EUR-Lex -  62014CC0015 - MT
Karar Dilini Çevir:

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit-22 ta’ Jannar 2015 ( 1 )

Kawża C‑15/14 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

MOL Magyar Olaj- és Gázipari Nyrt.

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Ftehim konkluż bejn l-Istat Ungeriż u l-kumpannija taż-żejt u tal-gass MOL dwar it-tariffi tax-xogħol fil-minjieri marbuta mal-estrazzjoni tal-idrokarburi — Emenda leġiżlattiva ulterjuri li żżid ir-rati tat-tariffi tax-xogħol fil-minjieri — Żieda mhux applikata għal MOL — Eżistenza ta’ vantaġġ selettiv”

1. 

Permezz ta’ dan l-appell, il-Kummissjoni Ewropea trid tikseb l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea MOL vs Il‑Kummissjoni ( 2 ), li permezz tagħha din tal-aħħar annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/88/UE, tad-9 ta’ Ġunju 2010, dwar l-għajnuna mill-Istat C 1/09 (ex NN 69/08) mogħtija mill-Ungerija lil MOL Nyrt. ( 3 ).

2. 

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba prinċipalment biex tiddetermina jekk il-Qorti Ġenerali kinitx korretta meta kkonkludiet li għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata abbażi li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet in-natura selettiva tal-miżura kkontestata, li l-karatteristika oriġinali tagħha tinsab fit-teħid flimkien ta’ ftehim tariffarju konkluż bejn l-Istat u impriża partikolari ma’ emenda leġiżlattiva ulterjuri ta’ żieda tat-tariffa mhux applikabbli għal dik l-impriża. Din il-kawża b’mod iktar ġenerali toffri l-opportunità li jiġu pprovduti ċerti preċiżjonijiet dwar il-parametri li għandhom jiġu adottati fl-eżami tal-kundizzjoni ta’ selettività li tikkostitwixxi l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” li jirriżulta mill-Artikolu 107(1) TFUE.

I – Il-fatti li wasslu għall-kawża

3.

Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżulta mis-sentenza appellata, jistgħu jitqassru kif ġej.

4.

MOL Magyar Olaj- és Gázipari Nyrt. (iktar ’il quddiem “MOL”), hija kumpannija stabbilita f’Budapest (l-Ungerija), li l-attivitajiet prinċipali tagħha huma t-tfittix għal u l-produzzjoni ta’ żejt mhux raffinat, ta’ gass naturali u ta’ prodotti tal-gass, it-trasport, il-ħażna u d-distribuzzjoni ta’ prodotti abbażi ta’ żejt mhux raffinat lill-grossisti u lill-bejjiegħa bl-imnut, it-trasport tal-gass naturali kif ukoll il-produzzjoni u l-bejgħ ta’ alkeni u ta’ poljolefini.

A – Il-Liġi Ungeriża dwar il-minjieri

5.

L-attivitajiet kollha fil-minjieri, fosthom dawk li għandhom x’jaqsmu mal-idrokarburi, huma rregolati fl-Ungerija permezz tal-Liġi XLVIII tal-1993 dwar l-attività ta’ xogħol fil-minjieri ( 4 ). Skont dik il-liġi, il-funzjonijiet ta’ regolamentazzjoni huma eżerċitati mill-Ministru responsabbli għall-minjieri u mill-awtorità inkarigata mill-minjieri, awtorità ċentrali li tissorvelja l-attivitajiet tal-minjieri fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika.

6.

Il-Liġi dwar il-minjieri tipprovdi li l-esplorazzjoni u l-attività ta’ xogħol fil-minjieri jistgħu jsiru taħt żewġ sistemi legali differenti. L-Artikoli 8 sa 19 tal-Liġi dwar il-minjieri jistabbilixxu, għaż-żoni meqjusa rikki b’materjali li jistgħu jiġu estratti abbażi, b’mod partikolari, ta’ data ġeoloġika u kklassifikati bħala “magħluqa” (Artikolu 9(1) tal-Liġi dwar il-minjieri), sistema ta’ konċessjoni, mogħtija wara t-tmiem ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti għal kull żona magħluqa, abbażi ta’ kuntratt iffirmat bejn il-Ministru responsabbli mill-minjieri u l-impriża li tintgħażel fis-sejħa għal offerti (Artikoli 10 sa 12 tal-Liġi dwar il-minjieri). Għal dak li jirrigwarda żoni kklassifikati bħala “miftuħa”, a priori inqas rikki b’materjali li jistgħu jiġu estratti, huma jistgħu jiġu operati taħt il-kopertura ta’ awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtorità inkarigata mill-minjieri, meta l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet legali (Artikolu 5(1)(a) u (4) tal-Liġi dwar il-minjieri).

7.

L-Artikolu 20 tal-Liġi dwar il-minjieri jiddetermina r-regoli li jiffissaw it-tariffi tax-xogħol fil-minjieri li għandhom jitħallsu lill-Istat. L-Artikolu 20(11) tal-Liġi dwar il-minjieri jipprovdi li l-ammont tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri huwa perċentwali ddeterminat, skont il-każ, fil-liġi, fil-kuntratt ta’ konċessjoni jew fil-kuntratt konkluż taħt l-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri. Għal dak li jirrigwarda l-konċessjonijiet, ir-rata tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri hija stabbilita mill-Ministru responsabbli mill-minjieri, li jieħu kont ta’ ċerti parametri msemmija fl-Artikolu 20(8) tal-Liġi dwar il-minjieri. Għall-kuntratt imsemmi fl-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri, ir-rata tat-tariffa hija ddeterminata skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu. Ir-rata tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri hija ffissata mil-Liġi dwar il-minjieri meta l-attività tal-estrazzjoni sseħħ taħt ir-reġim ta’ awtorizzazzjoni (Artikolu 20(2) sa (7) tal-Liġi dwar il-minjieri).

8.

Sal-2008, ir-rata tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri għall-estrazzjoni ta’ idrokarburi, ta’ żejt mhux raffinat u ta’ gass naturali, taħt il-kopertura ta’ awtorizzazzjoni, kienet iffissata għal 12 % tal-valur tal-kwantità prodotta għaż-żoni ta’ depożiti li bdew joperaw mill-1 ta’ Jannar 1998 jew kienet idderivata mill-applikazzjoni ta’ formula matematika li tieħu, b’mod partikolari, kont tal-prezz medju tal-gass naturali mixtri mid-dipartiment pubbliku tal-gass, b’rata minima ta’ 12 %, għaż-żoni ta’ depożiti ta’ gass naturali li bdew joperaw qabel l-1 ta’ Jannar 1998 (Artikolu 20(3)(b) tal-Liġi dwar il-minjieri).

9.

L-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri jipprovdi li meta impriża li topera minjieri li teżerċita l-attività tagħha taħt il-kopertura ta’ awtorizzazzjoni, jiġifieri għal żoni ta’ depożiti li jinsabu f’żoni miftuħa, ma tkunx bdiet topera fil-ħames snin wara l-għoti tal-awtorizzazzjoni, hija tista’ tapplika, għal darba biss, quddiem l-awtorità inkarigata mill-minjieri għal estensjoni ta’ dan it-terminu għal perijodu massimu ta’ ħames snin. F’każ ta’ kunsens mill-imsemmija awtorità, kuntratt bejn il-Ministru responsabbli mill-minjieri u l-impriża li topera minjieri għandu jiddetermina, għaż-żoni ta’ depożiti li ngħataw estensjoni, il-kwantità ta’ materjali li sservi ta’ bażi għall-kalkolu tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri u r-rata ta’ din, li għandha tkun ogħla mir-rata applikabbli fid-data tal-applikazzjoni għal estensjoni, mingħajr ma teċċedi 1.2 darba din ir-rata (iktar ’il quddiem it-“tariffa ta’ estensjoni”). Jekk l-applikazzjoni għal estensjoni tkun tirrigwarda iktar minn żewġ żoni ta’ depożiti, ir-rata tat-tariffa ta’ estensjoni hija applikata għaż-żoni kollha ta’ depożiti tal-impriża li topera minjieri permezz ta’ kuntratt ta’ mill-inqas ħames snin (iktar ’il quddiem it-“tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri”). Jekk l-applikazzjoni għal estensjoni tkun tirrigwarda iktar minn ħames żoni ta’ depożiti, tariffa eċċezzjonali tista’ tintalab għal mhux iktar minn 20 % tal-ammont li għandu jitħallas fuq il-bażi tat-tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri.

B – Il-ftehim ta ’ estensjoni tad-drittijiet ta ’ xogħol fil-minjieri konkluż bejn MOL u l-Istat Ungeriż fl-2005

10.

Fid-19 ta’ Settembru 2005, MOL talbet estensjoni tad-drittijiet tagħha ta’ xogħol fil-minjieri relatati ma’ tnax mid-depożiti ta’ idrokarburi tagħha li huma suġġetti għal awtorizzazzjoni u li l-isfruttament tagħhom kien għadu ma bediex mal-iskadenza tat-terminu ta’ ħames snin li jibda jiddekorri mid-data ta’ ħruġ ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet.

11.

Fit-22 ta’ Diċembru 2005, il-Ministru responsabbli għall-minjieri u MOL iffirmaw ftehim ta’ estensjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri, li kien jirrigwarda t-tnax-il depożitu ta’ idrokarburi (iktar ’il quddiem il-“Ftehim tal-2005”), li l-punt 1 tiegħu jestendi b’ħames snin id-data ta’ skadenza sabiex jinbeda l-isfruttament ta’ dawk it-tnax-il depożitu u jiffissa t-tariffa tal-estensjoni li għandha titħallas minn MOL lill-Istat għal kull waħda mill-ħames snin (12 % × 1050 għall-ewwel sena, jew 12.600 %; 12 % × 1038 għat-tieni sena, jew 12.456 %; 12 % × 1025 għat-tielet sena; jew 12.300 %, kif ukoll 12 % × 1020 għar-raba u l-ħames sena, jew 12.240 %).

12.

Skont il-punt 4 tal-Ftehim tal-2005, it-tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri tapplika għad-depożiti kollha ta’ MOL diġà sfruttati taħt il-kopertura ta’ awtorizzazzjoni, jiġifieri 44 depożitu ta’ idrokarburi li l-produzzjoni tagħhom bdiet wara l-1 ta’ Jannar 1998 u 93 depożitu ta’ gass naturali li l-produzzjoni tagħhom bdiet qabel dik id-data, matul perijodu ta’ ħmistax-il sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim. Ir-rata tat-tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri tal-ħames sena tal-perijodu ta’ estensjoni tapplika sal-ħmistax-il sena. Għal dak li jirrigwarda ż-żoni ta’ depożiti ta’ gass naturali li bdew joperaw qabel l-1 ta’ Jannar 1998, il-koeffiċjent ta’ żieda għal kull waħda mill-ħames snin ta’ estensjoni (ara l-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet) japplika għall-formula matematika ffissata mill-Artikolu 20(3)(b) tal-Liġi dwar il-minjieri, filwaqt li l-koeffiċjent ta’ żieda tal-ħames sena japplika sal-ħmistax-il sena.

13.

Il-punt 6 tal-Ftehim tal-2005 jipprovdi għall-ħlas ta’ tariffa eċċezzjonali ta’ 20 biljun forint Ungeriż (HUF).

14.

Il-punt 9 tal-Ftehim tal-2005 jipprovdi li r-rata tat-tariffa ta’ estensjoni, ir-rata tat-tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri, il-bażi tal-kalkolu, il-perċentwali u kull fattur li jservi għall-kalkolu ta’ dawn it-tariffi huma ddeterminati, matul il-perijodu kollu ta’ dan il-ftehim, permezz tal-klawżoli ta’ dan tal-aħħar biss u li r-rati ddefiniti fil-Ftehim tal-2005 jibqgħu l-istess jew kostanti matul dan il-perijodu kollu.

15.

Skont il-punt 11 tiegħu, il-Ftehim tal-2005 jidħol fis-seħħ fid-data effettiva tar-riżoluzzjoni tal-awtorità inkarigata mill-minjieri. Din l-istess klawżola tipprojbixxi lill-partijiet milli jtemmu b’mod unilaterali l-Ftehim tal-2005, ħlief fil-każ li terz jakkwista iktar minn 25 % tal-kapital ta’ MOL.

16.

Il-Ftehim tal-2005 kien is-suġġett ta’ riżoluzzjoni tal-awtorità inkarigata mill-minjieri, tat-23 ta’ Diċembru 2005, li tapprova l-estensjoni tad-data sa meta dawn it-tnax-il żona ta’ depożiti ta’ idrokarburi msemmija fil-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet kellhom jibdew joperaw kif ukoll il-pagamenti li kellha tagħmel MOL u li kienu ddeterminati mill-imsemmi ftehim.

C – L-emenda tal-Liġi dwar il-minjieri relatata mad-drittijiet ta ’ sfruttament li saret fl-2008

17.

Il-Liġi CXXXIII tal-2007 dwar l-attività ta’ xogħol fil-minjieri li temenda l-Liġi XLVIII tal-1993 ( 5 ), li daħlet fis-seħħ fit-8 ta’ Jannar 2008, temenda r-rata tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri.

18.

Prinċipalment, l-Artikolu 20(3) tal-Liġi emendata dwar il-minjieri jipprovdi rata ta’ 30 % tal-valur tal-kwantità prodotta għaż-żoni ta’ depożiti li bdew joperaw bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2007, l-applikazzjoni tal-formula matematika eżistenti taħt is-sistema tal-Liġi dwar il-minjieri għaż-żoni ta’ depożiti ta’ gass naturali li bdew joperaw qabel l-1 ta’ Jannar 1998, b’rata tariffarja minima ta’ 30 %, u l-applikazzjoni ta’ rata ta’ tariffa tax-xogħol fil-minjieri differenzjata għaż-żoni ta’ depożiti li bdew joperaw wara l-1 ta’ Jannar 2008, skont il-kwantità ta’ żejt mhux raffinat jew ta’ gass naturali estratt, jiġifieri rata ta’ 12 % għal kwantità annwali prodotta li ma teċċedix 300 miljun m3 ta’ gass naturali jew 50 kilo tunnellati (kt) ta’ żejt mhux raffinat, rata ta’ 20 % għal produzzjoni ta’ bejn 300 miljun m3 ta’ gass naturali u 500 miljun m3 ta’ gass naturali jew bejn 50 kt ta’ żejt mhux raffinat u 200 kt ta’ żejt mhux raffinat, u rata ta’ 30 % għal produzzjoni li taqbeż 500 miljun m3 ta’ gass naturali jew 200 kt ta’ żejt mhux raffinat. Fl-aħħar nett, għaż-żoni kollha ta’ depożiti, tkun xi tkun id-data li fiha bdew joperaw, it-tariffa tax-xogħol fil-minjieri dovuta tiżdied bi 3 % jew 6 % jekk il-prezz taż-żejt mhux raffinat Brent jaqbeż 80 dollaru Amerikan (USD) jew 90 USD rispettivament.

19.

L-Artikolu 235 tal-Liġi LXXXI tal-2008 li temenda r-rata ta’ taxxa u ta’ tariffi ( 6 ) jemenda l-Liġi dwar il-minjieri, billi jġib lura għal 12 % ir-rata tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri għad-depożiti sfruttati bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2007 inkluż, u r-rata minima tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri dovuta għad-depożiti ta’ gass naturali sfruttati qabel l-1 ta’ Jannar 1998. Din ir-rakkomandazzjoni daħlet fis-seħħ fit-23 ta’ Jannar 2009.

D – Il-proċedura ta ’ investigazzjoni formali u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

20.

Wara li rċeviet ilment fl-14 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Jannar 2009, innotifikat lill-awtoritajiet Ungeriżi bid-deċiżjoni tagħha li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE dwar il-Ftehim tal-2005, li eżenta lil MOL miż-żieda tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri li rriżultat mil-Liġi emendata dwar il-minjieri (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta ftuħ”). Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li, fid-dawl tal-modalitajiet li bihom tfasslu, il-Ftehim tal-2005 u d-dispożizzjonijiet tal-Liġi emendata dwar il-minjieri kienu jagħmlu parti mill-qafas tal-istess miżura u, wara li evalwat l-impatt komuni tagħhom, hija kkonkludiet li l-Ftehim tal-2005 u l-Liġi emendata dwar il-minjieri kellhom flimkien l-effett li jagħtu vantaġġ inġust lil MOL. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-miżura kienet tissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 87(1) KE u kellha titqies li hija għajnuna mill-Istat u li xejn minnha ma kien jindika li setgħet tkun kompatibbli mas-suq komuni. Id-deċiżjoni ta ftuħ ġiet ippubblikata, flimkien mal-istedina magħmula lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

21.

Permezz ta’ messaġġ elettroniku tad-9 ta’ April 2009, l-Ungerija ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ. L-awtoritajiet Ungeriżi kienu tal-fehma li l-miżura ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, peress li l-Ftehim tal-2005 ma kien ta’ ebda vantaġġ lil MOL u ma kienx selettiv billi ebda trattament preferenzjali favuriha ma kien irriżulta mill-applikazzjoni tal-imsemmi ftehim.

22.

Permezz ta’ żewġ messaġġi elettroniċi tas-27 ta’ April 2009, MOL u l-Magyar Bányászati Szövetség (assoċjazzjoni Ungeriża tax-xogħol fil-minjieri) ippreżentaw l-osservazzjonijiet rispettivi tagħhom dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ. MOL kienet tal-fehma li ma kinitx ipprivileġġata bl-applikazzjoni tal-Ftehim tal-2005, peress li hija ħallset livell ta’ tariffa tax-xogħol fil-minjieri ħafna ogħla minn dik tal-kompetituri tagħha u minn dik li kienet tħallas fl-assenza tal-ftehim, fejn dan tal-aħħar kien konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-minjieri u mal-loġika tagħha. Min-naħa tagħha, il-Magyar Bányászati Szövetség insistiet partikolarment fuq in-neċessità għall-Istat, partikolarment fil-funzjoni tiegħu ta’ leġiżlatur, li josserva l-aspettattivi leġittimi tal-operaturi ekonomiċi u l-prinċipju ta’ ċertezza legali rigward l-istabbiltà fit-tul tar-rati tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri taż-żoni ta’ depożiti li għalihom kienet diġà nħarġet awtorizzazzjoni.

23.

Fid-9 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li tipprovdi li, minn naħa, il-miżura meħuda mill-Ungerija, jiġifieri l-iffissar fil-Ftehim tal‑2005 tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri dovuta minn MOL, flimkien mal-emendi li rriżultaw mil-Liġi emendata dwar il-minjieri, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li hija inkompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 108(3) TFUE u, min-naħa l-oħra, l-Ungerija kellha tirkupra l-għajnuna mingħand MOL.

24.

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-miżura ta’ għajnuna ineżami kienet it-teħid flimkien tal-Ftehim tal-2005 u tal-Liġi emendata dwar il-minjieri, billi l-ewwel wieħed kien jeżenta lil MOL mit-tibdil li sar lit-tariffi tax-xogħol fil-minjieri permezz tat-tieni waħda (premessi 19 u 20). Fil-fehma tagħha, għalkemm il-Ftehim tal-2005 kien konformi mal-Liġi dwar il-minjieri li kienet fis-seħħ f’dak iż-żmien, u l-Istat Membru seta’ jiffissa t-tariffi tax-xogħol fil-minjieri, l-effetti prodotti ma kinux neċessarjament kompatibbli mar-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, minkejja li, meħuda waħedhom, la l-Ftehim tal-2005 u lanqas il-Liġi emendata dwar il-minjieri ma kienu kontra dawn ir-regoli (premessi 52 u 53).

25.

Għal dak li jirrigwarda l-kriterju relatat mas-selettività tal-miżura, il-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li s-sistema ta’ referenza kienet ir-reġim ta’ awtorizzazzjoni, filwaqt li ċaħdet l-argumenti li jipprovdu li d-diversi ftehim li jestendu tali awtorizzazzjonijiet jistgħu jikkostitwixxu sistema ta’ referenza separata (premessi 61 sa 65). Fil-fehma tal-Kummissjoni, ftehim ta’ estensjoni kien “mingħajr dubju” selettiv, billi l-awtoritajiet Ungeriżi kellhom il-flessibbiltà sabiex jiddeċiedu jekk jikkonkludux jew le tali ftehim u sabiex jiffissaw il-komponenti ta’ ħlas inklużi f’tali ftehim (premessa 66). Il-Kummissjoni kompliet tinsisti fuq il-fatti li, minn naħa, MOL kienet ser tibbenefika minn tariffi mnaqqsa sal‑2020 għal kważi ż-żoni kollha ta’ depożiti suġġetti għal awtorizzazzjoni, filwaqt li l-kompetituri tagħha, suġġetti għall-istess reġim u li bdew jipproduċu fit-termini legali, kellhom iħallsu tariffi ogħla (premessa 67) u, min-naħa l-oħra, MOL kienet l-uniku operatur fil-qasam tal-idrokarburi li kisbet estensjoni tad-dritt tagħha tax-xogħol fil-minjieri mogħti lilha fil-kuntest ta’ awtorizzazzjoni, billi l-estensjonijiet l-oħra kienu jirrigwardaw impriżi kkonċernati mill-estrazzjoni ta’ minerali solidi, li għalihom it-tariffi tax-xogħol fil-minjieri ma kinux ġew emendati (premessa 68). Il-Kummissjoni qieset li r-riżultat tal-azzjonijiet inkwistjoni, jiġifieri l-mod li bih l-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri tfassal, il-Ftehim tal-2005 konkluż fuq din il-bażi u l-emendi inklużi fil-Liġi emendata dwar il-minjieri, kien selettiv (premessa 69). Skont il-Kummissjoni, MOL biss kienet suġġetta għal sistema speċifika li kienet tipproteġiha minn kull żieda tat-tariffi tax-xogħol fil-minjieri (premessa 70).

II – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

26.

Permezz ta’ talba ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Ottubru 2010, MOL ippreżentat rikors bil-għan, prinċipalment, li tikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, l-annullament tal-istess deċiżjoni sa fejn din tikkonċerna l-irkupru tal-ammonti kkonċernati.

27.

MOL tissolleva tliet motivi insostenn tar-rikors tagħha, li jallegaw, rispettivament, ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, ksur tal-Artikolu 108(1) TFUE, u tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 ( 7 ) u, finalment, ksur tal-Artikolu 14(1) tal-istess regolament.

28.

Fil-kuntest tal-ewwel motiv, MOL ikkontestat il-kwalifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat.

29.

Il-Qorti Ġenerali eżaminat, b’mod partikolari, it-tieni lment tal-ewwel motiv, dwar l-assenza ta’ selettività tal-imsemmija miżura.

30.

F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali, wara li spjegat l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, u wara li fakkret l-argumenti invokati mill-partijiet f’dan ir-rigward quddiem il-Qorti Ġenerali, irrilevat b’mod partikolari, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE teħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema ġuridika partikolari, miżura statali hijiex ta’ tali natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li jkunu jinsabu, fir-rigward tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli.

31.

Sussegwentement, wara li ppreżentat, fil-punti 56 sa 61 tas-sentenza appellata, l-argumenti ppreżentati mill-Ungerija u minn MOL matul il-proċedura amministrattiva, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 62 tal-istess sentenza, li f’din il-kawża, il-miżura kkontestata hija kkostitwita minn żewġ elementi, jiġifieri, minn naħa, il-Ftehim tal-2005, li jiffissa r-rati tat-tariffi tax-xogħol fil-minjieri tad-depożiti kollha ta’ MOL, li jkunu qegħdin jiġu sfruttati jew estiżi, għal kull waħda mill-ħmistax-il sena tat-tul tal-ftehim, u min-naħa l-oħra, il-Liġi emendata dwar il-minjieri, li żżid ir-rati tat-tariffi tax-xogħol fil-minjieri għad-depożiti kollha ta’ idrokarburi li jkollhom awtorizzazzjoni, mingħajr ma tinkludi dispożizzjoni dwar id-depożiti li diġà kienu suġġetti għal ftehim ta’ estensjoni.

32.

Skont il-Qorti Ġenerali, f’dik il-konfigurazzjoni, il-miżura kkontestata tista’ tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat meta jkun stabbilit li t-termini tal-ftehim konkluż ġew proposti b’mod selettiv mill-Istat lil operatur wieħed jew lil diversi u mhux abbażi ta’ kriterji oġġettivi li jirriżultaw minn test ta’ portata ġenerali u applikabbli għall-operaturi kollha (ara l-punt 66 tas-sentenza appellata). Il-Qorti Ġenerali b’hekk iddeċidiet, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, li t-teħid flimkien ta’ elementi jista’ jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat meta l-Istat jaġixxi b’tali mod li jipproteġi operatur wieħed jew diversi li huma diġà preżenti fis-suq, billi jikkonkludi magħhom ftehim li jagħtihom rati ta’ tariffi ggarantiti għat-tul kollu tal-ftehim, filwaqt li jkollu l-intenzjoni li jeżerċita ulterjorment il-kompetenza regolatorja tiegħu billi jżid ir-rata tat-tariffi b’tali mod li l-operaturi l-oħrajn fis-suq ikunu żvantaġġati, sew jekk ikunu operaturi diġà preżenti fid-data tal-konklużjoni tal-ftehim u sew jekk ikunu operaturi ġodda.

33.

F’dan il-każ, meta titqies, fl-ewwel lok, l-assenza ta’ selettività li tikkaratterizza l-kuntest ġuridiku li jirregola l-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ estensjoni kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet li jiġġustifikaw l-għoti ta’ marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet Ungeriżi matul in-negozjati dwar ir-rati tat-tariffi (ara l-punti 70 sa 74 tas-sentenza appellata) u, fit-tieni lok, l-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni li turi li l-awtoritajiet iffavorixxew lil MOL meta mqabbla ma’ kull impriża oħra f’sitwazzjoni komparabbli (ara l-punti 75 sa 80 tas-sentenza appellata), il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, li n-natura selettiva tal-Ftehim tal-2005 ma tistax titqies li ġiet stabbilita.

34.

Finalment, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, li ż-żieda fit-tariffi permezz tal-Liġi emendata dwar il-minjieri, li daħlet fis-seħħ fl-2008, seħħet f’kuntest ta’ żieda tar-rati globali taż-żejt mhux irraffinat. Hija kkonkludiet li peress li l-Kummissjoni ma invokatx li l-Ftehim tal-2005 kien ġie konkluż fl-antiċipazzjoni ta’ żieda tat-tariffi tax-xogħol fil-minjieri, dan il-ftehim flimkien ma’ din il-liġi emendata ma jistgħux jiġu kklassifikati, b’mod validu, bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE.

35.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors ta’ MOL u annullat id-deċiżjoni kkontestata.

III – It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

36.

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment:

tannulla s-sentenza appellata;

tiċħad ir-rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lil MOL għall-ispejjeż.

sussidjarjament:

tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

tirriżerva l-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

37.

MOL prinċipalment titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

38.

Il-partijiet esponew il-pożizzjonijiet tagħhom bil-miktub u oralment matul is-seduta tat-13 ta’ Novembru 2014.

IV – Analiżi tal-appell

39.

Min-naħa tagħha, il-Qorti Ġenerali, għalkemm indirizzat fil-qosor ( 8 ) il-kwistjoni dwar jekk jeżistux konnessjonijiet bejn is-serje ta’ interventi msemmija mill-Kummissjoni, fl-istħarriġ tagħha tal-eżami tal-kundizzjoni tas-selettività tal-miżura inkwistjoni, ukoll kellha ċerta konfużjoni billi xi kultant irreferiet biss għan-natura selettiva tal-Ftehim tal-2005 ( 9 ), u xi kultant għan-natura selettiva tal-“miżura kkontestata” meħuda fit-totalità tagħha ( 10 ).

40.

Fil-kuntest ta’ dan l-appell, il-Kummissjoni tissolleva aggravju wieħed, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-eżami tal-kundizzjoni dwar is-selettività tal-miżura kkontestata fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

41.

Il-Kummissjoni kkunsidrat li, kif jirriżulta minn bosta siltiet tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat dik il-kundizzjoni b’mod żbaljat. L-argument tagħha jirrigwarda, essenzjalment, erba’ aspetti tas-sentenza appellata.

42.

Qabel ma nindirizza kull wieħed mill-aspetti tal-argument żviluppat mill-Kummissjoni, jidhirli li huwa indispensabbli li jiġu spjegati għadd ta’ kunsiderazzjonijiet dwar is-sens tar-rekwiżit ta’ selettività li jirriżulta mill-Artikolu 107(1) TFUE u dwar il-portata f’konfigurazzjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża.

A – Osservazzjonijiet preliminari dwar is-sens tar-rekwiżit ta ’ selettività li jirriżulta mill-Artikolu 107(1) TFUE u dwar il-portata tiegħu f’konfigurazzjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża

43.

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 107(1) TFUE, ħlief għal derogi maħsuba fit-Trattati, skont l-effett li jkollhom fuq skambji bejn Stati Membri, l-għajnuniet mogħtija mill-Istati, jiġifieri minn riżorsi tal-Istat, ma humiex kompatibbli mas-suq intern fl-ebda forma li tista’ tiffavorixxi xi kumpanniji jew tipi ta’ produzzjoni, bir-riżultat li jfixklu jew jheddu li jfixklu l-kompetizzjoni.

44.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha msemmija f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti ( 11 ).

45.

Għaldaqstant huwa stabbilit sew li, sabiex miżura nazzjonali tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, fl-ewwel lok din għandha tkun intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, fit-tieni lok, dak l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, fit-tielet lok, għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħ

Üyelik Paketleri

Dünyanın en kapsamlı hukuk programları için hazır mısınız? Tüm dünyanın hukuk verilerine 9 adet programla tek bir yerden sınırsız ulaş!

Paket Özellikleri

Programların tamamı sınırsız olarak açılır. Toplam 9 program ve Fullegal AI Yapay Zekalı Hukukçu dahildir. Herhangi bir ek ücret gerektirmez.
7 gün boyunca herhangi bir ücret alınmaz ve sınırsız olarak kullanılabilir.
Veri tabanı yeni özellik güncellemeleri otomatik olarak yüklenir ve işlem gerektirmez. Tüm güncellemeler pakete dahildir.
Ek kullanıcılarda paket fiyatı üzerinden % 30 indirim sağlanır. Çalışanların hesaplarına tanımlanabilir ve kullanıcısı değiştirilebilir.
Sınırsız Destek Talebine anlık olarak dönüş sağlanır.
Paket otomatik olarak aylık yenilenir. Otomatik yenilenme özelliğinin iptal işlemi tek butonla istenilen zamanda yapılabilir. İptalden sonra kalan zaman kullanılabilir.
Sadece kredi kartları ile işlem yapılabilir. Banka kartı (debit kart) kullanılamaz.

Tüm Programlar Aylık Paket

9 Program + Full&Egal AI
Ek Kullanıcılarda %30 İndirim
Sınırsız Destek
350 TL
199 TL/AY
Kazancınız ₺151
Ücretsiz Aboneliği Başlat