, li fih huma wkoll iffissati r-rati ta' dazji applikabbli kif ukoll l-elementi l-oħra mitluba.
6 Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1359/95, tat-13 ta' Ġunju 1995, emenda l-Annessi I u II tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 u ħassar ir-Regolament (KEE) Nru 802/80 (ĠU L 142, p. 1). Skond l-Artikolu 3 tiegħu, ir-Regolament Nru 1359/95 daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1995.
7 Fil-verżjoni tagħha hekk emendata, in-nomenklatura magħquda kienet tinkludi, fit-Taqsima III "Kwoti" tat-tielet parti tagħha "Annessi għat-Tariffa", Anness 7 imsejjaħ "Kwoti tat-tariffa WTO biex jinfetħu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Komunità". Taħt in-numru ta' l-ordni 18 ta' dan l-aħħar Anness, jidher dan li ġej:
Nru ta' l-Ordni
Kodiċi NM
Deskrizzjoni
Kwantità tal-Kwota
Rata ta' Dazju (%)
Termini u kundizzjoni-jiet oħra
1
2
3
4
5
6
…
…
…
…
…
…
18
0207 41 10
0207 41 41
0207 41 71
Qatgħat ta' tjur ta' l-ispeċi Gallus domesticus, iffriżati:
Mingħajr għadam
Isdra u qatgħat tagħhom
Oħrajn
15 500 t
8 L-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1, aktar 'il quddiem il-"KDK"), jiddisponi:
"2. [...] daħliet sussegwenti fil-kontijiet m'għandhomx isiru fejn:
[...]
b) l-ammont ta' dazju legalment dovut ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet bħala riżultat ta' żball min-naħa ta' l-awtoritajiet doganali liema żball ma setgħetx raġonevolment tinduna bih il-persuna responsabbli għall-ħlas, waqt li din ta' l-aħħar tkun aġixxiet bil-bona fidi u ħarset id-dispożizzjonijiet kollha stipulati mil-leġislazzjoni fis-seħħ fir-rigward tad-dikjarazzjoni doganali".
9 Skond l-Artikolu 871 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta' Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, p.1):
"[…] meta l-awtoritajiet doganali jew jikkunsidraw li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi jkunu mwettqa jew ikollhom dubju dwar l-kamp ta' l-applikazzjoni preċiża tal-kriterji ta' dik id-dispożizzjoni f'dak li għandu x'jaqsam ma' każ partikolari, dawk l-awtoritajiet għandhom jissottimettu l-każ lill-Kummissjoni, sabiex deċiżjoni tkun tista tittieħed bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 872 sa 876 […]".
10 Skond l-Artikolu 873 ta' l-istess Regolament:
"Wara li [t]ikkonsulta ma' grupp ta' esperti li jkun kompost minn-rapreżentanti ta' l-Istati Membri kollha, li jiltaqgħu fil-kwadru tal-Kumitat biex jikkunsidraw dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk iċ-ċirkustanzi li jkunu qiegħdin jiġu kkunsidrati jkunu jew ma jkunux tali li d-dazji f'dak il-każ ma jkunx hemm bżonn li jiddaħħlu fil-kontijiet a posteriori […]".
Il-fatti li wasslu għall-kawża
11 Il-fatti li wasslu għall-kawża huma spjegati fil-punti 8 sa 18 tas-sentenza kkontestata, kif ġej:
"8 […] Biegi […] u Commonfood […] huma kumpanniji regolati bid-dritt Ġermaniż, marbuta ma' xulxin, li jaħdmu fil-qasam tal-kummerċ tal-laħam tat-tjur. Ir-rikorrenti huma fost l-importaturi prinċipali tal-laħam tat-tiġieġ fil-Ġermanja.
9 B'digriet tad-29 ta' Ġunju 1995 (imsejjaħ "Eilverteiler"), il-Ministru Federali tal-Finanzi Ġermaniż emenda t-tariffa ta' użu ta' l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi billi daħħal fiha, b'mod partikolari, il-kwota tat-tariffa K 4047 (laħam tat-tiġieġ) b'dazju żero, mill-1 ta' Lulju 1995. Din il-kwota tikkorrispondi għall-kodiċijiet NM 0207 41 10, 0207 41 41 u 0207 41 71 msemmijin aktar 'il fuq. L-Eilverteiler ma kien fih ebda indikazzjoni dwar il-ħtieġa ta' liċenzja ta' importazzjoni għall-importazzjoni ta' prodotti li jaqgħu fil-kwota tat-tariffa msemmija iktar 'il fuq.
10 Matul il-perijodi mit-13 sat-18 ta' Lulju 1995 u mill-4 sat-22 ta' Settembru 1995, Biegi ddikjarat għall-importazzjoni, f'kunsinni differenti, qatgħat tat-tiġieġ iffriżati (Kodiċi NM 0207 41 10) li kienu ġejjin mit-Tajlandja. Fl-24 ta' Lulju 1995, Commonfood iddikjarat għall-importazzjoni, f'kunsinni differenti, qatgħat tat-tiġieġ taħt l-istess Kodiċi NM, li kienu ġejjin mit-Tajlandja. Ir-rikorrenti m'annettewx liċenzji ta' importazzjoni mad-dikjarazzjonijiet doganali tagħhom.
11 Madankollu, wara l-emenda tat-tariffa ta' użu ta' l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, imdaħħla bil-Eilverteiler, l-uffiċċju tad-dwana kompetenti uża l-kwota tat-tariffa Komunitarja msemmija aktar 'il fuq, u ta lir-rikorrenti l-benefiċċju ta' l-eżenzjoni mid-dazji tad-dwana.
12 Waqt ix-xahar ta' Awwissu 1995, ir-rikorrenti, peress li kellhom dubji dwar id-dazji applikati għall-operazzjonijiet ta' żdoganar f'Lulju 1995, ikkuntattjaw bit-telefon lill-Ministeru Federali tal-Finanzi kif ukoll lis-servizz ċentrali ta' kontroll tal-kwoti tat-tariffa, permezz tal-persuna inkarigata minnhom għall-amministrazzjoni tal-liċenzji ta' importazzjoni, sabiex jiksbu kjarifiki fuq ir-regoli applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodotti in kwistjoni. Fil-bidu, id-dipartimenti li mingħandhom intalbet l-informazzjoni stqarrew, bit-telefon, illi d-dazji applikabbli kienu korretti anki fin-nuqqas ta' preżentazzjoni tal-liċenzji ta' importazzjoni sabiex isostnu d-dikjarazzjonijiet doganali. Għalhekk, ir-rikorrenti saqsew għal konferma bil-miktub ta' din l-informazzjoni.
13 Madankollu, ir-risposta bil-miktub ta' l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, mibgħuta lir-rikorrenti b'ittra tat-22 ta' Awwissu 1995, indikat li l-użu tal-kwota kienet teħtieġ il-preżentazzjoni ta' liċenzja ta' importazzjoni sabiex issostni d-dikjarazzjoni doganali. Fl-istess ġurnata, il-Ministeru Federali tal-Finanzi emenda, b'effett retroattiv, it-tariffa ta' użu ta' l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi. Din l-emenda kellha bħala konsegwenza l-ħtieġa, mill-1 ta' Lulju 1995, tal-preżentazzjoni ta' liċenzja ta' importazzjoni għall-użu tal-kwota tat-tariffa in kwistjoni.
14 B'żewġ deċiżjonijiet fiskali ta' emenda, adottati fit-12 u t-13 ta' Awwissu 1996, l-uffiċċju tad-dwana kompetenti, jiġifiieri l-Hauptzollamt Bremen-Freihafen, għalhekk ipproċeda għall-irkupru sussegwenti tad-dazji fuq l-importazzjoni, jiġifieri, għall-importazzjonijiet ta' Commonfood, ta' somma totali ta' 222 116.06 marki Ġermanżi (DEM) (deċiżjoni tat-12 ta' Awwissu 1996) u, għall-importazzjonijiet ta' Biegi, ta' somma totali ta' DEM
259 270.23, li minnhom DEM 605,64 kienu jirrigwardaw l-importazzjonijiet ta' Lulju 1995 u DEM 64,59 kienu jirrigwardaw l-importazzjonijiet ta' Settembru 1995 (deċiżjoni tat-13 ta' Awwissu 1996).
15 Filwaqt li invokaw il-bona fides tagħhom, l-iżball ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi u l-fatt li dan ma kienx żball li wieħed seta' jinduna bih, ir-rikorrenti kienu talbu li ma jsirx dħul sussegwenti fil-kontijiet fir-rigward tad-dazji fuq l-importazzjoni.
16 Peress li t-talbiet tagħhom ġew miċħuda fit-30 ta' Lulju 1997 mill-uffiċċju tad-dwana kompetenti, ir-rikorrenti ressqu l-każ quddiem il-Finanzgericht Bremen (Ġermanja). Kif jirriżulta mill-verbal tas-seduta li nżammet fl-14 ta' Diċembru 1999, din il-qorti qieset, wara li investigat il-fatti tal-kawża, li, f'dak li għandu x'jaqsam mad-dikjarazzjonijiet doganali ta' Biegi tax-xahar ta' Settembru 1995, ir-rikors ta' din ta' l-aħħar ftit kellu possibbiltà li jirnexxi, peress li din il-kumpannija kienet ġiet debitament informata bis-sitwazzjoni ġuridika eżatta applikabbli bl-ittra tat-22 ta' Awwissu 1995 ta' l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, iċċitata iktar 'il fuq. Il-Finanzgericht Bremen għalhekk irrakkomanda lil Biegi li tikkunsidra l-possibbiltà li tirtira r-rikors tagħha fir-rigward ta' dawn id-dikjarazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, f'dak li għandu x'jaqsam mad-dikjarazzjonijiet doganali ta' Lulju 1995, l-istess qorti qieset provviżorjament li seta' jingħata lir-rikorrenti ħarsien ta' l-aspettattivi leġittimi tagħhom, fis-sens ta' l-Artikolu 220(2) tal-KDK, u pproponiet lill-uffiċċju tad-dwani kompetenti li jivverifika jekk kienx possibli li jirtira d-deċiżjonijiet fiskali ta' l-emenda tat-12 u t-13 ta' Awwissu 1996, msemmija aktar 'il fuq, għal dak li għandu x'jaqsam mad-dikjarazzjonijiet in kwistjoni.
17 Konformement ma' l-Artikolu 871 tar-Regolament Nru 2454/93 […], ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, b'ittri tat-2 ta' Awwissu 2000 u tas-17 ta' April 2001, talbet lill-Kummissjoni tiddeċiedi, skond l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, jekk kienx ġustifikabbli li ma jitwettaqx id-dħul sussegwenti fil-kontijiet tad-dazji ta' importazzjoni fil-kawżi li kellhom Biegi u Commonfood kontra l-amministrazzjoni.
18 Peress li kkunsidrat li l-fatti tal-kawżi ma wrewx li sar żball min-naħa ta' l-awtoritajiet doganali nfushom, li ma setax jinduna bih operatur in bona fide, fis-sens ta' l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, il-Kummissjoni, b'deċiżjonijiet adottati fl-14 ta' Awwissu 2001 (kawża T-309/01) u fil-5 ta' Marzu 2002 (Kawża T-239/02) […] iddeċidiet li dazji fuq l-importazzjoni li kienu s-suġġett tat-talbiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, iċċitati aktar 'il fuq, kellhom jiddaħħlu fil-kontijiet."
Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u s-sentenza kkontestata
12 B'rikors ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-12 ta' Diċembru 2001 u fit-8 ta' Awwissu 2002, ir-rikorrenti ressqu rikorsi għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati.
13 Sabiex isostnu r-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti invokaw tliet raġunijiet, ibbażati fuq ksur, fl-ewwel lok, ta' l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, fit-tieni lok, tal-prinċipju ta' proporzjonalità u fit-tielet lok, tal-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba u trattament ugwali.
14 Bis-sentenza kkontestata, billi l-kawżi T-309/01 u T-239/02 kienu ġew magħquda, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet għal kollox ir-rikorsi li kellha quddiemha, wara li warrbet bħala infondati r-raġunijiet kollha mqajma mir-rikorrenti.
15 Fuq l-ewwel raġuni, il-Qorti tal-Prim'istanza kkunsidrat, fil-punt 83 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni kienet qieset ġustament li t-tieni waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi previsti fl-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, jiġifieri li operaturi ta' esperjenza ma setgħux jindunaw bl-iżball kommess mill-awtoritajiet doganali, ma kienx ġie sodisfatt f'din il-kawża u li kien ġustifikabbli li jitwettaq id-dħul sussegwenti fil-kontijiet tad-dazji fuq l-importazzjoni għall-operazzjonijiet ta' importazzjoni in kwistjoni.
16 Sabiex tasal għal din il-konstatazzjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza, wara li fakkret il-ġurisprudenza applikabbli, ikkonstatat, fil-punt 56 tas-sentenza kkontestata, li kien paċifiku li kienu twettqu żewġ żbalji mill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, jiġifieri l-ħruġ ta' verżjoni żbaljata ta' l-Eilverteiler u l-iżdoganar tal-merkanzija importata mir-rikorrenti f'Lulju 1995 bil-ħruġ tat-tariffa preferenzjali mingħajr il-preżentazzjoni ta' liċenzja ta' importazzjoni.
17 Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim'Istanza eskludiet li seħħ żball ieħor invokat mir-rikorrenti li jikkonsisti f'allegata komunikazzjoni lill-persuna li taħdem magħhom, is-Sur Steiner, min-naħa ta' uffiċjal tas-servizz ċentrali ta' kontroll tal-kwoti tat-tariffa, ta' informazzjoni żbaljata bit-telefon, qabel it-13 ta' Lulju 1995, jiġifieri qabel ma saru l-importazzjonijiet in kwistjoni. Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, fil-punti 58 u 59 tas-sentenza kkontestata, li indipendentement mill-produzzjoni tardiva tagħhom u mir-rilevanza tagħhom, ikkontestata mill-Kummissjoni, din l-informazzjoni bit-telefon b'ebda mod ma ġiet ipprovata permezz tad-dokumenti li hemm fil-proċess.
18 Il-Qorti tal-Prim'Istanza, sabiex teskludi n-natura kumplessa tal-leġiżlazzjoni applikabbli, għalhekk irrilevat, fil-punt 63 tas-sentenza kkontestata, li kien jirriżulta b'mod ċar mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1431/94 li l-importazzjonijiet kollha magħmula fil-kuntest tal-kwota tat-tariffa għal diversi snin ikkontestata kienu suġġetti għall-preżentazzjoni ta' liċenzja ta' importazzjoni.
19 Minbarra dan, il-Qorti tal-Prim'Istanza osservat, fil-punti 65 sa 67 tas-sentenza kkontestata, li r-Regolament Nru 1359/95, li jdaħħal verżjoni ġdida tan-nomenklatura magħquda tal-merkanzija applikabbli mill-1 ta' Lulju 1995, stabbilixxa, fl-Anness 7 tiegħu, lista tal-kwoti tat-tariffa ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) li kellhom jingħataw mill-awtoritajiet Komunitarji kompetenti u li r-riferenzi għal regoli oħrajn ta' dritt doganali li jissemmew fih kellhom biss valur dikjaratorju. Għaldaqstant, ir-Regolament Nru 1359/95 ma kienx fetaħ, mill-1 ta' Lulju 995, kwota tat-tariffa preferenzjali ġdida allegatament separata minn dik tar-Regolament Nru 774/94, kif emendat mir-Regolament Nru 2198/95.
20 Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat ukoll il-fatt li l-awtoritajiet doganali kompetenti ma ppersistewx fl-iżball tagħhom u kkoreġew dan l-iżball f'terminu qasir ħafna, jiġifieri xahar wara li ġie kommess.
21 Il-Qorti tal-Prim'Istanza rrilevat ukoll, fil-punti 70 u 71 tas-sentenza kkontestata, li r-rikorrenti kienu jaqgħu fil-kategorija ta' operaturi ekonomiċi ta' esperjenza u li huma kienu jafu bl-importanza ta' liċenzja ta' importazzjoni sabiex jistgħu jiksbu l-benefiċċju tal-kwota tat-tariffa għal diversi snin.
22 Sabiex tikkunsidra, fl-aħħar nett, li r-rikorrenti ma kinux taw prova tad-diliġenza li kien l-obbligu tagħhom li juru, il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset, fil-punt 75 tas-sentenza kkontestata, li operatur ekonomiku, li l-attività tiegħu tikkonsisti, essenzjalment, f'operazzjonijiet ta' importazzjoni u ta' esportazzjoni u li għandu diġà ċerta esperjenza fis-suġġett, għandu jassigura ruħu, billi jaqra l-Ġurnali Uffiċjali rilevanti, li jkun jaf id-dritt Komunitarju applikabbli għall-operazzjonijiet li huwa jwettaq. Minn dan hija kkonkludiet li operatur bħal dan ma jistax, sabiex jistabbilixxi r-rata ta' dazju applikabbli, joqgħod biss fuq l-indikazzjoni mogħtija minn tariffa ta' użu nazzjonali. Minbarra dan, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat, fil-punti 76 sa 81 tas-sentenza kkontestata, li r-rikorrenti lanqas ma setgħu joqogħdu fuq sempliċi informazzjoni bit-telefon, kif lanqas ma setgħu jippretendu li ma kellhomx iż-żmien meħtieġ sabiex jitolbu, bil-miktub, lill-awtoritajiet kompetenti li jiċċarawlhom is-sitwazzjoni ġuridika in kwistjoni.
23 Sabiex tiċħad it-tieni raġuni, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, fil-punt 88 tas-sentenza kkontestata, li billi, f'din il-kawża, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK ma kinux ġew sodisfatti, id-dħul sussegwenti fil-kontijiet, permezz tad-deċiżjonijiet ikkontestati, tad-dazji fuq l-importazzjonijiet in kwistjoni ma setax jikkostitwixxi, fih innifsu, ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità.
24 Sabiex tiċħad it-tielet raġuni, il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset, fil-punti 93 u 96 tas-sentenza kkontestata, li, minn naħa, l-ilment ibbażat fuq allegat ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba b'ebda mod ma kien sostnut, u li, min-naħa l-oħra, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali kien irrilevanti, fid-dawl tan-natura mhux komparabbli tas-sitwazzjonijiet invokati mir-rikorrenti sabiex isostnu dan l-ilment.
It-talbiet tal-partijiet
25 Biegi u Commonfood jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla s-sentenza ikkontestata;
– tannulla parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2001) 2533, ta' l-14 ta' Awwissu 2001 (Ġabra 4/00), safejn tikkonstata li huwa ġustifikabbli li jsir id-dħul sussegwenti fil-kontijiet tad-dazji fuq l-importazzjoni fis-somma ta' DEM 218 605.64;
– tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2002) 857, tal-5 ta' Marzu 2002 (Ġabra 4/01), li tikkonstata li huwa ġustifikabbli li jsir id-dħul sussegwenti fil-kontijiet tad-dazji fuq l-importazzjoni fis-somma ta' DEM 222 116.06;
– tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.
26 Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad l-appell;
– tordna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.
Fuq l-appell
27 Sabiex isostnu l-appell tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ raġunijiet ibbażati, l-ewwel waħda, fuq ksur ta' l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, it-tieni waħda, fuq difett proċedurali.
28 Il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, illi dawn ir-raġunijiet mhumiex ammissibbli. Hija ssostni, sussidjarjament, li mhumiex fondati.
Fuq ir-raġuni bbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK
L-argumenti tal-partijiet
29 Ir-rikorrenti jilmentaw li, sabiex il-Qorti tal-Primn'Istanza ċaħdet ir-rikorsi tagħhom billi bbażat ruħha fuq il-fatt li huma setgħu jindunaw bl-iżball kommess mill-awtoritjaiet doganali, hija esaġerat ir-rekwiżiti ta' diliġenza li għandhom jissodisfaw l-operaturi ekonomiċi u li injorat il-kumplessità tal-leġiżlazzjoni applikabbli.
30 Skond ir-rikorrenti, l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK għandu jiġi interpretat, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl ta' l-għan ta' din id-dispożizzjoni, li huwa li jitħarsu l-aspettattivi leġittimi tal-persuna suġġetta għad-dazju dwar il- fondatezza ta' l-elementi kollha involuti fid-deċiżjoni jekk għandhomx jiġu rkuprati d-dazji tad-dwana jew le (sentenza ta' l-14 ta' Novembru 2002, Ilumitrónica, C-251/00, Ġabra p. I‑10433, punt 39). Għalkemm, skond il-ġurisprudenza, in-natura ta' l-iżball tiddependi mill-kumplessità tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni u mit-tul ta' żmien li matulu l-awtoritajiet ippersistew fl-iżball tagħhom, tali tul ta' żmien jikkostitwixxi biss sempliċi indikazzjoni, mhux kundizzjoni awtonoma neċessarja sabiex jiġi aċċettat li l-iżball huwa wieħed li ma tistax tinduna bih. F'din il-kawża, hemm żball kostanti u ripetut li sar miż-żewġ dipartimenti Ġermaniżi kompetenti. Il-kumplessità tal-leġiżlazzjoni tirriżulta mill-applikazzjoni ta' diversi liġijiet li jingħaqdu flimkien mingħajr ma dan ikun speċifikat b'mod ċar, u l-qari tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej mhuwiex biżżejjed sabiex jiġi identifikat speċifikament id-dritt applikabbli.
31 Ir-rikorrenti jsostnu li, fil-mument meta ħadu d-deċiżjonijiet tagħhom, l-Eilverteiler ma kien isemmi ebda obbligu li tiġi ppreżentata liċenzja ta' importazzjoni u kien jirriferi għar-Regolament Nru 1359/95 li l-Anness tiegħu, taħt in-numru ta' l-ordni 18 dwar il-kwoti tat-tariffa l-ġodda in kwistjoni, tad-WTO, ma kien isemmi xejn fil-kolonna 6, meta għall-parti l-kbira tal-kwoti tat-tariffa l-oħrajn din l-istess kolonna kienet tispeċifika li l-kwalifikazzjoni għal dawn il-kwoti kien suġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fid-dispożizzjonijiet Komunitarji rilevanti. Huwa dan in-nuqqas, taħt in-numru ta' l-ordni 18, li wassal lill-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi u lir-rikorrenti sabiex jikkonkludu illi ż-żewġ kwoti tat-tariffa għall-laħam tat-tjur stabbiliti fil-kuntest tal-ftehim milħuqa fin-negożjati multilaterali tal-Laqgħa ta' l-Urugwaj (1986-1994), konklużi f'isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x'jaqsmu affarijiet fil-kompetenzi tagħha, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta' Diċembru 1994 (ĠU L 336, p. 1), kienu kwoti tat-tariffa mhux suġġetti għall-preżentazzjoni ta' liċenzja ta' importazzjoni.
32 Skond ir-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkommettiet żball fl-evalwazzjoni tal-fatti meta kkunsidrat bħala qasir il-perijodu ta' kważi xahrejn li matulu l-ogħla awtoritajiet Ġermaniżi kienu żbaljati fl-attività leġiżlattiva tagħhom. Il-fatt li dawn l-awtoritajiet għamlu dan l-iżball huwa biżżejjed biex jipprova li operaturi b'esperjenza ma setgħux jindunaw b'dan l-iżball, speċjalment peress li kien jirrigwarda kwoti tat-tariffa ġodda li ma kinux jaqgħu taħt dispożizzjonijiet Komunitarji preċedenti.
33 Fuq l-obbligi tagħhom ta' diliġenza, ir-rikorrenti jsostnu li kienu preċiżament id-domandi ripetuti tagħhom lid-diversi dipartimenti kkonċernati, li kienu jirrigwardaw biss il-bżonn ta' preżentazzjoni ta' liċenzja ta' importazzjoni, li wasslu lill-awtoritajiet doganali sabiex jikkoreġu l-iżball li kien fih l-Eilverteiler. F'dak li jirrigwarda l-affermazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza li r-rikorrenti kellhom żmien biżżejjed sabiex jiktbu lill-Kummissjoni, huma jirreferu għall-osservazzjonijiet magħmula fir-replika tagħhom ippreżentata fl-ewwel istanza. Huma jżidu li l-implementazzjoni tad-dritt doganali jinkombi lill-awtoritajiet doganali ta' l-Istati membri u li l-Artikolu 220(2) tal-KDK jiġi mċaħħad minn kull effett li kieku l-impriżi kellhom jitolbu lill-Kummissjoni għal informazzjoni.
34 Għall-Kummissjoni, din l-ewwel raġuni hija inammissibbli peress li tikkostitwixxi, essenzjalment, sempliċi ripetizzjoni tar-raġunijiet u argumenti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza jew tirrigwarda punti ta' fatt. Safejn jikkonċerna l-offerti ta' provi li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma kkunsidratx li kien meħtieġ li jiġu eżaminati, l-appell jirrigwarda kwistjoni ta' fatt u fir-realtà huwa sempliċi ripetizzjoni tar-rikors. Tali ripetizzjoni għandha tiġi rilevata wkoll f'dak li jikkonċerna l-argument ta' l-appell ibbażat fuq il-kumplessità tal-leġiżlazzjoni, fuq li ma setax jinduna bl-iżbalji ta' l-awtoritajiet tad-dwana f'ċerti każijiet, u fuq l-obbligu ta' diliġenza ta' l-impriżi. L-ilment li jirrigwarda l-evalwazzjoni żbaljata mill-Qorti tal-Prim'Istanza taċ-ċirkustanzi kien wassluha sabiex tikkunsidra bħala qasir il-perijodu li matulu kien kommess l-iżball jikkonċerna evalwazzjoni tal-fatti.
35 Il-Kummissjoni ssostni, sussidjarjament, li r-raġuni bbażata fuq ksur tad-dritt Komunitarju mhuwiex fondat. Hija tenfasizza li s-sentenza Ilumitrónica, iċċitata aktar 'il fuq, invokata mir-rikorrenti, kienet tikkonċerna żball kommess mill-awtoritajiet Torok matul aktar minn għoxrin sena u leġiżlazzjoni aktar kumplessa, peress li kienet imxerrda 'l hawn u 'l hemm, u li kienet tippreċedi fiż-żmien lill-KDK. Hija kienet tikkonċerna wkoll il-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit-12 ta' Settembru 1963 f'Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, u mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f'isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta' Diċembru 1963 (ĠU 1964, 217, p.3685), billi d-deċiżjonijiet in kwistjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni mwaqqaf permezz ta' l-imsemmi Ftehim ma kinux ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Il-kumplessità ta' dik il-kawża b'ebda mod ma tista' tiġi mqabbla ma' dik ta' din il-kawża.
36 Il-Kummissjoni ssostni li b'ebda mod ma ġie pprovat li l-iżball kien wieħed li ma tistax tinduna bih, billi r-rikorrenti ma ġġustifikawx l-allegazzjonijiet tagħhom li l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi kkonfermaw, diversi drabi, bit-telefon in-nuqqas ta' ħtieġa ta' liċenzja ta' importazzjoni. Il-kumplessità tal-leġiżlazzjoni ma tistax tiġi invokata utilment f'din il-kawża, meta l-obbligu tal-preżentazzjoni ta' tali liċenzja sabiex wieħed jibbenefika mill-kwoti tat-tariffa, li, fid-data ta' l-importazzjonijiet in kwistjoni, kien ilu jeżisti għal aktar minn sena, ma setax manifestament jitqiegħed fid-dubju permezz tar-Regolament Nru 1359/95 li jirrigwarda sempliċement in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika. Ir-referenzi magħmula minn dan ir-Regolament għal regoli oħra tad-dritt doganali għandhom biss natura dikjaratorja, u n-nuqqas ta' tali referenzi b'ebda mod ma jista’ jagħti indikazzjoni li dawn ir-regoli mhumiex applikabbli. It-tariffa doganali Ġermaniża ta' użu tikkostitwixxi biss manwal intiż sabiex jiffaċilita x-xogħol.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
– Fuq l-ammissibbiltà ta' l-ewwel raġuni
37 Rigward l-ammissibbiltà ta' din ir-raġuni, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skond ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta mill-Artikolu 225 KE, mill-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 58 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li appell għandu jindika b'mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li tagħha jintalab l-annullament, kif ukoll l-argumenti ġuridiċi li jsostnu b'mod speċifiku din it-talba (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta' Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, C-41/00 P, Ġabra p. I‑2125, punt 15, u tad-29 ta' April 2004, Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C-496/99 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 48).
38 Appell li jillimita ruħu li jirrepeti jew jirriproduċi kelma b'kelma r-raġunijiet u l-argumenti li kien ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, inklużi dawk li kienu bbażati fuq fatti espressament miċħuda minn dik il-Qorti, ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta' motivazzjoni li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi Interporc vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 16, u Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, iċċitata aktar 'il fuq, punt 49).
39 Madankollu, meta rikorrent jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-appplikazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza, il-punti ta' dritt eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid fil-kors ta' appell. Fil-fatt, li kieku rikorrent ma setax jibbaża l-appell tiegħu b'dan il-mod fuq raġunijiet u argumenti diġà użati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-proċedura ta' appell tiġi mċaħħda minn parti mis-sinjifikat tagħha (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi Interporc vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 17, u Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, iċċitata altar 'il fuq, punt 50).
40 Għandu jitfakkar, fit-tieni lok, li jirriżulta mill-Artikoli 225 KE u 58 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-appell għandu jkun limitat għal punti ta' dritt. Skond ġurisprudenza stabbilita, hija għalhekk il-Qorti tal-Prim'Istanza biss li hija kompetenti, minn naħa, sabiex tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati lilha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. Għalhekk, ħlief fil-każ ta' żnaturament tal-provi li jkunu ġew ippreżentati lilha, l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix punt ta' dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' appell (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-1 ta' Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C-136/92 P, Ġabra p. I‑1981, punti 47 sa 49, u tad-29 ta' April 2004, Il-Parlament vs Ripa di Meana et, C-470/00 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 40).
41 Huwa paċifiku, min-naħa l-oħra, li, meta l-Qorti tal-Prim'Istanza tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex teżerċita, skond l-Artikolu 225 KE, stħarriġ dwar il-kwalifikazzjoni ġuridika ta' dawn il-fatti u l-konsegwenzi ġuridiċi li tkun ġibdet minnhom il-Qorti tal-Prim'Istanza. Kif iddeċidiet diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, din l-operazzjoni ta' kwalifikazzjoni tikkostitwixxi, fil-fatt, punt ta' dritt li, bħala tali, jista' jkun suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' appell (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta' Ottubru 1995, Rendo et vs Il-Kummissjoni, C-19/03 P, Ġabra p. I-3319, punt 26, u Il-Parlament vs Ripa di Meana et, iċċitata aktar 'il fuq, punt 41).
42 F'din il-kawża, Biegi u Commonfood isostnu li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret id-dritt Komunitarju meta ddeċidiet li r-rikorrenti setgħu jindunaw bl-iżbalji kommessi mill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi. B'mod iktar partikolari, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Qorti tal-Prim'Istanza li, b'hekk, esaġerat, fl-implementazzjoni ta' l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżiti ta' diliġenza li huma imposti fuq l-operaturi ekonomiċi kkonċernati u li evalwat ħażin in-natura kumplessa tar-regolamentazzjoni in kwistjoni.
43 F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti jikkontestaw ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Prim'Istanza fuq kwistjoni tal-kwalifikazzjoni ġuridika tal-fatti u b'hekk jissottomettu punt ta' dritt għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja.
44 Minn dan isegwi li l-ewwel raġuni hija ammissibbli.
– Fuq il-fondatezza ta' l-ewwel raġuni
45 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar, kif irrilevat il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 56 tas-sentenza kkontestata, li huwa paċifiku li saru żewġ żbalji mill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, jiġifieri l-ħruġ ta' verżjoni żbaljata ta' l-Eilverteiler u l-iżdoganar tal-merkanzija importata mir-rikorrenti f'Lulju 1995 bil-ħruġ tat-tariffa preferenzjali mingħajr il-preżentazzjoni ta' liċenzja ta' importazzjoni.
46 Skond l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, l-awtoritajiet kompetenti m'għandhomx iwettqu d-dħul sussegwenti fil-kontijiet ta' dazji fuq l-importazzjoni jekk jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. Jeħtieġ, l-ewwel nett, li d-dazji ma jkunux inġabru b'riżultat ta' żball ta' l-awtoritajiet kompetenti nfushom, it-tieni nett, li l-żball kommess minn dawn ta' l-aħħar ma setgħetx raġonevolment tinduna bih persuna suġġetta għad-dazju li taġixxi in bona fide u, fl-aħħar nett, li din ta' l-aħħar osservat id-dispożizzjonijiet kollha previsti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ f'dak li jikkonċerna d-dikjarazzjoni doganali tagħha (ara, b'analoġija, is-sentenzi tat-12 ta' Lulju 1989, Binder, 161/88, Ġabra p. 2415, punti 15 u 16; ta' l-14 ta' Mejju 1996, Faroe Seafood et, C-153/94 u C-204/94, Ġabra p.1-2465, punt 83; digrieti tad-9 ta' Diċembru 1999, CPL Imperial 2 u Unifrigo vs Il-Kummissjoni, C-299/98 P, Ġabra p. I‑8683, punt 22, u tal-11 ta' Ottubru 2001, William Hinton & Sons, C-30/00, Ġabra p. I‑7511, punti 68, 69, 71 u 72).
47 F'dak li jikkonċerna t-tieni kundizzjoni msemmija iktar 'il fuq, li hija l-unika waħda in kwistjoni f'dan l-appell, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-kwistjoni jekk wieħed setax jinduna bi żball kommess mill-awtoritajiet doganali kompetenti għandha tiġi evalwata billi jittieħdu in kunsiderazzjoni n-natura ta' l-iżball, l-esperjenza professjonali ta' l-operaturi kkonċernati u d-diliġenza li jkunu wrew dawn ta' l-aħħar (sentenzi ċċitati aktar 'il fuq Faroe Seafood et, iċċitata, punt 99, u Ilumitrónica, iċċitata aktar 'il fuq, punt 54).
48 Rigward in-natura ta' l-iżball, din għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kumplessità jew, għall-kuntrarju, tan-natura suffiċjentement sempliċi tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni (ara s-sentenzi tas-16 ta' Lulju 1992, Belovo, Ġabra p. I‑4937, punt 18, u Faroe Seafood et, iċċitata aktar 'il fuq, punt 100) u tal-perijodu ta' żmien li matulu l-awtoritajiet ikunu ppersistew fl-iżball (ara s-sentenzi tat-12 ta' Diċembru 1996, Foods Import, Ġabra p. I‑6543, punt 30, u Ilumitrónica, iċċitata aktar 'il fuq, punt 56).
49 F'din il-kawża, il-Qorti tal-Prim'Istanza, sabiex teskludi n-natura kumplessa tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni, ibbażat ruħha, fil-punt 63 tas-sentenza kkontestata, fuq il-fatt li r-regoli applikabbli għall-użu tal-kwota tat-tariffa Komunitarja kkontestata kienu definiti mit-testi li jirrigwardaw il-ftuħ u l-amministrazzjoni ta' l-imsemmija kwota u li jistabbilixxu regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' din ta' l-aħħar, jiġifieri r-Regolament Nru 774/94, kif emendat bir-Regolament Nru 2198/95, u r-Regolament Nru 1431/94, li jipprovdi b'mod ċar, fl-Artikolu 1 tiegħu, li l-importazzjonijiet kollha fil-Komunità, magħmula fil-kuntest ta' din il-kwota tat-tariffa għal diversi snin, kienu suġġetti għall-preżentazzjoni ta' liċenzja ta' importazzjoni.
50 Għandu jiġi rilevat, madankollu, li, bir-Regolament Nru 1359/95, il-Kummissjoni ppubblikat verżjoni ġdida tan-nomenklatura magħquda tal-merkanzija, applikabbli mill-1 ta' Lulju 1995 u li tistabbilixxi, fl-Anness 7 tagħha, lista tal-kwoti tat-tariffi tal-WTO li kellhom jinħarġu mill-awtoritajiet Komunitarji kompetenti. Il-kolonna 6, imsejħa "Termini u kundizzjonijiet oħra", ta' l-imsemmi Anness 7, riprodotta fil-punt 7 ta' din is-sentenza, ma tinkludi ebda rimarka taħt in-numru ta' l-ordni 18 li jikkonċerna n-nomenklatura magħquda tal-merkanzija in kwistjoni f'din il-kawża, mentri, fl-istess kolonna, huwa speċifikat, għal mekanzija oħra, li "il-kwalifikazzjoni għal din il-kwota hija suġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati fid-dispożizzjonijiet Komunitarji rilevanti".
51 Minn dawn il-konstatazzjonijiet, jirriżulta, minn naħa, illi, għall-ewwel darba mill-1 ta' Lulju 1995, in-nomenklatura magħquda li tirriżulta mir-Regolament Nru 1359/95 uriet separatament il-kwoti tat-tariffi WTO li kellhom joħorġu l-awtoritajiet Komunitarji kompetenti. Għalhekk, l-imsemmi Regolament, li t-tielet premessa tiegħu kienet tispeċifika li kien neċessarju li jiġu implementati, b'effett mill-1 ta' Lulju 1995, ċerti miżuri dwar tariffi, b'mod partikolari għal prodotti agrikoli kif definiti fin-negozjati multilaterali tal-Laqgħa ta' l-Urugwaj, seta' jidher li kien qed jiftaħ, f'din id-data, kwoti tat-tariffa ġodda, distinti minn dawk li kienu ġew miftuħa, mill-1 ta' Jannar 1994, mir-Regolament Nru 774/94. Barra dan, kien biss bis-saħħa tar-Regolament Nru 2198/95 tat-18 ta' Settembru 1995, li ġie wara l-importazzjonijiet in kwistjoni, li nfetħu retroattivament mill-1 ta' Lulju 1995, l-istess kwoti tat-tariffa dwar il-merkanzija li kienet is-suġġett ta' l-imsemmija importazzjonijiet.
52 Min-naħa l-oħra, fid-dawl tar-rimarki magħmula fir-rigward ta' merkanzija oħra, in-nuqqas ta' kull informazzjoni oħra, fin-nomenklatura magħquda l-ġdida, dwar il-kundizzjonijiet li għalihom kienet suġġetta l-kwalifikazzjoni għall-kwoti li jikkonċernaw il-merkanzija in kwistjoni f'din il-kawża, seta' wkoll jagħti l-impressjoni li l-użu tal-kwoti tat-tariffa kkonċernati ma kien suġġett għal ebda kundizzjoni.
53 Fl-aħħar nett, ir-Regolament Nru 1359/95 ma kien fih ebda rimarka li setgħet tippermetti lill-operaturi jikkunsidraw li l-informazzjoni kontenuta fl-annessi tiegħu kellha biss valur dikjaratorju.
54 Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li, fih innifsu, ir-Regolament Nru 1359/95 kien fih ambigwità dwar il-portata reali tal-punti tiegħu li jikkonċernaw il-kwoti tat-tariffa tal-WTO, b'mod partikolari safejn kien jirreferi għall-merkanzija li taqa' taħt il-kodiċijiet NM 0207 41 10, 0207 41 41 u 0207 41 71. B'mod partikolari, it-titlu u d-diversi rimarki fil-kolonna 6 ta' l-Anness 7 ta' l-imsemmi Regolament, meħudin flimkien, kienu joħolqu sitwazzjoni li ma kinitx suffiċjentement sempliċi sabiex minn eżami tagħhom wieħed jista' jinduna faċilment li l-użu, mill-1 ta' Lulju 1995, ta' kwoti tat-tariffa li jirrigwardaw l-imsemmija merkanzija baqa' suġġett għall-kundizzjoni, prevista mir-Regolament Nru 1431/94, li tiġi produtta liċenzja ta' importazzjoni. Il-leġiżlazzjoni applikabbli f'din il-kawża jista' għalhekk jiġi oġġettivament deskritt bħala kumpless (ara, per eżempju, is-sentenza Ilumitrónica, iċċitata aktar 'il fuq, punt 57).
55 Għalhekk din id-deskrizzjoni tirriżulta direttament mill-kontenut ta' l-Anness 7 tar-Regolament Nru 1359/95, li, xi ġranet biss qabel l-operazzjonijiet ta' importazzjoni in kwistjoni, wera separatament għall-ewwel darba fin-nomenklatura magħquda, il-kwoti tat-tariffa tal-WTO. L-esperjenza ta' l-operaturi kkonċernati fil-qasam tal-kummerċ fil-merkanzija in kwistjoni ma tistax, għalhekk, tittieħed in kunsiderazzjoni f'din il-kawża sabiex jiġi kkunsidrat li huma setgħu faċilment indunaw bl-iżball li kien hemm fl-Eilverteiler. Barra minn hekk, dan l-iżball ġie kommess mill-ogħla awtoritajiet doganali Ġermaniżi nfushom li, meta emendaw it-tariffa ta' użu tagħhom sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni r-Regolament Nru 1359/95, naqsu li jispeċifikaw li l-importazzjoni tal-merkanzija li taqa' fil-kodiċijiet imsemmija iktar 'il fuq kienet suġġetta għall-produzzjoni ta' liċenzja ta' importazzjoni. Barra minn hekk, dan l-iżball ġie korrett biss diversi ġimgħat wara l-pubblikazzjoni ta' dan id-dokument u wara l-passi li ttieħdu mill-operaturi, b'mod xieraq, ma' dawn l-awtoritajiet jassiguraw ruħhom mir-regolarità ta' l-operazzjonijiet tagħhom ta' importazzjoni. F'dan ir-rigward, l-imsemmija operaturi ma jistgħux jiġu kkritikati li ma tawx prova tad-diliġenza li kellhom l-obbligu li juru għaliex ma kitbux lill-awtoritajiet kompetenti qabel ma wettqu l-importazzjonijiet in kwistjoni.
56 Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha li saru qabel li l-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljat meta qieset li l-iżbalji li saru mill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi ma kinux ta' natura li r-rikorrenti ma setgħux raġonevolment jindunaw bihom. Għalhekk, dawn ta' l-aħħar għandhom raġun isostnu li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' dritt meta għamlet tali kwalifikazzjoni u meta ddeċidiet li, konsegwentement, it-tieni kundizzjoni kumulattiva prevista mill-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK ma ġietx sodisfatta f'din il-kawża. Għaldaqstant, is-sentenza kkontestata għandha tiġi annullata għal din ir-raġuni, mingħajr m'hemm bżonn li tiġi eżaminata r-raġuni l-oħra mqajma mir-rikorrenti.
Fuq il-mertu
57 Konformement ma' l-Artikolu 61 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-kawża hija fi stat li tiġi deċiża, għandu jiġi deċiż il-mertu tat-talbiet tar-rikorrenti għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati.
58 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li saru qabel, hemm lok li jiġi kkonstatat li, sabiex tiġġustifika, bid-deċiżjonijiet ikkontestati, id-dħul sussegwenti fil-kontijiet tad-dazji fuq l-importazzjoni fil-kawżi bejn ir-rikorrenti u l-amministrazzjoni doganali Ġermaniża, il-Kummissjoni żbaljat meta qieset li l-fatti tal-kawżi in kwistjoni ma wrewx li sar żball min-naħa ta' l-awtoritajiet doganali, li ma setax jinduna bih operatur in bona fide fis-sens ta' l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK.
59 Minn dan isegwi li r-raġuni tar-rikorrenti bbażata fuq ksur ta' l-imsemmi Artikolu għandha tiġi milqugħa. Għalhekk, id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati, mingħajr m'hemm bżonn li jiġu eżaminati r-raġunijiet l-oħra.
Fuq l-ispejjeż
60 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta' appell skond l-Artikolu 118 ta' l-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż , kif mitlub minn Biegi u Commonfood.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta' u tiddeċiedi:
1) Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-17 ta' Settembru 2003, Biegi Nahrungsmittel u Commonfood vs Il-Kummissjoni (T-309/01 u T-239/02), hija annullata.
2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2001) 2533, ta' l-14 ta' Awwissu 2001 (Ġabra 4/00), safejn tordna d-dħul sussegwenti fil-kontijiet ta' dazji fuq l-importazzjoni dovuti minn Peter Biegi Nahrungsmittel GmbH fis-somma ta' DEM 218 605.64, hija annullata.
3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2002) 857, tal-5 ta' Marzu 2002 (Ġabra 4/01), safejn tordna d-dħul sussegwenti fil-kontijiet ta' dazji fuq l-importazzjoni dovuti minn Commonfood Handelsgesellschaft für Agrar-Produkte mbH fis-somma ta' DEM 222 116.06, hija annullata.
4) Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Top