Kawża T-70/08
Axis AB
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)
“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali ETRAX — Trade marks nazzjonali figurattivi preċedenti li fihom l-elementi verbali ETRA I+D — Raġuni relattiva għal rifjut — Ammissibbiltà tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell — Regola 49(1) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95 u Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 60 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”
Sommarju tas-sentenza
1. Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ appell — Terminu u forma tal-appell — Introduzzjoni tal-appell bil-miktub u fi żmien xahrejn — Ħlas tas-somma korrispondenti għad-dritt tal-appell — Att fih innifsu insuffiċjenti
(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 59)
2. Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża mressqa quddiem il-qorti Komunitarja — Rwol proċedurali tal-Uffiċċju
(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 134(3))
3. Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża mressqa quddiem il-qorti Komunitarja — Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali — Stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-appell
(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 63(3))
1. Skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 dwar it‑trade mark Komunitarja, l-appell minn deċiżjoni tad-dipartimenti tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għandu jiġi ppreżentat bil-miktub lill-Uffiċċju fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni.
Jekk, skont dan l-artikolu, l-appell ma jiġix ikkunsidrat bħala ppreżentat ħlief wara l-ħlas tad-dritt tal-appell, is-sempliċi trasferiment tas-somma korrispondenti ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ekwivalenti għall-att mitlub mill-imsemmi artikolu.
(ara l-punti 22, 23)
2. Jekk l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi illi l-intervenjent jista’, fir-risposta tiegħu, jifformula talbiet intiżi għall-annullament jew il-bdil tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fuq kap li ma jkunx tqajjem fit-talba, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta wkoll, a contrario, li l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) ma jistax jagħmel, min-naħa tiegħu, talbiet simili.
(ara l-punt 27)
3. Il-Qorti Ġenerali twettaq stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tad-dipartimenti tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni). Jekk tikkonkludi li tali deċiżjoni, ikkontestata f’kawża quddiemha, hija vvizzjata b’illegalità, hija għandha tannullaha. Hija ma tistax tiċħad rikors billi tissostitwixxi, bil-motivazzjoni tagħha, il-motivazzjoni tad-dipartiment kompetenti tal-Uffiċċju, li huwa l-awtur tal-att ikkontestat.
(ara l-punt 29)
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)
9 ta’ Lulju 2010 (*)
“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali ETRAX – Trade marks nazzjonali figurattivi preċedenti li fihom l-elementi verbali ETRA I+D – Raġuni relattiva għal rifjut – Ammissibbiltà tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell – Regola 49(1) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95 u Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 60 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”
Fil-Kawża T‑70/08,
Axis AB, stabbilita f’Lund (l-Isvezja), irrappreżentata minn J. Norderyd, avukat,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet
Etra Investigación y Desarrollo, SA, stabbilita f’Valencia (Spanja),
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tas-27 ta’ Novembru 2007 (Każ R 334/2007‑2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Etra Investigación y Desarrollo, SA u Axis AB,
IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),
komposta minn M. Vilaras, President, M. Prek u V. M. Ciucă (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Frar 2008,
wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Ġunju 2008,
wara s-seduta tad-29 ta’ April 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 Fis-17 ta’ Ġunju 2004, ir-rikorrenti, Axis AB, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it‑trademark Komunitarja (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 146), kif emendat [sostitwit bir-Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].
2 It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija t-trade mark verbali ETRAX.
3 Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu, wara r-restrizzjoni magħmula matul il-proċedimenti quddiem l-UASI, taħt il-klassijiet 9 u 42 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat.
4 L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil‑Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 31/2005, tal-1 ta’ Awwissu 2005.
5 Fl-14 ta’ Ottubru 2005, Etra Investigacion y Desarrollo, SA għamlet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni għall-prodotti u s-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.
6 L-oppożizzjoni hija bbażata fuq it-trade marks preċedenti li ġejjin:
– it-trade mark figurattiva Spanjola Nru 2194122, ippreżentata fil-5 ta’ Novembru 1998 u rreġistrata fit-22 ta’ Novembru 1999, għall-prodotti li jaqgħu fil-Klassi 9: [“Apparat u strumenti xjentifiċi, nawtiċi, għal skopijiet ta’ sondaġġi, fotografiċi, ċinematografiċi, ottiċi, li jiżnu, li jkejlu, li jissenjalaw, li jivverifikaw (superviżjoni), tas-salvataġġ u tat-tagħlim; apparat u strumenti li jittrażmettu, jikkonnettjaw, ibiddlu, jakkumulaw, jirregolaw u jikkontrollaw l-elettriku; apparat biex tirrekordja, għat-trasmissjoni u riproduzzjoni ta’ ħsejjes u stampi; tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku, diski li tirrekordja fuqhom; magni tal-bejgħ awtomatiċi u mekkaniżmi għal apparat imħaddem bil-muniti; cash registers, kalkulaturi, tagħmir għall-ipproċessar tad-data u kompjuters; tagħmir għat-tifi tan-nar”], li tidher hawn taħt:
– it-trade mark figurattiva Spanjola Nru 2413572, ippreżentata fid-9 ta’ Lulju 2001 u rreġistrata fit-8 ta’ Jannar 2002 għall-prodotti li jaqgħu fil-Klassi 9 [“Apparat u strumenti xjentifiċi, nawtiċi, għal skopijiet ta’ sondaġġi, fotografiċi, ċinematografiċi, ottiċi, li jiżnu, li jkejlu, li jissenjalaw, li jivverifikaw (superviżjoni), tas-salvataġġ u tat-tagħlim; apparat u strumenti li jittrażmettu, jikkonnettjaw, ibiddlu, jakkumulaw, jirregolaw u jikkontrollaw l-elettriku; apparat biex tirrekordja, għat-trasmissjoni u riproduzzjoni ta’ ħsejjes u stampi; tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku, diski li tirrekordja fuqhom; magni tal-bejgħ awtomatiċi u mekkaniżmi għal apparat imħaddem bil-muniti; cash registers, kalkulaturi, tagħmir għall-ipproċessar tad-data u kompjuters; tagħmir għat-tifi tan-nar”], li tidher hawn taħt:
– it-trade mark figurattiva Spanjola Nru 2413574, ippreżentata fid-9 ta’ Lulju 2001 u rreġistrata fit-22 ta’ April 2002 għas-servizzi li jaqgħu fil-Klassi 42: (“Servizzi xjentifiċi u teknoloġiċi u riċerka u disinn relatati ma’ l-istess; analiżi industrijali u servizzi ta’ riċerka; disinn u żvilupp ta’ ħardwer u softwer tal-kompjuter”, li tidher hawn taħt:
7 Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien il-probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009].
8 Fil-11 ta’ Diċembru 2006, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni fit-totalità tagħha, peress li qieset illi d-differenzi bejn is-sinjali kienu tali li jevitaw il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.
9 Appell, mingħajr data, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, wasal għand l-UASI fil-21 ta’ Frar 2007.
10 Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Novembru 2007 (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”, it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ l-appell, billi annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u ċaħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni fit-totalità tagħha.
11 Il-Bord tal-Appell, b’mod partikolari, l-ewwel nett eżamina l-kwistjoni tal-ammissibbiltà u kkunsidra illi minkejja illi l-appell mhux datat wasal għand l-UASI fil-21 ta’ Frar 2007, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu tal-appell li kien it-12 ta’ Frar 2007, il-ħlas tad-dritt tal-appell permezz ta’ trasferiment bankarju “kien issodisfa r-rwol tal-avviż tal-appell għall-finijiet ta’ ammissibbiltà” peress li kien sar fit-terminu u kien fih l-informazzjoni dettaljata rikjesta mir-Regola 48(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189).
It-talbiet tal-partijiet
12 Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.
13 L-UASI jitlob lill-Qorti Ġenerali sabiex jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
14 Matul is-seduta, wara mistoqsija li saret mill-Qorti Ġenerali, l-UASI talab lill-Qorti sabiex jew tiċħad ir-rikors fuq il-mertu, jew li tibdel id-deċiżjoni kkontestata abbażi tar-rapport ta’ trażmissjoni ta’ faks mibgħuta mill-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell.
Id-dritt
15 Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, żewġ motivi, ibbażati fuq il-ksur tar-Regola 49(1) u (2) tar-Regolament Nru 2868/95, u fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, rispettivament.
16 Fl-ewwel lok għandu jiġi eżaminat l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tar‑Regola 49(1) u (2) tar-Regolament Nru 2868/95.
L-argumenti tal-partijiet
17 Ir-rikorrenti takkuża lill-Bord tal-Appell illi kiser ir-Regola 49(1) u (2) tar-Regolament Nru 2868/95. B’mod partikolari, hija ssostni illi l-Bord tal-Appell iddeċieda b’mod żbaljat li l-appell kien ammissibbli skont ir-Regola 49(1) tar-Regolament 2868/95, minkejja illi d-dikjarazzjoni tat-trasferiment bankarju tad-dritt tal-appell kienet bl-Ispanjol, kuntrarjament għal dak li tipprovdi r-Regola 48(2) tar-Regolament Nru 2868/95, illi l-avviż tal-appell għandu jkun ippreżentat fil-lingwa tal-proċedimenti li fihom ittieħdet id-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri, f’dan il-każ, l-Ingliż.
18 L-UASI jammetti illi l-Bord tal-Appell kiser ir-Regola 49(1) u (2) tar-Regolament Nru 2868/95. Madankollu, l-UASI jsostni illi, skont prinċipju tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, l-iżball kommess mill-Bord tal-Appell ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għaliex din l-“irregolarità” proċedurali ma setax kellha “effett deċiżiv” fuq l-ammissibbiltà tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell.
19 Skont l-UASI, l-appell quddiem il-Bord tal-Appell kien ammissibbli peress illi fil-21 ta’ Frar 2007, il-parti li għamlet l-oppożizzjoni ppreżentat rapport ta’ trażmissjoni ta’ faks li kien juri li l-avviż tal-appell, li kien jissodisfa kompletament il-kundizzjonijiet imsemmija fir-Regola 48 tar-Regolament Nru 2868/95, kien ġie mibgħut fit-8 ta’ Frar tal-istess sena. Minkejja li l-UASI ma sabx traċċa li kien irċieva din il-faks, skont il-ġurisprudenza [sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ April 2005, Success-Marketing vs UASI – Chipita (PAN & CO), T‑380/02 u T‑128/03, Ġabra p. II‑1233], id-data ta’ meta dokument jiġi riċevut tista’ tiġi stabbilita minn rapport ta’ trażmissjoni ta’ faks.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
20 L-ewwel nett għandu jiġi eżaminat il-motiv bbażat fuq il-ksur tar-Regola 49(1) tar-Regolament Nru 2868/95.
21 Mir-Regola 49(1) tar-Regolament Nru 2868/95, jirriżulta illi jekk l-appell ma jissodisfax, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti stabbiliti fl‑Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009), il-Bord tal-Appell għandu jiċħdu bħala inammissibbli, sakemm dawn l-irregolaritajiet ma jiġux irrimedjati qabel l-iskadenza tat-terminu previst f’dan l-aħħar artikolu, jiġifieri f’terminu ta’ xahrejn li jibdew jiddekorru mill-ġurnata tan-notifika tad-deċiżjoni kkontestata.
22 Skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, l-appell għandu jiġi ppreżentat bil-miktub lill-UASI fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni u ma jiġix ikkunsidrat li ġie ppreżentat ħlief wara l-ħlas tad-dritt tal-appell.
23 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar illi mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta illi, jekk, skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/04, l-appell ma jiġix ikkunsidrat bħala ppreżentat ħlief wara l-ħlas tad-dritt tal-appell, is-sempliċi trasferiment tas-somma korrispondenti ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ekwivalenti għall-att mitlub mill-imsemmi artikolu [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Mejju 2005, Solo Italia vs UASI – Nuova Sala (PARMITALIA), T‑373/03, Ġabra p. II‑1881, punt 58].
24 F’din il-kawża, il-Bord tal-Appell ikkunsidra illi, minkejja li l-avviż tal-appell mhux datat kien ġie riċevut mill-UASI fil-21 ta’ Frar 2007, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu tal-appell fit-12 ta’ Frar 2007, il-ħlas tad-dritt tal-appell permezz ta’ trasferiment bankarju “kien issodisfa r-rwol tal-avviż tal-appell għall-finijiet ta’ ammissibbiltà” peress li kien sar fit-terminu u kien fih l-informazzjoni dettaljata rikjesta mir-Regola 48(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95.
25 Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell interpreta b’mod żbaljat ir-rekwiżit dwar l-eżistenza ta’ avviż ta’ appell skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, kif interpretat mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, u għalhekk interpreta b’mod żbaljat ir-Regola 40(1) tar-Regolament Nru 2868/95.
26 Fir-rigward tal-argumenti tal-UASI illi dan l-iżball kommess mill-Bord tal-Appell għandu jiġi kkunsidrat bħala irregolarità li ma twassalx għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, għaliex, fin-nuqqas tiegħu, id-deċiżjoni ma kienx ikollha kontenut differenti, għandu jiġi rrilevat illi, fir-risposta tiegħu, l-UASI talab biss li r-rikors tar-rikorrenti jiġi miċħud. Kien biss waqt is-seduta illi huwa talab lill-Qorti Ġenerali li jew tiċħad ir-rikors jew tibdel id-deċiżjoni kkontestata abbażi tar-rapport ta’ trażmissjoni tal-faks mibgħuta mill-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell.
27 Jekk din id-dikjarazzjoni għandha tinftiehem bħala l-preżentazzjoni, għall-ewwel darba waqt is-seduta, ta’ talba għal bidla fid-deċiżjoni, tali talba għandha, indipendentement min-natura eventwalment tardiva tagħha, tiġi miċħuda bħala inammissibbli. Fil-fatt, jekk l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi illi “l-parti intervenjenti […] tista’, fis-sottomissjonijiet ta’ risposta […], tifformula talbiet intiżi għall-annullament jew il-bdil tad-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell fuq kap li ma jkunx tqajjem fit-talba”, jirriżulta wkoll, a contrario, minn din id-dispożizzjoni li l-UASI ma jistax jagħmel, minn naħa tiegħu, talbiet simili (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ottubru 2004, Vedial vs UASI, C‑106/03 P, Ġabra p. I–9573, punt 34).
28 Peress illi, b’tali argument, l-UASI qiegħed jistieden lill-Qorti Ġenerali sabiex tiċħad ir-rikors u, b’dan il-mod, tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata, u dan kollu filwaqt li qiegħed jibdel il-motivi tiegħu, dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.
29 Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar illi l-Qorti Ġenerali twettaq stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tad-dipartimenti tal-UASI. Jekk tikkonkludi li tali deċiżjoni, ikkontestata f’kawża quddiemha, hija vvizzjata b’illegalità, hija għandha tannullaha. Hija ma tistax tiċħad rikors billi tissostiwixxi, bil-motivazzjoni tagħha, il-motivazzjoni tad-dipartiment kompetenti tal-UASI, li huwa l-awtur tal-att ikkontestat [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Marzu 2009, Kaul vs UASI – Bayer (ARCOL), T‑402/07, Ġabra p. II‑737, punt 49].
30 F’din il-kawża, diġà ġie rrilevat illi l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell dwar l-ammissibbiltà tal-appell li huwa kellu jikkunsidra kienet ibbażata esklużivament fuq id-dikjarazzjoni ta’ trasferiment bankarju, peress li din ġiet imxebbha ma’ avviż tal-appell. Ġie wkoll irrilevat illi din il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizjata bi żball ta’ liġi.
31 Min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Appell ma bbażax ruħu fuq ir-rapport ta’ trażmissjoni tal-faks, imsemmija mill-UASI fl-argument tiegħu. Fil-punt 9 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell illimita ruħu sabiex jirrileva, f’dan ir-rigward, dan li ġej:
“Il-persuna li għamlet l-oppożizzjoni ssostni illi l-appell ġie ppreżentat fit-8 ta’ Frar 2007, qabel l-iskadenza tat-terminu, u pproduċiet rapport ta’ trażmissjoni ta’ faks sabiex issostni dan l-argument. L-UASI madankollu ma sab l-ebda traċċa ta’ dan id-dokument li suppost kien riċevut fid-data hawn fuq imsemmija.”
32 F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata. Jekk ikun il-każ, għandu jkun il-Bord tal-Appell li jevalwa jekk u sa fejn id-dokument hawn fuq imsemmi, indikat mill-UASI fl-argument tiegħu, jistax ikollu effett fuq l-ammissibbiltà tal-appell tal-persuna li għamlet l-oppożizzjoni quddiemha.
33 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv tar-rikorrenti għandu jiġi milqugħ u d-deċiżjoni kkontestata annullata fil-mertu, mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat l-ilment ibbażat fuq il-ksur tar-Regola 49(2) tar-Regolament Nru 2868/95, u lanqas it-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.
Fuq l-ispejjeż
34 Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-UASI tilef, hemm lok li jkun deċiż li huwa jbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tas-27 ta’ Novembru 2007, (Każ R 334/2007-2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Etra Investigación y Desarrollo, SA u Axis AB hija annullata.
2) L-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk ta ’Axis.
Vilaras
Prek
Ciucă
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Settembru 2010
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
Top