SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
15 ta’ Ottubru 2014 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika agrikola komuni — Skemi ta’ appoġġ — Implementazzjoni ta’ skemi ta’ appoġġ fl-Istati Membri l-ġodda — Regolament (KE) Nru 1782/2003 — Artikolu 143ba — Regolament (KE) Nru 73/2009 — Artikolu 126 — Pagament separat għaz-zokkor — Firda ta’ dan il-pagament mill-produzzjoni — Kunċett ta’ ‘kriterji adottati mill-Istati Membri rilevanti fl-2006 u l‑2007’ — Perijodu rappreżentattiv”
Fil-Kawża C‑561/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Obvodní soud pro Prahu 1 (Ir‑Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Mejju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Ottubru 2013, fil-proċedura
Hoštická a.s.,
Jaroslav Haškovec,
Zemědělské družstvo Senice na Hané
vs
Česká republika — Ministerstvo zemědělství,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn K. Jürimäe (Relatur), President tal-Awla, M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
—
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u J. Vitáková, bħala aġenti,
—
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Ondrůšek u P. Rossi, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 126(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, p. 16).
2
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Hoštická a.s., J. Haškovec flimkien ma’ Zemědělské družstvo Senice na Hané u Česká republika — Ministerstvo zemědělství (ir-Repubblika Ċeka — Ministeru għall-Agrikoltura) dwar it-talba tagħhom għal kumpens għad-dannu subit minħabba l-modalitajiet tal-għoti tal-pagament separat għaz-zokkor (iktar ’il quddiem il-“PSZ”) previsti mid-dritt Ċek.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003
3
Skont l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r‑Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269, u corrigendum ĠU L 94, p. 70), kif emendat bir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 319/2006, tal-20 ta’ Frar 2006 (ĠU L 335M, 13.12.2008, p. 1), (KE) Nru 2011/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 945) u (KE) Nru 2012/2006, tad-19 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 200M, 1.8.2007, p. 536, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1782/2003”) jistabbilixxi li:
“[...]
—
regoli komuni fuq pagamenti diretti taħt skemi ta’ appoġġ għad-dħul fl-isfond tal-politika agrikola komuni [...],
—
appoġġ għad-dħul għall-bdiewa [(iktar ’il quddiem imsejjaħ ’l-iskema ta’ pagament uniku’)];
—
appoġġ transitorju bbażat fuq id-dħul simplifikat għall-bdiewa fl-Istati Membri l-ġodda (riferit minn hawn ’l quddiem bħala ’l-iskema ta’ pagament uniku bl-area’),
[...]”
4
L-Artikolu 2(d) u (g) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kunċetti li ġejjin:
“(d)
‘pagament dirett’: tfisser pagament mogħti direttament lill-bdiewa taħt skema ta’ appoġġ għad-dħul imniżżla fl-Anness I;
[...]
(g)
‘l-Istati Membri l-ġodda’: tfisser il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja.”
5
L-Artikolu 143ba tar-Regolament Nru 1782/2003 ġie introdott bl-Artikolu 1(17) tar-Regolament Nru 319/2006 u emendat bl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2011/2006 kif ukoll bl-Artikolu 1(17) tar-Regolament Nru 2012/2006. Dan l-Artikolu 143ba, li huwa intitolat “Pagament separat għaz-zokkor” jipprovdi li:
“1. B’deroga mill-Artikolu 143b l-Istati Membri ġodda li japplikaw l-iskema ta’ pagament uniku skond l-erja jistgħu jiddeċiedu sat-30 ta’ April 2006 li fir-rigward tas-snin 2006 sa 2010 jagħtu ħlas separat għaz-zokkor lil bdiewa eliġibbli taħt l-iskema ta’ pagament uniku skond l-erja. Dan jingħata fir-rigward ta’ perjodu rappreżentattiv li jista’ jkun differenti għal kull prodott ta’ wieħed jew aktar minn wieħed fis-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2004/2005, 2005/2006 u 2006/2007 kif jiġi determinat mill-Istati Membri qabel it‑30 ta’ April 2006, u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji bħal:
—
il-kwantitajiet ta’ pitravi taz-zokkor, ta’ kannamieli jew ċikwejra koperti permezz ta’ kuntratti ta’ forniment konklużi skond l-Artikolu 19 tar-[Regolament Nru 1260/2001] jew l-Artikolu 6 tar-Regolament [tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006, tal-20 ta’ Frar 2006, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 58, p. 1)], kif jixraq,
—
il-kwantitajiet ta’ zokkor jew ta’ ġulepp ta’ l-inulina prodotti skond ir-[Regolament Nru 1260/2001] jew ir-[Regolament Nru 318/2006], kif jixraq;
—
l-għadd medju ta’ ettari ta’ pitravi taz-zokkor, ta’ kannamieli jew ċikwejra użati għall-produzzjoni taz-zokkor jew tal-ġulepp ta’ inulina u koperti permezz ta’ kuntratti ta’ forniment konklużi skond l-Artikolu 19 tar-[Regolament Nru 1260/2001] jew l-Artikolu 6 tar-[Regolament Nru 318/2006], kif jixraq
[...]”
6
Il-linja tal-Anness I tar-Regolament Nru 1782/2003 dwar “Pitravi zokkrija, kannamieli u ċikwejra użati għall-produzzjoni taż-żokkor jew il-ġulepp ta’ l-inulina” huwa fformulat kif ġej:
Pitravi zokkrija, kannamieli u ċikwejra użati għall-produzzjoni taż-żokkor jew il-ġulepp ta’ l-inulina
Titolu IV, Kapitolu 10e ta’ dan ir-Regolament [...] Titolu IVa, Artikolu 143ba ta’ dan ir-Regolament
Pagamenti Diżakkoppjati [pagamenti mifruda]
Ir-Regolament Nru 319/2006
7
Il-premessi 1, 2, 4, 7 u 9 tar-Regolament Nru 319/2006 jipprovdu:
“(1)
Ir-Regolament [Nru 318/2006] jipprevedi riforma importanti ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor. Il-miżuri introdotti minn dak ir-Regolament jinkludu tnaqqis sinifikanti fil-prezz ta’ appoġġ istituzzjonali għaz-zokkor Komunitarju f’fażijiet.
(2)
Bħala konsegwenza ta’ l-appoġġ imnaqqas għas-suq fis-settur taz-zokkor, għandu jiżdied l-appoġġ għad-dħul tal-bdiewa. Il-livell ġenerali tal-pagament għandu jiżviluppa b’mod parallel mat-tnaqqis gradwali ta’ l-appoġġ għas-suq.
[...]
(4)
Sabiex jintlaħqu l-objettivi li fuqhom hija bbażata r-riforma tal-politika agrikola komuni, l-appoġġ għall-pitravi zokkrija, il-kannamieli u ċ-ċikwejra użati għall-produzzjoni taz-zokkor jew il-ġulepp ta’ l-inulina għandu jiġi diżakkoppjat [mifrud] u integrat fl-iskema ta’ pagament uniku.
[...]
(7)
Il-livell ta’ appoġġ individwali għad-dħul għandu jiġi kkalkolat abbażi ta’ l-appoġġ li l-bidwi jkun gawda minnu fil-kuntest ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur taz-zokkor għal sena ta’ kummerċjalizzazzjoni waħda jew aktar li għandu jiġi determinat mill-Istati Membri.
[...]
(9)
Mill-adeżjoni ’l hawn il-produtturi tal-pitravi zokkrija u ċ-ċikwejra fl-Istati Membri l-ġodda gawdew minn appoġġ għall-prezzijiet fil-qafas tar-[Regolament Nru 1260/2001]. Għalhekk, il-pagament għaz-zokkor u l-komponenti taz-zokkor u ċ-ċikwejra fl-iskema ta’ pagament uniku m’għandhomx ikunu soġġetti għall-applikazzjoni ta’ l-iskeda ta’ inkrementi prevista fl-Artikolu 143a tar-[Regolament Nru 1782/2003]. Għall-istess raġunijiet, l-Istati Membri li japplikaw l-iskema ta’ pagament uniku bl-area għandu, barra minn hekk, jkollhom il-possibbiltà li jagħtu l-appoġġ li jirriżulta mir-riforma taz-zokkor fil-forma ta’ pagament dirett separat barra minn dik l-iskema.”
Ir-Regolament Nru 73/2009
8
Ir-Regolament Nru 1782/2003 tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 73/2009.
9
Il-premessa 2 tar-Regolament Nru 73/2009 tipprovdi li:
“L-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tar-[Regolament Nru 1782/2003] b’mod partikolari turi li ċerti elementi tal-mekkaniżmu ta’ appoġġ jeħtieġ jiġu aġġustati. B’mod partikolari, d-diżakkoppjar [il-frida] tal-appoġġ dirett għandu jiġi estiż [għandha tiġi estiża] u l-funzjonament tal-iskema ta’ pagament uniku għandu jiġi ssimplifikat. [...]”
10
Skont l-Artikolu 1 tiegħu, dan ir-regolament jistabbilixxi:
“[...]
(a)
regoli komuni dwar pagamenti diretti;
(b)
skema ta’ appoġġ ta’ dħul għall-bdiewa (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘l-iskema ta’ pagament uniku’);
(c)
skema ta’ appoġġ ta’ dħul issimplifikat u transitorju għall-bdiewa fl-IStati Membri l-ġodda kif definita fl-Artikolu 2(g) (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘skema ta’ pagament uniku’);
[…]”
11
L-Artikolu 2(d) u (g) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat b’mod identiku għall-istess dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1782/2003.
12
L-Artikolu 126(1) tar-Regolament Nru 73/2009, intitolat “Pagament separat għaz-zokkor” jipprovdi li:
“Meta Stat Membru ġdid ikun għamel użu mill-għażla prevista fl-Artikolu 143ba tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, huwa għandu jagħti pagament separat għaz-zokkor lil bdiewa eliġibbli taħt l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja. Dan il-pagament għandu jingħata abbażi tal-kriterji adottati mill-Istati Membri rilevanti fl-2006 u l‑2007.”
13
Il-linja tal-Anness I tal-istess regolament dwar il-“Pitravi taz-zokkor, kannamieli u ċikwejra użati għall-produzzjoni taz-zokkor jew ix-xropp tal-inulina” huwa fformulat kif ġej:
Pitravi taz-zokkor, kannamieli u ċikwejra użati għall-produzzjoni taz-zokkor jew ix-xropp tal-inulina
Artikolu 126 ta’ dan ir-Regolament
Pagamenti diżakkoppjati [pagamenti mifruda]
Id-dritt Ċek
14
Id-Digriet tal-Gvern Nru 45/2007, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010, jiddefinixxi l-kundizzjonijiet dwar l-għoti tal-PSZ.
15
L-Artikolu 2 tad-Digriet tal-Gvern Nru 45/2007, intitolat “Applikant tal-pagament għaz-zokkor” huwa fformulat kif ġej:
“1)
Jista’ jintalab pagament għaz-zokkor għal sena kalendarja, taħt dan id-digriet, minn persuna fiżika jew ġuridika li
a)
tikkoltiva artijiet agrikoli rreġistrati taħt isem l-applikat fir-reġistru għall-koltivazzjoni tal-artijiet agrikoli skont l-istatus tal-utent [...],
b)
kkonkludiet, għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2005/2006, kuntratt għall-provvista ta’ pitravi taz-zokkor A u ta’ pitravi taz-zokkor B ma’ produttur taz-zokkor, li huwa stabbilit fir-Repubblika Ċeka u li, matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2005/2006, kiseb kwoti ta’ produzzjoni individwali dwar iz-zokkor A u kwoti ta’ produzzjoni individwali dwar iz-zokkor B [...],
c)
ippreżentat quddiem il-Fond talba għall-għoti ta’ pagament uniku skont l-erja għas-sena kalendarja li għaliha hija titlob il-pagament għaz-zokkor,
[...]”
16
L-Artikolu 4 ta’ dan id-Digriet tal-Gvern intitolat “Għoti tal-pagament għaz-zokkor”, jipprovdi:
“1) Il-Fond għandu jagħti lill-applikant pagament għaz-zokkor għas-sena kalendarja kkonċernata għall-kwantitajiet ta’ pitravi nnegozjati mal-produttur taz-zokkor permezz tal-kuntratt għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2005/2006, għall-provvista tal-pitravi taz-zokkor A u tal-pitravi taz-zokkor B intiżi għall-produzzjoni taz-zokkor A u taz-zokkor B, ikkalkolati fuq kontenut taz-zokkor ta’ 16 %.
2) Il-kalkolu tal-ammont tal-pagament għaz-zokkor għas-sena kalendarja kkonċernata għal tunnellata pitravi huwa bbażat fuq l-ammont totali tal-pagament għaz-zokkor iffissat għas-sena kalendarja kkonċernata, skont id-dispożizzjonijiet applikabbli direttament tal-Komunitajiet Ewropej, u fuq il-kwantitajiet totali ta’ pitravi għall-finijiet tal-produzzjoni taz-zokkor A u taz-zokkor B, li kienu nnegozjati mal-produtturi taz-zokkor fil-kuntratti għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2005/2006 għall-provvista tal-pitravi taz-zokkor A u tal-pitravi taz-zokkor B, ikkalkolati fuq kontenut taz-zokkor ta’ 16 %.
[...]”
Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
17
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jkabbru l-pitravi taz-zokkor sabiex ibiegħuhom lill-produtturi taz-zokkor. Huma rċivew PSZ mingħand il-Ministerstvo zemědělství taħt id-Digriet tal-Gvern Nru 45/2007, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan il-pagament lill-bdiewa li jkabbru l-pitravi taz-zokkor.
18
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw quddiem il-qorti tar-rinviju talba għal kumpens għad-dannu subit b’riżultat tal-applikazzjoni tar-regoli għall-għoti tal-PSZ, kif previsti minn dan id-Digriet tal-Gvern, minħabba li dawn ir-regoli jiksru d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 126 tar-Regolament Nru 73/2009.
19
Huma jikkontestaw b’mod partikolari l-ammont tal-pagament li rċevew taħt il-PSZ, minħabba li dan ġie kkalkolat fuq perijodu rappreżentattiv żbaljat, jiġifieri s-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2005/2006. Fil-fehma tagħhom, skont l-Artikolu 126 tar-Regolament Nru 73/2009, il-PSZ kellu jingħata fuq il-bażi ta’ perijodu ta’ riferiment kurrenti, jiġifieri s-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ qabel is-sena tal-għoti ta’ dan il-pagament.
20
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu li, għalkemm l-Artikolu 126 tar-Regolament Nru 73/2009 jipprovdi li l-PSZ jingħata abbażi tal-kriterji adottati fl-2006 u fl-2007, il-leġiżlatur tal-Unjoni jirreferi biss għall-kriterji li ġew iddeterminati minn Stat Membru skont l-Artikolu 143ba tar-Regolament Nru 1782/2003 sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-pagament, jiġifieri, l-erja tal-art użata, il-volum ta’ produzzjoni jew taħlita tat-tnejn. L-Artikolu 126 tar-Regolament Nru 73/2009 ma jindika mkien li hemm bżonn li jintuża wkoll l-istess perijodu rappreżentattiv għall-għoti tal-għajnuna relattiva għal kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni. Dawn ir-rikorrenti jsostnu li r-Regolament Nru 73/2009 jiddistingwi sistematikament bejn “kriterji” u “perijodu rappreżentattiv” bħalma juru, pereżempju, l-Artikoli 128 u 129 ta’ dan ir-regolament. Huma jqisu li l-interpretazzjoni tagħhom hija valida abbażi tal-ħtieġa li tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni bejn il-produtturi.
21
Il-konvenut fil-kawża prinċipali jsostni li l-PSZ huwa pagament mifrud mill-produzzjoni. Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-PSZ ma kellux jiġi kkalkolat skont il-produzzjoni attwali tal-pitravi, u jingħata biss lill-bdiewa li jkomplu jipproduċu l-pitravi. Din id-distinzjoni bejn pagament mhux mifrud u mifrud hija magħmula b’mod ċar mir-Regolament Nru 73/2009. Ir-riforma tas-suq taz-zokkor, li nbdiet fis-sena 2006, għandha l-għan li żżomm il-produzzjoni tal-pitravi taz-zokkor fil-livell eżistenti u mhux li tistimula ż-żieda tagħha. Għaldaqstant, l-użu ta’ data tal-produzzjoni kurrenti ma hijiex neċessarja. Barra minn hekk, l-Artikolu 126 tar-Regolament Nru 73/2009 huwa intiż sabiex jistabbilixxi pagament mifrud mill-produzzjoni. Għalhekk, fid-dawl mhux biss tal-kliem, iżda wkoll tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, il-kunċett ta’ “kriterji adottati mill-Istati Membri rilevanti fl-2006 u l‑2007” jinkorpora l-modalitajiet kollha tat-tqassim u tal-għoti tal-PSZ iffissati fl-Artikolu 143ba(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, jiġifieri kemm il-kunċett ta’ “perijodu rappreżentattiv” kif ukoll dak ta’ “kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji”.
22
Huwa f’’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Obvodní soud pro Prahu 1 iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1)
L-Artikolu 126 tar-[Regolament Nru 73/2009] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-pagament separat għaz-zokkor huwa pagament mifrud mill-produzzjoni?
2)
L-Artikolu 126(1) tar-[Regolament Nru 73/2009] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“kriterji adottati mill-Istati Membri rilevanti fl-2006 u l-2007” jinkludu wkoll il-perijodu rappreżentattiv, magħżul minn Stat Membru f’dak iż-żmien, skont l-Artikolu 143ba(1) tar-[Regolament (KE) Nru 1782/2003]?”
Fuq id-domandi preliminari
23
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 126(1) tar-Regolament Nru 73/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kriterji adottati mill-Istati Membri rilevanti fl-2006 u l-2007” jinkludi wkoll is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li dawn l-Istati Membri kellhom jagħżlu qabel it-30 ta’ April 2006 bħala perijodu rappreżentattiv għall-għoti tal-PSZ, taħt l-Artikolu 143ba(1) tar-Regolament Nru 1782/2003.
24
Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1782/2003 jistabbilixxi, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 1 tiegħu, regoli komuni fil-qasam ta’ pagament diretti taħt l-iskemi ta’ appoġġ għad-dħul fl-isfond tal-politika agrikola komuni, għajnuna għad-dħul tal-bdiewa, jiġifieri l-iskema ta’ pagament uniku, kif ukoll għajnuna għad-dħul simplifikat u tranżitorju għall-bdiewa tal-Istati Membri l-ġodda li aderixxew għall-Unjoni Ewropea matul is-snin 2004 u 2007, kif elenkati fl-Artikolu 2(g) ta’ dan ir-regolament (iktar ’il quddiem l-“Istati Membri l-ġodda”), jiġifieri l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja. Skont l-Artikoli 143a u 143b tal-imsemmi regolament, il-pagamenti diretti jew, skont il-każ, l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja huma introdotti progressivament f’dawn l-Istati Membri l-ġodda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bábolna, C‑115/10, EU:C:2011:376, punti 33 u 34, kif ukoll id-digriet Brunovskis, C‑650/11, EU:C:2013:7, punt 15).
25
Skont l-Artikolu 143ba(1) tal-imsemmi regolament, l-Istati Membri l-ġodda li għażlu li japplikaw l-iskema ta’ pagament dirett skont l-erja, kellhom il-possibbiltà li jiddeċiedu, “sat-30 ta’ April 2006” li jagħtu PSZ lill-bdiewa eliġibbli taħt din l-iskema.
26
Min dan isegwi li r-Regolament Nru 1782/2003 jagħti lil dawn l-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni għall-għoti tal-PSZ fil-kuntest tar-riforma tal-politika agrikola komuni. Madankollu, meta jeżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom, l-imsemmija Stati Membri għandhom jikkonformaw ruħhom ma’ żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel nett, dan il-pagament għandu jiġi suġġett għall-applikazzjoni ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji mill-istess Stati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Uzonyi, C‑133/09, EU:C:2010:563, punt 29). It-tieni nett, l-Istati Membri l-ġodda kellhom ukoll jiddeterminaw, qabel it-30 ta’ April 2006, il-perijodu jew il-perijodi rappreżentattivi li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jingħata l-imsemmi pagament, fost is-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni elenkati fl-Artikolu 143ba(1) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri s-snin 2004/2005, 2005/2006 u 2006/2007.
27
Skont l-Artikolu 126(1) tar-Regolament Nru 73/2009, dawn l-Istati Membri l-ġodda, li għażlu li jagħtu l-PSZ skont l-Artikolu 143ba(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, għandhom ikomplu jagħtu dan il-pagament.
28
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, b’differenza minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar, l-Artikolu 126 tar-Regolament Nru 73/2009 sempliċement jindika li l-PSZ jingħata abbażi tal-“kriterji adottati fl‑2006 u l-2007” minn dawn l-Istati Membri, mingħajr ma l-kliem ta’ dan l-artikolu jsemmi espressament il-perijodu rappreżentattiv li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.
29
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll l-għanijiet imfittxa mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnhom u l-kuntest tagħhom (sentenza Maatschap Schonewille-Prins, C‑45/05, EU:C:2007:296, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata).
30
L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-għan imfittex mir-Regolament Nru 1782/2003, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan kien intiż li jippermetti t-tranżizzjoni progressiva mill-għajnuna għall-produzzjoni lejn l-għajnuna għall-produttur, b’mod partikolari, billi introduċa sistema mifruda mill-għajnuna għad-dħul għal kull azjenda agrikola (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Panellinios Syndesmos Viomichanion Metapoiisis Kapnou, C‑373/11, EU:C:2013:567, punt 17). Mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 73/2009 jirriżulta li dan tal-aħħar għandu l-istess għan.
31
Imbagħad, għandu jingħad ukoll li, hekk kif huwa espost fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 319/2006, matul is-sena 2006, il-leġiżlatur tal-Unjoni wettaq riforma importanti tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor. Din ir-riforma introduċiet, b’mod partikolari, tnaqqis sinjifikattiv tal-prezz ta’ appoġġ istituzzjonali għaz-zokkor Komunitarju.
32
Għal dak li jirrigwarda l-PSZ, li ġie stabbilit bir-Regolament Nru 319/2006, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 9 tiegħu, l-għan tiegħu huwa li jikkumpensa t-telf tad-dħul, li jirriżulta mir-riforma tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor, tal-produtturi tal-pitravi taz-zokkor u ċ-ċikwejra fl-Istati Membri l-ġodda li bbenefikaw, sa mill-adeżjoni tagħhom, minn appoġġ għall-prezzijiet fil-kuntest ta’ din l-organizzazzjoni komuni tas-suq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikoli 143ba tar-Regolament Nru 1782/2003 u 126 tar-Regolament Nru 73/2009 għandhom jitqiesu li għandhom l-għan li jsostnu lill-bdiewa li bbenefikaw minn miżuri ta’ appoġġ għas-suq taz-zokkor qabel ir-riforma li saret matul is-sena 2006.
33
Barra minn hekk, mill-premessa 7 tar-Regolament Nru 319/2006 jirriżulta li l-livell ta’ appoġġ individwali għad-dħul għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-appoġġ li l-bidwi jkun gawda minnu fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur taz-zokkor għal sena ta’ kummerċjalizzazzjoni waħda jew iktar li għandha tiġi ddeterminata mill-Istati Membri nnifishom.
34
Għal dan il-għan, l-Artikolu 143ba(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 jirreferi b’mod espliċitu għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2004/2005, 2005/2006 u 2006/2007 bħala l-perijodi li fosthom l-Istati Membri setgħu jagħżlu sabiex jiddeterminaw il-perijodu ta’ riferiment għall-għoti tal-PSZ. Barra minn hekk, kif ġustament issostni l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet tagħha, dan il-perijodu rappreżentattiv kellu jiġi ddeterminat b’mod definittiv mill-Istati Membri kkonċernati qabel it-30 ta’ April 2006.
35
F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija snin ta’ kummerċjalizzazzjoni jirrappreżentaw perijodu li matulu l-bdiewa kienu jibbenefikaw minn prezz ta’ appoġġ istituzzjonali għaz-zokkor Komunitarju.
36
Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-kuntest li jaqa’ fih l-Artikolu 126 tar-Regolament Nru 73/2009, għandu jiġi kkonstatat li mill-Anness I tar-Regolamenti Nru 1782/2003 u Nru 73/2009 jirriżulta b’mod ċar li l-PSZ huwa għajnuna għad-dħul intiża għall-bdiewa tal-Istati Membri l-ġodda li hija mogħtija bħala “pagament diżakkopjat [mifrud]”. Issa, fid-dawl tal-għan imfakkar fil-punt 30 tas-sentenza preżenti, tali pagamenti għandhom jinftehmu li huma pagamenti li l-ammont tagħhom huwa indipendenti mill-produzzjoni reali tal-bidwi. Dan huwa preċiżament il-każ meta l-ammont tal-PSZ huwa kkalkolat abbażi tal-produzzjoni ta’ perijodu storiku partikolari jew abbażi tal-erja użata għat-tkabbir tal-pitravi taz-zokkor użati għall-produzzjoni taz-zokkor matul tali perijodu.
37
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 126(1) tar-Regolament Nru 73/2009 ma jistax jiġi interpretat bħala li jirreferi, għall-għoti tal-PSZ, għal perijodu rappreżentattiv li ma huwiex wieħed mis-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni elenkati fl-Artikolu 143ba(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 u li kellu jintgħażel b’mod definittiv qabel it-30 ta’ April 2006 mill-Istati Membri kkonċernati skont din id-dispożizzjoni.
38
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 126(1) tar-Regolament Nru 73/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kriterji adottati mill-Istati Membri rilevanti fl-2006 u l-2007” jinkludi s-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li dawn l-Istati Membri kellhom jagħżlu qabel it‑30 ta’ April 2006 bħala perijodu rappreżentattiv għall-għoti tal-PSZ, taħt l-Artikolu 143ba(1) tar-Regolament Nru 1782/2003.
Fuq l-ispejjeż
39
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 126(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kriterji adottati mill-Istati Membri rilevanti fl-2006 u l-2007” jinkludi s-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li dawn l-Istati Membri kellhom jagħżlu qabel it‑30 ta’ April 2006 bħala perijodu rappreżentattiv għall-għoti tal-pagament separat għaz-zokkor, taħt l-Artikolu 143ba(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r‑Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001, kif emendat bir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 319/2006, tal-20 ta’ Frar 2006, (KE) Nru 2011/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 u (KE) Nru 2012/2006, tad-19 ta’ Diċembru 2006.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.
Top