SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appelli)
5 ta’ Lulju 2016 ( *1 )
“Appell — Servizz pubbliku — Ħatra — Proċedura ta’ selezzjoni u ta’ ħatra tad-direttur eżekuttiv ta’ aġenzija regolatorja — EMA — Preselezzjoni minn kumitat ta’ preselezzjoni — Ħatra mill-Bord Amministrattiv tal-EMA — Kompożizzjoni tal-kumitat ta’ preselezzjoni — Kumulu tal-funzjonijiet ta’ membru tal-kumitat ta’ preselezzjoni u ta’ membru tal-Bord Amministrattiv tal-EMA — Imparzjalità”
Fil-Kawża T‑26/15 P,
li għandha bħala suġġett appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Novembru 2014, Hristov vs Il‑Kummissjoni u L-EMA (F‑2/12, EU:F:2014:245), intiż għall-annullament parzjali ta’ din is-sentenza,
Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn J. Currall, N. Nikolova u S. Petrova, sussegwentement minn N. Nikolova u S. Petrova, bħala aġenti,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-proċedura huma
Emil Hristov, residenti f’Sofija (il-Bulgarija), irrappreżentat minn M. Ekimdzhiev, K. Boncheva u G. Chernicherska, avukati,
rikorrent fl-ewwel istanza,
u
L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), inizjalment irrappreżentata minn J. Currall, N. Nikolova u S. Petrova, sussegwentement minn N. Nikolova u S. Petrova, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appelli),
komposta minn M. Jaeger, President, H. Kanninen (Relatur) u M. van der Woude, Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1
Permezz tal-appell tagħha ppreżentat skont l-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Novembru 2014, Hristov vs Il-Kummissjoni u L-EMA (F‑2/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:F:2014:245), li permezz tagħha t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku annulla, b’mod partikolari, id-deċiżjoni tagħha tal-20 ta’ April 2011, li fiha hija pproponiet lill-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) lista ta’ erba’ kandidati rrakkomandati mill-kumitat ta’ preselezzjoni u kkonfermati mill-kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011”).
Il-fatti li wasslu għall-kawża
2
Il-fatti rilevanti li wasslu għall-kawża huma esposti b’dan il-mod fis-sentenza appellata:
“13
Fl-10 ta’ Diċembru 2009, is-Sur A, membru tal-Bord Amministrattiv tal-EMA, ġie nnominat minn dan tal-aħħar sabiex jirrappreżentah bħala osservatur fi ħdan il-kumitat ta’ preselezzjoni, skont il-punt 7.1 tal-Linji gwida [tal-Kummissjoni, tat-12 ta’ Jannar 2009, dwar is-selezzjoni u l-ħatra tad-diretturi tal-aġenziji regolatorji, tal-aġenziji eżekuttivi u tal-impriżi komuni]. Fuq il-bażi ta’ din l-istess dispożizzjoni, il-kumitat ta’ preselezzjoni għandu jkun ikkostitwit minn tliet uffiċjali f’pożizzjoni amministrattiva għolja fil-Kummissjoni li għandu jkollhom minn tal-inqas l-istess grad u l-istess livell ta’ funzjonijiet bħal dawk tad-direttur tal-EMA.
14
Fil-15 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti għall-pożizzjoni ta’ direttur eżekuttiv (grad AD 14) tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) (ĠU C 9 A, p. 1). Il-pożizzjoni proposta kienet pożizzjoni ta’ membru tal-persunal temporanju fil-grad AD 14 u t-terminu sabiex jiġi ppreżentat l-att ta’ kandidatura kien iffissat għas-17 ta’ Frar 2010. [E. Hristov] ippreżenta l-kandidatura tiegħu fis-16 ta’ Frar 2010.
15
Fil-31 ta’ Marzu 2010, il-kumitat ta’ preselezzjoni eżamina l-kandidaturi li kienu ġew ippreżentati, skont il-punt 7.2.1 tal-Linji gwida. F’dan il-kuntest, l-imsemmi kumitat qies li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ma kienx ingħata pubbliċità suffiċjenti. Sussegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li terġa’ tippubblika l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.
[…]
18
Fis-7 ta’ Ottubru 2010, iltaqa’ l-Bord Amministrattiv tal-EMA. Matul din il-laqgħa, li fiha pparteċipaw fost l-oħra is-Sur B u s-Sur C, fil-kwalità tagħhom, rispettivament, ta’ president u membru tal-Bord Amministrattiv u ta’ membru tal-Bord Amministrattiv, ġiet adottata d-deċiżjoni li tinbeda proċedura għas-selezzjoni tad-direttur eżekuttiv tal-EMA, deċiżjoni li kienet tistabbilixxi fid-dettall id-diversi stadji ta’ din il-proċedura u li kienet tindika li kellha tiġi ppubblikata fuq is-sit internet tal-EMA.
19
Fit-30 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni ppubblikat l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kontenzjuż. Il-kandidati kellhom jissodisfaw l-istess kriterji ta’ selezzjoni u ta’ eliġibbiltà bħal dawk previsti fl-avviż preċedenti ta’ pożizzjoni vakanti, ħlief għal kriterju ta’ selezzjoni wieħed. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel avviż ta’ pożizzjoni vakanti kienet jipprovdi li l-kandidati kellu jkollhom ‘esperjenza bil-provi fil-ġestjoni tal-persunal f’livell għoli f’ambjent multikulturali’, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kontenzjuż kien jeżiġi ‘esperjenza ppruvata fil-ġestjoni ta’ gruppi kbar ta’ persunal, f’livell għoli [filwaqt li l-]esperjenza miksuba f’ambjent multikulturali se tkun ikkunsidrata bħala vantaġġ’.
20
Permezz ta’ ittra elettronika mill-assistent kap tal-Unità tar-riżorsi umani tad-DĠ ‘Saħħa’, tat-3 ta’ Novembru 2010, [E. Hristov] kien informat bil-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kontenzjuż. F’din l-ittra, l-imsemmi assistent kap issuġġerixxa [lil E. Hristov] li jerġa’ jibgħat id-dokumenti ta’ sostenn li kien bagħat flimkien mal-att ta’ kandidatura tiegħu wara l-ewwel avviż ta’ pożizzjoni vakanti sabiex jaġġorna l-informazzjoni professjonali tiegħu, kif [E. Hristov] fil-fatt għamel permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Novembru 2010, li waslet għand il-Kummissjoni l-għada.
[…]
22
F’dan il-każ, il-kumitat ta’ preselezzjoni kien ikkostitwit minn president u minn tliet membri oħra. Il-funzjonijiet ta’ president tal-kumitat ta’ preselezzjoni kienu f’idejn id-Direttur Ġenerali tad-DĠ ‘Saħħa’, li, bħala d-Direttorat Ġenerali responsabbli għall-EMA, kien inkarigat sabiex jissorvelja l-attivitajiet tagħha. Fir-rigward tat-tliet membri l-oħra, tnejn kienu uffiċjali tad-DĠ ‘Saħħa’ u l-ieħor kien uffiċjali fid-Direttorat Ġenerali tar-riċerka u tal-innovazzjoni. Il-president tal-kumitat ta’ preselezzjoni, f’dan il-każ is-Sinjura D, u wieħed miż-żewġ uffiċjali tad-DĠ ‘Saħħa’ kienu wkoll membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA bħala rappreżentanti tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 726/2004.
23
Fit-12 ta’ Jannar 2011, il-kumitat ta’ preselezzjoni eżamina t-62 kandidaturi ppreżentati fir-rigward tal-pożizzjoni ta’ direttur eżekuttiv tal-EMA. Wara dan l-eżami, il-kumitat ta’ preselezzjoni ddeċieda li jistieden lil disa’ kandidati, fosthom lil [E. Hristov], għal intervista. Madankollu, wieħed minn dawn id-disa’ kandidati ġie eliminat mill-kumitat ta’ preselezzjoni qabel ma saritlu l-intervista.
24
Fit-8 ta’ Frar 2011, [E. Hristov], kif ukoll is-seba’ kandidati l-oħra magħżula, saritilhom intervista mal-kumitat ta’ preselezzjoni. F’din l-okkażjoni, il-kumitat uża t-tabella ta’ evalwazzjoni li kien ipprepara.
25
Wara dawn l-intervisti, it-tmien kandidati ngħataw marki fuq 100 u ġew ikklassifikati f’ordni axxendenti tal-marki mogħtija. [E. Hristov] kiseb l-iktar marka baxxa, jiġifieri 61 punti minn 100. Is-seba’ kandidati l-oħra kisbu bejn 69 u 85 punti minn 100.
26
Fis-7 ta’ Marzu 2011, il-kumitat ta’ preselezzjoni stabbilixxa r-rapport tiegħu, li kien jipprovdi informazzjoni fuq kull kandidat intervistat, u ddeċieda li jirrakkomanda l-kandidaturi tal-erba’ kandidati li kisbu l-aħjar riżultati (minn 75 sa 85 punti minn 100) […]
27
Wara li rċieva r-rapport tal-kumitat ta’ preselezzjoni, il-kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem il-‘KKĦ’) eżamina, min-naħa tiegħu, l-inkartamenti tat-62 kandidaturi li kienu ġew ippreżentati għall-pożizzjoni ta’ direttur eżekuttiv tal-EMA. Fi tmiem dan l-eżami, il-KKĦ ħareġ, fl-14 ta’ Marzu 2011, l-opinjoni preliminari prevista fil-punt 8.2.1 tal-Linji gwida. Skont l-opinjoni preliminari tal-KKĦ, l-erba’ kandidati rrakkomandati mill-kumitat ta’ preselezzjoni biss kellhom jiġu mistiedna għall-intervisti fiċ-ċentri ta’ evalwazzjoni kif ukoll għal intervista mal-KKĦ. Permezz ta’ ittra tal-istess data, is-segretarju li kien qiegħed jaġixxi bħala l-KKĦ informa [lil E. Hristov] li l-KKĦ kien iddeċieda li jimxi mal-opinjoni tal-kumitat ta’ preselezzjoni, fis-sens li kandidati oħra kien irnexxielhom jissodifaw aħjar il-kompetenzi u l-esperjenza meħtieġa mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kontenzjuż, u, għaldaqstant, li ma jistidnux għal intervista.
28
Wara li ppreżentaw ruħhom għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni, l-erba’ kandidati rrakkomandati mill-kumitat ta’ preselezzjoni ġew mistiedna għal intervista mal-KKĦ, li saret fis-7 ta’ April 2011. Fl-istess jum, il-KKĦ ħareġ opinjoni fis-sens li fil-fehma tiegħu l-erba’ kandidati rrakkomandati mill-kumitat ta’ preselezzjoni kienu effettivament jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġu eżerċitati l-funzjonijiet ta’ direttur eżekuttiv tal-EMA.
29
Il-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għas-saħħa u għall-protezzjoni tal-konsumaturi (iktar ’il quddiem il-‘Kummissarju responsabbli’) kellu intervista mal-erba’ kandidati rrakkomandati mill-kumitat ta’ preselezzjoni u mill-KKĦ. Sussegwentement, id-DĠ ‘Riżorsi umani u sigurtà’ ppropona lill-Membri tal-Kummissjoni, bil-kunsens tal-president tal-Kummissjoni u tal-Kummissarju responsabbli, li jirrakkomandaw dawn l-erba’ kandidati lill-Bord Amministrattiv tal-EMA.
30
Fl-20 ta’ April 2011, il-Kummissjoni ħadet formalment id-deċiżjoni li tipproponi lill-Bord Amministrattiv tal-EMA lista kkostitwita mill-erba’ kandidati rrakkomandati mill-kumitat ta’ preselezzjoni u mill-KKĦ […].
31
Fil-5 ta’ Mejju 2011, il-Bord Amministrattiv tal-EMA żamm laqgħa straordinarja bil-għan li jintgħażel id-direttur eżekuttiv il-ġdid tal-EMA. Matul din il-laqgħa, il-proċedura ta’ selezzjoni tad-direttur eżekuttiv, li kienet ġiet adottata fis-7 ta’ Ottubru 2010, ġiet emendata u l-erba’ kandidati proposti mill-Kummissjoni ġew intervistati. Peress li ma setax jintlaħaq ftehim dwar isem wieħed, ġie deċiż li l-Bord Amministrattiv tal-EMA kellu jiltaqa’ mill-ġdid fix-xahar li jmiss sabiex ikun jista’ jintgħażel kandidat minn fost l-erba’ kandidati proposti mill-Kummissjoni.
32
Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Mejju 2011, irreġistrata mill-Kummissjoni fid-9 ta’ Ġunju 2011, [E. Hristov] ippreżenta lment ‘kontra l-mod kif il-kompetizzjoni [kienet] żvolġiet [quddiem il-Kummissjoni]’.
33
Fit-8 ta’ Ġunju 2011, il-Bord Amministrattiv tal-EMA għażel lis-Sur C sabiex jeżerċita l-funzjonijiet ta’ direttur eżekuttiv tal-EMA.
34
Fit-13 ta’ Lulju 2011, is-Sur C ġie intervistat mill-kumitat għall-ambjent, għas-saħħa pubblika u għas-sigurtà tal-ikel tal-Parlament.
35
Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Settembru 2011, il-president tal-Parlament informa lill-EMA li, wara l-intervista li s-Sur C kellu mal-kumitat imsemmi iktar ’il fuq, il-Parlament kien qiegħed jaċċetta l-ħatra tas-Sur C bħala d-direttur eżekuttiv il-ġdid tal-EMA.
36
Permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2011 ġie miċħud l-ilment [ta’ E. Hristov] imressaq permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Mejju 2011.
37
Permezz ta’ deċiżjoni adottata wkoll fis-6 ta’ Ottubru 2011, il-Bord Amministrattiv tal-EMA ħatar lis-Sur C bħala direttur eżekuttiv (iktar ’il quddiem id-‘deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tas-6 ta’ Ottubru 2011’).
38
Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Jannar 2012, mibgħuta l-istess jum permezz ta’ faks u permezz ta’ ittra postali, [E. Hristov] ippreżenta lment quddiem l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tal-EMA kontra d-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tas-6 ta’ Ottubru 2011.
39
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid-9 ta’ Jannar 2012, [E. Hristov] talab, bħala miżura provviżorja, is-sospensjoni tad-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tas-6 ta’ Ottubru 2011. Din it-talba għal miżura provviżorja ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Marzu 2012, Hristov vs Il‑Kummissjoni u L-EMA (F‑2/12 R, EU:F:2012:35).
40
L-ilment tas-6 ta’ Jannar 2012 ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ tal-EMA tas-16 ta’ Mejju 2012.”
Il-proċedura fl-ewwel istanza u s-sentenza appellata
3
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid‑9 ta’ Jannar 2012 u rreġistrat bin-numru F‑2/12, Emil Hristov ippreżenta rikors intiż, b’mod partikolari, minn naħa, għall-annullament, l-ewwel nett, tad-deċiżjoni tal-kumitat ta’ preselezzjoni li tistabbilixxi lista ta’ erba’ kandidati, li ma kienx inkluż fiha, it-tieni nett, tad-deċiżjoni tal-kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem il-“KKĦ”) tal-14 ta’ Marzu 2011 li jissejħu għal intervista biss l-erba’ kandidati inklużi fil-lista tal-kumitat ta’ preselezzjoni, it-tielet nett, tad-deċiżjoni tal-KKĦ tas-7 ta’ April 2011 li jimxi mar-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat ta’ preselezzjoni, ir-raba’ nett, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011, il-ħames nett, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2011 li tiċħad l-ilment tas-27 ta’ Mejju 2011, is-sitt nett, tad-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tas-6 ta’ Ottubru 2011 li taħtar lis-Sur C fil-pożizzjoni ta’ direttur eżekuttiv tal-EMA, u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-dannu morali allegatament imġarrab minħabba l-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet u, fl-aħħar nett, għall-organizzazzjoni ta’ “kompetizzjoni” ġdida li tosserva l-proċeduri legali.
4
It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad bħala inammissibbli, minn naħa, it-talba għall-organizzazzjoni ta’ “kompetizzjoni” ġdida, sa fejn din kienet tikkostitwixxi talba għal ordni, u, min-naħa l-oħra, it-talba ta’ E. Hristov għall-annullament tal-atti preparatorji għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011, jiġifieri d-deċiżjoni tal-kumitat ta’ preselezzjoni li tistabbilixxi lista ta’ erba’ kandidati, iż-żewġ deċiżjonijiet tal-KKĦ tal-14 ta’ Marzu 2011 u tas-7 ta’ April 2011 (punti 58 sa 63 tas-sentenza appellata). It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda wkoll li t-talba intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tas-6 ta’ Ottubru 2011 kienet inammissibbli sa fejn kienet indirizzata kontra l-Kummissjoni, peress li din tal-aħħar ma kinitx l-awtur ta’ din id-deċiżjoni (punt 69 tas-sentenza appellata).
5
Barra minn hekk, il-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2011 li tiċħad l-ilment tas-27 ta’ Mejju 2011 tinkludi numru ta’ preċiżazzjonijiet fir-rigward tal-atti preparatorji għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011, kif ukoll il-motivazzjoni li fuq il-bażi tagħha l-Kummissjoni adottat din id-deċiżjoni tal-aħħar. Għaldaqstant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li kellu jeżamina t-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011, kif ippreċiżata permezz tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Ottubru 2011 li tiċħad l-ilment tas-27 ta’ Mejju 2011 (punt 68 tas-sentenza appellata).
6
Insostenn tat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011, E. Hristov invoka erba’ motivi. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li l-ewwel motiv kellu jinftiehem fis-sens li kien ibbażat fuq ksur tar-regoli dwar il-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ preselezzjoni, fejn l-ewwel parti tiegħu kienet ibbażata fuq il-ħatra tal-membri ta’ dan il-kumitat f’numru biż-żewġ filwaqt li t-tieni waħda kienet ibbażata fuq il-kumulu tal-funzjonijiet ta’ membru tal-Bord Amministrattiv tal-EMA u ta’ membru tal-kumitat ta’ preselezzjoni.
7
It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku eżamina fl-ewwel lok it-tieni parti tal-ewwel motiv u laqagħha b’dan il-mod:
“81
Fil-qasam ta’ kompetizzjonijiet, ġie deċiż li s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-modalitajiet u tal-kontenut iddettaljat tal-eżamijiet orali li għalihom ikunu suġġetti l-kandidati għandha tiġi kkumpensata permezz ta’ osservanza skrupluża tar-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ dawn l-eżamijiet (sentenzi Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑92/01, EU:T:2002:220, punt 24, u Christensen vs Il‑Kummissjoni, T‑336/02, EU:T:2005:115, punt 38).
82
Skont ġurisprudenza stabbilita, Bord tal-Għażla huwa meħtieġ jiggarantixxi li l-evalwazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-kandidati eżaminati kollha, matul l-eżamijiet orali, isiru f’kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza u ta’ oġġettività (sentenza Pantoulis vs Il‑Kummissjoni, T‑290/03, EU:T:2005:316, punt 90).
83
Għalkemm huwa minnu li, f’dan il-każ, il-kumitat ta’ preselezzjoni ma huwiex Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni u li l-opinjoni tiegħu la hija vinkolanti għall-KKĦ u lanqas għall-Kummissjoni, xorta jibqa’ l-fatt li din il-ġurisprudenza tista’ tiġi applikata f’din il-kawża peress li l-kumitat ta’ preselezzjoni kellu l-għan, bħalma jagħmel Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni, li jagħżel l-aħjar kandidati minn fost dawk li ppreżentaw il-kandidatura tagħhom wara l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kontenzjuż u kellu marġni ta’ manuvra wiesa’ fl-organizzazzjoni tal-eżamijiet ta’ preselezzjoni (ara, fir-rigward ta’ bord ta’ selezzjoni għal reklutaġġ intern, is-sentenza CG vs BEI, F‑115/11, EU:F:2014:187, punt 60).
84
Għaldaqstant, il-Kummissjoni, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament, kellha tiżgura l-organizzazzjoni tajba tal-ewwel stadju tal-proċedura ta’ selezzjoni li kellu jiżvolġi quddiem il-kumitat ta’ preselezzjoni. Dan kien jeħtieġ li l-membri kollha tal-kumitat ta’ preselezzjoni, innominati mill-Kummissjoni, ikollhom l-indipendenza neċessarja sabiex ma jkunx jista’ jkun hemm dubju dwar l-oġġettività tagħhom (ara s-sentenza CG vs BEI, EU:F:2014:187, punt 61).
85
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li miegħu huwa marbut l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’attenzjoni u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami, huwa stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li, mid-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Diċembru 2009, tat-Trattat ta’ Lisbona, għandha l-istess valur legali bħat-Trattati, u li fl-Artikolu 41 tagħha, intitolat ‘Id-dritt għal amministrazzjoni tajba’, tipprovdi li kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni.
86
Għaldaqstant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jivverifika jekk il-kumitat ta’ preselezzjoni kienx ikkostitwit u ffunzjonax b’mod regolari, b’osservanza b’mod partikolari tad-dmir ta’ imparzjalità tiegħu, liema dmir jikkostitwixxi waħda mir-regoli li għalihom hija suġġetta l-ħidma tal-Bordijiet tal-Għażla ta’ kompetizzjoni, u, b’analoġija, il-ħidma tal-kumitati ta’ preselezzjoni, u li huma suġġetti għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni (ara, fir-rigward tal-Bordijiet tal-Għażla ta’ kompetizzjoni, id-digriet Meierhofer vs Il‑Kummissjoni, F‑74/07 RENV, EU:F:2011:63, punt 62).
87
Fil-każ ineżami, minn naħa, mill-punt 7.2 tal-Linji gwida jirriżulta li l-kumitat ta’ preselezzjoni għandu jibda l-proċedura ta’ selezzjoni billi jeżamina, bl-għajnuna ta’ check-list, jekk il-kandidati jissodisfawx il-kriterji ta’ eliġibbiltà u mbagħad, fuq il-bażi tal-kriterji ta’ selezzjoni inklużi fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, għandu jistabbilixxi tabella ta’ evalwazzjoni li tippermettilu jqabbel il-profil tal-kandidati mal-profil mixtieq u mal-kompetenzi speċifiċi mitluba fl-imsemmi avviż. Fi tmiem din l-evalwazzjoni, il-kumitat ta’ preselezzjoni għandu jadotta lista inizjali ta’ kandidati preselezzjonati li fil-fehma tiegħu jikkorrispondu l-iktar mal-profil mixtieq u għandu jsejħilhom għal intervista. Wara l-intervisti, il-kumitat ta’ preselezzjoni għandu jittrażmetti lill-KKĦ rapport komplet li jinkludi l-informazzjoni dwar kull intervista, evalwazzjoni kwalitattiva tal-kandidati kollha, kemm jekk ikunu ġew intervistati u kemm jekk le, kif ukoll abbozz ta’ lista tal-kandidati meqjusa li huma l-iktar ikkwalifikati. Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 726/2004 u mill-punt 10.3 tal-Linji gwida jirriżulta li l-Bord Amministrattiv tal-EMA huwa meħtieġ, min-naħa tiegħu, li jagħżel id-direttur eżekuttiv minn fost il-kandidati proposti mill-Kummissjoni.
88
Għaldaqstant, il-kumitat ta’ preselezzjoni huwa kompetenti sabiex jirrakkomanda diversi kandidati lill-KKĦ, filwaqt li l-Bord Amministrattiv tal-EMA huwa responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar il-ħatra tad-direttur eżekuttiv tal-EMA.Dan ifisser li l-kwistjoni li tqum hija dik ta’ jekk is-Sinjura D u s-Sur E, li kienu kemm membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni, l-entità li tagħmel il-proposta, u kif ukoll membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA, l-entità li tieħu d-deċiżjoni, osservawx id-dmir ta’ imparzjalità tagħhom fid-dawl tal-kompetenzi ferm distinti tal-kumitat ta’ preselezzjoni u tal-Bord Amministrattiv tal-EMA.
89
F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li, għalkemm huwa minnu li l-abbozz ta’ lista tal-kandidati rrakkomandati mill-kumitat ta’ preselezzjoni ma huwiex vinkolanti la għall-KKĦ u lanqas għall-Kummissjoni, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-abbozz ta’ lista kif ukoll l-evalwazzjoni kwalitattiva tal-kandidati kollha li l-kumitat ta’ preselezzjoni jinkludi fir-rapport tiegħu għandhom importanza reali għas-segwitu tal-proċedura ta’ preselezzjoni sa fejn, minn naħa, il-KKĦ huwa obbligat joħodhom inkunsiderazzjoni u sa fejn, min-naħa l-oħra, il-Kummissarju responsabbli jintervista, skont il-punt 8.3 tal-Linji gwida, biss lill-kandidati li jkunu ntgħażlu mill-KKĦ fl-opinjoni finali tiegħu. Għaldaqstant, ma jistax jiġi nnegat li l-kumitat ta’ preselezzjoni jeżerċita influwenza determinanti fuq il-lista finali tal-kandidati proposti mill-Kummissjoni lill-Bord Amministrattiv tal-EMA.
90
Bl-istess mod, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata, minn naħa, li l-membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni li jkunu wkoll membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA ser ikunu jistgħu jivvotaw, matul il-laqgħa tal-Bord Amministrattiv, personalment jew permezz tas-sostitut tagħhom, favur il-ħatra ta’ wieħed mill-kandidati magħżula mill-Kummissjoni. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva, min-naħa l-oħra, li l-membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA jista’ jkollhom rwol partikolarment importanti matul id-deliberazzjonijiet tal-Bord Amministrattiv, irrispettivament minn jekk jeżerċitawx jew le d-dritt ta’ vot tagħhom, u li fi kwalunkwe każ dawn jinsabu f’kuntatt dirett mal-membri l-oħra tal-Bord Amministrattiv.
91
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-kumulu tal-funzjonijiet ta’ membru tal-kumitat ta’ preselezzjoni flimkien mal-funzjonijiet ta’ membru tal-Bord Amministrattiv tal-EMA huwa ta’ natura li jikkomprometti l-indipendenza u l-oġġettività tal-persuni kkonċernati minn dan il-kumulu ta’ funzjonijiet.
92
Għaldaqstant, mingħajr ma tittieħed pożizzjoni dwar il-kontenut tad-dibattiti li saru bejn il-membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni u dwar il-pożizzjonijiet meħuda mid-diversi membri ta’ dan il-kumitat, inkluż mis-Sinjura D u mis-Sur E, għandu jiġi konkluż li s-Sinjura D u s-Sur E, minħabba s-sempliċi fatt li poġġew fil-kumitat ta’ preselezzjoni, kisru d-dmir ta’ imparzjalità tagħhom. Għaldaqstant, sa fejn kull wieħed mill-membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni għandu jkollu l-indipendenza neċessarja sabiex ma tkunx tista’ tiġi kompromessa l-oġġettività tal-kumitat ta’ preselezzjoni fl-intier tiegħu, għandu jitqies li ġie miksur id-dmir ta’ imparzjalità tal-kumitat ta’ preselezzjoni fl-intier tiegħu.
93
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argumenti tal-Kummissjoni.
94
L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument fis-sens li l-membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA li kienu nħatru bħala membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni ma kinux qegħdin jirrappreżentaw lill-Bord Amministrattiv tal-EMA fi ħdan il-kumitat ta’ preselezzjoni u ma kinux qegħdin jaġixxu f’ismu, peress li l-Bord Amministrattiv tal-EMA huwa effettivament irrappreżentat fil-kumitat ta’ preselezzjoni permezz tal-osservatur, f’dan il-każ is-Sur A, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-parteċipazzjoni tas-Sur A bħala osservatur fil-ħidma tal-kumitat ta’ preselezzjoni ma hijiex qiegħda tiġi kkontestata [minn E. Hristov]. Issa, kif ġie deċiż fil-punt 92 [iktar ’il fuq], is-sempliċi fatt li s-Sinjura D u s-Sur E, li t-tnejn li huma huma membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA, kienu poġġew fil-kumitat ta’ preselezzjoni kkostitwixxa ksur tad-dmir ta’ imparzjalità tagħhom. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li s-Sinjura D ipparteċipat fil-laqgħat tal-Bord Amministrattiv tal-EMA tal-5 ta’ Mejju u tat-8 ta’ Ġunju 2011 li kellhom bħala s-suġġett tagħhom il-ħatra tad-direttur eżekuttiv il-ġdid tal-EMA u li hija għalhekk ipparteċipat fl-intervista tal-erba’ kandidati proposti mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011, kif ukoll fid-dibattiti li wasslu għal-ħatra tas-Sur C. Dan il-fatt juri li [E. Hristov] kellu raġun jiddubita dwar l-imparzjalità li biha s-Sinjura D ppresjediet il-ħidma tal-kumitat ta’ preselezzjoni.
95
It-tieni nett, lanqas ma jista’ jintlaqa’ l-argument tal-Kummissjoni fis-sens li l-fatt li kienu biss żewġ membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA, mit-35 membru li jikkostitwixxuh, li kienu wkoll membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni ma jippermettix li jiġi sostnut li l-evalwazzjoni tal-kumitat ta’ preselezzjoni kienet ġiet issostitwita b’dik tal-membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA. Fil-fatt, anki jekk jitqies li la s-Sinjura D u lanqas is-Sur E ma kienu pparteċipaw fil-laqgħat tal-Bord Amministrattiv tal-EMA tal-5 ta’ Mejju u tat-8 ta’ Ġunju 2011, xorta jibqa’ l-fatt li dawn ipparteċipaw fil-laqgħat tal-kumitat ta’ preselezzjoni u setgħu, bħala membri ta’ dan il-kumitat, jeżerċitaw influwenza fuq l-evalwazzjoni ta’ kull wieħed mill-kandidati min-naħa tal-membri l-oħra tal-kumitat ta’ preselezzjoni.
96
Għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tal-Kummissjoni fis-sens li l-ħatra tas-Sinjura D u tas-Sur E bħala membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni kienet oġġettivament iġġustifikata u anki neċessarja sa fejn kienu t-tnejn li huma esperti f’dan il-qasam. Fil-fatt, kif il-Kummissjoni rrikonoxxiet matul is-seduta, ma kienx impossibbli li jinħatru, sabiex jifformaw parti mill-kumitat ta’ preselezzjoni, esperti li ma kinux membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA. Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li l-Linji gwida jippermettu li jiġi evitat li membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni jkunu wkoll membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA. Fil-fatt, il-punt 7.1 tal-Linji gwida, minn naħa, jippermetti lid-Direttorat Ġenerali responsabbli jagħżel il-membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni minn fost diversi uffiċjali f’pożizzjoni ta’ amministrazzjoni għolja billi jipprovdi li l-kumitat ta’ preselezzjoni għandu jkun ikkostitwit mid-Direttur Ġenerali jew mill-assistent Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali responsabbli, minn direttur tad-Direttorat Ġenerali responsabbli u minn direttur ta’ Direttorat Ġenerali ieħor. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi wkoll li l-membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni għandhom jinħatru ‘[b]ħala regola ġenerali’ minn fost l-uffiċjali msemmija iktar ’il fuq. Għaldaqstant, jekk jirriżulta, bħalma huwa l-każ hawnhekk, li l-persuni elenkati fil-punt 7.1 tal-Linji gwida, jiġifieri d-Direttur Ġenerali, l-assistent Direttur Ġenerali u direttur tad-Direttorat Ġenerali responsabbli, ikunu diġà membri tal-Bord Amministrattiv tal-aġenzija kkonċernata, persuni oħra jistgħu jinħatru bħala membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni.
97
Bl-istess mod, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni fis-sens li ebda regola ma tipprojbixxi lill-membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA milli jinħatru bħala membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni. Fil-fatt, il-kumulu ta’ dawn iż-żewġ funzjonijiet fl-istess persuna jikkostitwixxi ksur, bħalma għadu kemm ikkonstata t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tad-dmir ta’ imparzjalità tal-kumitat ta’ preselezzjoni u għalhekk imur kontra l-Artikolu 41 tal-Karta.
98
Fl-aħħar nett, lanqas ma jista’ jirnexxi l-argument tal-Kummissjoni fis-sens li l-Artikolu 11a tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi garanzija tal-imparzjalità tal-membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li, skont l-Artikolu 11a tar-Regolamenti tal-Persunal, kull uffiċjal huwa obbligat jastjeni milli jittratta każ li fih ikollu interess personali ta’ natura li jikkomprometti l-indipendenza tiegħu u għalkemm huwa minnu li mill-proċess jirriżulta li s-Sur A kif ukoll membru tal-kumitat ta’ preselezzjoni ma pparteċipawx f’intervista ma’ kandidat, xorta waħda jibqa’ fatt li s-Sinjura D u s-Sur E, minkejja l-Artikolu 11a tar-Regolamenti tal-Persunal, ma oġġezzjonawx għall-ħatra tagħhom bħala membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni, li pparteċipaw fl-intervisti kollha mal-kandidati u li, fir-rigward tas-Sinjura D, hija ma indikatx, skont l-Artikolu 11(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Amministrattiv, l-eżistenza min-naħa tagħha ta’ interess li seta’ jkun ta’ preġudizzju għall-indipendenza tagħha matul il-laqgħat tal-Bord Amministrattiv tal-EMA tal-5 ta’ Mejju u tat-8 ta’ Ġunju 2011.
99
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq kumulu tal-funzjonijiet ta’ membru tal-Bord Amministrattiv tal-EMA u ta’ membru tal-kumitat ta’ preselezzjoni, għandha tiġi ddikjarata fondata.”
8
It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonkluda li t-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011 kellhom jintlaqgħu, mingħajr ma kien meħtieġ li jiġu eżaminati l-ewwel parti tal-ewwel motiv u l-motivi l-oħra invokati insostenn tat-talbiet għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni (punt 100 tas-sentenza appellata).
9
Fir-rigward tat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tas-6 ta’ Ottubru 2011, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku osserva li l-imsemmi bord amministrattiv seta’ jaħtar bħala direttur eżekuttiv tal-EMA biss wieħed mill-kandidati inklużi fil-lista adottata permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011. Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fakkar li din id-deċiżjoni tal-aħħar kellha tiġi annullata u li, għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tas-6 ta’ Ottubru 2011 kellha tiġi annullata wkoll (punt 101 tas-sentenza appellata).
10
Fir-rigward tat-talbiet għad-danni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħadhom peress li qies li kull dannu morali li E. Hristov seta’ ġarrab minħabba l-illegalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011 u tad-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tas-6 ta’ Ottubru 2011 kien irrimedjat b’mod adegwat u suffiċjenti permezz tal-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet (punti 105 sa 108 tas-sentenza appellata).
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u t-talbiet tal-partijiet
11
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni ppreżentat l-appell ineżami.
12
Fit-3 ta’ April 2015, E. Hristov ippreżenta r-risposta.
13
Fil-5 ta’ Mejju 2015, il-President tal-Awla tal-Appelli, fuq il-bażi tal-Artikolu 143(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, awtorizza lill-Kummissjoni tippreżenta replika.
14
Il-Kummissjoni ppreżentat ir-replika tagħha fit-12 ta’ Ġunju 2015 u E. Hristov ippreżenta l-kontroreplika tiegħu fit-28 ta’ Lulju 2015.
15
Il-fażi bil-miktub tal-proċedura ngħalqet fit-28 ta’ Lulju 2015.
16
Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appelli) ikkonstatat li ebda talba għaż-żamma ta’ seduta ma kienet tressqet mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, kif prevista fl-Artikolu 207(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 207(2) tal-imsemmija Regoli, li taqta’ l-kawża mingħajr fażi orali tal-proċedura.
17
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza appellata;
—
tibgħat lura l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex dan jiddieċiedi dwar il-motivi l-oħra;
—
tirriżerva l-ispejjeż.
18
Fir-rikors tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tippreċiża li l-appell tagħha huwa indirizzat kontra l-punti 81 sa 98 tas-sentenza appellata, li jissostanzjaw il-punt 1 tad-dispożittiv ta’ dik is-sentenza, li permezz tiegħu ġiet annullata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011, għalkemm il-Kummissjoni tindika li dan l-annullament ser jimplika neċessarjament l-annullament tal-punt 2 tal-istess dispożittiv, li jannulla d-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tal-EMA tas-6 ta’ Ottubru 2011.
19
E. Hristov jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiċħad l-appell;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u tal-proċedura kontenzjuża.
Fuq l-appell
20
Għandu jitqies li, permezz tal-appell tagħha, sa fejn tiddikjara li huwa indirizzat kontra l-punti 81 sa 98 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza appellata sa fejn tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011, li permezz tagħha l-Kummissjoni pproponiet lill-Bord Amministrattiv tal-EMA lista ta’ erba’ kandidati.
21
Insostenn tal-appell il-Kummissjoni tinvoka tliet aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 30 u tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), tal-prinċipji ta’ imparzjalità u ta’ amministrazzjoni tajba u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. It-tieni u t-tielet aggravji, invokati b’mod sussidjarju, huma bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn, rispettivament, minn naħa, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku allegatament naqas milli jivverifika jekk, fl-assenza tal-ksur invokat, il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata kienx ikun differenti u, min-naħa l-oħra, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku allegatament naqas milli jibbilanċja l-interessi inkwistjoni u milli jillimita l-effetti tas-sentenza appellata.
22
Fl-ewwel lok għandu jiġi eżaminat l-ewwel aggravju.
L-argumenti tal-partijiet
23
Il-Kummissjoni essenzjalment takkuża lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku talli ddeċieda li kienet kisret il-prinċipju ta’ imparzjalità u ta’ amministrazzjoni tajba, fuq il-bażi ta’ sempliċi preżunzjoni ta’ parzjalità min-naħa ta’ persuna waħda, is-Sinjura D, għas-sempliċi raġuni li din kienet poġġiet fil-kumitat ta’ preselezzjoni meta kienet membru tal-Bord Amministrattiv tal-EMA.
24
Skont il-Kummissjoni, il-parzjalità fir-rigward ta’ persuna waħda ma tistax tiġi preżunta, iżda għandha tiġi stabbilita “fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti”, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza u, b’mod partikolari, mis-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, CG vs BEI (F‑115/11, EU:F:2014:187, punt 65). Dan ir-rekwiżit, li huwa meħtieġ għal membru ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni li jeżerċita setgħa diskrezzjonali veritabbli, għandu jkun meħtieġ ukoll għal membru ta’ kumitat ta’ preselezzjoni li sempliċement jagħti opinjoni. Issa, tali indizji ma kinux jeżistu f’dan il-każ. Barra minn hekk, matul is-seduta fil-proċedura tal-ewwel istanza, E. Hristov indika li huwa ma kienx jaf lis-Sinjura D u li huwa għalhekk ma kellux relazzjonijiet ħżiena magħha.
25
Il-Kummissjoni żżid li l-punt 88 tas-sentenza appellata jista’ jiġi interpretat fis-sens li jagħti x’jifhem li żewġ uffiċjali tal-Kummissjoni, is-Sinjura D u s-Sur E, kienu poġġew fil-kumitat ta’ preselezzjoni u kienu t-tnejn li huma vvotaw fi ħdan il-Bord Amministrattiv tal-EMA. Issa, dan ma huwiex il-każ peress li s-Sur E kien is-sostitut tas-Sinjura D u għalhekk ma setax jivvota fil-Bord Amministrattiv tal-EMA fl-istess ħin bħas-Sinjura D.
26
Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-preżunzjoni ta’ parzjalità, magħmula fil-punti 91 u 92 tas-sentenza appellata, hija bbażata fuq diversi żbalji ta’ liġi.
27
L-ewwel żball jikkonsisti fl-assimilazzjoni, fil-punti 81 sa 84 tas-sentenza appellata, tal-kumitat ta’ preselezzjoni ma’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni. Issa, f’dan il-każ, peress li ma kienx involut ir-reklutaġġ ta’ uffiċjal, la l-Artikolu 30 u lanqas l-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal ma kienu applikabbli. Skont il-Kummissjoni, huwa biss l-Artikolu 12 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea li kien applikabbli f’dan il-każ sa fejn kien involut ir-reklutaġġ ta’ membru tal-persunal temporanju, liema artikolu ma jipprevedi l-ebda proċedura partikolari għar-reklutaġġ tal-membri tal-persunal temporanju. Il-Kummissjoni tammetti li l-proċedura ta’ reklutaġġ tal-membri tal-persunal temporanju għandha tkun oġġettiva u imparzjali. Madankollu, hija ssostni li, fir-rigward tal-membri tal-persunal temporanju, l-obbligu ta’ imparzjalità u ta’ oġġettività ma jistax ikun ibbażat fuq l-Artikolu 30 u l-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal.
28
L-assimilazzjoni tal-kumitat ta’ preselezzjoni ma’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni hija wkoll żbaljata sa fejn il-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni, li jeżerċita setgħa diskrezzjonali veritabbli b’indipendenza sħiħa u li d-deċiżjonijiet tiegħu ma jistgħux jiġu emendati mill-Awtorità tal-Ħatra, huwa differenti mill-kumitat ta’ preselezzjoni, li huwa organu purament konsultattiv u li d-deċiżjonijiet tiegħu ma jorbtux lill-awtorità li tadotta d-deċiżjoni. Il-Kummissjoni targumenta li, fi kwalunkwe każ, fir-rigward ta’ dan il-punt, is-sentenza appellata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni.
29
Il-Kummissjoni tkompli billi tikkritika l-punt 85 tas-sentenza appellata li jipprovdi li d-dmir ta’ imparzjalità jagħmel parti mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li jinsab fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Skont il-Kummissjoni, il-grad ta’ dispożizzjoni fil-ġerarkija tan-normi ma huwiex biżżejjed sabiex jispjega għalfejn din id-dispożizzjoni tapplika għaċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ineżami. Fi kwalunkwe każ, il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba ma huwiex motiv ta’ annullament rilevanti.
30
Il-Kummissjoni ssostni li żball ta’ liġi jirriżulta mill-punt 89 tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ammetta l-ewwel nett, ġustament, li l-opinjoni tal-kumitat ta’ preselezzjoni ma kinitx vinkolanti, la għall-KKĦ u lanqas għall-Kummissjoni, iżda mbagħad ikkonkluda li l-kumitat ta’ preselezzjoni “[kien] jeżerċita influwenza determinanti fuq il-lista finali tal-kandidati proposti mill-Kummissjoni lill-Bord Amministrattiv tal-EMA”. Din il-kontradizzjoni tikkostitwixxi żball ta’ liġi, jekk mhux ukoll żnaturament tal-provi jew kontradizzjoni ta’ motivazzjoni.
31
Fir-rigward tal-punt 90 tas-sentenza appellata, li jipprovdi li l-membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA li poġġew fil-kumitat ta’ preselezzjoni kellhom rwol partikolarment importanti fid-diskussjonijiet fi ħdan l-imsemmi Bord Amministrattiv, dan huwa vvizzjat minn nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma pprovda l-ebda spjegazzjoni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, l-affermazzjoni li tinsab fil-punt 90 tas-sentenza appellata ma hija bbażata fuq l-ebda prova.
32
Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Kummissjoni tqis li l-konklużjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punti 91 u 92 tas-sentenza appellata, minbarra li ma hijiex immotivata b’mod korrett, hija manifestament legalment żbaljata.
33
L-ewwel nett, E. Hristov isostni li, sa fejn, minn naħa, l-eżistenza ta’ kunflitt personali bejn is-Sinjura D u bejnu ma ġietx allegata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u sa fejn, min-naħa l-oħra, dan l-aspett ma ġiex eżaminat fis-sentenza appellata, dan l-element fattwali mqajjem mill-Kummissjoni ma huwiex rilevanti għall-eżami tat-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali.
34
It-tieni nett, E. Hristov jindika li l-preċiżjoni magħmula mill-Kummissjoni fis-sens li, għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li jirriżulta mis-sentenza appellata, is-Sur E ma setax jivvota fl-istess ħin bħas-Sinjura D matul il-laqgħat tal-Bord Amministrattiv tal-EMA, peress li kien is-sostitut tagħha meta kienet tkun assenti, lanqas ma hija rilevanti għat-tilwima. E. Hristov josserva li, kif jirriżulta mill-punti 90 u 95 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku silet il-konklużjonijiet tiegħu stess fir-rigward tal-ksur tar-rekwiżit ta’ imparzjalità, irrispettivament mill-kwistjoni ta’ jekk is-Sur E u s-Sinjura D kinux jeżerċitaw id-dritt ta’ vot tagħhom fi ħdan il-Bord Amministrattiv tal-EMA u jekk kinux ipparteċipaw flimkien għal-laqgħat tal-Bord Amministrattiv tal-5 ta’ Mejju u tat-8 ta’ Ġunju 2011. Barra minn hekk, mill-punt 94 tas-sentenza appellata jirriżulta li kienet biss is-Sinjura D li pparteċipat għal-laqgħat tal-Bord Amministrattiv tal‑5 ta’ Mejju u tat-8 ta’ Ġunju 2011.
35
Barra minn hekk, E. Hristov ifakkar li l-ksur tal-prinċipji ta’ imparzjalità u ta’ amministrazzjoni tajba jirriżulta mill-fatt, li ma huwiex ikkontestat mill-partijiet, li tnejn mill-erba’ membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni kienu wkoll membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi stabbilit li l-kumulu ta’ dawn iż-żewġ kwalitajiet kien influwenza l-aġir tas-Sinjura D u tas-Sur E u d-deċiżjonijiet tagħhom matul il-proċedura ta’ selezzjoni, u mingħajr ma huwa meħtieġ li tittieħed pożizzjoni dwar il-kontenut tad-diskussjonijiet miżmuma bejn il-membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni.
36
E. Hristov jargumenta wkoll li, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fil-punti 81, 82 u 83 tas-sentenza appellata, la għamel riferiment għall-Artikolu 30 u lanqas għall-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal.
37
Fl-aħħar nett, E. Hristov iżid li, jekk jiġi aċċettat, bħalma ssostni l-Kummissjoni, li, sa fejn id-deċiżjonijiet tal-kumitati ta’ preselezzjoni ma humiex vinkolanti, ma huwiex meħtieġ li jiġu ggarantiti l-kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza u ta’ oġġettività fil-proċedura quddiem dan il-kumitat, dan iwassal sabiex dan l-istadju tal-proċedura jiġi mċaħħad minn kull sens. E. Hristov ifakkar ukoll li mill-punt 89 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-KKĦ kien meħtieġ jieħu inkunsiderazzjoni l-abbozz ta’ lista tal-kandidati, l-evalwazzjoni ta’ dawn tal-aħħar u r-rapport tal-kumitat ta’ preselezzjoni, u li dan il-kumitat kien jeżerċita influwenza determinanti fuq il-lista finali ta’ kandidati proposti mill-Kummissjoni lill-Bord Amministrattiv tal-EMA.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
38
Għandu jitfakkar li, skont it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fil-kuntest tal-proċedura ta’ selezzjoni u ta’ ħatra tad-direttur eżekuttiv tal-EMA, is-Sinjura D u s-Sur E, li kienu qegħdin ipoġġu fi ħdan il-kumitat ta’ preselezzjoni u li kienu membri tal-Bord Amministrattiv tal-EMA, kisru d-dmir ta’ imparzjalità tagħhom fi ħdan il-kumitat ta’ preselezzjoni “minħabba s-sempliċi fatt li poġġew [f’dan il]-kumitat” (punt 92 tas-sentenza appellata). Skont it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-“kumulu tal-funzjonijiet ta’ membru tal-kumitat ta’ preselezzjoni flimkien mal-funzjonijiet ta’ membru tal-Bord Amministrattiv tal-EMA [kien] ta’ natura li jikkomprometti l-indipendenza u l-oġġettività tal-persuni kkonċernati minn dan il-kumulu ta’ funzjonijiet” (punt 91 tas-sentenza appellata). It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonkluda li “ġie miksur id-dmir ta’ imparzjalità tal-kumitat ta’ preselezzjoni fl-intier tiegħu” (punt 92 tas-sentenza appellata).
39
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mill-proċess tal-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li s-Sur E kien is-sostitut tas-Sinjura D fi ħdan il-Bord Amministrattiv tal-EMA. Kif jirriżulta wkoll mill-punt 94 tas-sentenza appellata, kienet is-Sinjura D li pparteċipat fid-diskussjonijiet fil-kuntest tal-laqgħat tal-Bord Amministrattiv tal-EMA li wasslu għall-ħatra tas-Sur C.
40
Għandu jitqies ukoll li E. Hristov ma kkontestax, quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, l-imparzjalità suġġettiva tas-Sinjura D jew tas-Sur E, kif barra minn hekk ikkonfermaw iż-żewġ partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali. B’hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda biss dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-kumitat ta’ preselezzjoni kienx oġġettivament imparzjali minħabba l-kumulu tal-funzjonijiet tas-Sinjura D u tas-Sur E.
41
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali għandha tivverifika jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaqx żball ta’ liġi meta kkonkluda li kien hemm nuqqas ta’ imparzjalità min-naħa tas-Sinjura D u tas-Sur E u, għaldaqstant, min-naħa tal-kumitat ta’ preselezzjoni fl-intier tiegħu, għas-sempliċi fatt li kienu membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni u membri, bħala membru prinċipali u bħala sostitut, rispettivament, tal-Bord Amministrattiv tal-EMA.
42
Għal dan il-għan, għandu jiġi eżaminat jekk il-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 83 sa 90 tas-sentenza appellata, li fuqhom it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bbaża ruħu sabiex wasal għall-konklużjoni li kien hemm ksur tad-dmir ta’ imparzjalità tal-kumitat ta’ preselezzjoni fl-intier tiegħu, kif espressa fil-punt 92 tal-imsemmija sentenza, humiex ivvizzjati bi żball ta’ liġi.
43
L-ewwel nett, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni filwaqt li tinvoka l-punti 81 sa 84 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma ġġustifikax l-obbligu ta’ imparzjalità u ta’ oġġettività li għandhom il-membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 u tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, la mill-punti 81 sa 84 tas-sentenza appellata u lanqas mill-parti “Il-kuntest ġuridiku” tal-istess sentenza ma jirriżulta li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bbaża ruħu fuq dawn id-dispożizzjonijiet fil-każ ineżami.
44
It-tieni nett, il-Kummissjoni ma tistax issostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku “assimila” l-kumitat ta’ preselezzjoni ma’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni meta aċċetta li l-ġurisprudenza applikabbli għall-Bordijiet tal-Għażla ta’ kompetizzjoni kienet applikabbli wkoll għall-kumitati ta’ preselezzjoni. Għandu jiġi kkonstatat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku indika espliċitament, fil-punt 83 tas-sentenza appellata, li l-“kumitat ta’ preselezzjoni ma [kienx] Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni”. Madankollu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li, bħal fil-każ ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni, il-kumitat ta’ preselezzjoni kellu l-għan li jagħżel l-aħjar kandidati u kellu marġni ta’ manuvra wiesa’ fl-organizzazzjoni tal-eżamijiet ta’ preselezzjoni u li, għalhekk, skont il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Kummissjoni kellha tiżgura l-organizzazzjoni tajba tal-proċedura ta’ selezzjoni li kellha tiżvolġi quddiem il-kumitat ta’ preselezzjoni, billi teżiġi li l-membri kollha ta’ dan il-kumitat ikollhom l-indipendenza meħtieġa sabiex ma jkunx jista’ jkun hemm dubju dwar l-oġġettività tagħhom (punti 83 u 84 tas-sentenza appellata).
45
Il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tallega li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma spjegax ir-raġunijiet għaliex ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ oġġettività li għandhom josservaw il-Bordijiet tal-Għażla ta’ kompetizzjoni japplikaw ukoll għall-kumitati ta’ preselezzjoni. Dawn l-ispjegazzjonijiet jirriżultaw kemm mill-punt 83 u kemm mill-punti 84 u 85 tas-sentenza appellata.
46
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma tressaq l-ebda argument legali ta’ natura li jdaħħal inkwistjoni l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 83 u 84 tas-sentenza appellata. Hija sempliċement issostni li l-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni, li jeżerċita setgħa diskrezzjonali veritabbli, ma jistax jitqabbel mal-kumitat ta’ preselezzjoni, li huwa korp purament konsultattiv. Issa, din id-differenza mhux talli ma ġietx moħbija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li fil-punt 83 tas-sentenza appellata jispeċifika li l-“kumitat ta’ preselezzjoni ma huwiex Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni u li l-opinjoni tiegħu la hija vinkolanti għall-KKĦ u lanqas għall-Kummissjoni”, iżda, barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistabbilixxix kif din il-kunsiderazzjoni hija ta’ natura li ddaħħal inkwistjoni l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni jaġixxu b’indipendenza sħiħa u b’oġġettività sħiħa.
47
It-tielet nett, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jiġġustifikax l-applikazzjoni f’dan il-każ tad-dmir ta’ imparzjalità permezz tal-grad li dan id-dmir jokkupa fil-ġerarkija tan-normi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sempliċement ifakkar li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li miegħu huwa marbut id-dmir ta’ imparzjalità li għandhom l-istituzzjonijiet, huwa rrikonoxxut fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, għandha l-istess valur legali bħat-Trattati. Barra minn hekk, din il-kunsiderazzjoni ma hijiex ikkontestata bħala tali mill-Kummissjoni.
48
Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni fis-sens li l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba “ma huwiex motiv ta’ annullament magħruf”, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mis-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku eżamina t-tieni parti tal-ewwel motiv, imqajjem minn E. Hristov quddiemu, fid-dawl b’mod partikolari tad-dmir ta’ imparzjalità, u ma bbażax id-deċiżjoni tiegħu biss fuq il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.
49
Il-ħames nett, għandu jiġi osservat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jikkontradixxix ruħu meta, minn naħa, jindika li l-abbozz ta’ lista tal-kandidati rrakkomandati mill-kumitat ta’ preselezzjoni la torbot lill-KKĦ u lanqas lill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, jammetti li l-kumitat ta’ preselezzjoni jeżerċita “influwenza determinanti” fuq il-lista finali tal-kandidati proposti mill-Kummissjoni lill-Bord Amministrattiv tal-EMA. Għalkemm huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-abbozz ta’ lista ta’ kandidati ppreżentat mill-kumitat ta’ preselezzjoni lill-KKĦ ma huwiex vinkolanti sa fejn, kif tindika l-Kummissjoni, il-KKĦ u l-Kummissjoni jistgħu jagħżlu kandidati oħra differenti minn dawk li isimhom jinsab f’dan l-abbozz ta’ lista, xorta jibqa’ l-fatt, kif jirriżulta mill-punti 8.2.1 u 83 tal-Linji gwida tal-Kummissjoni, tat-12 ta’ Jannar 2009, dwar is-selezzjoni u l-ħatra tad-diretturi tal-aġenziji regolatorji, tal-aġenziji eżekuttivi u tal-impriżi komuni, imsemmija fil-punt 9 tas-sentenza appellata, kif ukoll fil-punt 89 tal-istess sentenza, li dan l-abbozz ta’ lista għandu “importanza reali għas-segwitu tal-proċedura ta’ preselezzjoni”, sa fejn, minn naħa, il-KKĦ huwa obbligat jieħu inkunsiderazzjoni din il-lista u sa fejn, min-naħa l-oħra, il-Kummissarju responsabbli, jiġifieri l-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għas-saħħa u għall-protezzjoni tal-konsumaturi, jintervista biss lill-kandidati li jkunu ntgħażlu mill-KKĦ fl-opinjoni finali tiegħu.
50
Għaldaqstant, għandu jitqies li l-punt 89 tas-sentenza appellata ma fihx kontradizzjoni. Madankollu, għalkemm seta’ jqis ġustament li l-abbozz ta’ lista ta’ kandidati stabbilit mill-kumitat ta’ preselezzjoni kellu importanza ċerta fir-rigward tal-istadji sussegwenti tal-proċedura ta’ selezzjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma stabbilixxiex li l-fatt li s-Sinjura D, bħala membru prinċipali, u s-Sur E, bħala sostitut tas-Sinjura D, kienu jagħmlu parti mill-Bord Amministrattiv tal-EMA seta’ jaffettwa l-libertà tagħhom li jaġixxu b’oġġettività sħiħa u b’indipendenza sħiħa fi ħdan il-kumitat ta’ preselezzjoni u, b’hekk, seta’ joħloq dubju leġittimu dwar l-imparzjalità ta’ dan il-kumitat. Kif tosserva l-Kummissjoni fir-rikors, ma ġiex stabbilit mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li l-fatt li s-Sinjura D kienet tagħmel parti mill-Bord Amministrattiv tal-EMA kellu “rilevanza prattika” fir-rigward tar-rwol tagħha fi ħdan il-kumitat ta’ preselezzjoni.
51
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex jiddeċiedi dwar il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011 fid-dawl tar-rekwiżit ta’ imparzjalità tal-kumitat ta’ preselezzjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellu jqiegħed lilu nnifsu fil-mument li fih il-kumitat ta’ preselezzjoni ppropona l-kandidaturi tal-erba’ kandidati li kienu kisbu l-aħjar riżultati.
52
Issa, f’din il-fażi tal-proċedura ta’ selezzjoni tal-kandidati, li kellha twassal għall-ħatra tad-direttur eżekuttiv tal-EMA, il-fatt li s-Sinjura D u s-Sur E kienu wkoll membri, bħala membru prinċipali u bħala sostitut, rispettivament, tal-Bord Amministrattiv tal-EMA ma setax, bħala tali, joħloq dubju dwar l-imparzjalità bħala membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni. Is-sempliċi fatt li wieħed ikun membru tal-kumitat ta’ preselezzjoni u tal-Bord Amministrattiv tal-EMA ma huwiex ta’ natura li jservi ta’ bażi, fih innifsu, għal preżunzjoni ta’ parzjalità tal-membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni fir-rigward tal-proċedura quddiem dan il-kumitat.
53
Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li, f’dan il-każ, ma hijiex inkwistjoni l-imparzjalità tal-Bord Amministrattiv tal-EMA u b’mod partikolari ma huwiex inkwistjoni l-fatt jekk is-Sinjura D jew is-Sur E setgħux jipparteċipaw fit-teħid ta’ deċiżjoni dwar il-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv tal-EMA meta kienu ħadu sehem f’fażi preċedenti tal-proċedura ta’ ħatra.
54
Barra minn hekk, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-motivazzjoni mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punt 90 tas-sentenza appellata, li tikkonċerna l-aġir ipotetiku tal-membri tal-kumitat ta’ preselezzjoni fil-laqgħat tal-Bord Amministrattiv tal-EMA, hija irrilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011.
55
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda b’mod żbaljat, minn naħa, li s-Sinjura D u s-Sur E, li kienu membru prinċipali u membru sostitut, rispettivament, tal-Bord Amministrattiv tal-EMA, kienu kisru d-dmir ta’ imparzjalità tagħhom minħabba s-sempliċi fatt li kienu poġġew fil-kumitat ta’ preselezzjoni u, min-naħa l-oħra, b’konsegwenza ta’ dan, li kien ġie miksur id-dmir ta’ imparzjalità tal-kumitat ta’ preselezzjoni fl-intier tiegħu.
56
Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju għandu jintlaqa’, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-aggravji u l-argumenti l-oħra invokati mill-Kummissjoni fl-appell.
57
Għaldaqstant, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn tikkonċerna l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011.
Fuq il-konsegwenzi tal-annullament parzjali tas-sentenza appellata
58
Skont l-Artikolu 13(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti Ġenerali għandha tannulla d-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u għandha tiddeċiedi t-tilwima hija stess. Meta t-tilwima ma tkunx fi stat li tiġi deċiża, il-Qorti Ġenerali għandha tibgħat lura l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex dan jiddeċidieha.
59
F’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jivverifika jekk għadx hemm lok li jiġu eżaminati l-argumenti invokati minn E. Hristov fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, minbarra dawk li wasslu lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jiddeċiedi, fis-sentenza appellata, li t-tieni parti tal-ewwel motiv kienet fondata.
60
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku la eżamina l-ewwel parti tal-ewwel motiv u lanqas it-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi invokati minn E. Hristov.
61
Għaldaqstant, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, filwaqt li jiġi ppreċiżat li dan ser ikollu, jekk ikun il-każ, jislet il-konsegwenzi ta’ eventwali illegalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011 fuq il-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tal-EMA tas-6 ta’ Ottubru 2011.
Fuq l-ispejjeż
62
Peress li l-kawża ntbagħtet lura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, l-ispejjeż marbuta ma’ din il-proċedura ta’ appell għandhom jiġu rriżervati.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appelli)
taqta’ u tiddeċiedi:
1)
Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Novembru 2014, Hristov vs Il-Kummissjoni u L-EMA (F‑2/12), hija parzjalment annullata, sa fejn tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-20 ta’ April 2011, li permezz tagħha pproponiet lill-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) lista ta’ erba’ kandidati rrakkomandati mill-kumitat ta’ preselezzjoni u kkonfermati mill-kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet.
2)
Il-kawża hija mibgħuta lura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex dan jiddeċiedi dwar it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011 li permezz tagħha pproponiet lill-Bord Amministrattiv tal-EMA lista ta’ erba’ kandidati rrakkomandati mill-kumitat ta’ preselezzjoni u kkonfermati mill-kumitat konsultattiv dwar il-ħatriet, fir-rigward tal-ilmenti u tal-motivi invokati minn Emil Hristov li dwarhom it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma ħax deċiżjoni.
3)
L-ispejjeż huma rriżervati.
Jaeger
Kanninen
Van der Woude
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ Lulju 2016.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.
Top