SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)
7 ta’ Diċembru 2010 ( *1 )
Fil-Kawża T-59/08,
Nute Partecipazioni SpA, li kienet Gruppo La Perla SpA,
La Perla Srl,
stabbiliti f’Bologna (l-Italja), irrappreżentati minn R. Morresi u A. Dal Ferro, avukati,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), inizjalment irrappreżentat minn L. Rampini, sussegwentement minn O. Montalto, bħala aġenti,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, hija
Worldgem Brands Srl, li kienet Worldgem Brands — Gestão e Investimentos Lda, stabbilita f’Creazzo (l-Italja), irrappreżentata minn V. Bilardo, M. Mazzitelli u C. Bacchini, avukati,
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tad-19 ta’ Novembru 2007 (Każ R 537/2004-2), li jirrigwarda proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Nute Partecipazioni SpA u Worldgem Brands Srl,
IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),
komposta minn I. Wiszniewska-Białecka, President, F. Dehousse u H. Kanninen (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Frar 2008,
wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Mejju 2008,
wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Mejju 2008,
wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Awwissu 2008,
wara li rat il-kontroreplika tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Ottubru 2008,
wara li rat il-bidla fil-kompożizzjoni tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali,
wara s-seduta tal-11 ta’ Mejju 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1
Fit-30 ta’ Diċembru 1997, l-intervenjenti, Worldgem Brands Srl, li kienet Worldgem Brands — Gestão e Investimentos Lda, li kienet Cielo Brands — Gestão e Investimentos Lda, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].
2
It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC.
3
Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 14 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u kienu jikkorrispondu, fil-mument li saret l-applikazzjoni, għad-deskrizzjoni li ġejja: “Ġojjelli, prodotti tal-artiġjanat u strumenti li juru l-ħin; metalli prezzjużi; perli; ħaġar prezzjuż”.
4
It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ġiet irreġistrata fil-21 ta’ Lulju 1999.
5
Fil-15 ta’ April 2002, l-ewwel rikorrenti, Nute Partecipazioni SpA, li kienet Gruppo La Perla SpA, talbet li tiġi ddikjarata l-invalidità ta’ din ir-reġistrazzjoni minn naħa, skont l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009], minħabba li r-reġistazzjoni kienet tmur kontra r-raġunijiet assoluti għal rifjut previsti fl-Artikolu 7(1)(a) u (b) tal-imsemmi regolament [li sar l-Artikolu 7(1)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] u, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 52(1)(a) tal-imsemmi regolament [li sar l-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009], minħabba li r-reġistrazzjoni kienet tmur kontra r-raġunijiet relattivi għal rifjut previsti fl-Artikolu 8(1)(b), u mill-Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament [li sar l-Artikolu 8(1)(b), u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009].
6
It-trade marks preċedenti invokati insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li huma protetti fl-Italja, huma, b’mod partikolari:
—
it-trade mark figurattiva la PERLA, irreġistrata taħt in-numru 769526, b’effett mill-20 ta’ Marzu 1996, għall-prodotti li ġejjin li jaqgħu fil-klassi 25: “Malji, ilbies sportiv u ilbies inġenerali”, riprodotta kif ġej:
—
it-trade mark figurattiva la PERLA, irreġistrata taħt in-numru 804992, b’effett mit-8 ta’ Ottubru 1997, b’mod partikolari għall-prodotti li ġejjin li jaqgħu fil-klassi 14:“Ġojjelli; strumenti li juru l-ħin”, riprodotta kif ġej:
7
Insostenn tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-ewwel rikorrenti pproduċiet quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni dokumentazzjoni li tikkonsisti, b’mod partikolari, f’listi ta’ reġistrazzjonijiet ta’ trade marks, f’artikli ppubblikati fl-istampa, f’listi ta’ ħwienet li juru s-sinjal “La Perla”, kif ukoll fi statistiċi dwar id-dħul mill-bejgħ tagħha u l-ispejjeż pubbliċitarji tagħha bil-għan li tipprova r-reputazzjoni tat-trade marks tagħha u l-ħsara li saritilhom.
8
Fl-4 ta’ Mejju 2004, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ddikjarat l-invalidità tat-trade mark Komunitarja NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC peress li l-użu ta’ din it-trade mark seta’ jippermetti lill-proprjetarju tagħha jikseb vantaġġ inġust mir-reputazzjoni tat-trade mark figurattiva la PERLA, koperta mir-reġistrazzjoni Nru 769526, fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.
9
Fl-1 ta’ Lulju 2004, l-intervenjenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.
10
Permezz tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Jannar 2005 (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ l-appell tal-intervenjenti u annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzzjoni. Huwa kkunsidra li t-trade mark Komunitarja NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC ma kinitx daqstant simili għat-trade mark figurattiva la PERLA, koperta mir-reġistrazzjoni numru 769526, u lanqas għal trade marks oħra elenkati fit-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, kif previst fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jew ta’ rabta bejn l-imsemmija trade marks, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.
11
B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ April 2005, l-ewwel rikorrenti ppreżentat rikors, li ġie rreġistrat bir-referenza T-137/05, għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni u li jinvoka, fl-ewwel lok, il-ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament 40/94, fit-tieni lok, il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tal-imsemmi regolament u, fit-tielet lok, il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. L-UASI qabel mat-talbiet tal-ewwel rikorrenti sa fejn dawn jikkonċernaw l-annullament tal-ewwel deċiżjoni, minħabba l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 8(5) u tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94.
12
Permezz tas-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2007, La Perla vs UASI — Worldgem Brands (NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC) (T-137/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti Ġenerali”), il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors tal-ewwel rikorrenti billi kkonstatat, fl-ewwel lok, li r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti la PERLA, koperta mir-reġistrazzjoni numru 769526, kienet stabbilita u, fit-tieni lok, li l-Bord tal-Appell wettaq żball billi kkunsidra li t-trade mark preċedenti la PERLA koperta mir-reġistrazzjoni numru 769526 u t-trade mark NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC ma kinux daqstant simili sabiex tiġi stabbilita rabta bejniethom kif meħtieġ għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali annullat l-ewwel deċiżjoni, mingħajr ma ssostitwixxiet lill-UASI fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ probabbiltà li l-użu mingħajr raġuni valida tat-trade mark NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC tippremetti lill-proprjetarju tagħha jieħu vantaġġ inġust jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark la PERLA koperta mir-reġistrazzjoni numru 769526, li hija evalwazzjoni li għandha ssir mill-UASI (punti 26, 33, 52 u 53 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali).
13
Fit-18 ta’ Settembru 2007, il-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell irrinvija l-każ quddiem it-Tieni Bord tal-Appell.
14
B’deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Huwa, qabelxejn, ikkonstata li ma kienx ġie pprovat li t-trade mark NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC tista’ tippermetti li jittieħed vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti la PERLA, koperta mir-reġistrazzjoni numru 769526, u lanqas li tkun ta’ ħsara għalihom u li, għaldqastant ma jistax jiġi applikat l-Artikolu 8(5) tar-Regolament 40/94. Sussegwentement, billi eżerċita l-kompetenzi tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, huwa ċaħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq raġunijiet assoluti għal rifjut.
15
Fl-aħħar, dejjem billi jeżerċita l-kompetenzi tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, sabiex jeżamina l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 40/94, il-Bord tal-Appell ikkonstata l-identità jew il-grad għoli ta’ xebh bejn il-prodotti ta’ “ġojjelli; strumenti li juru l-ħin”, li jaqgħu fil-klassi 14 u koperti mit-trade mark preċedenti la PERLA, koperta mir-reġistrazzjoni numru 804 992, u l-prodotti ta’ “Ġojjelli, prodotti tal-artiġjanat u strumenti li juru l-ħin”, kopert mit-trade mark Komunitarja, kif ukoll il-grad għoli ta’ xebh meta mqabbla ma’ “metalli prezzjużi; perli; ħaġar prezzjuż”, koperti mit-trade mark Komunitarja. Il-Bord tal-Appell stabbilixxa l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku Taljan għall-prodotti kollha koperti mit-trade mark Komunitarja NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC, ħlief il-perli. Fil-fatt, skont il-Bord tal-Appell, il-kelma “la perla” peress li hija esklużivament deskrittiva u nieqsa minn karattru distintiv fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, kellu sempliċement jiġi pparagunat l-element figurattiv tat-trade mark preċedenti mal-element “nimei” tat-trade mark Komunitarja, u dan il-paragun ma jwassalx għal probabbiltà ta’ konfużjoni.
16
Konsegwentement, il-Bord tal-Appell laqa’ t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għall-prodotti li ġejjin, li jaqgħu fil-klassi 14: “ġojjelli, prodotti tal-artiġjanat u strumenti li juru l-ħin; metalli prezzjużi; ħaġar prezzjuż”. Kuntrarjament, huwa ċaħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u kkonferma l-validità tat-trade mark NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC għall-perli, li wkoll jaqgħu fil-klassi 14.
It-talbiet tal-partijiet
17
L-ewwel rikorrenti u t-tieni rikorrenti, La Perla Srl jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla u tibdel id-deċiżjoni kkontestata minħabba l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll il-ksur tal-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009) u tal-Artikoli 73 u 74 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 75 u 76 tar-Regolament Nru 207/2009);
—
sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata minħabba l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll il-ksur tal-Artikolu 63(6) u tal-Artikoli 73 u 74 tar-Regolament Nru 40/94;
—
iktar sussidjarjament, tannulla u/jew tibdel id-deċiżjoni kkontestata minħabba l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll il-ksur tal-Artikolu 63(6), u tal-Artikoli 73 u 74 tar-Regolament Nru 40/94;
—
tikkundanna lill-UASI u lill-intervenjenti għall-ispejjeż, inklużi dawk imġarrba matul il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI.
18
Matul is-seduta, ir-rikorrenti llimitaw it-tielet kap tat-talbiet tagħhom, li issa jirrigwarda biss l-ewwel, it-tielet u r-raba’punti tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, u saret nota ta’ dan fil-proċess verbali tas-seduta. Barra minn dan, dan il-kap tat-talbiet ma jirrigwardax it-tieni punt tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha l-Bord tal-Appell laqa’ t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għall-prodotti li ġejjin, li jaqgħu fil-klassi 14: “ġojjelli, prodotti tal-artiġjanat u strumenti li juru l-ħin; metalli prezzjużi; ħaġar prezzjuż ”.
19
L-UASI jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiċħad ir-rikors;
—
tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
20
L-intervenjenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiċħad ir-rikors u tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata;
—
tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
21
Ir-rikorrenti essenzjalment jinvokaw żewġ motivi, l-ewwel wieħed ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, u t-tieni bbażat, sussidjarjament, fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.
22
Jeħtieġ li jsir eżami tal-ewwel motiv.
23
Ir-rikorrenti jsostnu li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 8(5) tar-Regolament 40/94. Huma jallegaw, b’mod partikolari, li l-Bord tal-Appell ma kkonformax ruħu mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, u għaldaqstant kiser ukoll l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94.
24
Barra minn dan, ir-rikorrenti jsostnu li l-Bord tal-Appell ma kkunsidrax il-punti ta’ fatt u tal-provi kollha li ġew ippreżentati quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li juru kemm id-dannu mġarrab kif ukoll il-vantaġġ inġust, kif ukoll l-użu mingħajr raġuni valida tat-trade mark Komunitarja NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC, bi ksur tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009) u li, billi ma spjegax l-allegat nuqqas ta’ rilevanza tagħhom, il-Bord tal-Appell kiser ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu u l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94.
25
Fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ukoll il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali, ta’ trattament ugwali u ta’ amministrazzjoni tajba, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.
26
L-UASI u l-intervenjenti jsostnu t-talbiet tal-Bord tal-Appell, jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti u jikkunsidraw li l-Bord tal-Appell kkonforma ruħu mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Fir-rigward tal-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti fir-replika tagħhom, l-intervenjenti jsostnu, fil-kontroreplika, li dawn l-ilmenti huma inammissibbli minħabba d-dewmien tagħhom.
27
Jeħtieġ jitfakkar li, skont l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 flimkien mal-Artikolu 8(5) tal-istess regolament, trade mark Komunitarja tiġi ddikjarata invalida, wara applikazzjoni ppreżentata quddiem l-UASI, meta tkun teżisti trade mark preċedenti prevista fl-Artikolu 8(2) ta’ dak l-istess regolament, jekk it-trade mark Komunitarja u t-trade mark preċedenti jkunu identiċi jew jixxiebhu u jekk it-trade mark Komunitarja tkun irreġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixbhux lil dawk li għalihom tkun irreġistrata t-trade mark preċedenti, meta f’każ ta’ trade mark Komunitarja preċedenti it-trade mark ikollha reputazzjoni fil-Komunità u, f’każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, it-trade mark ikollha reputazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat, u dan meta l-użu mingħajr raġuni valida tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni jkun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.
28
Il-protezzjoni estiża mogħtija lit-trade mark preċedenti mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 tippreżumi għalhekk l-għaqda ta’ numru ta’ kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, it-trade mark preċedenti allegatament ta’ reputazzjoni għandha tkun irreġistrata. Fit-tieni lok, din tal-aħħar u t-trade mark li ntalbet l-invalidità tagħha għandhom ikunu identiċi jew simili. Fit-tielet lok, it-trade mark preċedenti għandu jkollha reputazzjoni fil-Komunità, fil-każ ta’ trade mark Komunitarja preċedenti, jew fl-Istat Membru kkonċernat, fil-każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti. Fir-raba’ lok, l-użu mingħajr raġuni valida tat-trade mark Komunitarja għandu jwassal għal probabbiltà li jista’ jittieħed vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew li tista’ ssir ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Peress li dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, in-nuqqas ta’ waħda minnhom hija biżżejjed sabiex tirrendi l-imsemmija dispożizzjoni inapplikabbli [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Marzu 2007, Sigla vs UASI — Elleni Holding (VIPS), T-215/03, Ġabra p. II-711, punti 34 u 35; tal-11 ta’ Lulju 2007, Mülhens vs UASI — Minoronzoni (TOSCA BLU), T-150/04, Ġabra p. II-2353, punt 55, u tat-30 ta’ Jannar 2008, Japan Tobacco vs UASI — Torrefacção Camelo (CAMELO), T-128/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 45].
29
Hemm lok li jitfakkar li l-ħsara prevista fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, meta din isseħħ, hija l-konsegwenza ta’ ċertu grad ta’ xebh bejn it-trade marks preċedenti u dawk sussegwenti, li minħabba fih il-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni bejn iż-żewġ trade marks, jiġifieri jistabbilixxi rabta bejniethom, anki jekk ma jħawwadhomx [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Marzu 2009, Antartica vs UASI, C-320/07 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 43; digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ April 2009, Japan Tobacco vs UASI, C-136/08 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 25; ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C-252/07, Ġabra p. I-8823, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata].
30
L-eżistenza ta’ tali rabta mill-perspettiva tal-pubbliku tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja, iżda, fiha nfisha, mhux suffiċjenti, sabiex jiġi konkluż li teżisti xi ħsara li kontra tagħha l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 jiżgura protezzjoni favur trade marks ta’ reputazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et, C-487/07, Ġabra p. I-5185, punt 37).
31
Fil-fatt, bil-għan li jibbenefika mill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandu jipproduċi l-prova li l-użu tat-trade mark sussegwenti “ħa vantaġġ inġust jew kien ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti” (ara, b’analoġija, is-sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).
32
Wieħed minn dawn it-tliet tipi ta’ ħsara huwa suffiċjenti sabiex ikun applikabbli l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 (ara, b’analoġija, is-sentenza L’Oréal et, iċċitatat iktar ’il fuq, punti 38 u 42).
33
Il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti ma huwiex obbligat juri l-eżistenza ta’ ħsara effettiva u attwali fil-konfront tat-trade mark tiegħu fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, meta jista’ jiġi dedott li ser tiġri ħsara bħal din mill-użu li l-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti jista’ jagħmel mit-trade mark tiegħu, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti ma huwiex obbligat jistenna li din effettivament isseħħ sabiex ikun jista’ jipprojbixxi l-imsemmi użu. Il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandu madankollu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ elementi li jippermettu li jiġi konkluż li hemm probabbiltà serja li ħsara bħal din isseħħ fil-futur (ara, b’analoġija, is-sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).
34
Meta l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jirnexxielu juri l-eżistenza jew ta’ ħsara effettiva u attwali għat-trade mark tiegħu, jew, fin-nuqqas ta’ dan, probabbiltà serja li tali ħsara ser isseħħ fil-futur, huwa l-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti li għandu jistabbilixxi li teżisti raġuni valida għall-użu ta’ din it-trade mark (ara, b’analoġija, is-sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).
35
Finalment, l-eżistenza tal-ħsara kkostitwita bid-dannu kkawżat lill-karattru distintiv jew lir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti għandha tiġi evalwata billi jsir riferiment għall-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata, li jkun normalment infurmat u raġonevolment attent u prudenti. Kuntrarjament, l-eżistenza tal-ħsara kkostitwita mill-vantaġġ inġust meħud mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, fejn dak li huwa pprojbit huwa l-vantaġġ meħud minn din it-trade mark mill-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti, l-eżistenza tal-imsemmija ħsara għandha tiġi evalwata billi ssir riferenza għall-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom it-trade mark sussegwenti hija rreġistrata, li jkun normalment infurmat u raġonevolment attent u prudenti. (ara b’analoġija, is-sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq, punti 35 u 36).
36
F’dan il-każ, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat, fis-sentenza tagħha, li r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, koperta mir-reġistrazzjoni numru 769526 (iktar ’il quddiem it-“trade mark la PERLA”), kienet ġiet stabbilita għall-bjankerija intima u malji u li, sa fejn il-prodotti koperti mit-trade mark la PERLA u dawk koperti mit-trade mark sussegwenti jappartjenu għal setturi tas-suq li huma qrib ta’ xulxin, jiġifieri l-ġojjelli u l-ħwejjeġ tan-nisa, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, ċertu grad ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti kien suffiċjenti sabiex il-pubbliku Taljan ikun jista’ jistabbilixxi rabta bejn dawk iż-żewġ trade marks, kif meħtieġ għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament 40/94 (punit 33 u 51 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali).
37
Għaldqastant, jonqos li tiġi eżaminata l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ probabbiltà li l-użu mingħajr raġuni valida tat-trade mark NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC jippermetti lill-proprjetarju tagħha jieħu vantaġġ inġust jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark la PERLA.
38
Ir-rikorrenti jsostnu li t-tliet tipi ta’ ħsara jeżistu f’dan il-każ. Quddiem l-UASI, l-ewwel rikorrenti ppreżentat l-argumenti u l-provi li ġejjin, kif imqassra fid-deċiżjoni kkontestata:
—
fil-ħarifa tal-1999, l-intervenjenti kienet ħolqot malja (bikini) tal-perli, iddiżinjata mill-istilista Lorenzo Riva, bit-trade mark NIMEI LA PERLA. Din il-bikini ġiet ippreżentata fl-okkażjoni ta’ sfilati tal-moda l-iktar importanti u l-istampa speċjalizzata tat importanza kbira lil dan l-avveniment. Il-karattru illegali tal-użu tat-termini “la perla”, assoċċjata mat-terminu “nimei”, huwa evidenti, peress li huwa jintegra l-elementi tal-ksur tat-trade mark la PERLA u huwa kapaċi joħloq kunfużjoni għall-istampa speċjalizzata stess, u iktar u iktar fost il-konsumaturi. L-aġenzija ANSA u il-Corriere della Sera kienu vittmi ta’ tali kunfużjoni;
—
fir-rebbiegħa tal-2000, l-intervenjenti ppreżentat ukoll “sidrija ġojjell” prodotta minn NIMEI LA PERLA għal Blumarine u ħabbret l-bidu tal-bejgħ ta’ “twin-set” (ħwejjeġ imqabbla) bil-pulzieri indurati bil-perli. L-istampa speċjalizzata f’din l-okkażjoni wkoll tat importanza kbira lil dan l-avveniment;
—
l-effett tal-konfużjoni u tal-abbuż ġie wkoll kkompletat u pperfezzjonat permezz tal-pubbliċità mwettqa, mill-intervenjenti u Blumarine, fl-okkażjoni tal-aħħar kreazzjonijiet tal-moda, peress li l-immaġni pubbliċitarja magħżula kienet ibbażata fuq l-użu tat-terminu “perla” u “perla chic” li kienu jidhru fil-manifest promozzjonali;
—
il-ksur tat-trade mark la PERLA u l-attività persistenti u intenzjonata intiża sabiex toħloq konfużjoni implementata mill-intervenenti jirriżultaw kjarament minn elementi esposti preliminarjament. Billi approfittat b’mod ċar mir-reputazzjoni tat-trade mark la PERLA fid-dinja tal-moda, l-intervenjenti ppreżentat ċerti ħwejjeġ li kellhom fuqhom it-trade mark NIMEI LA PERLA (fir-realtà rregistrati bħala NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC), u b’hekk ħolqot konfużjoni fost il-persuni tas-settur ikkonċernat u, iktar u iktar, fost il-konsumaturi.
39
Hemm lok li jiġi eżaminat, qabel kollox, jekk l-ewwel rikorrenti irnexxilhiex turi l-eżistenza ta’ teħid ta’ vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark la PERLA.
40
Il-kunċett ta’ “vantaġġ inġust meħud mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti”, denominat ukoll bit-termini “parassitiżmu” u “free riding”, ma huwiex marbut mad-dannu subit mit-trade mark, iżda mal-vantaġġ miksub minn terzi mill-użu ta’ trade mark sussegwenti identika jew simili. Dan jinkludi b’mod partikolari l-każ fejn, minħabba trasferiment tal-immaġni tat-trade mark jew tal-karatteristiċi tagħha lejn prodotti koperti mit-trade mark identika jew simili, ikun hemm użu manifest minn fuq dahar trade mark magħrufa (ara, b’analoġija, is-sentenza L’Oréal et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).
41
Hemm lok li jiġi ppreċiżat li l-vantaġġ meħud minn terzi mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jista’ jkun inġust, anki jekk l-użu tat-trade mark identika jew simili sussegwenti la jkun jippreġudika l-karattru distintiv u lanqas ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew, b’mod iktar ġenerali, lill-proprjetarju tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza L’Oréal et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).
42
Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-użu ta’ trade mark sussegwenti jiħux vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, li fosthom hemm, b’mod partikolari, l-intensità tar-reputazzjoni u l-grad tal-karattru distintiv tat-trade mark, il-grad ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti kif ukoll in-natura u l-grad ta’ rabta tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. Fir-rigward tal-intensità tar-reputazzjoni u tal-grad ta’ karattru distintiv tat-trade mark, iktar ma jkunu kunsiderevoli l-karattru distintiv u r-reputazzjoni ta’ din it-trade mark, iktar ikun faċli li tiġi ammessa l-eżistenza ta’ ħsara. Barra minn dan, iktar ma tkun immedjata u b’saħħitha l-evokazzjoni tat-trade mark preċedenti mit-trade mark sussegwenti, iktar huwa kbir ir-riskju li l-użu attwali jew futur tas-sinjal jieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, jew li jippreġudikahom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq, punti 67 sa 69, u s-sentenza L’Oréal et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).
43
Barra minn hekk, jeħtieġ jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni globali, tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ taħlit jew ta’ titbigħ tat-trade mark preċedenti. (ara, b’analoġija, is-sentenza L’Oréal et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).
44
Meta terz jipprova, permezz tal-użu ta’ trade mark li tixbah lil trade mark li għandha reputazzjoni, japprofitta minn fuq dahar tali trade mark sabiex jibbenefika mis-setgħa ta’ attrazzjoni tagħha, mir-reputazzjoni tagħha u mill-prestiġju tagħha, kif ukoll sabiex juża, mingħajr ebda kumpens finanzjarju u mingħajr ma jkollu juża r-riżorsi tiegħu stess għal dan il-għan, l-isforz kummerċjali li wettaq il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti sabiex joħloq u jżomm l-immaġni ta’ dik it-trade mark, il-vantaġġ miksub minn dan l-użu għandu jiġi kkunsidrat bħala vantaġġ inġust miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tal-imsemmija trade mark. (ara, b’analoġija, is-sentenza L’Oréal et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).
45
Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ kisba ta’ vantaġġ inġust miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, la tippreżumi l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni u lanqas ta’ probabbiltà ta’ ħsara kkawżata lil dan il-karattru distintiv jew reputazzjoni, jew, b’mod iktar ġenerali, lill-proprjetaru ta’ din tal-aħħar. Il-vantaġġ li jirriżulta mill-użu minn terz ta’ trade mark li tixbah lil trade mark li għandha reputazzjoni huwa inġustament miksub minn dan it-terz mill-imsemmi karattru distintiv jew reputazzjoni meta b’dan l-użu, huwa jipprova japprofitta minn fuq dahar din it-trade mark li għandha reputazzjoni sabiex jibbenefika mis-setgħa ta’ attrazzjoni tagħha, mir-reputazzjoni tagħha u mill-prestiġju tagħha, kif ukoll sabiex juża, mingħajr ebda kumpens finanzjarju, l-isforz kummerċjali magħmul mill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti sabiex joħloq u jżomm l-immaġni tagħha. (ara, b’analoġija, is-sentenza L’Oréal et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).
46
F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-ewwel rikorrenti ma rnexxilhiex turi tali ħsara. Huwa jirreferi għal bikini tal-perli ddiżinjata mill-istilista Lorenzo Riva, taħt it-trade mark NIMEI LA PERLA, ippreżentata fi sfilati tal-moda l-iktar importanti u enfasizzata bil-kbir mill-istampa speċjalizzata, kif ukoll għal “twin set” bil-pulzieri indurati bil-perli u “ġakketta ġojjell” prodotta minn NIMEI LA PERLA għal Blumarine. Issa, huwa josserva li l-użu tat-trade mark NIMEI LA PERLA għal malji u għal biċċiet oħra ta’ ħwejjeġ tal-klassi 25 ma huwiex rilevanti f’dan il-każ, peress li dan jirrigwarda r-reġistrazzjoni tat-trade mark NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC għal ġojjelli li jaqgħu fil-klassi 14. Fi kwalunkwe każ, skont il-Bord tal-Appell, il-kelma “la perla” fuq bikini tal-perli, fuq “sidrija ġojjell” indurata bil-perli jew fuq “twin-set” bil-pulzieri indurati bil-perli tidher pjuttost intiża sabiex tiddeskrivi materjal użat eċċezzjonalment f’dawn l-oġġetti, jiġifieri l-perli.
47
Ir-rikorrenti jikkontestaw dawn il-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell. Barra minn dan huma jfakkru li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet ikkunsidrat li l-argumenti u l-provi prodotti mill-ewwel rikorrenti kienu jistabbilixxu b’mod suffiċjenti l-vantaġġ inġust mill-użu tat-trade mark NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC kien kapaċi jħassar ir-reputazzjoni tat-trade mark la PERLA u li l-UASI kien ikkunsidra, fir-risposta ppreżentata fil-kuntest tal-kawża T-137/05, li “l-eżaminazzjoni tat-tielet kundizzjoni […] — il-fatt li jittieħed vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark — jiġġustifika, għal darb’oħra, l-ilmenti [tal-ewwel] rikorrenti”.
48
Fir-risposta, l-UASI jsostni li jeħtieġ li jiġi evalwat jekk l-użu tat-trade mark NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC għall-prodotti li għalihom ġiet irreġistrata jistax jippermetti lill-proprjetarju tagħha jieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv u mir-reputazzjoni tat-trade mark la PERLA. Il-provi prodotti mill-ewwel rikorrenti kienu jikkonċernaw, kuntrarjament, l-użu tat-trade mark sussegwenti għal prodotti li, għalkemm iddekorati bil-perli, huma biċċiet tal-ħwejjeġ, li jista’ eventwalment jikkostitwixxi ksur, iżda mhux każ ta’ użu minn fuq dahar ir-reputazzjoni tat-trade mark la PERLA.
49
L-intervenjenti ssostni li l-ewwel rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova ta’ probabbiltà ta’ użu parassitarju minn fuq dahar it-trade mark tagħha jew ta’ tentattiv li jittieħed vantaġġ mir-reputazzjoni tagħha jew mill-karattru distintiv tagħha. Fi kwalunkwe każ, il-fatti msemmija mill-ewwel rikorrenti ma jikkonċernawx il-prodotti tal-klassi 14, koperti mit-trade mark NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC.
50
Jirriżulta mid-dokumenti prodotti mill-ewwel rikorrenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li l-istampa speċjalizzata u l-professjonisti fil-qasam ħasbu li l-oġġetti ppreżentati mill-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti flimkien ma’ Lorenzo Riva u Blumarine, waqt l-isfilati tal-moda, kellhom konnessjoni mal-ewwel rikorrenti u li kienet teżisti relazzjoni kummerċjali bejn iż-żewġ kumpanniji.
51
Pereżempju, fir-rigward tal-preżentazzjoni fl-okkażjoni ta’ sfilati tal-moda ta’ Milan, f’Settembru tal-1999, ta’ bikini tal-perli, ddiżinjata minn Lorenzo Riva għan-nom tal-intervenjenti, wieħed jista’ jaqra f’artiklu li deher f’gazzetta nazzjonali: “Lorenzo Riva barra minn dan ma jieqafx […] l-isponsers Nimei u La Perla jinsabu f’delirju sħiħ […]”, meta l-isponser tal-avveniment kienet l-intervenjenti, li kienet ipproduċiet il-bikini tal-perli bil-kollaborazzjoni ta’ L. Riva. Bl-istess mod, fl-artiklu tal-Corriere della Sera tal-25 ta’ Settembru 1999, wieħed jista’ jaqra taħt ir-ritratt: “Tal-perli. Prezz għall-pubbliku: 2 biljuni. Din hija l-bikini tal-perli ta’ Lorenzo Riva għal La Perla”. Fir-rigward tat-“twin-set”, wieħed jista’ jaqra, fuq is-sit elettroniku (www.margherita.net), artiklu tat-12 ta’ Ottubru 2000 bit-titolu “Nimei — La Perla. Il-mument tal-allegrija. Nimei La Perla u Blumarine ppreżentaw il-BluVIP (Very Important Pearls)”.
52
Ċertament, dan ma jikkonċernax sitwazzjonijiet li jinvolvu l-perli biss, iżda bikini tal-perli ddiżinjata mill-istilista Lorenzo Riva li fiha t-trade mark NIMEI LA PERLA, “twin-set” bil-pulzieri indurati bil-perli u sidrija ġojjell maħluqa minn NIMEI LA PERLA għal Blumarine. Għaldaqstant, dawn il-ħwejjeġ kollha jinkludu, fir-realtà, bħala element essenzjali, il-perli, li għalihom ġiet effettivament irreġistrata t-trade mark sussegwenti. Barra minn dan, kif jirriżulta mill-punt preċedenti, jidher li l-perli jikkostitwixxu verament il-“qalba” ta’ dawk il-prodotti. Konsegwentement, f’dawk iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tal-UASI u tal-intervenjenti (ara l-punti 48 u 49 iktar ’il fuq) ma jistgħux jiġu aċċettati.
53
Barra minn dan, l-impressjoni li tirriżulta wkoll mill-pubbliċità tal-intervenjenti, li tidher pjuttost marbuta mal-ġojjelli u, b’mod iktar preċiż, mal-perli, hija li teżisti rabta jew relazzjoni bejn “NIMEI” u “La Perla”.
54
F’dawk iċ-ċirkustanzi, ma tistax tiġi eskluża ħsara jew probabbiltà ta’ ħsara. Kif diġà ġie kkonstatat iktar ’il fuq, il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti ma huwiex obbligat juri l-eżistenza ta’ ħsara effettiva u attwali fil-konfront tat-trade mark tiegħu, iżda għandu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ elementi li jippermettu li jiġi konkluż li hemm probabbiltà serja li ħsara bħal din isseħħ fil-futur (ara, b’analoġija, is-sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).
55
Bħala konklużjoni, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk l-użu tat-trade mark NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC ippermettiex lill-proprjetarju tagħha jieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni tat-trade mark la PERLA, jeħtieġ li ssir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni.
56
F’dan ir-rigward, jeħtieġ jitfakkar, qabel kollox, li l-Qorti Ġenerali diġà kkonstatat fis-sentenza tagħha (ara l-punt 36 iktar ’il fuq) li ma huwiex ikkontestat li t-trade mark la PERLA għandha reputazzjoni għal bjankerija intima u l-malji, li jeżisti ċertu grad ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti, u li l-prodotti koperti mit-trade mark la PERLA, jiġifieri l-ħwejjeġ tan-nisa, u dawk koperti mit-trade mark sussegwenti, jiġifieri l-perli, jappartjenu għal setturi tas-suq qrib ta’ xulxin. Fir-rigward, iktar b’mod partikolari, ir-reputazzjoni, hemm lok li jiżdied li din tista’ titqies bħala waħda għolja ħafna.
57
Sussegwentement, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-perli jistgħu jintużaw fil-produzzjoni ta’ malji u ħwejjeġ oħra tan-nisa, kif jirriżulta mid-dokumenti prodotti mill-ewwel rikorrenti quddiem l-UASI. Ma huwiex eskluż li l-konsumaturi ta’ ġojjelli u, iktar b’mod partikolari, ta’ perli jafu bil-bjankerija intima u l-malji kkummerċjalizzati mir-rikorrenti. Barra minn dan, għalkemm ma hijiex meħtieġa probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks sabiex jintwera li t-trade mark sussegwenti ħadet vantaġġ inġust mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, tali probabbiltà hija stabbilita f’dan il-każ fir-rigward ta’ prodotti viċini ta’ malji u bjankerija intima koperti mit-trade mark la PERLA, jiġifieri il-bikinis, “twin sets” u sdieri, ilkoll iddekorati bil-perli, anki jekk dak il-ħwejjeġ fihom infushom ma humiex protetti mit-trade mark sussegwenti.
58
Jirriżulta minn dak li ntqal li l-ewwel rikorrenti pproduċiet, quddiem l-UASI, il-prova li l-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti ħa vantaġġ inġust mit-trade mark la PERLA jew li, tal-inqas, kien hemm probabbiltà serja li tali ħsara setgħet isseħħ fil-futur.
59
Jonqos li jiġi ddeterminat jekk l-użu tat-trade mark sussegwenti kellux, f’dan il-każ, raġuni valida.
60
Kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 34 iktar ’il fuq, meta l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jirnexxielu juri l-eżistenza jew ta’ ħsara effettiva u attwali għat-trade mark tiegħu, jew, fin-nuqqas ta’ dan, probabbiltà serja li tali ħsara ser isseħħ fil-futur, huwa l-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti li għandu jistabbilixxi li teżisti raġuni valida għall-użu ta’ din it-trade mark.
61
F’dan il-każ, l-intervenjenti sostniet waqt il-proċedura amministrattiva quddiem l-UASI li r-raġuni valida sabiex tuża it-termini “la perla” kienet teżisti u kienet evidenti: kienet tinvolvi ġojjelli magħmula mill-perli, u r-raġuni kienet marbuta kemm man-neċessità u kemm mal-volontà li jiġi indikat l-isem komuni tal-materjal li minnu ġew magħmula l-ġojjelli.
62
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li, peress li ma ġiex ipprovat li t-trade mark sussegwenti tista’ tieħu vantaġġ inġust jew tkun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark la PERLA, huwa ma kellux għalfejn jiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ użu mingħajr raġuni valida tat-trade mark sussegwenti.
63
Ir-rikorrenti jfakkru li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet ikkunsidrat li r-raġuni invokata mill-intervenjenti ma kinitx biżżejjed sabiex tiġġustifika l-użu u li, bl-istess mod, l-UASI rrileva, fil-kuntest tal-kawża T-137/05, li l-intervenjenti “ma setgħetx barra minn dan tippreżenta raġunijiet validi waqt il-fażi amministrattiva sabiex tiġġustifika l-użu inkwistjoni, li jissodisfaw ukoll il-kundizzjoni li ġejja meħtieġa għall-applikazzjoni tal-protezzjoni li tmur lil hinn mill-prodotti indikati mit-trade mark”.
64
Fil-kuntest ta’ dawn il-proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali, l-UASI u l-intervenjenti ma ppreżentawx argumenti b’risposta għall-argumenti tar-rikorrenti rigward ir-raġuni valida.
65
Hemm lok li jiġi rrilevat li r-raġuni invokata mill-intervenjenti waqt il-proċedura amministrattiva quddiem l-UASI ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-użu. F’dan ir-rigward, jeħtieġ ukoll jiġi rrilevat li l-intervenjenti lanqas ma pprovat tagħti ġustifikazzjonijiet oħra quddiem il-Qorti Ġenerali.
66
Finalment, fir-rigward tad-deċiżjoni tat-Tribunale di Modena (It-Tribunal ta’ Modena) (l-Italja), invokata mill-intervenjenti sabiex turi li l-episodji mressqa mir-rikorrenti ma humiex imputabbli lill-intervenjenti, jkun biżżejjed jitfakkar li s-sistema Komunitarja tat-trade marks hija sistema awtonoma, ikkostitwita minn kollettività ta’ regoli u ssegwi oġġettivi speċifiċi għaliha, l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Diċembru 2000, Messe München vs UASI (electronica), T-32/00, Ġabra p. II-3829, punt 47, u tat-23 ta’ Settembru 2009, Cohausz vs UASI — Izquierdo Faces (acopat), T-409/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 71]. Fi kwalunkwe każ, dik id-deċiżjoni hija suġġetta għal appell, ippreżentat mir-rikorrenti u, għaldaqstant, għadha ma hijiex definittiva. Barra minn dan, hija tirrigwarda l-konstatazzjoni tal-ksur tat-trade mark la PERLA u l-kompetizzjoni żleali tal-intervenjenti u mhux talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità abbażi ta’ dispożizzjoni simili għall-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.
67
F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa stabbilit li l-intervenjenti pprovat, permezz tal-użu ta’ trade mark simili għat-trade mark la PERLA, tapprofitta minn fuq dahar tali trade mark sabiex tibbenefika mis-setgħa ta’ attrazzjoni tagħha, mir-reputazzjoni tagħha u mill-prestiġju tagħha, kif ukoll tuża l-isforz kummerċjali li wettqu r-rikorrenti sabiex joħolqu u jżommu l-immaġni ta’ dik it-trade mark. Għalhekk, il-vantaġġ li jirriżulta mill-imsemmi użu għandu jiġi kkunsidrat bħala vantaġġ meħud inġustament mit-trade mark la PERLA (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza L’Oréal et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49). Barra minn dan, dak l-użu sar mingħajr ebda raġuni valida. Għaldaqstant, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 iktar ’il fuq, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ ħsara oħra prevista fil-punti 31 u 32 iktar ’il fuq.
68
Konsegwentement, mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-ilmenti ppreżentati fir-replika (ara l-punti 25 u 26 iktar ’il fuq), jeħtieġ jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell wettaq żball fl-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.
69
Peress li l-Bord tal-Appell diġà ddikjara l-invalidità tat-trade mark sussegwenti għall-prodotti kollha bl-eċċezzjoni tal-perli, hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata biss sa fejn ġiet miċħuda t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, u li l-validità tat-trade mark NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC tiġi kkonfermata għal perli. Fil-fatt, peress illi deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tilqa’ t-talbiet ta’ parti kkonċernata, din tal-aħħar ma jkollhiex locus standi sabiex tippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali. Konsegwentement, peress illi il-Bord tal-Appell laqa’, fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ir-rikorrenti ma jistgħux iktar jikkontestawha [ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Lulju 2009, Hoo Hing vs UASI — Tresplain Investments (Golden Elephant Brand), T-300/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 26 u 27].
70
F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, peress li l-kawżi differenti ta’ invalidità jwasslu eżattament għall-istess riżultat, ikun biżżejjed li tkun fondata waħda minnhom sabiex tintlaqa’ t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Barra minn dan, meta l-Bord tal-Appell jikkunsidra li waħda mill-kawżi ta’ invalidità invokati mill-parti li titlob l-invalidità hija fondata, iżda jiddeċiedi li jeżamina u, fejn ikun xieraq, li jiċħad il-kawżi l-oħra ta’ invalidità invokati, dik il-parti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni tiegħu ma tikkostitwixxix il-bażi neċessarja tad-dispożittiv li jilqa’ t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li hija fondata, skont il-liġi, fuq il-kawża ta’ invalidità li ġiet aċċettata (ara, f’dan is-sens, id-digriet Golden Elephant Brand, iċċitat iktar ’il fuq, punti 31 u 35).
71
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ma hemmx bżonn li tingħata deċiżjoni fuq it-talba sabiex tinbidel id-deċiżjoni kkontestata, mressqa fil-kuntest tal-ewwel parti tat-talbiet, u lanqas fuq il-partijiet tat-talbiet imressqa sussidjarjament, u lanqas fuq il-motivi l-oħra.
Fuq l-ispejjeż
72
Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn dan, skont it-termini tal-istess dispożizzjoni, jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.
73
Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.
74
Fl-aħħar, skont l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li parti intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
75
F’dan il-każ, ir-rikorrenti, l-UASI u l-intervenjenti huma, rispettivament, parzjalment telliefa, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija parzjalment annullata.
76
Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, jeħtieġ li l-UASI jiġi kkundannat minbarra għall-ispejjeż tiegħu, għall-90 % tal-ispejjeż tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali u għall-ispejjeż kollha tal-ewwel rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell. Ir-rikorrenti għandhom ibatu 10 % tal-ispejjeż tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali. L-intervenjenti tbati l-ispejjeż tagħha.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1)
Id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tad-19 ta’ Novembru 2007 (Każ R 537/2004-2) hija annullata sa fejn l-UASI ċaħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u kkundanna lil Nute Partecipazioni SpA għall-ispejjeż tagħha.
2)
Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
3)
L-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll 90 % tal-ispejjeż ta’ Nute Partecipazioni u ta’ La Perla Srl quddiem il-Qorti Ġenerali u l-ispejjeż kollha ta’ Nute Partecipazioni quddiem il-Bord tal-Appell.
4)
Nute Partecipazioni u La Perla għandhom ibatu 10 % tal-ispejjeż tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali.
5)
Worldgem Brands Srl għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Wiszniewska-Białecka
Dehousse
Kanninen
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Diċembru 2010.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Top