Avviż Legali Importanti
European Court reports 2005 Page 00000
Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Fil-kawża C-227/03
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Rechtbank te Amsterdam (l-Olanda), permezz ta' deċiżjoni tal-21 ta' Mejju 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta' Mejju 2003, fil-proċedura
A. J. van Pommeren-Bourgondiën
vs
Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta' Awla, J.P. Puissochet (Relatur), S. von Bahr, U. Lhmus u A. Ó Caoimh, Mħallfin
Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,
Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub wara s-seduta tad-9 ta' Diċembru 2004,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:
- għal A. J. van Pommeren-Bourgondiën, minn P. de Casparis, advocaat,
- għal le Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank, minn G. Vonk, bħala aġent,
- għall-Gvern Olandiż, minn H.G. Sevenster u C. Wissels, bħala aġenti,
- għall-Gvern Belġjan, minn A. Snoecx u M. Wimmer, bħala aġenti,
- għall-Gvern Grieg, minn M. Apessos u D. Kalogiros kif ukoll minn I. Pouli, bħala aġenti,
- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Martin, H. van Vliet u R. Troosters, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta ta' l-24 ta' Frar 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Motivi tas-sentenza1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 39 KE u ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill, ta' l-14 ta' Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta' skemi ta' sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendat mir-Regolament (KEE) Nru 2195/91 tal-Kunsill, tal-25 ta' Ġunju 1991 (ĠU L 206, p. 2, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 1408/71").
2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kontroversja bejn is-Sinjura van Pommeren-Bourgondiën u r-Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank (kunsill ta' amministrazzjoni tal-fond tas-sigurtà soċjali, iktar 'il quddiem is-"SVB"), dwar ir-rifjut ta' dan ta' l-aħħar li jżomm l-affiljazzjoni obbligatorja tagħha ma' ċerti friegħi tas-sigurtà soċjali minħabba li ma kinitx tirrisjedi fl-Olanda.
Il-Kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni komunitarja
3. Konformement ma' l-Artikolu 4(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 1408/71
"[...] japplika għall-leġislazzjoni kollha rigward il-friegħi tas-sigurtà soċjali li ġejjin:
a) benefiċċji tal-mard u tal-maternità;
b) benefiċċji ta' l-invalidità [...];
c) benfiċċji tax-xjuħija;
d) benefiċċji tas-superstiti;
[...]
g) benefiċċji tal-qgħad;
h) benefiċċji familjari/tal-familja."
4. It-titolu II (Artikoli 13 sa 17a) ta' dan ir-Regolament, intitolat "Determinazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli", jirregola s-sitwazzjonijiet ta' kunflitt.
5. Skond l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71:
"1. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 14c [u 14f], persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikun soġġetti għal-liġijiet ta' Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġi stabbiliti skond id-disposizzjonijiet ta' dan it-Titolu.
2. Soġġetta għall-Artikoli 14 sa 17:
a) persuna impjegata fit-territorju ta' Stat Membru wieħed għandha tkun soġġetta għall-leġislazzjoni ta' dak l-Istat ukoll jekk tkun tgħix fit-territorju ta' Stat Membru ieħor [...]
[...]
f) persuna li għaliha ma tapplikax iktar il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru, mingħajr ma ssir applikabbli għaliha il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru ieħor [...], għandha tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni tat-territorju ta' l-Istat Membru fejn tirrisjedi [...]"
6. Skond l-Artikolu 10b tar-Regolament (KEE) Nru 574/72 tal-Kunsill, tal-21 ta' Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament 1408/71 (ĠU L 74, p.1), fil-verżjoni tiegħu kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 118/97 tal-Kunsill, tat-2 ta' Diċembru 1996 (ĠU 1997, L 28, p. 1):
"Id-data u l-kundizzjonijiet li fihom il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru ma tapplikax iktar għal persuna msemmija fl-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament [Nru 1408/71] huma ddeterminati skond id-dispożizzjonijiet ta' din il-leġiżlazzjoni [...]"
7. Skond l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1408/71:
"1. Id-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli 13 u 14 ma għandhomx japlikaw għal assigurazzjoni volontarja jew assigurazzjoni b'għażla ssoktata, ħlief meta, għal waħda mill-friegħi msemmija fl-Artikolu 4, tkun teżisti biss fi Stat Membru sistema ta' assigurazzjoni volontarja.
2. Fejn l-applikazzjoni tal-leġislazzjonijiet ta' żewġ Stati Membri jew iktar tinvolvi t-tennija ta' l-assigurazzjoni:
- fuq skema ta' assigurazzjoni obbligatorja u skema waħda jew iktar ta' assigurazzjoni volontarja jew b'għażla ssoktata, il-persuna interessata għandha tkun soġġetta esklussivament għall-iskemi ta' assigurazzjoni obbligatorja;
- fuq żewġ skemi jew iktar ta' assigurazzjoni volontarja jew b'għażla ssoktata, il-persuna interessata tista' tingħaqad biss ma' l-assigurazzjoni volontarja jew b'għażla ssoktata li tkun għażlet.
3. Madankollu, f'dak li għandu x'jaqsam ma' invalidità, xjuħija u mwiet (pensjonijiet), il-persuna interessata tista' tidħol fi skema ta' assigurazzjoni volontarja ta' Stat Membru, saħansitra jekk tkun soġġetta bil-fors għal-leġislazzjoni ta' Stat Membru ieħor, safejn u sakemm din it-tennija tkun aċċettata espliċitament jew impliċitament fl-Istat Membru ta' l-ewwel."
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
8. Ir-Renju ta' l-Olanda stabbilixxa distinzjoni bejn żewġ tipi ta' assigurazzjonijiet soċjali, jiġifieri, min-naħa, l-"iskema ġenerali ta' assigurazzjonijiet soċjali" u, min-naħa l-oħra, l-"iskema ta' assigurazzjonijiet soċjali ta' persuni impjegati".
9. L-iskema ġenerali ta' assigurazzjonijiet soċjali jiġbru l-liġijiet li ġejjin:
- liġi dwar l-iskema ġenerali tas-sussidji familjari (Algemene Kinderbijslagwet, iktar 'il quddiem l-"AKW");
- liġi dwar l-iskema ġenerali tal-pensjonijiet tas-superstiti [tar-romol] (Algemene Nabestaandenwet, iktar 'il quddiem l-"ANW");
- liġi dwar l-iskema ġenerali tal-pensjonijiet tax-xjuħija (Algemene Ouderdomswet, iktar 'il quddiem l-AOW);
- liġi dwar l-iskema ġenerali tal-kuri partikolari għas-saħħa (Algemene wet bijzondere ziektekosten, iktar 'il quddiem l-AWBZ).
10. L-iskema ta' assigurazzjonijiet soċjali ta' persuni impjegati jiffurmaw is-suġġett tal-liġijiet soċjali li ġejjin:
- liġi dwar l-iskema ta' mard (Ziektewet, iktar 'il quddiem iż-ZW);
- liġi dwar il-fondi ta' mard (Ziekensfondwet, iktar 'il quddiem iż-ZFW);
- liġi dwar l-iskema tal-qgħad (Werkloosheidswet, iktar 'il quddiem il-WW);
- liġi dwar l-assigurazzjoni f'każ ta' inkapaċità għax xogħol (Arbeidsongeschiktheidsverzekering, iktar 'il quddiem il-WAO).
11. F'dak li jirrigwarda l-iskema ġenerali ta' assigurazzjonijiet soċjali, il-leġiżlazzjoni Olandiża kienet tapplika inizjalment skema li fil-kuntest tagħha l-persuni li jirrisjedu barra mill-Olanda u li jibbenefikaw minn ċerti benefiċċji Olandiżi għal żmien twil kienu marbuta b'mod obbligatorju b'ċerti kundizzjonijiet.
12. L-Artikolu 8 tad-digriet Olandiż għall-estensjoni u r-restrizzjoni tal-kategorija ta' persuni assigurati taħt l-assigurazzjonijiet soċjali (Besluit uitbreiding en beperking kring verzekerden volksverzekeringen) tat-3 ta' Mejju 1989, jiddisponi li:
"1. L-assigurazzjonijiet soċjali jkopru l-persuna li ttrasferiet ir-residenza tagħha barra mill-Olanda u li, fiż-żmien meta telqet, kellha dritt għal:
a) benefiċċju mogħti mill-WAO [...]
[...]
2. L-assigurazzjonijiet soċjali jkopru l-persuna li ma tirrisjedix fl-Olanda u li għandha dritt għal benefiċċju [...] imsemmi fl-ewwel paragrafu, jekk dan id-dritt jirriżulta mill-affiljazzjoni obbligatorja ma' l-assigurazzjonijiet soċjali jew mill-affiljazzjoni volontarja skond l-Artikolu 45 ta' l-AOW u l-Artikolu 63 ta' l-ANW, u sakemm il-benefiċċju [...] ikun almenu ekwivalenti għal 35 % tal-paga minima."
13. Id-digriet ta' l-24 ta' Diċembru 1998, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1999, ħassar id-digriet tat-3 ta' Mejju 1989. B'mod tranżitorju, inżammu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 ta' dan id-digriet sa l-1 ta' Jannar 2000, permezz ta' l-Artikolu 26 tad-digriet ta' l-24 ta' Diċembru 1998. F'din id-data, l-affiljazzjoni obbligatorja ntemmet għal ċerti friegħi tas-sigurtà soċjali.
14. Dawk il-persuni li ma kienux iktar suġġetti għall-affiljazzjoni obbligatorja wara l-1 ta' Jannar 2000 setgħu madankollu jagħmlu assigurazzjoni volontarjament abbażi ta' l-Artikolu 2(1) tad-digriet tat-2 ta' Jannar 1990 (Besluit inzake vrijwillige verzekering). Skond dan l-Artikolu, din il-fakultà tingħata għal sena wara li tintemm l-affiljazzjoni obbligatorja u sempliċi dikjarazzjoni mas-Sociale verzekeringsbank (fond tas-sigurtà soċjali) hija biżżejjed sabiex tkun assigurat mill-ġdid.
15. Skond l-Artikolu 35 ta' l-AOW:
"1. Il-persuna li kienet assigurata qabel u li għandha iktar minn 15-il sena tista' tagħmel assigurazzjoni volontarjament, sakemm din il-persuna m'għalqitx l-età ta' 65, għal perijodu massimu ta' 10 snin li jibda mill-ġurnata ta' wara dik meta ntemmet l-assigurazzjoni obbligatorja. [...]
3. Il-perijodu massimu ta' 10 snin imsemmi fil-paragrafu 1 ma japplikax għal: [...] il-persuna li kienet assigurata qabel, li għandha 50 sena jew iktar fil-ġurnata li fiha ntemmet l-assigurazzjoni obbligatorja, li ma tirrisjedix fl-Olanda u li għandha dritt għall-ħlas:
(i) ta' benefiċċju taħt il-liġi dwar l-assigurazzjoni f'każ ta' inkapaċità għax xogħol (WAO) [...]
16. Skond l-Artikolu 63 ta' l-ANW:
"1. Il-persuni li kienu assigurati qabel jistgħu jagħmlu assigurazzjoni volontarjament, skond il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti permezz ta' regolament ta' l-amministrazzjoni pubblika jew permezz tal-provvedimenti meħuda għall-applikazzjoni tiegħu, għal perijodi ta' żmien wara li jkunu għalqu 15-il sena, iżda qabel ma jagħlqu 65 sena, li għalihom m'humiex assigurati.
2. F'dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu, għandu jiftihem b'mod partikolari l-użu simultanju tal-fakultà, imsemmija fl-Artikolu 45 tal-liġi ġenerali dwar l-assigurazzjoni tax-xjuħija, li jagħmel assigurazzjoni volontarjament."
17. L-affiljazzjoni obbligatorja madankollu nżammet għal ċerti friegħi tas-sigurtà soċjali. L-Artikolu 27 tad-digriet ta' l-24 ta' Diċembru 1998 żamm l-obbligu li persuna tkun assigurata taħt l-AKW bil-kundizzjoni li l-iżgħar wieħed mit-tfal ma jkunx għalaq 18-il sena. L-Artikolu 7 ta' dan id-digriet jipprovdi li persuna hija assigurata taħt l-AWBZ jekk ma tirrisjedix fl-Olanda, tkun assigurata taħt iż-ZFW u jekk, b'applikazzjoni ta' regolament tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, tista' titlob, fl-Istat fejn tirrisjedi, li jingħatawlha benefiċċji koperti mill-baġit ta' l-assigurazzjoni tal-fondi tal-mard.
18. Fil-kuntest ta' skema ta' assigurazzjonijiet soċjali ta' persuni impjegati, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna l-WAO, iż-ZW u l-WW, l-obbligu li tkun assigurat huwa suġġett għall-kundizzjonijiet segwenti:
- L-Artikolu 20 taż-ZW jipprovdi li dan ikopri l-ħaddiema li għalihom japplika. L-Artikolu 8a tiegħu jiddefinixxi "ħaddiem" għall-iskopijiet taż-ZW, bħala dak li jibbenefika minn benefiċċju taħt l-affiljazzjoni obbligatorja mal-WAO.
- L-Artikolu 8 tal-WW jipprovdi li l-persuni impjegati li sfaw vittmi ta' inkapaċità għax-xogħol fuq il-post tax-xogħol jibqgħu jiġu kkunsidrati bħala persuni impjegati.
- Il-benefiċċji mħallsa taħt il-WAO u dawk li l-impjegati li jirrisjedu barra minn pajjiżhom għandhom dritt għalihom taħt iż-ZW u l-WW mhumiex kumulattivi.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
19. Is-sinjura van Pommeren-Bourgondiën, ta' nazzjonalità Olandiża, tirrisjedi fil-Belġju, iżda ħadmet fl-Olanda matul il-ħajja professjonali tagħha kollha. Hija tibbenefika, sa mill-1997, minn benefiċċju għall-inkapaċità għax-xogħol taħt il-WAO, ikkalkulat bl-ogħla rata ta' inkapaċità għax-xogħol.
20. Is-sinjura van Pommeren-Bourgondiën kienet ġiet avżata li, wara l-1 ta' Jannar 2000, ma kinitx għadha suġġetta b'mod obbligatorju għal ċerti assigurazzjonijiet soċjali Olandiżi, jiġifieri l-AOW, l-ANW u l-AKW, minħabba l-fatt li ma tirrisjedix fl-Olanda. Ġiet infurmata wkoll, min-naħa, li, minħabba din ir-raġuni, ebda kontribuzzjoni lill-iskema ġenerali ta' assigurazzjonijiet soċjali ma kienet ser tinżamm iktar għall-benefiċċji taħt il-WAO mill-1 ta' Jannar 2002 u, min-naħa l-oħra, li madankollu kellha il-possibbiltà li tagħmel assigurazzjoni volontarjament taħt il-AOW u l-ANW billi tagħmel talba lill-fond tas-siġurtà soċjali.
21. Is-sinjura van Pommeren-Bourgondiën ikkontestat il-waqfa ta' l-affiljazzjoni obbligatorja tagħha ma' dan il-fond. Permezz ta' ittra tat-28 ta' Awwissu 2000, dan ta' l-aħħar ikkonferma l-pożizzjoni tiegħu.
22. Ir-rikorrenti għalhekk ressqet ilment quddiem dan il-fond. Meta ma rċeviet ebda tweġiba, irrikorriet għar-Rechtbank te Amsterdam.
23. Għal din il-qorti, kuntrarjament għal dak li sostna l-gvern Olandiż, fl-AOW u l-ANW, il-kundizzjonijiet ta' assigurazzjoni, b'mod partikolari l-ammont tal-kontribuzzjoni, huma differenti skond jekk l-affiljazzjoni hija obbligatorja jew volontarja. Fil-kuntest ta' l-affiljazzjoni obbligatorja taħt l-AOW u l-ANW, il-kontribuzzjoni tiġi kkalkulata skond id-dħul taxxabbli miġbur fl-Olanda waqt li fil-kuntest ta' l-affiljazzjoni volontarja, din tiġi kkalkulata fuq id-dħul taxxabbli fid-dinja kollha.
24. Hija ssostni, barra minn hekk, li l-koeżistenza ta' l-iskemi obbligatorji u volontarji toħloq ir-riskju li tagħmilha impossibbli għall-assigurat li jirrispetta l-obbligu ta' affiljazzjoni ma' korp ta' sigurtà soċjali wieħed kif stabbilit fir-Regolament Nru 1408/71.
25. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank te Amsterdam iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"1) L-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71 imur kontra l-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tgħid li persuna li waqqfet kull attività professjonali fit-territorju tiegħu tibqa' assigurata taħt din il-leġiżlazzjoni jekk iżżomm ir-residenza tagħha waqt li din il-persuna tibqa' affiljata b'mod obbligatorju taħt il-leġiżlazzjoni ta' dan l-Istat Membru għal ċerti friegħi oħra ta' sigurtà soċjali rrispettivament minn fejn tirrisjedi?
2) Il-fakultà li l-leġiżlazzjoni ta' dan l-Istat Membru tagħti lil din il-persuna sabiex tagħmel assigurazzjoni volontarjament ma' numru ta' friegħi tas-sigurtà soċjali mingħajr ma torbot din l-affiljazzjoni volontarja bil-kundizzjoni li din il-persuna żżomm ir-residenza tagħha f'dak l-Istat Membru għandha xi effett fuq it-tweġiba għall-ewwel domanda?
Fil-każ li l-ewwel domanda jkollha tweġiba negattiva, id-domanda li ġejja qiegħda ssir sussidjarjament:
3) Fil-każ deskritt iktar il fuq, l-Artikolu 39 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sostituzzjoni ta' affiljazzjoni volontarja b'affiljazzjoni obbligatorja hija rrikonċiljabbli ma' din id-dispożizzjoni jekk il-waqfa ta' l-affiljazzjoni obbligatorja tkun dovuta għall-għoti ta' kundizzjoni ta' residenza?
Fuq id-domandi preliminari
26. Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu trattati flimkien, il-qorti nazzjonali ssaqsi, sostanzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 39 KE jew dawk ta' l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament 1408/71 jipprojbixxu l-applikazzjoni minn Stat Membru ta' leġiżlazzjoni li biha persuna li waqqfet kull attività professjonali fit-territorju tagħha tibqa' assigurata, b'mod obbligatorju għal ċerti friegħi tas-sigurtà soċjali, biss jekk hija żżomm ir-residenza tagħha, waqt li din il-persuna tibqa' assigurata b'mod obbligatorju taħt il-leġiżlazzjoni ta' dak l-Istat Membru għal friegħi oħra tas-sigurtà soċjali irrispettivament mir-residenza tagħha, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li din għandha dejjem il-possibbiltà li tagħmel assigurazzjoni b'mod volontarju meta ma tkunx iktar assigurata b'mod obbligatorju.
Osservazzjonijiet preżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja
27. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll il-gvernijiet tal-Belġju u tal-Greċja jsostnu li l-leġiżlazzjoni Olandiża hija inkompatibbli ma' l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71, li jgħid li l-persuni li għalihom japplika huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru wieħed biss.
28. Huma jikkunsidraw li jekk il-leġiżlazzjoni Olandiża tieqaf parzjalment milli tapplika għas-sinjura van Pommeren-Bourgondiën, il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat ta' residenza, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71, għandha tapplika għall-friegħi tas-sigurtà soċjali li ma jiffurmawx iktar is-suġġett ta' affiljazzjoni obbligatorja. B'hekk, is-sinjura van Pommeren-Bourgondiën sabet ruħha f'sitwazzjoni fejn hija tiddipendi mil-leġiżlazzjonijiet ta' sigurtà soċjali ta' żewġ Stati Membri, bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13(1), ta' l-istess regolament.
29. Barra min hekk, il-Kummissjoni tirrileva li l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71 ma jipprojbixxix li l-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru tissuġġetta id-dritt ta' persuna, li waqqfet teżerċita kull attività professjonali fit-territorju tagħha, li tkompli taqa' taħt il-leġiżlazzjoni ta' dan l-Istat, għall-kundizzjoni li żżomm ir-residenza tagħha hemmhekk (sentenza tal-11 ta' Ġunju 1998, Kuusijärvi, C-275/96, Ġabra p. I 3419, punt 51). Konsegwentement, l-awtoritajiet Olandiżi setgħu jwaqqfu, b'mod legali, l-applikazzjoni fl-intier tagħha tal-leġiżlazzjoni tagħhom fir-rigward tar-rikorrenti iżda ma setgħux iżommu affiljazzjoni obbligatorja magħhom għal varji friegħi tas-sigurtà soċjali Olandiża u jneħħuha għal oħrajn.
30. Min-naħa l-oħra, il-gvern Olandiż u s-SVB isostnu li l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71 ma jwaqqafx l-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru milli tassigura, b'mod obbligatorju, il-persuna kkonċernata kontra parti biss tar-riskji koperti mill-iskema ta' sigurtà soċjali tagħha, peress li din ma toħloqx diskriminazzjonijiet bejn ċittadini Olandiżi u persuni li mhumiex Olandiżi, inkwantu l-persuna kkonċernata għandha l-possibbiltà li tagħmel assigurazzjoni volontarjament, sabiex tkopri r-riskji l-oħra, fil-kuntest ta' l-istess skema ta' sigurtà soċjali.
31. Madankollu, il-qorti tar-rinviju, il-Kummissjoni u l-gvern Grieg iżommu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-kundizzjonijiet ta' affiljazzjoni volontarja huma iktar sfavorevoli milli dik ta' affiljazzjoni obbligatorja. Din is-sitwazzjoni, li tista' teffettwa bl-iktar mod importanti ċ-ċittadini ta' Stati Membri oħrajn milli ċ-ċittadini Olandiżi, tkun diskriminatorja u kuntrarja għall-Artikoli 12 u 39 KE.
32. Il-gvern Olandiż isostni, kuntrarjament, li l-kundizzjonijiet ta' affiljazzjoni huma identiċi jew iktar favorevoli għal dawk ta' affiljazzjoni volontarja milli għal dawk ta' affiljazzjoni obbligatorja.
Tweġiba tal-Qorti tal-Ġustizzja
33. Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom l-uniku għan li jiddeterminaw liema leġiżlazzjoni nazzjonali tapplika għall-persuni li jinsabu f'waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (f) tiegħu. M'għandomx bħala għan li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet ta' l-eżistenza tad-dritt jew ta' l-obbligu li persuna tagħmel assigurazzjoni ma' skema ta' sigurtà soċjali jew ma' din jew dik il-fergħa ta' l-istess skema. Huwa l-kompitu tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' kull Stat Membru li jiddetermina dawn il-kundizzjonijiet, inkluża dik li tirrigwarda l-waqfa ta' l-affiljazzjoni (sentenzi tat-3 ta' Mejju 1990, Kits van Heijningen, C-2/89, Ġabra p. I 1755, punt 19, u Kuusijärvi, imsemmija iktar 'il fuq, punt 29).
34. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, li taħtu jaqa' l-Artikolu 13, għandhom bħala għan mhux biss li jevitaw l-applikazzjoni simultanja ta' varji leġiżlazzjonijiet nazzjonali flimkien mal-kumplikazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu, iżda wkoll li ma jippermettux li persuni li jaqgħu taħt il-qasam ta' applikazzjoni ta' dan ir-regolament ikunu nieqsa minn protezzjoni f'dak li jirrigwarda s-sigurtà soċjali, minħabba nuqqas ta' leġiżlazzjoni li kieku tapplika għalihom (sentenzi msemmija iktar 'il fuq, Kits van Heijningen, punt 12, u Kuusijärvi, punt 28).
35. Madankollu, jirriżulta mill-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71 li l-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru ta' residenza tapplika biss jekk l-ebda leġiżlazzjoni oħra hija applikabbli u, b'mod partikolari, jekk dik li kienet suġġetta għaliha l-persuna kkonċernata tkun waqqfet milli tapplika għaliha (sentenzi tat-3 ta' Mejju 2001, il-Kummissjoni vs il-Belġju, C347/98, Ġabra p. I-3327, punti 28 u 29). Għaldaqstant, jekk l-affiljazzjoni obbligatorja mas-sigurtà soċjali tieqaf fi Stat Membru, id-dispożizzjoni msemmija iktar 'il fuq timponi l-affiljazzjoni fl-Istat Membru ta' residenza.
36. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jikkostitwixxux ostaklu, fil-kawża prinċipali, għal-leġiżlazzjoni Olandiża sabiex tkompli tapplika għas-sinjura van Pommeren-Bourgondiën. Fil-fatt, l-affiljazzjonijiet li kienet tibbenefika minnhom qabel, wara li tittieħed in kunsiderazzjoni l-pożizzjoni li ħadet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza il-Kummissjoni vs il-Belġju, imsemmija iktar 'il fuq, jibqgħu jkunu suġġetti għall-iskema tas-sigurtà soċjali Olandiża. Iċ-ċirkustanza li parti ta' dawn l-affiljazzjonijiet issir volontarja ma twaqqafx tali kontinwazzjoni ta' l-affiljazzjoni fl-iskema li tkopri l-affiljazzjoni obbligatorja.
37. Għaldaqstant, din hija r-raġuni għalfejn il-leġiżlazzjoni Olandiża tagħti l-possibbiltà lill-persuni li mhumiex residenti, li jkunu waqqfu kull attività professjonali fl-Olanda, li jibqgħu affiljati volontarjament, taħt il-leġiżlazzjoni ta' dak l-Istat Membru, mal-friegħi li fir-rigward tagħhom waqfu milli jkunu affiljati b'mod obbligatorju.
38. Għalhekk, il-prinċipju ta' uniċità ta' l-iskema tas-sigurtà soċjali stabbilit permezz ta' l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71 mhuwiex ikkontestat bl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Olandiża kkritikata fil-kawża prinċipali.
39. Madankollu, jekk l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom fir-rigward tat-tmexxija tas-sistemi tagħhom tas-sigurtà soċjali, għandhom minkejja dan, fl-eżerċizzju ta' din il-kompetenza, jirrispettaw id-dritt komunitarju u, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-trattat KE li jirrigwardaw il-moviment liberu ta' ħaddiema (sentenza tat-23 ta' Novembru 2000, Elsen, C-135/99, Ġabra p. I10409, punt 33). Għaldaqstant, l-iskema ta' affiljazzjoni volontarja ta' persuni li mhumiex residenti għandha tkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 39 KE.
40. Għaldaqstant, il-kundizzjoni ta' residenza mitluba mil-leġiżlatur Olandiż sabiex tkun tista' titkompla l-affiljazzjoni obbligatorja ma' ċerti friegħi tas-sigurtà soċjali mhijiex kompatibbli ma' l-Artikolu 39 KE anki jekk il-kundizzjonijiet ta' affiljazzjoni volontarja mhumiex iktar sfavorevoli mill-kundizzjonijiet ta' affiljazzjoni obbligatorja, għall-istess friegħi ta' sigurtà soċjali, li jibbenifikaw minnhom ir-residenti.
41. Issa, jirriżulta mid-digriet tar-rinviju li l-persuni li mhumiex residenti m'għandhomx iktar id-dritt, skond il-leġiżlazzjoni l-ġdida Olandiża, li jagħmlu assigurazzjoni, anki volontarjament, ma' l-iskema tas-sussidji familjari, ħlief b'mod parzjali jew tranżitorju. L-uniċi persuni li mhumiex residenti li għad għandhom dritt għas-sussidji familjari huma dawk li kienu kisbu dan id-dritt taħt l-iskema preċedenti ta' l-affiljazzjoni obbligatorja. Jitilfu definittivament il-possibbiltà li jagħmlu assigurazzjoni malli l-iżgħar tifel jagħlaq l-età ta' 18-il sena. Għalhekk, il-persuni li mhumiex residenti, f'dak li jirrigwarda s-sussidji, jirċievu trattament inqas favorevoli minn dak li jibbenefikaw minnu r-residenti.
42. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ssostni, kif imsemmi fil-punt 23 ta' din is-sentenza, li s-somma tal-kontribuzzjonijiet mhijiex l-istess għall-affiljazzjonijiet obbligatorji tar-residenti u l-affiljazzjonijiet volontarji għall-persuni li mhumiex residenti.
43. Fl-aħħarnett, il-perċentwali baxxa ta' affiljazzjonijiet volontarji ta' persuni li mhumiex residenti li l-affiljazzjoni obbligatorja tagħhom ġiet imwaqfa tidher li tindika li l-affiljazzjonijiet volontarji m'għandhomx karattru daqstant attraenti u li l-persuni li mhumiex residenti jiltaqgħu probabbilment ma' diffikultajiet sabiex jipproċedu għaliha.
44. Jirriżulta mill-punti msemmija iktar 'il fuq li l-leġiżlazzjoni Olandiża in kwistjoni fil-kawża prinċipali tpoġġi l-persuni li mhumiex residenti f'sitwazzjoni inqas favorevoli mir-residenti f'dak li jirrigwarda s-sigurtà soċjali tagħhom fl-Olanda u twassal, għalhekk, li teffettwa il-prinċipju tal-libertà ta' moviment iggarantit permezz ta' l-Artikolu 39 KE.
45. Konsegwentement, it-tweġiba li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju hija li l-Artikolu 39 KE ma jippermettix li l-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tgħid li persuna li waqqfet kull attività professjonali fit-territorju tagħha tibqa' affiljata b'mod obbligatorju ma' ċerti friegħi tas-sigurtà soċjali biss jekk iżżomm ir-residenza tagħha, filwaqt li din il-persuna tibqa' affiljata b'mod obbligatorju taħt il-leġiżlazzjoni ta' dan l-Istat Membru għal friegħi oħrajn tas-sigurtà soċjali, anki jekk tirrisjedi fi Stat Membru ieħor, peress li l-kundizzjonijiet ta' l-affiljazzjoni volontarja, għal dawk il-friegħi fejn twaqqfet l-affiljazzjoni obbligatorja, huma iktar sfavorevoli minn dawk ta' l-affiljazzjoni obbligatorja.
Fuq l-ispejjeż
46. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Parti operattivaGħal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
L-Artikolu 39 KE ma jippermettix li l-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tgħid li persuna li waqqfet kull attività professjonali fit-territorju tagħha tibqa' affiljata b'mod obbligatorju ma' ċerti friegħi tas-sigurtà soċjali biss jekk iżżomm ir-residenza tagħha, filwaqt li din il-persuna tibqa' affiljata b'mod obbligatorju taħt il-leġiżlazzjoni ta' dan l-Istat Membru għal friegħi oħrajn tas-sigurtà soċjali, anki jekk tirrisjedi fi Stat Membru ieħor, peress li l-kundizzjonijiet ta' l-affiljazzjoni volontarja, għal dawk il-friegħi fejn twaqqfet l-affiljazzjoni obbligatorja, huma iktar sfavorevoli minn dawk ta' l-affiljazzjoni obbligatorja.
Top