Kawża C-393/08
Emanuela Sbarigia
vs
Azienda USL RM/A et
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio)
“Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-ħinijiet ta’ ftuħ u l-ġranet ta’ għeluq tal-ispiżeriji — Eżenzjoni — Setgħa deċiżjonali tal-awtoritajiet kompetenti”
Sommarju tas-sentenza
1. Domandi preliminari — Ammissibbiltà — Limiti
(Artikolu 234 KE)
2. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
(Artikolu 234 KE)
3. Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Obbligi tal-Istati Membri
(Artikoli 10 KE, 81 KE u 82 KE)
1. Huma biss il-qrati nazzjonali, li quddiemhom tressqet il-kawża u li għandhom ir-responsabbiltà li jagħtu d-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandhom jiddeterminaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari sabiex ikunu jistgħu jagħtu d-deċiżjoni tagħhom kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, marbuta li tiddeċiedi. Minn dan jirriżulta li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċħad domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha.
(ara l-punti 19, 20)
2. Meta, fil-kuntest ta’ domanda preliminari, l-elementi kollha tal-kawża prinċipali li titressaq quddiem il-qorti tar-rinviju huma limitati fi ħdan Stat Membru wieħed biss, risposta tista’ madankollu tkun utli għall-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari f’każ li d-dritt nazzjonali jimponi li ċittadin tal-imsemmi Stat Membru għandu jibbenefika mill-istess drittijiet bħal dawk li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor igawdi minnhom skont id-dritt tal-Unjoni fl-istess sitwazzjoni.
L-ipoteżi invokata fil-punt preċedenti tikkonċerna d-drittijiet li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jista’ jgawdi minnhom skont id-dritt tal-Unjoni jekk huwa jinsab fl-istess sitwazzjoni bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li tiġġestixxi spiżerija f’żona muniċipali speċifika u li hija kkonfrontata b’deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti li tapplika leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward ta’ talba li bl-ebda mod ma tikkontesta s-sistema ġenerali li tirregola l-ħinijiet ta’ ftuħ u l-vaganzi tal-ispiżeriji stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni, iżda li hija intiża biss sabiex tikseb, b’mod eċċezzjonali għal din is-sistema, il-permess li jiġi rrinunzjat kull perijodu ta’ għeluq.
Għaldaqstant, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża prinċipali, bla dubju ta’ xejn jidher li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 KE, mitluba mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tagħha, ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.
(ara l-punti 23-25)
3. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju dwar il-kompetizzjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 81 KE sa 86 KE, huma bla dubju ta’ xejn inapplikabbli fil-każ ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-għoti eventwali ta’ deroga f’dak li jikkonċerna l-perijodi ta’ ftuħ ta’ spiżerija li tinsab f’żona muniċipali speċifika. Tali leġiżlazzjoni ma tistax, fiha nnifisha jew permezz tal-applikazzjoni tagħha, taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikoli 81 KE u 82 KE.
4. Dan ippreċiżat, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju dwar il-kompetizzjoni li l-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tagħhom, u b’mod partikolari l-Artikoli 81 KE sa 86 KE, huma, huma wkoll, bla dubju ta’ xejn inapplikabbli f’kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali.
(ara l-punti 29, 32)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
1 ta’ Lulju 2010 (*)
“Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-ħinijiet ta’ ftuħ u l-ġranet ta’ għeluq tal-ispiżeriji – Eżenzjoni – Setgħa deċiżjonali tal-awtoritajiet kompetenti”
Fil-Kawża C‑393/08,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Settembru 2008, fil-proċedura
Emanuela Sbarigia
vs
Azienda USL RM/A,
Comune di Roma,
Assiprofar – Associazione Sindacale Proprietari Farmacia,
Ordine dei Farmacisti della Provincia di Roma,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, E. Levits (Relatur), A. Borg Barthet, J.-J. Kasel u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Diċembru 2009,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal E. Sbarigia, minn V. Cerulli Irelli u M. Di Giandomenico, avvocati,
– għall-Comune di Roma, minn R. Murra, avvocato,
– għall-Assiprofar – Associazione Sindacale Proprietari Farmacia, minn M. Luciani u I. Perego, avvocati,
– għall-Ordine dei Farmacisti della Provincia di Roma, minn S. Cicciotti, avvocato,
– għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Russo, avvocato dello Stato,
– għall-Gvern Elleniku, minn S. Spyropoulos, Z. Chatzipavlou u V. Karra, bħala aġenti,
– għall-Gvern Olandiż, minn C. M. Wissels u D. J. M. de Grave, bħala aġenti,
– għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u T. Kröll, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Traversa u C. Cattabriga, bħala aġenti,
– wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Marzu 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 KE, 81 KE sa 86 KE, 152 KE u 153 KE.
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kwistjoni bejn E. Sbarigia, sid ta’ spiżerija, u l-Azienda Unità Sanitaria Locale “Roma A” (iktar ’il quddiem l-“ASL RM/A”), awtorità kompetenti tal-komun ta’ Ruma, dwar id-deċiżjoni tal-ASL RM/A li tiċħad it-talbiet imressqa minn E. Sbarigia bil-għan li tikseb il-permess biex tirrinunċja għall-ħinijiet u għall-perijodi ta’ għeluq, b’mod partikolari dak tal-għeluq annwali fis-sajf tal-2006.
Il-kuntest ġuridiku
3 Il-leġiżlazzjoni applikabbli fil-kawża prinċipali hija l-Liġi Reġjonali tal-Lazio Nru 26, tat-30 ta’ Lulju 2002, li tirregola l-ħinijiet, ir-reġistru tal-għassa u l-vaganzi tal-ispiżeriji miftuħa għall-pubbliku (Legge Regionale Lazio n. 26 del 30 luglio 2002, Disciplina dell’orario, dei turni e delle ferie delle farmacie aperte al pubblico, Bollettino Ufficiale della Regione Lazio Nru 23, Suppliment Ordinarju Nru 5, tal-20 ta’ Awwissu 2002, u GURI Nru 24, Edizzjoni Speċjali Nru 3, tal-14 ta’ Ġunju 2003, iktar ’il quddiem il-“L.R. 26/02”).
4 L-Artikoli 2 sa 8 tal-L.R.26/2002 jiffissaw il-ħiniijiet ta’ ftuħ, is-servizz volontarju ta’ għassa, l-għeluq ta’ kull ġimgħa u l-vaganzi annwali tal-ispiżeriji. Dawn jimponu b’mod partikolari ħinijiet massimi ta’ ftuħ, l-obbligu ta’ għeluq nhar ta’ Ħadd u nofs ġurnata kull ġimgħa kif ukoll matul il-festi pubbliċi u perijodu minimu ta’ vaganzi annwali.
5 L-Artikolu 10 tal-L.R. 26/2002 huwa fformulat kif ġej:
“1. Għall-komun ta’ Ruma, kull [Unità Sanitarja Lokali (iktar ’il quddiem il-“USL”)] għandha taddotta l-miżuri previsti minn din il-liġi u li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha, bi ftehim mal-USL oħra kkonċernati.
2. Għall-ispiżeriji li jinsabu f’żoni muniċipali speċifiċi, il-ħinijiet ta’ ftuħ għall-pubbliku ta’ kull ġimgħa, il-vaganzi tal-ispiżeriji fl-ibliet u n-nofs ġurnata ta’ mistrieħ fil-ġimgħa […] jistgħu jinbidlu b’deċiżjoni tal-USL kompetenti għaż-żona kkonċernata, bi ftehim mas-sindku tal-komun ikkonċernat, mal-Ordni Provinċjali tal-Ispiżjara u mal-organizzazzjonijiet professjonali provinċjali l-iktar rappreżentattivi tal-ispiżeriji pubbliċi u privati.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
6 E. Sbarigia hija s-sid ta’ spiżerija li tinsab ġo żona taċ-ċentru storiku ta’ Ruma, imsejħa “Tridente”. Dan il-kwartier fejn ma jistgħux jidħlu vetturi jinsab fil-qalba taż-żona turistika ta’ din il-belt.
7 Minħabba l-pożizzjoni tagħha u ż-żieda sinjifikattiva fin-numru ta’ klijenti matul ix-xhur ta’ Lulju u Awwissu , ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet, fil-31 ta’ Mejju 2006, talba bbażata fuq l-Artikolu 10(2) tal-L.R. 26/02 quddiem l-ASL RM/A, kompetenti għaż-żona kkonċernata, intiża sabiex tikseb il-permess biex tirrinunzja għall-perijodu ta’ għeluq matul il-vaganzi tas-sajf tal-2006. Din it-talba kienet ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Ġunju 2006, li kontriha E. Sbarigia ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju.
8 Sakemm jinqata’ dan ir-rikors, permezz ta’ tieni talba, tat-18 ta’ Ottubru 2006, E. Sbarigia talbet b’mod iktar ġenerali eżenzjoni milli tagħlaq fir-rigward tal-vaganzi tas-sajf kif ukoll fir-rigward tal-festi pubbliċi u estenzjoni fir-rigward tal-ħinijiet ta’ ftuħ matul il-ġimgħa tul is-sena kollha. F’dan ir-rigward E. Sbarigia sostniet li permess simili kien ingħata fit-8 ta’ Settembru 2006 lil spiżerija oħra, li tinsab fil-viċinanzi tal-istazzjoni tal-ferrovija “Termini”, li għandha l-istess klijenti speċifiċi bħal tal-ispiżerija tagħha.
9 Din it-tieni talba wkoll ġiet miċħuda mill-ASL RM/A permezz tad-Deċiżjoni Nru 119945/P tat-22 ta’ Marzu 2007, li fir-rigward tagħha E. Sbarigia ppreżentat motivi ta’ rikors supplimentari u talbet miżuri ta’ sospensjoni.
10 Permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Ġunju 2007, il-qorti tar-rinviju laqgħet it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2007, għall-finijiet tal-eżami mill-ġdid tagħha, mill-ASL RM/A.
11 Sussegwentement, l-ASL RM/A adottat id-Deċiżjoni Nru 40249, tal-1 ta’ Awwissu 2007, li permezz tagħha hija ċaħdet mill-ġdid it-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, skont l-Artikolu 10(2) tal-L.R. 26/02, abbażi ta’ opinjoni sfavorevoli tal-komun ta’ Ruma, tal-Ordine dei Farmacisti della Provincia di Roma (Ordni tal-Ispiżjara tal-Provinċja ta’ Ruma) kif ukoll tal-assoċjazzjonijiet professjonali Assiprofar – Associazione Sindacale Proprietari Farmacia (iktar ’il quddiem l-“ Assiprofar”) u Confservizi.
12 E. Sbarigia ppreżentat rikors kontra din l-aħħar deċiżjoni billi invokat motivi ta’ rikors ġodda fil-kuntest tal-istess proċeduri pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.
13 Skont it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio), li s-servizz farmaċewtiku jitqies bħala servizz pubbliku li jiggarantixxi l-protezzjoni tas-saħħa tal-utenti ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika d-dispożizzjonijiet restrittivi relatati mal-modalitajiet ta’ ftuħ tal-ispiżeriji. Liberalizzazzjoni tal-ħinijiet u tal-perijodi ta’ ftuħ tal-ispiżeriji kollha –barra minn hekk irrakkomandata f’rapport ippreżentat fl-1 ta’ Frar 2007 mill-Autorità garante della concorrenza e del mercato (Awtorità nazzjonali li tiggarantixxi l-kompetizzjoni u s-suq) – tippermetti żieda ġenerali fil-provvista (il-pjanijiet ta’ tqassim jiggarantixxu tqassim ġeografiku ekwilibrat tal-ispiżeriji), għall-benefiċċju tal-klijenti.
14 Id-dispożizzjonijiet tal-L.R. 26/02 jidhru, barra minn hekk, eċċessivi u mhux iġġustifikati. Fil-fatt, l-interess pubbliku u l-eżiġenzi relatati mas-servizz farmaċewtiku huma bla dubju ta’ xejn imħarsa aħjar permezz ta’ miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-modalitajiet ta’ ftuħ tal-ispiżeriji, favorevoli għall-iżvilupp tal-kompetizzjoni.
15 Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tiddubita mill-kompatibbiltà tar-restrizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-prinċipji tad-dritt Komunitarju dwar il-kompetizzjoni libera tal-impriżi, minn naħa, kif ukoll mal-azzjoni tal-Unjoni Ewropea intiża għat-titjib u għall-protezzjoni tas-saħħa, min-naħa l-oħra. B’mod partikolari, hija tqis li, kuntrarjament għal dan il-għan, il-kuntest leġiżlattiv dwar l-organizzazzjoni tas-servizz farmaċewtiku attwalment fis-seħħ fir-reġjun tal-Lazio jimpedixxi kontribuzzjoni effikaċja għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika.
16 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Il-fatt li jiġu imposti fuq l-[ispiżjara] r-restrizzjonijiet li jipprovdu li la huma awtorizzati jieħdu vaganza annwali meta jridu u lanqas li [l-ispiżeriji] jibqgħu miftuħin barra l-limiti ta’ ftuħ massimi awtorizzati skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-[L.R. 26/02], u li, skont l-Artikoli 10(2) ta’ dik il-liġi reġjonali, jipprovdu rekwiżit addizzjonali neċessarju ta’ evalwazzjoni diskrezzjonarja tal-Amministrazzjoni (li ssir skont il-ftehim mal-korpi u l-organizzazzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu) fir-rigward tan-natura speċjali taż-żona muniċipali fejn jinsabu l-ispiżeriji, sabiex tista’ tinkiseb deroga mill-projbizzjonijiet tal-Komun ta’ Ruma, huwa kompatibbli mal-prinċipji Komunitarji dwar il-libertà tal-kompetizzjoni u l-libertà tas-servizzi, stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 49 [KE u] 81 [KE sa] 86 [KE]?
2) Ir-restrizzjonijiet imposti fuq l-eżerċizzju tas-servizz farmaċewtiku pubbliku, minkejja li għandhom l-għan li jipproteġu s-saħħa tal-konsumaturi, bħal dawk stabbiliti fil-[L.R. 26/02] li jillimitaw jew jipprekludu l-possibbiltà li jiġu estiżi l-ħinijiet ta’ ftuħ awtorizzati f’jum, f’ġimgħa u f’sena għal [spiżeriji] individwali, huma kompatibbli mal-Artikoli 152 [KE] u 153 [KE]?”
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
17 Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Gvern Taljan u dak Elleniku jikkontestaw l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Waqt is-seduta, l-Assiprofar u, b’mod impliċitu, l-Ordine dei Farmacisti della Provincia di Roma esprimew l-istess opinjoni.
18 B’mod partikolari, il-Gvern Taljan isostni li l-qorti tar-rinviju ma tipprovdi ebda preċiżjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt li wassluh jikkontesta l-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni nazzjonali rilevanti mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE li hija ssemmi. Il-Gvern Elleniku, l-Assiprofar u l-Ordine dei Farmacisti della Provincia di Roma min-naħa tagħhom jaffermaw li, fin-nuqqas ta’ element transkonfinali, id-domandi preliminari ma għandhom ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni.
19 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li huma biss il-qrati nazzjonali, li quddiemhom tressqet il-kawża u li għandhom ir-responsabbiltà li jagħtu d-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandhom jiddeterminaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari sabiex ikunu jistgħu jagħtu d-deċiżjoni tagħhom kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, marbuta li tiddeċiedi (ara s-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C‑169/07, Ġabra p. I‑1721, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
20 Minn dan jirriżulta li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċħad domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, Ġabra p. I‑11421, punt 25, kif ukoll tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C‑222/05 sa C‑225/05, Ġabra p. I‑4233, punt 22).
21 Issa, fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Gvern Taljan, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju tinkludi deskrizzjoni suffiċjenti tal-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawża prinċipali, u li l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jippermettu li tiġi ddeterminata l-portata tad-domandi magħmula. L-imsemmija deċiżjoni għalhekk tat lill-partijiet ikkonċernati possibbiltà effettiva li jippreżentaw osservazzjonjiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif barra minn hekk jixhed il-kontenut tal-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja.
22 Minn dan jirriżulta li din l-eċċezzjoni ma tistax tiġi milqugħa.
23 Sussegwentement, fir-rigward tal-argumenti mressqa mill-Assiprofar, mill-Ordine dei Farmacisti della Provincia di Roma u mill-Gvern Elleniku, li abbażi tagħhom l-elementi kollha tal-kawża prinċipali huma limitati fi ħdan Stat Membru wieħed biss, hemm lok li jiġi mfakkar li minn ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-risposta tagħha tista’ tkun utli għall-qorti tar-rinviju anki f’tali ċirkustanzi, b’mod partikolari fil-każ fejn id-dritt nazzjonali jimponilha li ċittadin nazzjonali għandu jibbenefika mill-istess drittijiet bħal dawk li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor igawdi minnhom skont id-dritt tal-Unjoni fl-istess sitwazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C‑451/03, Ġabra p. I‑2941, punt 29; Cipolla et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30, kif ukoll tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez, C‑570/07 u C‑571/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 36).
24 F’dan il-każ, l-ipoteżi invokata fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza tikkonċerna, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, id-drittijiet li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jista’ jgawdi minnhom skont id-dritt tal-Unjoni jekk huwa jinsab fl-istess sitwazzjoni bħal E. Sbarigia, li tiġġestixxi spiżerija f’żona muniċipali speċifika tal-komun ta’ Ruma u li hija kkonfrontata b’deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti li tapplika l-Artikolu 10(2) tal-L.R. 216/02 fir-rigward ta’ talba li bl-ebda mod ma tikkontesta s-sistema ġenerali li tirregola l-ħinijiet ta’ ftuħ u l-vaganzi tal-ispiżeriji stabbilita minn din il-liġi nazzjonali, iżda li hija intiża biss sabiex tikseb, b’mod eċċezzjonali għal din is-sistema, il-permess li jiġi rrinunzjat kull perijodu ta’ għeluq.
25 Għaldaqstant, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża prinċipali, bla dubju ta’ xejn jidher li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 KE, mitluba mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tagħha, ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.
26 Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 72 u 73 tal-konklużjonjiet tiegħu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ċittadin ta’ Stat Membru li, b’mod stabbli u kontinwu, jeżerċita attività professjonali fi Stat Membru ieħor jaqa’ taħt il-kapitolu tat-Trattat dwar id-dritt ta’ stabbiliment u mhux taħt dak relatat mas-servizzi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 1974, Reyners, C‑2/74, Ġabra p. 631, punt 21, u tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C‑55/94, Ġabra p. I‑4165, punt 28).
27 Qabel kollox, fir-rigward b’mod iktar preċiż tal-libertà ta’ stabbiliment, għalkemm it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio ma talabx espressament lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 43 KE, jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu lanqas ma hija rilevanti fil-kuntest tal-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.
28 Fil-fatt, f’dan il-każ, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, l-ispiżerija kkonċernata hija stabbiliment stabbli f’żona fejn ma jistgħux jidħlu vetturi fiċ-ċentru tal-belt ta’ Ruma, li s-sid tagħha, bħala ipoteżi ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, kienet diġà teżerċità attività professjonali kontinwa. Għaldaqstant, il-kawża prinċipali bla dubju ta’ xejn ma tikkonċernax l-eżerċizzju tad-dritt ta’ stabbiliment stabbilit bl-Artikolu 43 KE.
29 Dan ippreċiżat, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju dwar il-kompetizzjoni li l-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tagħhom, u b’mod partikolari l-Artikoli 81 KE sa 86 KE, huma, huma wkoll, bla dubju ta’ xejn inapplikabbli f’kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali.
30 Fil-fatt, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li l-Artikoli 83 KE sa 85 KE ma għandhom ebda rilevanza fil-kuntest tal-kawża mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju, peress li dawn huma jew dispożizzjonijiet ta’ natura purament proċedurali (Artikoli 83 KE u 85 KE), jew dispożizzjonijiet tranżitorji (Artikolu 84 KE).
31 It-tieni nett, fir-rigward tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, għalkemm huwa ċertament veru li dawn jikkonċernaw biss l-aġir tal-impriżi u ma jikkonċernawx miżuri leġiżlattivi jew regolamentari li jirriżultaw mill-Istati Membri, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dawn l-artikoli, moqrija flimkien mal-Artikolu 10 KE, li jistabbilixxi obbligu ta’ kooperazzjoni, jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li ma jadottawx jew iżommu fis-seħħ miżuri, anki ta’ natura leġiżlattiva jew regolamentari, li jistgħu jneħħu l-effett utli tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi (ara s-sentenza Cipolla et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46 u ġurisprudenza ċċitata).
32 Madankollu, f’dan ir-rigward jidher b’mod ċar li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar l-għoti eventwali ta’ deroga f’dak li jikkonċerna l-perijodi ta’ ftuħ ta’ spiżerija li tinsab f’żona muniċipali speċifika tal-komun ta’ Ruma, ma tistax, fiha nnifisha jew permezz tal-applikazzjoni tagħha, taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikoli 81 KE u 82 KE (ara, a contrario, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1972, Vereniging van Cementhandelaren vs Il-Kummissjoni, 8/72, Ġabra p. 977, punt 29; tal-10 ta’ Diċembru 1991, Merci convenzionali porto di Genova, C‑179/90, Ġabra p. I‑5889, punti 14 u 15, kif ukoll tad-19 ta’ Frar 2002, Arduino, C‑35/99, Ġabra p. I‑1529, punt 33).
33 Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, sa fejn din tikkonċerna d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 81 u 82 KE, l-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija inammissibbli.
34 It-tielet nett, mill-fatt li l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni ma huumiex applikabbli fil-kawża prinċipali jirriżulta li l-Artikolu 86 KE lanqas ma huwa applikabbli f’din il-kawża.
35 Fir-rigward tal-Artikolu 28 KE, invokat minn xi wħud mill-partijiet ikkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi kkonstatat, b’għan ta’ eżawribbiltà, li, għar-raġunijiet invokati fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u, għaldaqstant, possibbiltà ta’ ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija għandhom ukoll jiġu skartati minn qabel.
36 Għaldaqstant, minn dan jirriżulta li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 28 KE ma hijiex rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju.
37 Fl-aħħar, f’dak li jikkonċerna, l-Artikoli 152 KE u 153 KE, invokati mill-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda tagħha, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punti 48 sa 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, u hekk kif enfasizzaw kważi l-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet f’dawn il-proċeduri, l-imsemmija artikoli huma indirizzati lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri, u bla dubju ta’ xejn ma jistgħux jiġu invokati sabiex tiġi eżaminata l-konformità ta’ miżuri nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni.
38 Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li din it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli.
Fuq l-ispejjeż
39 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio, permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2008, hija inammissibbli.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Top