Kawża C-120/08
Bavaria NV
vs
Bayerischer Brauerbund eV
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolamenti (KEE) Nru 2081/92 u (KE) Nru 510/2006 — Applikazzjoni ratione temporis — Artikolu 14 — Reġistrazzjoni skont il-proċedura semplifikata — Rabtiet bejn trade marks u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti”
Sommarju tas-sentenza
1. Agrikoltura — Leġiżlazzjonijiet uniformi — Protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti tal-ikel — Regolament Nru 2081/92 — Kunflitt bejn indikazzjonijiet ġeografiċi u trade marks — Artikolu 14(1) — Kamp ta’ applikazzjoni
(Regolamenti tal-Kunsill Nru 2081/92, Artikoli 14(1) u 17, u Nru 692/2003)
2. Agrikoltura — Leġiżlazzjonijiet uniformi — Protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u tal-prodotti tal-ikel — Regolament Nru 2081/92 — Kunflitt bejn indikazzjonijiet ġeografiċi u trade marks — Denominazzjoni rreġistrata bħala indikazzjoni ġeografika skont il-proċedura semplifikata
(Regolamenti tal-Kunsill Nru 2081/92, Artikoli 6(2), 13, 14(1) u 17, u Nru 692/2003)
1. L-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel, huwa applikabbli fir-rigward ta’ kunflitt bejn isem validament irreġistrat bħala indikazzjoni ġeografika protetta skont il-proċedura semplifikata pprovduta fl-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament u trade mark li tikkorrispondi ma’ waħda mis-sitwazzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 13 tiegħu u li tikkonċerna l-istess tip ta’ prodott, li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha ġiet ippreżentata kemm qabel ir-reġistrazzjoni ta’ dan l-isem kif ukoll qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 692/2003, li jemenda r-Regolament Nru 2081/92.
Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92 jikkonċerna denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati “skont dan ir-Regolament”, indipendentement mill-proċedura ta’ reġistrazzjoni li tkun intużat. Fit-tieni lok, il-finalità tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 kienet li jiġu rreġistrati skont proċedura semplifikata l-ismijiet eżistenti fl-Istati Membri li, filwaqt li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet materjali ta’ dan ir-regolament, kienu diġà legalment protetti jew stabbiliti bl-użu.
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 2081/92, u b’mod partikolari dik tal-Artikolu 17 tiegħu, kienet intiża li tagħti lill-ismijiet suġġetti għall-proċedura ta’ reġistrazzjoni semplifikata l-istess livell ta’ protezzjoni bħal dak mogħti lill-ismijiet suġġetti għall-proċedura ta’ reġistrazzjoni normali.
(ara l-punti 53-55, 57, 68 u d-dispożittiv)
2. Id-data ta’ referenza, sabiex tinsab soluzzjoni, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel, għal kunflitt li jimplika, minn naħa, isem validament irreġistrat bħala indikazzjoni ġeografika protetta, skont il-proċedura semplifikata stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92, u min-naħa l-oħra, trade mark li tikkorrispondi għal waħda mis-sitwazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13 tiegħu u li tikkonċerna l-istess prodott, li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha ġiet ippreżentata kemm qabel ir-reġistrazzjoni ta’ dan l-isem kif ukoll qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 692/2003, li jemenda r-Regolament Nru 2081/92, hija d-data tad-dħul fis-seħħ tar-reġistrazzjoni ta’ dan l-isem.
Fil-fatt, id-dħul fis-seħħ tar-reġistrazzjoni tissodisfa kemm il-finalità tad-data ta’ referenza pprovduta fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92 kif ukoll l-istruttura ta’ dan tal-aħħar.
Minkejja li, fil-kuntest tal-proċedura normali, id-data ta’ referenza, għall-finijiet tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, hija stabbilita fir-rigward tal-pubblikazzjoni fuq livell tal-Unjoni, bħal dik ipprovduta fl-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-regolament, u tissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, fil-kuntest tal-proċedura semplifikata, l-ewwel pubblikazzjoni, fuq livell tal-Unjoni, ta’ ismijiet irreġistrati, hija dik tar-reġistrazzjoni tagħhom.
Fid-dawl tal-fatt li, għall-ismijiet li għandhom jiġu rreġistrati skont il-proċedura semplifikata, il-protezzjoni nazzjonali kienet inżammet sad-data tar-reġistrazzjoni, id-data stabbilita fid-dħul fis-seħħ ta’ din ir-reġistrazzjoni bħala data ta’ referenza għal dawn l-ismijiet għall-finijiet ta’ protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92 tissodisfa l-istruttura tas-sistema stabbilita minn dan ir-regolament. Barra minn hekk, sa fejn il-pubblikazzjoni ta’ din ir-reġistrazzjoni tinkludi wkoll id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din ir-reġistrazzjoni, din tal-aħħar tissodisfa r-rekwiżiti taċ-ċertezza legali.
(ara l-punti 60-66, 68 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
22 ta’ Diċembru 2010 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolamenti (KEE) Nru 2081/92 u (KE) Nru 510/2006 – Applikazzjoni ratione temporis – Artikolu 14 – Reġistrazzjoni skont il-proċedura semplifikata – Rabtiet bejn trade marks u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti”
Fil-Kawża C‑120/08,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Marzu 2008, fil-proċedura
Bavaria NV
vs
Bayerischer Brauerbund eV,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, D. Šváby, R. Silva de Lapuerta (Relatur), E. Juhász u T. Von Danwitz, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Ġunju 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Bavaria NV, minn G. Van de Wal, avukat, u H. Kunz-Hallstein, avukat,
– għal Bayerischer Brauerbund eV, minn R. Knaak, avukat,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u J. Kemper, bħala aġenti,
– għall-Gvern Grieg, minn I. Chalkias u S. Papaïoannou, bħala aġenti,
– għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Arena, avvocato dello Stato,
– għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u J. Langer, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Rasmussen, G. Von Rintelen u T. Van Rijn, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Settembru 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92, tal-14 ta’ Lulju 1992, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 4), u tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006, tal-20 ta’ Marzu 2006, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (ĠU L 335 M, p. 213), fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (iktar ’il quddiem “IĠP”) irreġistrati skont il-proċedura semplifikata prevista fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92.
2 Din it-talba ġiet ippreżenta fil-kuntest ta’ kawża bejn Bavaria NV (iktar ’il quddiem “Bavaria”) u Bayerischer Brauerbund eV (iktar ’il quddiem “Bayerischer Brauerbund”) rigward id-dritt ta’ Bavaria li tuża trade mark li tinkludi l-kelma “Bavaria”, b’kunsiderazzjoni tal-IĠP “Bayerisches Bier”, irreġistrata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2001, tat-28 ta’ Ġunju 2001, li jissupplimenta l-Anness mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 dwar ir-reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 97).
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Regolament Nru 2081/92
3 L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2081/92 jipprovdi:
“1. Fi żmien perjodu ta’ sitt xhur, il-Kummissjoni għandha tivverifika permezz ta’ investigazzjoni formali, jekk l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tinkludix id-dettalji kollha msemmija fl-Artikolu 4.
Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru dwar is-sejbiet tagħha.
2. Jekk, wara li tikkunsidra l-paragrafu 1, il-Kummissjoni tikkonkludi illi l-isem jikkwalifika għall-protezzjoni, hija għandha tippublika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, l-isem u l-indirizz ta’ l-applikant, l-isem tal-prodott, il-punti prinċipali ta’ l-applikazzjoni, r-riferenzi għad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-preparazzjoni, il-produzzjoni jew il-manufattura tal-prodott u, fejn ikun hemm bżonn, ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.
3. Jekk ma tiġi nnotifikata ebda nota ta’ oġġezzjonijiet lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 7, l-isem għandu jiddaħħal f’reġistru miżmum mill-Kummissjoni imsejjaħ “Reġistru ta’ deskrizzjoni ta’ oriġini protetti u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti”, li għandu jinkludi l-ismijiet tal-gruppi u l-għaqdiet ta’ spezzjoni involuti.
4. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej:
– l-ismijiet imdaħħla fir-reġistru,
– kull emendi fir-reġistru skond l-Artikoli 9 u 11.
5. Jekk, fid-dawl ta’ l-investigazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tikkonkludi illi l-isem ma jikkwalifikax għall-protezzjoni, hija għandha tiddeċiedi, skond il-proċeduri fl-Artikolu 15, illi ma tissoktax bil-publikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
Qabel il-publikazzjoni kif stabbilit fil-paragrafi 2 u 4 u r-reġistrazzjoni kif stabbilit fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni tista’ titlob l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 15.”
4 Skont l-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament:
“L-ismijiet irreġistrati għandhom jkunu protetti kontra:
a) kull użu kummerċjali dirett jew indirett ta’ isem irreġistrat fir-rigward ta’ prodotti li m’humiex koperti bir-registrazzjoni biss jekk dawk il-prodotti jistgħu jiġu pparagunati mal-prodotti reġistrati taħt dak l-isem jew sakemm l-użu ta’ l-isem jisfrutta r-reputazzjoni ta’ l-isem protett;
b) kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, anke jekk l-oriġini vera tal-prodott hija ndikata jew jekk l-isem protett huwa tradott jew użat flimkien ma’ xi espressjoni bħal m’huma “stil”, “tip”, “metodu”, “kif prodott fi”, “imitazzjoni”, jew “simili”;
c) kull indikazzjoni oħra falza jew qarrieqa dwar il-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott, fuq ġewwa jew fuq barra tal-pakkett, fir-reklamar jew fid-dokumenti dwar il-prodott in kwestjoni, u l-ippakkjar tal-prodott f’reċipjent, li jistgħu jagħtu impressjoni qarrieqa dwar l-oriġini tiegħu;
d) kull prattika oħra li tista’ tiżvija lill-pubbliku dwar l-oriġini vera tal-prodott.
Meta isem irreġistrat jkun jinkludi l-isem ta’ prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel li huwa meqjus bħala ġeneriku, l-użu ta’ dak l-isem ġeneriku u l-prodott agrikolu jew il-prodott ta’ l-ikel m’għandux jitqies li bħala kuntrarju għal (a) jew (b) fl-ewwel subparagrafu.”
5 L-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament jipprovdi:
“1. Meta d-deskrizzjoni ta’ l-oriġini jew l-indikazzjoni ġeografika jkunu rreġistrati skond dan ir-Regolament, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ marka li tikkorrispondi ma’ waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 u li għandha x’taqsam ma’ l-istess tip ta’ prodott għandha tiġi rrifjutata, sakemm dik l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-marka kienet sottomessa wara d-data tal-publikazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2).
Trade marks reġistrati bi ksur ta’ l-ewwel subparagrafu għandhom jiġu dikjarati bħala invalidi.
Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll meta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għal trade mark tkun ġiet sottomessa qabel id-data tal-pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2), sakemm dik il-publikazzjoni tkun saret qabel ma ġiet irreġistrata t- trade mark.
2. B’rispett għal-liġijiet tal-Komunità, l-użu ta’ trade mark illi tikkorrispondi għal waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 li kienet ġiet irreġistrata in buona fede qabel id-data meta saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ deskrizzjoni ta’ l-oriġini jew indikazzjoni ġeografika jista’ jissokta minkejja r-reġistrazzjoni ta’ deskrizzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika, meta ma jkunx hemm raġuni għall-invalidità jew ir-revoka tal-marka kif stabbilit rispettivament permezz ta’ l-Artikolu 3(1)(ċ) u (g) u l-Artikolu 12 (2)(b) ta’ l-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 sabiex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it- trade marks [...].
3. Deskrizzjoni ta’ l-oriġini jew indikazzjoni ġeografika m’għandhomx jiġu rregistrati meta, fid-dawl tar-reputazzjoni u l-fama tat- trade mark u t-tul ta’ żmien li ilha tintuża, ir-reġistrazzjoni tista’ tqarraq lill-konsumatur dwar l-identità vera tal-prodott.”
6 L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 jipprovdi:
“1. Fi żmien sitt xhur mill-dħul fis-seħħ tar-Regolament, l-Istati membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar liema mill-ismijiet tagħhom protetti legalment jew, f’dawk l-Istati Membri fejn m’hemmx sistema ta’ protezzjoni, liema mill-ismijiet stabbiliti permezz ta’ l-użu huma jixtiequ jirreġistraw skond dan ir-Regolament.
2. B’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 15, il-Kummissjoni għandha tirreġistra l-ismijiet li għalihom issir referenza fil-paragrafu 1 li huma konformi ma’ l-Artikoli 2 u 4. L-Artikolu 7 m’għandux japplika. Madankollu m’għandhomx jiġu miżjuda ismijiet ġeneriċi.
3. L-Istati Membri jistgħu iżommu sistema ta’ protezzjoni nazzjonali ta’ l-ismijiet komunikati skond il-paragrafu 1 saż-żmien meta tittieħed deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni.”
Ir-Regolament (KE) Nru 1107/96
7 Skont l-ewwel u t-tieni premessi tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96, tat-12 ta’ Ġunju 1996, dwar ir-reġistrazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ oriġini taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 19, p. 176):
“Billi, skond l-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92, fis-sitt xhur wara li jidħol fis-seħħ dak ir-Regolament l-Istati Membri għaddew lill-Kummissjoni l-ismijiet protetti legalment jew l-ismijiet stabbiliti bl-użu li xtaqu jirreġistraw;
Billi, wara li ġew eżaminati dawk l-ismijiet skond ir-Regolament (KEE) Nru 2081/92, instab li wħud minnhom kienu skond il-klawżoli ta’ dak ir-Regolament u kienu eliġibbli biex jiġu reġistrati u protetti fuq livell Komunitarju bħala indikazzjonijiet jew deskrizzjonijiet ġeografiċi ta’ oriġini”.
8 L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1107/96 jipprovdi:
“L-ismijiet imniżżla fl-Anness għandhom ikunu rreġistrati bħala [IĠP] jew denominazzjonijiet protetti ta’ oriġini (DPO) skond l-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92.
Ismijiet mhux inklużi fl-Anness li ntbagħtu skond l-Artikolu 17 għandhom jibqgħu protetti fuq livell nazzjonali sakemm tintlaħaq deċiżjoni fuqhom.”
Ir-Regolament (KE) Nru 2400/96
9 Skont l-ewwel sar-raba’ premessi tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2400/96, tas-17 ta’ Diċembru 1996, dwar l-iskrizzjoni ta’ ċerti ismijiet fir-“Reġistru ta’ denominazzjoni protetta ta’ oriġini u indikazzjonijiet geografiċi protetti” li jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill Nru 2081/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 20, p. 143):
“Billi, skond l-Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92, l-Istati Membri qiegħdu quddiem il-Kummissjoni applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ ċerti ismijiet bħala indikazzjonijiet geografiċi jew deskrizzjonijiet ta’ oriġini;
Billi l-applikazzjonijiet instabu, skond l-Artikolu 6(1) ta’ dak ir-Regolament, li huma konformi mar-Regolament, b’mod notevoli illi huma jinkludu d-dettalji kollha stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament;
Billi ebda dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament ma ġiet imressqa quddiem il-Kummissjoni bħala riżultat tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ta’l-ismijiet relattivi [...];
Billi, b’riżultat ta’ dan, dawk l-ismijiet jistgħu jiddaħħlu fir-‘Reġistru ta’ denominazzjoni protetta ta’oriġini u indikazzjonijiet protetti geografiċi’ u għalhekk għandhom ikunu protetti f’kull parti tal-Komunità bħala indikazzjonijiet ġeografiċi jew denominazzjoni ta’ oriġini”.
10 L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2400/96 jipprovdi li:
“L-ismijiet fl-Anness ta’ dan ir-Regolament huma hawnhekk imdaħħla fir-‘Reġistru ta’ denominazzjoni protetta ta’oriġini u indikazzjonijiet protetti geografiċi’ bħala [IPĠ] jew denominazzjoni protetti ta’ oriġini (DPO) kif stabbilit fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92.
Ir-Regolament (KE) Nru 692/2003
11 L-Artikolu 1(13) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 692/2003, tat-8 ta’ April 2003, li jemenda r-Regolament Nru 2081/92, jipprovdi:
“L-Artikolu 14 [tar-Regolament Nru 2081/92] għandu jiġi emendat kif ġej:
a) Il-paragrafu 1 għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:
1. Fejn denominazzjoni ta’ l-oriġini jew indikazzjoni ġeografika hija rreġistrata taħt dan ir-Regolament, kwalunkwe applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trademark li huwa għal prodott ta’ l-istess tip u li l-użu tiegħu jinvolvi waħda mis-sitwazzjonijiet indikati fl-Artikolu 13 għandha tiġi miċħuda wara d-data tas-sottomissjoni lill-Kummissjoni ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni ta’ l-oriġini jew indikazzjoni ġeografika.
Trademarks irreġistrati bi vjolazzjoni ta’ l-ewwel subparagrafu għandhom jiġu invalidati.”
[…]”
Ir-Regolament Nru 510/2006
12 Il-premessi 19 u 20 tar-Regolament Nru 510/2006 jipprovdu:
“L-ismijiet li jkunu diġà reġistrati taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 [...] fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandhom jibqgħu jiġu protetti taħt dan ir-Regolament u jiġu inklużi awtomatikament fir-reġistru. Għandha ssir ukoll dispożizzjoni għal miżuri transitorji applikabbli għal applikazzjonijiet ta’ reġistrazzjoni rċevuti mill-Kummissjoni qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Fl-interess ta’ ċarezza u trasparenza, ir-Regolament (KEE) Nru 2081/92 għandu jiġi mħassar u sostitwit b’dan ir-Regolament.”
13 L-Artikolu 4 tar-Regoalment Nru 510/2006, intitolat “Speċifikazzjoni ta’ prodott” jipprovdi:
“1. Biex ikun eliġibbli għal denominazzjoni ta’ l-oriġini protetta (PDO) jew [IĠP], prodott agrikolu jew oġġett ta’ l-ikel għandu jikkonforma ma’ speċifikazzjoni ta’ prodott.
2. L-ispeċifikazzjoni ta' prodott għandha tinkludi mill-inqas:
[…]”
14 L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament intitolat “Oġġezzjoni/deċiżjoni dwar reġistrazzjoni”
“Il-Kummissjoni għandha żżomm reġistru aġġornat ta’ denominazzjonijiet ta’ l-oriġini protetti u [IĠP].”
15 L-Artikolu 13(1) tal-istess regolament, intitolat “Protezzjoni”, jipprovdi:
“Ismijiet reġistrati għandhom ikunu protetti kontra:
a) kwalunkwe użu kummerċjali dirett jew indirett ta’ isem reġistrat fir-rigward ta’ prodotti li mhumiex koperti mir-reġistrazzjoni safejn dawk il-prodotti jkunu komparabbli mal-prodotti reġistrati taħt dak l-isem jew safejn l-użu ta’ l-isem jisfrutta r-reputazzjoni ta' l-isem protett;
b) kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, ukoll jekk l-oriġini vera tal-prodott hija indikata jew jekk l-isem protett huwa tradott jew akkumpanjat minn espressjoni bħal “stil”, “tip”, “metodu”, “kif prodott fi”, “imitazzjoni” jew simili;
c) kwalunkwe indikazzjoni falza jew qarrieqa oħra fir-rigward tal-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott, fuq l-ippakkjar minn ġewwa jew minn barra, il-materjal ta’ reklamar jew dokumenti relatati mal-prodott konċernat, u l-ippakkjar tal-prodott f’konteni li x’aktarx jagħti impressjoni falza rigward l-oriġini tiegħu;
d) kwalunkwe prattika oħra li x’aktarx tqarraq lill-konsumatur fir-rigward ta’ l-oriġini vera tal-prodott.
Fejn isem reġistrat ikun fih l-isem ta’ prodott agrikolu jew oġġett ta’ l-ikel li huwa kkunsidrat ġeneriku, l-użu ta’ dak l-isem ġeneriku fuq il-prodott agrikolu jew l-oġġett ta’ l-ikel xieraq m’għandux ikun ikkunsidrat li huwa kuntrarju għall-punti (a) jew (b) fl-ewwel subparagrafu.”
16 L-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 510/2006, intitolat “Relazzjonijiet bejn trademarks, denominazzjonijiet ta’ l-oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi”, jipprovdi:
“Fejn denominazzjoni ta’ l-oriġini jew indikazzjoni ġeografika hija reġistrata skond dan ir-Regolament, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trademark li tikkorrispondi għal waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 13 u li hija relatata ma’ l-istess klassi ta’ prodott għandha tiġi rifjutata jekk l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trademark tiġi ppreżentata wara d-data tas-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni reġistrata lill-Kummissjoni.
Trademarks reġistrati bi ksur ta’ l-ewwel subparagrafu għandhom jiġu invalidati.”
17 L-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet transitorji” jipprovdi:
“1. L-ismijiet li, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jkunu elenkati fl-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 [...] u dawk elenkati fl-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2400/96 [...] għandhom jiddaħħlu awtomatikament fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 7(6) ta’ dan ir-Regolament. L-ispeċifikazzjonijiet korrispondenti għandhom jitqiesu bħala l-ispeċifikazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 4(1). Kwalunkwe dispożizzjoni transitorja speċifika assoċjata ma’ reġistrazzjonijiet bħal dawn għandha tkompli tapplika.
2. Fir-rigward ta’ applikazzjonijiet, dikjarazzjonijiet u talbiet pendenti rċevuti mill-Kummissjoni qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament:
a) il-proċeduri fl-Artikolu 5 m’għandhomx japplikaw, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13(3); u
b) is-sommarju ta’ l-ispeċifikazzjoni mfassal f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 383/2004[,] [tal-1 ta’ Marzu 2004, li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2081/92 dwar is-sommarju tal-punti ewlenin ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 43, p. 17)] għandu jieħu post iddokument uniku msemmi fl-Artikolu 5(3)(ċ).
3. Il-Kummissjoni tista’ tadotta, jekk meħtieġ, dispożizzjonijiet transitorji oħrajn skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(2).”
18 Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 510/2006:
“Ir-Regolament (KE) Nru 2081/92 huwa b’dan revokat.
Referenzi għar-Regolament revokat għandhom jinftehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
19 Bayerischer Brauerbund hija assoċjazzjoni Ġermaniża li l-għan tagħha huwa li tipproteġi l-interessi komuni tal-produtturi tal-birra Bavariżi. Skont verifika tal-Amtsgericht München, l-istatuti tagħha jmorru lura għas-7 ta’ Diċembru 1917. Bayerischer Brauerbund ilha proprjetarja tat-trade marks kollettivi rreġistrati Genuine Bavarian Beer, sa mill-1958, Bayrisch Bier u Bayrisches Bier, sa mill-1968, kif ukoll Reinheitsgebot seit 1516 Bayrisches Bier, sa mill-1985.
20 Bavaria hija kumpannija Olandiża li tipproduċi l-birra u li topera fis-suq internazzjonali. Magħrufa qabel bħala “Firma Gebroeders Swinkels”, din il-kumpannija bdiet tuża l-kelma “Bavaria” mill-1925 u inkludietha f’isimha fl-1930. Bavaria kienet u għadha proprjetarja ta’ diversi trade marks u elementi figurattivi rreġistrati li jinkludu l-kelma “Bavaria”. Id-dati ta’ reġistrazzjoni jinkludu s-snin 1947, 1971, 1982, 1991, 1992 u 1995. Il-protezzjoni fil-Ġermanja ta’ wħud minn dawn it-trade marks ġiet irrifjutata fl-1973, fl-1992 u fl-1993.
21 L-isem “Bayerisches Bier” kien is-suġġett ta’ ftehim bilaterali dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ta’ provenjenza, tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u denominazzjonijiet ġeografiċi oħra bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minn naħa, u r-Repubblika Franċiża (1961), ir-Repubblika Taljana (1963), ir-Repubblika Ellenika (1964), il-Konfederazzjoni Svizzera (1967) u r-Renju ta’ Spanja (1970), min-naħa l-oħra.
22 Fit-28 ta’ Settembru 1993, Bayerischer Brauerbund, bi ftehim ma’ żewġ assoċjazzjonijiet oħra Bavariżi, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala IĠP quddiem il-Gvern Ġermaniż skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 2081/92. Fl-20 ta’ Jannar 1994, il-Gvern Ġermaniż informa lill-Kummissjoni bl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-IĠP “Bayerisches Bier”, skont il-proċedura semplifikata pprovduta f’din id-dispożizzjoni.
23 Kien hemm skambju ta’ ħafna informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex jiġi kkompletat il-fajl u kien fl-20 ta’ Mejju 1997 li dan ġie kkunsidrat komplut. Il-verżjoni finali tal-ispeċifikazzjonijiet intbagħtet lill-Kummissjoni b’ittra tat-28 ta’ Marzu 2000.
24 Il-Kumitat Regolatorju tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini ddiskuta bosta drabi żewġ abbozzi ta’ regolament tal-Kummissjoni intiż għar-reġistrazzjoni ta’ “Bayerisches Bier” bħala IĠP. L-eżistenza ta’ trade marks li jinkludu wkoll it-termini “Bayerisches Bier” jew it-traduzzjonijiet tagħhom kienet waħda mill-kwistjonijiet diskussi.
25 Peress li ma kienx hemm il-maġġoranza pprovduta fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2081/92 fi ħdan l-imsemmi Kumitat, dan tal-aħħar ma setax jinnotifika l-opinjoni tiegħu fit-terminu previst. Għaldaqstant, il-Kummissjoni biddlet l-aħħar abbozz tagħha fi proposta ta’ regolament tal-Kunsill li, sussegwentement, adotta r-Regolament Nru 1347/2001 li jirreġistra “Bayerisches Bier” bħala IĠP, u jinkludiha fost l-ismijiet imniżżla fl-Anness tar-Regolament Nru 1107/96.
26 Wara li segwiet inizjattivi simili meħuda fi Stati Membri oħra, Bayerischer Brauerbund talbet lil Landgericht München tordna lil Bavaria tirrinunzja għall-protezzjoni ta’ waħda mit-trade marks iċċitati fil-punt 20 tas-sentenza preżenti. It-trade mark inkwistjoni kienet it-trade mark internazzjonali rreġistrata bin-Nru 645 349, protetta fil-Ġermanja bi prijorità b’effett mit-28 ta’ April 1995.
27 Il-Landgericht München laqgħet it-talba ta’ Bayerischer Brauerbund permezz ta’ sentenza kkonfermata b’appell mill-Oberlandesgericht München. Bavaria ppreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.
28 Huwa f’dan il-kuntest li l-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 14(1) tar-Regolament [...] Nru 510/2006 huwa applikabbli, meta l-indikazzjoni protetta tkun ġiet irreġistrata b’mod validu skont il-proċedura ssemplifikata msemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament [...] Nru 2081/92 [...]?
2) a) Fil-każ ta’ risposta fl-affermativ għall-ewwel domanda: liema huwa l-mument li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-anzjanità [preċedenza fiż-żmien] tal-indikazzjoni ġeografika fis-sens tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament [...] Nru 510/2006?
b) Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: fuq il-bażi ta’ liema dispożizzjoni għandu jiġi evalwat il-kunflitt bejn indikazzjoni ġeografika validament irreġistrata skont il-proċedura ssemplifikata tal-Artikolu 7 tar-Regolament [...] Nru 2081/92 u trade mark, u skont liema kriterji hija evalwata l-anzjanità tal-indikazzjoni ġeografika?
3) Jistgħu jiġu applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq il-protezzjoni ta’ ismijiet ġeografiċi, jekk l-indikazzjoni ‘Bayerisches Bier’ (birra tal-Bavarja) tissodisfa l-kundizzjonijiet għal reġistrazzjoni tar-Regolament [...] Nru 2081/92 u tar-Regolament [...] Nru 510/06, iżda r-Regolament [...] Nru 1347/01 mhuwiex validu?”
29 Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 2008, il-proċedura preżenti ġiet sospiża sakemm ingħatat is-sentenza fil-Kawża Bavaria u Bavaria Italia (sentenza tat-2 ta’ Lulju 2009, C‑343/07, Ġabra p. I-5491). L-imsemmija kawża kienet tikkostwixxi talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte d’appello di Torino (l-Italja) fil-kuntest ta’ kawża li kienet tikkonċerna, fost kwistjonijiet oħra, il-validità tar-Regolament Nru 1347/2001 u li wkoll kienet bejn Bavaria u Bayerischer Brauerbund.
Fuq id-domandi preliminari
30 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, jekk l-ewwel u t-tieni domandi jippresupponu l-validità tar-Regolament Nru 1347/2001, il-premessa tat-tielet domanda hija l-invalidità ta’ tali regolament.
31 Għaldaqstant, hemm lok li tiġi analizzata t-tielet domanda qabel ma jiġu analizzati l-ewwel u t-tieni domandi.
Fuq it-tielet domanda
32 Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-validità tar-Regolament Nru 1347/2001 u, fil-każ ta’ risposta negattiva, dwar il-possibbiltà li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni ta’ ismijiet ġeografiċi, fil-każ fejn l-IĠP “Bayerisches Bier” tissodisfa, minkejja l-possibbiltà ta’ invalidità ta’ dan ir-regolament, il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tar-Regolamenti Nru 2081/92 u Nru 510/06.
33 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din id-domanda ġiet magħmula fir-rigward tal-istess fatturi li jistgħu jaffettwaw il-validità tar-Regolament Nru 1347/2001 imqajma mill-Corte d’appello di Torino fil-kawża li tat lok għas-sentenza Bavaria u Bavaria Italia, iċċitata iktar ’il fuq, li f’dak iż-żmien kienet pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
34 Peress li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja f’tali sentenza kienet li l-eżami tad-domanda magħmula ma kien jirrileva ebda fattur ta’ natura li jaffettwa l-validità tar-Regolament Nru 1347/2001, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.
Fuq l-ewwel u t-tieni domandi
35 Pemezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja liema dispożizzjoni u data ta’ referenza għandhom jiġu applikati sabiex jiġi rregolat il-kunflitt bejn isem validament irreġistrat bħala IĠP skont il-proċedura semplifikata pprovduta fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 tar-Regolament Nru 2081/92 u trade mark li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha ġiet ippreżentata kemm qabel ir-reġistrazzjoni ta’ tali isem kif ukoll qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 692/2003.
Fuq l-inapplikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 510/2006 jew tar-Regolament Nru 2081/92, kif emendat bir-Regolament Nru 692/2003, għall-kawża prinċipali
36 Kemm l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2081/92, fil-verżjoni oriġinali tiegħu kif ukoll fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament Nru 692/2003, kif ukoll l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 510/2006 għandhom bħala għan li jirregolaw il-kunflitt bejn isem irreġistrat bħala IĠP u applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark li tikkorrispondi ma’ waħda mis-sitwazzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2081/92 u tar-Regolament Nru 510/2006 rispettivament, u li jikkonċernaw, skont il-każ, l-istess tip jew l-istess klassi tal-prodott.
37 Is-soluzzjoni prevista fil-każ ta’ tali kunflitt huwa r-rifjut tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni jew, sussidjarjament, l-annullament tat-trade mark irreġistrata, fil-każ li l-imsemmija applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata wara d-data pprovduta f’dawn id-dispożizzjonijiet differenti, rispettivament.
38 Għalhekk, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 510/2006 kif ukoll il-verżjoni tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92, kif emendat bir-Regolament Nru 692/2003, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark għandha tiġi rrifjutata jew, skont il-każ, għandha tiġi annullata meta l-preżentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni ssir wara d-data ta’ preżentazzjoni, quddiem il-Kummissjoni, tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem ikkonċernat bħala IĠP.
39 Madankollu, id-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punt preċedenti ma jistgħux jiġu applikati retroattivament sabiex jirregolaw kunflitt, bħal dak li ta lok għall-kawża prinċipali, bejn isem validament irreġistrat bħala IĠP skont il-proċedura semplifikata pprovduta fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 u trade mark li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha ġiet ippreżentata qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 692/2003.
40 Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, bħala regola ġenerali, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li l-punt ta’ tluq tal-applikazzjoni ratione temporis ta’ att tal-Unjoni jkun stabbilit għal data qabel dik tal-pubblikazzjoni tiegħu, ħlief meta, bħala eċċezzjoni, l-għan mixtieq jeżiġi dan u l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jkunu debitament osservati. F’dan ir-rigward, ir-regoli tad-dritt materjali tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati, sabiex jiżguraw ir-rispett tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, fis-sens li jkopru biss sitwazzjonijiet li jkunu jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom sa fejn jirriżulta b’mod ċar mill-kliem, mill-għanijiet u mill-istruttura ġenerali tagħhom li tali effett għandu jiġi attribwit lilhom (ara sentenza tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).
41 Għalkemm il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li regolament jiġi applikat retroattivament, u dan indipendentement mill-effetti favorevoli jew sfavorevoli li tali applikazzjoni jista’ jkollha għall-persuna kkonċernata, l-istess prinċipju jeżiġi li kull sitwazzjoni ta’ fatt, bla ħsara għal dispożizzjoni espressa kuntrarja, tkun evalwata fid-dawl tar-regoli ta’ dritt fis-seħħ dak iż-żmien. Madankollu, jekk il-liġi ġdida tapplika biss għall-futur, hija tapplika wkoll, bla ħsara għal deroga, għall-effetti futuri li tnisslu meta kienet fis-seħħ il-liġi preċedenti (ara s-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2006, Kersbergen-Lap u DamsSchipper, C-154/05, Ġabra p. I‑6249, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
42 Għandu jiġi kkonstatat li l-fatti li taw lok għall-kunflitt bejn l-isem u t-trade mark inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħew mhux biss qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 510/2006, iżda wkoll mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 692/2003 li emenda r-Regolament Nru 2081/92. Fil-fatt, l-imsemmi kunflitt huwa marbut mal-fatt li, minn naħa, l-isem “Bayerisches Bier”, wara applikazzjoni ppreżentata mill-Gvern Ġermaniz quddiem il-Kummissjoni fl-20 ta’ Jannar 1994, ġie rreġistratat skont il-proċedura semplifikata abbażi tar-Regolament Nru 2081/92 bħala IĠP bir-Regolament Nru 1347/2001 u li, min-naħa l-oħra, it-trade mark ta’ Bavaria li kienet is-suġġett ta’ reġistrazzjoni internazzjonali Nru 645 349 tgawdi minn dritt ta’ prijorità u, għaldaqstant, minn protezzjoni b’mod partikolari, fil-Ġermanja, sa mit-28 ta’ April 1995.
43 Sa fejn ma jirriżultax mill-kliem, mill-għanijiet u mill-istruttura tar-Regolamenti Nru 692/2003 u Nru 10/2006, b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet analizzati iktar ’il fuq, li għandhom jiġu applikati retroattivament, għandu jiġi kkonstatat li kunflitt bħal dak bejn l-IĠP u t-trade mark inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi rregolat bl-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92 fil-verżjoni oriġinali.
44 Fil-fatt, fil-każ ineżami, il-kwistjoni hija li jiġi eżaminat jekk, meta t-trade mark Bavaria, iċċitata iktar ’il fuq, ġiet irreġistrata fl-1995, l-IĠP “Bayerisches Bier” kinitx diġà tgawdi prijorità li tista’ tiġġustifika l-annullament ta’ din it-trade mark. Tali kwistjoni għandha tiġi deċiża fid-dawl tar-regola li kienet tapplika għall-kunflitt inkwistjoni meta dan tnissel.
45 F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li, skont l-Artikolu 17 u l-premessa 19 tar-Regolament Nru 510/2006, l-ismijiet irreġistrati bħala IĠP skont ir-Regolament Nru 2081/91 kienu jibbenefikaw mill-protezzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 510/2006.
Fuq l-applikabbiltà ratione materiae tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92 għall-kawża prinċipali
46 Preliminarjament, għandu jitfakkar li fis-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 2081/92, l-ismijiet setgħu jiġu rreġistrati kemm skont il-proċedura normali, ipprovduta fl-Artikolu 5 et seq tagħha, kif ukoll skont il-proċedura semplifikata, ipprovduta fl-Artikolu 17 tiegħu. Filwaqt li l-ismijiet irreġistrati skont il-proċedura normali kienu elenkati fl-anness tar-Regolament Nru 2400/96, l-ismijiet irreġistrati skont il-proċedura semplifikata kienu inklużi fl-anness tar-Regolament Nru 1107/96.
47 Il-kunflitt li ta lok għall-kawża prinċipali huwa rregolat mill-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92.
48 Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 14(1) huwa l-unika dispożizzjoni li tirregola l-kunflitti bejn ismijiet u applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ trade marks; l-Artikoli 14(2) u (3) jirrigwardaw sitwazzjonijiet differenti.
49 Skont ir-regola ta’ kunflitt ipprovduta fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni għandha tiġi rrifjutata, jew, jekk ma tkunx ġiet irrifjutata, għandha tiġi annullata, jekk tali applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata wara d-data ta’ pubblikazzjoni pprovduta fl-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-regolament. L-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandha wkoll tiġi rrifjutata jew it-trade mark tiġi annullata jekk l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata qabel il-pubblikazzjoni iżda din tal-aħħar tkun seħħet qabel ir-reġistrazzjoni tat-trade mark.
50 L-imsemmija regola ta’ kunflitt għalhekk tipprovdi raġuni għal rifjut tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni jew, sussidjarjament, għal dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ din tal-aħħar, flimkien, bħala data ta’ referenza għall-applikazzjoni tar-regola ta’ kunflitt inkwistjoni, id-data ta’ pubblikazzjoni pprovduta fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 2081/92.
51 Skont il-Kummissjoni, li tiġi stabbilita tali data ta’ referenza timplika li l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92 ma huwiex applikabbli għall-ismijiet irreġistrati skont il-proċedura semplifikata, fid-dawl tal-fatt li l-pubblikazzjoni pprovduta fl-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-regolament tapplika biss għall-proċedura normali ta’ reġistrazzjoni.
52 Tali interpretazzjoni ma tistax tiġi aċċettata.
53 Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92, jikkonċerna denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati “skont dan ir-Regolament”, indipendentement mill-proċedura ta’ reġistrazzjoni li tkun intużat.
54 Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-finalità tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 kienet li jiġu rreġistrati skont proċedura semplifikata l-ismijiet eżistenti fl-Istati Membri li, filwaqt li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet materjali ta’ dan ir-regolament, kienu diġà legalment protetti jew stabbiliti bl-użu.
55 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 2081/92, u b’mod partikolari dik tal-Artikolu 17 tiegħu, kienet intiża li tagħti lill-ismijiet suġġetti għall-proċedura ta’ reġistrazzjoni semplifikata l-istess livell ta’ protezzjoni bħal dak mogħti lill-ismijiet suġġetti għall-proċedura ta’ reġistrazzjoni normali.
56 Barra minn hekk, kif jirriżulta mit-tieni premessa tar-Regolament Nru 1107/96 u mir-raba’ premessa tar-Regolament Nru 2400/96, ir-reġistrazzjoni, skont proċedura semplifikata, timplika li l-ismijiet inkwistjoni kienu konformi mar-Regolament Nru 2081/92 u, konsegwentement, li għandhom jiġu protetti fuq livell Ewropew.
57 Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92 huwa wkoll applikabbli għall-kunflitti li jimplikaw ismijiet irreġistrati bħala IĠP skont il-proċedura semplifikata.
Fuq id-data ta’ referenza, fil-kuntest tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92, f’kunflitt li jimplika isem irreġistrat bħala IĠP skont il-proċedura semplifikata
58 Għandu jiġi kkonstatat li d-data ta’ referenza pprovduta fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92 tirrigwarda d-data ta’ pubblikazzjoni pprovduta fl-Artikolu 6(2) tal-imsemmi regolament, filwaqt li tali pubblikazzjoni ma kinitx teżisti fil-kuntest tal-proċedura semplifikata. Għaldaqstant, għandha tiġi ddeterminata d-data ta’ referenza rilevanti fil-każ ta’ kunflitt li jimplika isem irreġistrat bħala IĠP skont l-imsemmija proċedura.
59 F’dan ir-rigward, sa fejn is-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 2081/92 hija sistema ta’ protezzjoni uniformi u eżawrjenti (ara sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budĕjovický Budvar, C-478/07, Ġabra p. I-7721, punti 114 u 115), għandha tiġi kkunsidrata bħala sistema kompleta li ma tagħtix lill-Istati Membri l-possibbiltà li jimlew lakuna bid-dritt nazzjonali tagħhom. Għalhekk is-soluzzjoni għandha tinsab fid-dawl tal-istruttura kif ukoll tal-finalità u tal-għanijiet tad-dispożizzjonijiet u tar-regolament inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 1974, Hannoversche Zucker, 159/73, Ġabra p. 121, punt 4).
60 Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward li, fir-rigward tal-proċedura normali, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92 jipprovdi protezzjoni tal-ismijiet fuq livell tal-Unjoni fir-rigward ta’ trade mark kompetittiva fis-seħħ qabel ir-reġistrazzjoni ta’ dawn l-ismijiet.
61 F’dan il-kuntest, li tiġi stabbilita data fir-rigward tal-pubblikazzjoni fuq livell tal-Unjoni, bħal dik ipprovduta fl-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-regolament, tissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.
62 L-ewwel pubblikazzjoni fuq livell tal-Unjoni ta’ ismijiet irreġistrati skont il-proċedura semplifikata kienet dik tar-reġistrazzjoni tagħhom.
63 Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 2081/92, l-Istati Membri setgħu jżommu l-protezzjoni nazzjonali ta’ ismijiet innotifikati skont l-Artikolu 17(1) sad-data li fiha kienet ittieħdet deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni. Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1107/96, l-ismijiet ikkomunikati skont l-imsemmi Artikolu 17 baqgħu protetti sal-livell nazzjonali sakemm ittieħdet deċiżjoni fir-rigward tagħhom.
64 Fid-dawl tal-fatt li, għall-ismijiet li għandhom jiġu rreġistrati skont il-proċedura semplifikata, il-protezzjoni nazzjonali kienet inżammet sad-data tar-reġistrazzjoni, id-data stabbilita fid-dħul fis-seħħ ta’ din ir-reġistrazzjoni bħala data ta’ referenza għall-ismijiet għall-finijiet ta’ protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92 tissodisfa l-istruttura tas-sistema stabbilita minn dan ir-regolament.
65 Barra minn hekk, kif jirriżulta mir-Regolament Nru 1347/2001, dwar l-IĠP inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-pubblikazzjoni ta’ din ir-reġistrazzjoni tinkludi wkoll id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din ir-reġistrazzjoni u għalhekk, tissodisfa r-rekwiżiti taċ-ċertezza legali.
66 Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-ismijiet irreġistrati skont il-proċedura semplifikata pprovduta fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92, id-dħul fis-seħħ tar-reġistrazzjoni tissodisfa kemm il-finalità tad-data ta’ refenza pprovduta fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92 kif ukoll l-istruttura ta’ dan tal-aħħar.
67 Isegwi li tali data tikkostitiwixxi d-data ta’ referenza għall-finijiet sabiex tinsab soluzzjoni, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92, għall-kunflitt li jimplika isem irreġistrat bħala IĠP skont il-proċedura semplifikata.
68 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92 huwa applikabbli fir-rigward ta’ kunflitt bejn isem validament irreġistrat bħala IĠP skont il-proċedura semplifikata pprovduta fl-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament u trade mark li tikkorrispondi ma’ waħda mis-sitwazzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 13 tiegħu u li tikkonċerna l-istess tip ta’ prodott, li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha ġiet ippreżentata kemm qabel ir-reġistrazzjoni ta’ dan l-isem kif ukoll qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 692/2003. Id-data tad-dħul fis-seħħ tar-reġistrazzjoni ta’ dan l-isem tikkostitwixxi d-data ta’ referenza għall-finijiet tal-imsemmi Artikolu 14(1).
Fuq l-ispejjeż
69 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
L-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92, tal-14 ta’ Lulju 1992, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel, huwa applikabbli fir-rigward ta’ kunflitt bejn isem validament irreġistrat bħala indikazzjoni ġeografika protetta skont il-proċedura semplifikata pprovduta fl-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament u trade mark li tikkorrispondi ma’ waħda mis-sitwazzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 13 tiegħu u li tikkonċerna l-istess tip ta’ prodott, li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha ġiet ippreżentata kemm qabel ir-reġistrazzjoni ta’ dan l-isem kif ukoll qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 692/2003, tat-8 ta’ April 2003, li jemenda r-Regolament Nru 2081/92. Id-data tad-dħul fis-seħħ tar-reġistrazzjoni ta’ dan l-isem tikkostitwixxi d-data ta’ referenza għall-finijiet tal-imsemmi Artikolu 14(1).
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Top