SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
17 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tas-saff tal-ożonu — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità — Metodu ta’ allokazzjoni ta’ kwoti — Allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti”
Fil-Kawżi magħquda C‑566/11, C‑567/11, C‑580/11, C‑591/11, C‑620/11 u C‑640/11,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tad-19, tal-20, tal-24 u tat-28 ta’ Ottubru 2011 kif ukoll tat-18 ta’ Novembru 2011, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14, fil-21 u fil-25 ta’ Novembru 2011 kif ukoll fit-2 u fl-14 ta’ Diċembru 2011, fil-proċeduri
Iberdrola SA,
Gas Natural SDG SA,
fil-preżenza ta’:
Administración del Estado et (C‑566/11),
Gas Natural SDG SA,
fil-preżenza ta’:
Endesa SA et (C‑567/11),
Tarragona Power SL,
fil-preżenza ta’:
Gas Natural SDG SA et (C‑580/11),
Gas Natural SDG SA,
Bizcaia Energía SL,
fil-preżenza ta’:
Administración del Estado et (C‑591/11),
Bahía de Bizcaia Electricidad SL,
fil-preżenza ta’:
Gas Natural SDG SA et (C‑620/11),
u
E.ON Generación SL et (C‑640/11),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ħames Awla, A. Rosas, D. Šváby (Relatur) u C. Vajda, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Frar 2013,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
—
għal Iberdrola SA u Tarragona Power SL, minn J. Folguera Crespo, L. Moscoso del Prado González u E. Peinado Iríbar, avukati,
—
għal Gas Natural SDG SA, minn Á. Martín-Rico Sanz, procuradora, assistita minn A. Morales Plaza u R. Espín Martí, avukati,
—
għal Endesa SA, minn F. De Borja Acha Besga u J. J. Lavilla Rubira, avukati, kif ukoll minn M. Merola, avukat,
—
għal Bizcaia Energía SL, minn J. Briones Méndez, procurador, assistit minn J. García Sanz, avukat,
—
għal Bahía de Bizcaia Electricidad SL, minn F. González Ruiz, procuradora, assistita minn J. Abril Martínez, avukat,
—
għal E.ON Generación SL, minn J. Gutiérrez Aceves, procuradora, assistita minn J. C. Hernanz Junquero, avukat,
—
għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,
—
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Banciella, E. White u K. Mifsud‑Bonnici, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Marzu 2013,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva [tal-Kunsill] 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631).
2
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawża bejn impriżi li jipproduċu l-elettriku u l-Administración del Estado dwar it-tnaqqis tar-remunerazzjoni tal-attività ta’ produzzjoni tal-elettriku.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3
Skont il-premessa 5 tagħha, id-Direttiva 2003/87 tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ l-impenji tal-Komunità Ewropea u tal-Istati Membri tagħha għat-tnaqqis tal-emissjonijiet antropoġeniċi tal-gassijiet serra, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/353/KE, tal-25 ta’ April 2002, dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru [Qafas] tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 42, p. 24), f’kundizzjonijiet effikaċi, permezz ta’ suq Ewropew effiċjenti ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (iktar ’il quddiem il-“kwoti ta’ emissjonijiet”) u bl-inqas tnaqqis possibbli tal-iżvilupp ekonomiku u tax-xogħol.
4
Il-premessa 7 tad-Direttiva 2003/87 tipprovdi li:
“Id-disposizzjonijiet Komunitarji li għandhom x’jaqsmu ma’ l-allokazzjoni tal-kwoti mill-Istati Membri huma meħtieġa sabiex jikkontribwixxu għall-preservazzjoni ta’ l-integrità tas-suq intern u sabiex tiġi evitata id-distorsjoni tal-kompetizzjoni.”
5
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-objettiv tagħha kif ġej:
“Din id-Direttiva tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ [kwoti ta’ emissjonijiet] ġewwa l-Komunità [...] sabiex tippromwovi t-tnaqqis ta’ l-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejjez u effiċjenza ekonomika.”
6
L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-metodu ta’ l-allokazzjoni”, jipprovdi li:
“Għall-perjodu taż-żmien ta’ tliet snin li jibda mill-1 ta’ Jannar 2005, l-Istati Membri għandhom jallokaw mill-inqas 95 % tal-kwotai [kwoti] mingħajr ħlas. Għall-perjodu taż-żmien ta’ ħames snin li jibda mill-1 ta’ Jannar 2008, l-Istati Membri għandhom jallokaw mill-inqas 90 % tal-kwoti mingħajr ħlas.”
7
Skont l-Artikolu 12(1) tal-istess direttiva, il-kwoti allokati jistgħu jiġu ttrasferiti u jistgħu jiġu skambjati bejn persuni ġewwa l-Komunità kif ukoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, bejn persuni ġewwa l-Komunità u persuni f’pajjiżi terzi.
8
L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi li:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, l-iktar tard sat 30 ta’ April ta’ kull sena, l-opertur ta’ kull waħda mill-istallazzjonijiet iċedi numru ta’ kwoti egwali [ugwali] għall-emissjonijiet totali minn din l-istallazzjoni matul is-sena kalendarja ta’ qabel kif verifikat skond l-Artikolui [Artikolu] 15, u dawn jiġu sossegwentement ikkanċellati.”
9
Fil-Komunikazzjoni tad-29 ta’ Novembru 2006 tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew dwar l-analiżi tal-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni [...] ta’ kwoti għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fit-tieni perjodu tal-Iskema tal-UE [Komunitarja] għall-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet li jakkumpanjaw [id‑]Deċiżjonijiet tad-29 ta’ Novembru 2006 dwar il-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni tal-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja, il‑Lussemburgu, Malta, is-Slovakkja, l-Isvezja u r-Renju Unit skont id-Direttiva 2003/87 [COM(2006) 29 finali], hemm indikat li:
“Kif innota l-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività, l-Enerġija u l-Ambjent, huwa allegat li n-nuqqas ta’ maturità fis-swieq ta’ l-enerġija wassal għal nuqqas fil-pressjoni kompetittiva biex jitnaqqas it-trasferiment tal-valur tal-kwoti fil-prezzijiet ta’ l-elettriku u għalhekk lejn ’l hekk imsejħin profitti mhux ippjanti għall-produtturi ta’ l-elettriku. Barra dan, il-Grupp irrakomanda wkoll li l-Istati Membri jikkunsidraw allokazzjoni ddivrenzjata bejn setturi fit-tieni perjodu ta’ allokazzjoni [...]”
10
Il-premessi 15 u 19 tad-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ĠU L 140, p. 3), jistabbilixxu dan li ġej:
“(15)
L-isforz addizzjonali li trid tagħmel l-ekonomija Ewropea jirrikjedi fost l-oħrajn li l-iskema Komunitarja riveduta topera bl-ogħla livell possibbli ta’ effiċjenza ekonomika u abbażi tal-kondizzjonijiet ta’ allokazzjoni kompletament armonizzati ġewwa l-Komunità. L-irkant għandu għalhekk ikun il-prinċipju ta’ bażi għal allokazzjoni, għaliex huwa l-aktar wieħed faċli u meqjus b’mod ġenerali bħala s-sistema l-aktar effiċjenti ekonomikament. Dan għandu jelimina wkoll gwadanji mhux previsti u jqiegħed lill-istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq kif ukoll l-ekonomiji li għandhom espansjoni medja fuq l-istess livell tal-istallazzjonijiet eżistenti.
[...]
(19)
Bħala konsegwenza, mill-2013 ’il quddiem r-regola għandha tkun l-irkant sħiħ għas-settur tal-enerġija u għar-raffineriji, minħabba l-kapaċità tagħhom li jgħaddu l-ispiża żejda tas-CO2 [...]”
Id-dritt Spanjol
11
Id-Direttiva 2003/87 ġiet trasposta mil-Liġi 1/2005, li tirregola l-iskema għall-iskambju ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (Ley 1/2005 por la que se establece un régimen para el comercio de derechos de emisión de gases de efecto invernadero), tad-9 ta’ Marzu 2005 (BOE Nru 59, tal-10 ta’ Marzu 2005, p. 8405, iktar ’il quddiem il-“Liġi 1/2005”). Din il-liġi tobbliga lil kull operatur ta’ unità ta’ produzzjoni li tipproduċi enerġija termika ta’ iktar minn 20 MW li jirrestitwixxi, qabel it-30 ta’ April ta’ kull sena, numru ta’ kwoti ta’ emissjonijiet li jikkorrispondi għat-total tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra vverifikati mill-installazzjoni matul is-sena preċedenti. Għall-iskopijiet tar-restituzzjoni, l-operaturi jistgħu jużaw kemm il-kwoti allokati lilhom għal kull installazzjoni mill-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni kif ukoll dawk mixtrija fis-suq tal-kwoti ta’ emissjonijiet. L-Artikolu 16 tal-Liġi 1/2005 jipprovdi li l-għoti ta’ kwoti mill-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni “huwa mingħajr ħlas” għall-perijodu mill-2005 sal‑2008.
12
Mill-adozzjoni tal-Liġi 54/1997, dwar is-settur elettriku (Ley 54/1997 del sector eléctrico), tas-27 ta’ Novembru 1997 (BOE Nru 285, tat-28 ta’ Novembru 1997, p. 35097), li tittrasponi d-direttivi Ewropej dwar is-suq intern tal-elettriku, l-attività tal-produzzjoni tal-elettriku fi Spanja hija miftuħa għall-operaturi kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tekniċi u ekonomiċi meħtieġa.
13
Suq bl-ingrossa tal-elettriku huwa organizzat skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi. Huwa ssorveljat mill-Compañía Operadora del Mercado de Electricidad SA, entità privata li hija responsabbli sabiex tiggarantixxi, b’mod imparzjali, it-trasparenza tas-suq u l-indipendenza tal-parteċipanti fis-suq. Is-suq jopera skont sistema li fiha d-domandi għall-enerġija għal kull perijodu ta’ programmazzjoni jiġu abbinati mal-offerti riċevuti għall-istess perijodu. L-enerġija tinbiegħ bil-prezz tal-offerta magħmula mill-aħħar produttur li l-inklużjoni tiegħu fis-sistema hija neċessarja sabiex tiġi sodisfatta d-domanda għall-elettriku. Dan huwa suq marġinali, li fih il-produtturi kollha li l-offerti tagħhom ikunu ġew aċċettati jirċievu l-istess prezz, imsejjaħ “marġinali”, li jikkorrispondi għall-prezz offert mill-operatur tal-aħħar unità ta’ produzzjoni aċċettata. Dan il-prezz huwa stabbilit fl-intersezzjoni tal-kurvi tal-provvista u tad-domanda għall-enerġija.
14
Fl-2006, il-Gvern Spanjol stabbilixxa, permezz ta’ digriet irjali, it-tariffi tal-elettriku applikabbli għall-konsumaturi b’mod li dawn ikopru, fost oħrajn, il-prezzijiet tal-elettriku stabbiliti fis-suq ta’ kuljum. Peress li, b’mod partikolari, id-digrieti rjali suċċessivi ma ħadux inkunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom l-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-elettriku kif jirriżultaw mis-suq liberu, inħoloq defiċit tariffarju li dejjem qiegħed jikber.
15
Fl-24 ta’ Frar 2006, il-Consejo de Ministros (Kunsill tal-Ministri) adotta d-Digriet Liġi Rjali 3/2006 (Real Decreto‑Ley 3/2006, BOE Nru 50, tat-28 ta’ Frar 2006, p. 8015, u rettifika BOE Nru 53, tat-3 ta’ Marzu 2006, p. 8659, iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Rjali 3/2006”), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2006, u li huwa prinċipalment intiż sabiex jemenda l-mekkaniżmu li permezz tiegħu jsir, fi Spanja, l-abbinar tal-offerti ta’ bejgħ u ta’ xiri ta’ elettriku ppreżentati simultanjament fis-suq ta’ kuljum u tal-istess jum tal-produzzjoni tal-elettriku minn operaturi li jappartjenu għall-istess grupp ta’ impriża.
16
L-Artikolu 2 tad-Digriet Liġi Rjali 3/2006, intitolat “Id-drittijiet ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni 2006‑2007”, jipprovdi għat-tnaqqis tar-remunerazzjoni tal-attività ta’ produzzjoni tal-elettriku b’ammont ekwivalenti għall-valur tal-kwoti ta’ emissjonijiet mogħtija mingħajr ħlas lill-produtturi tal-elettriku skont il-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti għas-snin 2005 sa 2007 matul il-perijodi korrispondenti.
17
L-espożizzjoni tal-motivi tal-imsemmi digriet liġi rjali tiġġustifika dan it-tnaqqis tar-remunerazzjoni permezz taċ-ċirkustanza li l-impriżi li jipproduċu l-elettriku għażlu li “jinkludu l-valur tal-[kwoti ta’ emissjonijiet] fl-iffissar tal-prezzijiet fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku”. Hija tagħti wkoll l-ispjegazzjonijiet segwenti:
“Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-valur tal-[kwoti ta’ emissjonijiet] fl-iffissar tal-prezzijiet fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku huwa intiż sabiex jirrifletti [din l-inklużjoni] billi titnaqqas ir-remunerazzjoni tal-unitajiet ta’ produzzjoni kkonċernata b’ammonti ekwivalenti. Minbarra dan, iż-żieda qawwija tad-defiċit tariffarju matul is-sena 2006 tinkoraġġixxi t-tnaqqis tal-valur tal-kwoti ta’ emissjonijiet għall-kalkolu tal-ammont tal-imsemmi defiċit. Ir-riskju ta’ prezzijiet għoljin fis-suq tal-produzzjoni tal-elettriku, flimkien mal-effetti negattivi immedjati u irriversibbli tagħhom fuq il-konsumaturi finali, jiġġustifika l-adozzjoni urġenti tal-miżuri li jinsabu f’din id-dispożizzjoni u n-natura straordinarja tagħhom.”
18
Fil-15 ta’ Novembru 2007, il-Ministro de Industria, Turismo y Comercio (Ministru għall-Industrija, għat-Turiżmu u għall-Kummerċ) adotta, skont l-Artikolu 2(3) tad-Digriet Liġi Rjali 3/2006, id-Deċiżjoni Ministerjali ITC/3315/2007 li tirregola, għas-sena 2006, it-tnaqqis tar-remunerazzjoni tal-attività ta’ produzzjoni tal-elettriku b’ammont ekwivalenti għall-valur tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra allokati mingħajr ħlas (Orden ministerial ITC/3315/2007 sobre la regulación para el año 2006 de la minoración de la retribución de la actividad de producción de energía eléctrica en el importe equivalente al valor de los derechos de emisión de gases de efecto invernadero asignados gratuitamente, BOE Nru 275, tas-16 ta’ Novembru 2007, p. 46991, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Ministerjali ITC/3315/2007”). F’dan ir-rigward, huwa ppreċiżat fil-premessa li “[l-]ammont tat-tnaqqis tar-remunerazzjoni tal-installazzjonijiet ta’ produzzjoni jikkorrispondi għad-dħul supplimentari miksub mill-inklużjoni, fl-offerti ta’ bejgħ, tal-ispiża tal-kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas”.
Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari
19
Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, li huma impriżi li jipproduċu l-elettriku fi Spanja, ippreżentaw quddiem is-sezzjoni tal-proċeduri amministrattivi kontenzjużi tal-Audiencia Nacional, rikorsi intiżi sabiex tiġi annullata d-Deċiżjoni Ministerjali ITC/3315/2007 billi jsostnu, b’mod partikolari, li din tmur kontra d-Direttiva 2003/87 sa fejn tinnewtralizza l-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti ta’ emissjonijiet.
20
Dawn ir-rikorsi ġew miċħuda mill-Audiencia Nacional li qieset li din id-deċiżjoni ma kinitx tinnewtralizza l-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti ta’ emissjonijiet.
21
Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ressqu appelli fil-kassazzjoni mis-sentenzi tal-Audiencia Nacional quddiem il-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar għandha dubji dwar il-kunċett ta’ “allokazzjoni mingħajr ħlas” stabbilit fid-Direttiva 2003/87.
22
Minn naħa, jista’ jiġi kkunsidrat li din id-direttiva ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jeskludu l-impatt tal-ispiża tal-kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lill-impriżi li jipproduċu l-elettriku fuq il-prezz bl-ingrossa tal-elettriku.
23
Min-naħa l-oħra, dawn il-miżuri jista’ jkollhom l-effett li jinnewtralizzaw il-fatt li l-allokazzjoni inizjali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet issir mingħajr ħlas u li jippreġudikaw l-iskop stess tal-iskema stabbilita minn din id-direttiva, li huwa li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra permezz ta’ mekkaniżmu ta’ inċentivi ekonomiċi.
24
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja, li hija fformulata b’mod identiku fil-Kawżi C‑566/11, C‑567/11, C‑580/11, C‑591/11, C‑620/11 u C‑640/11:
“L-Artikolu 10 tad-Direttiva [2003/87] jista’ jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ miżuri leġiżlattivi nazzjonali bħal dawk eżaminati fil-kawża preżenti, li l-għan u l-effett tagħhom huwa li r-remunerazzjoni tal-attività ta’ produzzjoni tal-elettriku titnaqqas bl-ammont ekwivalenti għall-valur tal-[kwoti ta’ emissjonijiet] allokati mingħajr ħlas matul il-perijodu korrispondenti?”
25
Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Jannar 2012, il-Kawżi C‑566/11, C‑567/11, C‑580/11, C‑591/11, C‑620/11 u C‑640/11 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.
Fuq id-domanda preliminari
26
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ miżuri leġiżlattivi nazzjonali, bħal dawk fil-kawżi prinċipali, li l-għan u l-effett tagħhom huwa li titnaqqas ir-remunerazzjoni tal-attività ta’ produzzjoni tal-elettriku bl-ammont li bih l-imsemmija remunerazzjoni żdiedet minħabba l-inklużjoni tal-valur tal-kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas, bħala spiża supplimentari ta’ produzzjoni, fil-prezzijiet tal-offerti ta’ bejgħ fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku.
27
Hekk kif jirriżulta mill-kliem tiegħu skont liema, matul il-perijodu inkwistjoni, l-Istati Membri jallokaw mingħajr ħlas mill-inqas 95 % tal-kwoti ta’ emissjonijiet, l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva jipprekludi li jitħallsu xi taxxi fil-kuntest tal-allokazzjoni ta’ kwoti.
28
Min-naħa l-oħra, la l-Artikolu 10 u lanqas xi dispożizzjoni oħra tal-imsemmija direttiva ma jirrigwardaw l-użu ta’ kwoti ta’ emissjonijiet jew jirrestrinġu espressament id-dritt tal-Istati Membri li jadottaw miżuri li jistgħu jaffettwaw l-implikazzjonijiet ekonomiċi tal-użu ta’ kwoti ta’ emissjonijiet.
29
Konsegwentement, l-Istati Membri jistgħu, bħala prinċipju, jadottaw miżuri ta’ politika ekonomika, bħal kontroll tal-prezzijiet fis-swieq ta’ ċerti oġġetti jew riżorsi essenzjali, li jiddeterminaw il-mod kif il-valur tal-kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lill-produtturi jaffettwa lill-konsumaturi.
30
L-adozzjoni ta’ tali miżuri ma tistax madankollu tinnewtralizza l-prinċipju ta’ allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, u lanqas ma tista’ tippreġudika l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87.
31
Għal dak li jirrigwarda l-ewwel aspett, għandu jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ “mingħajr ħlas” previst fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87 jipprekludi mhux biss l-iffissar dirett ta’ prezz għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni, iżda wkoll il-ġbir sussegwenti ta’ taxxa fil-kuntest tal-allokazzjoni tal-imsemmija kwoti.
32
F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-premessi tad-Digriet Liġi Rjali 3/2006 u mid-Deċiżjoni Ministerjali ITC/3315/2007, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali hija intiża sabiex jiġi evitat li l-konsumatur ma jġarrabx l-effetti li jirriżultaw mill-inklużjoni, fil-prezz tal-offerti ta’ bejgħ ta’ elettriku magħmulin fis-suq, tal-valur tal-kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas.
33
Fil-fatt, l-imsemmija produtturi tal-elettriku Spanjoli inkludew, fil-prezz tal-offerti tagħhom fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku, il-valur tal-kwoti ta’ emissjonijiet, bl-istess mod bħal kull spiża oħra relatata mal-produzzjoni, minkejja l-fatt li l-imsemmija kwoti ngħataw lilhom mingħajr ħlas.
34
Hekk kif tispjega l-qorti tar-rinviju, din il-prattika hija ċertament rilevanti mil-lat ekonomiku, sa fejn l-użu minn impriża tal-kwoti ta’ emissjonijiet li ġew allokati lilha jirrappreżenta spiża impliċita, imsejħa “ispiża tal-opportunità”, li tikkonsisti fir-rinunzja minn din l-impriża għad-dħul li hija tkun tista’ tagħmel mill-bejgħ ta’ dawn il-kwoti fis-suq tal-kwoti ta’ emissjonijiet. Madankollu, l-imsemmija prattika flimkien mas-sistema ta’ iffissar ta’ prezzijiet fis-suq tal-produzzjoni tal-elettriku fi Spanja twassal sabiex jinkiseb qligħ eċċezzjonali mill-produtturi tal-elettriku.
35
Għandu jiġi osservat li s-suq ta’ kuljum tal-produzzjoni elettrika fi Spanja huwa suq marġinali, li fih il-produtturi kollha li l-offerti tagħhom ikunu ġew aċċettati jirċievu l-istess prezz, jiġifieri dak offert mill-operatur tal-aħħar unità ta’ produzzjoni aċċettata. Peress li dan il-prezz marġinali jkun ġie ddeterminat, matul il-perijodu kkonċernat, mill-offerti ta’ operaturi ta’ impjanti b’ċiklu kkombinat tal-gass, liema teknoloġija tibbenefika mill-kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas, l-inklużjoni tal-valur tal-kwoti fil-kalkolu tal-prezz ta’ dawn l-istess offerti jaffettwa l-prezz tal-elettriku fis-suq kollu.
36
Għalhekk, it-tnaqqis tar-remunerazzjoni prevista fid-Deċiżjoni Ministerjali ITC/3315/2007 jirrigwarda mhux biss l-impriżi li jkunu rċevew mingħajr ħlas kwoti ta’ emissjonijiet, iżda wkoll l-impjanti li ma għandhomx bżonn kwoti, bħall-impjanti idroelettriċi u l-impjanti nukleari, sa fejn l-inklużjoni tal-valur tal-kwoti ta’ emissjonijiet fl-istruttura tal-ispejjeż tkun affettwat il-prezz tal-elettriku, liema prezz huwa riċevut mill-produtturi attivi kollha tal-elettriku fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku fi Spanja.
37
Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tieħu inkunsiderazzjoni fatturi oħra bħall-kwantità tal-kwoti allokati, b’mod partikolari t-tip u l-fattur ta’ emissjoni ta’ impjant. It-tnaqqis tar-remunerazzjoni għall-produzzjoni tal-elettriku prevista mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni huwa kkalkolat b’tali mod li japplika biss għaż-żieda fil-prezz li tirriżulta mill-inklużjoni tal-ispejjeż ta’ opportunità tal-kwoti. Fl-aħħar nett, dan huwa kkonfermat miċ-ċirkustanza li t-taxxa ma tinġabarx meta l-operaturi ta’ impjanti jbigħu l-kwoti allokati mingħajr ħlas fis-suq sekondarju.
38
Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali hija intiża għalhekk mhux sabiex timponi, sussegwentement, taxxa fil-kuntest tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, iżda sabiex tikkumpensa l-effetti tal-qligħ eċċezzjonali li pproduċiet l-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet fis-suq tal-elettriku Spanjol.
39
Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li l-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, prevista fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87, kienet intiża mhux sabiex jingħataw sussidji lill-produtturi kkonċernati, iżda sabiex tnaqqas l-impatt ekonomiku tal-introduzzjoni immedjata u unilaterali mill-Unjoni Ewropea ta’ suq ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, u b’hekk jiġi evitat telf ta’ kompetittività ta’ ċerti setturi ta’ produzzjoni li jaqgħu taħt din id-direttiva.
40
Issa, hekk kif issemma fil-punt 9 ta’ din is-sentenza, il-pressjoni kompetittiva ma kinitx b’saħħitha biżżejjed sabiex jiġi limitat l-effett tal-valur tal-kwoti ta’ emissjonijiet fuq il-prezzijiet tal-elettriku, bil-konsegwenza għalhekk li l-produtturi tal-elettriku kisbu qligħ eċċezzjonali. Kif jirriżulta mill-premessi 15 u 19 tad-Direttiva 2009/29, kien sabiex jiġi eskluż dan il-qligħ eċċezzjonali li, mill-2013, il-kwoti ta’ emissjonijiet huma allokati billi jintuża mekkaniżmu ta’ bejgħ sħiħ bl-irkant.
41
Minn dan jirriżulta li l-mekkaniżmu ta’ allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet stabbilit mid-Direttiva 2003/87 ma jirrikjedix li l-produtturi tal-elettriku jkunu jistgħu jinkludu l-valur ta’ dawn il-kwoti fil-prezzijiet tal-elettriku u b’hekk jiksbu qligħ eċċezzjonali.
42
Konsegwentement, il-kunċett ta’ “mingħajr ħlas” previst fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87 ma jipprekludix leġiżlazzjoni bħal dik fil-kawżi prinċipali li tnaqqas ir-remunerazzjoni tal-produtturi tal-elettriku sabiex tikkumpensa l-qligħ eċċezzjonali li jirriżulta mill-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, bil-kundizzjoni li, kif issemma fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, ma jiġux ippreġudikati l-għanijiet ta’ din id-direttiva.
43
Għal dak li jirrigwarda t-tieni aspett, għandu jitfakkar li l-għan prinċipali tad-Direttiva 2003/87 huwa li jitnaqqsu, b’mod sostanzjali, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Dan il-għan għandu jinkiseb billi jiġu osservati sensiela ta’ għanijiet sekondarji u bl-użu ta’ ċerti għodod. L-għodda prinċipali f’dan ir-rigward hija l-iskema tal-Unjoni għall-iskambju ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra. L-għanijiet sekondarji l-oħra li din l-iskema għandha tissodisfa huma, b’mod partikolari, hekk kif huwa espost fil-premessi 5 u 7 tal-istess direttiva, iż-żamma tal-iżvilupp ekonomiku u tal-impjieg kif ukoll dak tal-integrità tas-suq intern u tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni (ara s-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs L‑Estonja, C‑505/09 P, punt 79).
44
Għaldaqstant, il-kwistjoni li tqum f’dan il-każ hija b’mod iktar partikolari jekk, billi tikkumpensa l-qligħ eċċezzjonali li jirriżulta mill-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tippreġudikax l-iskop tal-iskema, stabbilita mid-Direttiva 2003/87, li jitnaqqsu l-emissjonijiet, abbażi tal-inklużjoni tal-ispejjeż ambjentali fil-kalkolu tal-prezzijiet tal-prodotti.
45
Għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet kienet miżura tranżitorja intiża sabiex jiġi evitat telf ta’ kompetittività tal-impriżi minħabba l-istabbiliment ta’ skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet. Għaldaqstant, hija ma tikkonċernax direttament l-għan ambjentali ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet.
46
It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma taffettwax is-suq tal-kwoti ta’ emissjonijiet, iżda l-qligħ eċċezzjonali miksub mill-produtturi kollha tal-elettriku fi Spanja minħabba l-inklużjoni tal-valur tal-imsemmija kwoti fil-kalkolu tal-prezz tal-offerti miżmuma għall-finijiet tal-iffissar tal-prezz fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku, fid-dawl tan-natura marġinali ta’ dan is-suq.
47
Fil-fatt, l-impriżi jistgħu jużaw il-kwoti ta’ emissjonijiet li ġew allokati lilhom mingħajr ħlas għall-attività tagħhom ta’ produzzjoni tal-elettriku jew jistgħu jbigħuhom fis-suq tal-kwoti ta’ emissjonijiet, skont il-valur tagħhom fis-suq u l-qligħ li jistgħu jiksbu minnhom.
48
It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma tippreġudikax l-għan ambjentali tad-Direttiva 2003/87 li jiġi inkoraġġit it-tnaqqis tal-emissjonijiet.
49
Fil-fatt, minn naħa, sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, l-imsemmija direttiva stabbilixxiet skema għall-iskambju ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet. Hekk kif huwa previst fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, il-kundizzjonijiet tal-inċentiv għat-tnaqqis tal-emissjonijiet huma ekonomikament effikaċi u effettivi, peress li l-produttur jista’ jiddeċiedi jew li jinvesti f’teknoloġiji iktar effikaċi li jarmu inqas emissjonijiet ta’ gassijiet serra, jew inkella li juża iktar kwoti ta’ emissjonijiet, jew ukoll, li jnaqqas il-produzzjoni tiegħu, billi jagħżel l-għażla li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Issa, fid-dawl tal-fatt li, skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, il-valur tal-kwoti ta’ emissjonijiet jista’ jinkiseb permezz tal-bejgħ tal-imsemmija kwoti, jidher li din il-leġiżlazzjoni ma għandhiex l-effett li tiskoraġġixxi l-produtturi tal-elettriku milli jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.
50
Min-naħa l-oħra, l-ispejjeż tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġew inklużi fil-kalkolu tal-prezz tal-offerti magħmula mill-produtturi fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku. Issa, peress li spiża ta’ produzzjoni iktar għolja ddgħajjef il-pożizzjoni tagħhom fis-suq, il-produtturi tal-elettriku huma inkoraġġiti li jnaqqsu l-emissjonijiet assoċjati mal-attività tagħhom.
51
Fl-aħħar nett, il-Liġi 1/2005 tobbliga lill-impriżi li jipproduċu l-elettriku li kull sena jirrestitwixxu numru ta’ kwoti ta’ emissjonijiet li jikkorrispondi għall-emissjonijiet totali vverifikati minn din l-installazzjoni matul is-sena kalendarja preċedenti, sabiex dawn il-kwoti jiġu sussegwentement ikkanċellati, skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87.
52
Diversi produtturi sostnew madankollu, fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li t-tnaqqis tar-remunerazzjoni tal-attività ta’ produzzjoni tal-elettriku inkwistjoni fil-kawżi prinċipali huwa maħsub b’tali mod li jneħħi l-inċentiv li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.
53
Huwa minnu li mit-tweġibiet għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-formula għall-kalkolu ta’ dan it-tnaqqis prevista fid-Deċiżjoni Ministerjali ITC/3315/2007 tista’ twassal għas-sitwazzjoni li t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn operatur ta’ impjant elettriku partikolari jkollu l-effett li jżid l-ammont tat-taxxa li huwa jkollu jħallas.
54
Madankollu, il-Gvern Spanjol osserva li din l-ispiża addizzjonali ma tinnewtralizzax il-qligħ li jirriżulta mill-parteċipazzjoni għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet.
55
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-inċentiv li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ kull installazzjoni jinsab fil-benefiċċju li jista’ jinkiseb mit-tnaqqis tal-bżonnijiet tagħha ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, li għandhom valur ekonomiku li jista’ jinkiseb permezz tal-bejgħ tagħhom, indipendentement mill-fatt jekk dawn ġewx allokati jew le mingħajr ħlas.
56
Barra minn hekk, l-għan tad-Direttiva 2003/87 li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’kundizzjonijiet ekonomikament effikaċi u effettivi ma jirrikjedix, kif ġie enfasizzat fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, li l-impriżi jinkludu l-ispejjeż tal-kwoti ta’ emissjonijiet li jkunu ġew allokati lilhom mingħajr ħlas fil-prezzijiet lill-konsumaturi.
57
Barra minn hekk, billi fis-suq Spanjol tal-produzzjoni tal-elettriku jitħallas prezz uniku lill-produtturi kollha u l-konsumatur finali ma jkunx jaf liema teknoloġija ntużat għall-produzzjoni tal-elettriku li huwa jikkonsma u li t-tariffa tiegħu hija ffissata mill-Istat, il-punt sa fejn il-produtturi tal-elettriku jistgħu jinkludu fil-prezzijiet l-ispejjeż involuti fl-użu tal-kwoti ta’ emissjonijiet, ma għandu l-ebda effett fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet.
58
Minn dan jirriżulta li taxxa li tnaqqas ir-remunerazzjoni tal-attività ta’ produzzjoni tal-elettriku, bħal dik prevista mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, minkejja li tista’ tnaqqas l-inċentiv li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, ma tneħħihx totalment.
59
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ miżuri leġiżlattivi nazzjonali, bħal dawk fil-kawżi prinċipali, li l-għan u l-effett tagħhom huwa li titnaqqas ir-remunerazzjoni tal-attività ta’ produzzjoni tal-elettriku bl-ammont li bih l-imsemmija remunerazzjoni żdiedet minħabba l-inklużjoni tal-valur tal-kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas fil-prezzijiet tal-offerti ta’ bejgħ fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku.
Fuq l-ispejjeż
60
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva [tal-Kunsill] 96/61/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ miżuri leġiżlattivi nazzjonali, bħal dawk fil-kawżi prinċipali, li l-għan u l-effett tagħhom huwa li titnaqqas ir-remunerazzjoni tal-attività ta’ produzzjoni tal-elettriku bl-ammont li bih l-imsemmija remunerazzjoni żdiedet minħabba l-inklużjoni tal-valur tal-kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas fil-prezzijiet tal-offerti ta’ bejgħ fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.
Top