SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)
15 ta’ April 2008 ( *1 )
“Għajnuna mill-Istat — Għajnuna għall-esportazzjoni fis-settur tal-kotba — Nuqqas ta’ notifika minn qabel — Artikolu 87(3)(d) KE — Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-dritt Komunitarju — Metodu ta’ kalkolu ta’ l-ammont ta’ l-għajnuna”
Fil-Kawża T-348/04,
Société internationale de diffusion et d’édition SA (SIDE), stabbilita f’Vitry-sur-Seine (Franza), irrappreżentata minn N. Coutrelis u V. Giacobbo, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J.-P. Keppenne, bħala aġent,
konvenuta,
sostnuta minn
Ir-Repubblika Franċiża, inizjalment irrappreżentata minn G. de Bergues u S. Ramet, wara minn M. de Bergues u A.-L. Vendrolini, bħala aġenti,
intervenjenti,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament ta’ l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/262/KE, ta’ l-20 ta’ April 2004, dwar l-għajnuna mogħtija minn Franza lill-Coopérative d’exportation du livre français (CELF) (ĠU 2005, L 85, p. 27).
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),
komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili u T. Tchipev, Imħallfin,
Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Mejju 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1
Ir-rikorrenti, Société internationale de diffusion et d’édition (SIDE), hija aġenta stabbilita fi Franza li n-negozju tagħha jikkonsisti, b’mod partikolari, fl-esportazzjoni ta’ kotba bil-lingwa Franċiża lejn Stati Membri oħra ta’ l-Unjoni Ewropea u lejn pajjiżi terzi.
2
L-aġenti jinsabu fost id-diversi operaturi involuti fil-kummerċjalizzazzjoni tal-kotba. Huma jinnegozjaw mal-bejjiegħa bl-imnut u ma’ l-organizzazzjonijiet, u mhux ma’ l-utent finali. Huma jagħmluha possibbli li jiġu sodisfatti ordnijiet li l-ipproċessar tagħhom ikun jinvolvi spejjeż għall-pubblikaturi jew għad-distributuri tagħhom. L-aġent jiġbor l-ordnijiet, li individwalment ma jkunux kbar wisq, mingħand klijenti differenti u jikkuntattja lill-pubblikatur jew lid-distributur, li min-naħa tagħhom ikollhom biss jikkunsinjaw f’post wieħed. Bl-istess mod, huwa jiġbor flimkien l-ordnijiet tal-klijenti bejjiegħa tal-kotba jew istituzzjonali fir-rigward ta’ xogħlijiet ta’ pubblikaturi differenti, u b’dan il-mod jevita li l-klijenti tiegħu jkollhom jagħmlu diversi ordnijiet ma’ operaturi differenti.
3
Il-Coopérative d’exportation du livre français li topera bl-isem kummerċjali “Centre d’exportation du livre français” (CELF) hija kumpannija kooperattiva b’responsabbiltà limitata li tinnegozja wkoll bħala aġent. L-għan ta’ CELF, skond l-aħħar verżjoni ta’ l-istatut tagħha, huwa li “tipproċessa direttament ordnijiet minn barra kif ukoll mit-territorji u d-dipartimenti Franċiżi tat-territorji extra Ewropej, għal kotba, fuljetti u kull mezz ieħor ta’ komunikazzjoni u, b’mod iktar ġenerali, twettaq kull operazzjoni intiża, b’mod partikolari, li tiżviluppa l-promozzjoni tal-kultura Franċiża madwar id-dinja permezz ta’ l-imsemmija mezzi”.
4
Il-membri ta’ CELF huma fil-biċċa l-kbira tagħhom pubblikaturi stabbiliti fi Franza. Madankollu, sħubija hija possibbli għal kull operatur li jopera fis-settur tal-pubblikazzjoni jew tad-distribuzzjoni ta’ kotba bil-lingwa Franċiża, ikun xi jkun il-post fejn huwa stabbilit.
5
In-negozju ta’ CELF u dak tar-rikorrenti huwa prinċipalment intiż lejn pajjiżi u żoni fejn mhuwiex mitkellem il-Franċiż. Fiż-zoni fejn huwa mitkellem il-Franċiż, b’mod partikolari, il-Belġju, il-Kanada u l-Iżvizzera, il-kummerċjalizzazzjoni tal-kotba hija assigurata min-netwerks tad-distribuzzjoni tal-pubblikaturi.
6
Fl-1979, peress li CELF kienet għaddejja minn diffikultajiet finanzjarji, l-awtoritajiet Franċiżi ddeċidew li jagħtuha numru ta’ sussidji.
7
Is-sussidji in kwistjoni kienu intiżi sabiex l-aġenti esportaturi jkunu jistgħu jissodisfaw l-ordnijiet kollha li jsiru mill-bejjiegħa tal-kotba stabbiliti f’żoni fejn mhuwiex mitkellem il-Franċiż, irrispettivament mill-ammont, mill-profitt u mid-destinazzjoni tagħhom, sabiex jiġi promoss it-tixrid globali tal-letteratura Franċiża.
8
L-uniku sussidju li huwa s-suġġett tal-kawża preżenti (iktar ’il quddiem l-“għajnuna kkontestata”) ingħata ta’ kull sena b’effett mill-1980, anke jekk l-ammont tagħha varja minn dik is-sena. L-għajnuna kkontestata kienet tikkonsisti f’pakkett ta’ sussidji annwali, li kull wieħed minnhom kien speċifikament intiż li jikkumpensa l-ispejjeż żejda sostnuti kull sena minħabba l-ipproċessar ta’ l-ordnijiet li jiġu mill-ħwienet tal-kotba stabbiliti barra u li jammontaw għal FRF 500 (EUR 76.22) jew inqas, minbarra l-ispejjeż tat-trasport (iktar ’il quddiem “l-ordnijiet żgħar”), li kienu ġew ikkunsidrati bħala li ma jaqbżux il-marġni ta’ profittabbiltà.
9
B’effett mill-1981, kwart mill-ammont tas-sussidju mogħti s-sena ta’ qabel ingħata fil-bidu tas-sena, filwaqt li l-kumplament ingħata fil-Ħarifa, wara li l-awtoritajiet pubbliċi eżaminaw l-estimi ta’ l-operat ta’ CELF u l-fluttwazzjonijiet ta’ dawn l-estimi rreġistrati matul l-ewwel parti tas-sena finanzjarja. Fi żmien tliet xhur mit-tmiem tas-sena finanzjarja, kellu jiġi ppreżentat rapport li jispjega fid-dettall il-mod li bih intuża s-sussidju, flimkien ma’ lista ta’ dokumenti ta’ sostenn, lill-Ministeru tal-Kultura u l-Lingwa Franċiża.
10
Permezz ta’ ittra ta’ l-20 ta’ Marzu 1992, ir-rikorrenti ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni rigward ċerta għajnuna għall-promozzjoni, għat-trasport u għall-kummerċjalizzazzjoni tal-kotba bil-Franċiż mogħtija mill-awtoritajiet Franċiżi lil CELF. Hija staqsiet ukoll lill-Kummissjoni jekk din l-għajnuna kinitx ġiet innotifikata skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE (issa l-Artikolu 88(3) KE).
11
Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Awwissu 1992, il-Kummissjoni kkonfermat lir-rikorrenti li kienu jeżistu ċerti għajnuniet mogħtija lil CELF, fosthom l-għajnuna kkontestata, li ma kinux innotifikati.
12
Fit-18 ta’ Mejju 1993, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tawtorizza l-imsemmija għajnuna taħt it-titolu “Għajnuna lill-esportaturi ta’ kotba bil-Franċiż” [Deċiżjoni NN 127/92 (ĠU C 174, p. 6)].
13
Permezz tas-sentenza tat-18 ta’ Settembru 1995, SIDE vs Il-Kummissjoni (T-49/93, Ġabra p. II-2501), il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat l-imsemmija deċiżjoni safejn din kienet tikkonċerna l-għajnuna kkontestata. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx osservat l-obbligu tagħha li tagħti bidu għall-proċedura inter partes ipprovduta fl-Artikolu 93(2) tat-Trattat KE (issa l-Artikolu 88(2) KE).
14
Fit-30 ta’ Lulju 1996, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura inter partes ipprovduta fl-Artikolu 93(2) tat-Trattat KE (issa l-Artikolu 88(2) KE).
15
Fl-10 ta’ Ġunju 1998, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ġdida li tiddikjara l-għajnuna kkontestata bħala kompatibbli mas-suq komuni [Deċiżjoni 1999/133/KE, dwar l-għajnuna mill-Istat favur CELF (ĠU 1999, L 44, p. 37)].
16
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-29 ta’ Settembru 1998, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza tannulla l-imsemmija deċiżjoni.
17
Id-Deċiżjoni 1999/133 kienet ukoll s-suġġett ta’ rikors għall-annullament magħmul mir-Repubblika Franċiża li ġie magħmul permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Settembru 1998. Ir-Repubblika Franċiża kkontestat din id-deċiżjoni peress li l-Kummissjoni naqset milli tapplika l-Artikolu 90(2) tat-Trattat KE (issa l-Artikolu 86(2) KE).
18
Peress li ż-żewġ rikorsi jirrigwardaw il-validità ta’ l-istess att, il-Qorti tal-Prim’Istanza, permezz tad-digriet tal-President tar-Raba’ Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Marzu 1999, issospendiet il-proċedura, skond il-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu 47 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (issa t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 54 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja), sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
19
Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ir-rikors tar-Repubblika Franċiża permezz tas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2000, Franza vs Il-Kummissjoni (C-332/98, Ġabra p. I-4833). Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ssoktaw.
20
Fl-2002 l-awtoritajiet Franċiżi neħħew l-għajnuna kkontestata.
21
Permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Frar 2002, SIDE vs Il-Kummissjoni (T-155/98, Ġabra p. II-1179), id-Deċiżjoni 1999/133 ġiet annullata. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq rilevanti.
22
Fl-20 ta’ April 2004, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2005/262/KE dwar l-għajnuna mogħtija minn Franza lill-CELF (ĠU 2005, L 85, p. 27, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
23
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna kkontestata kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE (premessa 127). Sussegwentement, hija eżaminat jekk waħda mid-derogi, għall-projbizzjoni ġenerali ta’ l-għajnuna mill-Istat, previsti mill-imsemmi Artikolu kinitx applikabbli. Il-Kummissjoni espressament eskludiet l-applikazzjoni, għal każ preżenti, tad-derogi pprovduti fl-Artikolu 87(2) KE, kif ukoll dawk ipprovduti fl-Artikolu 87(3)(a)(b) u (c) (premessa 132). Fl-aħħar nett, hija kkunsidrat li l-għajnuna kkontestata kellha għan kulturali fis-sens ta’ l-Artikolu 87(3)(d) KE, li jipprovdi li tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni dik l-għajnuna intiża għall-promozzjoni tal-kultura u għall-preservazzjoni tal-patrimonju, meta din ma taffettwax il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni fil-Komunità b’mod li jmur kontra l-interess komuni (premessi 134 u 139).
24
Konsegwentement, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tivverifika l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna kkontestata, fis-suq ta’ l-aġenti esportaturi, fid-dawl ta’ l-Artikolu 87(3)(d) KE (premessa 186). F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija kkonstatat ir-rilevanza tal-kriterju ta’ l-ordnijiet żgħar bħala element ta’ referenza sabiex jiġi ġġustifikat l-għoti ta’ l-għajnuna kkontestata (premessi 187 sa 197). It-tieni nett, hija vverifikat ir-realtà tal-ġustifikazzjoni ta’ l-għajnuna kkontestata, jiġifieri l-eżistenza ta’ spejjeż addizzjonali marbuta direttament ma’ l-ipproċessar ta’ l-ordnijiet żgħar. Għalhekk, il-Kummissjoni evalwat l-ispejjeż sostnuti minn CELF minħabba l-ipproċessar ta’ l-ordnijiet żgħar, għas-sena 1994, abbażi ta’ ċifri ta’ kontabbiltà trażmessi mir-Repubblika Franċiża (premessi 203 sa 206). Hija qieset li d-data dwar din is-sena tikkostitwixxi referenza rilevanti sabiex jiġu evalwati l-ispejjeż ta’ l-ipproċessar ta’ l-ordnijiet żgħar, minħabba li d-dokumenti u l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-Repubblika Franċiża għal snin finanzjarji oħra juru li l-istruttura ta’ l-ordnijiet żgħar tibqa’ stabbli minn sena għal sena (premessa 208). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-għajnuna kkontestata ma kinitx ta’ natura tali li tikkumpensa ż-żejjed l-ispejjeż inkorsi għall-ipproċessar ta’ l-ordnijiet żgħar.
25
Għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkonstatat dan li ġej:
“L-għajnuna mogħtija [lil CELF] għall-ipproċessar ta’ l-ordnijiet żgħar ta’ kotba bil-Franċiż, li ġiet implementata minn Franza bejn l-1980 u l-2001, tikkostitwixxi għajnuna li taqa’ taħt l-Artikolu 87(1) [KE]. Fid-dawl tal-fatt li Franza ma nnotifikatx din l-għajnuna lill-Kummissjoni qabel ma implementatha, din l-għajnuna ngħatat b’mod illegali. Madankollu, l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni abbażi ta’ l-Artikolu 87(3)(d) [KE].”
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
26
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-20 ta’ Awwissu 2004, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.
27
Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-2 ta’ Diċembru 2004, ir-Repubblika Franċiża talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiġi ammessa tintervjeni fil-proċedura preżenti in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, din it-talba ntlaqgħet permezz tad-digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Jannar 2005.
28
Fit-22 ta’ Marzu 2007, il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lill-Kummissjoni twieġeb bil-miktub, għal xi mistoqsijiet u tipproduċi numru ta’ dokumenti. Il-Kummissjoni ssodisfat din it-talba fit-terminu stabbilit.
29
Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.
30
It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tat-23 ta’ Mejju 2007.
31
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
—
tannulla l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata;
—
sussidjarjament, tannulla l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, safejn il-Kummissjoni ddikjarat l-għajnuna kkontestata bħala kompatibbli qabel l-1999, u, alternattivament, l-1997 jew l-1994;
—
b’mod ulterjuri, tannulla l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, safejn din tiddikjara l-għajnuna kkontestata bħala kompatibbli qabel l-1 ta’ Novembru 1993;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
32
Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
—
tiċħad ir-rikors;
—
tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
33
Il-parti intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
—
tiċħad ir-rikors;
—
tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
34
Ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi in sostenn tar-rikors tagħha fejn it-tielet wieħed minnhom huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali sabiex l-għajnuna kkontestata tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq komuni qabel l-1 ta’ Novembru 1993. It-tieni motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ koerenza tad-deċiżjoni kkontestata ma’ l-Artikolu 88(3) KE. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 87(3)(d) KE. L-ewwel parti tat-tielet motiv hija bbażata fuq in-natura diskriminatorja ta’ l-għajnuna kkontestata, filwaqt li t-tieni parti hija bbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.
35
Qabel xejn, għandu jiġi eżaminat l-ewwel motiv, u sussegwentement, it-tieni parti tat-tielet motiv.
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bażi legali qabel l-1 ta’ Novembru 1993
L-argumenti tal-partijiet
36
Ir-rikorrenti ssostni li, billi ddikjarat, fl-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, l-għajnuna kkontestata bħala kompatibbli mas-suq komuni abbażi ta’ l-Artikolu 87(3)(d) KE, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq bażi legali żbaljata. Fil-fatt, ir-rikorrenti tqis li, peress li din id-dispożizzjoni ġiet introdotta mit-Trattat UE, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1993, l-għajununa kkontestata ma setgħetx tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq komuni ħlief b’effett minn din id-data.
37
Ir-rikorrenti ssostni li l-prinċipju tan-non-retroattività jipprojbixxi li att Komunitarju jiġi applikat qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu. L-eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju huma rari ħafna, b’mod partikolari, meta jiġu espressament ipprovduti dispożizzjonijiet tranżitorji jew meta dan jirriżulta b’mod ċar mill-għan jew mill-istruttura ta’ l-att in kwistjoni. Ir-rikorrenti ssostni li t-Trattat UE ma jipprovdi l-ebda dispożizzjoni tranżitorja u li xejn ma jindika li l-firmatarji tat-Trattat kellhom il-ħsieb li jagħtu effett retroattiv lill-Artikolu 87(3)(d) KE.
38
Ir-rikorrenti tirreferi għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Mejju 2002 dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-evalwazzjoni ta’ l-għajnuna illegali mogħtija mill-Istat (ĠU 2002, C 119, p. 22), li tikkonferma li l-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ għajnuna mogħtija illegalment, għandha, bħala regola ġenerali, tiġi evalwata “skond il-kriterji sostantivi stabbiliti f’kull strument legali fis-seħħ fid-data ta’ meta din l-għajnuna ingħatat”.
39
Ir-rikorrenti tqis li, li kieku l-għajnuna li ma ġietx innotifikata tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fid-data tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, u mhux fid-data ta’ meta ngħatat, dan ikun ifisser li l-att illegali jiġi ppremjat, peress li l-għajnuna tibbenefika retroattivament minn deċiżjoni ta’ kompatibbiltà li ma kinitx tkun possibbli li kieku l-Istat Membru kkonċernat ikkonforma ma’ l-Artikolu 88 KE u nnotifika l-għajnuna lill-Kummissjoni qabel ma ngħatat.
40
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li d-deroga pprovduta fl-Artikolu 87(3)(d) KE ma tistax tiġi kkunsidrata bħala koperta mill-Artikolu 87(3)(c). Hija tfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqset milli tapplika l-Artikolu 87(3)(c) KE fil-każ preżenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li interpretazzjoni bħal din twassal sabiex id-deroga ta’ l-Artikolu 87(3)(d), introdotta mit-Trattat UE, tiġi mċaħħda minn kull effett utli.
41
Fid-difiża tagħha, il-Kummissjoni ssostni li sitwazzjoni legali hija rregolata mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-mument ta’ meta l-imsemmija sitwazzjoni ssir definittiva. F’dan il-każ, għandha ssir referenza għall-mument ta’ meta ġiet adottata d-deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna kkontestata.
42
Il-Kummissjoni tindika li mill-prinċipji ġenerali tad-dritt jirriżulta li, bħala regola ġenerali, il-liġijiet ġodda, inkluż id-dispożizzjonijiet tat-Trattati, japplikaw għall-effetti futuri tas-sitwazzjonijiet li jinbtu taħt is-sistema tal-liġi l-qadima.
43
Fi kwalunke każ, l-Artikolu 87(3)(d) għandu jiġi immedjatament applikat fid-dawl ta’ l-għan u ta’ l-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni. Il-Kummissjoni ssostni li deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni ma tikkostitwixxix sempliċi formalità li teħtieġ bażi legali speċifika. Il-Kummissjoni għandha tevalwa, minn naħa, jekk l-għajnuna kkontestata tikkontribwixxix verament għall-għan ta’ interess pubbliku u, min-naħa l-oħra, jekk ikollhiex effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni. Fil-kuntest ta’ din l-analiżi hija għandha sempliċement tevalwa jekk, fil-mument ta’ l-eżami tagħha, l-interess Komunitarju jitlobx li l-għajnuna tiġi mogħtija lura jew le, peress li, minn perspettiva ekonomika, l-effetti ta’ għajnuna illegali ma jintemmux meta din tingħata, imma jissoktaw sakemm l-operatur jibqa’ jopera fis-suq.
44
Il-Kummissjoni tippreċiża li, jekk hija ma tapplikax immedjatament il-kriterju l-ġdid tal-kompatibbiltà, id-deċiżjoni tagħha tmur kontra għan li bħalissa huwa rikonoxxut fit-Trattat. Hija tqis li hija ma tistax tordna l-irkupru ta’ għajnuna biss minħabba s-sempliċi fatt li din ingħatat kmieni wisq.
45
Il-Kummissjoni ssostni li l-pożizzjoni tagħha ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2004, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (T-176/01, Ġabra p. II-3931).
46
Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-fatt li regola ġdida tiġi applikata għal analiżi ta’ għajnuna li ma ġietx innotifikata ma jfissirx neċessarjament li “att illegali jiġi ppremjat”. Fil-fatt, tali applikazzjoni immedjata tista’ topera għad-detriment ta’ l-Istat Membru, f’każ li jiġu applikati kriterji ta’ kompatibbiltà iktar stretti.
47
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li mhemm l-ebda raġuni imperattiva ta’ ċertezza legali li tiġġustifika l-fatt li, fil-każ preżenti, l-Artikolu 87(3)(d) KE jiġi limitat ratione temporis.
48
Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li d-deroga dwar l-għan kulturali li, sa mill-1993 hija pprovduta fl-Artikolu 87(3)(d) KE, kienet preċedentement koperta mill-Artikolu 87(3)(c), u li din ġiet sempliċement identifikata aħjar permezz taż-żieda ta’ l-Artikolu 87(3)(d).
49
Ir-Repubblika Franċiża tagħmel l-istess argumenti tal-Kummissjoni.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
50
Mill-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-għajnuna kkontestata ġiet iddikjarata bħala kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87(3)(d) KE. Din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi deroga mill-projbizzjoni ġenerali ta’ l-għajnuna mill-Istat ipprovduta fl-Artikolu 87(1) KE, introdotta mit-Trattat UE, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1993.
51
Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li din il-bażi legali ma setgħetx tintuża sabiex l-għajnuna tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq komuni fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn l-1980 u l-31 ta’ Ottubru 1993.
52
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, bħala regola ġenerali, il-prinċipju taċ-ċertezza legali jipprekludi li att Komunitarju jibda jipproduċi l-effetti tiegħu b'effett minn data preċedenti għal dik tal-pubblikazzjoni tiegħu, għajr, f’każ eċċezzjonali, fejn l-għan persegwit jitlob hekk u fejn l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jkunu debitament irrispettati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 1979, Racke, 98/78, Ġabra p. 69, punt 20).
53
Għalhekk, għalkemm ir-regoli tal-proċedura huma ġeneralment meqjusa bħala li japplikaw għall-proċeduri kollha li jkunu pendenti meta dawn jidħlu fis-seħħ, dan ma japplikax għar-regoli sostantivi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 1981, Meridionale industria salumi, 212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 9).
54
Fil-fatt, bil-għan li tiġi garantita l-osservanza tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, ir-regoli sostantivi Komunitarji għandhom jiġu interpretati bħala li japplikaw għal sitwazzjonijiet preżenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss safejn mill-kliem, mill-għanijiet jew mill-istruttura tagħhom jirriżulta b’mod ċar li dawn għandhom jingħataw tali effett (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I-7869, punt 119, u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-konklużjoni tapplika indipendentement mill-effetti favorevoli jew sfavorevoli li l-imsemmija regoli jista’ jkollhom fuq il-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Jannar 1985, Gesamthochschule Duisburg, 234/83, Ġabra p. 327, punt 20, u tas-7 ta’ Frar 2002, Kauer, C-28/00, Ġabra p. I-1343, punt 20).
55
Min-naħa l-oħra, id-dritt Komunitarju japplika immedjatament fir-rigward ta’ l-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nibtet taħt is-sistema tal-liġi l-qadima (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Lulju 1986, Licata vs CES, 270/84, Ġabra p. 2305, punt 31, u tad-29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer, C-162/00, Ġabra p. I-1049, punt 50).
56
Filwaqt li ġew imfakkra dawn il-premissi, għandu jiġi kkonstatat li t-Trattat UE ma jipprovdix dispożizzjonijiet tranżitorji dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87(3)(d) KE. Barra minn hekk, l-ebda element ta’ din id-dispożizzjoni ma jippermetti li jiġi konkluż li din hija intiża sabiex tirregola sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha. Minbarra hekk, il-Kummissjoni ma indikatx, fid-deċiżjoni kkontestata, li fil-każ preżenti l-Artikolu 87(3)(d) KE kellu jiġi applikat retroattivament fid-dawl ta’ l-għan jew ta’ l-istruttura ta’ l-imsemmija dispożizzjoni, jew li din l-applikazzjoni retroattiva kienet neċessarja għall-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll eżerċitata mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istati Membri. Hija lanqas ma qajmet argumenti f’dan is-sens fil-kuntest tad-difiża tagħha.
57
Għalhekk, għandu jiġi sempliċement eżaminat jekk l-għajnuna kkontestata kinitx saret definittivament kompatibbli jew inkompatibbli meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.
58
Kull għajnuna ġdida, li ma ġietx innotifikata u li tkun diġà ngħatat, hija neċessarjament inkompatibbli mas-suq komuni jekk din tista’ tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet matul il-perijodu li fih ingħatat, u jekk din ma taqa’ taħt l-ebda waħda mid-derogi mill-projbizzjoni ġenerali ta’ l-għajnuna mill-Istat ipprovduti fl-Artikolu 87(1) KE. Fi kwalunkwe każ, ladarba tkun ipproduċiet l-effetti tagħha, l-għajnuna kkontestata ssir definittivament kompatibbli jew inkompatibbli mas-suq komuni. Dan huwa b’mod partikolari l-każ fil-każ preżenti, peress li l-għajnuna kkontestata ġiet assenjata u mogħtija mir-Repubblika Franċiża u użata minn CELF sabiex tagħmel tajjeb għall-ispejjeż addizzjonali ta’ l-ipproċessar ta’ l-ordnijet żgħar annwali.
59
Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-analiżi tal-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ għajnuna mogħtija u li ma ġietx innotifikata, bħal dik fil-kawża preżenti, ma teżiġix biss li jiġi evalwat jekk, fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni rilevanti, l-interess Komunitarju jitlobx li l-għajnuna tkun mogħtija lura jew le. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha wkoll tivverifika jekk, matul il-perijodu li fih l-għajnuna kkontestata ġiet mogħtija, l-imsemmija għajnuna setgħetx tfixkel il-kompetizzjoni.
60
Huwa minnu li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tiddikjara għajnuna bħala kompatibbli abbażi tad-derogi mill-projbizzjoni ġenerali ta’ l-Artikolu 87(1) KE. Fil-fatt, f’każijiet bħal dawn, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà jew ta’ l-inkompatibbiltà mas-suq komuni ta’ għajnuna mill-Istat tqajjem kwistjonijiet li jimplikaw it-teħid in kunsiderazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ fatti u ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi u li jistgħu jinbidlu malajr (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, C-301/87, Ġabra p. I-307, punt 15). Madankollu, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni ma jistax jiġi eżerċitat b’tali mod li ma jiġix ikkunsidrat il-fatt li kien matul il-perijodu li fih l-għajnuna kkontestata ġiet mogħtija illegalment li din setgħet tfixkel il-kompetizzjoni b’mod li huwa kuntrarju għall-interess Komunitarju, kif ġie ddeterminat mill-kuntest leġiżlattiv fis-seħħ.
61
Minn dan jirriżulta li billi applikat l-Artikolu 87(3)(d) KE għal perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Novembru 1993, minflok ma applikat ir-regoli sostantivi li kienu fis-seħħ matul il-perijodu in kwistjoni, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi.
62
Din il-konklużjoni tapplika aktar u aktar peress li skond ġurisprudenza kostanti d-derogi mill-prinċipju ġenerali ta’ l-inkompatibbiltà ta’ l-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, stabbilit fl-Artikolu 87(1) KE, għandhom ikunu suġġetti għall-interpretazzjoni stretta (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ġunju 2001, Moccia Irme et vs Il-Kummissjoni, C-280/99 P sa C-282/99 P, Ġabra p. I-4717, punt 40, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Settembru 1997, UK Steel Association vs Il-Kummissjoni, T-150/95, Ġabra p. II-1433, punt 114). Din l-interpretazzjoni stretta teżiġi, hija wkoll, li l-applikazzjoni ta’ deroga fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat tiġi limitata għall-perijodu ta’ wara d-dħul fis-seħħ tagħha, minn ta’ l-inqas fil-każ fejn l-għajnuna kkontestata diġà ngħatat.
63
Bl-istess mod, fir-rigward ta’ għajnuna li taqa’ taħt it-Trattat KEFA u li ngħatat mingħar ma ġiet innotifikata minn qabel, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li jiġu applikati r-regoli tal-kodiċi fis-seħħ fid-data ta’ meta l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna li ngħatat taħt sistema ta’ kodiċi preċedenti jwassal, effettivament, għall-applikazzjoni retroattiva tal-leġiżlazzjoni Komunitarja (sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 118). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ebda dispożizzjoni tal-kodiċi fis-seħħ fid-data ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma kienet tindika li dan il-kodiċi seta’ jiġi applikat retroattivament. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li mill-għan u mill-istruttura tal-kodiċi suċċessivi li jirregolaw l-għajnuna kkonċernata jirriżulta li dawn il-kodiċi kienu ġew adottati għall-bżonnijiet li kien hemm f’perijodu partikolari. Għalhekk, l-applikazzjoni ta’ regoli li ġew adottati għal ċertu perijodu, minħabba s-sitwazzjoni eżistenti f’dan il-perijodu, għal għajnuna li ngħatat waqt perijodu preċedenti ma kinitx tikkorrispondi ma’ l-istruttura u ma’ l-għanijiet ta’ dan it-tip ta’ leġiżlazzjoni (sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 120).
64
Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni f’dan il-każ ma tistax tiġi mqabbla ma’ dik li tat lok għas-sentenza Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, l-imsemmija sentenza kienet tirrigwarda għajnuna li ma kinitx ġiet infurzata qabel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tagħha. Għaldaqstant, hija ma setgħetx thedded il-kompetizzjoni waqt il-perijodu ta’ qabel ma ġiet adottata l-imsemmija deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, għajnuna li tingħata qabel ma l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni tista’ thedded u anke tfixkel il-kompetizzjoni fil-perijodu ta’ qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni.
65
Il-konklużjoni li tgħid li l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87(3)(d) KE għandha tiġi miċħuda fil-każ preżenti, ma tista’ tiġi kkonfutata mill-ebda argumenti addizzjonali tal-Kummissjoni.
66
Fir-rigward ta’ l-argument li jgħid li l-ebda raġuni imperattiva ta’ ċertezza legali ma tiġġustifika li, f’dan il-każ, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq jiġi limitat ratione temporis, għandu jiġi mfakkar li d-dritt Komunitarju għandu jassigura l-osservanza tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta’ l-aspettativi leġittimi li jeżiġu li l-leġiżlazzjoni Komunitarja għandha tkun ċara u prevedibbli fil-konfront ta’ dawk suġġetti għaliha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Meridionale industria salumi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 10). Il-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat la tkun ċara u lanqas prevedibbli fil-konfront ta’ dawk suġġetti għaliha jekk għajnuna li ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli bejn l-1980 u l-1993, minħabba li f’dak il-perijodu ma kinitx applikabbli deroga mill-projbizzjoni ġenerali ta’ l-għajnuna mill-Istat ipprovduta fl-Artikolu 87(1) KE, tkun tista’ sussegwentement tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli fil-każ li tali deroga tiġi introdotta. Għalhekk, l-argument tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.
67
Fir-rigward ta’ l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-applikazzjoni ta’ regola ġdida għall-analiżi ta’ għajnuna li ma ġietx innotifikata ma jfissirx li l-att illegali jiġi ppremjat, għandu jiġi kkonstatat li jekk jiġi aċċettat li għajnuna li ma ġietx innotifikata tkun tista’ tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq komuni abbażi ta’ deroga li ma kinitx fis-seħħ meta ngħatat l-imsemmija għajnuna, dan ikun ifisser li l-Istat Membru li ta din l-għajnuna jkun ivvantaġjat meta mqabbel ma’ Stati Membri oħra li setgħu riedu jagħtu għajnuna simili u li naqsu milli jagħmlu hekk, peress li ma kienx hemm deroga li tawtorizzahom. Bl-istess mod, l-Istat Membru in kwistjoni jkun ivvantaġjat meta mqabbel ma’ kull Stat Membru ieħor, li, peress li xtaq jagħti għajnuna għall-istess perijodu, ikun innotifika din l-għajnuna qabel id-dħul fis-seħħ tad-deroga in kwistjoni u li, konsegwentement, ikun kiseb deċiżjoni mingħand il-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ l-għajnuna mas-suq komuni. Din tikkostitwixxi inċentiv sabiex l-Istati Membri, fin-nuqqas ta’ deroga applikabbli, ma jinnotifikawx l-għajnuna li jqisu bħala inkompatibbli mas-suq komuni bit-tama li tali deroga tista’ tiġi adottata sussegwentement. Għalhekk, l-argument tal-Kummissjoni ma jistax jiġi milqugħ.
68
Fl-aħħar nett, l-argument sussidjarju tal-Kummissjoni li jgħid li l-għajnuna mogħtija qabel l-1 ta’ Novembru 1993 hija fi kwalunkwe każ koperta mid-deroga ta’ l-Artikolu 87(3)(c) KE, għandu jiġi miċħud.
69
Fil-fatt, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk id-deroga prevista fl-Artikolu 87(3)(c) KE setgħetx, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat UE, tikkostitwixxi bażi legali suffiċjenti sabiex tiġi aċċettata l-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ għajnuna mill-Istat intiża għall-promozzjoni tal-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, peress li l-Kummissjoni għamlet l-għażla ta’ dik il-bażi legali li fil-fehma tagħha kienet l-iktar waħda adegwata f’dan il-każ, jiġifieri l-Artikolu 87(3)(d) KE, huwa biss fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni li għandha tiġi eżaminata l-konformità mad-dritt Komunitarju tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni innifisha indikat, fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 186), li hija kienet illimitat ruħha li tivverifika l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna fis-suq ta’ l-aġenti ta’ esportazzjoni biss fid-dawl ta’ l-Artikolu 87(3)(d) KE, hija ma tistax tinvoka l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni differenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.
70
Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ dritt meta kkunsidrat li l-għajnuna kkontestata kienet kompatibbli mas-suq komuni abbażi ta’ l-Artikolu 87(3)(d) KE, fir-rigward tal-parti ta’ l-għajnuna mogħtija lil CELF qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat UE. Għalhekk, l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata safejn din tirreferi għall-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Novembru 1993.
Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni
L-argumenti tal-partijiet
71
Ir-rikorrenti ssostni li l-għajnuna kkontestata m’għandha l-ebda rabta ma’ l-ordnijiet żgħar u hija biss għajnuna għall-operat ta’ impriża mogħtija lil CELF għal perijodu indefinit.
72
Skond ir-rikorrenti, meta ngħatat l-għajnuna kkontestata ma kienx hemm definizzjoni ta’ ordnijiet żgħar. Definizzjoni bħal din, li tippreċiża li l-ordnijiet żgħar huma dawk ta’ valur inqas minn FRF 500, ġiet introdotta biss fil-kuntest tas-sentenza T-49/93. Minflok li ġie stabbilit skond analiżi ekonomika, il-limitu ta’ FRF 500 ġie stabbilit empirikament.
73
Fir-rigward tar-rilevanza ta’ din id-definizzjoni, ir-rikorrenti ssostni li s-sena 1994 ġiet deliberatament magħżula bħala sena ta’ referenza, sabiex il-livell ta’ profittabbiltà jiġi stabbilit għal FRF 500.
74
Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ssostni li analiżi tal-kontabbiltà analitika ta’ sena waħda biss, anke jekk ikkonfermata minn tliet snin oħra, mhijiex suffiċjenti sabiex għajnuna mogħtija għal iktar minn għoxrin sena tiġi ddikjarata bħala kompatibbli. Hija ssostni li l-Kummissjoni la ġġustifikat l-għażla ta’ sena waħda biss bħala referenza għal perijodu daqshekk twil, u lanqas ma spjegat għalfejn il-metodu użat fl-1994 ma ġiex applikat għas-snin l-oħra. Peress li ma ġie applikat l-ebda metodu kostanti ta’ kalkolu, l-għajnuna kkontestata għandha tiġi kkunsidrata bħala sussidju għall-operat, mogħti indipendentement mill-ispejjeż addizzjonali involuti fl-ipproċessar ta’ ordnijiet żgħar.
75
Fir-rigward tas-sena 1994, ir-rikorrenti ssostni li l-kontabbiltà analitika ta’ CELF saret b'tali mod li turi artifiċjalment li l-għajnuna mogħtija ġiet użata biss għall-ipproċessar ta’ ordnijiet żgħar. L-ispejjeż involuti fl-ipproċessar ta’ ordnijiet żgħar ġew minfuħa permezz ta’ numru ta’ strataġemmi ta’ kontabbiltà, jiġifieri: “koeffiċjenti multiplikaturi mhux iġġustifikati”, “in-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni tal-metodi konkreti ta’ l-eżekuzzjoni ta’ l-ordnijiet” u “kriterji ta’ tqassim (‘sharing keys’) differenti”.
76
L-ewwel nett, ir-rikorrenti tosserva li l-ispejjeż ta’ CELF marbuta ma’ l-ipproċessar ta’ l-ordnijiet żgħar ġew evalwati bl-applikazjoni ta’ koeffiċjenti multiplikaturi, li varjaw minn funzjoni għall-oħra, peress li l-ipproċessar ta’ l-ordnijiet żgħar kien ogħla minn dak ta’ ordnijiet oħra. Skond ir-rikorrenti, l-eżistenza u l-valur tal-koeffiċjenti li ġew applikati mhuma ibbażati fuq ebda ġustifikazzjoni oġġettiva. Konsegwentement, minn ta’ l-inqas 9.12 % ta’ l-ispejjeż marbuta ma’ attivitajiet oħra ta’ CELF, kienu artifiċjalment attribwiti lill-ordnijiet iż-żgħar.
77
It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li, anke li kieku l-applikazzjoni ta’ koeffiċjenti multiplikatur kellha tiġi meqjusa bħala iġġustifikata, din l-applikazzjoni għandha tkun limitata għall-ordnijiet li ma ġewx teletrażmessi. It-teletrażmissjoni tnaqqas konsiderevolment l-ispejjeż involuti fl-ipproċessar u r-riċeviment ta’ l-ordnijiet u ta’ spiss telimina l-bżonn li jsir użu minn messaġġier, peress li l-parti l-kbira tal-fornituri jikkunsinnaw huma stess l-ordnijiet teletrażmessi.
78
Anke jekk iktar minn żewġ terzi ta’ l-ordnijiet żgħar ta’ CELF kienu pproċessati elettronikament fl-1994, il-Kummissjoni m’għamlitx distinzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, bejn l-ordnijiet elettroniċi u dawk bil-miktub. Konsegwentement, l-ispejjeż relatati ma’ l-ordnijiet żgħar żdiedu bl-ammonti ta’ FRF 40421 (EUR 6162.14), fir-rigward ta’ l-ispejjeż tal-messaġġier; ta’ FRF 143703 (EUR 21907.38), fir-rigward ta’ l-ispejjeż konnessi mar-riċeviment ta’ l-ordnijiet; u ta’ FRF 235567 (EUR 35911.96), fir-rigward ta’ l-ispejjeż marbuta man-negozju.
79
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li n-numru ta’ ordnijiet teletrażmessi ġie mibdul ma’ dak ta’ ordnijiet bil-miktub mill-awtoritajiet Franċiżi u ntbagħat lill-Kummissjoni. Kuntrarjament għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-impatt ta’ din il-bidla kien żgħir, ir-rikorrenti tqis li l-konsegwenzi tagħha kienu konsiderevoli.
80
It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkritika l-għażla tal-“kriterji ta’ tqassim (‘sharing keys’)” fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-kriterji li permezz tagħhom jiġu allokati l-ispejjeż għall-ipproċessar ta’ l-ordnijiet żgħar u għal attivitajiet oħra. L-ispejjeż ta’ kontabbiltà u l-ispejjeż tal-provvista marbuta ma’ l-ordnijiet żgħar ġew ikkalkolati abbażi tan-numru ta’ fatturi maħruġa (47 %) u mhux abbażi tan-numru ta’ kotba kkunsinnati (5 %). Madankollu, l-ispejjeż l-oħra tal-persunal amministrattiv relatati ma’ l-ordnijiet żgħar ġew ikkalkolati billi ttieħed bħala referenza n-numru ta’ kotba kkunsinnati. Barra minn dan, id-dipartiment tal-kontabbiltà mhuwiex ikkonċernat biss bil-ħruġ ta’ fatturi.
81
Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-rikorrenti tikkonkludi li l-ispejjeż marbuta ma’ l-ipproċessar ta’ l-ordnijiet żgħar huma konsiderevolment inqas minn dawk ippreżentati minn CELF. B’kollox, l-ispejjeż totali konnessi ma’ l-ordnijiet żgħar ġew miżjuda, b’minn ta’ l-inqas FRF 1384222 (EUR 211023.28) għas-sena ta’ referenza 1994.
82
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li kull argument dwar l-allegat għan ta’ interess ġenerali min-naħa ta’ CELF huwa inammissibbli. Minn naħa, il-kwalifika bħala għajnuna mhijiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors. Min-naħa l-oħra, la l-Artikolu 86(2) KE, u lanqas il-ġurisprudenza Altmark (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C-280/00, Ġabra p. I-7747), li jirreferu għall-kunċett ta’ l-għan ta’ interess ġenerali, ma jistgħu jiġu applikati f’dan il-każ.
83
Il-Kummissjoni tfakkar li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jkun limitat għall-verifika ta’ l-osservanza tar-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni, il-korrettezza materjali tal-fatti kkonstatati sabiex issir l-għażla kkontestata, in-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, kif ukoll in-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter. Id-deċiżjoni kkontestata mhijiex riżultat ta’ eżerċizzju matematiku, iżda ta’ eżami globali intiż sabiex isir magħruf jekk l-għajnuna mogħtija kinitx spoporzjonata jew jekk din wasslitx għal tfixkil tal-kompetizzjoni.
84
Fir-rigward ta’ l-allegati żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni tirreferi għas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ għajnuna fid-dawl ta’ l-Artikolu 87(3) KE. Hija hi tal-fehma li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fis-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni (T-228/99 u T-233/99, Ġabra p. II-435), fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni għamlet tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ impriża f’diffikultà, li “huwa biss f’każijiet fejn il-Kummissjoni wettqet żball partikolarment manifest u gravi fl-evalwazzjoni ta’ tali pjan li l-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tannulla l-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat intiża għall-iffinanzjar ta’ din ir-ristrutturazzjoni”. Għaldaqstant, il-qorti Komunitarja ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha, b’mod partikolari fuq livell ekonomiku, ma’ dik tal-Kummissjoni.
85
Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni tqis li l-oneru tal-prova impost fuq ir-rikorrenti huwa partikolarment diffiċli. Hija r-rikorrenti li għandha tirribatti l-preżunzjoni ta’ legalità li tibbenefika minnha d-deċiżjoni kkontestata billi tressaq elementi li jistgħu jikkonfutaw l-evalwazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata.
86
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tindika, minn naħa, li l-għan kulturali ta’ l-għajnuna kkontestata ma ġiex ikkonfutat mir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, li l-għajnuna kkontestata ma kkumpensatx iżżejjed l-ispejjeż li huma inerenti ma’ l-attività in kwistjoni, minkejja li l-faxxiklu ppreżentat mill-awtoritajiet Franċiżi mhuwiex nieqes minn aspetti dgħajfa u ma jippreżenta ebda garanzija ta’ kif intużaw eżattament is-somom kollha.
87
Fil-fatt il-Kummissjoni hija tal-fehma li, li kieku l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw minn qabel faxxiklu komplut fejn jiggarantixxu b’mod assolut li s-somom imħallsa għamlu tajjeb biss għall-ispejjeż żejda marbuta ma’ l-inkarigi tas-servizz pubbliku li kellu CELF, hija setgħet tikkonkludi, billi tirreferi għas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, li ma kienx hemm għajnuna mill-Istat.
88
Il-Kummissjoni ssostni li l-provi prodotti mir-rikorrenti sabiex tikkontesta l-eżistenza ta’ ness suffiċjenti bejn l-għajnuna mogħtija u l-ordinijiet żgħar huma ta’ natura ġenerika ħafna. Dawn il-provi kienu intiżi sabiex jinnegaw dak li huwa evidenti, jiġifieri, li l-ispejjeż involuti fl-ipproċessar ta’ l-ordnijiet żgħar huma ogħla minn dawk involuti fl-ipproċessar ta’ l-ordnijiet kbar. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għal dokument intitolat “CELF — profittabbiltà ta’ CELF”, li jelenka fid-dettall il-kawżi ta’ l-ispejjeż addizzjonali marbuta ma’ l-ipproċessar ta’ ordnijiet żgħar, fejn dawn ta’ l-aħħar jirrapreżentaw kważi nofs l-ordnijiet ta’ CELF.
89
L-ewwel nett, fir-rigward ta’ l-allegati strataġemmi ta’ kontabbiltà, il-Kummissjoni ssostni li l-użu ta’ koeffiċjenti multiplikaturi huwa ġġustifikat, peress li l-ispejjeż ta’ l-ipproċessar għal kull ktieb huma, skond l-awtoritajiet Franċiżi, medjament ogħla b’madwar 50 % għall-ordnijiet żgħar meta mqabbla ma’ ordnijiet oħra. L-użu ta’ koeffiċjenti multiplikaturi ġie spjegat fid-detall f’ittra tal-Gvern Franċiż tal-5 ta’ Marzu 1998.
90
It-tieni nett, fir-rigward tat-teħid in kunsiderazzjoni tat-teletrażmissjoni, il-Kummissjoni tfakkar li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi fl-1998 u emendati fl-2003. Il-prezz emendat għall-ordni żgħira sar ta’ EUR 27.20 għal kull ktieb u mhux iktar ta’ EUR 27.44 għal kull ktieb. Bħala paragun, l-ispejjeż marbuta ma’ ordnijiet normali kienu jammontaw għal EUR 18.44 għal kull ktieb.
91
Il-Kummissjoni ssostni li kull ordni żgħira, kemm teletrażmessa jew le, timplika spejjeż addizzjonali. Per eżempju, meta l-kotba huma maħżuna, ordni żgħira tieħu l-istess spazju bħal dak ta’ ordni kbira, ħaġa li ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti.
92
Barra minn hekk, in-numru medju ta’ kotba għal kull linja huwa kważi darbtejn inqas fil-każ ta’ ordnijiet żgħar, u dan iżid l-ispejjeż rispettivament.
93
It-tielet nett, fir-rigward tal-kriterji ta’ tqassim (‘sharing keys’), il-Kummissjoni tikkunsidra li n-numru ta’ fatturi maħruġa, aktar milli n-numru ta’ kotba, huwa l-aħjar kriterju sabiex jiġu kkalkolati l-ispejjeż tal-kontabbiltà marbuta ma’ ordnijiet żgħar. Min-naħa l-oħra, in-numru ta’ kotba huwa iżjed rilevanti għas-servizzi l-oħra. Minbarra dan, il-Kummissjoni tesponi li l-argument tar-rikorrenti dwar l-istrataġemmi ta’ kontabbiltà ta’ CELF huwa essenzjalment (kważi żewġ terzi ta’ l-ispejjeż kif emendati) ibbażat fuq din il-kritika infondata tal-kriterji ta’ tqassim.
94
Ir-Repubblika Franċiża ssostni li CELF ibbenefikat mill-għajnuna kkontestata minħabba l-għan ta’ interess ġenerali tagħha li jikkonsisti fil-fatt li jiġu sodisfatti l-ordnijiet mhux profitabbli magħmula minn bejjiegħa tal-kotba barranin.
95
Ir-Repubblika Franċiża tqis li l-allegati żbalji esposti mir-rikorrenti ma jikkonfutawx l-eżattezza materjali tal-fatti kkonstatati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Ma jkunx raġonevoli li jiġi sostnut li l-ispejjeż involuti fl-ipproċessar ta’ l-ordinijiet iż-żgħar mhumiex konsiderevolment ikbar minn dawk involuti fl-ipproċessar ta’ ordnijiet oħra. Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Franċiża tesponi li mhux bilfors ikun hemm rabta bejn l-ordnijiet żgħar u l-pubblikaturi żgħar.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
96
Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 87(3) KE, il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet ekonomiċi u soċjali kumplessi, li għandhom isiru f’kuntest Komunitarju. L-istħarriġ ġudizzjarju tal-mod ta’ kif din is-setgħa għandha tiġi eżerċitata għandu jkun limitat għall-verifika ta’ l-osservanza tar-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni u kif ukoll għall-verifika ta’ l-eżattezza materjali tal-fatti kkonstatati u li ma kienx hemm żball ta’ liġi, żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti jew abbuż tal-poter (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Italja vs Il-Kummissjoni, C-372/97, Ġabra p. I-3679, punt 83). B’mod partikolari, il-qorti Komunitarja mhijiex kompetenti li tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha minflok dik ta’ l-awtur tad-deċiżjoni (sentenza ta’ l-14 ta’ Jannar 1997, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-169/95, Ġabra p. I-135, punt 34).
97
Sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti li huwa ta’ natura tali li jista’ jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-provi miġjuba mir-rikorrenti għandhom ikunu suffiċjenti sabiex iwaqqgħu l-kredibbiltà ta’ l-evalwazzjonijiet tal-fatti kkonstatati fid-deċiżjoni in kwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, T-380/94, Ġabra p. II-2169, punt 59, u ta’ l-1 ta’ Lulju 2004, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, T-308/00, Ġabra p. II-1933, punt 138).
98
Għalhekk, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, hija l-Kummissjoni li għandha tassigura li l-għanijiet tal-kompetizzjoni libera jiġu rrikonċiljati ma’ dawk tad-deroga, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, b’analoġija, is-sentenza AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, iċċitata, punt 54). Għalhekk, mhuwiex permess li l-Istati Membri jagħmlu pagamenti li jwasslu għal titjib tas-sitwazzjoni ta’ l-impriża benefiċjarja ta’ l-għajnuna mingħajr ma dawn ikunu neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet ipprovduti fl-Artikolu 87(3) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris vs Il-Kummissjoni, 730/79, Ġabra p. 2671, punt 17).
99
B’mod partikolari, l-għajnuna għall-operat, jiġifieri l-għajnuna li hija intiża li teħles impriża mill-ispejjeż li normalment ikollha tbati hija stess fil-kuntest tal-ġestjoni tagħha jew ta’ l-attivitajiet abitwali tagħha, ma taqax, bħala prinċipju, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87(3) KE. Fil-fatt, din l-għajnuna, bħala prinċipju, tfixkel il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-setturi fejn hija tingħata mingħajr ma tkun kapaċi, madankollu, minnha nnifisha, li tilħaq wieħed mill-għanijiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet derogatorji msemmija iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata, punt 50; tas-6 ta’ Novembru 1990, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-86/89, Ġabra p. I-3891, punt 18, u tal-15 ta’ Mejju 1997, Siemens vs Il-Kummissjoni, C-278/95 P, Ġabra p. I-2507, punt 37; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Ġunju 1995, Siemens vs Il-Kummissjoni, T-459/93, Ġabra p. II-1675, punt 48).
100
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti rrnexxielhiex turi li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward ta’ l-eżami dwar jekk l-għajnuna kkontestata hijiex kompatibbli mas-suq komuni.
101
Fil-kawża preżenti, l-għajnuna in kwistjoni kellha bħala għan il-promozzjoni tal-lingwa u l-letteratura Franċiżi permezz ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens ta’ l-ispejjeż addizzjonali involuti fl-ipproċessar ta’ l-ordnijiet iż-żgħar (premessi 44 u 45 tad-deċiżjoni kkontestata).
102
Għalhekk, il-Kummissjoni ddikjarat l-għajnuna kkontestata bħala kompatibbli mas-suq komuni wara li evalwat l-għanijiet tal-promozzjoni tal-kultura Franċiża minn naħa, u dawk tal-ħarsien tal-kompetizzjoni libera, min-naħa l-oħra. F’dan ir-rigward hija ħadet in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-fatt li l-għajnuna mogħtija minn Franza ma kinitx ikkumpensat iżżejjed, l-ispejjeż marbuta ma’ l-ipproċessar ta’ l-ordnijiet żgħar.
103
Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni stmatx iktar milli mistħoqq l-ispejjeż imsemmija iktar ’il fuq, b’tali mod li l-ammont ta’ għajnuna mogħtija huwa manifestament ogħla mill-ispejjeż marbuta ma’ l-ipproċessar ta’ l-ordnijiet żgħar, u għalhekk, mar lil hinn mill-persegwiment ta’ l-għan waħdieni kulturali kopert mid-deroga ta’ l-Artikolu 87(3)(d) KE li ġie identifikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.
104
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti essenzjalment issostni żewġ argumenti prinċipali. L-ewwel nett, hija tqis li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkalkolat l-ispejjeż marbuta direttament ma’ l-ordnijiet żgħar matul il-perijodu kollu li fih ingħatat l-għanjuna kkontestata biss fuq il-bażi ta’ estrapolazzjoni mid-data tas-sena 1994. It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, fi kwalunkwe każ, il-kalkolu ta’ l-ispejjeż għas-sena 1994, huwa żbaljat.
105
Jekk it-tieni argument tar-rikorrenti huwa fondat, ma jkunx neċessarju li jiġi eżaminat l-ewwel argument. Fil-fatt, il-korrettezza tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni għall-perijodu kollu in kwistjoni, ibbażati fuq estrapolazzjoni mid-data tas-sena 1994, tiddependi fuq jekk il-konklużjonijiet tagħha għal dik is-sena humiex korretti. Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward ta’ l-analiżi ta’ l-għajnuna li CELF irċeviet fl-1994.
106
F’dan ir-rigward, ir-rikkorrenti essenzjalment issostni li l-ispejjeż marbuta direttament ma’ l-ipproċessar ta’ l-ordnijiet żgħar kienu ġew arbitrarjament stmati iktar milli mistħoqq mill-Kummissjoni permezz ta’ tliet mekkaniżmi, jiġifieri koeffiċjenti multiplikaturi mhux ġustifikati, teħid in kunsiderazzjoni żbaljat tal-metodi konkreti ta’ eżekuzzjoni ta’ l-ordnijiet u kriterji ta’ tqassim żbaljati. Ir-rikorrenti tqis li, minn dan il-fatt, parti importanti ta’ l-ispejjeż marbuta ma’ attivitajiet oħra ta’ CELF ġew allokati għall-ipproċessar ta’ l-ordnijiet żgħar. Minn dan ir-rikorrenti tikkonkludi li fir-realtà l-għajnuna kkontestata ntużat għall-iffinanzjar ta’ l-operat globali ta’ CELF.
107
Għandu jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni kkalkolat l-ispejjeż marbuta direttament ma’ l-ipproċessar ta’ l-ordnijiet żgħar abbażi ta’ l-ispjegazzonijiet ipprovduti mir-Repubblika Franċiża fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami ta’ l-għajnuna kkontestata. Abbażi ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet, hija qieset, fil-premessa 206 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ispejjeż ta’ l-ipproċessar ta’ l-ordnijiet żgħar kienu jammontaw għal FRF 44446706 (EUR 677895.96), filwaqt li l-fatturat magħmul minn din l-attivita’ kien ta’ FRF 2419006 (EUR 368775.09). Konsegwentement, peress li s-somma globali ta’ l-għajnuna mogħtija lil CELF fl-1994 kienet ta’ FRF 2000000 (EUR 304898.03), il-Kummissjoni kkonkludiet li f’dik is-sena kien hemm telf ta’ FRF 27700 fir-riġward ta’ l-attività relatata ma’ l-ordinijiet żgħar u li, għalhekk, l-għajnuna rċevuta ma kinitx ta’ natura tali li tikkumpensa żżejjed, l-ispejjeż involuti f’din l-attività (premessi 206 u 207 tad-deċiżjoni kkontestata).
108
Barra minn hekk, il-Kummissjoni spjegat il-metodu li bih hija kkalkolat l-ispejjeż marbuta direttament ma’ l-ipproċessar ta’ l-ordnijiet żgħar fl-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata. L-ewwel nett, dan l-Anness huwa magħmul minn tabella li tinkludi l-kategoriji differenti ta’ l-ispejjeż marbuta ma’ l-attivitajiet ta’ aġent għall-esportazzjoni ta’ CELF fosthom il-prezz tax-xiri tal-kotba, l-ispejjeż tal-persunal, l-ispejjeż ġenerali, eċċ. kif ukoll l-ispejjeż li, f’kull waħda minn dawn il-kategoriji, għandhom ikunu, skond il-Kummissjoni, sostnuti minn CELF fl-ipproċessar ta’ l-ordnijiet żgħar. It-tieni nett, l-Anness in kwistjoni jinkludi kummenti u spjegazzjonijiet dwar il-metodu li bih uħud minn dawn l-spejjeż ġew attribwiti lill-ipproċessar ta’ l-ordnijiet żgħar u mhux lill-attivitajiet l-oħra ta’ CELF.
109
Mill-Anness in kwistjoni, jirriżulta li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-ispejjeż veri ta’ l-ipproċessar ta’ l-ordnijiet żgħar. Kuntrarjament, il-Kummissjoni wettqet analiżi ta’ dawn l-ispejjeż abbażi ta’ l-ispejjeż globali sostnuti minn CELF għal kull kategorija. Sabiex tagħmel dan, il-Kummissjoni allokat parti mill-ispejjeż globali għall-ipproċessar ta’ l-ordnijiet żgħar permezz ta’ kriterju ta’ tqassim predeterminat, u kif tindika r-rikorrenti, mhux neċessarjament identika għal kull kategorija. Għalhekk, per eżempju, sabiex tikkalkula l-prezz tax-xiri tal-kotba li jaqgħu taħt l-ordnijiet żgħar, il-Kummissjoni ddividiet il-prezz globali tal-kotba mixtrija minn CELF bin-numru ta’ dawn il-kotba. Sussegwentement, hija mmultiplikat din is-somma, jiġifieri l-prezz medju għal kull ktieb, bin-numru ta’ kotba li kienu s-suġġett ta’ ordnijiet żgħar.
110
Għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni użat metodu differenti meta hija kkalkulat il-fatturat li CELF għamlet mill-ordnijiet żgħar. F’dan il-każ, hija ma llimitatx ruħha li tikkalkula l-fatturat medju għal kull ktieb u li timmultiplika din iċ-ċifra bin-numru ta’ kotba implikati fin-negozju in kwistjoni, imma ħadet in kunsiderazzjoni l-fatturat reali.
111
Għandu jiġi osservat li, li kieku l-Kummissjoni kkalkulat il-fatturat permezz tan-negozju ta’ l-ordnijiet żgħar skond il-metodu li hija użat sabiex tikkalkula l-prezz tax-xiri tal-kotba li jaqgħu taħt l-ordnijiet żgħar, il-fatturat li kien jirriżulta kien ikun wisq ogħla minn dak li ġie kkalkulat fid-deċiżjoni kkontestata, u dan kien ikollu impatt fuq il-kwalifika ta’ l-għajnuna kkontestata bħala eċċessiva meta mqabbla ma’ l-għan kulturali kopert mid-deroga ta’ l-Artikolu 87(3)(d) KE li ġie identifikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, minn din ta’ l-aħħar, b’mod partikolari mit-tabelli 3(a), 3(b) u 3(c), kif ukoll mit-tabella 4, jirriżulta li l-prezz medju attwali tal-kotba mibjugħa fil-kuntest ta’ l-ordnijiet żgħar huwa wisq inqas mill-prezz medju attwali tal-kotba mibjugħa minn CELF.
112
Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li għandha tissokta bl-analiżi tad-deċiżjoni kkontestata billi twarrab il-kunsiderazzjoni preċedenti.
113
Mill-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li, għal ċerti kategoriji ta’ spejjeż, il-Kummissjoni mmultiplikat iċ-ċifra kkalkulata skond il-metodu deskritt fil-punt 110 b’koeffiċjent determinat sabiex tistabbilixxi l-prezz definittiv attribwit lill-ordnijiet żgħar. Għalhekk, il-prezzijiet elenkati taħt is-sezzjonijiet “Riċeviment (tal-kotba), xogħol dirett” u “Dipartiment tal-Bejgħ, xogħol dirett” ġew ikkalkulati abbażi ta’ prezz medju għal kull ktieb għal kull waħda minn dawn is-sezzjonijiet. Dan il-prezz medju għal kull ktieb ġie mmultiplikat bin-numru ta’ kotba li kienu s-suġġett ta’ ordnijiet żgħar. Sussegwentement, din iċ-ċifra reġgħet ġiet immultiplikata bi tlieta sabiex jiġi kkalkulat il-prezz definittiv marbut ma’ l-ipproċessar ta’ l-ordinijiet żgħar għas-sezzjoni in kwistjoni.
114
Skond il-Kummissjoni, l-applikazzjoni ta’ fattur ta’ multiplikazzjoni “tlieta” huwa ġustifikat mid-diffikultajiet addizzjonali li jimplika l-ipproċessar ta’ l-ordnijiet żgħar meta mqabbel man-negozju l-ieħor ta’ CELF.
115
Fil-fatt, il-Kummissjoni qieset li dawn l-ispejjeż kellhom jiżdiedu għall-ordnijiet żgħar, peress li, ikun x’ikun l-ammont ta’ l-ordni, l-operatur li jipproċessaha għandu neċessarjament jirrepeti, għal kull ordni, numru ta’ operazzjonijiet materjali. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-koeffiċjenti multiplikaturi jippermettu li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-ispejjeż addizzjonali marbuta ma’ l-ordnijiet żgħar.
116
B’mod partikolari, fir-rigward tas-sezzjoni “Riċeviment (tal-kotba) xogħol dirett”, fl-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ġġustifikat l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur “tlieta” bil-fatt li r-riċeviment tax-xogħlijiet ta’ pubblikaturi jew distributuri kbar huwa awtomatizzat bil-kodiċi EAN, li jippermetti l-identifikazzjoni tal-ktieb permezz ta’ scan ottiku. Hija sostniet li, bil-kontra ta’ dan, ta’ spiss xogħlijiet ippubblikati minn pubblikaturi żgħar m’għandhomx kodiċi (bar code), u dan jimplika identifikazzjoni manwali. Barra minn hekk, hija ssostni li l-pubblikaturi l-kbar jikkunsinnaw lill-klijenti minn Pariġi permezz ta’ kontribuzzjoni għall-ispejjeż ta’ trasport stabbiliti mill-assoċjazzjoni tal-kummerċ, jiġifieri FRF 0.75 għal kull kilo (EUR 0.11 għal kull kilo), filwaqt li l-prezz imħallas lill-messaġġiera huwa ta’ FRF 6.5 għal kull kilo (EUR 0.99 għal kull kilo) għall-pakketti użati għal xogħlijiet ta’ distributuri żgħar. Madankollu, din l-informazzjoni tista’ tikkonċerna biss il-kategorija ta’ spejjeż ta’ trasport tax-xiri u tal-messaġġieri li fir-rigward tagħhom, kif se jiġi kkonstatat iktar ’il quddiem (punt 128), ma kellu jiġi applikat l-ebda fattur multiplikatur, minn ta’ l-inqas parzjalment, kif jirriżulta mill-ittra li l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu lill-Kummissjoni fil-11 ta’ Marzu 2003.
117
Fir-rigward ta’ l-ispejjeż miġbura taħt is-sezzjoni “Dipartiment tal-Bejgħ, xogħol dirett”, il-Kummissjoni ġġustifikat l-applikazzjoni ta’ fattur multiplikatur “tlieta” fl-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-fatt li fuq il-livell ta’ l-amministrazzjoni tal-bejgħ, l-ordnijiet żgħar jinvolvu pproċessar bi spejjeż ogħla. Il-Kummissjoni spjegat din l-għażla billi ppreċiżat li, per eżempju, fil-każ fejn ikun hemm diffikultajiet marbuta mal-kodifikazzjoni ta’ l-ordnijiet, ikun hemm bżonn li jsir xogħol addizzjonali. Bl-istess mod, il-Kummissjoni indikat li l-fatt li tiġi reġistrata ordni jimplika riċerka minn qabel, jiġifieri l-ISBN, il-katalgu tal-pubblikaturi, diversi databases, verifika tad-disponibbiltà (jew le) tal-ktieb, verifika tal-qbil ta’ l-ordni mal-pubblikatur. F’dan ir-rigward, hija spjegat li fil-każ ta’ diffikultajiet marbuta mal-kwalità tal-formola ta’ l-ordni jiġu kontratti spejjeż addizzjonali. Hija żiedet li tali diffikultajiet huma aktar spissi fil-każ ta’ ordnijiet żgħar, fid-dawl tal-fatt li l-ħwienet tal-kotba l-kbar, li għandhom fatturat konsiderevoli ma’ CELF, ġeneralment jużaw għodda effiċjenti li jippermettulhom iżidu l-effiċjenza tal-ġestjoni tagħhom, u b’mod partikolari, li jittrażmettu ordnijiet li jinkludu elementi ċari ta’ identifikazzjoni. Min-naħa l-oħra, skond il-Kummissjoni, il-ħwienet tal-kotba ż-żgħar mhux dejjem jużaw il-metodi moderni tal-kummerċ internazzjonali u kultant ikun diffiċli li l-ordnijiet tagħhom jiġu ddeċifrati u ma jkunux kompleti, dan jimplika spejjeż addizzjonali ta’ pproċessar.
118
Fir-rigward tal-kategorija ta’ l-ispejjeż ġenerali, li tinkludi, b’mod partikolari, l-ispejjeż ta’ telefonati, ta’ faksijiet, l-ispejjeż tal-ġbir, eċċ., mhuwiex possibbli li abbażi ta’ l-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata jiġi ddeterminat jekk l-ispejjeż attribwiti lill-ordnijiet żgħar ġewx ikkalkulati abbażi tal-prezz medju għal kull ktieb mibjugħ, bħal fil-każ ta’ l-ispejjeż tal-persunal, jew inkella abbażi tal-fatturat magħmul mill-ordnijiet żgħar, bħal fil-każ ta’ ċerti spejjeż fissi indiretti iżolati, jew inkella abbażi tal-prezz medju għal kull fattura li nħarġet, bħal fil-każ ta’ l-spejjeż ġenerali li jinkludu l-ispejjeż tal-provvista amministrattiva. Madankollu, mill-imsemmi Anness jirriżulta b’mod ċar li dak il-kalkolu, irrispettivament mill-metodu ta’ kif sar, ġie mmultiplikat b’koeffiċjent ta’ 2.5.
119
Fl-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ġġustifikat l-applikazzjoni tal-koeffiċjent imsemmi iktar ’il fuq abbażi tal-fatt li l-ispejjeż marbuta mat-telefonati jvarjaw skond fatturi differenti, b’mod partikolari r-“risposti lill-klijenti” u r-“riċerka tal-pubblikaturi”. Hija żiedet li dawn l-ispejjeż jikkonċernaw numru ta’ operazzjonijiet, fosthom ir-riċeviment tal-formola ta’ l-ordni mill-bejjiegħa tal-kotba, il-kodifikazzjoni ta’ l-ordni, ir-reġistrazzjoni ta’ l-ordni u l-kontabbiltà, li l-għan tagħha huwa li tirreġistra l-flussi ta’ l-operazzjonijiet imsemmija.
120
Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk, kif issostni r-rikorrenti, il-kriterji tat-tqassim applikati għall-ordnijiet żgħar u għall-bqija tan-negozju ta’ CLEF għad-diversi kategoriji ta’ l-ispejjeż sostnuti minnha humiex korretti, jekk l-għażla ta’ l-imsemmija koeffiċjenti multiplikaturi hijiex arbitrarja u jekk, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni kellhiex tibqa’ lura milli tapplika l-koeffiċjenti multiplikaturi għall-ordnijiet li ġew teletrażmessi.
121
Skond l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni u mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħhom u waqt is-seduta, ordni teletrażmessa hija ordni rċevuta b’mezz elettroniku, u dan iħaffef l-ipproċessar sussegwenti tagħha meta mqabbel ma’ ordni bil-miktub, peress li din ta’ l-aħħar trid tiġi pproċessata mill-ġdid minn ħaddiem sabiex tiġi adattata għas-sistema amministrattiva, li attwalment hija sistema kompjuterizzata.
122
L-importanza tat-teletrażmissjoni ta’ l-ordnijiet ġiet enfasizzata matul il-proċedura ta’ eżami ta’ l-għajnuna kkontestata. Għalhekk, f’anness mehmuż ma’ l-ittra tar-Repubblika Franċiża lill-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 1998, intitolat “Ġustifikazzjoni tan-natura proporzjonata tas-sussidju”, l-awtoritajiet Franċiżi sostnew li n-nuqqas ta’ teletrażmissjoni jinvolvi, mingħajr ebda dubju, spejjeż addizzjonali fl-ipproċessar ta’ ordni. Għalhekk, l-awtoritajiet Franċiżi sostnew li waħda miċ-ċirkustanzi li tiġġustifika l-fatt li l-ipproċessar ta’ ordnijiet żgħar jimplika spejjeż addizzjonali meta mqabbel ma’ l-ipproċessar ta’ ordnijiet oħra hija li, ta’ spiss, dawn huma indirizzati lill-pubblikaturi żgħar li fir-rigward tagħhom ma jistgħux jintużaw il-proċeduri awtomatiċi ta’ teletrażmissjoni. L-awtoritajiet Franċiżi indikaw, fl-aħħar nett, li t-teletrażmissjoni tippermetti li kull xogħol ikun identifikat permezz ta’ scan ottiku.
123
Bl-istess mod, kif ġie indikat (ara l-punti 114 sa 119 iktar ’il fuq), fl-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, fil-punti 2, 4 u 9 tal-kunsiderazzjonijiet u l-spjegazzjonijiet, il-Kummissjoni ġġustifikat, ripetutament, l-użu tal-koeffiċjenti multliplikaturi abbażi tal-fatt li, ta’ spiss, l-ordnijiet żgħar jeħtieġu pproċessar manwali, peress li r-riċeviment tal-kotba mhuwiex awtomatizzat jew jeżiġi riċerki minn qabel minħabba nuqqas ta’ kodifikazzjoni. Hekk ukoll, sabiex tiġġustifika l-użu ta’ koeffiċjenti għall-ispejjeż ġenerali, bħat-telefon, il-faks u spejjeż tal-ġbir, il-Kummissjoni invokat il-fatt li kien meħtieġ xogħol addizzjonali sabiex dawn jiġu kkodifikati.
124
Għalhekk, huwa manifestment inkoerenti li, minn naħa, jiġi sostnut li n-nuqqas ta’ teletrażmissjoni huwa sors ta’ spejjeż addizzjonali u li, fl-istess ħin, min-naħa l-oħra jiġi applikat koeffiċjent multiplikatur identiku fir-rigward ta’ l-ordnijiet teletrażmessi u ta’ dawk mhux teletrażmessi.
125
Fil-fatt, fir-rigward tan-nuqqas tat-teletrażmissjoni, ikun aċċettabbli li jiġi applikat fattur multiplikatur għall-ispejjeż iġġenerati mill-ipproċessar ta’ l-ordnijiet żgħar, f’dak il-każ biss fejn it-teletrażmissjoni kienet ċertament inqas użata fost l-ordnijiet żgħar milli fost ordnijiet oħra. Tali sitwazzjoni tirriżulta mill-anness ta’ l-ittra tar-Repubblika Franċiża lill-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 1998, intitolat “Ġustifikazzjoni tan-natura proporzjonata tas-sussidju”. Fil-fatt, l-awtoritajiet Franċiżi informaw lill-Kummissjoni li terz biss ta’ l-ordnijiet żgħar kienu teletrażmessi, filwaqt li teletrażmissjoni ta’ ordnijiet oħra ta’ CELF tkopri iktar minn 58 % ta’ l-ordnijiet. Dawn iċ-ċifri servew bħala bażi għall-analiżi ta’ l-ispejjeż ta’ l-ipproċessar ta’ l-ordnijiet żgħar magħmula mill-Kummissjoni.
126
Madankollu, kif ammettiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 212), l-awtoritajiet Franċiżi, fl-ittra ċċitata iktar ’il fuq tal-5 ta’ Marzu 1998, biddlu l-perċentwali ta’ l-ordnijiet teletrażmesi ma’ dak ta’ l-ordnijiet mhux teletrażmessi. Iċ-ċifri korretti għall-ordnijiet żgħar juru li żewġ terzi ta’ l-ordnijiet kienu teletrażmessi u terz ta’ l-ordnijiet ma kinux teletrażmessi. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li, fl-1994, it-teletrażmissjoni ntużat iktar fl-ipproċessar ta’ l-ordnijiet żgħar milli f’attivitajiet oħra ta’ CELF, kif ammettew l-awtoritajiet Franċiżi u kif informaw b’dan lill-Kummissjoni b’ittra tal-11 ta’ Marzu 2003.
127
Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 212), il-Kummissjoni kkunsidrat li l-iżball ta’ l-awtoritajiet Franċiżi, li hija rrepetiet fil-kalkoli tagħha stess, ma kellux konsegwenzi ta’ natura tali li jikkonfutaw il-proporzjonalità ta’ l-għajnuna kkontestata, peress li l-impatt finanzjarju tal-bidla ta’ l-ordnijiet teletrażmessi ma’ l-ordnijiet li ma kinux teletrażmessi kien jirrappreżenta s-somma żgħira ta’ EUR 0.24 għal kull ktieb. Din il-konklużjoni tittratta mill-ġdid l-ispjegazzjonijiet ippreżentati mill-awtoritajiet Franċiżi fl-Anness 1 ta’ l-ittra tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Marzu 2003. Skond dawn l-ispjegazzjonijiet, hija biss kategorija waħda ta’ spejjeż, jiġifieri dik tal-messaġġieri, li kienet milquta mill-imsemmija bidla, safejn koeffiċjent multiplikatur kien indebitament ġie applikat għall-ispejjeż attribwiti lill-ordnijiet żgħar.
128
Kif sostniet ir-rikorrenti waqt is-seduta, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tikkonsisti, minn naħa, f’li taċċetta ċ-ċifri li l-awtoritajiet Franċiżi pprovdew fl-ittra tagħhom tal-5 ta’ Marzu 1998, li essenzjalment, kienu bbażati fuq il-premessa li r-rata baxxa tat-teletrażmissjoni ta’ l-ordnijiet żgħar kienet il-kawża, fil-parti l-kbira, ta’ l-ispejjeż addizzjonali ta’ l-ipproċessar tagħhom, u min-naħa l-oħra, li taċċetta u tikkonferma l-pożizzjoni li l-awtoritajiet Franċiżi esponew fl-ittra tal-11 ta’ Marzu 2003, jiġiefieri dik li tgħid li żewġ terzi, minflok terz ta’ l-ordnijiet żgħar, kienu teletrażmessi għandha biss effett negliġibbli fuq in-natura proporzjonata ta’ l-għajnuna kkontestata hija manifestament inkonsistenti.
129
Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija wkoll manifestament żbaljata. Fil-fatt, kif jirriżulta b’mod ċar mill-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata, kemm l-allegata rata baxxa ta’ teletrażmissjoni ta’ l-ordnijiet żgħar kif ukoll id-diffikultajiet ta’ l-ipproċessar tagħhom, li kienu, bħala prinċipju, fil-biċċa l-kbira solvuti bis-saħħa tat-teletrażmissjoni, ġew użati bħala elementi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tad-diversi koeffiċjenti multiplikaturi. Għaldaqstant, l-argument li l-bidla tal-perċentwali tat-teletrażmissjoni ta’ l-ordnijiet żgħar affettwa biss l-ispejjeż tal-messaġġiera mhuwiex ibbażat fuq il-fatti.
130
Għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta applikat, fl-evalwazzjoni inizjali tagħha ta’ l-ispejjeż marbuta ma’ l-ipproċessar ta’ l-ordnijiet żgħar, koeffiċjenti multiplikaturi li l-ġustifikazzjoni tagħhom hija bbażata fuq diffikultajiet tekniċi addizzjonali ta’ l-ipproċessar, li jistgħu jissolvew bis-saħħa tat-teletrażmissjoni. Dan kien manifestament il-każ fir-rigward ta’ l-ispejjeż tar-riċeviment tal-kotba, tax-xogħol dirett fid-dipartiment kummerċjali u ta’ l-ispejjeż tat-telefon, tal-faks u tal-ġbir. Fid-dawl tal-kontenut tat-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, dan kien ukoll il-każ fir-rigward ta’ l-ispejjeż tal-messaġġiera.
131
Sabiex jiġi vverifikat l-impatt li dan l-iżball kellu fuq l-evalwazzjoni, tal-karattru mhux eċċessiv ta’ l-għajnuna kkontestata, li l-Kummissjoni għamlet fid-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lill-Kummissjoni tipprovdilha kalkolu ta’ l-ispejjeż marbuta ma’ l-ordnijiet żgħar mingħajr koeffiċjenti multiplikaturi.
132
Il-Kummissjoni ma pprovdietx ċifra eżatta bħala tweġiba għal din il-mistoqsija. Madankollu, mir-risposta tagħha jirriżulta b’mod ċar li, fin-nuqqas ta’ l-imsemmija koeffiċjenti, l-ispejjeż marbuta ma’ l-ipproċessar ta’ l-ordnijet żgħar naqsu b’iktar minn FRF 3635000 (EUR 96805.13), anke jekk ma jittiħdux in kunsiderazzjoni l-kategoriji ta’ l-ispejjeż l-oħra li fir-rigward tagħhom ma ġiex applikat il-koeffiċjent “tlieta”.
133
Għalhekk, fin-nuqqas ta’ l-applikazzjoni ta’ koeffiċjenti multiplikaturi, il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi, abbażi ta’ ċifri li hija użat fl-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata, li l-għajnuna rċevuta minn CELF ma kinitx ta’ natura tali li tikkumpensa żżejjed, l-ispejjeż iġġenerati mill-ipproċessar ta’ l-ordnijiet żgħar. Fil-fatt, mingħajr l-applikazzjoni ta’ koeffiċjenti multiplikaturi, il-profitt mill-operat ta’ din l-attività kien ikun ogħla b’iktar minn FRF 600000.
134
Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, anke jekk jiġi meqjus li l-Kummissjoni setgħet tapplika koeffiċjent multiplikatur għall-kategoriji ta’ spejjeż iċċitati fil-punt 130 iktar ’il fuq, xorta waħda jibqa l-fatt li hija wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta applikat l-imsemmija koeffiċjenti multiplikaturi wkoll għall-ordnijiet teletrażmessi, fid-dawl tal-fatt li dawn l-ordnijiet ma jimplikawx dawk id-diffikulatjiet li ġew invokati bħala ġustifikazzjoni prinċipali ta’ l-imsemmija koeffiċjenti multiplikaturi.
135
Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, iż-żewġ terzi taż-żieda ta’ l-ispejjeż li rriżultaw mill-applikazzjoni tal-koeffiċjenti multiplikaturi huma r-riżultat ta’ evalwazzjoni manifestament żbaljata.
136
Għaldaqstant, ir-rikorrenti hija ġġustifikata meta ssostni li l-Kummissjoni stmat iktar milli mistħoqq l-ispejjeż marbuta ma’ l-ipproċessar ta’ l-ordnijet żgħar li kienu effettivament sostnuti minn CELF u li kienu meqjusa li ġew ikkumpensati tajjeb u b’mod proporzonat mill-għajnuna kkonstestata.
137
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-eżami tal-komptabbiltà ta’ l-għajnuna kkontestata, għandha tiġi milqugħa.
138
Għalhekk, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti u l-motivi l-oħra tar-rikorrenti, l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, għandha tiġi annullata.
Fuq l-ispejjeż
139
Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.
140
Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha, skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1)
L-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/262/KE, ta’ l-20 ta’ April 2004, dwar l-għajnuna mogħtija minn Franza lill-Coopérative d’exportation du livre français (CELF) hija annullata.
2)
Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess, kif ukoll dawk sostnuti mis-Société internationale de diffusion et d’édition SA (SIDE).
3)
Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Jaeger
Tiili
Tchipev
Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ April 2008.
E. Coulon
Reġistratur
M. Jaeger
President
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Top